EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008XX0501(01)

Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-abbozz ta' Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar l-użu tad-data tar-Reġistru ta' l-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għal finijiet ta' infurzar tal-liġi

ĠU C 110, 1.5.2008, p. 1–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 110/1


Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-abbozz ta' Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar l-użu tad-data tar-Reġistru ta' l-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għal finijiet ta' infurzar tal-liġi

(2008/C 110/01)

IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 286 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (1),

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data, u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu (2),

Wara li kkunsidra t-talba għal opinjoni skond l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 li waslet fit-13 ta' Novembru 2007 mill-Kummissjoni Ewropea;

ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA

I.   INTRODUZZJONI

Konsultazzjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD)

1.

L-abbozz tal-Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar l-użu tad-data tar-Reġistru ta' l-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għal finijiet ta' infurzar tal-liġi kien mibgħut mill-Kummissjoni lill-KEPD għal konsultazzjoni, f'konformità ma' l-Artikolu 28(2) tar-Regolament 45/2001/KE (minn hawn 'il quddiem “il-proposta”).

2.

Il-proposta tikkonċerna l-ipproċessar ta' data PNR fi ħdan l-UE u hija marbuta mill-qrib ma' skemi oħrajn ta' ġbir u użu ta' data tal-passiġġieri, b'mod partikolari l-ftehim UE-Stati Uniti ta' Lulju 2007. Dawn l-iskemi huma ta' interess kbir għall-KEPD, li diġà kellu l-opportunità jibgħat xi kummenti preliminarji dwar il-kwestjonarju tal-Kummissjoni rigward is-sistema PNR maħsuba ta' l-UE, li ntbagħat f'Diċembru 2006 lill-partijiet interessati rilevanti (3). Il-KEPD jilqa' l-konsultazzjoni tal-Kummissjoni. Skond il-KEPD, l-opinjoni preżenti għandha tissemma fil-preambolu tad-Deċiżjoni tal-Kunsill.

Il-proposta fil-kuntest tagħha

3.

Il-proposta għandha l-għan li tarmonizza d-dispożizjonijiet ta' l-Istati Membri dwar l-obbligi tat-trasportaturi bl-ajru li joperaw titjiriet lejn jew mit-territorju ta' mill-inqas Stat Membru wieħed rigward it-trasmissjoni ta' data PNR lill-awtoritajiet kompetenti sabiex ikunu pprevenuti u miġġielda reati ta' terroriżmu u ta' kriminalità organizzata.

4.

Ġew konklużi arranġamenti għat-trasmissjoni ta' data PNR għal finijiet komparabbli mill-Unjoni Ewropea ma' l-Istati Uniti, kif ukoll mal-Kanada. Ftehim tal-bidu konkluż ma' l-Istati Uniti f'Mejju 2004 ġie sostitwit bi ftehim ġdid f'Lulju 2007 (4). Ftehim simili kien konkluż mal-Kanada f'Lulju 2005 (5). Barra minn hekk, se jibdew negozjati bejn l-UE u l-Awstralja għal ftehim dwar l-iskambju ta' data PNR, u l-Korea t'Isfel diġà qed teħtieġ data PNR minn titjiriet lejn it-territorju tagħha, mingħajr ebda pjan għal negozjar f'livell Ewropew f'dan l-istadju.

5.

Fi ħdan l-UE, il-proposta tasal b'żieda għad-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE (6) dwar l-obbligu ta' trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri magħrufa bħala data API, sabiex tkun miġġielda l-immigrazzjoni illegali u jitjieb il-kontroll tal-fruntieri. Din id-Direttiva kellha tkun trasposta fil-liġi nazzjonali ta' l-Istati Membri mhux aktar tard mill-5 ta' Settembru 2006. Madankollu l-implimentazzjoni għadha mhux żgurata fl-Istati Membri kollha.

6.

Kuntrarju għad-data dwar Informazzjoni minn Qabel ta' Passiġġieri (API) li suppost tgħin biex jiġu individwati individwi, id-data PNR imsemmija fil-proposta tikkontribwixxi għat-twettiq ta' valutazzjonijiet tar-riskju ta' persuni, għall-ksib ta' intelligence u sabiex issir konnessjoni bejn persuni li jkunu magħrufa u dawk li ma jkunux.

7.

Il-proposta tinkludi l-elementi prinċipali li ġejjin:

tipprevedi d-disponibbiltà mit-trasportaturi bl-ajru ta' data PNR lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, għall-fini li jkunu pprevenuti u miġġielda reati ta' terroriżmu u ta' kriminalità organizzata,

tipprevedi fil-prinċipju l-istabbiliment ta' Unità ta' Informazzjoni dwar il-Passiġġieri (PIU) f'kull Stat Membru, responsabbli għall-ġbir ta' data PNR minn trasportaturi bl-ajru (jew l-intermedjarji maħtura) u għat-twettiq ta' valutazzjoni tar-riskju tal-passiġġieri,

l-informazzjoni vvalutata b'dan il-mod tiġi trasmessa lill-awtoritajiet kompetenti f'kull Stat Membru. Din l-informazzjoni tiġi skambjata ma' Stati Membri oħrajn fuq bażi ta' każ-b'każ u għall-fini indikata hawn fuq,

it-trasferiment lejn pajjiżi 'l barra mill-Unjoni Ewropea huwa soġġett għal kondizzjonijiet addizzjonali,

id-data tinżamm għal tlettax-il sena, tmienja minnhom f'database mhux attiva,

l-ipproċessar għandu jkun irregolat mill-(abbozz) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-Protezzjoni ta' l-Ipproċessar tad-Data Personali fil-Qafas tal-Kooperazzjoni Ġudizzjarja u tal-Pulizija f'Materji Kriminali (minn hawn 'il quddiem “deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data”) (7),

kumitat b'rappreżentanti ta' Stati Membri se jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' protokoll u ta' kodifikazzjoni, kif ukoll fir-rigward ta' kriterji u prattiki tal-valutazzjoni tar-riskju.,

għandha ssir reviżjoni tad-deċiżjoni fi żmien tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha.

Fokus ta' l-opinjoni

8.

Il-proposta li dwarha hu kkonsultat il-KEPD hija pass ieħor f'sistema ta' ġbir regolari ta' data ta' individwi li fil-prinċipju ma huma suspettati b'ebda reat. Kif imsemmi hawn fuq, din l-evoluzzjoni qed isseħħ f'livell internazzjonali u Ewropew.

9.

Il-KEPD jinnota li wkoll il-Grupp ta' Ħidma ta' l-Artikolu 29 u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-Pulizija u l-Ġustizzja ppreżentaw opinjoni konġunta dwar il-proposta (8). Il-KEPD jappoġġa dik l-opinjoni. L-opinjoni preżenti tenfasizza u tiżviluppa għadd ta' punti oħrajn.

10.

Filwaqt li l-opinjoni tal-KEPD ser tanalizza l-aspetti rilevanti kollha tal-proposta, hi se tikkonċentra fuq erba' kwistjonijiet prinċipali.

l-ewwel minn dawn il-kwistjonijiet hija l-leġittimità tal-miżuri maħsuba. Il-kwistjoni dwar l-iskop, il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-proposta se tkun ivvalutata fuq il-kriterji ta' l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea,

l-opinjoni se tanalizza wkoll il-kwistjoni dwar il-liġi applikabbli għall-operazzjoni ta' ipproċessar proposta. B'mod partikolari, il-kamp ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas dwar il-protezzjoni tad-data fir-rigward ta' l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni ta' l-ewwel pilastru dwar il-protezzjoni tad-data jistħoqq attenzjoni speċjali. Il-konsegwenza tas-sistema applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data fir-rigward ta' l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data se tkun mistħarrġa wkoll,

imbagħad l-opinjoni se tiffoka fuq il-kwalità tar-riċevituri tad-data f'livell nazzjonali. B'mod partikolari, il-kwalità tal-PIU, ta' l-intermedjarji u ta' l-awtoritajiet kompetenti maħtura biex iwettqu valutazzjoni tar-riskju u janalizzaw id-data tal-passiġġieri tqajjem tħassib speċifiku peress li ma tingħata l-ebda preċiżazzjoni fil-proposta f'dan ir-rigward,

ir-raba' kwistjoni hija dwar il-kondizzjonijiet għat-trasferiment ta' data lejn pajjiżi terzi. Mhuwiex ċar liema kondizzjonijiet se japplikaw għal trasferimenti bħal dawn fejn jeżistu regoli differenti: il-kondizzjonijiet għal trasferiment taħt il-proposta preżenti, flimkien ma' dawk tad-Deċiżjoni Qafas dwar il-protezzjoni tad-data, u l-ftehim internazzjonali eżistenti (ma' l-Istati Uniti u l-Kanada).

11.

Punti sostantivi oħrajn se jiġu identifikati f'parti minn ta' l-aħħar, inklużi passi pożittivi f'termini ta' protezzjoni tad-data iżda wkoll partijiet addizzjonali ta' tħassib fil-proposta.

II.   LEĠITTIMITÀ TAL-MIŻURI PROPOSTI

12.

Sabiex tkun analizzata l-leġittimità tal-miżuri proposti f'konformità mal-prinċipji fundamentali dwar il-protezzjoni tad-data, u notevolment l-Artikolu 8 tal-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Artikoli 5 sa 8 tal-Konvenzjoni Nru 108 tal-Kunsill ta' l-Ewropa (9), huwa meħtieġ li jiġi identifikat b'mod ċar l-iskop ta' l-ipproċessar maħsub ta' data personali, sabiex ikunu identifikati l-ħtieġa u l-proporzjonalità tiegħu. Għandu jkun żgurat li ma jkun hemm l-ebda mezz ieħor, li jkun anqas invażiv, biex jintlaħaq l-iskop previst.

Identifikazzjoni ta' l-iskop

13.

Il-formulazzjoni tal-proposta u l-valutazzjoni ta' l-impatt tagħha jindikaw li l-objettiv mhux sempliċiment li jkunu identifikati terroristi magħrufa jew kriminali magħrufa involuti fil-kriminalità organizzata, billi jsir tqabbil ta' l-ismijiet tagħhom ma' dawk inklużi f'listi ġestiti minn awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi. L-iskop hu li tinġabar intelligence fir-rigward tat-terroriżmu jew il-kriminalità organizzata, u aktar preċiżament “biex twettaq valutazzjoni tar-riskju ta' persuni, tikseb intelligence u tagħmel konnessjoni bejn persuni li jkunu magħrufa u dawk li ma jkunux” (10). L-iskop imsemmi fl-Artikolu 3(5) tal-proposta hu, fl-ewwel linja u l-ewwelnett, “biex ikunu identifikati persuni li huma jew li jistgħu jkunu involuti f'reat terroristiku jew ta' kriminalità organizzata, kif ukoll persuni assoċjati magħhom”.

14.

Din hija r-raġuni invokata biex tispjega li d-data API mhix suffiċjenti biex tikseb l-allegat skop. Tabilħaqq, kif diġà ssemma, filwaqt li d-data API suppost tgħin biex jiġu indentifikati individwi, id-data PNR m'għandhiex skop ta' identifikazzjoni, iżda d-dettalji tal-PNR jikkontribwixxu għat-twettiq ta' valutazzjonijiet tar-riskju ta' persuni, għall-ksib ta' intelligence u sabiex issir konnessjoni bejn persuni li jkunu magħrufa u dawk li ma jkunux.

15.

L-iskop tal-miżuri previsti mhux biss ikopri l-qbid ta' persuni li jkunu magħrufa iżda wkoll li jiġu lokalizzati persuni li jistgħu jaqgħu fl-ambitu tal-proposta.

Sabiex ikunu identifikati dawn il-persuni, l-analiżi tar-riskju u l-identifikazzjoni ta' xejriet huma ċentrali għall-proġett. Il-premessa 9 tal-proposta tgħid b'mod espliċitu li d-data għandha tinżamm “għal perijodu twil biżżejjed biex jitwettaq l-iskop li jkunu żviluppati indikaturi tar-riskju u li jkunu stabbiliti xejriet ta' vvjaġġar u mġiba”.

16.

L-iskop huwa għalhekk deskritt f'żewġ livelli: L-ewwel livell jikkonsisti fl-objettiv globali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, filwaqt li t-tieni livell jinkludi l-mezzi u l-miżuri inerenti għall-kisba ta' dan l-objettiv. Filwaqt li l-iskop tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata jidher li hu ċar biżżejjed u leġittimu, il-mezzi użati biex jintlaħaq dan l-iskop iridu jiġu diskussi.

L-istabbiliment ta' xejriet u valutazzjoni tar-riskju

17.

Il-proposta ma tagħti l-ebda indikazzjoni dwar il-mod kif ix-xejriet ser jiġu stabbiliti u dwar kif se issir il-valutazzjoni tar-riskju. Il-valutazzjoni ta' l-impatt tagħti l-preċiżazzjoni li ġejja dwar il-mod kif se tintuża d-data PNR: biex titqabbel id-data ta' passiġġieri “ma' taħlita ta' karatteristiċi u ta' xejriet ta' mġiba, bil-għan li tinħoloq valutazzjoni tar-riskju. Meta passiġġier jikkorrispondi għal ċerta valutazzjoni tar-riskju, imbagħad huwa jista' jiġi identifikat bħala passiġġier ta' riskju kbir” (11).

18.

Persuni suspettati jistgħu jintgħażlu skond elementi konkreti ta' suspett inklużi fid-data PNR tagħhom (eż. kuntatt ma' aġenzija ta' l-ivvjaġġar suspettuża, referenza ta' karta ta' kreditu misruqa), kif ukoll abbażi ta' “xejriet” jew profil astratt. Jistgħu tabilħaqq jiġu kostitwiti profili standard differenti abbażi tax-xejriet ta' vvjaġġar, għal “passiġġieri normali” jew “passiġġieri suspettużi”. Permezz ta' dawn il-profili dawk il-passiġġieri li ma jaqgħux fil-“kategorija normali ta' passiġġieri” ikunu jistgħu jiġu investigati ulterjorment, aktar u aktar jekk il-profil tagħhom huwa assoċjat ma' elementi suspettużi oħrajn bħal karta ta' kreditu misruqa.

19.

Għalkemm wieħed ma jistax jassumi li l-passiġġieri se jkunu mmirati skond ir-reliġjon tagħhom jew data oħra sensittiva, jidher madankollu li se jkunu soġġetti għal investigazzjoni abbażi ta' taħlita ta' informazzjoni in concreto u in abstracto, inklużi xejriet standard u profili astratti.

20.

Wieħed jista' jiddiskuti jekk din it-tip ta' investigazzjoni tikkwalifikax bħala teħid tal-profil. It-teħid tal-profil jikkonsisti “f'metodu bil-kompjuter fejn issir estrazzjoni ta' data minn maħżen tad-data, li tippermetti jew maħsuba biex tippermetti l-klassifikazzjoni, b'xi probabbiltà — u għalhekk b'xi marġni ta' żball — ta' individwu f'kategorija speċifika sabiex jittieħdu deċiżjonijiet individwali fir-rigward ta' dik il-persuna” (12).

21.

Il-KEPD huwa konxju li għaddejjin diskussjonijiet dwar id-definizzjoni ta' teħid tal-profil. Jekk hux rikonoxxut uffiċjalment jew le li l-għan tal-proposta hu t-teħid ta' profil tal-passiġġieri, il-punt li hemm fin-nofs mhuwiex rigward definizzjonijiet. Huwa rigward l-impatt fuq individwi.

22.

It-tħassib prinċipali tal-KEPD huwa rigward il-fatt li d-deċiżjonijiet dwar individwu se jittieħdu abbażi tax-xejriet u l-kriterji stabbiliti bl-użu tad-data tal-passiġġieri in ġenerali. Għalhekk jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet fuq individwu, fejn bħala referenza jintużaw (għall-inqas parzjalment), xejriet derivati mid-data ta' individwi oħrajn. Għalhekk id-deċiżjonijiet se jittieħdu b'relazzjoni għal kuntest astratt, li jista' jaffettwa ferm is-suġġett tad-data. Hu estremament diffiċli biex individwu jiddefendi ruħu kontra tali deċiżjonijiet.

23.

Barra minn hekk, il-valutazzjoni tar-riskju se titwettaq mingħajr ma hemm standards uniformi għall-identifikazzjoni ta' suspettati. Il-KEPD għandu dubji serji dwar iċ-ċertezza legali tal-proċess sħiħ ta' filtrazzjoni, meta jitqies li l-kriterji li bihom kull passiġġier se jkun skannjat huma definiti ftit wisq.

24.

Il-KEPD ifakkar fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, fejn skond hi l-liġi domestika għandha tkun preċiża biżżejjed biex tindika liċ-ċittadini f'liema ċirkostanzi u b'liema termini l-awtoritajiet pubbliċi jingħataw is-setgħa li jaħżnu informazzjoni dwar il-ħajja privata tagħhom u jagħmlu użu minnha. L-informazzjoni “għandha tkun aċċessibbli lill-persuna kkonċernata u prevedibbli għal dawk li huma l-effetti tagħha”. Regola hija “prevedibbli”“jekk din hija fformulata bi preċiżazzjoni suffiċjenti sabiex kwalunkwe individwu — jekk ikun il-każ permezz ta' parir xieraq — ikun jista' jirregola l-imġiba tiegħu” (13).

25.

Bħala konklużjoni, huwa notevolment minħabba dawn it-tipi ta' riskji, li l-proposta preżenti teħtieġ konsiderazzjoni bir-reqqa. Filwaqt li l-iskop ġenerali tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, huwa fih innifsu ċar u leġittimu, il-qofol ta' l-ipproċessar li jrid jitħaddem ma jidhirx li huwa delimitat u ġġustifikat b'mod suffiċjenti. Il-KEPD għalhekk iħeġġeġ lil-leġislatur ta' l-UE biex jittratta din il-kwistjoni b'mod ċar, qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas.

Ħtieġa

26.

Il-karattru intrużiv tal-miżuri huwa evidenti, kif muri hawn fuq. Min-naħa l-oħra, l-utilità tagħhom ma tidher assolutament xejn.

27.

Il-valutazzjoni ta' l-impatt dwar il-proposta aktar tikkonċentra fuq l-aħjar mod biex jiġi stabbilit PNR ta' l-UE, milli fuq il-ħtieġa ta' tali PNR. Issir referenza fil-valutazzjoni (14) għas-sistemi tal-PNR li jitħaddmu f'pajjiżi oħrajn, jiġifieri l-Istati Uniti u r-Renju Unit. Madankollu wieħed jista' jiddeplora n-nuqqas ta' fatti u figuri preċiżi relatati ma' dawk is-sistemi. Huma rrappurtati “bosta arresti” fir-rigward “tad-diversi reati” fis-sistema semafor tar-Renju Unit, mingħajr preċiżazzjoni għal dik li hija r-rabta mat-terroriżmu jew il-kriminalità organizzata. Ma jingħataw l-ebda dettalji fir-rigward tal-programm ta' l-Istati Uniti, ħlief li “l-UE setgħet tivvaluta l-valur tad-data PNR u tirrealizza l-potenzjal tagħha għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi”.

28.

Mhux biss hemm nuqqas ta' informazzjoni preċiża fil-proposta dwar ir-riżultati konkreti ta' sistemi PNR bħal dawn, iżda rapporti ppubblikati minn aġenziji oħrajn, eż. il-GAO fin-Nazzjonijiet Uniti, ma jikkonfermawx f'dan l-istadju l-effiċjenza tal-miżuri (15).

29.

Il-KEPD iqis li l-metodi tal-valutazzjoni tar-riskju ppreżentat minn individwi permezz ta' l-użu ta' għodod għall-estrazzjoni ta' data u xejriet ta' mġiba jeħtieġ li jkunu vvalutati ulterjorment, u l-utilità tagħhom tkun stabbilita b'mod ċar fil-qafas tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, qabel ma dawn jintużaw fuq skala kbira bħal din.

Proporzjonalità

30.

Sabiex ikun apprezzat il-bilanċ bejn l-intrużjoni fil-privatezza ta' l-individwu u l-ħtieġa tal-miżura (16), għandu jittieħed kont ta' l-elementi li ġejjin:

il-miżuri japplikaw għall-passiġġieri kollha, sew jekk ikunu taħt investigazzjoni sew jekk ma jkunux mill-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi. Dan jikkostitwixxi riċerka proattiva, fuq skala li m'għandhiex preċedent,

deċiżjonijiet dwar individwi jistgħu jkunu bbażati fuq profili astratti, u b'hekk ikunu jinkludu marġini ta' żball sinifikanti,

in-natura tal-miżuri li għandhom jittieħdu kontra l-individwu tirrigwarda l-infurzar tal-liġi: il-konsegwenzi f'termini ta' esklużjoni jew koersjoni huma għalhekk iktar intrużivi milli f'kuntesti oħrajn, bħall-frodi ta' karti ta' kreditu jew il-kummerċjalizzazzjoni.

31.

Il-konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità jimplika mhux biss li l-miżura proposta hija effettiva, iżda wkoll li l-iskop previst mill-proposta ma jistax jintlaħaq bl-użu ta' l-għodod li jinvadu l-privatezza anqas. L-effikaċja tal-miżuri maħsuba ma ġietx ippruvata. Għandha tkun ivvalutata bir-reqqa l-eżistenza ta' alternattivi qabel ma jibdew jitħaddmu miżuri addizzjonali/ġodda għall-proċess ta' informazzjoni personali. Skond il-KEPD, għadha ma seħħitx valutazzjoni komprensiva bħal din.

32.

Il-KEDP jixtieq ifakkar is-sistemi l-oħrajn fuq skala kbira li jissorveljaw il-movimenti ta' individwi fi jew fuq il-fruntieri ta' l-UE, kemm jekk qed joperaw jew se jiġu implimentati, inkluż b'mod partikolari s-Sistema ta' Informazzjoni Visa u s-Sistema (17) ta' Informazzjoni Schengen (18). Filwaqt li l-għan ta' dawn l-istrumenti mhuwiex il-ġlieda kontra t-terroriżmu jew il-kriminalità organizzata, sa ċertu punt dawn huma jew se jkunu aċċessibbli għall-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi għall-ambitu usa' tal-ġlieda kontra t-terroriżmu (19).

33.

Eżempju ieħor jikkonċerna d-disponibbiltà ta' data personali inkluża fid-databases nazzjonali tal-pulizija — speċjalment fir-rigward ta' informazzjoni bijometrika — fil-qafas tat-Trattat ta' Prüm iffirmat f'Mejju 2005, li qed tiġi estiża lill-Istati Membri kollha ta' l-Unjoni Ewropea (20).

34.

Dawn l-istrumenti differenti kollha għandhom in komuni l-fatt li jippermettu kontroll globali tal-movimenti ta' individwi, anki jekk minn perspettivi differenti. Il-mod li fih jistgħu diġà jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra forom speċifiċi ta' kriminalità, inkluż it-terroriżmu, għandu jkun soġġett għal analiżi bir-reqqa u komprensiva, qabel ma jkun deċiż li tiġi stabbilita forma ġdida ta' skanjar sistematiku tal-persuni kollha li jħallu l-UE jew jidħlu fiha bl-ajruplan. Il-KEDP jirrakkomanda li l-Kummissjoni tmexxi tali analiżi, bħala pass meħtieġ fil-proċedura leġislattiva.

Konklużjoni

35.

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-KEPD jikkonkludi kif ġej dwar il-leġittimità tal-miżuri proposti. Li wieħed jibni fuq data bases differenti mingħajr perspettiva globali dwar ir-riżultati konkreti u n-nuqqasijiet:

imur kontra politika leġislattiva razzjonali li fiha strumenti ġodda m'għandhomx jiġu adottati qabel dawk eżistenti ma jkunux ġew implimentati bis-sħiħ u ġew ippruvati li huma insuffiċjenti (21),

jista' altrimenti jwassal għal pass lejn soċjetà ta' sorveljanza totali.

36.

Ċertament, il-ġlieda kontra t-terroriżmu tista' tkun raġuni leġittima biex jiġu applikati eċċezzjonijiet għad-drittijiet findamentali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data. Madankollu, biex tkun valida, il-ħtieġa ta' intrużjoni trid tkun sostnuta minn elementi ċari u li wieħed ma jistax jiċħad, u għandha tiġi ppruvata l-proporzjonalità ta' l-ipproċessar. Dan huwa meħtieġ aktar f'każ ta' intrużjoni estensiva fil-privatezza ta' individwi kif previst fil-proposta.

37.

Wieħed jista' jinnota biss li tali elementi ta' ġustifikazzjoni ma jeżistux fil-proposta u li t-testijiet ta' ħtieġa u ta' proporzjonalità mhumiex sodisfatti.

38.

Il-KEPD jinsisti dwar il-karattru essenzjali tat-testijiet ta' ħtieġa u ta' proporzjonalità żviluppati hawn fuq. Huma jirrappreżentaw condicio sine qua non għad-dħul fis-seħħ tal-proposta preżenti. Kwalunkwe kumment ieħor tal-KEPD fl-opinjoni preżenti għandu jittieħed fid-dawl ta' din il-kondizzjoni preliminari.

III.   LIĠI APPLIKABBLI — L-EŻERĊIZZJU TAD-DRITTIJIET TAS-SUĠĠETT TAD-DATA

Liġi applikabbli

39.

L-analiżi ta' hawn isfel se tikkonċentra fuq tliet punti:

deskrizzjoni tal-passi differenti ta' pproċessar previsti fil-proposta, bil-ħsieb li tkun identifikata l-liġi applikabbli f'kull stadju,

il-limitazzjonijiet tal-Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali f'termini ta' ambitu u f'termini tad-drittijiet tas-suġġett tad-data,

analiżi aktar ġenerali tal-punt safejn strument tat-tielet pilastru jista' japplika għal atturi privati li jipproċessaw id-data f'qafas ta' l-ewwel pilastru.

Liġi applikabbli fl-istadji differenti ta' l-ipproċessar

40.

L-Artikolu 11 tal-proposta jgħid li “l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali Pproċessata fil-Qafas tal-Kooperazjoni bejn il-Pulizija u dik Ġudizzjarja fi Kwistjonijiet Kriminali (…) tkun applikabbli għall-ipproċessar tad-data pesonali skond din id-Deċiżjoni Qafas”.

41.

Madankollu, minkejja din id-dispożizzjoni mhuwiex ċar sa liema punt id-deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data — strument taħt it-tielet pilastru tat-Trattat ta' l-UE — se tkun applikabbli għal data pproċessata mil-linji ta' l-ajru, miġbura mill-PIU, u użata ulterjorment minn awtoritajiet kompetenti oħrajn.

42.

L-ewwel pass fl-ipproċessar ta' data personali previst fil-proposta huwa l-ipproċessar mil-linji ta' l-ajru, li huma obbligati jagħmlu disponibbli d-data PNR — billi jużaw fil-prinċipju sistema lineari (push) — lill-PIU nazzjonali. Jidher mill-formulazzjoni tal-proposta u l-valutazzjoni ta' l-impatt (22) li d-data tista' tiġi trasmessa wkoll f'daqqa mil-linji ta' l-ajru lill-intermedjarji. Il-linji ta' l-ajru huma primarjament attivi f'ambjent kummerċjali, soġġetti għal-leġislazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data li timplimenta d-Direttiva 95/46/KE (23). Se jinqalgħu mistoqsijiet dwar il-liġi applikabbli meta d-data li tkun inġabret tintuża għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi (24).

43.

Id-data tiġi mbagħad iffiltrata minn intermedjarju (trid tiġi fformattjata u tkun teskludi data PNR mhux inkluża fil-lista ta' data meħtieġa mill-proposta) jew tintbagħat direttament lill-PIU. L-intermedjarji jistgħu wkoll ikunu atturi mis-settur privat, kif hu l-każ għal SITA, li topera f'dak is-sens fil-qafas tal-Ftehim PNR mal-Kanada.

44.

Fir-rigward tal-PIU, responsabbli għall-valutazzjoni tar-riskju ta' l-ammont sħiħ ta' data, mhuwiex ċar min se jkun responsabbli mill-ipproċessar. L-awtoritajiet doganali u tal-fruntiera jistgħu jkunu involuti, u mhux bilfors l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi.

45.

It-trasmissjoni sussegwenti ta' data ffiltrata lill-awtoritajiet “kompetenti” x'aktarx issir f'kuntest ta' infurzar tal-liġi. Il-proposta tgħid li “l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinkludu biss l-awtoritajiet responsabbli mill-prevenzjoni ta' jew mill-ġlieda kontra reati terroristiċi u l-kriminalità organizzata”.

46.

Filwaqt li jipprogredixxu fil-passi ta' l-ipproċessar, l-atturi involuti u l-iskop segwit għandhom rabta aktar mill-qrib fil-kooperazzjoni mal-pulizija u l-ġudikatura f'kwistjonijiet kriminali. Madankollu, il-proposta ma ssemmix b'mod espliċitu meta d-deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data preċiżament se tibda tapplika. Il-formulazzjoni twassal ukoll biex wieħed jaħseb li din tapplika għall-ipproċessar kollu, u anki għal-linji ta' l-ajru (25). Madankollu, id-deċiżjoni kwadru dwar il-protezzjoni ta' data personali tinkludi fiha nfisha ċerti limitazzjonijiet.

47.

F'dan il-kuntest, il-KEPD għandu dubji fundamentali dwar il-fatt jekk it-Titolu VI tat-Trattat ta' l-UE jistax iservi ta' bażi legali għal obbligi legali fuq bażi ta' rutina u għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi fuq atturi mis-settur privat. Barra minn hekk, il-mistoqsija hi rilevanti fil-każ jekk it-Titolu VI tat-Trattat ta' l-UE jistax iservi ta' bażi legali għall-obbligi legali fuq awtoritajiet pubbliċi li huma fil-prinċipju barra mill-qafas tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi. Dawn il-mistoqsijiet se jiġu elaborati aktar 'il quddiem fl-opinjoni.

Limitazzjonijiet tad-deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data

48.

It-test tal-Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali fiha mill-inqas żewġ limitazzjonijiet li huma rilevanti f'termini ta' kamp ta' applikazzjoni.

49.

L-ewwelnett, il-kamp ta' applikazzjoni tad-deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data hu definit sew fid-deċiżjoni qafas infisha: hija tapplika “biss għal data miġbura jew ipproċessata mill-awtoritajiet kompetenti għall-iskop tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-esekuzzjoni ta' pieni kriminali” (26).

50.

It-tieni, id-deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data mhix suppost tapplika għal data pproċessata purament fil-livell domestiku, iżda hija limitata għal data skambjata bejn l-Istati Membri u t-trasferiment ulterjuri lejn pajjiżi terzi (27).

51.

Id-deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data tinkludi wkoll xi żvantaġġi meta mqabbla mad-Direttiva 95/46/KE, b'mod partikolari eċċezzjoni wiesgħa għall-prinċipju dwar il-limitazzjoni ta' l-iskop. Fir-rigward ta' dan il-prinċipju dwar l-iskop, il-proposta tillimita b'mod ċar l-iskop ta' l-ipproċessar għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. Madankollu, id-deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data tippermetti l-ipproċessar għal skopijiet usa'. F'każ bħal dan, il-lex specialis (il-proposta) għandha tipprevala fuq il-lex generalis (id-deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data) (28). Dan għandu joħroġ b'mod espliċitu fit-test tal-proposta.

52.

Għal din ir-raġuni, il-KEPD jirrakkomanda ż-żieda tad-dispożizzjoni li ġejja għall-proposta: “Id-data personali trasmessa mil-linji ta' l-ajru skond din id-Deċiżjoni Qafas ma tistax tiġi pproċessata għal skopijiet oħra ħlief dawk tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. L-eċċezzjonijiet previsti fir-rigward tal-prinċipju dwar l-iskop fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali ma japplikawx”.

53.

Bħala konklużjoni, il-KEPD jinnota nuqqas serju ta' ċertezza legali fir-rigward tas-sistema dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli għall-atturi differenti involuti fil-proġett, u b'mod partikolari għal-linji ta' l-ajru u atturi oħrajn ta' l-ewwel pilastru: kemm jekk huma r-regoli tal-proposta, ir-regoli tad-deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data jew il-leġislazzjoni nazzjonali li timplimenta d-Direttiva 95/46/KE. Il-leġislatur għandu jagħmilha ċara f'liema mument ta' l-ipproċessar dawn ir-regoli se japplikaw preċiżament.

Kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-regoli ta' l-ewwel u tat-tielet pilastru

54.

Il-KEPD għandu dubji fundamentali dwar il-fatt li strument tat-tielet pilastru joħloq obbligi legali fuq bażi ta' rutina u għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi fuq atturi mis-settur privat jew pubbliku li huma fil-prinċipju 'l barra mill-qafas tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi.

55.

Hawnhekk jista' jsir paragun ma' żewġ każijiet oħrajn fejn is-settur privat kien involut fiż-żamma jew it-trasferiment ta' data f'perspettiva ta' infurzar tal-liġi:

il-każ tal-PNR ta' l-Istati Uniti fejn kien previst trasferiment sistematiku ta' data PNR mil-linji ta' l-ajru lill-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi. Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ PNR eskludiet il-kompetenza Komunitarja biex ikun konkluż il-ftehim PNR. Waħda mill-ġustifikazzjonijiet kienet li t-trasferiment tad-data PNR lis-CBP ta' l-Istati Uniti kkostitwixxa operazzjonijiet ta' ipproċessar dwar is-sigurtà pubblika u l-attivitajiet ta' l-Istat f'oqsma tal-liġi kriminali (29). F'dan il-każ, l-operazzjoni ta' pproċessar kienet trasferiment lis-CBP b'mod sistematiku, li tagħmel differenza fil-każ li ġej,

iż-żamma ġenerali ta' data mill-operaturi ta' komunikazzjoni elettronika. Fir-rigward tal-kompetenza Komunitarja biex jiġi stabbilit tali perijodu ta' żamma, tista' ssir differenza fil-każ tal-PNR ta' l-Istati Uniti, meta jitqies li d-Direttiva 2006/24/KE (30) tipprevedi biss obbligu ta' żamma, fejn id-data tibqa' taħt il-kontroll ta' l-operaturi. Ma hu previst l-ebda trasferiment sistematiku ta' data lill-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi. Jista' jiġi konkluż li, dment li d-data tibqa' taħt il-kontroll tal-fornituri tas-servizz, dawk il-fornituri jibqgħu wkoll responsabbli fir-rigward tar-rispett għall-obbligi ta' protezzjoni ta' data personali vis-à-vis is-suġġett tad-data.

56.

Fil-proposta preżenti ta' l-UE dwar il-PNR, il-linji ta' l-ajru jridu jagħmlu disponibbli b'mod sistematiku d-data PNR tal-passiġġieri kollha. Madankollu, din id-data ma tiġix ittrasferita f'daqqa lill-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi: din tista' tintbagħat lil intermedjarju u tiġi vvalutata minn parti terza, li l-istatut tiegħu għadu mhux ċar, qabel ma tintbagħat informazzjoni magħżula lill-awtoritajiet kompetenti.

57.

Il-parti prinċipali ta' l-ipproċessar issir f'żona mhux ċara, b'rabtiet materjali kemm ma' l-ewwel kif ukoll mat-tieni pilastru. Kif se jkun żviluppat fil-Kapitolu IV, il-kwalità ta' l-atturi li jipproċessaw id-data mhix ċara. Ovvjament, il-linji ta' l-ajru mhumiex awtoritajiet ta' infurzar, u l-intermedjarji jistgħu jkunu atturi tas-settur privat. Anki fir-rigward tal-PIU li suppost ikunu awtoritajiet pubbliċi, irid jiġi enfasizzat li mhux kull awtorità pubblika għandha l-kwalità u l-kompetenzi biex twettaq kompiti ta' infurzar tal-liġi fuq bażi ta' rutina.

58.

Tradizzjonalment, kienet teżisti differenza bejn l-attivitajiet ta' infurzar tal-liġi u l-attivitajiet tas-settur privat, fejn kompiti ta' infurzar tal-liġi jitwettqu minn awtoritajiet speċjali apposta, b'mod partikolari il-forzi tal-pulizija, u l-atturi privati jiġu ssoliċitati fuq bażi ta' każ b'każ biex jikkomunikaw data personali lil dawn l-awtoritajiet ta' l-infurzar. Issa hemm tendenza li tkun imponuta l-kooperazzjoni fuq atturi privati għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi fuq bażi sistematika, li tqajjem il-kwistjoni dwar liema qafas ta' protezzjoni tad-data (l-ewwel jew it-tielet pilastru) japplika għall-kondizzjonijiet ta' din il-kooperazzjoni: ir-regoli għandhom ikunu bbażati fuq il-kwalità tal-kontrollur tad-data (settur privat) jew fuq l-iskop segwit (infurzar tal-liġi)?

59.

Il-KEPD diġà fakkret fir-riskju ta' lakuna legali bejn l-attivitajiet ta' l-ewwel u tat-tielet pilastru (31). Tabilħaqq ma huwa xejn ċar jekk l-attivitajiet ta' kumpanniji privati, b'xi mod konnessi ma' l-infurzar tal-liġi kriminali, humiex koperti mill-ambitu ta' azzjoni tal-leġislatur ta' l-Unjoni Ewropea skond l-Artikoli 30, 31, u 34 TUE.

60.

Jekk il-qafas ġenerali (l-ewwel pilastru) ma jkunx japplika, fornitur tas-servizz ikun irid jagħmel distinzjonijiet diffiċli fi ħdan id-data bases tiegħu. Skond is-sistema attwali, huwa ċar li l-kontrollur tad-data jrid jirrispetta l-istess protezzjoni tad-data vis-à-vis is-suġġetti tad-data irrispettivament mill-iskopijiet li jiġġustifikaw iż-żamma tad-data. Għandu għalhekk ikun evitat eżitu fejn l-ipproċessar minn fornituri tas-servizz għal skopijiet differenti jkun soġġett għal oqfsa differenti għall-protezzjoni tad-data.

Eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data

61.

Is-sistemi differenti legali li jkunu japplikaw fil-livell nazzjonali jkollhom impatt maġġuri primarjament fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu/tagħha mis-suġġett tad-data.

62.

Fil-preambolu tal-proposta huwa mniżżel li “id-dritt għall-informazzjoni, id-dritt għall-aċċess, id-dritt tal-korrezzjoni, it-tħassir u l-ibblukkar, kif ukoll id-dritt għall-kumpens u r-rimedji ġuridiċi għandhom ikunu pprovduti taħt dik id-Deċiżjoni Qafas”. Madankollu, din id-dikjarazzjoni ma tweġibx għall-mistoqsija dwar min hu l-kontrollur inkarigat biex iwieġeb għat-talbiet tas-suġġetti tad-data.

63.

Filwaqt li l-informazzjoni dwar l-ipproċessar tista' tkun ikkomunikata mil-linji ta' l-ajru, il-kwistjoni hija aktar kumplessa għal dak li huwa l-aċċess jew ir-rettifika tad-data. Dawn id-drittijiet huma tabilħaqq ristretti taħt id-deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data. Kif intqal hawn fuq, huwa dubjuż li fornitur tas-servizz bħal-linja ta' l-ajru jista' jiġi obbligat jagħti aċċess iddifferenzjat u drittijiet ta' rettifika fir-rigward tad-data li jkun qed iżomm, skond l-iskop (kummerċjali jew infurzar tal-liġi) segwit. Wieħed jista' jargumenta li dawn id-drittijiet iridu jiġu eżerċitati qabel il-PIU jew alternattivament l-awtoritajiet kompetenti li jkunu ġew maħtura. Il-proposta madankollu ma tagħti ebda indikazzjoni ulterjuri f'dan ir-rigward, u kif diġà ssemma, l-anqas ma hu ċar li dawn l-awtoritajiet (għall-inqas il-PIU) se jkunu awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi normalment fdati bi proċeduri ta' aċċess ristrett (possibbilment b'mod indirett).

64.

L-individwu jirriskja wkoll li jkun ikkonfrontat b'riċevituri differenti tad-data, safejn għandhom x'jaqsmu l-PIU: veru li d-data tiġi trasmessa lill-PIU tal-pajjiż tat-tluq/wasla tat-titjiriet, iżda possibbilment ukoll lill-PIU ta' Stati Membri oħrajn fuq bażi ta' każ b'każ. Barra minn hekk, huwa possibbli li diversi Stati Membri jistgħu jistabbilixxu jew jaħtru PIU wieħed u komuni. F'dak il-każ, is-suġġett tad-data forsi jkollu jeżerċita rimedju quddiem awtorità ta' Stat Membru ieħor. Għal darba oħra mhuwiex ċar jekk ir-regoli nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data humiex se japplikaw (dawn suppost huma armonizzati fi ħdan l-UE), jew jekk huwiex se jkollu jittieħed kont ta' leġislazzjoni speċifika dwar l-infurzar tal-liġi (minħabba n-nuqqas ta' armonizzazzjoni komprensiva fit-tielet pilastru fil-livell nazzjonali).

65.

Il-kwistjoni hija l-istess fir-rigward ta' l-aċċess għal data pproċessata minn intermedjarji, li l-istatut tagħhom mhuwiex ċar, li li jista' wkoll ikun komuni għal-linji ta' l-ajru f'pajjiżi differenti ta' l-UE.

66.

Il-KEPD jiddeplora l-inċertezza li għad baqa' fir-rigward ta' l-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data. Huwa jenfasizza l-fatt li din is-sitwazzjoni prinċipalment hi minħabba l-fatt li l-atturi li ma għandhomx l-infurzar tal-liġi bħala kompitu prinċipali jiġu fdati b'tali responsabbiltajiet.

Konklużjoni

67.

Il-KEPD iqis li l-proposta għandha tagħmilha ċara liema sistema legali tkun applikabbli u f'liema stadju ta' l-ipproċessar, u tispeċifika vis-à-vis liema attur jew awtorità għandhom jiġu eżerċitati l-aċċess jew ir-rimedju. Il-KEPD ifakkar li skond l-Artikolu 30.1. b) TUE, id-dispożizzjonjiet dwar il-protezzjoni tad-data għandhom ikunu adatti u jkopru l-firxa sħiħa ta' l-operazzjonijiet ta' ipproċessar stabbiliti mill-proposta. Referenza sempliċi għad-deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data mhijiex suffiċjenti, minħabba l-kamp ta' applikazzjoni limitat ta' dik id-deċiżjoni qafas u r-restrizzjonijiet għad-drittijiet li fiha. Safejn huma involuti l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi, ir-regoli tad-deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data għandhom għall-inqas japplikaw għall-ipproċessar kollu previst fil-proposta, sabiex tkun garantita l-koerenza l-applikazzjoni tal-prinċipji dwar il-protezzjoni tad-data.

IV.   KWALITÀ TAR-RIĊEVITURI

68.

Il-KEPD jinnota li l-proposta ma tipprevedi l-ebda speċifikazzjoni fir-rigward tal-kwalità tar-riċevituri tad-data personali miġbura mil-linji ta' l-ajru, kemm jekk hija għall-intermedjarji, għall-Unitajiet ta' Informazzjoni dwar il-Passiġġieri, jew għall-awtoritajiet kompetenti. Għandu jiġi enfasizzat li l-kwalità tar-riċevitur hija f'relazzjoni diretta mat-tip ta' garanziji għall-protezzjoni tad-data li japplikaw għar-riċevitur. Id-differenza bejn garanziji previsti b'mod partikolari bir-regoli ta' l-ewwel u tat-tielet pilastru diġà ssemmiet. Huwa essenzjali li s-sistema applikabbli tkun ċara għall-atturi kollha involuti, inklużi l-gvernijiet nazzjonali, l-aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data, kif ukoll il-kontrolluri tad-data u s-suġġetti tad-data involuti.

Intermedjarji

69.

Ma tingħata l-ebda indikazzjoni fil-proposta fir-rigward tal-kwalità ta' l-intermedjarji (32). Ir-rwol ta' l-intermedjarji bħala kontrolluri jew proċessuri lanqas ma hu speċifikat. Mill-esperjenza, jidher li entità mis-settur privat, sew jekk hi Sistema ta' Riżervazzjoni bil-Kompjuter kif ukoll jekk hi entità oħra, tista' perfettament tkun fdata bil-kompitu li tiġbor data PNR direttament mil-linji ta' l-ajru biex tiddiriġiha mill-ġdid lill-PIU. Dan hu tabilħaqq il-mod ta' kif hija pproċessata d-data skond il-Ftehim PNR mal-Kanada. SITA (33) hija l-kumpannija responsabbli mill-ipproċessar ta' l-informazzjoni. Ir-rwol ta' l-intermedjarju huwa deċiżiv, għax hu jista' jkun responsabbli mill-iffiltrar/formatting mill-ġdid tad-data li tiġi trasmessa f'daqqa mil-linji ta' l-ajru (34). Anki jekk l-intermedjarji huma obbligati jikkanċellaw l-informazzjoni pproċessata ladarba din tkun ġiet ittrasferita lill-PIU, l-ipproċessar fih innifsu jibqa' sensittiv ferm: konsegwenza ta' l-intervent ta' intermedjarji hija l-ħolqien ta' database addizzjonali li tkun tinkludi ammonti massivi ta' data, u wkoll, skond il-proposta, data sensittiva (fejn imbagħad l-intermedjarji jkunu obbligati jħassru dik id-data sensittiva). Minħabba dawn ir-raġunijiet, il-KEPD jirrakkomanda li ebda intermedjarju ma għandu jkun involut fl-ipproċessar ta' data tal-passiġġieri, sakemm il-kwalità u l-kompiti ta' l-intermedjarju ma jkunux strettament speċifikati.

Unitajiet ta' Informazzjoni dwar il-Passiġġeri

70.

Il-PIU għandhom rwol deċiżiv fl-identifikazzjoni ta' persuni li huma jew jistgħu jkunu involuti jew assoċjati mat-terroriżmu jew il-kriminalità organizzata. Skond il-proposta, dawn se jkunu responsabbli għall-ħolqien ta' indikaturi tar-riskju u biex jipprovdu intelligence dwar xejriet ta' vvjaġġar (35). Fejn il-valutazzjoni tar-riskju tkun ibbażata fuq xejriet ta' vvjaġġar standardizzati u mhux fuq evidenza materjali marbuta ma' każ konkret, l-analiżi tista' titqies bħala waħda li tkun tikkostitwixxi investigazzjoni proattiva. Il-KEPD jenfasizza li dan it-tip ta' pproċessar huwa fil-prinċipju strettament irregolat fil-leġislazzjoni ta' l-Istati Membri (jekk mhux ipprojbit), u huwa l-kompitu ta' awtoritajiet pubbliċi speċifiċi li l-funzjonament tagħhom huwa wkoll strettament irregolat.

71.

Il-PIU huma għalhekk fdati bi proċessar ta' informazzjoni sensittiv ħafna, fejn il-proposta ma tagħti ebda dettall dwar il-kwalità tagħhom u l-kondizzjonijiet li fihom jeżerċitaw din il-kompetenza. Għalkemm x'aktarx dan il-kompitu se jitwettaq minn korp governattiv, possibbilment id-dwana jew il-kontroll tal-fruntiera, il-proposta ma timpedix espliċitament lill-Istati Membri milli jafdaw it-twettiq tiegħu f'idejn aġenziji ta' l-intelligence jew saħansitra kwalunkwe tip ta' proċessur. Il-KEPD jenfasizza l-fatt li t-trasparenza u l-garanziji li japplikaw lill-aġenziji ta' l-intelligence mhumiex dejjem identiċi għal dawk applikabbli għall-awtoritajiet tradizzjonali ta' l-infurzar tal-liġi. Id-dettalji dwar il-kwalità tal-PIU huma deċiżivi, peress li din se jkollha konsegwenzi diretti fuq il-qafas legali applikabbli u l-kondizzjonijiet tal-kontroll. Il-KEPD iqis li l-proposta għandha tinkludi dispożizzjoni addizzjonali li tagħti dettalji dwar l-ispeċifiċitajiet tal-PIU.

Awtoritajiet kompetenti

72.

Jidher mill-Artikolu 4 tal-proposta li kwalunkwe awtorità responsabbli mill-prevenzjoni ta' jew mill-ġlieda kontra reati terroristiċi u l-kriminalità organizzata tista' tirċievi d-data. Filwaqt li l-iskop hu definit b'mod ċar, m'hemm xejn dwar il-kwalità ta' l-awtorità. Il-proposta ma tipprevedi l-ebda limitazzjoni ta' riċevituri lill-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi.

Kif intqal aktar 'il fuq fir-rigward tal-PIU, huwa deċiżiv li l-informazzjoni sensittiva in kwistjoni tkun ipproċessata f'ambjent b'qafas legali ċar. Dan hu aktar u aktar il-każ, eż., għall-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi milli għall-aġenziji ta' l-intelligence. Meta jitqiesu l-elementi ta' estrazzjoni ta' data u r-riċerka proattiva inkluża fil-proposta, ma jistax ikun eskluż li aġenziji ta' l-intelligence bħal dawn ikunu involuti fl-ipproċessar tad-data, mingħajr l-esklużjoni ta' kwalunkwe tip ieħor ta' awtorità.

Konklużjoni

73.

Bħala kumment ġenerali, il-KEPD jinnota li l-infurzar ta' sistema PNR ta' l-UE jsir aktar diffiċli meta jitqies li l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi għandhom kompetenzi differenti skond il-liġi nazzjonali ta' l-Istati Membri, sew jekk jiġu inklużi kif ukoll jekk le l-intelligence, it-taxxa, l-immigrazzjoni jew il-pulizija. Din hija madankollu raġuni supplimentari biex wieħed jirrakkomanda li l-proposta tkun aktar preċiża fir-rigward tal-kwalità ta' l-atturi msemmija u l-garanziji għall-kontroll tat-twettiq tal-kompiti tagħhom. Għandhom jiġu integrati fil-proposta dispożizzjonijiet addizzjonali, biex ikun speċifikat b'mod strett il-kompetenzi u l-obbligi legali ta' l-intermedjarji, il-PIU u l-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn.

V.   KONDIZZJONIJIET TA' TRASFERIMENT LIL PAJJIŻI TERZI

74.

Il-proposta tipprevedi xi salvagwardji fir-rigward tat-trasferiment ta' data PNR lil pajjiżi terzi (36). B'mod partikolari, hija tipprevedi espliċitament l-applikazzjoni tad-deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data għat-trasferiment ta' data, hija tipprevedi limitazzjoni ta' skop speċifiku u ssemmi l-ħtieġa ta' kunsens ta' l-Istat Membru f'każ ta' trasferiment suċċessiv. It-trasferiment għandu wkoll jikkonforma mal-leġislazzjoni nazzjonali ta' l-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll kwalunkwe ftehim internazzjonali applikabbli.

75.

Madankollu, għad baqa' ħafna mistoqsijiet, partikolarment fir-rigward tal-kwalità ta' kunsens, il-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data u l-kwistjoni dwar ir-“reċiproċità” fit-trasmissjoni ta' data lil pajjiiżi terzi.

Kwalità tal-kunsens

76.

L-Istat Membru ta' l-oriġini għandu jagħti l-kunsens espliċitu għat-trasferiment suċċessiv ta' data minn pajjiż terz għal pajjiż terz ieħor. Il-proposta ma tispeċifikax f'liema kondizzjonijiet u minn min se jingħata dan il-kunsens, u jekk id-DPA nazzjonali għandhomx ikunu involuti fid-deċiżjoni. Il-KEPD iqis li l-mod li bih se jingħata l-kunsens għandu ta' l-inqas ikun f'konformità mal-liġijiet nazzjonali li jistipulaw il-kondizzjonijiet għat-trasferiment ta' data personali lil pajjiżi terzi.

77.

Barra minn hekk, il-kunsens ta' Stat Membru m'għandux jiddomina fuq il-prinċipju li jipprevedi livell xieraq ta' protezzjoni mill-pajjiż riċevitur għall-ipproċessar maħsub. Dawn il-kondizzjonijiet għandhom ikunu kumulattivi, kif inhuma fid-deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data (Artikolu 14). Il-KEPD għalhekk jissuġġerixxi li jiżdied punt (c) għall-paragrafu 1 ta' l-Artikolu 8 li jkun jinqara “u (c) l-Istat terz jiżgura livell xieraq ta' protezzjoni għall-ipproċessar tad-data maħsub”. Il-KEPD ifakkar f'dan ir-rigward li għandhom jitħaddmu mekkaniżmi li jiżguraw standards komuni u deċiżjonijiet ikkoordinati fir-rigward ta' l-adegwatezza (37).

Applikazzjoni tad-deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data

78.

Il-proposta tirreferi għall-kondizzjonijiet u s-salvagwardji li jinsabu fid-deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data filwaqt li tispeċifika wkoll b'mod espliċitu xi kondizzjonijiet, partikolarment il-kunsens imsemmi hawn fuq ta' l-Istat Membru kkonċernat, u limitazzjoni ta' l-iskop biex ikunu impeduti u miġġielda r-reati terroristiċi u l-kriminalità organizzata.

79.

Id-deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data nnfisha tipprevedi kondizzjonijiet għat-trasferiment ta' data personali lil pajjiżi terzi, jiġifieri fir-rigward tal-limitazzjoni ta' l-iskop, il-kwalità tar-riċevituri, il-kunsens ta' l-Istat Membru, u l-prinċipju dwar l-adegwatezza. Madankollu, hija tipprevedi wkoll derogi għal dawn il-kondizzjonijiet ta' trasferiment: interessi prevalenti leġittimi, speċjalment interessi pubbliċi importanti, jistgħu jkunu bażi suffiċjenti ta' trasferiment anki jekk il-kondizzjonijiet elenkati hawn fuq mhumiex sodisfatti.

80.

Kif diġà ssemma fil-Kapitolu III ta' din l-opinjoni, il-KEPD iqis li għandu jiġi ddikjarat b'mod ċar fit-test tal-proposta li l-garanziji aktar preċiżi tal-proposta jipprevalu fuq il-kondizzjonijiet ġenerali — u l-eċċezzjonijiet — tad-deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data, fejn ikun japplika.

Reċiproċità

81.

Il-proposta tindirizza l-kwistjoni dwar il-possibbiltà ta' “talbiet ta' ritaljazzjoni” minn pajjiżi li jistgħu jitolbu lill-UE data PNR għal titjiriet mill-UE lejn it-territorju tagħhom. Fejn l-UE titlob data minn databases ta' linji ta' l-ajru ta' pajjiżi terzi bħal dawn, minħabba li joperaw titjira lejn jew mill-UE, tali pajjiż terz jista' jagħmel l-istess talba lil linji ta' l-ajru bbażati fl-UE, inkluża data minn ċittadini ta' l-UE. Għalkemm il-Kummissjoni tqis din l-eventwalità bħala waħda “rimota ħafna”, hi tagħmel provvediment għaliha. Il-proposta tirreferi f'dan ir-rigward għall-fatt li l-ftehim ma' l-Istati Uniti u mal-Kanada jipprevedi tali trattament reċiproku “li jista' jkun infurzat b'mod awtomatiku” (38). Il-KEPD għandu dubji dwar is-sinifikat ta' tali reċiproċità awtomatika u l-applikazzjoni ta' salvagwardji għal trasferimenti bħal dawn, notevolment b'kont meħud ta' l-eżistenza ta' livell xieraq ta' protezzjoni tal-pajjiż ikkonċernat.

82.

Għandha ssir distinzjoni bejn pajjiżi terzi li diġà kkonkludew ftehim ma' l-UE, u dawk il-pajjiżi li m'għandhomx ftehim bħal dan.

Pajjiżi li m'għandhom ebda ftehim ma' l-UE

83.

Il-KEPD jinnota li r-reċiproċità tista' twassal għal trasferiment ta' data personali lil pajjiżi fejn ma tista' tiġi pprovduta l-ebda garanzija f'termini ta' standards demokratiċi u livell xieraq ta' protezzjoni tad-data.

84.

Il-valutazzjoni ta' l-impatt tagħti elementi ulterjuri fir-rigward tal-kondizzjonijiet għat-trasferiment ta' data lil pajjiżi terzi: il-vantaġġ tas-sistema PNR ta' l-UE, fejn id-data tiġi ffiltrata mill-PIU, huwa enfasizzat. Data magħżula ta' individwi suspettati biss (u mhux id-data kollha kemm hi) għandha tiġi ttrasferita lill-Awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri u preżumibbilment lill-pajjiżi terzi wkoll (39). Il-KEPD jirrakkomanda li jkun ikkjarifikat dan il-punt fit-test tal-proposta. Sempliċi dikjarazzjoni fil-valutazzjoni ta' l-impatt ma tipprovdix il-protezzjoni meħtieġa.

85.

Filwaqt li l-għażla tad-data tkun tikkontribwixxi biex ikun minimizzat l-impatt fuq il-privatezza tal-passiġġieri, għandu jkun imfakkar li l-prinċipji dwar il-protezzjoni tad-data jmorru ferm lil hinn mill-minimizzazzjoni tad-data, u jinkludu prinċipji bħall-ħtieġa, it-trasparenza u l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, il-prinċipji kollha li jrid jittieħed kont tagħhom meta jiġi ddeterminat jekk pajjiż terz jagħmilx provvediment għal-livell xieraq ta' protezzjoni.

Pajjiżi li għandhom ftehim bilaterali ma' l-UE

86.

Il-valutazzjoni ta' l-impatt tindika li pproċessar bħal dan jagħti lill-UE l-kapaċità “biex tinsisti fuq ċerti standards u biex tiżgura konsistenza f'tali ftehim bilaterali ma' pajjiżi terzi. Hi se tagħti wkoll il-possibbiltà li wieħed ikun jista' jitlob trattament reċiproku mill-pajjiżi terzi li l-UE jkollha ftehim magħhom, xi ħaġa li mhix possibbli llum” (40).

87.

Minn dawn l-osservazzjonijiet toħroġ il-kwistjoni dwar l-impatt tal-proposta dwar il-ftehim attwali mal-Kanada u l-Istati Uniti ta' l-Amerika. Il-kondizzjonijiet ta' aċċess għad-data f'dawn il-ftehim huma tabilħaqq aktar wesgħin, għax mhumiex soġġetti għal għażla simili qabel ma tiġi ttrasferita lil dawk il-pajjiżi terzi.

88.

Il-valutazzjoni ta' l-impatt tindika li “fil-każijiet fejn l-UE għandha ftehim internazzjonali ma' pajjiż terz għall-iskambjar/trasmissjoni ta' data PNR lil tali pajjiż terz, tali ftehim għandhom ikunu debitament meqjusa. It-trasportaturi għandhom jibagħtu d-data PNR lill-Unitajiet ta' Informazzjoni dwar il-Passiġġieri skond il-prassi normali taħt il-miżura attwali. Il-PIU li jirċievi din id-data għandu jittrasmettiha lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz li miegħu jeżisti tali ftehim” (41).

89.

Filwaqt li min-naħa waħda, il-proposta jidher li timmira lejn it-trasferiment tad-data magħżula biss lil kwalunkwe awtorità kompetenti, sew fi ħdan l-UE jew 'il barra mill-UE, min-naħa l-oħra, il-valutazzjoni ta' l-impatt, il-preambolu tal-proposta (premessa 21) u l-Artikolu nnifsu jfakkru li għandu jittieħed kont debitu tal-ftehim attwali. Dan jista' jwassal għall-konklużjoni li l-filtraġġ jista' jkun biss miżura valida għall-ftehim li jiġi konkluż fil-futur. Jista' jkun previst f'din il-perspettiva li l-aċċess għad-data kollha kemm hi se jibqa' jkun ir-regola ta' aċċess eż. mill-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti għad-data PNR, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim UE-Stati Uniti, iżda li b'mod parallel u abbażi ta' każ b'każ, trasferiment ta' data lill-Istati Uniti jista' jseħħ, fir-rigward ta' data speċifika identifikata mill-PIU, inkluż iżda mhux limitat għal data li tirrigwarda titjiriet lejn l-Istati Uniti.

90.

Il-KEPD jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' ċarezza dwar dan il-punt deċiżiv tal-proposta. Huwa jqis bħala importanti ferm li l-kondizzjonijiet għat-trasferiment ta' data PNR lil pajjiżi terzi jkunu koerenti u soġġetti għal livel armonizzat ta' protezzjoni. Minbarra dan, għal raġunijiet ta' ċertezza legali, għandhom jiġu inklużi preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-garanziji li japplikaw għat-trasferiment tad-data fil-proposta nnfisha u mhux biss fil-valutazzjoni ta' l-impatt, kif hu l-każ bħalissa.

VI.   PUNTI SOSTANTIVI OĦRAJN

Proċessar awtomatizzat

91.

Il-KEPD jinnota li l-proposta teskludi b'mod espliċitu li għandhom jittieħdu azzjonijiet ta' infurzar mill-Unitajiet ta' Informazzjoni dwar il-Passiġġieri u mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri biss minħabba l-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR jew minħabba l-oriġini etnika jew tar-razza ta' persuna, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, l-opinjoni politika jew l-orjentazzjoni sesswali tagħha (42).

92.

Tali preċiżjoni hi flokha peress li tillimita ir-riskji ta' miżuri arbitrarji kontra l-individwu. Il-KEPD madankollu jinnota li l-kamp ta' applikazzjoni tagħha huwa limitat għal azzjonijiet ta' infurzar mill-PIU jew l-awtoritajiet kompetenti. Hi ma teskludix, fil-formulazzjoni attwali tagħha, il-filtraġġ awtomatizzat ta' individwi skond il-profili standard, u lanqas ma timpedixxi l-kostituzzjoni awtomatizzata ta' listi ta' persuni suspettati u t-teħid ta' miżuri bħas-sorveljanza estiża, sakemm dawn il-miżuri ma jitqisux bħala azzjonijiet ta' infurzar.

93.

Il-KEPD iqis li l-kunċett ta' azzjonijiet ta' infurzar hu vag wisq, u li, bħala prinċipju, ma għandha tittieħed l-ebda deċiżjoni fir-rigward ta' individwi minħabba l-ipproċessar awtomatizzat tad-data tagħhom biss  (43). Il-KEPD jirrakkomanda li l-proposta tiġi mmodifikata għaldaqstant.

Kwalità tad-data

94.

Fl-Artikolu 5.2 il-proposta tagħti preċiżjoni importanti peress li tagħmilha ċar li l-linji ta' l-ajru ma għandhom l-ebda obbligu li jiġbru jew iżommu data addizzjonali għal dik miġbura għall-iskop kummerċjali inizjali.

95.

Diversi aspetti ta' l-ipproċessar ta' din id-data għadhom jeħtieġu aktar kummenti:

id-data għandha tkun disponibbli, kif elenkat fl-Anness I tal-proposta, hija estensiva ħafna, u l-lista hija simili għal-lista tad-data disponibbli lill-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti fil-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti. F'diversi okkażjonijiet ġew espressi dubji mill-Awtoritajiet għall-Protezzjoni tad-Data rigward il-kwalità ta' xi data mitluba, u speċjalment mill-Grupp ta' Ħidma ta' l-Artikolu 29 (44),

jidher mill-formulazzjoni tal-valutazzjoni ta' l-impatt (45) u l-Artikolu 6.3 tal-proposta li d-data tista' tiġi trasmessa wkoll f'daqqa mil-linji ta' l-ajru lill-intermedjarji. Data trasmessa lil terzi inizjalment lanqas ma tkun limitata fil-konformità mad-data PNR elenkata fl-Anness 1 tal-proposta,

fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data sensittiva, anki jekk din id-data tista' tiġi ffiltrata fl-istadju ta' intermedjarji, tibqa' l-kwistjoni dwar jekk it-trasferiment tal-kamp kollu mil-linji ta' l-ajru huwiex strettament meħtieġ.

Il-KEPD jappoġġa l-punti f'dan ir-rigward li saru fl-opinjoni WP29.

Metodu ta' trasferiment tad-data PNR

96.

It-trasportaturi ta' l-ajru stabbiliti 'l barra mill-UE huma meħtieġa jibagħtu d-data b'mod lineari lill-PIU jew lill-intermedjarji sakemm ikollhom l-istruttura teknika biex jagħmlu dan. Jekk dan ma jkunx il-każ huma jkollhom jippermettu l-estrazzjoni ta' data permezz tal-metodu mhux lineari.

97.

Jekk wieħed jippermetti metodi differenti ta' komunikazzjoni tad-data skond il-linji ta' l-ajru kkonċernati se jinħolqu aktar diffikultajiet fir-rigward tal-kontroll tal-konformità tat-trasferiment tad-data PNR mar-regoli għall-protezzjoni tad-data. Dan jirriskja wkoll distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn il-linji ta' l-ajru ta' l-UE u dawk mhux ta' l-UE.

98.

Il-KEPD ifakkar li l-metodu lineari, li jippermetti lil-linji ta' l-ajru jżommu kontroll fuq il-kwalità tad-data ttrasferita u ċ-ċirkostanzi tat-trasferimenti, huwa l-uniku metodu ammissibbli fir-rigward tal-proporzjonalità ta' l-ipproċessar. Barra minn hekk, dan għandu jikkonsisti f'metodu lineari effettiv, jiġifieri, id-data m'għandhiex tintbagħat f'daqqa lil intermedjarju iżda ffiltrata fl-ewwel pass ta' l-ipproċessar. Hija ħaġa mhux ammissibbli li data mhux meħtieġa — u data mhux inkluża fl-Anness 1 tal-proposta — tintbagħat lil terzi, anki jekk dik id-data titħassar immedjatament minn dawn it-terzi.

Żamma ta' data

99.

L-Artikolu 9 tal-proposta jipprevedi ż-żamma tad-data PNR għal perijodu ta' 5 snin, b'perijodu addizzjonali ta' 8 snin fejn id-data tinżamm f'database “mhux attiva” li tkun aċċessibbli f'kondizzjonijiet ristretti.

100.

Il-KEPD għandu dubji dwar id-differenza bejn iż-żewġ tipi ta' databases: hija ħaġa argumentabbli jekk id-database mhux attiva tikkostitwixxix arkivju veru, b'metodi differenti ta' ħażna u rkupru ta' data. Tabilħaqq, ħafna mill-kondizzjonijiet marbutin ma' l-aċċess għad-database mhux attiva jikkonsistu fi ħtiġiet ta' sigurtà li jistgħu jkunu applikabbli wkoll għad-“database li tinżamm għal ħames snin”.

101.

It-tul ta' żmien totali ta' ħażna — jiġifieri 13-il sena — huwa fi kwalunkwe każ eċċessiv. Fil-valutazzjoni ta' l-impatt, dan huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li jinħolqu indikaturi tar-riskju u jiġu stabbiliti xejriet ta' vvjaġġar u ta' mġiba (46), fejn l-effiċjenza tagħhom trid tiġi ppruvata aktar. Filwaqt li huwa ovvju li d-data tista' tinżamm għal kemm hu meħtieġ f'każ speċifiku sakemm tkun għaddejja investigazzjoni, m'hemm ebda ġustifikazzjoni għaż-żamma tad-data tal-passiġġieri kollha li ma huma bl-ebda mod issuspettati għal 13-il sena.

102.

Il-KEPD jinnota wkoll li dan il-perijodu ta' żamma m'għandux l-appoġġ tat-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni mill-Istati Membri, fejn skond dawn it-tul ta' żmien medju tal-ħażna meħtieġa jkun 3,5 snin (47).

103.

Barra minn hekk, il-perijodu ta' 13-il sena huwa komparabbli għall-perijodu ta' żamma ta' 15-il sena fil-ftehim l-aktar reċenti ma' l-Istati Uniti. Il-KEPD kien dejjem tal-fehma li dan il-perijodu twil ta' żamma sar qbil dwaru minħabba l-pressjoni kbira mill-Gvern ta' l-Istati Uniti biex ikun hemm perijodu ferm itwal min 3.5 snin, u mhux għax il-Kunsill jew il-Kummissjoni kienu qatt favur dan. M'hemm l-ebda raġuni għaliex tali kompromess għandu jiġi traspost — li ġie ġġustifikat biss bħala riżultat meħtieġ tan-negozjati — għal strument legali fl-UE nfisha.

Rwol tal-Kumitat ta' l-Istati Membri

104.

Il-Kumitat ta' l-Istati Membri stabbilit skond l-Artikolu 14 tal-proposta se jkun kompetenti fir-rigward ta' kwistjonijiet marbutin mas-sigurtà inkluż il-protokoll u l-kodifikazzjoni ta' data PNR, iżda wkoll fir-rigward ta' gwida dwar kriterji ġenerali komuni, metodi u prassi relatati mal-valutazzjoni tar-riskju.

105.

Barra minn dawn l-indikazzjonijiet, il-proposta ma tinkludi ebda element jew kriterju fir-rigward tal-kondizzjonijiet u l-qafas konkreti tal-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju. Il-valutazzjoni ta' l-impatt ssemmi li l-kriterji fl-aħħar mill-aħħar se jiddependu fuq l-intelligence li jkollu kull Stat Membru, li qed tevolvi kontinwament. Il-valutazzjoni tar-riskju trid titwettaq fin-nuqqas ta' standards uniformi għall-identifikazzjoni ta' suspettati. Għalhekk jidher dubjuż sa liema punt il-Kumitat ta' l-Istati Membri se jkun jista' jkun ta' influenza f'dan ir-rigward.

Is-sigurtà

106.

Il-proposta ssemmi fid-dettall numru ta' miżuri ta' sigurtà (48) li għandhom jittieħdu mill-PIU, l-intermedjarji u awtoritajiet kompetenti oħrajn sabiex jipproteġu d-data. Meta jittieħed kont ta' l-importanza tad-database u s-sensittività ta' l-ipproċessar, il-KEPD iqis li barra mill-miżuri previsti, l-entità li tipproċessa d-data għandha tkun obbligata wkoll li tinnotifika uffiċjalment kull ksur fis-sigurtà.

107.

Il-KEPD huwa konxju tal-proġett biex tkun stabbilita tali proċedura ta' notifika fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika f'livell Ewropew. Huwa tal-parir li tkun inkluża salvagwardja bħal din fil-proposta preżenti, u jirreferi f'dan ir-rigward għas-sistema ta' ksur fis-sigurtà mħaddma fl-Istati Uniti fir-rigward ta' l-aġenziji ta' l-istat (49). Jistgħu tabilħaqq iseħħu inċidenti dwar is-sigurtà fi kwalunkwe qasam ta' attività, u kemm fis-settur privat kif ukoll fis-settur pubbliku, kif kien il-każ meta reċentement intilfet database sħiħa taċ-ċittadini mill-Gvern Ingliż (50). Databases fuq skala kbira bħal dik prevista fil-proposta tkun l-ewwel f'lista ta' prijoritajiet li tibbenefika minn sistema ta' twissija bħal din.

Klawżola ta' Reviżjoni u ta' Estinzjoni

108.

Il-KEPD jinnota li għandha ssir reviżjoni fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni qafas, abbażi ta' rapport imħejji mill-Kummissjoni. Huwa jagħraf il-fatt li din ir-reviżjoni, ibbażata fuq informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, se tagħti attenzjoni speċifika fir-rigward ta' salvagwardji għall-protezzjoni tad-data, u tinkludi l-implimentazzjoni tal-metodu “lineari”, iż-żamma tad-data u l-kwalità tal-valutazzjoni tar-riskju. Biex tkun komprensiva, reviżjoni bħal din għandha tinkludi r-riżultati ta' analiżi tad-data statistika prodotta abbażi ta' l-ipproċessar ta' l-informazzjoni PNR. Flimkien ma' l-elementi msemmijin fl-Artikolu 18 tal-proposta, din l-istatistika għandha tinkludi dettalji statistika dwar l-identifikazzjoni ta' persuni b'riskju għoli, bħall-kriterji għal tali identifikazzjoni u r-riżultati konkreti ta' kwalunkwe azzjoni ta' infurzar tal-liġi li tirriżulta ta' l-identifikazzjoni.

109.

F'din l-opinjoni l-KEPD diġà insista dwar in-nuqqas ta' elementi konkreti biex tkun stabbilita l-ħtieġa tas-sistema proposta. Madankollu, huwa jqis li, jekk id-deċiżjoni qafas kellha tidħol fis-seħħ, din għandha bħala minimu tkun kkumplimentata minn klawżola ta' estinzjoni. Fi tmiem il-perijodu ta' tliet snin, id-Deċiżjoni Qafas għandha tiġi rrevokata f'każ li ma jkun hemm ebda element favur il-kontinwazzjoni tagħha.

Impatt fuq strumenti legali oħrajn

110.

Fid-dispożizzjonijiet finali tagħha l-proposta tagħmel kondizzjoni għall-applikazzjoni ulterjuri ta' ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali diġà eżistenti. Dawk l-istrumenti jistgħu jkunu applikati biss sakemm ikunu kompatibbli ma' l-objettivi tad-deċiżjoni qafas proposta.

111.

Il-KEPD għandu dubji dwar il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni. Kif diġà ssemma fil-Kapitolu V taħt Reċiproċità, mhuwiex ċar x'se jkun l-impatt ta' din id-dispożizzjoni fuq il-kontenut tal-ftehim ma' pajjiżi terzi, bħall-ftehim ma' l-Istati Uniti. F'perspettiva differenti, lanqas ma huwa ċar jekk id-dispożizzjoni jistax ikollha impatt fuq il-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' strumenti b'kamp ta' applikazzjoni usa', bħall-Konvenzjoni Nru 108 tal-Kunsill ta' l-Ewropa. Għalkemm dan jista' jidher improbabbli minħabba d-differenza fil-kuntest istituzzjonali u l-atturi involuti, għandu jkun evitat kull riskju ta' interpretazzjoni ħażina u l-proposta għandha tagħmilha ċar li ma għandha l-ebda impatt fuq strumenti b'kamp ta' applikazzjoni usa', notevolment dawk li għandhom bħala objettiv il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

VII.   KONKLUŻJONI

112.

Il-KEPD jenfasizza l-impatt prinċipali f'termini ta' protezzjoni tad-data tal-proposta preżenti. Huwa kkonċentra l-analiżi tiegħu fuq erba' kwistjonijiet fundamentali li tqajmu fil-proposta, u jinsisti dwar il-fatt li l-kwistjonijiet li tqajmu jeħtieġ li jiġu ttrattati b'mod komprensiv. Taħt iċ-ċirkostanzi preżenti, il-proposta ma tikkonformax mad-drittijiet fundamentali, notevolment l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni, u m'għandhiex tkun adottata.

113.

Jekk wieħed jikkonforma mal-kummenti ta' hawn fuq, speċjalment mat-test dwar il-leġittimità, għandu jittieħed kont ta' xi proposti ta' abbozzar li saru mil-leġislatur fl-opinjoni preżenti. Qed issir referenza b'mod partikolari għall-punti 67, 73, 77, 80, 90, 93, 106, 109 u 111 ta' l-opinjoni.

Leġittimità tal-miżuri proposti

114.

Filwaqt li l-iskop ġenerali tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata huwa fih innifsu ċar u leġittimu, il-qofol ta' l-ipproċessar li jrid jitħaddem mhuwiex delimitat u ġġustifikat b'mod suffiċjenti.

115.

Il-KEPD iqis li l-metodi tal-valutazzjoni tar-riskju ppreżentat minn individwi permezz ta' l-użu ta' għodod għall-estrazzjoni ta' data u xejriet ta' mġiba jeħtieġ li jkunu vvalutati ulterjorment, u l-utilità tagħhom tkun stabbilita b'mod ċar fil-qafas tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, qabel ma dawn jintużaw fuq skala kbira bħal din.

116.

Li wieħed jibni fuq databases differenti mingħajr perspettiva globali dwar ir-riżultati konkreti u n-nuqqasijiet:

imur kontra politika leġislattiva razzjonali fejn strumenti ġodda m'għandhomx jiġu adottati qabel ma l-istrumenti eżistenti jkunu ġew implimentati bis-sħiħ u ġew ippruvati li huma insuffiċjenti.

jista' nkella jwassal għal pass lejn soċjetà ta' sorveljanza totali.

117.

Tabilħaqq, il-ġlieda kontra t-terroriżmu tista' tkun raġuni leġittima biex jiġu applikati eċċezzjonijiet għad-drittijiet fundamentali ta' privatezza u ta' protezzjoni tad-data. Madankollu, biex tkun valida, il-ħtieġa ta' intrużjoni trid tkun sostnuta minn elementi ċari u li wieħed ma jistax jiċħad, u għandha tiġi ppruvata l-proporzjonalità ta' l-ipproċessar. Dan huwa meħtieġ aktar f'każ ta' intrużjoni estensiva fil-privatezza ta' individwi, kif previst fil-proposta.

118.

Dawn l-elementi ta' ġustifikazzjoni ma jeżistux fil-proposta u t-testijiet ta' ħtieġa u ta' proporzjonalità mhumiex sodisfatti.

119.

Il-KEPD jinsisti dwar il-karattru essenzjali tat-testijiet ta' ħtieġa u ta' proporzjonalità żviluppati hawn fuq. Huma jirrappreżentaw condicio sine qua non għad-dħul fis-seħħ tal-proposta.

Qafas legali applikabbli

120.

Il-KEPD jinnota nuqqas serju ta' ċertezza legali fir-rigward tas-sistema applikabbli għall-atturi differenti involuti fil-proġett, u b'mod partikolari għal-linji ta' l-ajru u atturi oħrajn ta' l-ewwel pilastru: kemm jekk huma r-regoli tal-proposta, ir-regoli tad-deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data jew il-leġislazzjoni nazzjonali li timplimenta d-Direttiva 95/46/KE. Il-leġislatur għandu jagħmilha ċara f'liema stadji ta' l-ipproċessar dawn ir-regoli differenti se japplikaw.

121.

It-tendenza preżenti li wieħed jimponi l-kooperazzjoni fuq atturi privati għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi fuq bażi sistematika tqajjem il-kwistjoni dwar liema qafas ta' protezzjoni tad-data (l-ewwel jew it-tielet pilastru) japplika għall-kondizzjonijiet ta' din il-kooperazzjoni: mhuwiex ċar jekk ir-regoli għandhomx ikunu bbażati fuq il-kwalità tal-kontrollur tad-data (settur privat) jew fuq l-iskop segwit (infurzar tal-liġi).

122.

Il-KEPD diġà enfasizza r-riskju ta' lakuna legali bejn l-attivitajiet ta' l-ewwel u tat-tielet pilastru (51). Tabilħaqq ma huwa xejn ċar jekk l-attivitajiet ta' kumpanniji privati, b'xi mod konnessi ma' l-infurzar tal-liġi kriminali, humiex koperti mill-ambitu ta' azzjoni tal-leġislatur ta' l-Unjoni Ewropea skond l-Artikoli 30, 31, u 34 TUE.

123.

Għandu jkun evitat eżitu fejn l-ipproċessar minn fornituri tas-servizz għal skopijiet differenti jkun soġġett għal oqfsa differenti għall-protezzjoni tad-data, speċjalment meta jitqiesu d-diffikultajiet li dan joħloq f'termini ta' l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data.

Kwalità tar-riċevituri

124.

Il-proposta għandha tipprevedi speċifikazzjoni fir-rigward tal-kwalità tar-riċevituri tad-data personali miġbura mil-linji ta' l-ajru, kemm jekk hija għall-intermedjarji, għall-Unitajiet ta' Informazzjoni tal-Passiġġieri, jew għall-awtoritajiet kompetenti.

125.

Il-kwalità tar-riċevitur, li f'xi każijiet jistgħu jkunu atturi tas-settur privat, hija f'relazzjoni diretta mat-tip ta' garanziji għall-protezzjoni tad-data li japplikaw għal dak ir-riċevitur. Huwa essenzjali li s-sistema applikabbli tkun ċara għall-atturi kollha involuti, inklużi l-leġislatur, l-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data, kif ukoll il-kontrolluri tad-data u s-suġġetti tad-data involuti.

Trasferiment ta' data lil pajjiżi terzi

126.

Il-KEPD jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat livell xieraq ta' protezzjoni fil-pajjiż tar-riċeventi. Huwa għandu wkoll dubji dwar is-sinifikat tal-prinċipju tar-“reċiproċità” msemmi fil-proposta, u l-applikazzjoni tiegħu għal pajjiżi li diġà huma marbutin bi ftehim ma' l-UE, bħall-Kanada jew l-Istati Uniti. Huwa jqis bħala importanti ferm li l-kondizzjonijiet għat-trasferiment ta' data PNR lil pajjiżi terzi jkunu koerenti u soġġetti għal livel armonizzat ta' protezzjoni.

Punti sostantivi oħrajn

127.

Il-KEPD jiġbed ukoll l-attenzjoni tal-leġislatur rigward aspetti speċifiċi tal-proposta li jeħtieġu aktar preċiżazzjoni jew qies aħjar tal-prinċipju dwar il-protezzjoni tad-data. Dan huwa l-każ speċjalment fir-rigward ta' l-aspetti li ġejjin:

il-kondizzjonijiet li fihom jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet awtomatizzati għandhom ikunu ristretti,

il-kwantità tad-data pproċessata għandha titnaqqas,

il-metodu ta' trasferiment ta' data għandu jkun biss wieħed lineari,

il-perijodu għaż-żamma tad-data huwa meqjus bħala eċċessiv u mhux ġustifikat;

ir-rwol tal-kumitat ta' l-Istati Membri jista' jkun aktar preċiż fir-rigward tal-gwida tiegħu dwar “il-valutazzjoni tar-riskju”,

il-miżuri ta' sigurtà għandhom jinkludu proċedura għal “notifika ta' ksur fis-sigurtà”,

ir-reviżjoni tad-deċiżjoni għandha tinkludi klawżola ta' estinzjoni,

għandu jkun ċar fil-proposta li din m'għandha l-ebda impatt fuq strumenti b'kamp ta' applikazzjoni usa' li għandhom bħala għan il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

Osservazzjonijiet finali

128.

Il-KEPD jinnota li l-proposta preżenti qed issir f'mument meta l-kuntest istituzzjonali ta' l-Unjoni Ewropea qiegħed biex jinbidel b'mod fundamentali. Il-konsegwenzi tat-Trattat ta' Lisbona f'termini ta' teħid ta' deċiżjoni se jkunu fundamentali, speċjalment fir-rigward tar-rwol tal-Parlament.

129.

Filwaqt li jitqies l-impatt bla preċedent tal-proposta f'termini ta' drittijiet fundamentali, Il-KEDP hu tal-parir li din ma tiġix adottata taħt il-Qafas ta' Trattat preżenti, iżda li jkun żgurat li ssegwi l-proċedura ta' ko-deċiżjoni prevista fit-Trattat il-ġdid. Dan isaħħaħ ir-raġunijiet legali li għalihom jittieħdu l-miżuri deċiżivi previsti fil-proposta.


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)  Inklużi l-Istati Membri, l-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Data u l-assoċjazzjonijiet tal-linji ta' l-ajru. Dan il-kwestjonarju kien tħejja fid-dawl tat-tħejjija ta' valutazzjoni ta' l-impatt mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-proposta preżenti.

(4)  Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data tar-Reġistru ta' l-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna ta' l-Istati Uniti (DHS) (2007 Ftehim PNR) (ĠU L 204, 4.8.2007, p. 18).

(5)  Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Kanada dwar l-ipproċessar ta' Informazzjoni minn Qabel ta' Passiġġieri u data tar-Reġistru ta' l-Ismijiet tal-Passiġġieri (ĠU L 82, 21.3.2006, p. 15).

(6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE tad-29 ta' April 2004 dwar l-obbligu ta' trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri (ĠU L 261, 6.8.2004, p. 24).

(7)  L-aħħar abbozz ta' din il-proposta huwa disponibbli fir-reġistru tal-Kunsill bħala dokument numru 16397/07.

(8)  Opinjoni konġunta dwar il-proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar l-użu tar-Reġistru ta' l-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-finijiet ta' infurzar tal-liġi, ippreżentata mill-Kummissjoni fis-6 ta' Novembru 2007, adottata mill-Grupp ta' Ħidma ta' l-Artikolu 29 fil-5 ta' Diċembru 2007 u mill-Grupp ta' Ħidma dwar il-Pulizija u l-Ġustizzja fit-18 ta' Diċembru 2007, WP 145, WPPJ 01/07.

(9)  Il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta' l-Individwi fir-rigward ta' l-Ipproċessar Awtomatiku tad-Data Personali tal-Kunsill ta' l-Ewropa, 28 ta' Jannar 1981.

(10)  Memorandum ta' Sjegazzjoni tal-proposta, Kapitolu I

(11)  Valutazzjoni ta' l-impatt, Kapitolu 2.1, “Deskrizzjoni tal-problema”.

(12)  Din id-definizzjoni ġejja minn studju reċenti dwar it-teħid tal-profil tal-Kumsill ta' l-Ewropa: L'application de la Convention 108 au mécanisme de profilage, Eléments de réflexion destinés au travail futur du Comité consultatif (T-PD), Jean-Marc Dinant, Christophe Lazaro, Yves Poullet, Nathalie Lefever, Antoinette Rouvroy, November 2007 (għad mhux ippubblikat). Ara wkoll id-definizzjoni minn Lee Bygrave: “B'mod ġenerali, it-teħid tal-profil huwa l-proċess fejn wieħed jinferixxi sett ta' karetteristiki (tipikament ta' mġiba) dwar persuna individwali jew entità kollettiva u mbagħad wieħed jittratta dik il-persuna/entità (jew persuni oħrajn/entitajiet) fid-dawl ta' dawn il-karatteristiċi. Fih innifsu, il-proċess ta' teħid tal-profil għandu żewġ komponenti prinċipali: (i) il-ġenerazzjoni ta' profil — il-proċess fejn wieħed jinferixxi profil; (ii) applikazzjoni tal-profil — il-proċess fejn wieħed jittratta persuni/entitajiet fid-dawl ta' dan il-profil”. L. A. BYGRAVE, Minding the machine: L-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data u t-Teħid Awtomatizzata tal-Profil tal-KE, Liġi tal-Kompjuter & Rapport dwar is-Sigurtà, 2001, vol. 17, pp. 17-24

http://www.austlii.edu.au/au/journals/PLPR/2000/40.html

(13)  Rotaru v. Romania, nru 28341/95, §§ 50, 52 u 55.

Ara wkoll Amann v. Svizzera, nru 27798/95, §§50 et s.

(14)  Kapitolu 2.1, “Deskrizzjoni tal-problema”.

(15)  Ara eż. ir-rapport ta' l-Uffiċċju tal-Kontabbiltà tal-Gvern ta' l-Istati Uniti lill-membri tal-kungress li jagħmlu t-talba, Mejju 2007, “Sigurtà ta' l-Avjazzjoni: Għaddejjin Sforzi biex Jitjieb l-Iscreening Internazzjonali minn qabel tal-Passiġġieri, iżda għad baqa' Kwistjonijiet ta' Ppjanar u ta' Implimentazzjoni”,

http://www.gao.gov/new.items/d07346.pdf

(16)  Skond l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni 108, “għandha tkun permessa deroga mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 5, 6 u 8 ta' din il-konvenzjoni meta tali deroga tkun prevista mil-liġi tal-Parti u tikkostitwixxi miżura meħtieġa f'soċjetà demokratika fl-interess ta':

1.

il-protezzjoni tas-sigurtà ta' l-Istat, is-sigurtà pubblika, l-interessi monetarji ta' l-Istat jew is-soppressjoni ta' reati kriminali;

2.

il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn”.

(17)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE tat-8 ta' Ġunju 2004 li tistabbilixxi s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viżi (VIS) (ĠU L 213, 15.6.2004, p. 5); Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sistema ta' l-Informazzjoni dwar il-Viżi (VIS) u l-iskambju ta' data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal żjarat qosra, COM/2005/ 835 finali; Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viżi (VIS) mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri responsabbli għas-sigurtà interna u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u ta' reati kriminali serji oħra COM/2005/ 600 finali.

(18)  Ara b'mod partikolari d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta' Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen Tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 205, 7.8.2007).

(19)  Ara dwar din il-kwistjoni: L-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viżi (VIS) mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri responsabbli għas-sigurtà interna u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u ta' reati kriminali serji oħra (COM(2005) 600 finali) (ĠU C 97, 25.4.2006, p. 6).

(20)  Ara l-opinjonijiet tal-KEPD fid-Deċiżjonijiet ta' Prüm: L-Opinjoni ta' l-4 ta' April 2007 dwar l-inizjattiva tal-15-il Stat Membru bil-ħsieb li tkun adottata Deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-titjib fil-kooperazzjoni trans-konfini, partikolarment fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità trans-konfini (ĠU C 169, 21.7.2007, p. 2), u l-Opinjoni tad-19 ta' Diċembru 2007 dwar l-Inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bil-ħsieb li tkun adottata Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/…/ĠAI dwar it-titjib fil-kooperazzjoni trans-konfini, partikolarment fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità trans-konfini, disponibbli fi

http://www.edps.europa.eu.

(21)  Dan il-punt sar diversi drabi mill-KEDP, l-aktar reċenti fl-opinjoni tiegħu tal-25 ta' Lulju 2007 dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva għall-Protezzjoni tad-Data (ĠU C 255, 27.10.2007, p. 1).

(22)  L-Artikolu 6.3 tal-proposta u l-Valutazzjoni ta' l-Impatt, Anness A, “Metodu ta' trasmissjoni tad-data mit-trasportaturi”.

(23)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar tad-data personali u dwar il-moviment ħieles ta' tali data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(24)  Ara f'dan ir-rigward il-konsegwenzi tas-sentenza tal-PNR. Sentenza tal-Qorti tat-30 ta' Mejju 2006, Parlament Ewropew vs Kunsill (C-317/04) u l-Kummissjoni (C-318/04), Każijiet konġunti C-317/04 u C-318/04, Ġabra [2006], Punt 56.

(25)  Artikolu 11 tal-proposta. Ara wkoll il-premessa 10 tal-preambolu: “Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali Proċessata fil-Qafas tal-Kooperazzjoni bejn il-Pulizija u dik Ġudizzjarja fi Kwistjonijiet Kriminali (…) għandha tkun applikabbli għad-data kollha pproċessata skond din id-Deċiżjoni Qafas. Id-drittijiet tas-suġġetti tad-data f'rabta ma' dan l-ipproċessar, bħalma hu d-dritt għall-informazzjoni, id-drittt għall-aċċess, id-dritt tal-korrezzjoni, it-tħassir u l-imblukkar, kif ukoll id-dritt għall-kumpens u r-rimedji ġuridiċi għandhom ikunu dawk previsti taħt dik id-Deċiżjoni Qafas”.

(26)  Premessa 5(a), verżjoni tal-11 ta' Diċembru 2007 tad-deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni tad-data.

(27)  Artikolu 1.

(28)  Fir-rigward ta' dan il-punt, it-test ta' l-Artikolu 27b ta' l-aħħar abbozz tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-protezzjoni tad-data fit-tielet pilastru għandu jiġi kkunsidrat bir-reqqa u diskuss.

(29)  Sentenza tal-Qorti tat-30 ta' Mejju 2006, Parlament Ewropew v Kunsill (C-317/04) u l-Kummissjoni (C-318/04), Każijiet konġunti C-317/04 u C-318/04, Ġabra [2006], Punt 56.

(30)  Id-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar iż-żamma ta' data ġenerata jew proċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' netwerks ta' komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU L 105, 13.4.2006, p. 54).

(31)  Ara l-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tkomplija ta' xogħol fuq il-Programm ta' Ħidma għall-aħjar implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data (ĠU C 255, 27.10.2007, p. 1). Ara wkoll ir-Rapport Annwali 2006, p. 47.

(32)  Artikolu 6 tal-proposta.

(33)  SITA inħolqot fl-1949 minn 11-il linja ta' l-ajru membri. Huma pprovduti soluzzjonijiet b'valur miżjud lill-industrija ta' l-ajru permezz tal-kumpannija kummerċjali SITA INC (Information, Networking Computing) u servizzi ta' netwerk permezz ta' SITA SC fuq bażi ta' kooperattiva.

(34)  Valutazzjoni ta' l-Impatt, Anness A, “Metodu ta' trasmissjoni tad-data mit-trasportaturi”.

(35)  Artikolu 3 tal-proposta.

(36)  Artikolu 8 tal-proposta.

(37)  Opinjoni tal-KEPD tas-26 ta' Ġunju 2007 dwar il-Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, punti 27 sa 30 (ĠU C 139, 23.6.2007, p. 1).

(38)  Memorandum ta' Spjegazzjoni tal-proposta, Kapitolu 2.

(39)  Valutazzjoni ta' l-impatt, Kapitolu 5,2, “Protezzjoni tal-privatezza”.

(40)  Valutazzjoni ta' l-impatt, Kapitolu 5.2, “Relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi”.

(41)  Valutazzjoni ta' l-Impatt, Anness A, “Korpi li jirċievu data mill-Unitajiet ta' Informazzjoni dwar il-Passiġġieri”.

(42)  Premessa 20 u l-Artikolu 3.3 u 3,5 tal-proposta.

(43)  Ara f'dan ir-rigward l-Artikolu 15.1 tad-Direttiva 95/46/KE. Id-Direttiva tipprojbixxi tali deċiżjonijiet awtomatizzati f'każijiet fejn l-individwu jkun affettwat mid-deċiżjoni. Fir-rigward tal-kuntest tal-proposta, id-deċiżjonijiet f'qafas ta' infurzar tal-liġi x'aktarx jaffettwaw serjament fi kwalunkwe każ is-suġġett tad-data. Ukoll il-fatt li wieħed ikun soġġett għal kontroli sekondarji jista' jaffettwa s-suġġett tad-data, speċjalment jekk dawn l-azzjonijiet jittieħdu ripetutament.

(44)  Ara b'mod partikolari l-Opinjoni Nru 5/2007 tas-17 ta' Awissu 2007 dwar il-ftehim ta' segwitu bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data mir-reġistru ta' l-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna (DHS) ta' l-Istati Uniti konkluż f'Lulju 2007, WP 138.

(45)  Valutazzjoni ta' l-Impatt, Anness A, “Metodu ta' trasmissjoni tad-data mit-trasportaturi”.

(46)  Valutazzjoni ta' l-impatt, Anness A, “Perijodu ta' żamma tad-data”.

(47)  Valutazzjoni ta' l-impatt, anness B.

(48)  Artikolu 12 tal-proposta.

(49)  Ara b'mod partikolari x-xogħlijiet ta' “Identity Theft Task Force”, Amerikana,

http://www.idtheft.gov/.

(50)  Ara l-link għas-sit elettroniku British HM Revenue and Customs:

http://www.hmrc.gov.uk/childbenefit/update-faqs.htm.

Ara wkoll

http://news.bbc.co.uk/1/hi/uk_politics/7103566.stm

(51)  Ara l-Opinjoni 2007/C 255/01 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-segwitu tal-Programm ta' Ħidma għal implimentazzjoni aħjar tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, ĠU C 255, 27.10.2007, p. 1. Ara wkoll ir-Rapport Annwali 2006, p. 47.


Top