EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008SC0095

Commission staff working document - accompanying the Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on the provision of food information to consumers - Summary of the impact assessment - Report on nutrition labelling issues {COM(2008) 40 final} {SEC(2008) 92} {SEC(2008) 93} {SEC(2008) 94}

52008SC0095




[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 30.1.2008

SEG(2008) 95

DOKUMENT TA’ ĦIDMA MILL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI li jakkumpanja

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL fuq it-twassil ta’ tagħrif dwar l-ikel lill-konsumaturi TAQSIRA TAR-RAPPORT TA’ L-ISTIMA TA’ L-IMPATT DWAR KWISTJONIJIET TA’ ITTIKKETTJAR TA’ NUTRIMENT

{KUMM(2008) 40 finali}{SEG(2008) 92}{SEG(2008) 93}{SEG(2008) 94}

SINTEŻI EŻEKUTTIVA

INTRODUZZJONI

Il- White Paper li ġiet ippubblikata dan l-aħħar dwar Strateġija għall-Ewropa fuq kwistjonijiet ta' saħħa marbuta man-Nutriment, il-Ħxuna Żejda u l-Obeżità[1] enfasizzat il-ħtieġa li l-konsumaturi jkollhom aċċess għal tagħrif ċar, konsistenti u msejjes fuq l-evidenza meta jiġu għal deċiżjoni dwar liema ikel jixtru. L-ittikkettjar ta’ nutriment huwa mod stabbilit kif it-tagħrif jgħaddi għand il-konsumatur biex jgħin fit-teħid ta' deċiżjonijiet b’kuxjenza dwar is-saħħa f'dak li għandu x'jaqsam max-xiri ta' l-ikel. Illum hemm qbil wiesa’ fl-Ewropa li l-effettività ta’ l-ittikkettjar ta’ nutriment tista' tissaħħaħ bħala kanal ta' tagħrif lill-konsumaturi biex jgħinhom jagħżlu dieta bilanċjata.

Ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar ir-rekwiżiti ta’ l-ittikkettjar ġenerali ta’ l-ikel (Direttiva 2000/13/KE) u l-ittikkettjar ta' nutriment (Direttiva 90/496/KE) ġew inklużi fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għal simplifikazzjoni.

Kwistjonijiet ta’ proċedura u konsultazzjoni tal-partijiet interessati

Il-partijiet interessati ewlenin ġew ikkonsultati dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva 90/496/KE fuq l-ittikkettjar ta' nutriment tal-prodotti ta' l-ikel bejn l-2003 - 2007. Sar stħarriġ wiesa’ tal-partijiet interessati kollha biex tinkiseb l-opinjoni tagħhom fuq id-dispożizzjonijiet u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u l-ħtiġijiet għall-bidla. Dawk li wieġbu kienu minn organizzazzjonijiet governattivi u NGOs, mill-industrija u individwi. Ċerti konsultazzjonijiet kienu mmirati lejn l-Istati Membri, l-industrija jew il-konsumaturi. Flimkien mal-kontribut minn diversi diskussjonijiet fi ħdan il-Kumitati tal-Kummissjoni u l-Gruppi Konsultattivi saret konsultazzjoni miftuħa fuq l-internet mit-13.3.2006 sas-16.6.2006.

Ġie ffurmat Grupp ta’ Interservizz tal-Kummissjoni. L-istima ta’ l-impatt ġiet analizzata bir-reqqa minn esperti minn diversi Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni rrappreżentati fil-Grupp kif ukoll mill-Bord ta' l-Istima ta' l-Impatt tal-Kummissjoni Ewropea, li ta l-opinjoni tiegħu.

Identifikazzjoni tal-problema

L-Istima ta’ l-Impatt tikkonċerna r-reviżjoni tad-Direttiva 90/496/KE li tipprovdi l-qafas għall-preżentazzjoni ta’ tagħrif dwar nutriment fuq it-tikketti ta’ l-ikel. L-għan ewlieni ta’ din il-leġiżlazzjoni ta’ l-ittikkettjar – li tgħarraf lill-konsumaturi, li tiżgura l-funzjonament bla xkiel tas-Suq Intern u tiżgura l-kundizzjonijiet ugwali tal-kompetizzjoni – ma ġiex ikkontestat mill-partijiet interessati matul konsultazzjoni estensiva.

Ir-reazzjoni turi li hemm nuqqas ta' sodisfazzjon fost il-partijiet interessati dwar il-leġiżlazzjoni attwali iżda hemm opinjonijiet diverġenti dwar kif il-leġiżlazzjoni tista' titjieb. Per eżempju, bosta konsumaturi jsibuha diffiċli biex jużaw it-tikketti ta’ nutriment iżda r-riċerka ma indikatx jekk il-kawża tal-problema hijiex l-ammont ta’ tagħrif jew fatturi oħrajn bħall-format tal-preżentazzjoni, in-nuqqas ta’ għarfien ta’ termini, il-mod kif jitqiegħed it-tagħrif, id-daqs tat-tipa, eċċ. Il-konsumaturi jitolbu aktar tagħrif u tagħrif "aħjar" fuq it-tikketti u jinteressaw ruħhom f’tagħrif ċar, sempliċi, komprensiv, standardizzat u awtorevoli. L-industrija tqis li hemm wisq rekwiżiti ta’ ittikkettjar li jinvolvu l-implimentazzjoni ta’ regoli dettaljati u tekniċi. L-ispiża tat-tibdil twassal għal tħassib għall-industrija u għandu jitqies l-impatt potenzjali fuq il-kummerċ internazzjonali. L-Istati Membri jixtiequ jibbilanċjaw il-ħtiġijiet tal-konsumaturi u ta’ l-industrija, filwaqt li jqisu, kull kwistjoni li hija speċifika għal pajjiżhom.

Jidher ċar li t-tikketti jistgħu jkunu kumplessi u l-parti l-kbira tal-konsumaturi jixtiequ tagħrif sempliċi, ċar, li jinftiehem, standardizzat u awtorevoli dwar in-nutriment. Filwaqt li l-industrija tappoġġja għan bħal dan, huma jesprimu tħassib dwar in-natura preskrittiva tal-leġiżlazzjoni attwali u l-implikazzjonijiet ta’ l-ispiża ta’ kull tibdil potenzjali.

Matul il-proċess ta’ konsultazzjoni ġew identifikati erba’ kwistjonijiet ewlenin biex jiġu eżaminati aktar:

( In-nuqqas ta’ qbil dwar l-inklużjoni ta’ ittikkettjar ta’ nutriment fuq ikel ippakkjat minn qabel.

( Jitqiesu l-elementi nutrittivi li għandhom jiġu inklużi fl-ittikkettjar ta’ nutriment.

( Ittikkettjar ta' nutriment simplifikat - b'mod partikolari l-inklużjoni ta' tagħrif dwar il-kontenut nutrittiv fuq quddiem tal-pakkett.

( Leġġibilità tat-tagħrif.

Għanijiet

L-għanijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni dwar l-ittikkettjar ta’ nutriment huma:

( it-tagħrif prinċipali dwar in-nutriment isir disponibbli b’mod aktar wiesa’;

( l-ittikkettjar ta’ nutriment isir aktar faċli biex jinftiehem mill-konsumatur; kif ukoll

( il-ħolqien ta' kundizzjonijiet indaqs għall-kumpaniji biex jikkompetu.

Filwaqt li jitqies dan l-għan, l-ambitu wiesa’ tar-reviżjoni għandu jissodisfa l-ħtiġijiet tal-konsumaturi u ta’ l-industrija, u jirrifletti l-għanijiet speċifiċi li ġejjin:

( it-twassil ta’ tagħrif prinċipali dwar in-nutriment – li jfisser li l-elementi nutrittivi li għandhom jiġu inklużi fit-tikketta ta’ nutriment jeħtieġ li jiġu riveduti;

( tiżdied id-disponibbiltà tat-tagħrif lill-konsumatur bit-tagħrif dwar in-nutriment inkluż kważi fuq il-prodotti kollha ppakkjati minn qabel li huma rilevanti;

( it-tagħrif għandu jkun ippreżentat b’mod li l-konsumatur isibu, jifhmu u jużah faċilment, inkluża l-leġibbiltà tiegħu;

( tiġi ċċarata l-qagħda leġiżlattiva tat-tagħrif dwar il-kontenut nutrittiv ipprovdut fuq quddiem tal-pakkett;

( il-flessibbiltà, biex l-industrija tkun tista’ ġġedded l-ittikkettjar ta’ nutriment, tadatta ruħha għat-talbiet differenti tas-swieq u tal-konsumaturi, u tqis il-varjazzjonijiet fl-ippakkjar (id-daqs, il-forma, eċċ.);

( Biex jiġi evitat l-impediment tas-suq wieħed, u biex jinlaħqu l-aspettattivi tal-konsumaturi u ta’ l-industrija, għandu jkun hemm mekkaniżmi fis-seħħ biex jikkontrollaw il-firxa ta’ kull flessibbiltà fil-livell nazzjonali kif ukoll ta' l-UE.

Kwistjonijiet importanti ta’ politika u benefiċċji ta’ simplifikazzjoni mistennija

Bl-għan li jinkisbu l-għanijiet u b’konformità mal-proċess ta’ simplifikazzjoni ġew meqjusa għadd ta’ miżuri għar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-leġiżlazzjoni kollha fuq l-ittikkettjar ta' l-ikel. Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni dwar l-ittikkettjar ta’ l-ikel l-aspett prinċipali ta’ simplifikazzjoni huwa:

L-għodod ta’ simplifikazzjoni ġenerali biex it-test legali jkun konformi ma’ politiki oħra ta’ l-UE (inkluża Regolamentazzjoni Aħjar):

( It-twaqqif ta’ mekkaniżmu flessibbli minn isfel għal fuq (kontroll ġdid ta’ l-ittikkettjar) li permezz tiegħu l-industrija tkun tista' ġġedded l-ittikkettjar ta' l-ikel u r-regoli ta' l-ittikkettjar ikunu adattati għat-talbiet tas-swieq u tal-konsumaturi differenti u li dejjem jinbidlu.

( It-tfassil mill-ġdid tad-dispożizzjonijiet orizzontali differenti dwar l-ittikkettjar. L-amalgamazzjoni tat-testi orizzontali se jkabbru kemm jista' jkun is-sinerġiji u jżidu ċ-ċarezza, u l-konsistenza tar-regoli Komunitarji. Dan huwa metodu qawwi ta’ simplifikazzjoni li għandu jipprovdi lill-operaturi ekonomiċi u lill-awtoritajiet ta’ l-infurzar b’qafas regolatorju aktar ċar u aktar regolarizzat.

Għażliet bażiċi

Fir-rapport ta’ l-istima ta’ l-impatt hemm deskritti diversi għażliet għal azzjoni Komunitarja biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet li jvarjaw minn l-ebda azzjoni ulterjuri (ix-xenarju ta’ bażi) għal azzjonijiet statutarji.

In-nuqqas ta’ intervent iżomm il-qagħda attwali b’leġiżlazzjoni sparpaljata bl-effetti negattivi li ġejjin:

- regoli frammentarji u mħawwdin li jimminaw l-implimentazzjoni effettiva;

- piżjiet mhux iġġustifikati fuq in-negozju ta’ l-ikel minħabba rekwiżiti skaduti, żejda jew mhux ċari;

- użu inkonsistenti tat-tikketti mill-konsumatur;

- nuqqas ta’ effikaċja ta’ l-ittikkettjar bħala għodda ta’ komunikazzjoni;

- il-leġiżlazzjoni tonqos milli tadatta ruħha għat-talbiet leġittimi tas-swieq u tal-konsumaturi li dejjem qed jinbidlu.

L-intervent ġie meqjus fil-kuntest tat-tneħħija ta’ regolamenti, il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-istrateġija mhux statutarja jew l-aġġornament tal-leġiżlazzjoni Komunitarja.

Strateġija ta’ tneħħija ta’ regolamenti tkun tfisser it-tneħħija ta’ l-istrumenti bażiċi ta’ politika dwar ir-regoli orizzontali ta’ l-ittikkettjar ta’ l-ikel b’impatt dirett fuq ir-regoli vertikali ta’ l-ittikkettjar. Minkejja li l-produtturi ta’ l-ikel ikomplu japplikaw ir-regoli attwali għal perjodu qasir ta’ żmien, huma jneħħu progressivament it-tagħrif li jqisu bħala piż. Ir-regoli mhux armonizzati jkunu ta’ xkiel għas-suq intern, iwasslu għal tagħrif ħażin u jnaqqsu l-livell ta’ ħarsien tal-konsumatur. Ir-regoli eżistenti wrew il-merti tagħhom billi ppermettew iċ-ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija u l-ħarsien tal-konsumaturi. It-tneħħija tagħhom tintlaqa’ b’reżistenza mill-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri u tal-konsumaturi billi dawn kienu draw ir-rekwiżiti attwali u kull bidla tista’ tidher bħala abbandun ta’ “acquis” siewi. Għaldaqstant, it-tneħħija tar-regolamenti ma ġietx meqjusa bħala strateġija vijabbli.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali u r-revoka tar-regoli armonizzati tal-Komunità jirriżultaw f’regoli nazzjonali differenti li jistgħu jxekklu s-suq intern; tfixkil tal-kompetizzjoni ġusta; piż amministrattiv akbar għall-industrija; strateġija inkonsistenti fil-kontenut u fid-disponibbiltà tat-tagħrif li toħloq konfużjoni għall-konsumaturi; livell differenti ta’ ħarsien għaċ-ċittadini ta’ l-UE.

Strateġija alternattiva mhux statutarja (awtoregolamentazzjoni, koregolamentazzjoni, gwida) – Il-fatturi differenti tat-tagħrif tal-konsumatur u t-tendenzi attwali lejn l-iżvilupp ta' "kultura leġiżlattiva ġdida" sejħu għall-valutazzjoni ta' strateġija li tista' toħloq bilanċ bejn il-flessibbiltà u l-preskrizzjoni u bejn l-azzjoni fil-livell nazzjonali u l-azzjoni fil-livell ta’ l-UE. It-tmexxija b’ħafna livelli, minn isfel għal fuq (livell lokali/nazzjonali/komunitarju), ibbażata fuq il-prinċipju ta' impenn għall-aħjar prassi formali u li tista’ titkejjel u l-qsim ta’ data bejn il-partijiet interessati jistgħu jkunu alternattiva vijabbli għal ċerti aspetti tal-leġiżlazzjoni u dan il-mekkaniżmu innovattiv ġie vvalutat bħala għażla.

KWISTJONIJIET TA' POLITIKA U GħAżLIET SPEċIFIċI

Minkejja li ġew meqjusa ’l hekk imsejħa strateġiji alternattivi bażiċi, billi l-inizjattiva kkonċernata tirrigwarda reviżjoni tal-leġiżlazzjoni li għaliha ġew identifikati oqsma ċari għal azzjoni permezz tal-konsultazzjoni estensiva, l-analiżi dettaljata ta’ l-impatti ġiet ibbażata fuq l-għażliet għal azzjoni fuq l-erba’ kwistjonijiet ewlenin li ġew identifikati għal reviżjoni fil-leġiżlazzjoni:

Kwistjoni ta’ Politika Nru 1: In-nuqqas ta’ qbil dwar l-inklużjoni ta’ ittikkettjar ta’ nutriment fuq ikel ippakkjat minn qabel

Problemi attwali

Huwa meqjus li t-twassil ta’ tagħrif dwar in-nutriment huwa essenzjali biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati. Madankollu, l-inklużjoni ta’ tagħrif bħal dan mhijiex uniformi fost il-kategoriji tal-prodotti u l-Istati Membri. It-tagħrif x’aktarx huwa aktar nieqes fuq prodotti li jkollhom attributi negattivi bħall-kontenut għoli ta’ xaħam.

Għażliet ta' politika

Ġew eżaminati l-għażliet ta’ nuqqas ta’ azzjoni mill-UE, strateġija volontarja, u strateġija statutarja inkluż l-ittikkettjar obbligatorju tal-prodotti.

Sejbiet ewlenin

L-għażla li ma jsir xejn u l-istrateġija purament volontarja mhumiex se jegħlbu l-problema identifikata, b’mod partikolari fir-rigward tat-twassil ta’ tagħrif fuq prodotti b’attributi negattivi.

L-introduzzjoni ta’ ittikkettjar obbligatorju ġiet eżaminata fuq il-bażi ta’ applikazzjoni estiża għall-industrija kollha jew b’eċċezzjonijiet għal IŻM b’mod globali jew b’eċċezzjonijiet biss għal mikronegozji. Fit-termini ta’ l-impatt potenzjali fuq l-industrija l-applikazzjoni ta’ ittikkettjar ta’ nutriment obbligatorju fil-kategoriji kollha jkollha impatt kbir jekk tiġi applikata minnufih. Madankollu, b’perjodu tranżitorju ta’ tliet snin ġie stmat li l-ispejjeż jitnaqqsu b’mod sinifikanti għal madwar € 1.2 biljun. Filwaqt li biex jintlaħaq l-għan ta' disponibbiltà akbar ta' tagħrif lill-konsumaturi, l-għażla li twassal għall-aktar inklużjoni mifruxa ta’ tagħrif hija l-ittikkettjar obbligatorju ta’ l-ikel kollu ppakkjat minn qabel. L-eċċezzjonijiet għal mikronegozji mistennija li jwasslu għall-ittikkettjar ta’ madwar 90 % ta’ l-ikel ippakkjat minn qabel. Huwa mistenni li d-disponibbiltà akbar ta' tagħrif dwar in-nutriment twassal għal tibdil fl-imġiba tal-konsumaturi b'benefiċċji potenzjali fuq is-saħħa pubblika.

Kwistjoni ta’ Politika Nru 2 – Il-kwantità ta’ tagħrif li għandu jiġi inkluż fuq it-tikketta – konsiderazzjoni ta’ l-elementi nutrittivi li għandhom jiġu inklużi fl-ittikkettjar ta' nutriment.

Problemi attwali

L-għan ta’ l-ittikkettjar ta’ nutriment huwa li jgħarraf lill-konsumaturi u li jiffaċilita l-kapaċità tagħhom li jagħżlu dieta bbilanċjata b'mod nutrittiv, għalhekk il-mistoqsija hija liema tagħrif għandu jiġi inkluż fuq it-tikketta ta’ nutriment biex jinkiseb dan l-għan. Bħalissa l-ittikkettjar ta’ nutriment għandu għall-inqas jinkludi tagħrif dwar l-enerġija, il-proteini, il-karboidrati u x-xaħmijiet. L-Istrateġija Globali tad-WHO fuq id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa[2] nnutat li n-nutrijenti li ġejjin kienu assoċjati ma’ riskju akbar ta’ mard li ma jitteħidx: xaħmijiet, saturati, xaħmijiet trans, zokkor liberu u melħ (sodju). Dawn ġeneralment jikkoinċidu ma’ l-aktar elementi nutrittivi msemmija fil-konsultazzjoni ta’ l-2006. Madankollu, ċerti partijiet interessati appellaw għall-inklużjoni ta’ disa’ elementi nutrittivi fl-ittikkettjar. Partijiet oħra interessati jargumentaw li lista twila ta’ nutrijenti tħawwad lill-konsumatur. Il-bilanċ bejn it-twassil ta’ tagħrif dwar il-komponenti l-aktar rilevanti għas-saħħa pubblika u tagħrif komprensiv għandu jitqies fl-isfond tal-fehim tal-konsumatur u r-riskju ta’ eċċess ta’ tagħrif.

Għażliet ta' politika

Ġew meqjusa l-għażliet ta’ nuqqas ta’ azzjoni, strateġija volontarja, u strateġija statutarja biex ikunu speċifikati l-elementi ewlenin għall-ittikkettjar ta’ nutriment.

Sejbiet ewlenin

In-nuqqas ta’ azzjoni u l-istrateġija volontarja jkunu jfissru li t-tagħrif li huwa pprovdut ma jkunx jikkoinċidi neċessarjament ma’ l-elementi nutrittivi li jinteressaw l-aktar lill-konsumatur. Kull bidla mir-rekwiżiti eżistenti jkollha impatt potenzjali fuq negozji li jeħtieġ li jiġbru tagħrif differenti dwar il-kompożizzjoni nutrittiva għall-prodotti tagħhom. Ġie stmat li dawn l-ispejjeż għall-industrija mhumiex sinifikanti (jekk is-softwer tal-kompjuter meħtieġ kien disponibbli biex jippermetti l-kalkolu rapidu tal-kontenut nutrittiv ta’ l-ikel) sa € 3.7 biljun jekk it-tagħrif inġabar permezz ta’ analiżi kimika tal-prodott. Jista’ jkun hemm benefiċċji potenzjali għall-konsumaturi jekk it-tagħrif li ġie inkluż kopra l-komponenti nutrittivi li huma l-aktar imfittxija u dawk li huma importanti f’termini ta’ saħħa pubblika għax huma assoċjati mar-riskju ta’ żvilupp ta’ ċertu mard li ma jitteħidx.

Kwistjoni ta’ Politika Nru 3 - Ittikkettjar ta' nutriment simplifikat - b'mod partikolari l-inklużjoni ta' tagħrif dwar il-kontenut nutrittiv fuq quddiem tal-pakkett

Problemi attwali

L-inklużjoni ta’ tagħrif dwar il-kontenut nutrittiv f’forma simplifikata ilha tiżdied f’dawn l-aħħar snin permezz tal-promozzjoni ta’ skemi bħal dawn mill-Awtoritajiet ta’ l-Istati Membri individwali u mill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta’ l-industrija. Is-sitwazzjoni marbuta ma’ preżentazzjonijiet bħal dawn, b'mod partikolari dawk li qed jiġi promoss l-użu tagħhom fuq quddiem tal-pakkett, mhijiex ċara skond il-leġiżlazzjoni eżistenti u għalhekk jeħtieġ li tiġi ċċarata. Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ skemi differenti tista' potenzjalment toħloq konfużjoni għall-konsumatur kif ukoll ostakoli fil-kummerċ għall-industrija.

Għażliet ta' politika

Ġew ivvalutati l-għażliet ta’ nuqqas ta’ azzjoni, strateġija volontarja, u strateġija statutarja - biex tiġi pprojbita preżentazzjoni bħal din, jew biex ikun ipprovdut qafas għal strateġija volontarja jew biex it-tagħrif ikun inkluż fuq bażi obbligatorja.

Sejbiet ewlenin

Mill-analiżi, l-għażliet li ma jsir xejn jew l-użu ta’ strateġiji volontarji jkunu jfissru li se tkompli l-proliferazzjoni ta’ skemi differenti. Jeħtieġ li tiġi ċċarata s-sitwazzjoni, madankollu, il-projbizzjoni ta’ ittikkettjar bħal dan ikollha potenzjalment konsegwenzi negattivi għall-industrija u għall-konsumaturi. Għaldaqstant, id-dispożizzjoni ta’ qafas għall-ittikkettjar fuq quddiem tal-pakkett tibbenefika lill-konsumatur (billi tnaqqas ir-riskju ta' konfużjoni) u tibbenfika lill-industrija (billi tnaqqas ir-riskju ta’ ħolqien ta’ ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija). L-inklużjoni tat-tagħrif fuq bażi obbligatorja żżid potenzjalment l-impatt ta' l-ittikkettjar ta’ nutriment fuq l-imġiba tal-konsumatur billi l-evidenza tagħti x'tifhem li l-konsumaturi jqisu t-tagħrif fuq quddiem tal-pakkett aktar spiss minn meta jkun ipprovdut fuq wara tal-pakkett.

Kwistjoni ta’ Politika Nru 4 - Leġġibilità tat-tagħrif

Problemi attwali

Il-benefiċċju għall-konsumatur ikun żgħir jekk it-tagħrif dwar in-nutriment ikun diffiċli biex jinqara. Il-kwistjoni tal-leġġibilità tikkonċerna diversi aspetti tal-preżentazzjoni, id-daqs tal-font, l-istil u l-kulur tat-tipa, il-kuntrast ma’ l-isfond eċċ. Il-kawża ewlenija ta’ l-ilmenti hija d-daqs tal-font b’mod partikolari għat-tagħrif fuq wara tal-pakkett. Hemm bżonn li jitqies jekk il-leġiżlazzjoni għandhiex tiġi adattata biex tagħti qafas għad-dispożizzjoni ġenerali biex it-tikketti jkunu b’mod li jinqraw. Din il-kwistjoni hija ta’ rilevanza għat-tagħrif kollu pprovdut fuq it-tikketti ta' l-ikel, mhux biss għat-tagħrif dwar in-nutriment.

Għażliet ta' politika

Ġew ivvalutati l-għażliet ta’ nuqqas ta’ azzjoni, strateġija volontarja, u strateġija statutarja.

Sejbiet ewlenin

Fl-analiżi ta’ l-għażliet deher li n-nuqqas ta’ azzjoni jew l-għażla ta’ strateġija volontarja ma twassalx għal titjib sinifikanti fis-sitwazzjoni. L-inklużjoni ta’ daqs minimu tal-font għat-tipa fuq l-ittikkettjar ta’ l-ikel tgħin biex tindirizza l-ilment ewlieni mill-konsumaturi.

Konklużjoni

L-għażla preferuta li ġiet identifikata hi l-ittikkettjar obbligatorju ta’ tagħrif ta' nutriment dwar l-enerġija, ix-xaħam, ix-xaħmijiet saturati, iz-zokkor u l-melħ fil-kamp viżiv prinċipali (fuq quddiem tal-pakkett) flimkien mad-dikjarazzjoni volontarja ta' nutrijenti oħra. L-impatt fuq il-fabbrikanti jista’ jiġi mminimizzat billi jkunu pprovduti perjodi tranżitorji biex it-tibdil fl-ittikkettjar ikun jista' jsir matul iċ-ċiklu normali għal bidliet fit-tikketti li qed jitħaddmu fi ħdan il-kumpanija. Barra minn hekk, id-disponibbiltà ta’ sistemi tal-kompjuter li jippermettu l-kalkolu faċli tal-kompożizzjoni nutrittiva ta’ prodott tnaqqas b’mod sinifikanti kull spiża marbuta mal-kisba ta' tagħrif bħal dan.

[1] Il-Kummissjoni Ewropea (2007), White Paper fuq Strateġija għall-Ewropa dwar kwistjonijiet ta' saħħa marbuta man-Nutriment, il-Piż Żejjed u l-Obeżità - KUMM(2007) 279.

[2] Ir-Riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa 57.17, 2004, Strateġija Globali fuq id-dieta, l-attività fiżika u s-saħħa.

Top