This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009AE1704
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions — Food prices in Europe’ (COM(2008) 821 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa” COM(2008) 821 finali
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa” COM(2008) 821 finali
ĠU C 128, 18.5.2010, p. 111–115
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
18.5.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 128/111 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa”
COM(2008) 821 finali
(2010/C 128/21)
Relatur: is-Sur KAPUVÁRI
Nhar id-9 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa
COM(2008) 821 finali.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Settembru 2009.
Matul l-475 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-5 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’75 vot favur, 5 voti kontra u 3 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. Il-ħidma sabiex titjieb il-katina tal-provvista tal-ikel u biex din issir aktar effiċjenti u kompetittiva m’għandhiex timmira li jinkisbu prezzijiet baxxi tal-ikel. Jekk isir dan, il-katina tal-ikel ser tibqa’ sejra fid-direzzjoni l-ħażina, kif qed jiġri fil-preżent. Għandna niżguraw li l-proporzjon tal-prezz skont il-valur jibqa’ f'livell realistiku. L-antiċipazzjoni tal-prezzijiet baxxi fil-katina tal-produzzjoni fl-aħħar mill-aħħar tillimita l-kapaċità għall-investiment u l-innovazzjoni tal-fornituri tal-ikel agroalimentari kif ukoll tal-għażla tal-konsumaturi, u l-Kummissjoni għandha tikkunsidra dawn il-fatturi u l-effetti sekondarji tagħhom fuq medda twila u medja ta’ żmien u tieqaf milli tiffoka biss fuq il-benefiċċji immedjati ta’ prezzijiet baxxi. Ma jkunx ġust li niddikjaraw li prezzijiet baxxi tal-ikel huma fl-interess tal-konsumaturi; anzi, il-konsumaturi jibbenefikaw minn prezzijiet realistiċi li jiżguraw il-kwalità, il-kwantità u s-servizz mistenni minnhom. Madankollu, ikun adegwat approċċ li għandu l-għan li jnaqqas il-volatilità tal-prezzijiet, li jippermetti aktar kredibbiltà u tbassir fil-katina tal-provvista tal-ikel.
1.2. L-Unjoni Ewropea għandha l-interess li tiżgura li, fuq medda twila ta’ żmien, il-konsumaturi jgawdu mill-benefiċċji ta’ prodotti siguri tal-ikel. Sabiex dan iseħħ huwa meħtieġ livell għoli ta’ awtosuffiċjenza. Fl-istess ħin, l-agrikoltura sostenibbli tista’ tiġi żgurata biss permezz ta’ riċerka u żvilupp, innovazzjoni, u żvilupp teknoloġiku, u biex iseħħ dan, ir-riżorsi tal-PAK huma essenzjali. Madankollu, l-aċċess għal dawn ir-riżorsi għandu jiġi organizzat b’tali mod li jħeġġeġ l-adattament għall-kundizzjonijiet tas-suq, filwaqt li jkun obbligatorju li tiġi pprovduta informazzjoni u jkun hemm kooperazzjoni, u l-kwistjonijiet ta’ żvilupp rurali għandhom jiġu meqjusa fid-dettall.
1.3. Il-kamp ta’ applikazzjoni tista’ titwessa’ biss jekk issir konsultazzjoni soċjali fuq l-aktar bażi wiesgħa possibbli. Għandhom isiru eżaminazzjonijiet dwar l-isfond, jitfassal pjan ta’ azzjoni preċiż, u jiġu definiti b’mod ċar il-kompetenzi u r-responsabbiltajiet għal kull wieħed mill-oqsma li għandha tittieħed azzjoni fihom. Dan huwa kollu essenzjali, peress li kwalunkwe miżura relatata mal-prezzijiet tal-ikel taffettwa azzjoni reċiproka kumplessa ta’ fatturi. L-ikel huwa l-forza prinċipali li żżomm is-soċjetà magħquda; l-ikel huwa ta’ importanza strateġika, u ta’ fiduċja konsiderevoli għall-konsumatur. Minħabba dan, il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni għandhom jiġu organizzati b’tali mod li ma jheddux is-sostenibbiltà fuq medda twila ta’ żmien.
1.4. Mhuwiex possibbli li jiġu limitati l-investimenti f’komoditajiet bażiċi, li s-soltu jseħħu permezz tal-Boroż. Madankollu, għandu jinstab mod kif jistgħu jitnaqqsu l-effetti ta' fatturi li ma jirriflettux id-domanda vera, peress li dawn iħarbtu l-katina tal-provvista tal-prodotti agrikoli. Għalkemm l-UE hija konxja mir-responsabbiltajiet tagħha fir-rigward tal-provvisti tal-ikel lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, m’għandhiex tinsa li l-kompitu ewlieni tagħha huwa li tiżgura l-provvisti għaċ-ċittadini tagħha ta’ firxa sħiħa ta’ prodotti siguri tal-ikel, billi tnaqqas id-dipendenza fuq is-swieq dinjija, u billi tippreserva l-awtonomija.
1.5. Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva li jitwaqqaf Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività tal-Industrija Agroalimentari li twaqqaf mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ April 2008 (2008/359/EC). Il-KESE ħerqan biex jara r-riżultati tal-ħidma ta’ dan il-Grupp ta’ Livell Għoli. Wieħed mill-iktar għanijiet importanti tal-ħidma tal-Grupp ta’ Livell Għoli għandu jkun li tinkiseb kemm jista’ jkun stabbilità tas-swieq tal-ikel agroalimentari.
2. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni
2.1. Minħabba ż-żidiet mgħaġġla fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli fit-tieni nofs tal-2007, il-prezzijiet tal-ikel bl-imnut ukoll żdiedu b’mod sinifikanti. Il-Kummissjoni wieġbet għal dan bil-Komunikazzjoni tagħha “Nindirizzaw l-isfidi taż-żieda kontinwa fil-prezzijiet tal-ikel – Direzzjonijiet għall-azzjoni tal-UE” (COM(2008) 321 final).
2.2. Il-Kummissjoni temmen li dan l-objettiv jista’ jinkiseb billi jiġu identifikati u solvuti l-problemi regolatorji u dawk relatati mal-kompetizzjoni fil-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel. Il-Komunikazzjoni, magħmula minn ħames kapitoli, tanalizza s-sitwazzjoni u tirrakkomanda miżuri biex jiġu solvuti l-problemi.
2.3. Skont il-Komunikazzjoni, prezzijiet ogħla tal-komoditajiet agrikoli rriżultaw minn taħlita ta’ fatturi strutturali u temporanji. Il-fatturi strutturali, bħalma huma ż-żieda fil-popolazzjoni globali, iż-żieda fil-pagi fl-ekonomiji emerġenti u l-iżvilupp ta’ swieq ġodda, saħħew id-domanda dinjija.
2.4. “Minn Awwissu 2007 sa Lulju 2008 l-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel (minbarra l-alkoħol u t-tabakk) kienet tirrappreżenta madwar 1,0 punt perċentwali (pp.) tal-inflazzjoni totali.” It-tendenzi tal-prezzijiet kienu kkaratterizzati, fost oħrajn, minn differenzi bejn iż-żidiet fil-prezzijiet ta’ ikel ipproċessat u ikel mhux ipproċessat, minħabba l-effett ta’ “kompożizzjoni”.
2.5. Il-Kummissjoni qed tbassar li l-inflazzjoni tal-prezz tal-ikel u l-kontribuzzjoni tal-prezzijiet tal-ikel għall-inflazzjoni ewlenija se tonqos matul is-sentejn li ġejjin.
2.6. Il-Kummissjoni temmen li r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet agrikoli imposti minn ċerti pajjiżi s-sena l-oħra għamlu aktar ħsara milli ġid minħabba li eliminaw is-sinjali tas-suq.
2.7. Mill-bidu tal-2006 kien hemm żieda fil-flussi tal-investiment f’dawn is-swieq, kif jidher fit-total tal-kuntratti futuri pendenti miżmuma mill-parteċipanti tas-suq.
2.8. Il-Komunikazzjoni tinkludi tabella li telenka l-prattiki li qed joħolqu tħassib mil-lat ta’ kompetizzjoni, kif ġej:
— |
kartelli |
— |
ftehimiet ta’ xiri |
— |
żamma tal-prezz għall-bejgħ mill-ġdid |
— |
immarkar uniku |
— |
prodotti b’tikketta tad-distributuri |
— |
xiri abbinat |
— |
ftehimiet esklużivi ta’ provvista |
— |
skemi ta’ ċertifikazzjoni |
2.9. Fuq il-bażi tal-analiżi tagħha, il-Kummissjoni qed tipproponi pjan ta’ direzzjoni sabiex jitjieb il-funzjonament tal-katina ta’ provvista tal-ikel, li jikkonsisti f’erba’ komponenti ewlenin.
2.10. Il-Kummissjoni qed tispera li r-rakkomandazzjonijiet mill-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività tal-Industrija Agroalimentari, imwaqqaf fir-rebbiegħa tal-2008, jgħinu sabiex il-katina tal-provvista tal-ikel ittejjeb il-kompetittività tagħha.
2.11. Sabiex tindirizza l-prattiki potenzjali ta’ antikompetittività li ġew identifikati bħala tħassib fil-Kapitolu 4, il-Kummissjoni, fil-kuntest tan-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni, se tissokta djalogu sostnut mal-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni, biex tiżgura l-infurzar koerenti u kkoordinat sewwa tar-regoli tal-kompetizzjoni fl-UE kollha, għall-benefiċċju tal-konsumaturi Ewropew.
2.12. B’konnessjoni mar-reviżjoni f’livell nazzjonali u/jew f’dak tal-UE ta’ regolamenti li ġew identifikati bħala potenzjalment problematiċi għall-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel, il-Komunikazzjoni ssemmi r-regoli u l-prattiki li ġejjin:
— |
ir-regolamenti li jillimitaw id-dħul ta’ kumpaniji ġodda fis-suq. |
— |
ir-regolamenti li jillimitaw il-kapaċità tan-negozji li jikkompetu fuq il-prezzijiet. dawn għandhom jiġu eżaminati. |
— |
il-prattiki li jxekklu r-relazzjoni bejn il-fornituri u l-bejjiegħa bl-imnut; dawn għandhom jiġu skoraġġuti. |
2.13. Il-Kummissjoni se teżamina flimkien mar-regolaturi tas-swieq tal-komoditajiet u f’kuntatt mill-qrib ma’ awtoritajiet regolatorji oħra li mhumiex tal-UE (b’mod partikolari l-Istati Uniti fejn iseħħu l-aktar skambji importanti), liema miżuri jistgħu jittieħdu biex jikkontribwixxu għat-tnaqqis fil-volatilità tal-prezzijiet fis-swieq tal-komoditajiet agrikoli.
2.14. Fuq il-bażi ta’ dan il-programm ta’ ħidma u tal-miżuri relatati, il-Kummissjoni se teżamina l-possibbiltà li tittieħed azzjoni ulterjuri u tipproponi li l-Kunsill Ewropew jeżamina mill-ġdid din il-kwistjoni f’Diċembru 2009.
3. Kummenti Ġenerali
3.1. Il-fatturi strutturali li kkawżaw iż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli ser jibqgħu preżenti tul it-terminu medju; madankollu, il-bidliet matul dawn l-aħħar sentejn juri li s-suq għall-prodotti agrikoli se jkollu jirrikonċilja mal-prezzijiet li dejjem qed isiru aktar volatili. Il-kriżi ekonomika attwali sempliċiment għamlet ftit ħsara lit-tkabbir fid-domanda fis-swieq globali, u bħala riżultat ta’ dan fi kwalunkwe ħin nistgħu nerġgħu naraw ripetizzjoni tal-proċessi li bdew f’nofs l-2007, u s-swieq agrikoli qed isiru dejjem anqas prevedibbli. Barra minn hekk, mhuwiex possibbli li jsir aġġustament għad-domanda kkawżata mill-manipulazzjoni spekulattiva tal-prezzijiet – li ma tirriflettix id-domanda reali – peress li dan jirrikjedi livell ta’ flessibbiltà inkompatibbli mal-karatteristiċi u l-potenzjal tal-produzzjoni agrikola.
3.2. L-Unjoni Ewropea hija konxja li l-bidliet fil-prezzijiet agrikoli jaffettwaw mhux biss is-settur agrikolu kollu, iżda wkoll – permezz tal-prezzijiet tal-ikel – lill-konsumaturi kollha. Bidliet kbar u f’daqqa jfissru li għandna bżonn neżaminaw mill-ġdid il-pożizzjoni tas-settur agrikolu tal-UE. Il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività tal-Industrija Agroalimentari huwa forum xieraq biex isir dan. F’dan il-kuntest għandna niċċaraw: (1) il-futur agrikolu tal-UE; (2) il-pożizzjoni futura tal-agrikoltura fil-politiki tal-UE; għandna nikkunsidraw ukoll (3) kif għandna nittrattaw il-konsegwenzi tal-ftuħ tas-swieq; u (4) kif għandna nikkoreġu l-iżbilanċi fir-relazzjonijiet fil-katina tal-provvista tal-ikel.
3.3. Għalkemm għadu ma sar l-ebda progress biex tiġi żviluppata l-ispeċjalizzazzjoni territorjali fi ħdan l-UE minn mindu ġiet imnedija l-PAK, hemm sinjali ċari ta’ dan il-fenomenu fis-swieq internazzjonali. Minħabba l-ftuħ gradwali tas-swieq tal-UE għall-prodotti minn pajjiżi terzi, il-produtturi agrikoli tal-UE qed jiġu sfurzati jikkompetu fuq bażi inugwali. Bħala riżultat ta’ dan, il-produtturi Ewropej sejrin lura fis-swieq. Fit-terminu medju, dan l-iżvilupp jista’ jhedded serjament l-ekonomija rurali fl-Ewropa. Minħabba dan l-UE tista’ biss tfittex li tikseb politika kummerċjali miftuħa jekk jibqa’ jkun hemm forom varji ta’ appoġġ finanzjarju għall-produtturi agrikoli u jekk dawn jibqgħu jipprovdu inċentivi biżżejjed biex jinżammu l-livell tal-produzzjoni.
4. Kummenti Speċifiċi
4.1. L-iżviluppi fil-prezzijiet tal-ikel u tal-komoditajiet agrikoli
4.1.1. Fil-perijodu ta’ wara l-kriżi, iż-żieda fid-domanda għall-prodotti agrikoli probabbilment se terġa’ taqbeż iż-żieda fil-provvista. Bħala riżultat ta’ dan, dawn il-prodotti x’aktarx se jerġgħu jiġu meqjusa bħala attraenti għall-kapital ta’ riskju. Dan jista’ jwassal għal bidliet simili għal dawk li ġew esperjenzati matul dawn l-aħħar sentejn, jekk varjazzjonijiet fil-prezzijiet agrikoli jiġġeneraw profitti ogħla minn dawk offruti minn kostruzzjonijiet finanzjarji oħra tas-suq. Minħabba l-kundizzjonijiet ekonomiċi ta’ wara l-kriżi, il-possibbiltajiet li jiġri dan huma inqas minn dawk tal-2007. Madankollu, fit-terminu medja għandna bżonn nippreparaw għal volatilità kontinwa tal-prezzijiet.
4.1.2. Kif enfasizza l-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tas-26 ta’ Marzu 2009 (2008/2175(INI)), sehem iċken tal-prezzijiet tal-ikel bl-imnut imur għall-produtturi agrikoli u proċessuri tal-ikel. Minħabba dan, huwa ċar li l-bidliet fil-prezzijiet fil-bidu tal-katina tal-provvista se jkollhom biss impatt limitat u tard fuq il-prezzijiet bl-imnut.
Iż-żieda fil-prezzijiet bl-imnut tal-ikel taffettwa b’mod partikulari lil dawk li jonfqu parti kbira mid-dħul tagħhom f’ikel. Dan il-fenomenu huwa korrelatat mill-viċin mal-livell tal-iżvilupp ekonomiku f’pajjiż partikulari, hu din hija r-raġuni għalfejn il-prezzjijiet tal-ikel li qed jiżdiedu għandhom l-akbar impatt fuq l-inflazzjoni fl-Istati Membri l-ġodda tal-UE. F’dawn il-pajjiżi li għandhom dħul baxx, l-ikel jista’ jkun sa bejn 40-50 % min-nefqa totali tal-familja.
4.1.3. Fil-ftit snin li ġejjin, il-prezzijiet tal-ikel x’aktarx ser jibqgħu ’il fuq mill-medja tal-perijodu 2002-2006, iżda ’l isfel mil-livelli tal-aħħar tal-2007. Fl-istess ħin, il-prezzijiet ser jibqgħu estremament volatili. Waħda mill-bidliet mhux mixtieqa li rriżultat minn dawn l-aħħar sentejn hija li l-prezzijiet saru aktar sensittivi għall-informazzjoni tas-suq. Minħabba li x’aktarx ser naraw żieda fl-informazzjoni kemm dwar il-fatturi min-naħa tal-provvista kif ukoll min-naħa tad-domanda, se jkompli jkun hemm ċaqliq fil-prezzijiet. Ix-xandir għandu rwol importanti hawnhekk ukoll, peress li xandir effettiv jagħti lis-swieq informazzjoni immedjata dwar dak kollu li qed jiġri fid-dinja.
4.1.4. Il-produtturi agrikoli tal-UE għandhom ikunu ppreparati sabiex jissodisfaw domanda, li qed tikber b’mod kostanti, għall-ikel. Għandhom jittejbu kemm il-kwantità kif ukoll il-kwalità tal-produzzjoni agrikola tal-UE. Madankollu, il-PAK għandha responsabbiltà sinifikanti sabiex tiżgura li l-ftuħ gradwali tas-swieq tal-UE ma jipperikolax il-kompetittività tas-setturi agroalimentari Ewropej. L-UE teħtieġ strateġija fit-tul għall-agrikultura li tiddefinixxi sa fejn il-Komunità għandha timmira għall-awtosuffiċenza fil-provvisti ta’ varji prodotti. Madankollu, irridu naċċettaw li fit-terminu medju l-UE ser teħtieġ li timporta bosta prodotti.
4.2. Ir-rwol ta’ spekulazzjoni fil-prezzijiet tal-komoditajiet tal-ikel
4.2.1. L-ammont ta’ kapital minn bosta fondi ta’ pensjoni, fondi ta’ investiment u fondi sovrani fis-swieq finanzjarji internazzjonali qed jikber b’mod kostanti permezz ta’ tpartit, banek u konglomerati multinazzjonali. Minħabba d-daqs tagħhom, dawn tal-aħħar għandhom influwenza konsiderevoli fuq is-swieq fejn joperaw. Peress li ma rnexxilhomx jiksbu profitti sodisfaċenti minn investimenti konvenzjonali, dawn daru għas-swieq tal-komoditajiet.
4.2.2. Minħabba n-natura spekulattiva tal-investimenti ta’ riskju għoli, dawn għandhom impatt fuq il-prezzijiet fuq medda qasira ta’ żmien sena iżda mhux fuq medda twila ta’ żmien. L-agrikoltura teħtieġ tikkunsidra dan l-iżvilupp kif ukoll l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji b’mod ġenerali. Il-prodotti fis-swieq finanzjarji li jirriżultaw f’bidliet sinifikanti fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli u li ma jirriflettux il-flussi veri tal-prodott għandhom influwenza sfavorevoli fuq il-movimenti tal-prezz fis-swieq fiżiċi.
4.3. Il-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel
4.3.1. Kif turi wkoll il-Kummissjoni fid-Dokument ta’ Ħidma tagħha dwar dan is-suġġett (SEC(2008) 2972), hemm korrelazzjoni mill-viċin bejn l-avvenimenti fis-swieq agrikoli tul dawn l-aħħar sentejn u t-tfixkil għall-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel. Id-distribuzzjoni tal-prezzijiet tal-prodotti agrikoli tul il-katina tal-provvista jirriflettu mill-viċin il-kapaċità ta’ kull ħolqa fil-katina biex tiddefendi l-interessi proprji.
4.3.2. L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni li beħsiebhom jevalwaw l-effett ta’ antikompetittività tal-proċess ta’ konsolidazzjoni fil-katina tal-provvista tal-ikel jafu jsibu ruħhom f’pożizzjoni diffiċli mhux ħażin. Huwa importanti li jiġu indirizzati l-prattiki antikompetittivi u l-problemi relatati mal-liġi tal-kompetizzjoni li jinqalgħu f’każi partikolari bejn il-fornituri tal-ikel agroalimentari u l-fażijiet ta’ skambju kummerċjali tal-katina tal-produzzjoni, kif sostniet il-Kummissjoni, sabiex il-kundizzjonijiet jiġu verament adattati għas-sitwazzjoni ekonomika u tas-suq. Kif saħqet il-Kummissjoni, jeħtieġ jiġi żgurat li r-regoli tal-kompetizzjoni jiġu implimentati b’mod koerenti u koordinat madwar l-UE kollha. Il-katina tal-provvista tal-ikel hija fframmentata biżżejjex biex tiżgura li t-transazzjonijiet individwali ma jidhrux li għandhom impatt antikompetittiv mill-perspettiva tas-suq uniku. Il-prattiki diskussi fid-dokument juru li għal pajjiż u prodott partikulari, livell speċifiku ta’ konċentrazzjoni jista’ jkollu effett serju ta’ antikompetittività. L-emerġenza ta’ kapaċitajiet ta’ pproċessar li, jekk hemm ekonomiji ta’ skala, jistgħu jiksbu pożizzjoni dominanti f’suq ta’ prodott partikulari, jistgħu jnaqqsu l-għażla tal-konsumatur u jimbuttaw l-intrapriżi żgħar u medji ’l barra mis-suq. Dan qed jiġri minn meta prodotti b’tikketta tad-distributuri bdew jeżerċitaw influwenza sinifikanti. Fl-istess ħin, id-dominanza attwali tal-kompetittività tal-prezzijiet fil-politiki kummerċjali tal-kumpaniji tista’ tirriżulta fi prodotti ta’ valur nutrittiv aktar baxx. Għalkemm il-livell tas-sikurezza tal-ikel qed jogħla, is-sostituzzjoni tal-ingredjenti naturali minn dawk artifiċjali ta’ valur nutrittiv aktar baxx ifisser li l-prodotti tal-ikel iktar mhux qed jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-konsumaturi għal nutrizzjoni ta’ kwalità għolja.
4.3.3. Nissuġġerixxu li jiżdiedu l-metodi ta’ rimbors użati minn bejjiegħa kbar bl-imnut mal-lista tal-prattiki antikompetittivi mniżżla fit-Tabella 1. Dawn il-metodi jippermettu li jiġu sseparati, minn naħa, il-prezzijiet tal-fornituri u l-ispejjeż reali, u min-naħa l-oħra l-prezzijiet imħallsa mill-bejjiegħa bl-imnut u l-konsumaturi. Bħala riżultat ta’ dan, il-prezzijiet ta’ referenza jiġu stabbiliti f’livelli wisq baxxi biex ikunu realistiċi, ħafna iktar baxxi minn dak li jista’ jinkiseb permezz ta’ effiċjenza miżjuda. Prattiki antikompetitttivi bħalma huma l-kartelli u l-ftehimiet esklużivi ta’ provvista huma ovvjament inaċċettabli, bħalma huwa l-użu ta’ pożizzjoni dominanti sabiex jiġu imposti kundizzjonijiet unilaterali fuq il-fornituri. Fl-istess ħin, din it-teknika ta’ marġni ta’ profitt doppju – il-bejjiegħa bl-imnut igawdu minn marġni konsiderevoli ta’ profitt mhux biss minn fuq ix-xerrejja iżda anki minn fuq il-fornituri, minħabba r-rimborsi – jaħbi l-marġni tal-profitt kummerċjali, u jgħin biex jgħawweġ id-distribuzzjoni tad-dħul mill-katina tal-provvista tal-ikel. Din hija prattika antikompetittiva peress li tirrikjedi li l-fornituri jadattaw għal prezz li għandu ftit li xejn relazzjoni mal-ispejjeż tal-produzzjoni.
4.3.4. Il-KESE jaqbel bis-sħiħ mat-tħassib li semmiet il-Kummissjoni dwar ċerti prattiki antikompetittivi li jistgħu jalteraw il-funzjonament tal-katina tal-ikel. F’dan il-kuntest jidher biċ-ċar li l-iżbilanċ tal-poter bejn il-produtturi, il-proċessuri u l-bejjiegħa bl-imnut jeħtieġ li jingħata aktar attenzjoni. Il-konċentrazzjoni tal-poter minn isfel għal fuq tqiegħed lill-bejjiegħa bl-imnut f’pożizzjoni dominanti fir-rigward tal-produtturi u l-proċessuri, li tippermetti prattiki abbużivi mhux mixtieqa. Minħabba dan, l-approċċ tagħna għal benessri tal-konsumatur m’għandux jiffoka biss fuq il-kisba ta’ prezzijiet iktar baxxi fi żmien qasir, iżda fuq medda twila ta’ żmien ukoll, filwaqt li jiġu kkunsidrati kemm l-effetti diretti kif ukoll dawk indiretti, sabiex jiġu evitati diffikultajiet finanzjarji għall-fornituri, nuqqas ta’ innovazzjoni, għażla mnaqqsa, kif ukoll – fuq medda twila ta’ żmien – prezzijiet ogħla.
5. Pjan ta’ direzzjoni biex jitjieb il-funzjonament tal-katina ta’ provvista
Li tkun żgurata distribuzzjoni tajba tal-qligħ f’kull stadju tal-katina tal-ikel huwa kompitu kumpless ħafna, u ħafna mill-aspetti ta’ dan jirrikjedu interferenza estensiva fil-proċessi tas-suq. Madankollu, dawn il-miżuri huma indispensabbli sabiex jippermettu li l-prodotti tal-ikel Ewropej itejbu l-kompetittività tagħhom fuq bażi reali.
5.1.1. Il-KESE jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex tqiegħed it-trasparenza fis-suq. Dejjem se jkun utli li jkun hemm fehim aħjar ta’ kif jaħdem is-suq u tar-rwol li għandhom l-elementi differenti tal-katina. Huwa importanti ħafna li ssir analiżi ddettaljata ta’ din il-katina sabiex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jieħdu miżuri xierqa fejn ikun meħtieġ jekk ikun hemm nuqqasijiet jew tfixkil fil-katina. Għalhekk il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-proċedura ta’ azzjoni proposta mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha u ser jikkoopera bis-sħiħ fl-implimentazzjoni tagħha.
Madankollu, il-Kummissjoni għandha żżomm f’moħħha li l-kundizzjonijiet ivarjaw minn settur għall-ieħor u anki minn pajjiż għall-ieħor, u għalhekk il-fatturi li jiddeterminaw il-prezzijiet huma differenti, u huma dinamiċi u mhux statiċi.
L-isforzi kollha tal-Kummissjoni sabiex tfassal u twaqqaf strument permanenti għall-monitoraġġ tal-prezzijiet tal-ikel u d-distribuzzjoni tad-dħul tul il-katina għandhom ikunu bbażati fuq dawn il-fatti, u r-riżultati ta’ dan għandhom jiġu meqjusa bħala referenza aktar milli bħala verità infallibbli.
5.1.2. Il-katina tal-provvista tal-ikel tista’ ssir aktar kompetittiva biss jekk ikun hemm kooperazzjoni sinifikanti aktar mill-viċin mal-katina. Proprjament, it-terminu “katina” jissuġġerixxi li kull ħolqa tikkoopera biss mal-ħoloq li jmissu magħha direttament, mentri l-effiċjenza vera tista’ tiġi żgurata biss jekk dawn jaħdmu kollha flimkien fl-interess komuni. Jekk verament nemmnu li l-ħtiġijiet tal-konsumaturi, permezz tal-prodotti, għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom tiffunzjoni l-katina tal-provvista tal-ikel, dawk fil-katina għandhom jimpenjaw ruħhom f’riflessjoni serja.
5.1.3. L-Unjoni Ewropea għandha taċċetta l-fatt li ħafna mill-fatturi diskussi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġu ttrattati permezz ta’ miżuri tal-politika tal-kompetizzjoni. L-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-kompetizzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni huma effettivi biss biex jittrattaw każijiet konvenzjonali ta’ prattiċi antikompetittivi (bħalma huma l-kartelli u r-reklami qarrieqa). L-esperjenza turi li l-liġi tal-kompetizzjoni mhijiex mezz adegwat biex tittratta s-sitwazzjonijiet elenkati fit-Tabella 1, minħabba l-interdipendenza kumplessa ta’ dawk involuti. L-influwenza ta’ ċerti ktajjen ta’ bejjiegħa bl-imnut fis-suq ma tiġġustifikax reazzjoni mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fil-livell Komunitarju; madankollu, huwa sinifikanti li mill-perspettiva ta’ fornituri, id-dipendenza fuq bejjiegħa bl-imnut u ċentri ta’ xiri individwali saret fattur deċiżiv għas-sopravivenza tagħhom fis-suq. Bħala riżultat ta’ dan, il-kooperazzjoni bejn il-bejjiegħa bl-imnut u l-fornituri qed tkun min-naħa waħda biss.
Fl-istess ħin, sanzjonijiet iktar iebsin taħt il-liġi tal-kompetizzjoni jistgħu jiskoraġġixxu b’mod effettiv dawk il-prattiki fejn jiġu mqarrqa l-konsumaturi.
Tul il-ftit snin li ġejjin se tkompli l-ħidma fuq ir-reviżjoni tal-protezzjoni tal-konsumatur. Dan għandu x’jaqsam mal-kwalità tal-prodotti tal-ikel li jaslu fis-suq uniku minn pajjiżi terzi minħabba swieq aktar miftuħa, u mal-kundizzjonijiet li fihom il-prodotti tal-ikel qed jiġu prodotti. Fost affarijiet oħra, iż-żieda fl-importazzjonijiet tirrifletti attenzjoni fuq il-prezzijiet u fuq inqas ħlas għall-ikel. Madankollu, dan imur id f’id mar-riskji miżjuda f’termini ta’ sikurezza tal-ikel u protezzjoni tal-konsumatur aktar baxxi, minħabba li bosta importazzjonijiet jaslu minn reġjuni fejn il-kultura tal-produzzjoni tal-ikel hija f’livell aktar baxx minn dak tal-Ewropa.
5.1.4. Ma tantx hemm skop għal interferenza fil-politiki kummerċjali tal-bejjiegħa bl-imnut. Madankollu, għandna nidentifikaw il-passi possibbli kollha li jippermettu bidla fl-attenzjoni tal-politiki kummerċjali tal-bejjiegħa bl-imnut il-kbar minn dik fuq it-tnaqqis tal-prezzijiet (jew f’ċerti każijiet, il-kisba tal-iktar prezz baxx). Din l-attenzjoni hija responsabbli għad-distribuzzjoni żbilanċjata attwali tad-dħul fil-katina tal-provvista tal-ikel, u taffettwa wkoll l-attitudnijiet tal-konsumaturi.
5.1.5. L-Unjoni Ewropea tista’ taġixxi biss b’mod effettiv biex tikkoreġi funzjonament ħażin fil-katina tal-provvista tal-ikel u biex tagħmilha aktar effiċjenti jekk din tkun tista’ tibbaża fuq l-informazzjoni mitluba. Kompitu importanti ieħor tal-UE huwa li titqajjem kuxjenza fost il-konsumaturi Ewropej sabiex dawn ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet aktar infurmati. Il-konsumaturi huma ċ-ċavetta għas-sopravivenza u l-iżvilupp sostenibbli tal-agrikoltura u l-industrija tal-ikel Ewropea. Il-konoxxenza tal-konsumatur fl-Ewropa tista’ tgħin sabiex jitqiegħed fil-prattika wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Komunità, il-preferenza għall-prodotti Komunitarji – prinċipju li inevitabbilment ġie mwarrab waqt in-negozjati tal-GATT u d-WTO.
Meta nkunu qed niżviluppaw strument ta’ monitoraġġ, għandna ninkorporaw inċentivi għall-operaturi tas-suq sabiex dawn jipprovdu informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha fis-sistema. Pereżempju, dan jista’ jinvolvi spezzjonijiet fiskali, eżenzjonijiet fiskali u sussidji. Li tkun żgurata t-trasparenza fuq bażi volontorja mhijiex għażla reali.
5.1.6. Sabiex jittaffew l-effetti negattivi tal-ispekulazzjoni, għandna nikkunsidraw il-possibbiltà li jittieħdu passi regolatorji sabiex jiġi żgurat li huma permessi biss dawk it-transazzjonijiet fil-Boroż li jkunu sostnuti minn garanziji veri fi prodotti, minflok il-prattiki attwali tas-suq li jippermetti flussi limitati ħafna ta’ prodotti biex jeżerċitaw influwenza konsiderevoli fuq il-prezzijiet tas-suq, u dan jiġi tradott f’bidliet tal-prezzijiet fis-suq fiżiku.
5.1.7. Ktajjen iqsar tal-provvista tal-ikel
It-tnaqqis tan-numru ta’ intermedjarji bejn il-produtturi agrikoli u l-konsumaturi jista’ jgħin sabiex il-katina tiffunzjona b’mod aktar effettiv. Wara l-eżempju tal-programmi biex jitqassmu l-ħalib u l-frott lit-tfal tal-iskola, jistgħu jitħeġġu r-relazzjonijiet bejn il-produtturi u l-konsumaturi. Wieħed mill-aktar modi ovvji kif jista’ jsir dan huwa li jitħeġġu s-swieq tradizzjonali tal-bdiewa. Dan jgħin biex jiġu kkonservati l-istili tal-ħajja rurali u biex farms żgħar u medji jibqgħu fin-negozju, apparti li jinħoloq għadd ta’ benefiċċji oħra.
Brussell, 5 ta’ Novembru 2009.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI