This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008DC0333
Recommendation from the Commission to the Council in order to authorise the Commission to conduct negotiations for the elaboration of an international legally-binding instrument on port state measures to prevent, deter and eliminate illegal, unreported and unregulated fishing
Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill biex jawtorizza lill-Kummissjoni tmexxi negozjati għat-tfassil ta’ strument internazzjonali legalment vinkolanti għal miżuri ta’ prevenzjoni ta’ l-istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux dikjarat u mhux regolat
Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill biex jawtorizza lill-Kummissjoni tmexxi negozjati għat-tfassil ta’ strument internazzjonali legalment vinkolanti għal miżuri ta’ prevenzjoni ta’ l-istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux dikjarat u mhux regolat
/* KUMM/2008/0333 finali */
Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill biex jawtorizza lill-Kummissjoni tmexxi negozjati għat-tfassil ta’ strument internazzjonali legalment vinkolanti għal miżuri ta’ prevenzjoni ta’ l-istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux dikjarat u mhux regolat /* KUMM/2008/0333 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 28.5.2008 KUMM(2008) 333 finali RAKKOMANDAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL biex jawtorizza lill-Kummissjoni tmexxi negozjati għat-tfassil ta’ strument internazzjonali legalment vinkolanti għal miżuri ta’ prevenzjoni ta’ l-Istat tal-Port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux dikjarat u mhux regolat I. MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Fl-aħħar laqgħa tal-Kumitat tas-Sajd tal-FAO, ġie miftihem li għandu jitfassal strument internazzjonali legalment vinkolanti għal miżuri ta’ prevenzjoni ta’ l-Istat tal-Port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux dikjarat u mhux regolat bil-ħsieb li dan l-istrument jiġi ppreżentat fit-28 sessjoni tal-COFI tal-FAO li se ssir fi Frar 2009[1]. F’Settembru 2007, saret konsultazzjoni ta’ esperti f’Washington dwar dan is-suġġett. Il-konsultazzjoni teknika, li se tkun miftuħa għall-Partijiet kollha tal-FAO, għandha l-għan li tiffinalizza l-abbozz ta’ strument internazzjonali għal miżuri ta’ l-Istat tal-Port waqt sessjoni li għandha sseħħ bejn it-23 u s-27 ta’ Ġunju 2008. Il-miżuri ta’ l-Istat tal-Port kienu ġew identifikati bħala għodda importanti fil-ġlieda tal-komunità internazzjonali kontra s-sajd illegali, mhux dikjarat u mhux regolat. B’mod partikolari, dan wassal lill-FAO biex fl-2005 tadotta l-Iskema Mudell ta’ Miżuri ta’ l-Istat tal-Port għall-Ġlieda kontra s-Sajd Illegali, Mhux Dikjarat u Mhux Regolat. Din l-Iskema Mudell tipprovdi standards minimi li għandhom ikunu l-bażi għall-adozzjoni ta’ miżuri mill-Istati biex jimmonitorjaw, jikkontrollaw u jispezzjonaw bastimenti tas-sajd li jtajru bandiera barranija li jixtiequ jużaw il-portijiet tagħhom. Dan huwa strument volontarju u mhux vinkolanti. Barra minn hekk, xi Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd introduċew mekkaniżmi vinkolanti ta’ l-Istat tal-Port li l-Partijiet għandhom japplikaw lil dawn l-Organizzazzjonijiet biex jimmontorjaw li l-ħatt l-art, il-qbid u operazzjonijiet oħra li jseħħu fil-portijiet tagħhom isiru b’mod legali. F’xi Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs - Regional Fisheries Management Organisations ), daħħlu fis-seħħ regoli speċifiċi bil-għan li jċaħħdu l-aċċess għall-port lill-bastimenti li l-organizzazzjoni tkun elenkat bħala bastimenti li kienu involuti fi, jew appoġġaw attivitajiet ta’ sajd illegali, mhux dijkarat u mhux regolat. Il-Komunità hija membru tal-FAO, kif ukoll ta’ 13-il RFMO. Il-mekkaniżmi ta’ l-Istat tal-Port li ġew adottati fl-RFMOs ġew implimentati fil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Il-leġiżlazzjoni Komunitarja tipprovdi wkoll regoli ġenerali li japplikaw għall-ħatt l-art ta’ prodotti tas-sajd minn bastiment ta’ pajjiżi terzi fil-portijiet Komunitarji. Il-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux dikjarat u mhux regolat tikkostitwixxi element essenzjali tal-Politika Komuni tas-Sajd u l-Komunità għandha tkun f’pożizzjoni li trawwem il-kooperazzjoni internazzjonali dwar din il-kwistjoni billi tipparteċipa b’mod attiv u kostruttiv fin-negozjati dwar strument internazzjonali għal miżuri ta' l-Istat tal-Port. Minbarra l-fatturi msemmija hawn fuq, ta’ min jinnota dan li ġej: - f’konformità mal-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea (abbażi tal-każ Kramer et al u kkonfermat kostantament wara dan), il-KE għandha l-kompetenza esterna esklussiva fi kwistjonijiet tas-sajd, għall-preservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi ta’ l-ibħra; - fis-17 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni adottat il-proposta ta’ Regolament dwar is-Sajd Illegali, Mhux Dikjarat u Mhux Regolat; - id-dikjarazzjoni ta’ kompetenza li l-KE għamlet fl-okkażjoni ta' l-adeżjoni mal-FAO tipprovdi, fil-punt I b), li l-KE għandha l-kompetenza esklussiva fi kwistjonijiet tas-sajd, għall-preservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi ta’ l-ibħra; - il-Punt 2.1 ta’ l-arranġament interistituzzjonali bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni, li sar fl-okkażjoni ta' l-adeżjoni tal-KE mal-FAO jipprovdi li l-Kummissjoni tintervjeni u tivvota f'isem il-KE fi kwistjonijiet li jirriżultaw taħt il-kompetenza esklussiva tal-KE; - Fil-Każ C-25/94 li jikkonċerna l-Ftehim tal-FAO dwar il-Komformità, il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ddeċidiet li dan l-arranġament bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni japplika wkoll meta l-organi tal-FAO jkunu qed jinnegozjaw għal konvenzjoni tal-FAO. II. RAKKOMANDAZZJONI Fid-dawl ta' dan kollu, il-Kummissjoni tirrakkomanda: - li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja, flimkien ma’ partijiet interessati oħra, bil-għan li tfassal strument internazzjonali legalment vinkolanti għal miżuri ta’ prevenzjoni ta’ l-Istat tal-Port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux dikjarat u mhux regolat; - li, minħabba li skond it-Trattat, il-Kummissjoni se tmexxi dawn in-negozjati f'isem il-Komunità Ewropea, il-Kunsill jaħtar kumitat speċjali sabiex jgħinha f'din il-ħidma; kif ukoll - li l-Kunsill joħroġ id-direttivi tan-negozjati annessi. ANNESS Id-Direttivi tan-Negozjati Il-Kummissjoni għandha tmexxi negozjati f’isem il-Komunità bil-għan li tfassal strument internazzjonali legalment vinkolanti għal miżuri ta’ l-Istat tal-Port li jkollhom l-iskop li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux dikjarat u mhux regolat Il-Kummissjoni għandha tiżgura li t-test tal-ftehim ikun konsistenti mad-dritt internazzjonali, u b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar, mal-Ftehim tan-NU dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta' Stokks Komuni ta' Ħut u Stokks ta' Ħut b' Tendenza Kbira li Jpassi, kif ukoll mal-Ftehim għall-promozzjoni tal-konformità ta’ bastimenti tas-sajd li jbaħħru f’ibħra internazzjonali ma’ miżuri internazzjonali ta’ konservazzjoni u ġestjoni. Il-Kummissjoni għandha taġixxi wkoll skond l-oġġettivi li l-Komunità għandha fil-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd u, fir-rigward ta' kif il-ftehim jaffettwa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, għandha tqis l-orjentazzjonijiet definiti fil-kuntest tal-proċess ta’ “koerenza tal-Politiki għall-żvilupp”. Il-Kummissjoni għandha tappoġġi t-twaqqif ta’ strument li jorbot lill-Partijiet tagħha biex idaħħlu fis-seħħ miżuri: - biex jiskoraġġixxu lil bastimenti li jkunu involuti fi, jew jappoġġaw attivitajiet attivitajiet ta’ sajd illegali, mhux dijkarat u mhux regolat, milli jużaw il-portijiet tagħhom; - biex jispezzjonaw bastimenti li jkunu fil-portijiet tagħhom u li jkunu meqjusa li kienu involuti fi, jew appoġġaw attivitajiet ta’ dan it-tip ; - biex jiżguraw li l-ispezzjonijiet jiġu segwiti kif xieraq u jadottaw il-miżuri xierqa, skond id-dritt internazzjonali, għall-bastimenti li l-involviment jew l-appoġġ tagħhom għal attivitajiet ta’ sajd illegali, mhux dikjarat jew mhux regolat ikun jista’ jiġi ppruvat. Il-Kummissjoni għandha tippromwovi l-introduzzjoni tal-ftehim f’aproċċ integrat li jkun imfassal biex jiskoraġġixxi, jimpedixxi u jelimina s-sajd illegali, mhux dikjarat u mhux regolat, imsejjes l-aktar fuq il-kooperazzjoni internazzjonali u l-miżuri ta’ monitoraġġ u kontroll applikabbli għall-katina sħiħa tas-sajd u ta’ attivitajiet relatati miegħu (“mix-xibka sal-platt”). Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ftehim ikun imfassal b’mod effettiv li jolqot l-attivitajiet ta’ sajd illegali, mhux dikjarat u mhux regolat mingħajr ma jiddiskrimina kontra bastimenti li joperaw f’konformità mal-liġijiet, regolamenti jew miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni applikabbli. Il-Kummissjoni għandha tappoġġa l-pożizzjoni li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim għandhom ikunu magħmulin minn standards minimi li ma jimpedixxux lill-Partijiet milli jdaħħlu fis-seħħ, bħala Stati tal-Port u f’konformità mad-dritt internazzjonali, miżuri aktar stretti kontra s-sajd illegali, mhux dikjarat u mhux regolat. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ftehim jinkludi d-dispożizzjonijiet xierqa li jippermettu li l-Komunità ssir Parti minn dan l-istrument. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar ir-riżultati tan-negozjati u, fejn xieraq, dwar kwalunkwe problema li tista' tinqala' waqt in-negozjati. [1] Ara l-paragrafu 68 tar-Rapport tas-sebgħa u għoxrin sessjoni tal-Kumitat tas-Sajd tal-FAO (Ruma, 5-9 ta’ Marzu 2007) "B’rikonoxxenza tal-ħtieġa urġenti għal pakkett komprensiv ta’ Miżuri tal-Port Statali, il-Kumitat innota l-appoġġ qawwi għall-proposta tan-Norveġja li jiġi żviluppat strument legalment vinkolanti ġdid imsejjes fuq l-Iskema Mudell ta’ Miżuri ta’ l-Istat tal-Port għall-Ġlieda kontra s-Sajd Illegali, Mhux Dikjarat u Mhux Regolat u fuq il-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali għall-Ġlieda kontra s-Sajd Illegali, Mhux Dikjarat u Mhux Regolat Il-Kumitat approva din l-iskeda: Konsultazzjoni ta’ Esperti li għandha titlaqqa’ fl-aħħar sitt xhur tas-sena 2007 biex tħejji abbozz ta’ ftehim u Konsultazzjoni Teknika biex tiffinalizza t-test ta’ l-istrument matul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2008 u tippreżentah fit-tmienja u għoxrin sessjoni tal-COFI li se ssir fl-2009. Ħafna mill-Membri enfasizzaw li dan l-istrument ġdid għandu jistabbilixxi standards minimi għall-Istati tal-Port, bi flessibbiltà li jistgħu jiġu adottati miżuri aktar stretti u xi wħud mill-Membri enfasizzaw ukoll li ma għandux idgħajjef miżuri oħra li diġà hemm qbil dwarhom, bħall-ħtieġa li titnaqqas il-kapaċità."[Traduzzjoni mhux uffiċjali]