EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0420

Is-segwitu tal-Konferenza ta' Monterrey tal-2002 dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 23 ta' Settembru 2008 dwar is-segwitu tal-Konferenza ta' Monterrey tal-2002 dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp (2008/2050(INI))

ĠU C 8E, 14.1.2010, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 8/1


It-Tlieta, 23 ta’ Settembru 2008
Is-segwitu tal-Konferenza ta’ Monterrey tal-2002 dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp

P6_TA(2008)0420

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Settembru 2008 dwar is-segwitu tal-Konferenza ta’ Monterrey tal-2002 dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp (2008/2050(INI))

2010/C 8 E/01

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Konsensus ta’ Monterrey, adottat mill-Konferenza Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp (FfD) f’Monterry, il-Messiku, bejn it-18 u t-22 ta’ Marzu 2002, (il-Konferenza ta’ Monterrey),

wara li kkunsidra l-impenji magħmula mill-Istati Membri fil-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona li sar fl-14 ta’ Marzu 2002 (l-impenji ta’ Barċellona),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ April 2002 dwar l-iffinanzjar tal-għajnuna għall-iżvilupp (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Frar 2002 dwar l-iffinanzjar tal-għajnuna għall-iżvilupp (2),

wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika għall-Iżvilupp tal-Unjoni Ewropea: “Il-Konsensus Ewropew” (3) iffirmata fl-20 ta’ Diċembru 2005,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-9 ta’ April 2008 ntitolata “L-UE sieħba globali għall-iżvilupp — ngħaġġlu l-progress lejn il-Miri għall-Iżvilupp għall-Millennju” (COM(2008)0177),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-4 ta’ April 2007 ntitolata “Nonoraw il-wegħdiet tal-Ewropa dwar il-finanzjament tal-Iżvilupp” (COM(2007)0164),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-2 ta’ Marzu 2006 intitolata “Finanzjament għall-iżvilupp u l-Effettività tal-Għajnuna — L-isfidi biex tiġi miżjuda l-għajnuna tal-UE 2006 — 2010” (COM(2006)0085),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-12 ta’ April 2005 intitolata “Li tħaffef il-progress lejn il-kisba tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp — Finanzjament għall-Iżvilupp u Effettività tal-Għajnuna” (COM(2005)0133),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2004 intitolata “Insarrfu l-Kunsens ta’ Monterrey fil-prattika: il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea” (COM(2004)0150),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2002 dwar il-Konferenza Internazzjonali dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp (Monterrey, Messiku 18-22 ta’ Marzu 2002),

wara li kkunsidra l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs) adottati waqt il-Laqgħa Għolja tal-Millennju tan-NU li saret f’New York bejn is-6 u t-8 ta’ Settembru 2000, u li ġew konfermati mill-ġdid waqt Konferenzi sussegwenti tan-NU, speċjalment waqt il-Konferenza ta’ Monterrey,

wara li kkunsidra l-impenn li sar waqt il-Kunsill Ewropew ta’ Göteborg li ltaqa’ bejn il-15 u s-16 ta’ Ġunju 2001 biex l-Istati Membri jilħqu l-mira tan-NU għall-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) ta’ 0,7 % tad-Dħul Gross Nazzjonali (GNI),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-2 ta’ Marzu 2006 intitolata “L-Għajnuna tal-UE: Inwassluha aktar, b’mod aħjar u aktar malajr” (COM(2006)0087),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Mejju 2008 dwar is-segwitu tad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi tal-2005 dwar l-Effettività tal-Għajnuna (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A6-0310/2008),

A.

billi għat-tieni darba fl-istorja, in-Nazzjonijiet Uniti qed torganizza Konferenza Internazzjonali dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp, li għandha ssir f’Doha mid-29 ta’ Novembru sat-2 ta’ Diċembru 2008 li għandha l-għan li tlaqqa’ flimkien il-Kapijiet ta’ Stat u Gvernijiet u mhux biss lill-Ministri tal-Iżvilupp iżda wkoll lill-Ministri tal-Finanzi, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet finanzjarji internazzjonali, tal-banek u n-negozji privati u tas-soċjetà ċivili, biex jevalwaw il-progress li sar mill-Konferenza ta’ Monterrey,

B.

billi, biex jintlaħqu l-MDGs, hemm bżonn ta’ żieda finanzjarja qawwija,

C.

billi l-iffinanzjar għall-iżvilupp għandu jkun definit bħala l-iktar mod vantaġġjuż kif wieħed jirrispondi għall-bżonnijiet tal-iżvilupp tad-dinja u għall-inċertezzi globali,

D.

billi l-bżonn ta’ riżorsi finanzjarji sostenibbli, previdibbli u adegwati huwa urġenti iktar minn qatt qabel, specjalment meta wiehed jikkunsidra l-isfida tat-tibdil fil-klima u l-implikazzjonijiet tagħha, inklużi d-diżastri naturali u b’mod partikolari l-vulnerabilità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

E.

billi l-UE hija l-ikbar donatur ta’ għajnuna fuq skala globali, azzjonista ewlenija fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, u l-imsieħeba kummerċjali l-aktar importanti għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

F.

billi l-UE diġà impenjat ruħha li f’limitu ta’ żmien ċar u obbligatorju tilħaq ir-rata ta’ 0.56 % tal-GNI li hija l-mira sa l-2010 u r-rata ta’ 0.7 % tal-GNI sa l-2015,

G.

billi, jekk it-tendenzi attwali relatati mal-livelli tal-ODA tal-Istati Membri jkomplu, l-Istati Membri mhux se jilħqu l-miri li impenjaw ruħhom li jilħqu ta’ 0,51 % għall-UE 15 (jiġifieri l-Istati Membri li kienu parti mill-UE qabel it-tkabbir tal-2004) u 0,17 % għall-UE 12 (jiġifieri l-Istati Membri li saru Membri tal-UE fl-1 ta’ Mejju 2004 u fl-1 ta’ Jannar 2007) tal-GNI sa l-2010,

H.

billi l-għajnuna programmabbli lill-Afrika qed tiżdied minkejja t-tnaqqis ġenerali tal-ODA fl-2007,

I.

billi dan l-aħħar tfaċċaw sfidi ta’ żvilupp ġodda u sinifikanti, inklużi t-tibdil fil-klima, bidliet strutturali fis-swieq tal-prodotti u b’mod partikolari dawk tal-ikel u ż-żejt, u tendenzi ġodda importanti fil-koperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar, inklużi l-appoġġ għall-infrastruttura miċ-Ċina fl-Afrika u s-self mill-Bank Brażiljan għall-Investiment (BNDES) fl-Amerika Latina,

J.

billi s-servizzi finanzjarji f’ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw huma sottożviluppati bħala riżultat ta’ ħafna fatturi inklużi restrizzjonijiet tal-provvista tas-servizzi, u nuqqas ta’ ċertezza legali u drittijiet tal-proprjetà,

1.

Itenni l-impenn tiegħu għall-qerda tal-faqar, għall-iżvilupp sostenibbli u għall-ilħuq tal-MDGs, bħala l-uniku mod kif tinkiseb il-ġustizzja soċjali u kif titjieb il-kwalità tal-ħajja għal madwar biljun persuna madwar id-dinja li jgħixu f’faqar estrem, jiġifieri li għandhom dħul ta’ inqas minn dollaru kuljum;

2.

Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu diviżjoni ċara bejn l-infiq għall-iżvilupp u l-infiq għall-interessi ta’ politika barranija u jenfasiżża f’dan ir-rigward li l-ODA għandha tkun konformi mal-kriterji għall-ODA stabbiliti mill-Kumitat għall-Assistenza tal-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD/DAC) u r-rakkomandazzjonijiet tal-OECD/DAC dwar il-ħall mill-irbit tal-ODA;

3.

Jenfasizza l-bżonn assolut għall-UE li timmira għall-ogħla livell ta’ koordinazzjoni biex tikseb koerenza mal-politiki Komunitarji l-oħra (l-ambjent, il-migrazzjoni, ir-riżorsi umani, l-agrikoltura, eċċ) u biex tevita li jkun hemm xogħol doppju jew nuqqas ta’ konsistenza fl-attivitajiet;

4.

Ifakkar li l-azzjonijiet immedjati u neċessarji li għandhom jittieħdu mill-UE biex din tittratta l-konsegwenzi drammatiċi tal-prezzijiet tal-ikel li qed jiżdiedu b’rata allarmanti ma għandhomx jinftiehmu u jitwettqu bħala parti mill-isforzi meħtieġa mill-Konsensus ta’ Monterrey; jistenna bil-ħerqa għalhekk proposta konkreta mill-Kummissjoni dwar l-użu ta’ fondi ta’ emerġenza;

5.

Jenfasizza li l-piż amministrattiv eċċessiv u sproporzjonat f’xi wħud mill-pajjiżi msieħba, ixekkel l-effettività tal-għajnuna għall-iżvilupp; jesprimi l-biża’ li dan il-piż jista’ jipperikola l-ilħuq tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs);

6.

Jinnota li l-UE għadha trid issib il-bilanċ it-tajjeb bejn żewġ approċċi kontradittorji dwar l-għajnuna għall-iżvilupp: minn naħa waħda, biex tafda lill-pajjiżi msieħba fl-allokazzjoni adegwata tal-fondi u biex tgħin lill-amministrazzjonijiet tagħhom jiżviluppaw l-istrumenti l-ġusti għall-implimentazzjoni tal-fondi; min-naħa l-oħra, biex tkun identifikata l-għajnuna finanzjarja sabiex tkun evitata allokazzjoni ħażina jew mingħajr effett tal-għajnuna;

Volumi tal-ODA

7.

Jiġbed l-attenzjoni li l-UE hija d-donatur dinji ewlieni tal-ODA, li tirrappreżenta kważi 60 % tal-għajnuna għall-iżvilupp uffiċjali dinjija, u jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-parti tal-UE tal-ODA globali qed tiżdied matul is-snin; madanakollu jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi data ċara u trasparenti dwar is-sehem tal-baġit tal-UE ddedikat għall-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE sabiex tevalwa s-segwitu tal-Konsensus ta’ Monterrey mid-donaturi Ewropej kollha; jesprimi wkoll id-dispjaċir tiegħu li l-livell tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-UE għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma għandux viżjoni u jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa komunikazzjoni u strumenti ta’ informazzjoni xierqa u mmirati biex tiżdied il-viżjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE;

8.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-UE laħqet il-mira tagħha li torbot ta’ ODA li l-Komunità jkollha medja ta’ 0.39 % tal-GNI sa l-2006, iżda jinnota t-tnaqqis allarmanti tal-għajnuna tal-UE fl-2007 minn EUR 47,7 biljun fl-2006 (0.41 % tal-GNI kollettiv tal-UE) għal EUR 46.1 biljun fl-2007 (0.38 % tal-GNI kollettiv tal-UE) u jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-volumi tal-ODA biex jilħqu l-mira mwiegħda ta’ 0.56 % tal-GNI sal-2010;

9.

Jinsisti li ma għandux ikun hemm tnaqqis ieħor mill-ODA rappurtat fl-Istati Membri; jinnota li l-UE se tkun tat EUR 75 biljun inqas milli kien imwiegħed għall-perjodu 2005-2010 jekk se tkompli t-tendenza attwali;

10.

Jesprimi tħassib serju li l-maġġuranza tal-Istati Membri (18 minn 27, b’mod speċjali l-Latvja, l-Italja, il-Portugall, il-Greċja u r-Repubblika Ċeka) ma setgħux iżidu l-livell tagħhom tal-ODA bejn l-2006 u l-2007 u li kien hemm ukoll tnaqqis drammatiku ta’ aktar minn 10 % f’numru ta’ pajjiżi bħall-Belġju, Franza u r-Renju Unit; jistieden lill-Istati Membri biex jissodisfaw il-volumi ODA tagħhom li huma wiegħdu; jinnota b’sodisfazzjon li xi Stati Membri (id-Danimarka, l-Irlanda, il-Lussemburgu, Spanja, l-Iżvezja u l-Olanda) huma ċerti li se jilħqu l-miri tagħhom tal-ODA sa l-2010 u jinsab kunfidenti li dawn l-Istati Membri se jżommu l-livelli għoljin tagħhom ta’ ODA;

11.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-pożizzjoni soda tal-Kummissjoni fl-isforzi biex tikkonċentra kemm fuq il-kwantità u kemm fuq il-kwalità tal-għajnuna għall-iżvilupp mill-Istati Membri u jappoġġja b’mod sħiħ it-twissija tagħha kontra konsegwenzi negattivi potenzjalment għoljin għall-Istati Membri li jonqsu milli jissodisfaw l-impenji finanzjarji tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tuża l-ħila esperta u l-awtorità tagħha biex tikkonvinċi donaturi pubbliċi u privati oħra biex jonoraw il-wegħdiet finanzjarji tagħhom;

12.

Jinsab imħasseb ħafna li xi Stati Membri qed jiffinanzjaw b’mod retroattiv iż-żidiet ODA, sitwazzjoni li qed twassal għal telf nett għall-pajjiżi li qed jiżvilupaw ta’ aktar minn EUR 17-il biljun;

13.

Jilqa’ b’sodisfazzjon l-approċċ ta’ xi Stati Membri li jiżviluppaw skedi plurijennali li jorbtu għaż-żieda tal-livelli tal-ODA biex jilħqu l-mira tan-NU ta’ 0.7 % sa l-2015; jitlob lill-Istati Membri li għadhom m’għamlux dan biex jiżvelaw mill-aktar fis possibbli l-iskedi plurijennali tagħhom; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jadottaw dawn l-iskedi qabel is-Segwitu tal-Konferenza Internazzjonali dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp msemmija hawn fuq li għandha ssir f’Doha u għandhom jissodisfaw l-impenji tagħhom;

14.

Josserva li t-tnaqqis irrappurtat fl-2007 fil-livelli ta’ għajnuna kien minħabba li f’xi każijiet kien hemm żieda artifiċjali taċ-ċifri tal-2006 minħabba li nħafer xi dejn; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-livelli tal-ODA b’mod sostenibbli billi jikkonċentraw fuq iċ-ċifri mingħajr id-dejn li nħafer;

15.

Jikkunsidra li d-diskrepanza bejn il-wegħdiet li jsiru ta’ spiss ta’ iktar assistenza finanzjarja u l-ammonti konsiderevolment inqas li attwalment jingħataw hija totalment mhux aċċettabbli u huwa mħasseb li xi Stati Membri qed juru nuqqas ta’ ħeġġa lejn l-għajnuna;

16.

Jenfasizza l-fatt li l-konsultazzjoni ma’ gvernijiet sħab, parlamenti nazzjonali u l-organizazzjonijiet tas-soċjetà ċivili hija kruċjali fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-volumi u d-destinazzjonijiet tal-ODA;

Ħeffa, flessibilità, prevedibilità u sostenibilità tal-flussi finanzjarji

17.

Jenfasizza li l-assistenza teħtieġ li titwassal fil-ħin u jesprimi n-nuqqas ta’ sodisfazzjon tiegħu li l-proċessi biex titwassal l-assistenza huma ħafna drabi suġġetti għal dewmien bla bżonn;

18.

Jenfasizza l-bżonn li l-flessibilità tkun bilanċjata fit-twassil tal-fondi ta’ koperazzjoni, sabiex wieħed jirrispondi għaċ-ċirkustanzi li qed jinbidlu, bħall-prezzijiet tal-ikel li qed jogħlew bl-imperattiv għal iffinanzjar prevedibbli li jippermetti lill-pajjiżi msieħba jippjanaw żvilupp sostenibbli u adattament u mitigazzjoni għall-bidla fil-klima;

19.

Jitlob bis-sħiħ għall-osservanza ċara tal-prinċipji ta’ self u ffinanzjar responsabbli, li jagħmlu l-operazzjonijiet ta’ self u ta’ ffinanzjar sostenibbli f’termini ta’ żvilupp ekonomiku u ambjentali fuq il-linji u skond il-prinċipji tal-ekwatur; jistieden lill-Kummissjoni biex tipparteċipa fit-twaqqif ta’ prinċipji bħal dawn u biex tagħmel pressjoni fil-fora internazzjonali għal miżuri li jorbtu biex tpoġġihom fil-prattika b’tali mod li l-kopertura testendi għal parteċipanti tal-iżvilupp ġodda mis-setturi pubbliċi u privati;

Dejn u ħarba tal-kapital

20.

japprova b’mod sħiħ l-isforzi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex iżommu s-sostenibilità tad-dejn għal tul ta’ żmien u biex jimplimentaw l-inizjattiva tal-pajjiżi foqra li għandhom djun kbar (HIPC), li huma ta’ importanza ewlenija biex jintlaħqu l-MDGs; jiddispjaċih, madankollu, li l-pjani ta’ tnaqqis eskludew numru kbir ta’ pajjiżi li għalihom id-dejn jibqa’ ostakolu biex jilħqu l-MDGs;jinsisti dwar il-bżonn ta’ dibattitu internazzjonali urġenti dwar l-estensjoni tat-tnaqqis ta’ miżuri internazzjonali għal numru ta’ pajjiżi midjuna, li bħalissa jinsabu esklużi mill-inizjattiva HIPC;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza l-kwistjoni ta’ djun “mistmerra” jew illeġittimi, li jfissru djun li ġew minn self irresponsabbli, ta’ interessi individwali, bi traskuraġni jew b’mod inġust u l-prinċipji ta’ finanzi responsabbli f’negozjati bilaterali u multilaterali biex jittaffa d-dejn; jilqa’ b’sodisfazzjon is-sejħa għall-azzjoni tal-Kummissjoni biex tillimita d-drittijiet ta’ kredituri kummerċjali u vulture funds li jridu jitħallsu lura, fil-każ ta’ proċeduri ġudizzjarji;

22.

Jistieden lill-Istati Membri biex jimxu skond il-qafas ta’ sostenibilità tad-dejn u jisħqu fuq l-iżvilupp tiegħu biex jitqies id-dejn intern ta’ pajjiż u l-bżonnijiet finanzjarji tiegħu; jistieden lill-Istati Membri kollha biex jirrikonoxxu li r-responsabilità ta’ min isellef ma tinvolvix biss konformità mal-qafas ta’ sostenibilità, imma tinvolvi wkoll:

il-konsiderazzjoni tal-vulnerabilità tal-pajjiżi li qed jissellfu għal xokkijiet esterni, billi jipprovdu f’dawn il-każi għas-sospensjoni jew it-tnaqqis tal-ħlas lura;

l-inkorporazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ trasparenza, għaż-żewġ partijiet, fil-ftehim ta’ self;

l-eżerċizzju ta’ aktar viġilanza biex jiġi żgurat li s-self ma jikkontribwix għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew żieda fil-korruzzjoni;

23.

Iħeġeġġ lill-UE biex tippromwovi sforzi internazzjonali li għandhom l-għan li jistabbilixxu xi forma ta’ proċeduri internazzjonali ta’ falliment jew proċedura ta’ arbitraġġ ġust u trasparenti biex tittratta b’mod effiċjenti u ġust ma’ kwalunkwe kriżi ta’ dejn fil-futur;

24.

Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tagħmilx aktar enfasi dwar il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi interni biex tiffinanzja l-iżvilupp, għax dawn huma riżorsi ta’ aktar awtonomija għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri li jkunu involuti b’mod sħiħ fl-Inizjattiva ta’ Trasparenza fl-Industriji ta’ Estrazzjoni (EITI)u biex jitolbu li tkun imsaħħa; jistieden lill-Kummissjoni biex titlob lill-Bord tal-Istandards Internazzjonali ta’ Kontabilità (IASB) biex jinkludi fost dawn l-istandards internazzjonali ta’ kontabilità ħtieġa ta’ rappurtar pajjiż b’pajjiż tal-attivitajiet tal-kumpaniji multinazzjonali fis-setturi kollha;

25.

Jiddispjaċih li l-pakkett ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-effettività tal-għajnuna (COM(2008)0177) ma jsemmix il-ħarba mill-kapital bħala fattur ta’ riskju għall-ekonomiji ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw; jiġbed l-attenzjoni li l-ħarba mill-kapital tagħmel ħsara serja lill-iżvilupp ta’ sistemi ekonomiċi sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jiġbed l-attenzjoni li kull sena l-evażjoni tat-taxxa tiswa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw aktar milli jirċievu fil-forma ta’ ODA; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi fil-politiki tagħha miżuri li jevitaw li ssir ħarba mill-kapital, kif mitlub mill-Konsensus ta’ Monterrey, li jinkludu analiżi ċara tal-kawżi tal-ħarba mill-kapital, bil-għan li jingħalqu r-refuġji fiskali (tax havens), li xi ftit minnhom jinsabu fl-UE jew joperaw mill-qrib mal-Istati Membri;

26.

Jinnota, b’mod partikolari, li skond il-Bank Dinji il-komponent illegali minn din il-ħarba mill-kapital jammonta għal bejn 1 000 sa 1 600 biljun Dollaru Amerikan kull sena, li nofshom jiġu mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jappoġġja l-isforzi internazzjonali biex jiġu ffriżati u rkuprati l-assi misruqa u jitlob lill-Istati Membri li għadhom m’għamlux hekk biex jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-korruzzjoni; jiddeplora l-fatt li mhux qed isiru sforzi simili biex tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-estensjoni globali tal-prinċipju tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni dwar it-taxxa, jitolbu li l-Kodiċi ta’ Kondotta dwar l-evażjoni tat-taxxa li qed titfassal fil-preżent fil-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti (UN ECOSOC) jiġi anness mad-dikjarazzjoni ta’ Doha u jappoġġjaw it-trasformazzjoni tal-Kumitat ta’ Esperti dwar il-Koperazzjoni Internazzjonali fir-rigward tat-Tassazzjoni tan-NU f’korp ġenwin intergovernattiv mgħammar b’riżorsi addizzjonali biex ikun jista’ jiġġieled il-ġlieda internazzjonali kontra l-evażjoni tat-taxxa flimkien mal-OECD;

Mekkaniżmi finanzjarji innovattivi

27.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti għal mekkaniżmi finanzjarji innovattivi mressqa mill-Istati Membri u jistieden lill-Kummissjoni biex teżaminahom skond il-livell ta’ faċilità ta’ implimentazzjoni prattika, ta’ sostenibilità, ta’ addizzjonalità, ta’ spejjeż tat-tranżazzjoni u ta’ effettività; jitlob li jkun hemm mekkaniżmi u strumenti finanzjarji li jipprovdu fondi ġodda u li ma jpoġġux flussi finanzjarji futuri f’riskju;

28.

Jitlob li jkun hemm mekkaniżmi u strumenti finanzjarji li jipprovdu miżuri li jsaħħu flus privati kif stipulat fil-Konsensus ta’ Monterrey u li japplikaw b’mod effettiv il-garanziji ta’ kreditu;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ b’mod qawwi l-finanzjament għall-miżuri t’adattament u mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b’mod partikolari dawk tal-Alleanza dwar it-Tibdil fil-Klima Globali; jenfasizza l-bżonn akut għal finanzjament lil hinn minn flussi attwali tal-ODA għaliex l-ODA weħidha m’għandhiex tipprovdi appoġġ adegwat għall-miżuri ta’ adattament u mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza li għal dan il-għan għandhom jiġu żviluppati b’mod urġenti mekkaniżmi ta’ finanzjament innovattivi, bħal ma huma taxxi fuq l-avjazzjoni u l-kummerċ fiż-żejt, kif ukoll l-identifikar tad-dħul mill-irkant tas-Skema tal-Kummerċ tal-Emissjonijiet tal-UE (EU ETS);

30.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Mekkaniżmu ta’ Finanzjament tal-Klima Globali, ibbażat fuq il-prinċipju ta’ għajnuna antiċipata biex tiffinanzja miżuri ta’ mitigazzjoni u adattament fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jagħmlu impenji finanzjarji sostanzjali sabiex jimplimentaw il-proposta b’mod urġenti;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jidentifikaw mill-inqas 25 % mid-dħul futur tal-irkant mill-UE ETS biex jiffinanzjaw miżuri ta’ adattament u mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa aċċess għall-iffinanzjar għal impriżi żgħar u għall-bdiewa, bħal mezz kif tiżdied il-produzzjoni tal-ikel u kif tinstab soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi tal-ikel;

33.

Jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment (EIB) biex jinvestiga l-possibilitajiet għat-twaqqif immedjat ta’ fond ta’ garanzija li jappoġġja skemi ta’ mikrokreditu u skemi ta’ lqugħ għar-riskju (risk-hedging) li jirrispondu mill-viċin għall-bżonnijiet tal-produtturi tal-ikel lokali f’pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma ifqar;

34.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta biex jitwaqqaf fond multidonatur li għandu x’jaqsam mas-sessi li tnieda fin-NU u li se jkun immexxi mill-Fond għall-Iżvilupp tan-Nisa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNIFEM), bil-għan li jippromwovi u jiffinanzja politiki ta’ ugwaljanza bejn is-sessi f’pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jevalwaw u japprovaw din l-inizjattiva internazzjonali;

35.

Jitlob li jiġu rduppjati l-isforzi li jinkoraġġixxu l-iżvilupp tas-servizzi finanzjarji, minħabba li s-settur bankarju għandu l-potenzjal li jillibera l-finanzjament lokali għall-iżvilupp u li barra minn hekk settur tas-servizzi finanzjarji stabbli huwa l-aħjar mod biex tiġi miġġielda l-ħarba tal-kapital;

36.

Jistieden lill-partijiet interessati biex japprezzaw b’mod sħiħ il-potenzjal enormi tad-dħul mir-riżorsi naturali; f’dan ir-rigward jara li huwa essenzjali li l-industriji tar-riżorsi jkunu trasparenti; jikkunsidra li, filwaqt li l-EITI u l-Proċess Kimberly qed jimxu fid-direzzjoni t-tajba, għandu bżonn isir ħafna aktar biex tiġi nkorraġita t-tmexxija trasparenti tat-tmexxija tal-industriji tar-riżorsi u d-dħul tagħhom;

Riforma tas-sistemi internazzjonali

37.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinkludu l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fil-baġit tal-UE fir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu tal-2008/2009, sabiex tissaħħaħ il-leġittimità demokratika ta’ parti importanti tal-politika tal-iżvilupp tal-UE u l-baġit tagħha;

38.

Jinnota l-ewwel pass li ttieħed f’April 2008 lejn rappreżentazzjoni aħjar ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-Fond Monentarju Internazzjonali (IMF); jiddispjaċih li l-kejl ibbażat fuq il-ġid ikompli jirregola l-analiżi tad-drittijiet tal-vot fl-IMF; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex juru l-interess tagħhom fit-teħid tad-deċiżjoni b’maġġoranza doppja(azzjonisti/Stati) fl-istituzzjoni responsabbli għall-istabilità finanzjarja internazzjonali, l-IMF;

39.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw il-Konferenza Internazzjonali ta’ Segwitu dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp imsemmija hawn fuq, li għandha ssir f’Doha, bħala opportunità biex tkun preżentata pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-iżvilupp immirata għall-ilħuq tal-MDGs permezz ta’ approċċ sostenibbli;

40.

Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu riforma mgħaġġla u ambizzjuża tal-Bank Dinji sabiex dawk li huma l-aktar ikkonċernati direttament bil-programmi tiegħu jkunu rappreżentati aħjar;

*

* *

41.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-kapijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, lill-IMF, lill-Grupp tal-Bank Dinji u lill-UN ECOSOC.


(1)  ĠU C 131 E, 5.6.2003, p. 164.

(2)  ĠU C 284 E, 21.11.2002, p. 315.

(3)  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.

(4)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0237.


Top