EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0437

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet — 2007 Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 23 ta' Settembru 2008 dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat dwar il-Petizzjonijiet fl-2007 (2008/2028(INI))

ĠU C 8E, 14.1.2010, p. 41–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 8/41


It-Tlieta, 23 ta' Settembru 2008
Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet — 2007

P6_TA(2008)0437

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Settembru 2008 dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat dwar il-Petizzjonijiet fl-2007 (2008/2028(INI))

2010/C 8 E/08

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, speċjalment ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ġunju 2007 dwar ir-riżultati tal-missjoni għall-ġbir tal-fatti fir-reġjuni ta' Andalucia, Valencia u Madrid f'isem il-Kumitat għall-Petizzjonijiet (1),

wara li kkunsidra l-Artikoli 31 u 194 tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 u 192(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A6-0336/2008),

A.

filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza singulari tal-proċess tal-petizzjonijiet fejn l-individwi tingħatalhom l-opportunità li jiġbdu għall-attenzjoni tal-Parlament Ewropew kwistjonijiet speċifiċi li jkunu ta' preokkupazzjoni diretta għalihom li jkopru l-qasam ta' attività tal-Unjoni,

B.

billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu dejjem jirsisti biex itejjeb l-effiċjenza tiegħu sabiex iservi aħjar liċ-ċittadini tal-UE u jissodisfa l-aspetattivi tagħhom,

C.

filwaqt li huwa konxju mill-fatt li, minkejja l-progress konsiderevoli fl-iżvilupp tal-istrutturi u l-politiki tal-Unjoni waqt dan il-perjodu, iċ-ċittadini ta' sikwiet jibqgħu konxji ta' ħafna nuqqasijiet fl-applikazzjoni tal-politiki u l-programmi tal-Unjoni peress li jaffettwawhom b'mod dirett,

D.

billi, skont it-Trattat KE iċ-ċittadini tal-UE għandhom id-dritt ta' petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew iżda jistgħu wkoll iressqu l-ilmenti tagħhom quddiem istituzzjonijiet jew korpi oħra tal-UE, b'mod partikulari l-Kummissjoni,

E.

billi l-isforzi biex tkun promossa u tingħata l-informazzjoni dwar id-dritt pubbliku ta' petizzjoni quddiem il-Parlament jibqgħu vitali fuq livell nazzjonali, sabiex jitqajjem l-interess pubbliku u, b'mod partikulari, tkun evitata l-konfużjoni dwar il-proċeduri varji dwar l-ilmenti,

F.

billi hija r-responsabilità tal-Istati Membri li japplikaw ir-regolamenti u d-direttivi tal-Komunità, responsabilità li jistgħu jiddelegaw lil awtoritajiet politiki reġjonali jew lokali skont l-arranġamenti kostituzzjonali tagħhom stess,

G.

billi hija ħaġa leġittima li l-Parlament jeżerċita sorveljanza u superviżjoni demokratiċi tal-politiki tal-Unjoni, filwaqt li jżomm f'moħħu l-prinċipju importanti ta' sussidjarjetà, sabiex jiżgura li l-liġijiet tal-Unjoni jiġu implimentati u mifhuma b'mod xieraq u li jissodisfaw l-iskop li għalih ikunu ġew imfassla, diskussi u adottati mill-istituzzjonijiet kompetenti tal-Unjoni,

H.

billi ċ-ċittadini tal-UE u r-residenti tal-Unjoni jistgħu jipparteċipaw b'mod attiv f'din l-attività billi jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew, konsapevoli mill-fatt li t-tħassib tagħhom se jiġi indirizzat u investigat mill-kumitat responsabbli u li se tingħata risposta xierqa,

I.

billi t-Trattati eżistenti diġà fihom impenji biex jitħarsu, bħala prinċipji ewlenin tas-soċjetà Ewropea, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza u d-drittijiet tal-minoritajiet, u billi t-Trattati l-ġodda dwar l-Unjoni Ewropea u dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jekk ikunu ratifikati mis-27 Stat Membru kollha, se jkomplu jsaħħu dan billi jinkorporaw il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, billi jipprovdu għall-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u permezz tal-introduzzjoni kemm ta' bażi legali għal inizjattivi leġiżlattivi taċ-ċittadini, kif ukoll ta' sistema xierqa ta' liġi amministrattiva għall-istituzzjonijiet tal-UE,

J.

billi l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula proċeduri li bihom l-Unjoni tista' tieħu azzjoni kontra ksur serju u persistenti min-naħa ta' Stat Membru fir-rigward tal-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, kif stipulat fl-Artikolu 6 ta' dak it-Trattat,

K.

f’dan ir-rigward ifakkar li ċ-ċittadini tal-UE ta' sikwiet jippetizzjonaw lill-Parlament għal rimedju fejn iħossu li d-drittijiet tagħhom kif rikonoxxuti skont it-Trattati, ikunu nkisru u meta jsibu li r-rimedji ġudizzjarji jkunu inadegwati, mhux prattiki, imġebbdin wisq jew — kif ta' sikwiet ikun il-każ — jiswew ħafna flus,

L.

billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, bħala l-kumitat responsabbli, għandu d-dover mhux biss li jirrispondi l-petizzjonijiet individwali iżda wkoll li jfittex li jipprovdi soluzzjonjiet vijabbli għat-tħassib muri mill-petizzjonanti f'perjodu ta' żmien adegwat, u billi dan jikkostitwixxi l-objettiv ewlieni tal-ħidma tiegħu,

M.

billi s-soluzzjonijiet għat-tħassib tal-petizzjonanti ġeneralment jinstabu b'riżultat ta' koperazzjoni lejali bejn il-Kumitat għall-Petizzjonijiet, fuq naħa, u l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom fuq in-naħa l-oħra, li flimkien jipprovdu rimedji mhux ġudizzjarji,

N.

madankollu, billi mhux dejjem ikun hemm rieda ċara min-naħa tal-Istati Membri u mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali biex jinstabu soluzzjonijiet prattiċi għall-problemi li jressqu l-petizzjonanti,

O.

billi, barra minn hekk, minkejja li l-allegazzjonijiet tal-petizzjonanti mhux dejjem ikunu fondati tajjeb, il-petizzjonanti huma intitolati għal spjegazzjoni u għal risposta raġunata mill-kumitat responsabbli,

P.

billi l-koordinazzjoni interistituzzjonali mtejba għandha twassal biex il-petizzjonijiet inammissibbli jiġu indirizzati mill-ġdid lejn l-awtoritajiet nazzjonali b'mod iktar effettiv,

Q.

billi l-petizzjonijiet jistgħu jiġu ddikjarati inammissibbli jekk ma jkunux jikkonċernaw il-qasam ta' attività tal-Unjoni Ewropea u billi l-proċess tal-petizzjonijiet mhuwiex metodu li ċ-ċittadini jistgħu jużaw bħala mezz ta' appell kontra deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali legali jew politiċi kompetenti li jista' jkun li ma jaqblux magħhom,

R.

billi huwa essenzjali li l-Parlament jipprovdi lilu nnifsu bil-mezzi effettivi, f'termini ta' awtorità, regoli, proċeduri u riżorsi effettivi biex jirreaġixxi b'mod effiċjenti u f'waqtu għall-petizzjonjiet li jkun irċieva,

S.

billi l-proċess tal-petizzjonijiet jista' jagħti kontribuzzjoni pożittiva għal tfassil aħjar tal-liġijiet, b'mod speċjali permezz tal-identifikar tal-oqsma nnotifikati mill-petizzjonanti fejn il-liġi eżistenti tal-UE tkun dgħajfa jew ineffettiva meta jiġu kkunsidrati l-objettivi tal-att leġiżlattiv ikkonċernat, u billi, bil-koperazzjoni u taħt l-awtorità tal-kumitat leġiżlattiv kompetenti, dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu jiġu rimedjati permezz ta' reviżjoni tal-atti leġiżlattivi kkonċernati,

T.

billi l-proċess tal-petizzjonijiet jagħti wkoll kontribuzzjoni sinifikanti għall-identifikazzjoni tal-istanzi fejn l-Istati Membri ma jkunux qed japplikaw il-liġi Komunitarja b'mod korrett, li f'numru ta' każijiet dan iwassal biex il-Kummissjoni tiftaħ proċedura ta' ksur skond l-Artikolu 226 tat-Trattat KE,

U.

billi l-proċedura ta' ksur hija mfassla biex jiġi żgurat li l-Istat Membru kkonċernat jinġieb f'konformità mal-liġi Komunitarja eżistenti u barra minn hekk dan jiġi deċiż skont id-diskrezzjoni tal-Kummissjoni mingħajr l-ebda dispożizzjoni għall-involviment dirett tal-parlament f'dan il-proċess, filwaqt li jinnota, madankollu, li bejn wieħed u ieħor terz tal-ksur ikunu relatati ma' kwistjonijiet ippreżentati minn petizzjonanti lill-Parlament Ewropew,

V.

billi proċedura ta' ksur, anki jekk tirnexxi, ma tistax tipprovdi rimedju b'mod dirett fir-rigward ta' kwistjonijiet speċifiċi mressqa mill-petizzjonanti individwali, billi dan idgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadini fil-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-UE biex jissodisfaw l-aspettattivi tagħhom,

W.

billi fl-2007, meta n-numru ta' membri fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet żdied minn 25 għal 40, il-Parlament irreġistra 1 506 petizzjoni (li jirrappreżentaw żieda ta' 50 fil-mija meta mqabbla mal-2006), li minnhom 1 089 ġew iddikjarati ammissibbli,

X.

jinnota li fis-sena 2007, total ta' 159 petizzjonant ipparteċipaw f'laqgħat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, u dan in-numru ma jinkludix lil dawk il-bosta oħrajn li kienu preżenti biex josservaw il-proċedimenti,

Y.

billi fl-2007 ġew organizzati sitt żjarat għall-ġbir tal-fatti fil-Ġermanja, fi Spanja, fl-Irlanda, fil-Polonja, fi Franza u f'Ċipru, li b'riżultat tagħhom ġew ippreparati rapporti u saru rakkomandazzjonijiet li sussegwentement intbagħtu lill-partijiet interessati kollha u b'mod partikulari lill-petizzjonanti,

Z.

billi ġew organizzati disa’ laqgħat plenarji tal-kumitat fejn ġew diskussi 'l fuq minn 500 petizzjoni individwali, bl-assistenza prezzjuża ta' rappreżentanti tal-Kummissjoni, filwaqt li l-petizzjonanti kollha ġew infurmati bir-riżultat,

AA.

billi l-oqsma ta' prijorità li jikkonċernaw liċ-ċittadini tal-UE, kif espress fil-proċess tal-petizzjonijiet, jiffukaw fuq dawn l-oqsma li ġejjin: l-ambjent u l-ħarsien tiegħu, inklużi l-punti dgħajfa tad-Direttiva dwar l-Evalwazzjoni tal-Impatt Ambjentali, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar l-Ilma għax-Xorb, id-Direttivi dwar l-Iskart, id-Direttiva dwar l-Habitati, id-Direttiva dwar l-Għasafar, id-Direttiva dwar il-Moneylaundering u direttivi oħrajn, u li jinkludu preokkupazzjonijiet ġenerali dwar it-tniġġis u l-bidla fil-klima, id-drittijiet ta' proprjetà individwali u privata, is-servizzi finanzjarji, il-moviment ħieles u d-drittijiet tal-ħaddiema, inklużi d-drittijiet tal-pensjoni u dispożizzjonijiet oħra tas-sigurtà soċjali, il-moviment ħieles tal-merkanzija u tat-tassazzjoni, ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali, il-libertà ta' stabbiliment, u allegazzjonijiet ta' diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità, sess jew minħabba li persuna tkun membru ta' minoranza,

AB.

billi s-suġġett tal-petizzjonijiet u l-eżaminazzjoni tagħhom involvew kwistjonijiet kontemporanji ewlenin bħall-bidla fil-klima, it-telf ta' bijodiversità, l-iskarsezza tal-ilma, ir-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji u l-provvista tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea,

AC.

filwaqt li jżomm f'moħħu r-relazzjonijiet permanenti u kostruttivi stabbiliti bejn l-Ombudsman Ewropew, li huwa responsabbli biex jinvestiga l-ilmenti taċ-ċittadini rigward allegazzjonijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-istituzzjonijiet tal-UE, u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet li regolarment jirrapporta lill-Parlament dwar ir-Rapport Annwali tal-Ombudsman jew dwar Rapporti Speċjali — li jibqa’ l-aħħar mezz ta' azzjoni li jkollu l-Ombudsman meta ma jingħatax widen għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu — li minnhom kien hemm wieħed fl-2007,

AD.

billi talba mill-kumitat responsabbli ppreżentata f'Ġunju tal-2007 għal awtorizzazzjoni għat-tfassil ta' rapport dwar Rapport Speċjali mill-Ombudsman lill-Parlament dwar amministrazzjoni ħażina fi ħdan l-Uffiċċju Ewropew għal Kontra l-Frodi ġiet irrifjutata b'deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti fil-15 ta' Novembru 2007,

AE.

filwaqt li jżomm f'moħħu l-iżviluppi futuri li se jkomplu jkabbru l-involviment taċ-ċittadini tal-UE fl-attività u fil-ħidma tal-Unjoni Ewropea, speċjalment bl-introduzzjoni tal-“inizjattiva taċ-ċittadini” prevista fit-Trattat ta' Liżbona, jekk ikun ratifikat mis-27 Stat Membru kollha, li se tippermetti li mhux inqas minn miljun individwu minn diversi Stati Membri jitolbu proposta għal att leġiżlattiv ġdid, u li għal dan għandhom jiġu introdotti proċeduri speċifiċi li jinvolvu lill-Kummissjoni, li lejha jridu jkunu indirizzati dawn l-inizjattivi, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill,

AF.

billi jekk il-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tkun effettiva u effiċjenti, dan jagħti sinjal ċar liċ-ċittadini li t-tħassib leġittimu tagħhom qed jiġi indirizzat u jistabilixxi konnessjoni ġenwina bejn iċ-ċittadini u l-UE; billi, madankollu, jekk ikun hemm dewmien inaċċettabbli, u nuqqas ta' rieda min-naħa tal-Istati Membri biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet meħtieġa skont il-liġi Komunitarja, dan iservi biss biex tikber id-distanza bejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha u f'ħafna każijiet tikkonferma l-opinjoni tagħhom li jeżisti żbilanċ demokratiku,

AG.

billi matul l-2007 l-membri tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet setgħu jibbenefikaw mit-titjib konsiderevoli tad-database u l-għodda ta' ġestjoni tal-’e-Petition’, żviluppati mis-segretarjat tiegħu f'kollaborazzjoni mas-servizz responsabbli għat-teknoloġija tal-informatika, li jipprovdi lill-membri kollha tal-kumitat u tal-gruppi politiċi b'aċċess dirett għall-petizzjonijiet u d-dokumenti assoċjati kollha, biex b'hekk titjieb il-kapaċità tagħhom li jservu l-petizzjonanti b'mod effettiv,

AH.

madankollu, jinnota li l-Parlament naqas milli jipprovdi r-riżorsi, mitluba fir-riżoluzzjoni tas-sena li għaddiet dwar il-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, meħtieġa biex jitjiebu l-faċilitajiet għall-proċess tal-petizzjonijiet u biex jattwa l-Artikolu 192(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, li jipprovdi li “għandu jitwaqqaf reġistru elettroniku li fih iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħtu l-appoġġ tagħhom lil min jagħmel il-petizzjoni billi jpoġġu l-firma elettronika tagħhom fuq petizzjonijiet li jkunu ġew dikjarati ammissibbli u li jkunu ddaħħlu fir-reġistru”,

AI.

billi huwa importanti għaċ-ċittadini tal-UE li jkunu infurmati b'mod xieraq dwar il-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet hekk kif qed iħejju ruħhom biex jivvutaw għal Parlament ġdid fl-elezzjonijiet tal-UE li jmiss ippjanati għal Ġunju tal-2009,

1.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-kollaborazzjoni mill-qrib tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u s-servizzi tal-Kummissjoni u tal-Ombudsman u l-klima ta' koperazzjoni li teżisti bejn l-istituzzjonijiet li jipprovaw jirrispondu għall-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini tal-UE; madankollu, jemmen bis-sod li għandha tingħata prijorità li tippermetti lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet innifsu biex ikompli jtejjeb il-faċilitajiet investigattivi indipendenti tiegħu stess, speċjalment permezz tat-tisħiħ tas-segretarjat u l-kompetenza legali tiegħu; jimpenja ruħhu biex jissimplifika aktar il-proċeduri interni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet sabiex jiffaċilita aktar il-proċess tal-petizzjonijiet, b'mod partikulari f'dak li għandu x'jaqsam mal-limitu taż-żmien li fiħ il-petizzjonijiet jiġu ddeterminati, l-ammissibbilità, l-investigazzjoni u s-segwitu tagħhom, l-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-kumitat, il-kooperazzjoni mal-kumitati parlamentari l-oħra li jista' jkollhom interess jew kompetenza fir-rigward ta' ċerti petizzjonijiet, u inizjattivi tal-kumitat bħal ma huma l-missjonijiet għas-sejba tal-fatti;

2.

Jenfasizza li l-kamp ta' applikazzjoni legali tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali se jiġi rikonoxxut jekk it-Trattat ta' Liżbona jiġi rratifikat b'mod sħiħ, u li dan se jħaddan formalment in-natura indipendenti u vinkolanti tagħha, u jinnota li għandhom ikunu previsti miżuri speċifiċi sabiex ikun determinat x'se jkun l-effett fuq id-drittijiet taċ-ċittadini u, b'konsegwenza ta' dan, fuq ix-xogħol u l-kompetenzi tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

3.

Itenni t-talba tiegħu lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex iwettaq reviżjoni urġenti tal-“Portal taċ-Ċittadini” fuq il-websajt tal-Parlament bil-għan li titjieb il-viżibilità tal-portal fir-rigward tad-dritt tal-petizzjoni, u biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jiġu pprovduti bil-mezzi biex ipoġġu l-firma tagħhom b'mod elettroniku sabiex jissostanzjaw il-petizzjonjiet tagħhom, kif stipulat fl-Artikolu 192(2) tar-Regolai ta' Proċedura; iħeġġeġ li l-Portal taċ-Ċittadini għandu jiżgura l-interoperabilità tas-softwer użat sabiex iċ-ċittadini jiġu pprovduti bi drittijiet ugwali f'dan ir-rigward;

4.

Iqis li l-proċedura attwali għar-reġistrazzjoni tal-petizzjonijiet iddawwen bla bżonn l-evalwazzjoni tagħhom u jinsab imħasseb minħabba li dan jaf jinftiehem bħala nuqqas ta' sensittività fil-konfront tal-petizzjonanti; għalhekk, iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jieħu l-miżuri neċessarji biex jittrasferixxi r-reġistrazzjoni tal-petizzjonijiet mid-Direttorat Ġenerali tal-Presidenza għas-segretarjat tal-kumitat responsabbli;

5.

Jitlob il-ftuħ ta' negozjati bejn il-Parlament u l-Kummissjoni bil-għan li jikkoordinaw aħjar il-ħidma tagħhom dwar l-ilmenti b'mod li jiffaċilita, jissimplifika u jħaffef il-proċeduri tal-ilmenti u jagħmilhom aktar trasparenti u bil-ħeffa; jistieden lis-Segretarju-Ġenerali biex jirrapporta lura lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi żmien sitt xhur;

6.

Jappoġġja l-formalizzazzjoni ta' proċedura li permezz tagħha l-petizzjonijiet fil-qasam tas-suq intern jiġu ttrasferiti għan-netwerk SOLVIT bl-għan li titqassar b'mod sinifikanti l-proċedura tal-petizzjonijiet fil-qasam tal-kwistjonijiet tas-suq intern bħal ma huma t-taxxi fuq il-karozzi, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, il-permessi tar-residenza, il-kontrolli fil-fruntieri u l-aċċess għall-edukazzjoni, filwaqt li jinżamm id-dritt tal-Parlament li jeżamina l-kwistjoni jekk ma tinstabx soluzzjoni sodisfaċenti permezz tas-SOLVIT;

7.

Itenni l-ħtieġa ta' involviment akbar min-naħa tal-Kunsill u mir-Rappreżentanti Permanenti tal-Istati Membri fl-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u jħeġġiġhom biex iżidu l-preżenza u l-parteċipazzjoni tagħhom fl-interess taċ-ċittadini;

8.

Iqis li, fil-kuntest tat-tisħiħ tas-segretarjat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u fil-kuntest tal-iżvilupp tas-sistema tal-’e-Petition’, l-introduzzjoni ta' faċilità tat-teknoloġija tal-informatika għall-intraċċar “online” immirata għall-petizzjonanti tkun ta' kontribut lejn il-ħolqien ta' proċess aktar trasparenti u effiċjenti permezz ta, inter alia, aġġornamenti regolari tal-istatus u talbiet għal aktar informazzjoni; jinnota li din il-miżura tissodisfa aħjar l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE filwaqt li trawwem ukoll rendiment aħjar tar-responsabilitajiet istituzzjonali tal-Parlament Ewropew u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-ilħuq ta' deċiżjonijiet rigward it-tnedija ta' proċedimenti ta' ksur kontra l-Istati Membri u jtenni t-talba tiegħu li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jiġi notifikat direttement u uffiċjalment mill-Kummissjoni meta titnieda proċedura ta' ksur relatata ma' petizzjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata mill-Kumitat;

10.

Itenni, f'din ir-rigward, kemm in-natura rappreżentattiva tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet kif ukoll id-dmir u l-irwol istituzzjonali li jwettaq vis-à-vis ċ-ċittadini u r-residenti tal-UE;

11.

Jesprimi tħassib dwar it-tul ta' ħin eċċessiv li jittieħed għall-konklużjoni ta' każijiet ta' ksur mis-servizzi tal-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja, jekk u meta l-Qorti tkun involuta, u — filwaqt li jirrikonoxxi li ta' spiss dan ikun ir-riżultat ta' dewmien u xkiel ta' sikwiet intenzjonat min-naħa tal-amministrazzjonijiet ikkonċernati tal-Istat Membru — jitlob għall-introduzzjoni ta' skedi ta' żmien iktar stretti; jesprimi d-dubji tiegħu dwar l-effiċjenza tal-hekk imsejħa ’proċeduri ta' ksur orizzontali’, li jieħdu iktar fit-tul biex jiġu konklużi; jitlob reviżjoni tal-proċedura ta' ksur bil-għan li jiġi żgurat rispett ikbar għall-applikazzjoni tal-atti leġiżlattivi tal-Komunità;

12.

Jistieden lill-istituzzjonijiet ikkonċernati biex jagħmlu użu aħjar min din il-proċedura bħala mezz biex jiġi żgurat ħarsien sħiħ tal-liġi Komunitarja u jiddispjaċih bil-kbir li wisq ta' spiss id-dawmien tal-proċeduri użati, u t-tgħammim frekwenti tal-kwistjoni ewlenija jwasslu għal ksur de facto tal-liġi Komunitarja min-naħa tal-Istati Membri, li b'hekk ikunu qed jaġixxu b'impunità kontra l-interessi tal-komunitajiet lokali affettwati direttament li jkunu ppetizzjonaw lill-Parlament;

13.

Iqis bħala problematiku l-fatt li s-sistema preżenti għall-monitoraġġ tal-liġi Komunitarja tippermetti lill-Istati Membri biex idawmu l-konformità sakemm ma tkunx imminenti sanzjoni prekunarja u xorta waħda jevitaw ir-responsabilità tal-ksur intenzjonat tal-passat, u ċ-ċittadini ta' sikwiet jidhru li huma nieqsa minn aċċess adegwat għall-ġustizzja u għal rimedji fuq livell nazzjonali anki meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun iddeċidiet li Stat Membru ma jkunx irrispetta d-drittijiet taċ-ċittadini skond il-liġi Komunitarja,

14.

Jirrakkomanda li tingħata prijorità biex ikun żgurat li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet ikun effettiv u effiċjenti fl-aspetti kollha tal-operat tiegħu mill-bidu sa l-aħħar, minħabba li dan jirrappreżenta impenn reali u tanġibbli lejn iċ-ċittadini tiegħu u jindika li l-UE hija lesta u kapaċi tirrispondi għat-tħassib leġittimu tagħhom;

15.

Jesprimi t-tħassib u l-biża tiegħu fir-rigward tar-rapporti mill-petizzjonanti li, anki meta jkunu kisbu l-appoġġ tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar is-sustanza tal-petizzjoni tagħhom, ta' sikwiet jesperjenzaw diffikultà kbira biex jiksbu kwalunkwe forma ta' kumpens mill-awtoritajiet u mill-qrati involuti; jemmen li hemm bżonn li dawn id-dgħjufijiet sistematiċi jkomplu jiġu investigati speċjalment minħabba li japplikaw għas-settur tas-servizzi finanzjarji, bħal fil-każ tas-sejbiet tal-Kumitat ta' Inkjesta dwar l-’Equitable Life Crisis’, li kienu bbażata fuq petizzjonijiet li rċieva l-Parlament u li dwarhom tħejja rapport fl-2007;

16.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li fl-2007 l-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja ħadu azzjoni rapida, anki permezz ta' inġunzjoni, biex tiġi evitata l-qerda imminenti ta' żona protetta taħt id-Direttiva Habitats f'Wied Rospuda mill-passaġġ tal-Via Baltica, li fir-rigward ta' dan il-Kumitat għall-Petizzjonijiet wettaq l-investigazzjoni indipendenti tiegħu, għamel żjara għall-ġbir tal-fatti u għamel ukoll rakkomandazzjonijiet speċifiċi; jilmenta dwar il fatt li ma kienx hemm iktar eżempji ta' dan it-tip;

17.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, biex waqt li tkun qed tindirizza petizzjonijiet u lmenti relatati mal-politika tal-ambjent — li hija waħda mill-preokkupazzjonijiet ewlieni tal-petizzjonanti fl-UE — tkun iktar lesta taġixxi sabiex tevita ksur fil-liġi Komunitarja; jinnota li l-“prinċipju ta' prekawzjoni” m'għandux biżżejjed saħħa legali prattika u ta' sikwit jiġi injorat mill-awtoritajiet responsabbli fl-Istati Membri li madankollu għandhom l-obbligu li japplikaw it-Trattat KE;

18.

Jiddispjaċih min-nuqqas ta' apoġġ mogħti lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet mill-Kummissjoni meta, speċjalment b'riżultat ta' żjarat għall-ġbir tal-fatti, tinġabar evidenza qawwija rigward in-nuqqas ta' ħarsien tad-drittijiet taċ-ċittadini kif imħaddna fit-Trattat, jew nuqqas ta' applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni, u jitlob li jiġu stabbiliti proċeduri ġodda li jippermettu li l-Parlament iressaq dawn il-każijiet direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;

19.

Jirrikonoxxi bis-sħiħ li l-proċess tal-petizzjonijiet, kif rikonoxxut fit-Trattat, madankollu huwa primarjament konċernat mil-kisba ta' rimedji mhux ġudizzjarji u soluzzjonijiet fir-rigward tal-problemi mressqa miċ-ċittadini tal-UE permezz tal-proċess politiku u, f'dan il-kuntest, jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li f'ħafna każijiet jinkisbu riżultati sodisfaċenti;

20.

Jirrikonoxxi wkoll li f'ħafna każijiet ma tkunx tista' tinstab soluzzjoni għall-petizzjonanti minħabba d-dgħjufijiet identifikati fil-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli nnifisha;

21.

Jistieden lill-kumitati leġiżlatttivi kompetenti biex, waqt il-preparazzjoni u l-innegozjar ta' atti leġiżlattivi ġodda jew riveduti, jagħtu attenzjoni mill-qrib għall-problemi rrapportati permezz tal-proċess tal-petizzjonijiet;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti iżjed każ tal-użu tal-Fondi ta' Koeżjoni f'oqsma tal-UE fejn il-proġetti infrastrutturali kbar ikollhom impatt kbir fuq l-ambjent u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-fondi tal-UE jkunu diretti lejn żvilupp sostenibbli fl-interessi tal-komunitajiet lokali, li numru dejjem ikbar minnhom qed jippetizzjonaw lill-Parlament biex jipprotestaw minħabba li dawn il-prijoritajiet mhux dejjem qed jiġu rrispettati mill-awtoritajiet reġjonali u lokali; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma li qed titwettaq mill-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju u mill-Qorti tal-Awdituri f'dan ir-rigward;

23.

Jinnota li numru dejjem ikbar tal-petizzjonijiet li jaslu, speċjalment minn ċittadini mill-Istati Membri l-ġodda, jikkonċernaw il-kwistjoni tal-għoti lura tal-proprjetà, minkejja li dan is-suġġett essenzjalment huwa wieħed ta' kompetenza nazzjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri involuti biex jiżguraw li l-liġijiet tagħhom rigward drittijiet ta' proprjetà li jirriżultaw minn bidla ta' reġim ikunu f'konformità sħiħa mar-rekwiżiti tat-Trattat u mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif jitlob ukoll l-Artikolu 6 tat-Trattat tal-UE kif emendat bit-Trattat ta' Liżbona; jenfasizza li l-petizzjonijiet li waslu dwar dan is-suġġett ma jikkonċernawx is-sistema tas-sjieda tal-proprjetà iżda jikkonċernaw id-dritt għal proprjetà akkwistata b'mod leġittimu; f'dan il-kuntest, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkun partikolarment viġilanti mhux biss fit-trattazzjonijiet tagħha mal-Istati Membri eżistenti iżda wkoll fin-negozjati tagħha ma' pajjiżi kandidati;

24.

Jiddikjara mill-ġdid l-impenn tiegħu biex iħares ir-rikonoxximent tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE għall-proprjetà privata tagħhom li tkun ġiet akkwistata legalment u jikkundanna t-tentattivi kollha biex tittieħed il-proprjetà tal-familji mingħajr il-proċess dovut, mingħajr kumpens xieraq jew mingħajr ir-rispett għall-integrità personali tagħhom; jinnota żieda fl-għadd ta' petizzjonijiet li waslu dwar din il-kwistjoni, speċjalment fir-rigward ta' Spanja fl-2007, u jinnota wkoll ir-rapport u r-rakkomandazzjonijiet taż-żjara għall-ġbir tal-fatti mwettqa mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet1 biex tiġi investigata l-problema għat-tielet darba; jinnota li fir-rigward tad-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku, għadhom għaddejjin proċeduri ta' ksur;

25.

Jinnota wkoll il-kritika li saret mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet wara ż-żjara tiegħu għall-ġbir tal-fatti f'Loiret, fi Franza, fl-2007 u b'mod partikulari jitlob lill-awtoritajiet Franċiżi biex jaġixxu b'mod deċiżiv sabiex tiġi żgurata konformità mad-direttivi tal-UE li jafu jinkisru jekk jiġu approvati ċerti proġetti li hemm ippjanati għall-bini ta' pontijiet fuq ix-Xmara Loire, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li l-Wied ta' Loire mhux biss huwa protett skond it-Termini tad-Direttiva Habitats u d-Direttiva dwar l-Għasafar iżda l-wied huwa wkoll Sit ta' Patrimonju Dinji tal-UNESCO u waħda mill-aħħar sistemi ta' xmajjar mhux mittiefsa li fadal fl-Ewropa;

26.

Jesprimi l-preokkupazzjoni kontinwa tiegħu dwar in-nuqqas ta' implimentazzjoni tad-dispożizzjonijet tad-Direttiva dwar l-Ilma għax-Xorb fl-Irlanda, dwar in-nuqqas ta' kwalunkwe evalwazzjoni mwettqa għal deċiżjoni tal-2007 biex jitneħħa monument nazzjonali li jinsab f'Lismullin fit-triq tal-proġett tal-motorway M3 ħdejn Tara f'County Meath — li wassal għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttella’ lill-Irlanda quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fuq il-bażi li l-approċċ usa’ tal-Irlanda fir-rigward tat-tneħħija tal-monumenti nazzjonali f'ċirkustanzi bħal dawk ta' Lismullin, mhuwiex kompletament konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 85/337/KEE (2), dwar il-problemi li qed jaffaċċjaw il-komunitajiet lokali f'Limerick u dwar kwistjonijiet oħra msemmija fir-rapport taż-żjara għall-ġbir tal-fatti fl-Irlanda mwettqa mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2007; jinnota li wħud minn dawn il-kwistjonijiet huma s-suġġett ta' proċeduri ta' ksur li għadhom għaddejjin;

27.

Jinnota r-rapport dwar iż-żjara għall-ġbir tal-fatti fil-Polonja li wasslet għal rakkomandazzjonjiet rigward il-protezzjoni tal-Wied Rospuda u tal-aħħar foresta antika mhux mittiefsa fl-Ewropa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli taħdem mal-awtoritajiet Pollakki fuq rotot alternattivi għan-netwerk tat-triq u għal dak tal-ferrovija tal-Via Baltica kif irrakkomandat fir-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li jkun hemm finanzjament disponibbli biex tittaffa l-pressjoni minn fuq is-sistema tat-toroq f'Augustow b'mod li l-popolazzjoni lokali tiġi protetta u b'mod li jinżamm l-ambjent taż-żona;

28.

Jinnota ż-żjara għall-ġbir tal-fatti f'Ċipru f'Novembru tal-2007, miċ-Chairperson u l-membri tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati biex ikomplu bl-isforzi tagħhom għall-ilħuq ta' soluzzjoni nnegozjata għall-kwistjonijiet pendenti ta' tħassib għall-petizzjonanti, b'mod partikulari filwaqt li titqies il-parti ssiġillata ta' Famagusta li għandha tingħata lura lis-sidien legali tagħha u jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li ż-żewġ partijiet f'Ċipru qed ikollhomtaħdidiet f'qafas ta' sforzi mġedda biex isolvu l-problema ta' Ċipru jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni immedjata tar-riżoluzzjoni 550 (1984) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li tistipula l-impenn li l-belt ta' Famagusta tingħata lura lill-abitanti legali tagħha;

29.

Jinnota n-numru dejjem ikbar ta' petizzjonijiet u ittri li jirċievi l-Kumitat għall-Petizjonijiet rigward il-kwistjoni tal-ikbar sensittività dwar il-kustodja tat-tfal, li fir-rigward tagħha diffiċli biex wieħed jieħu azzjoni, kif pereżempju fil-każ ta' petizzjonijiet dwar il-Jugendamt Ġermaniż, minħabba l-involviment tal-qrati f'bosta każijiet, u minħabba l-fatt li — ħlief f'każijiet fejn il-ġenituri jkunu ġejjin minn pajjiżi differenti tal-UE — huwa diffiċli li dawn il-każijiet jiġu ddikjarati bħala kompetenza tal-UE;

30.

Jinnota li, fl-2007, bosta petizzjonanti mir-Renju Unit li l-proprjetà tagħhom ġiet ikkonfiskata mill-awtoritajiet tad-Dwana u tas-Sisa tar-Renju Unit kienu għadhom ma sabu l-ebda rimedju minkejja li l-Kummissjoni waqqfet proċedimenti ta' ksur kontra r-Renju Unit minħabba li naqas milli jirrispetta l-obbligu tat-Trattat li jippermetti l-moviment ħieles tal-prodotti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Renju Unit biex joħorġu b'soluzzjoni rispettabbli inkluż il-ħlas ta' pagamenti ex gratia lill-petizzjonanti li ġarrbu telf finanzjarju qabel mal-awtoritajiet irrivedew il-prattiki tagħhom u, skont il-Kummissjoni, bdew jaġixxu f'konformità mad-direttivi rilevanti;

31.

Jinnota wkoll il-fatt li fil-Greċja l-awtoritajiet doganali għadhom jikkonfiskaw , biss bħala miżura straordinarja, l-karozzi ta' ċittadini Griegili jkunu proviżorjament barra mill-pajjiż u li jirritornaw lura lejn il-Greċja bi pjanċi tar-reġistrazzjoni barranin fuq il-vetturi tagħhom, li bosta minnhom ġew akkużati b'kutrabandu u l-każ tagħhom ma ġiex ipproċessat kif xieraq, kif preċedentement irrapportat mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Parlament; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Griegi biex jipprovdu ħlasijiet ta' kumpens lil dawk il-petizzjonanti li sfaw vittmi ta' din il-prattika; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja C-156/04 (7 ta' Ġunju 2007) li jqis bħala sodisfaċenti il-biċċa l-kbira tal-ispjegazzjonijiet provduti mill-awtoritajiet Griegi f'dan il-każ; jilqa’ l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida adottata minn dawn tal-aħħar bil-għan li jindirizzaw in-nuqqasijiet imsemmija fid-deċiżjoni fuq imsemmija;

32.

Jiddeplora l-fatt li fost il-petizzjonijiet pendenti l-aktar antiki li għadu qed isir xogħol fuqhom, il-każ “Lettori”, dwar l-għalliema tal-lingwi barranin fl-Italja, għadu mhux risolt minkejja żewġ deċiżjonijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-appoġġ tal-Kummissjoni u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet għall-każ u l-ilmenti tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Taljani u lill-universitajiet individwali involuti, inklużi inter alia dawk ta' Ġenova, ta' Padova u ta' Napli, biex jaġixxu sabiex tiġi applikata soluzzjoni ġusta għal dawn it-talbiet leġittimi;

33.

Jinnota li fost il-petizzjonijiet ikkunsidrati mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2007 — minkejja li oriġinarjament tressqet fl-2006 — kien hemm l-hekk imsejħa petizzjoni ta' “Sit Wieħed”, li kienet appoġġjata minn 1.25 miljun ċittadini tal-UE li talbu għal sit wieħed għall-Parlament Ewropew, li għandu jkun fi Brussell; jinnota li f'Ottubru tal-2007 l-President irrefera lura l-petizzjoni lill-kumitat, li sussegwentement talab lill-Parlament biex jagħti l-opinjoni tiegħu dwar din il-kwistjoni, filwaqt li jżomm f'moħħu li l-istituzzjoni hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat u li l-Istati Membri għandhom ir-responsabilità biex jieħdu deċiżjoni dwar din il-kwistjoni;

34.

Jiddeċiedi li jirrevedi l-isem tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, kif tradott fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, għal-leġiżlatura li jmiss, biex jiżgura li l-isem iwassal in-natura tal-Kumitat b'mod li jinftiehem, minħabba li apparentement, bħalissa, dan m'huwiex il-każ f'ċerti lingwi, u sabiex jenfasizza l-element ta' demokrazija parteċipatorja fid-dritt ta' petizzjoni; jissuġġerixxi li t-terminu “Kumitat għall-Petizzjonijiet taċ-Ċittadini” jista' jinftiehem iktar faċilment;

35.

Huwa mħasseb minħabba n-numru ta' petizzjonijiet li waslu li jiġbdu l-attenzjoni għall-problemi ta' reġistrazzjoni elettorali esperjenzati minn ċittadini tal-UE li jgħixu barra minn pajjiżhom jew li għandhom status ta' minoranza fi Stat Membru; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jagħtu attenzjoni partikulari għall-faċilitajiet disponibbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE u għar-residenti eliġibbli tal-UE sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fl-elezzjonijiet li jmiss tal-UE

36.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Ombudsman Ewropew u lill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-kumitati għall-petizzjonijiet tagħhom u lill-ombudspersons nazzjonali tagħhom jew lil entitajiet simili kompetenti.


(1)  ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 340.

(2)  Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-evalwazzjoni tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati dwar l-ambjent (ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40).


Top