Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IE1001

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-vantaġġi u l-benefiċċji ta' l-euro: Żmien ta' rendikont

    ĠU C 224, 30.8.2008, p. 116–123 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.8.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 224/116


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-vantaġġi u l-benefiċċji ta' l-euro: Żmien ta' rendikont

    (2008/C 224/27)

    Nhar is-27 ta' Settembru 2007, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji opinjoni proprja dwar

    Il-vantaġġi u l-benefiċċji ta' l-euro: Żmien ta' rendikont.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-30 ta' April 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Burani.

    Matul l-445 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-28 u d-29 ta' Mejju 2008 (seduta tad-29 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'130 voti favur, xejn kontra u 3 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Għaxar snin mill-introduzzjoni tal-munita unika, il-KESE ddeċieda li janalizza l-benefiċċji li ġab miegħu l-euro għall-individwi u l-intrapriżi: mhux daqstant il-benefiċċji ekonomiċi u monetarji — dan huwa l-kompitu ta' l-ekonomisti, il-politiċi u l-kummentaturi fil-mezzi tax-xandir — iżda iktar mil-lat ta' l-utenti. Fi kliem ieħor, għaxar snin ta' esperjenza wrew li l-euro ta prova tal-valur tiegħu u li l-introduzzjoni ta' din il-munita prestiġjuża u stabbli qawwiet is-saħħa politika ta' l-Ewropa fil-livell internazzjonali, iżda l-utenti kif iqisuha l-munita unika?

    1.2

    Din l-opinjoni tibda minn ħarsa ġenerali tal-benefiċċji li ġabet magħha l-introduzzjoni ta' l-euro: taħlita ta' dawl u dellijiet li għandhom l-għeruq fil-qagħda ekonomika internazzjonali. Hija tiffoka fuq ir-riżultati ta' l-istħarriġ perjodiku ta' l-Ewrobarometru li janalizza jekk u sa liema livell iċ-ċittadini Ewropej japprezzaw dawn il-benefiċċji.

    1.3

    Ir-riżultati huma inkoraġġanti f'bosta pajjiżi, iżda f'oħrajn proporzjon kbir ta' dawk intervistati jgħidu li jsibu l-munita “l-ġdida” diffiċli biex jużawha, li jikkalkolaw il-prezzijiet fil-munita nazzjonali l-antika u li jagħtu tort lill-euro għall-prezzijiet ogħla, u nofshom biss iħossu li, fl-aħħar mill-aħħar, l-introduzzjoni tal-munita unika tat spinta lit-tkabbir ekonomiku. Bażikament, l-istħarriġ juri li l-euro mhux dejjem u f'kull pajjiż sab biżżejjed suċċess maċ-ċittadini.

    1.4

    Reazzjoni inizjali għal dawn ir-riżultati tista' tkun li nistaqsu jekk it-tweġibiet kienux verament oġġettivi u infurmati: il-KESE ma jaċċettax dan l-approċċ. Iktar milli nifirħu bis-suċċess, għandna bżonn nifhmu l-kawżi tal-perċezzjonijiet negattivi u nistaqsu lilna nfusna x'jista' jsir sabiex jitneħħew ir-raġunijiet oġġettivi jew soġġettivi għan-nuqqas ta' sodisfazzjon.

    1.5

    Il-perċezzjonijiet li għandhom bażi oġġettiva jistgħu jitneħħew jew jittaffew b'politiki jew miżuri mmirati, bħal fil-każ ta' sistemi tal-ħlas imtejba (SEPA), jew b'miżuri adattati sabiex jitrażżnu ż-żidiet fil-prezzijiet. (Dan ta' l-aħħar għandu jkun kompatibbli mal-prinċipji tas-suq ħieles u l-kompetizzjoni.)

    1.6

    Il-perċezzjonijiet soġġettivi huma iktar diffiċli li jiġu indirizzati: l-opinjonijiet għandhom jiġu trattati bl-ikbar rispett u għandhom jiġu mfittxija l-kawżi profondi li jirfdu l-perċezzjonijiet negattivi. Naturalment, hemm bżonn ta' strateġija ta' komunikazzjoni, iżda din għandha tiġi implimentata b'tali mod li tqis id-diversi prijoritajiet nazzjonali u soċjali taċ-ċittadini identifikati.

    1.7

    L-istħarriġ ta' l-Ewrobarometru wera d-differenzi profondi bejn il-fehmiet li jeżistu fid-diversi Stati Membri: dan ifisser li soluzzjonijiet ibbażati fuq skemi standardizzati għandhom jiġu rrifjutati. B'mod iktar speċifiku, hemm differenzi kbar fil-perċezzjonijiet bejn il-livelli soċjali u bejn id-diversi livelli ta' l-edukazzjoni. Għaldaqstant l-istrateġiji ta' komunikazzjoni għandhom ikunu mmirati, bil-għan li jinkisbu l-aħjar riżultati bil-mezzi użati.

    1.8

    Għalhekk għandu jiġi enfasizzat li strateġija tal-komunikazzjoni ta' l-euro m'hijiex biżżejjed għall-ksib ta' l-aħjar riżultati: l-istħarriġ jissuġġerixxi li ħafna drabi l-euro jitqies bħala s-simbolu ta' l-Ewropa; għaldaqstant, l-oppożizzjoni m'hijiex immirata lejn l-euro nnifsu iżda– fil-każ ta' xi wħud — lejn il-kunċett ta' “l-Ewropa”. Konsegwentement, l-istrateġija tal-komunikazzjoni ta' l-euro għandha titqies bħala parti minn politika mifruxa fuq perjodu fit-tul li l-għan tagħha jintlaħaq meta l-pubbliku tant iħossu ħaġa waħda mal-kunċett ta' “l-Ewropa” li l-ewroxettiċiżmu jitlef is-saħħa tiegħu.

    1.9

    Madankollu, il-kunċett ta' l-Ewropa bħala entità politika u soċjali kif ukoll ta' entità ekonomika, li tiddependi fuq il-ksib gradwali tal-kondizzjonijiet soċjali bbażati fuq il-ġustizzja, il-kooperazzjoni u n-nuqqas ta' kunflitt soċjali: dan ikun possibbli biss jekk il-pubbliku jista' jara evidenza ta' azzjoni prattika. L-ebda sforz għall-għoti ta' informazzjoni mhu ser isib suċċess jekk ma jitnedewx dawn il-kondizzjonijiet.

    1.10

    Għaldaqstant, l-iktar pass importanti sabiex l-euro tiġi aċċettata iktar huwa politika ekonomika u soċjali fl-UE li tippromovi l-impjiegi u l-pagi filwaqt li toffri sistema ta' protezzjoni soċjali adegwata. Dan iwassal biex iċ-ċittadini jagħrfu japprezzaw il-proġett Ewropew u b'hekk jaċċettaw ukoll l-euro.

    1.11

    Il-KESE huwa konxju tar-responsabbiltajiet u r-rwol tiegħu: bħala r-rappreżentant ta' l-imsieħba soċjali huwa istituzzjoni li hija qrib iċ-ċittadin, il-ħaddiema u l-komunità ta' l-intrapriżi. Għandu jikkoopera b'mod prattiku fl-inizjattivi ppjanati, jekk hemm bżonn b'azzjonijiet fil-livell ta' l-implimentazzjoni. Ikunu utli b'mod partikulari rabtiet ma' korpi simili, nazzjonali u l-ħidma ta' membri individwali tal-KESE fil-kuntest ta' l-assoċjazzjonijiet settorjali Ewropej u nazzjonali.

    2.   Sfond

    2.1

    Sitt snin wara l-introduzzjoni ta' l-euro, il-KESE jħoss li wasal iż-żmien li jiġi analizzat l-impatt tal-munita l-ġdida fuq il-pubbliku fil-pajjiżi fejn din ġiet adottata. Ma' l-ewwel ħarsa, dan jidher li huwa kompitu faċli, billi hemm ħafna letteratura minn sorsi innumerabbli: il-Kummissjoni, il-BĊE, il-PE, universitajiet, istituti ta' riċerka, l-istampa speċjalizzata u mhux speċjalizzata, akkademiċi u l-imsieħba soċjali.

    2.2

    Madankollu, hemm l-impressjoni li l-biċċa l-kbira tal-pubblikazzjonijiet huma r-riżultat ta' esperjenzi u fehmiet unilaterali, jew li jinbtu minn konklużjonijiet negozjati bejn fehmiet differenti u kultant opposti. Filwaqt li dan it-tip ta' approċċ jirrispetta r-regoli tad-demokrazija, l-essenza tal-kwistjonijiet tista' tittaffa sabiex tadatta skond l-interessi individwali, u ta' spiss wisq, ikunu mċajpra b'ċerti attitudnijiet fl-Istati Membri individwali.

    2.3

    Il-KESE jemmen li l-progress ġenwin jista' jsir biss jekk is-sitwazzjoni tiġi approċċata mingħajr prekonċezzjonijiet: billi l-euro huwa ġeneralment meqjus bħala suċċess assolut, għandna bżonn nifhmu għaliex għadu qed jiġi kkritikat minn partijiet ikbar jew inqas tal-pubbliku, infittxu r-raġunijiet u, fejn huwa possibbli, nipproponu soluzzjonijiet. Billi jagħmel dan, il-KESE mhux qed jistqarr li qed jagħmel xi skoperti ta' barra minn hawn; u inqas u inqas li jixtieq iniedi kampanja ġdida għall-opinjoni pubblika: l-għan ta' din l-opinjoni huwa iktar modest — li jqanqal dibattitu ġdid dwar kwistjonijiet magħrufa li ilhom għaddejjin.

    3.   Metodi ta' ħidma

    3.1

    Bħala l-punt ta' tluq, il-KESE għażel il-benefiċċji ta' l-euro, fuq il-bażi tar-riżultati li diġà nkisbu jew l-iktar fehmiet “uffiċjali” aċċettati; imbagħad jiddiskuti dawn ir-riżultati u l-fehmiet li jinħargu mir-riċerka fil-livell ta' l-implimentazzjoni u jikkonkludi bl-analiżi tiegħu stess dwar ir-raġunijiet għaliex il-munita l-ġdida rċeviet il-kritika jew valutazzjonijiet li ma kienux pożittivi. Kif diġà għidna, l-intenzjoni ta' kull proposta hija li tkun il-bażi għal diskussjoni addizzjonali.

    3.2

    Id-dokument ta' konsultazzjoni prinċipali kien il-Flash Barometer Nru 193, The eurozone, 5 years after the introduction of euro coins and banknotesAnalytical report, Novembru 2006. L-istħarriġ twettaq mill-Gallup Organisation, taħt id-direzzjoni tat-Tim ta' l-Ewrobarometru tad-DĠ ECFIN tal-Kummissjoni. Ġew intervistati persuni kkwalifikati mill-aħħar pajjiż li daħal fiż-żona ta' l-euro (is-Slovenja — 2007) u mill-pajjiżi li daħlu fl-2008 (Malta u Ċipru). Sorsi minn pajjiżi li m'humiex membri taż-żona ta' l-euro ma ġewx intervistati apposta billi kien meqjus li l-esperjenzi biss ta' dawk direttament ikkonċernati kienu rilevanti għall-finijiet tar-rapport.

    3.3

    Hemm informazzjoni addizzjonali provduta mill-istħarriġ ta' l-Ewrobarometru ta' Settembru 2007 (1), li twettaq fl-Istati Membri l-ġodda: bosta punti utli jinħarġu minn tqabbil ta' esperjenzi u stennijiet.

    4.   Il-benefiċċji ta' l-euro, skond ir-riżultati u l-fehmiet uffiċjali

    4.1

    Skond il-letteratura Komunitarja u dawk li jappoġġjaw il-munita unika, l-euro ġab miegħu għadd ta' benefiċċji u vantaġġi. Uħud minnhom jinsabu elenkati hawn taħt. Ir-raġunijiet għal dan, li s'issa huma magħrufin sew, m'humiex inklużi, u lanqas il-kummenti negattivi, li nirreferu għalihom fejn hemm bżonn fis-sezzjoni li tittratta dwar il-perċezzjoni pubblika.

    4.2

    Il-lista tal-vantaġġi u l-benefiċċji (mingħajr kummenti) tinkludi:

    l-identità Ewropea: l-euro huwa l-iktar spinta ċara u tanġibbli;

    għodda għat-tqabbil internazzjonali tal-prezzijiet u għat-tisħiħ tal-kompetizzjoni;

    it-tneħħija ta' riskji tar-rati ta' l-iskambju u l-ispejjeż tat-transazzjonijiet tal-muniti;

    m'għadux possibbli li d-devalwazzjoni tal-munita tintuża bħala lieva għall-miżuri tal-kompetizzjoni jew li l-istrateġiji kummerċjali jiġu adattati kull meta jkun hemm ċans li ssir devalwazzjoni;

    il-pajjiżi taż-żona ta' l-euro huma protetti aħjar minn xokkijiet esterni;

    l-euro għen jimmodera l-inflazzjoni u r-rati ta' l-interessi (il-premiums tar-riskju ta' l-inflazzjoni ukoll qdew parti fit-tnaqqis fir-rati ta' l-interessi);

    l-euro huwa sforz mexxej għat-tkabbir u l-impjiegi fl-istrateġija ta' Lisbona;

    l-Ewropa llum taqdi rwol prinċipali fil-politika monetarja u l-euro sar munita stabbilita ta' riżerva;

    l-euro huwa sforz mexxej għall-istabbiltà fl-ekonomija dinjija;

    l-euro ffaċilita bil-kbir u naqqas l-ispejjeż tat-turiżmu u l-ivvjaġġar għal skopijiet ta' xogħol, speċjalment fil-pajjiżi taż-żona ta' l-euro.

    4.3

    Minbarra dawn il-benefiċċji, li ftit li xejn ikunu diskussi (minkejja li hemm xi wħud li jistaqsu jekk japplikawx kullimkien), insibu l-benefiċċji ta' munita “b'saħħitha”, li kultant m'humiex aċċettati mija fil-mija.

    4.4

    M'għandu jkun hemm l-ebda ambigwità hawnhekk: munita b'saħħitha hija ta' benefiċċju għal xi wħud u ta' żvantaġġ għal xi oħrajn, iżda l-iktar ħaġa importanti hija l-analiżi tal-benefiċċju aħħari lill-ekonomija: mingħajr dubju vantaġġ ta' l-euro. Hemm ukoll xewqa għal munita stabbli, bħall-euro, billi din tirrappreżenta ekonomija stabbli li qed tikber, minkejja x-xokkijiet ekonomiċi. Il-valur estern tagħha jiddependi fuq l-avvenimenti, li l-effetti jistgħu jiġu miġġielda — iżda ċertament mhux eliminati — bi politika ekonomika u monetarja adattata.

    5.   Il-perċezzjoni pubblika tal-benefiċċji u l-iżvantaġġi ta' l-euro

    5.1

    L-euro għall-pagamenti bi flus kontanti: hija ħaġa sorprendenti li seba' snin wara l-introduzzjoni ta' l-euro, 41 % ta' dawk il-persuni intervistati stqarrew li ltaqgħu ma' xi jew ħafna diffikultajiet huma u jużaw l-euro. Dan il-perċentwali qed jonqos iżda jibqa' sinifikanti. L-istħarriġ ma jispeċifikax in-natura ta' dawn il-problemi, iżda nistgħu nassumu li din l-attitudni negattiva hija iktar emottiva milli razzjonali, billi l-maġġoranza l-kbira (li tvarja minn 93 % sa 63 % jiddependi mill-pajjiż) tistqarr li m'għandha l-ebda problema tagħraf il-muniti u l-karti ta' l-euro. Huwa probabbli li numru sinifikanti minn dawk li jgħidu li jiltaqgħu mad-diffikultatjiet huma, l-istess persuni — xi drabi żvantaġġati soċjalment — li ma laqgħux il-wasla tal-munita unika. Fi kwalunkwe każ huwa diffiċli li jitqabblu statistikament it-tweġibiet dwar id-diffikultajiet iffaċċjati ma' dawk dwar l-użu.

    5.1.1

    Dawn id-dubji jikbru meta jsir tqabbil ma' l-istħarriġ ta' Settembru 2007 ta' l-Istati Membri l-ġodda (SMĠ): madwar tliet kwarti tal-persuni li wieġbu kienu raw il-karti u l-muniti ta' l-euro u 44 % kienu użawhom. Huwa diffiċli li wieħed jifhem kif jista' jkun li fiż-żona ta' l-euro 41 % ta' dawk b'10 snin esperjenza tal-munita jgħidu li sabu diffikultà, meta dan ma kienx il-każ fl-SMĠ, fejn 44 % qegħdin jużawha (jew użawha), mingħajr l-ebda problema.

    5.1.2

    Il-kampanji ta' komunikazzjoni waħedhom ma jwasslux għal bidla fl-attitudnijiet ta' dan it-tip: jekk, kif jidher, id-diffikultajiet li jinqalgħu huma relattivament minuri, jew minimi, l-azzjoni li għandha tittieħed għandha tkun ta' miżuri nazzjonali mmirati. Għaldaqstant, l-edukazzjoni, iktar mill-komunikazzjoni hija essenzjali hawnhekk. Iżda jekk fl-aħħar mill-aħħar jinstab li d-diffikultajiet huma biss l-espressjoni mistura ta' stmerrija għal kulma huwa Ewropew, miżuri speċifiċi mhu ser ikollhom l-ebda effett. Bidla fl-attitudnijiet lejn l-euro jmorru id f'id ma' aċċettazzjoni gradwali ta' l-idea ta' l-Ewropa.

    5.2

    L-euro bħala punt ta' referenza u fattur fl-imġiba fl-infiq: element li huwa antiċipat sa mill-ewwel ġurnata kien li għal żmien twil xi nies (il-proporzjon ivarja minn pajjiż għal ieħor) komplew jaħsbu fil-munita nazzjonali antika tagħhom. L-istħarriġ ikkonferma dan it-tbassir: meta jikkalkolaw il-prezzijiet, madwar 40 % tal-konsumaturi għadhom jużaw il-munita nazzjonali preċedenti bħala punt ta' referenza — dejjem jew kultant — kemm għax-xiri ta' kuljum kif ukoll għax-xiri mhux tas-soltu.

    5.2.1

    F'termini ta' imġiba fl-infiq, il-perċentwali ta' persuni li wieġbu li rrapportaw li l-euro kellu effett ta' deterrent jew inċentiv fuq l-infiq baqa' għoli (59 %); iżda l-proporzjon li jqisu l-munita unika bħala fattur newtrali qiegħda tiżdied gradwalment (minn 31 % fl-2003 sa 41 % fl-2007). Fl-istess ħin, kien hemm tnaqqis fil-perċentwali ta' dawk li qalu li jixtru inqas billi jibiżgħu jonfqu wisq (minn 39 % għal 33 %) filwaqt li, għall-kuntrarju, il-proporzjon ta' dawk li jonfqu iktar billi ma jintebhux kemm ikunu nefqu baqa' konsistenti (26 % għal 25 %).

    5.2.2

    Iż-żewġ aspetti kkunsidrati — referenza għall-muniti nazzjonali preċedenti u l-euro bħala fattur newtrali — m'humiex neċessarjament relatati, u lanqas m'hemm raġuni għalfejn għandna naħsbu li ż-żewġ perċentwali pariġġ (madwar 40 %) jirreferu għall-istess grupp.

    5.3

    L-utilità tal-wiri taż-żewġ prezzijiet u l-preferenzi tal-konsumtari: żewġ nofsijiet tal-kampjuni nazzjonali ġew mistoqsija żewġ mistoqsijiet differenti: jekk il-wiri taż-żewġ prezzijiet huwiex utli u jekk in-nies jixtiqux li dan ikompli. Dan wassal għal dawn it-tweġibiet korrispondenti: maġġoranza sinifikanti (madwar 60 %), ma qisetx li din kienet utli jew neċessarja ġaladarba jkun għadda perjodu xieraq ta' transizzjoni. Għandu jiġu nnotat li l-perċentwali kontra l-wiri taż-żewġ prezzijiet żdied b'mod konsistenti tul iż-żmien: sinjal ċar li l-munita unika qiegħda ssir (jew saret, jekk ninterpretawha b'mod iktar pożittiv) parti integrali mill-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini.

    5.3.1

    It-tweġibiet li ngħataw dwar il-wiri taż-żewġ prezzijiet m'humiex sorprendenti meta nikkunsidraw kemm għadda żmien mill-introduzzjoni ta' l-euro. Madankollu, dan l-aspett huwa ta' importanza kruċjali għal dawk il-pajjiżi li daħlu fiż-żona ta' l-euro dan l-aħħar (is-Slovenja, Ċipru u Malta) u dawk li jmisshom jidħlu (l-Istati Baltiċi u s-Slovakkja). L-istħarriġ ta' l-Ewrobarometru ta' Novembru 2007 juri li l-biża' ta' żidiet fil-prezzijiet wara l-adozzjoni ta' l-euro hija għolja; l-esperjenza wriet li l-wiri taż-żewġ prezzijiet jista' jkun deterrent utli sakemm ikun akkumpanjat minn kontrolli u miżuri deterrenti. Dan mhux dejjem kien il-każ fl-ewwel grupp ta' pajjiżi li adottaw l-euro. Dan l-aħħar il-Kummissjoni ddikjarat li l-ipprezzar doppju għandu jkun obbligatorju għal sitt xhur iżda mhux iktar minn sena.

    5.4

    Karti tal-flus u muniti: Rigward is-sodisfazzjon bid-denominazzjoni attwali tal-karti tal-flus u l-muniti, mill-istħarriġ jirriżulta li, waqt li l-ebda bidliet ma jidhru meħtieġa rigward il-karti tal-flus, perċentwali sinifikanti ta' dawk li wieġbu (li jvarja minn 80 % fil-Finlandja u l-Ġermanja sa 33-35 % fl-Irlanda u l-Italja) huma favur li titnaqqas il-varjetà tal-muniti euro, u speċifikament l-eliminazzjoni tal-muniti taċ-ċenteżmu u taż-żewġ ċenteżmi ta' l-euro, għal aktar konvenjenza u biex jiġu ssemplifikati l-ħlasijiet. Min-naħa l-oħra, il-maġġoranza tibża' li t-tneħħija tad-denominazzjonijiet iż-żgħar ta' l-euro tista' twassal għal żieda fil-prezzijiet: biża' mifrux anke f'pajjiżi fejn il-maġġoranza tixtieq li jitneħħew il-muniti ż-żgħar.

    5.4.1

    L-esperjenza wriet li bosta każijiet ta' żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut, flimkien ma' jew sussegwenti għall-adozzjoni ta' l-euro, huma l-aktar dovuti għar-rounding up (fejn jingħata l-eqreb numru sħiħ) tal-prezzijiet li kkonvertew f'ċifri deċimali inqas minn 5. Din il-manuvra kienet iffaċilitata minn nuqqas ta' viġilanza min-naħa ta' l-awtoritajiet u minn dawk il-konsumaturi li kkunsidraw il-valur tal-muniti ż-żgħar bħala negliġibbli; kienet partikolarment tinħass f'pajjiżi li l-munita nazzjonali preċedenti tagħhom kellha valur ta' unità baxx (per eżempju fl-Italja). Il-KESE jemmen li t-tneħħija tal-muniti taċ-ċenteżmu u taż-żewġ ċenteżmi hija totalment mhux ta' min jirrakkomandaha: il-konvenjenza kkwotata minn ċerti taqsimiet tas-suq għandha tintiżen kontra l-kwistjoni ta' l-interess ġenerali.

    5.5

    Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-kwistjoni ta' l-użu ta' l-euro waqt ivvjaġġar barra ż-żona ta' l-euro. Medja ta' madwar 50 % ta' dawk li vvjaġġaw barra ż-żona ta' l-euro ddikjaraw li użaw l-euro, sa ċertu punt; madankollu, il-perċentwali jvarjaw konsiderevolment minn pajjiż għal ieħor, minn 72 % tal-Griegi għal 38 % tal-Finlandiżi. Nistgħu nkunu kuntenti li l-euro huwa milqugħ f'bosta pajjiżi orjentati lejn it-turiżmu, bis-saħħa tal-prestiġju u n-numru ta' utenti.

    5.5.1

    Madankollu, bħala nota għall-attenzjoni, ta' min jagħti l-parir li tintiżen il-konvenjenza li m'għandhiex għaliex tkun akkwistata munita barranija meta jsir ivvjaġġar fuq barra u l-ispiża li jintuża l-euro: spezzjoni aktar mill-qrib turi li f'bosta każijiet ir-rata għall-kambju ta' l-euro ċċarġjata min-negozji fil-pajjiżi li ma adottawx l-euro li għandhom muniti “b'saħħithom” hija ħafna drabi ogħla sewwa mir-rata uffiċjali. Dan l-aspett ma kienx enfasizzat fl-istħarriġ, u lanqas imqajjem minn min irrisponda: sinjal ċar li l-ispiża għall-kambju tal-munita hija kkunsidrata sekondarja jew mhix ikkunsidrata għal kollox.

    5.6

    Il-kapitolu dwar l-użu attwali tal-munita unika jikkonkludi b'mistoqsija prinċipali: ġeneralment, x'inhi l-perċezzjoni pubblika dwar l-euro? Huwa aktar vantaġġuż jew ta' żvantaġġ? L-analiżi tar-risposti għal din il-mistoqsija mhijiex biss ta' importanza prinċipali għall-istrateġiji ta' komunikazzjoni futuri iżda titlob riflessjoni dwar il-politika dwar l-euro ta' l-UE u dwar ir-relazzjonijiet bejn il-gvernijiet nazzjonali u ċ-ċittadini tagħhom.

    5.6.1

    Il-perċentwali ta' ċittadini li jqisu l-adozzjoni ta' l-euro bħala vantaġġuża kien, skond l-aħħar stħarriġ, 48 %: nuqqas konsiderevoli mill-istħarriġ ta' Settembru 2002 (59 %), iżda aktar sinifikanti — u aktar ta' tħassib — hija t-tendenza 'l isfel maż-żmien. Waqt li perċentwali stabbli żgħir ma jara l-ebda bidla sa mill-introduzzjoni ta' l-euro (7-8 %) hemm żieda stabbli f'dawk ta' opinjoni opposta (minn 29 % għal 38 %).

    5.6.2

    Fit-tqassim skond il-pajjiż tal-perċezzjonijiet pożittivi, l-ogħla perċentwali jinsabu fl-Irlanda (75 %), fil-Finlandja (65 %) u fil-Lussemburgu (64 %), jiġifieri fil-pajjiżi li jgawdu minn tkabbir ekonomiku konsiderevoli; il-perċezzjonijiet negattivi huma aċċettati, madankollu, fl-Italja (48 %), fil-Greċja(46 %) u fil-Ġermanja (44 %); bi Franza eżatt fuq il-medja (51 %). Għandna noqogħdu attenti dwar li nistabbilixxu korrelazzjoni diretta bejn perċezzjoni pożittiva ta' l-euro u t-tkabbir ekonomiku. Waqt li fil-fatt huwa minnu li l-pajjiżi l-aktar pożittivi jinkludu lil dawk bi tkabbir tajjeb u viċi versa (l-Italja u l-Greċja), huwa wkoll minnu li l-akbar żewġ pajjiżi taż-żona ta' l-euro, il-Ġermanja u Franza, għandhom tkabbir pożittiv u perċezzjonijiet relattivament negattivi.

    5.6.2.1

    Il-KESE jemmen li din il-kwistjoni hija l-qofol ta' l-istħarriġ kollu: kif diġà ssemma fil-punt 5.1.1, hemm il-ħtieġa li jiġi esplorat, jekk, u sa liema punt, teżisti korrelazzjoni bejn is-sodisfazzjon bl-euro bħala munita u l-aċċettazzjoni ta' l-UE; jista' jkun hemm ukoll korrelazzjoni mal-kondizzjonijiet ekonomiċi, li jistgħu, b'mod superfiċjali, jiġu identifikati ma' l-euro. Fi kliem ieħor, huwa possibbli li hemm element emottiv jew ideoloġiku involut fil-perċezzjonijiet tan-nies dwar l-euro bħala munita, li m'għandhom l-ebda relazzjoni mal-munita fiha nnifisha.

    5.6.3

    It-tkabbir ekonomiku modest għandu diversi kawżi, li ħafna drabi jirkbu fuq xulxin u huma interrelatati, li jinkludu, fost oħrajn, u barra dawk marbutin mal-munita (l-inflazzjoni, l-iskambju u r-rati ta' interessi), il-produttività, il-kompetittività, il-livelli tal-pagi, l-infiq, il-bilanċ tal-pagamenti, ir-relazzjonijiet industrijali u d-defiċit pubbliku. Din hija kwistjoni kumplessa, is-suġġett ta' dibattitu fost il-politiċi, l-ekonomisti u l-imsieħba soċjali; madankollu, iċ-ċittadin għandu t-tendenza li jissemplifika l-affarijiet, billi jiffoka fuq element tanġibbli ta' rilevanza prinċipali għal ħajtu ta' kuljum, jiġifieri l-flus tiegħu.

    5.6.4

    Fost l-ispeċjalisti nsibu tendenza li jitfgħu t-tort tat-tkabbir ekonomiku dgħajjef fuq il-politika monetarja, li xi riċerkaturi u partiti politiċi jaraw li hija ħatja ta' nuqqas ta' reżistenza kontra r-rati tal-kambju li jogħlew u li ma tagħtix appoġġ adegwat lit-tkabbir u lill-impjiegi b'aġġustament bil-għaqal tar-rati ta' l-interessi. Dan mhuwiex il-post adattat biex jinbeda dibattitu dwar din il-kwistjoni, iżda hawnhekk ukoll l-opinjoni pubblika tqis l-euro bħala l-għerq tal-problema.

    5.6.5

    Il-kritika ta' l-euro, partikolarment evidenti fil-pajjiżi bi tkabbir baxx, tinsab ukoll, sa ċertu punt fil-pajjiżi b'rati ta' tkabbir ogħla; hemmhekk, madankollu, l-oppożizzjoni hija aċċentwata mill-fatt li qabel l-introduzzjoni tiegħu, ċerti taqsimiet tal-pubbliku kienu qed jaħsbuha dwar li jitilqu l-munita tagħhom b'saħħitha u prestiġjuża — għalihom, simbolu ta' prestiġju u ta' l-identità nazzjonali tagħhom. Barra minn hekk, dawn ir-raġunijiet xorta għadhom kkwotati f'pajjiżi li għażlu li ma jidħlux fl-euro.

    5.7

    L-analiżi tal-perċezzjonijiet pożittivi ta' l-euro turi biċ-ċar il-validità ta' l-argument imressaq fil-paragrafi 5.6.3 u 5.6.4 (2). L-aktar kategoriji pożittivi huma dawk li l-analiżi soċjo-demografiċi kollha jqisu l-aktar informati: l-irġiel aktar min-nisa, dawk li jaħdmu għal rashom u l-iskrivani aktar mill-ħaddiema manwali u l-qiegħda, iż-żgħażagħ aktar mill-anzjani, dawk li jgħixu fil-bliet aktar minn dawk rurali, dawk ikkwalifikati aktar minn dawk b'livell baxx ta' edukazzjoni. Aktar informazzjoni żżid il-fakultajiet kritiċi u l-maturità ta' dak li jkun.

    5.7.1

    Ikun faċli wisq li naħsbu li l-komunikazzjoni weħidha tista' tegħleb in-nuqqas ta' apprezzament ta' l-euro, iżda kull deċiżjoni għandha, madankollu, tiġi analizzata fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali ta' kull pajjiż. Hemm pajjiżi fejn l-informazzjoni hija effettiva sew, iżda bosta drabi b'tendenza kritika: il-partiti politiċi u xi drabi l-gvernijiet għandhom influwenza preponderanti fuq l-opinjoni pubblika. Ir-riżultat mhuwiex id-diżinformazzjoni, iżda komunikazzjoni bbażata fuq konvinzjonijiet li għandhom, għal raġunijiet demokratiċi, ikunu rispettati. Min-naħa l-oħra, madankollu, teżisti impressjoni ċara li l-maġġoranza “favur” għandha tibni difiża aktar determinata, robusta u aktar espliċita ta' l-euro.

    5.7.2

    Madankollu, kampanja b'appoġġ għall-euro bbażata primarjament fuq fatturi politiċi, ekonomiċi u monetarji probabbilment ikollha ftit impatt fuq l-opinjoni pubblika: jista' jintlaħaq kunsens akbar billi jinżammu u jiġu enfasizzati l-aspetti prattiċi eqreb lejn il-ħtiġijiet tal-poplu. Dan it-tip ta' komunikazzjoni huwa ċertament l-aktar adattat biex jiġi assorbit mill-pubbliku: jittratta l-ħajja ta' kuljum, mingħajr il-ħtieġa li jkun hemm referenza għal prinċipji astratti. Fi kliem ieħor, hemm bżonn approċċ sempliċi — iżda mhux sempliċistiku. Il-korpi uffiċjali huma l-inqas adattati għal dan it-tip ta' kampanja ta' informazzjoni. Ikun ferm aħjar li din titħalla f'idejn il-komunità tan-negozju u l-imsieħba soċjali — wara li tkun informata dwar il-kwistjoni — billi huma eqreb lejn il-pubbliku u jkunu ċertament aktar persważivi.

    5.7.3

    Jekk inħarsu lejn il-vantaġġi prattiċi kkwotati, dak prinċipali huwa l-ivvjaġġar barra mill-pajjiż aktar faċli u li jqum inqas (partikolarment fiż-żona ta' l-euro, iżda wkoll f'pajjiżi mhux ta' l-euro); imbagħad hemm il-fatt li huwa aktar faċli li jitqabblu l-prezzijiet  (3). Huwa dan il-punt pożittiv, u partikolarment in-nuqqas ta' ħlas għal skambju ma' munita barranija u ċ-ċertezza fil-prezzijiet, li jista' jintwera sewwa mill-korpi tat-turiżmu, l-aġenziji tal-proprjetà, l-industrija tat-turiżmu b'mod ġenerali u minn dawk li joħorġu l-karti tal-ħlas. Is-settur finanzjarju għandu rwol prinċipali hawnhekk: l-aktar żviluppi reċenti fil-qasam tat-trasferiment tal-fondi (SEPA) għamlu l-pagamenti fiż-żona ta' l-euro aktar siguri, rapidi u mingħajr ħlas l-istess bħal trasferimenti domestiċi. Madankollu, l-awtoritajiet superviżorji jkun jeħtiġilhom li jkunu estremament viġilanti biex jiżguraw konformità rigoruża mar-regoli min-naħa tas-settur finanzjarju.

    5.7.4

    Inqas ċara, mad-daqqa t'għajn, hija l-enfasi fuq it-tielet raġuni (fl-ordni ta' l-importanza) ikkwotati minn dawk li jappoġġjaw l-euro, jiġifieri l-istatus rinfurzat ta' l-Ewropa; dan l-argument aktar ġenerali u teoretiku huwa parti minn spinta wiesgħa ta' natura ġenerali.

    5.8

    Ħarsa lejn il-kritika kontra l-euro hija saħansitra aktar interessanti. Il-maġġoranza l-kbira tan-nies (81 % fl-2006 u qed tikber bil-mod) jikkunsidraw li huwa responsabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet. Din l-attitudni tmur lura anke għal qabel l-euro daħal fiċ-ċirkolazzjoni, fejn diġà kien hemm biża' li dawk li jfornu l-merkanzija u s-servizzi — u partikolarment il-ħwienet — ser japprofittaw mill-konverżjoni tal-munita nazzjonali tagħhom billi jagħmlu rounding up tal-prezzijiet jew iżiduhom illegalment. Il-Kummissjoni assigurat lin-nies li dan mhux ser jiġri; il-gvernijiet għamlu l-parti tagħhom biex jippromovu ftehim man-negozji; l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi taw il-parir li ssir viġilanza.

    5.8.1

    Dak li mbagħad ġara fil-prattika huwa parti mill-istorja reċenti: f'ċerti pajjiżi l-ftehim kien rispettat (u l-KESE huwa tal-fehma li l-Awstrija jistħoqqilha tissemma bħala eżempju tajjeb), f'oħrajn inqas u f'oħrajn, kważi ma kien rispettat xejn. Dan mhuwiex il-ħin u l-post biex nibdew naraw min jaħti, iżda biżżejjed jingħad li f'bosta pajjiżi ż-żidiet fil-prezzijiet ħabtu eżatt ma' l-introduzzjoni ta' l-euro. Għalhekk il-pubbliku ħass li ż-żidiet fil-prezzijiet kienu ġġenerati mill-euro, sentiment li għadu jgħodd illum u qed isir aktar parti sħiħa fl-assenza ta' kwalunkwe sforz ta' komunikazzjoni biex il-kwistjoni tkun ippreżentata b'mod ġust: jiġifieri li filwaqt li ċertu nies ħadu l-opportunità biex japprofittaw mill-euro, dan jibqa' strument newtrali fih innifsu. Ma sar l-ebda sforz ta' komunikazzjoni ta' dan it-tip, jew fejn kien hemm, dan sar b'nofs qalb.

    5.8.2

    Iż-żidiet li seħħew minn dakinhar m'għandhom xejn x'jaqsmu ma' l-euro: ladarba ġie introdott u sab postu, il-munita rriflettiet aktar milli kkawżat it-tendenzi tas-suq. Kwalunkwe diskors dwar l-inflazzjoni, ir-rati tal-kambju, jew l-ispekulazzjoni hawnhekk huwa irrilevanti: dawn xorta kienu jaffettwaw lill-muniti nazzjonali individwali, forsi wkoll aktar minn dak li ġara bl-euro. Dan il-punt — u dak li sar fil-punt preċedenti — għandu jkun iċċarat darba għal dejjem. Dan l-argument, li huwa l-muftieħ biex jiġu miġġielda x-xettiċiżmu u n-negattività li xorta għadhom abbinati ma' l-euro, għandu jiġi diskuss u jsir il-punt ta' quddiemnett ta' sforz ta' komunikazzjoni li jinvolvi lill-imsieħba soċjali, lill-gvernijiet u lill-Kummissjoni.

    5.8.3

    Argument ieħor, li għandu xi rabta ma' dak preċedenti, huwa dak li l-konverġenza tal-prezzijiet, jiġifieri l-asserzjoni li l-euro kkontribwixxa għal konverġenza tanġibbli fil-prezzijiet maż-żona ta' l-euro kollha bħala riżultat tal-kompetizzjoni li tkun stabbilita bejn il-pajjiżi euro kif ukoll il-pressjoni mill-konsumaturi, li finalment ikunu jistgħu jqabblu l-prezzijiet. Din il-kwistjoni kienet element tal-kampanja ta' qabel tnieda l-euro u kienet waħda mill-punti l-aktar konvinċenti tagħha. Il-kampanja kienet fi kwalunkwe każ probabbli li toħroġ aspettattivi mhux realistiċi: fil-fatt hija ma indikatx il-limiti tal-konverġenza. Ma kienx innotat li l-konverġenza mhux ser taffettwa prodotti u servizzi prodotti u kkonsmati lokalment: fi kliem ieħor, l-iktar parti kbira ta' l-infiq u li l-aktar li tinħass direttament mill-konsumaturi.

    5.8.4

    L-istħarriġ jidher li juri dan: 68 % tal-kampjun iħoss li l-euro ma għamilx kontribut għall-koverġenza fil-prezzijiet (45 % + 23 % “ma nafx”). 32 % jiddikjaraw l-oppost. Madankollu tonqos informazzjoni kruċjali minn din il-parti ta' l-istħarriġ: m'hemm l-ebda indikazzjoni ta' jekk ir-risposti humiex tat-tip intuwittiv, emottiv, jew humiex ibbażati fuq esperjenza diretta (ivvjaġġar barra mill-pajjiż, xiri transkonfinali). Fl-isforz ta' komunikazzjoni jkun hemm ħtieġa li jitnaqqsu l-aspettattivi marbutin mal-konverġenza tal-prezzijiet, billi jkun spjegat għaliex il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu huwa limitat. Ikun ukoll ta' għajnuna li jiġi enfasizzat li l-konverġenza non-eżistenti jew dgħajfa fis-setturi barra minn dawk tal-prodotti u tas-servizzi “lokali” hija r-riżultat ta' fatturi li m'għandhom għal kollox xejn x'jaqsmu mal-munita unika, bħal-liġi tal-provvista u d-domanda, l-ispejjeż tat-trasport, jew it-tassazzjoni. Fil-qosor, l-euro kkontribwixxa għall-konverġenza tal-prezzijiet fejn huwa possibbli, iżda d-differenzjali tal-prezzijiet għadhom jeżistu, bħal fil-każ ta' l-Istati Uniti, pajjiż li minn dejjem kellu munita waħda.

    6   Aspetti politiċi

    6.1

    Il-maġġoranza l-kbira (75 %) ta' dawk li wieġbu jemmnu li l-euro għandu rwol importanti bħala munita internazzjonali, iżda perċentwali ferm aktar baxx huwa interessat fir-rata tal-kambju, għalkemm ġeneralment għandhom xi idea dwar is-saħħa dejjem tikber ta' l-euro kontra d-dollaru. Min-naħa l-oħra, perċentwali kważi identiku (78 %), jew ftit ogħla, jemmen li l-euro ma kellu l-ebda effett (pożittiv jew negattiv) fuq kemm iħossuhom Ewropej. Id-diviżjoni tar-risposti skond il-pajjiż tipprovdi dwar xiex isir it-tħassib, u ftit stagħġib ukoll: il-pajjiżi fejn l-euro jidher li huwa importanti għall-identità Ewropea huma l-Irlanda (56 %), segwit f'distanza mill-Italja (28 %) u l-Lussemburgu (19 %); l-aktar perċentwali baxxi jinsabu fl-Olanda, il-Greċja, il-Ġermanja u l-Awstrija (10-14 %).

    6.1.1

    Spjega waħda possibbli, għalkemm valida biss għal xi pajjiżi, tinsab fil-fatt li fost dawk li fihom l-euro jidher bħala li għandu impatt aktar pożittiv fuq l-identità Ewropea hemm l-Italja, li l-munita nazzjonali preċedenti tagħha kienet esperjenzat varjazzjonijiet serji, waqt li fost dawk li għandhom opinjoni anqas favorevoli hemm il-Ġermanja, pajjiż kburi bil-munita b'saħħitha u stabbli antika tiegħu. Rigward il-pajjiżi l-oħrajn, jista' jkun hemm bosta raġunijiet u perċezzjonijiet: diżinformazzjoni, indifferenza u inqas appoġġ għall-idea ta' l-Ewropa bħala dik li toħroġ munita prinċipali. Dan l-aħħar punt jidher li joħroġ minn fatt pjuttost sorprendenti: fil-pajjiżi kollha, inklużi dawk b'opinjoni favorevoli għall-euro, maġġoranza kbira tal-kampjun tirrapporta li l-euro ma kellu l-ebda impatt fuq il-perċezzjoni ta' l-identità Ewropea.

    6.1.2

    Irridu nirrikonoxxu li, snin wara l-introduzzjoni tiegħu u minkejja li pprova x'jiswa internazzjonalment, l-euro jidher li m'għamel l-ebda progress sinifikanti fit-teħid ta' rwol bħala element u simbolu ta' l-identità Ewropea. Minħabba li dan jinvolvi emozzjonijiet ibbażati fuq firxa wiesgħa ta' perċezzjonijiet individwali, ma jistgħux jiġu previsti kampanji speċifiċi dwar dan immirati biex ibiddlu l-opinjoni pubblika: il-bidla jkollha sseħħ gradwalment billi jitneħħew il-kawżi sottostanti ta' dawk l-emozzjonijiet. Fi kliem ieħor, l-euro ser isir is-simbolu ta' l-identità Ewropea biss meta n-nies ikunu konvinti li huma Ewropej.

    6.2

    Hemm raġunijiet għal ottimiżmu rigward il-kwistjoni ta' jekk in-nies stennewx li jaraw it-tkabbir taż-żona ta' l-euro biex tħaddan l-Istati Membri l-ġodda: madwar 80 % kkunsidrawha ċerta jew probabbli, b'maġġoranza mifruxa mal-pajjiżi kollha. Il-KESE jqis din it-tweġiba bħala sinjal ta' kunfidenza fil-qawwa ta' attrazzjoni ta' l-euro. Din l-attrazzjoni ma kenitx teżisti kieku l-euro kien realment ikkunsidrat bħala politikament dgħajjef u li jġib miegħu konsegwenzi negattivi.

    7   Koordinazzjoni ta' politiki ekonomiċi u l-Patt ta' Stabbiltà

    7.1

    Dawn il-kwistjonijiet, li huma fil-qalba tad-dibattitu u huma aktar astratti fin-natura tagħhom, għandhom jiġu ttrattati separatament. Il-KESE min-naħa tiegħu ddedika bosta opinjonijiet għas-suġġett, u jista' jerġa' jdur fuqu fil-futur qarib. Għalissa, biżżejjed li jkun innotat li madwar nofs dawk li wieġbu kienu konxji li l-politiki ekonomiċi huma kkoordinati ma' l-Istati Membri kollha, iżda l-maġġoranza tagħhom iħossu li l-koordinazzjoni ma tingħatax biżżejjed attenzjoni. L-analiżi pre-pajjiżi turi, madankollu, li hemm varjazzjonijiet sinifikanti bejn il-pajjiżi f'termini kemm tal-livelli ta' tagħrif u kemm ta' opinjonijiet li jirriżultaw. Dawk li wieġbu wrew oġġettività impressjonanti fl-analiżi tagħhom ta' l-ekonomija ta' pajjiżhom: il-pajjiżi li l-ekonomija tagħhom sejra tajjeb huma konxji ta' dan, u, bl-istess mod, nies minn pajjiżi b'aktar diffikultajiet ekonomiċi ma tantx idumu biex jammettu dan.

    7.2

    Rigward il-Patt ta' Stabbiltà, il-livelli ta' tagħrif u d-differenzi nazzjonali jidhru bejn wieħed u ieħor li jirriflettu dawk rigward il-politiki ekonomiċi; tliet kwarti ta' dawk li wieġbu, madankollu, jaqblu li l-Patt ta' Stabbiltà jiggarantixxi euro b'saħħtu u stabbli. Huwa sintomatiku li l-ogħla perċentwali minn dawk li ma jaqblux ġejjin mill-pajjiżi li huma l-aktar konxji taż-żidiet fil-prezzijiet, li impliċitament jattribwuhom lill-euro.

    7.3

    Skond l-istħarriġ, għalhekk, jidher li hemm fehma mxerrda li l-kondizzjonijiet ekonomiċi u t-tendenzi tal-prezzijiet (kultant pożittivi) ta' pajjiż jistgħu jiġu attribwiti lill-euro, u dan isir għal kull perspettiva (nazzjonali) partikolari. Ta' min jinnota li l-ekonomija ġenerali taż-żona ta' l-euro tipproteġi l-munita minn xokkijiet li kieku jaffettwaw aktar lill-pajjiżi individwali; kull persuna għandha tistaqsi lilha nnifisha fejn ikun pajjiżha kieku l-munita unika qatt ma eżistiet. Liema ekonomija nazzjonali setgħet, weħidha, tiffaċċja l-avvenimenti esterni li seħħew fl-aħħar snin u li jistgħu jerġgħu jolqtu lill-ekonomija dinjija mill-ġdid?

    8   Stati Membri Ġodda (SMĠ)

    8.1

    Huwa impossibbli li jkunu koperti l-punti kollha ta' analiżi rigward il-pajjiżi ta' l-euro u l-11-il SMĠ f'dokument wieħed. L-SMĠ jinkludu lil dawk kollha li ngħaqdu reċentement, u lil oħrajn li x'aktarx jingħaqdu f'xi punt fil-futur. Madankollu, eżami tat-tweġibiet għal mistoqsijiet “prinċipali” ta' l-istħarriġ ta' Settembru 2007 jistgħu jipproduċu dwar xiex isir il-ħsieb rigward il-politiki futuri biex tkun aċċettata l-munita unika.

    8.2

    Il-mistoqsija tal-konsegwenzi fil-livell nazzjonali ta' l-adozzjoni ta' l-euro wriet li 53 % taċ-ċittadini kkunsidrawhom bħala pożittivi, meta mqabbla ma' 33 % negattivi u 15 % “ma nafx” (4). Il-mistoqsija dwar l-adozzjoni ta' l-euro b'mod ġenerali wasslet għal riżultat medju simili ħafna. Fiż-żewġ każijiet, il-perċentwali ta' “favur” u “kontra” varja sewwa minn pajjiż għal ieħor, bil-“kontra” jvarjaw minn 55 % fil-Latvja sa 18 % fir-Rumanija; l-attitudni negattiva hija ġeneralment aktar immarkata f'pajjiżi b'popolazzjonijiet iżgħar.

    8.2.1

    It-tqabbil ta' din id-data ma' dik rigward il-pajjiżi ta' l-euro (ara l-punt 5.6) juri li dawn ta' l-aħħar għandhom rata aktar baxxa ta' “pożittivi”. Il-KESE mhuwiex ċert x'jaqbad jikkonkludi minn dan il-fatt li, jekk huwa eżatt, għandu probabbilment ikun attribwit aktar għan-nuqqas ta' sodisfazzjon ġenerali bl-UE aktar milli għal nuqqas ta' simpatija speċifika għall-munita unika (ara l-punt 5.6.2).

    8.3

    Dak li m'huwiex magħruf iżda ta' l-akbar importanza f'għajnejn il-konsumaturi huwa l-impatt ta' l-introduzzjoni ta' l-euro fuq il-prezzijiet: tliet kwarti ta' dawk intervistati beżgħu minn żidiet fil-prezzijiet, waqt li 11 % ħasbu li l-effett ta' l-euro ser ikun newtrali u 6 % stennew li l-prezzijiet jaqgħu. Dan għandu jitqabbel maċ-ċifri tal-pajjiżi taż-żona ta' l-euro (ara l-punt 5.1), fejn aktar minn 80 % jattribwixxu ż-żieda fil-prezzijiet fuq il-munita unika; il-konklużjoni tista' tkun li l-esperjenza ssostni l-beżgħat ta' dawk li għadhom ma adottawhx. Iżda dan ikun argument semplistiku u qarrieqi: iż-żidiet fil-prezzijiet seħħewu qed ikomplu jseħħufil-pajjiżi Ewropej kollha u madwar id-dinja. Ikun interessanti li jsir stħarriġ f'pajjiżi oħrajn biex jinstabu r-raġunijiet li jingħataw għal żidiet fil-prezzijiet fejn m'hemmx l-euro.

    8.4

    It-tweġibiet għall-mistoqsija dwar l-effetti pożittivi ta' l-adozzjoni ta' l-euro juru li l-maġġoranza l-kbira tal-kampjun ta' l-intervista tistenna li l-munita unika tkun mod konvenjenti kif isir il-ħlas barra mill-pajjiż, biex ikun aktar faċli li jsir xiri f'pajjiżi oħrajn, biex jiġi ffaċilitat it-tqabbil tal-prezzijiet u biex jiġu eliminati l-ispejjeż tal-kambju tal-munita; perċentwali iżgħar jikkunsidra li l-euro ser jipproteġi lil pajjiżhom minn kriżijiet internazzjonali. Dawn l-aspettattivi kollha jaqblu mal-vantaġġ li jidher f'għajnejn dawk li diġà adottaw l-euro, xhieda — anke għall-aktar kritiċi ħorox — li l-aspettattivi ma kienux diżappuntati.

    8.5

    Kwistjonijiet ta' impatt inqas immedjat, il-perċentwali ta' tweġibiet pożittivi huwa iżgħar, b'rata ogħla ta' “ma nafx”: dan huwa sinjal ċar li ċ-ċittadini huma aktar attenti, jew sempliċement ma jirrispondux, rigward kwistjonijiet ta' impatt inqas immedjat. F'dan id-dawl, ir-riżultati huma pożittivi ħafna: 66 % jikkunsidraw li l-euro ser isaħħaħ il-pożizzjoni ta' l-Ewropa fid-dinja, u kważi nofs li huwa ser iġib l-istabbiltà fil-prezzijiet, jagħti spinta lit-tkabbir u lill-impjiegi u ser jiżgura finanzi pubbliċi b'saħħithom. Ir-risposti għall-mistqosija dwar ir-rati ta' interess aktar baxxi kienu, f'kuntrast, inqas ċari: terz biss taw risposta pożittiva, biż-żewġ terzi l-oħrajn maqsumin ugwalment bejn in-negattivi u l-mhux deċiżi.

    8.6

    Il-mistoqsija prinċipali ta' importanza “politika” tikkonċerna l-perċezzjoni dwar l-euro bħala fattur li jagħmel in-nies iħossuhom aktar Ewropej. 53 % tal-kampjun wieġbu fl-affermattiv u 35 % fin-negattiv: dan fih innifsu huwa riassiguranti, u huwa aktar hekk meta jiġi ikkunsidrat li fl-2004, 47 % tat-tweġibiet biss kienu pożittivi u 45 % negattivi. Meta jitqabblu dawn iċ-ċifri mar-riżultat ta' l-istħarriġ fil-pajjiżi taż-żona ta' l-euro (ara l-punt 6.1) tinbet il-mistoqsija: aktar minn żewġ terzi ta' dawn ta' l-aħħar iddikjaraw li l-euro ma kellu l-ebda effett dwar kemm iħossuhom Ewropej.

    9   Konklużjonijiet

    9.1

    L-istħarriġ ta' l-Ewrobarometru huwa ta' valur għaliex ikejjel l-attitudnijiet taċ-ċittadini lejn l-euro u jara kif dawn jevolvu matul iż-żmien: l-analiżi tista' tvarja minn żmien għal ieħor fuq aspetti individwali, iżda miżuri ta' darba biss biex jikkoreġu ċerti tendenzi jistgħu ma jkunux adegwati — jekk ma jkunux kontra-produttivi wkoll — jekk il-valur politiku ġenerali ta' operazzjoni li politiku awtorevoli ddeskriva b'għaqal kbir bħala “diplomazija euro” titħalla fil-ġenb.

    9.2

    Parti sostanzjali ta' l-opinjoni pubblika — kemm fil-pajjiżi euro u fl-SMĠ — mhemmx dubju li għandha riżervi b'saħħithom dwar il-munita unika, iżda l-impressjoni li tintradd mit-ton ġenerali tar-risposti għall-mistoqsijiet individwali hija li r-risposti negattivi ħafna drabi jaħbu reżistenza għall-avventura Ewropea. Fi kliem ieħor, l-euro fih innifsu mhux qed ikun sfidat, iżda x'jirrappreżenta f'għajnejn il-pubbliku: ħolqien politiku li, jekk ma jkunx oppost attivament, għadu ma kienx assimilat, u ħa l-forma ta' munita imposta “minn fuq”.

    9.3

    Il-kawżi tas-sentimenti anti-Ewropej — u lejn l-euro, bħala l-espressjoni prattika ta' l-ideal Ewropew — huma ħafna: fosthom hemm ukoll il-fatt li minkejja l-pożizzjonijiet uffiċjali tal-gvernijiet, kull pajjiż għandu movimenti politiċi u mezzi tax-xandir li jopponu l-proġett Ewropew. Ta' sikwit, il-gvernijiet infushom jiddefendu miżuri inevitabbilment mhux popolari billi jitfgħu l-ħtija fuq il-munita unika jew ir-regoli bażiċi tagħha. Huwa diffiċli tkejjel safejn dawn l-attitudnijiet huma ġenwinament dovuti għall-emozzjonijiet negattivi jew għal sempliċi opportuniżmu, iżda r-riżultat huwa li l-ebda politika “Ewropea” ma tista' tiġi implimentata sakemm ma tkunx assimilata minn dawk li qed jeżerċitaw il-poter: il-gvernijiet, il-partiti politiċi u l-mezzi tax-xandir.

    9.4

    L-imsieħba soċjali għandhom rwol kruċjali x'jaqdu f'din l-istrateġija: dan huwa element trasversali f'kuntatt dirett maċ-ċittadini. Huma jistgħu jeżerċitaw pressjoni mill-inqas sa l-ogħla livell fuq l-awtoritajiet simultanjament ma' pressjoni mill-ogħla sa l-inqas livell fuq iċ-ċittadini: pożizzjoni ideali iżda b'responsabbiltà kbira, li tista' trodd il-frott biss jekk tintlaħaq l-unità ta' l-intenzjoni, 'il fuq u lil hinn mill-pożizzjonijiet politiċi jew il-lealtajiet nazzjonali. Il-KESE huwa l-unika istituzzjoni Ewropea li tilħaq dawn il-ħtiġiet u huwa impenjat li jaqdi bis-sħiħ ir-rwol ta' kooperazzjoni mal-Kummissjoni u ma' l-imsieħba soċjali ta' l-Istati Membri.

    9.5

    M'hemmx nuqqas ta' argumenti li jistgħu jintużaw f'kampanja biex l-euro, u miegħu l-idea Ewropea, jitqarrbu lejn iċ-ċittadini: il-piż ekonomiku taż-żona ta' l-euro, l-investimenti minn madwar id-dinja fil-munita unika, u l-adozzjoni progressiva tagħha bħala munita ta' riżerva, id-difiża kontra t-turbulenzi finanzjarji, l-istabbiltà tal-prezzijiet u l-kontribut tagħa għall-preservazzjoni tal-poter ta' l-akkwist. L-oġġezzjonijiet jistgħu jintlaqgħu b'mistoqsija: kulħadd għandu jistaqsi lilu nnifsu x'kien jiġri f'pajjiżu kieku l-munita nazzjonali tħalliet weħidha biex tiffaċċja l-kriżijiet li għaddew, preżenti u probabbilment futuri.

    9.6

    Fi kwalunkwe każ, l-iktar pass importanti sabiex l-euro tiġi aċċettata iktar huwa politika ekonomika u soċjali fl-UE li tippromovi l-impjiegi u l-pagi filwaqt li toffri sistema ta' protezzjoni soċjali adegwata. Dan iwassal biex iċ-ċittadini jagħrfu japprezzaw il-proġett Ewropew u b'hekk jaċċettaw ukoll l-euro.

    Brussell, id-29 ta' Mejju 2008.

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Dimitris DIMITRIADIS


    (1)  Introduction of the euro in the new member States, Flash Eurobarometer 207, Gallup Organisation, Ottubru 2007

    (2)  Fl-assenza ta' analiżi speċifika soċjo-demografika skond il-pajjiż, mhuwiex possibbli li dan l-argument jitwessa' fil-paragrafu 5.6.4.

    (3)  Din ir-raġuni, ikkwotata minn 30 % ta' dawk li wieġbu probabbilment torbot mas-swieq nazzjonali, iżda tista' tkun estiża b'analoġija għaż-żona ta' l-euro.

    (4)  It-total għal aktar minn 100 huwa dovut għar-rounding up.


    Top