Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE0988

    OpinjonI tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li tindirizza l-isfida ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perijodi ta' nixfa fl-Unjoni Ewropea COM(2007) 414 finali

    ĠU C 224, 30.8.2008, p. 67–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.8.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 224/67


    OpinjonI tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li tindirizza l-isfida ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perijodi ta' nixfa fl-Unjoni Ewropea

    COM(2007) 414 finali

    (2008/C 224/15)

    Nhar it-18 ta' Lulju 2007, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li tindirizza l-isfida ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perjodi ta' nixfa fl-Unjoni Ewropea

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-29 ta' April 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Stéphane Buffetaut.

    Matul l-445 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-28 u fid-29 ta' Mejju 2008 (seduta tad-29 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'97 vot favur u astensjoni waħda.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Huwa ċar li l-kwistjoni ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u n-nixfa għandha tiġi indirizzata mhux biss bħala kwistjoni ambjentali iżda wkoll bħala element essenzjali ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-Ewropa, fi ftit kliem bħala kwistjoni ta' importanza strateġika.

    1.2

    Kulħadd għandu bżonn l-ilma biex jgħix, iżda din ir-riżorsa hija wkoll vitali għal numru ta' setturi ekonomiċi, speċjalment l-agrikoltura u l-industrija agroalimentari li jiddependu mill-organiżmi ħajjin.

    1.3

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għandha l-mertu li tenfasizza l-importanza tal-problema u li tiddefinixxi numru ta' linji gwida biex minn naħa jiġi miġġieled il-fenomenu ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u n-nixfa, u min-naħa l-oħra jiġu kkunsidrati l-possibbiltajiet ta' adattament għal sitwazzjoni ġdida.

    1.4

    Il-bidla fil-klima, rikonoxxuta kemm mix-xjenzjati kif ukoll miċ-ċittadini, tista' taggrava s-sitwazzjoni u hemm bżonn li l-miżuri proposti mill-Kummissjoni jiġu introdotti kemm jista' jkun malajr.

    1.5

    Bla dubju, is-sitwazzjoni mhijiex l-istess fl-Istati Membri kollha, u ċ-ċirkostanzi jinbidlu mit-Tramuntana għan-Nofsinhar u mill-Punent għal-Lvant ta' l-Ewropa. Madankollu, l-Istati Membri kollha huma milqutin u kien hemm perijodi ta' nixfa fis-sajf saħansitra fil-pajjiżi Nordiċi.

    1.6

    Għalhekk dawn id-differenzi fis-sitwazzjoni m'għandhomx jitħallew jimpedixxu l-adozzjoni ta' politika miftiehma fl-Ewropa u l-implimentazzjoni ta' miżuri prattiċi adattati għas-sitwazzjonijiet konkreti ta' l-Istati Membri, għax ma teżistix soluzzjoni lesta għall-Unjoni Ewropea kollha.

    1.7

    Għalhekk il-KESE jitlob monitoraġġ mill-qrib u sistematiku ta' l-azzjonijiet li ser jiġu implimentati b'riżultat ta' din il-Komunikazzjoni.

    1.8

    Fir-rigward tal-prezz ta' l-ilma, il-Kumitat jenfasizza li l-politiki ta' l-ipprezzar jistgħu jirriżultaw ineffettivi jekk il-biċċa l-kbira ta' l-estrazzjoni ta' l-ilma ma tkunx irregolata permezz ta' meters jew irreġistrata. Għalhekk, huwa jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tipproponi lill-Istati Membri definizzjoni adegwata ta' l-ambitu ta' l-użu ta' l-ilma.

    1.9

    Il-KESE jirrakkomanda l-ħolqien ta' sit ta' l-Internet Ewropew iddedikat għall-pjanti tal-baċiri ta' l-ibħra fejn l-awtoritajiet lokali jkunu jistgħu jsibu eżempji xi jsegwu għat-tħejjija ta' dawn il-pjanti u għat-titjib ta' l-informazzjoni tagħhom.

    1.10

    Fir-rigward ta' l-allokazzjoni tal-fondi relatati ma' l-ilma, il-Kumitat jipproponi li l-Kummissjoni tadatta r-rata ta' għajnuna tagħha skond il-kriterju ta' l-użu razzjonali ta' l-ilma u tal-preservazzjoni tar-riżorsi ta' l-ilma sabiex l-awtoritajiet lokali li ma jaġixxux b'mod responsabbli jitħeġġu jbiddlu l-prattiki tagħhom, mingħajr ma jiġu penalizzati r-reġjuni li diġà jagħmlu sforzi f'dan il-qasam.

    1.11

    Sabiex tittejjeb il-ġestjoni tar-riskju tan-nixfa, il-Kumitat jitlob lill-UE sabiex tħeġġeġ l-interoperabbiltà tal-mezzi li jipprevenu u jiġġieldu kontra n-nirien fil-qafas tal-Mekkaniżmu Ewropew għall-Protezzjoni Ċivili.

    1.12

    Fid-diskussjonijiet dwar l-infrastrutturi tal-provvista, il-KESE jirrakkomanda li tiġi studjata l-possibbiltà li tintuża l-ħażna ta' l-ilma taħt l-art u li l-ilma jerġa' jiddaħħal fil-water table. Ma jemminx li bħala regola ġenerali t-trasferimenti ta' l-ilma fl-istess Stat Membru għandhom jiġu esklużi, iżda dawn għandhom jiġu rregolati bil-għan li tiġi evitata attitudni ta' ħela tar-riżorsi ta' l-ilma, li għandhom dejjem jiġu ġestiti bil-għan li jiġi ffrankat l-ilma u bl-użu ta' l-aktar tekniki avvanzati għall-kontroll ta' l-użu ta' l-ilma (1).

    1.13

    Sabiex jiġi promoss l-użu razzjonali ta' l-ilma, il-Kumitat jirrakkomanda l-implimentazzjoni tat-tekniki ta' smart meters u ta' kontijiet adattati. Jenfasizza wkoll l-importanza ta' prattiki tajbin fil-qasam agrikolu u jirrakkomanda t-tisġir mill-ġdid, it-taħwil ta' sisien tal-ħaxix (hedges) fir-reġjuni fejn dan ikun utli u possibbli u l-promozzjoni tat-tekniki sostenibbli ta' tinxif ta' l-art mgħaddra u irrigazzjoni, bl-appoġġ tal-fondi tal-politika ta' l-iżvilupp rurali. L-użu effiċjenti ta' l-ilma fl-agrikoltura qed jitjieb gradwalment iżda għandu jkompli jittejjeb permezz ta' strumenti bħall-modernizzazzjoni u l-użu ekonomiku ta' tisjiq u irrigazzjoni. F'dan is-sens, hemm bżonn li jiġi enfasizzat il-bżonn li r-riċerka u t-teknoloġiji l-ġodda fl-agrikoltura jiġu approfonditi u żviluppati. Il-Kumitat jemmen li s-sistemi individwali għall-iffrankar ta' l-ilma, tar-riċiklaġġ u ta' l-iġjene jistgħu jkunu utli, speċjalment fil-każ ta' djar imxerrda.

    1.14

    Fir-rigward tat-titjib ta' l-għarfien u l-ġbir tad-data, il-KESE jipproponi l-ħolqien ta' sit ta' l-Internet minn fejn ikunu jistgħu jitniżżlu u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-partijiet ikkonċernati lokali u reġjonali l-parametri tal-klima, miksubin mill-mudelli globali ta' l-IPCC.

    2.   Il-kontenut tal-Komunikazzjoni

    2.1

    Il-problemi ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u l-frekwenza dejjem ikbar tal-perijodi tan-nixfa issa jidhru biċ-ċar fl-Ewropa mhux biss f'xi reġjuni tradizzjonalment vulnerabbli, iżda wkoll fil-bqija tal-kontinent. Fl-Ewropa, il-perċentwali tal-baċiri tax-xmajjar milqutin minn nuqqas gravi fil-provvista ta' ilma (water stress) jista' jitla' għal 39 % fl-2070 mid-19 % tal-lum. Dan il-fenomenu ser jolqot, partikularment u speċjalment, lill-Ewropa tan-Nofsinhar, lill-Ewropa Ċentrali u lill-Ewropa tal-Lvant.

    2.2

    In-numru ta' reġjuni u nies milqutin min-nixfa żdied bi kważi 20 % fi tletin sena. Apparti l-kost uman, dawn il-perijodi ta' nixfa għandhom kost ekonomiku. Il-perijodu ta' l-2003 sewa mill-inqas EUR 8.7 biljun lill-ekonomija Ewropea. L-istudju ta' l-użu ta' l-ilma madwar id-dinja jiżvela varjetà kbira ta' sitwazzjonijiet. Amerikan jikkonsma madwar 600 litru ilma kuljum, Ewropew bejn 250 u 300, Ġordanjan 40 u Afrikan 30! Quddiem l-isfida tan-nuqqas ta' ilma, kulħadd irid jipprova jbiddel drawwietu, iżda l-azzjoni għandha tittieħed fejn huwa probbabbli li l-isforzi jkollhom l-akbar effett. L-agrikoltura tikkonsma l-aktar ilma (71 % ta' l-ilma estratt), segwita mill-industrija (20 %) u mill-użu domestiku (9 %) (2).

    2.3

    B'risposta għal talba mill-Kunsill dwar l-Ambjent ta' Ġunju 2006, il-Kummissjoni, għalhekk tipproponi serje ta' miżuri strateġiċi fil-livell Ewropew:

    il-prezz ta' l-ilma kkalkulat sewwa;

    l-allokazzjoni ta' l-ilma u l-finanzjament relatat ma' l-ilma b'mod aktar effiċjenti;

    il-finanzjament ta' l-effiċjenza ta' l-ilma;

    l-iżvilupp tal-pjanijiet ta' ġestjoni tar-riskju tal-perijodi ta' nixfa;

    iktar ottimizzazzjoni ta' l-użu tal-Fond ta' Solidarjetà ta' l-UE u l-Mekkaniżmu Ewropew għall-Protezzjoni Ċivili;

    it-trawwim ta' prassi u teknoloġiji effiċjenti fl-użu ta' l-ilma;

    l-implimentazzjoni ta' sistema ta' tagħrif dwar l-iskarsezza ta' l-ilma u n-nixfa madwar l-Ewropa;

    opportunitajiet ta' riċerka u żvilupp ta' teknoloġija.

    2.4

    B'dan il-mod il-Kummissjoni qed tipprova tistabbilixxi l-bażi ta' strateġija effettiva biex tippromovi l-użu effiċjenti ta' l-ilma, bħala parti mill-isforzi tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u turi r-rieda tagħha li tagħti spinta lill-ekonomija Ewropea.

    2.5

    Il-Kunsill Ewropew (3) enfasizza l-fatt li l-kwistjoni ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u tan-nixfa m'għandhiex biss tkun indirizzata fil-livell Ewropew iżda wkoll fil-livell internazzjonali u insista fuq il-bżonn ta' implimentazzjoni kompleta tad-Direttiva ta' Qafas ta' l-Ilma.

    2.6

    Il-Kunsill talab lill-Kummissjoni biex tissorvelja l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni u terġa' tanalizza u tikkompleta, sa l-2012, l-istrateġija ta' l-UE f'dawn l-oqsma.

    2.7

    Il-KESE m'għandux l-intenzjoni li jagħti d-dijanjożi tiegħu tas-sitwazzjoni, li tkun superfluwa, iżda jippreferi jikkummenta u jikkompleta s-soluzzjonijiet potenzjali proposti u fuq kollox iressaq proposti u rakkomandazzjonijiet konkreti.

    2.8

    It-temi ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perijodi ta' nixfa fl-Unjoni Ewropea jħallu impatt fuq diversi politiki. Per eżempju, skond il-każ, il-korpi kompetenti tal-Kummissjoni jistgħu jkunu d-DĠ AGRI, id-DĠ ENV u d-DĠ REGIO, peress li dawn il-kwistjonijiet jikkonċernaw l-agrikoltura, il-politika ta' l-ilma, il-bidla fil-klima, il-ġestjoni tal-kriżi u l-organizzazzjoni ta' sigurtà ċivili Ewropea. Għalhekk ikun xieraq li l-Kummissjoni tassigura li l-preokkupazzjonijiet relatati mal-kwistjoni ta' l-ilma jitqiesu sewwa u b'mod trasversali.

    3.   Kummenti ġenerali

    Il-kummenti tal-KESE ser isegwu l-istruttura tal-Komunikazzjoni.

    3.1   Il-prezz ta' l-ilma kkalkulat sewwa

    3.1.1

    Il-Kummissjoni użat id-Direttiva ta' Qafas ta' l-Ilma bħala dokument ta' referenza għall-Komunikazzjoni. Jiddispjaċiha li l-istrumenti ekonomiċi ma ntużawx biżżejjew u tenfasizza l-fatt li l-politiki ta' prezzar jistgħu jkunu ineffettivi jekk il-biċċa l-kbira ta' l-estrazzjoni ta' l-ilma ma tkun la rregolata permezz ta' meter u lanqas irreġistrata mill-awtoritajiet.

    3.1.2

    Barra minn hekk, għadd kbir ta' Stati Membri adottaw definizzjonijiet restrittivi ta' l-użu u l-utenti ta' l-ilma. Bl-adozzjoni ta' definizzjoni ristretta ta' l-utenti ta' l-ilma — distribuzzjoni ta' l-ilma tax-xorb u użu iġjeniku u sanitarju — mingħajr ma jitqiesu l-irrigazzjoni, in-navigazzjoni, il-produzzjoni ta' l-enerġija idroelettrika, il-protezzjoni kontra l-għargħar, eċċ., xi Stati Membri llimitaw l-ambitu ta' rkupru sħiħ ta' l-ispejjeż (“full cost recovery”) u l-ipprezzar effettiv ta' l-użi differenti ta' l-ilma.

    3.1.3

    Konsegwentement, il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri li għandhom definizzjonijiet “restrittivi” ta' l-użi u ta' l-utenti ta' l-ilma sabiex jemendaw l-approċċ tagħhom, per eżempju billi jużaw lista ta' użi ta' l-ilma li fuqha jkunu jistgħu jibbażaw l-esklużjoni ta' xi użu partikulari. Ikun utli li jiġu definiti kriterji sabiex tiġi stabbilita ġerarkija ta' l-użu ta' l-ilma li tikkostitwixxi wkoll għajnuna għall-implimentazzjoni ta' prezzar intelliġenti.

    3.1.4

    Il-KESE jirrakkomanda wkoll l-implimentazzjoni ta' programm ta' riċerka fl-ekonomija applikata biex isir mudellar tal-flussi finanzjarji u l-flussi ta' l-utilità soċjali assoċjati ma' l-użi differenti ta' l-ilma u ċ-ċirkuwiti tiegħu fil-livell ta' baċir.

    3.1.5

    Fil-fatt, id-diskussjonijiet fuq il-prezz ġust ta' l-ilma għandhom jiġu ċċarati permezz ta' l-analiżi ekonomika ta' l-ispejjeż u l-benefiċċji li s-setturi kollha ta' attività u l-konsumaturi, l-utenti jew dawk li jħallsu t-taxxi jġarrbu jew jirċievu b'rabta ma' l-użu ta' l-ilma.

    3.1.6

    Il-Kumitat jiġbed ukoll l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejn it-tendenza, li tirriżulta mid-definizzjoni restrittiva ħafna ta' l-użi ta' l-ilma, ta' ċerti Stati Membri li jgħaddu l-ispejjeż tal-konservazzjoni ta' l-ilma lill-konsumaturi urbani, għall-benefiċċju ta' l-utenti agrikoli jew industrijali. F'każ li l-prezzijiet jiżdiedu għall-utenti agrikoli, ikun xieraq li jiġi stabbilit prezz ġust.

    3.1.7

    Il-KESE jinnota li l-inċentivi ta' prezz immirati lejn l-iffrankar ta' l-ilma jridu jkunu qawwijin biżżejjed sabiex jiġi evitat li l-effett tagħhom jonqos minħabba l-ispejjeż tal-kumplikazzjonijiet li jiġġeneraw. Ifakkar li l-aħjar mezz kif jiġi ffrankat l-ilma huwa permezz ta' manutenzjoni tajba tan-netwerks u l-ġlieda kontra n-nixxija ta' l-ilma li xi kultant jiġġenera livelli inaċċettabli ta' ħela. Fl-aħħar, josserva li l-ipprezzar ma jistax isolvi kollox, u li r-regolamentazzjoni għandha rwol x'taqdi fis-sitwazzjonijiet fejn irid jinstab bilanċ bejn l-użi differenti ta' l-ilma.

    3.1.8

    Meta d-domanda għall-ilma għal użu mhux agrikolu tkun marbuta ma' staġun partikulari, li ta' sikwit huwa l-każ f'postijiet ta' villeġġjatura, sistema ta' pprezzar f'żewġ partijiet tkun rakkomandabbli. Din tikkostitwixxi element ta' ġustizzja bejn il-konsumaturi residenti u l-villeġġanti fir-rigward ta' l-allokazzjoni ta' l-ispejjeż fissi tas-sistema.

    3.2   L-allokazzjoni ta' l-ilma u l-finanzjament relatat ma' l-ilma b'mod aktar effiċjenti

    3.2.1

    Il-Kummissjoni tinnota li l-iżvilupp ekonomiku ta' wħud mill-baċiri tax-xmajjar jista' jkollu effetti negattivi fuq id-disponibbiltà tar-riżorsi ta' l-ilma u tenfasizza li trid tingħata attenzjoni partikulari lill-baċiri tax-xmajjar li qegħdin jiffaċċjaw diffikultajiet fil-provvista ta' l-ilma jew skarsezza ta' l-ilma.

    3.2.2

    Il-KESE jirrakkomanda l-ħolqien ta' sit ta' l-Internet Ewropew iddedikat għall-pjanti tal-baċiri ta' l-ibħra taħt il-kontroll ta' l-Aġenzija Ambjentali Ewropea u/jew il-Kummissjoni, fejn jiġu ppubblikati eżempji konkreti tal-pjanti tal-baċiri għall-użu ta' l-awtoritajiet lokali u l-awtoritajiet ikkonċernati.

    3.2.3

    F'dan is-sit, il-partijiet interessati lokali jkunu jistgħu jsibu metodoloġiji, għanijiet, ideat għal soluzzjoni u ċifri ekonomiċi. Jista' jiġi ffrankat ħafna ħin fit-tħejjija ta' dawn il-pjanti.

    3.2.4

    Kulħadd jaf x'inhu l-impatt ta' l-agrikoltura fuq ir-riżorsi ta' l-ilma. Għandhom jittieħdu passi sabiex jiġi promoss użu aktar effiċjenti ta' l-ilma, inklużi sistemi sostenibbi ta' irrigazzjoni u tinxif ta' l-art mgħaddra (per eżempju t-teknika ta' l-irrigazzjoni qatra qatra). L-“evalwazzjoni ta' l-istat ta' saħħa” tal-PAK ta' l-2008 għandha tipprovdi l-opportunità għal integrazzjoni mtejba ta' l-użu kwantitattiv ta' l-ilma fl-istrumenti tal-PAK. Għalhekk l-għan għal diżakkoppjar totali ta' l-għajnuniet jista' jiġi akkumpanjat minn appoġġ miżjud għall-ġestjoni ta' l-ilma fi ħdan programmi ta' żvilupp rurali. Għandhom jiġu implimentati wkoll strumenti speċifiċi għall-ġestjoni tar-riskji tan-nixfa fis-settur agrikolu.

    3.2.5

    B'mod ġenerali, il-Kummissjoni tista' tadatta r-rati ta' għajnuna tagħha skond il-kriterji ta' l-użu razzjonali ta' l-ilma u tal-preservazzjoni tar-riżorsi ta' l-ilma (5 sa 10 punti perċentwali fi ħdan ir-rata massima ta' għajnuna, per eżempju) b'mod partikulari fir-rigward tal-Fondi ta' Koeżjoni. Dan il-kriterju, li jiġi stabbilit waqt l-istudju tal-proġett jew meta ssir sejħa għall-offerti f' każ ta' kostruzzjoni, ikun soġġett għal verifika li ssir fuq l-inizjattiva ta' l-awtorità li tirċievi l-għajnuna Ewropea wara t-twettiq tal-proġett u fi żmien ħames snin mit-tnedija tiegħu. L-għajnuna addizzjonali tingħata fil-forma ta' tnaqqis fl-ispejjeż ta' rimborż ta' l-investiment, bħala kumpens għall-prestazzjoni osservata.

    3.2.6

    Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-kontroll ta' l-ispejjeż globali tal-proġetti relatati mal-provvista ta' l-ilma tax-xorb jew il-purifikazzjoni huwa l-approċċ adegwat kemm mil-lat ekonomiku kif ukoll mil-lat ta' l-iżvilupp sostenibbli. Bi “spejjeż globali” wieħed jifhem il-valur nett attwali ta' l-investiment u ta' l-ispejjeż ta' tħaddim, manutenzjoni u tiġdid fuq perijodu fit-tul.

    3.2.7

    Għalhekk, ikun għaqli li jiġu promossi proġetti li joffru kriterji ta' għażla u garanziji fuq din il-bażi, b'mod partikulari mill-Kummissjoni, sabiex jinxterdu prattiki tajba għall-użu razzjonali ta' l-ilma u għall-preservazzjoni tar-riżorsi ta' l-ilma.

    3.2.8

    Dan l-approċċ huwa konformi max-xewqa tal-Kummissjoni li ssostni l-miżuri li għandhom l-għan li jiffrankaw u jiggarantixxi l-iffrankar ta' ilma. Din il-politika għandha tkun konsistenti ma' dik tal-bijokarburanti, li jikkunsmaw l-ilma.

    3.3   It-titjib tal-ġestjoni tar-riskju tal-perjodi ta' nixfa

    3.3.1

    Il-Kummissjoni tixtieq tħeġġeġ l-iskambji ta' l-aħjar prattiki.

    3.3.2

    Il-KESE jixtieq li bis-saħħa tat-tekniki tas-satellita, kull rebbiegħa jitħejjew mapep, appoġġjati mill-analiżi meteoroloġiċi lokali, li juru r-riskji tan-nixfa, in-nuqqasijiet fil-produzzjoni agrikola u r-riskju tan-nirien. F'dan il-kuntest tista' tintuża wkoll id-data mill-pjanti tal-baċiri li diġà tħejjew. Din id-data għandha tkun aċċessibbli għall-bdiewa jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom fil-kuntest tal-ġestjoni tar-riskji tagħhom.

    3.3.3

    Jemmen li jkun tajjeb li minn ġestjoni tal-kriżi wieħed jgħaddi għal ġestjoni tar-riskju tan-nixfa. Fir-rigward ta' l-ewwel waħda, għad hemm titjib xi jsir, kif uriet is-sitwazzjoni tal-Greċja matul in-nirien katastrofiċi tas-sajf 2007. L-UE tista' tiffaċilita u tħeħħeġ l-interoperabbiltà tal-mezzi li jipprevenu u jiġġieldu kontra n-nirien, l-istandardizzazzjoni tat-tagħmir, l-adattament tal-pompi tad-diesel u l-implimentazzjoni ta' eżerċizzji konġunti. Dan ifisser lil-Mekkaniżmu Ewropew għall-Protezzjoni Ċivili għandu jiġi implimentat b'mod konkret.

    3.3.4

    Għandha tinżamm il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li wieħed japplika għall-għajnuna mill-Fondi ta' Solidarjetà ta' l-UE, modifikati u adattati, għall-ġlieda kontra l-konsegwenzi tan-nixfa gravi. Ikun tajjeb ukoll li tiġi implimentata skema ta' assigurazzjoni sabiex jiġu bbilanċjati l-konsegwenzi tal-perijodi ta' nixfa, b'mod partikulari għall-bdiewa, li huma l-ewwel vittmi tagħhom.

    3.4   Infrastrutturi addizjonali għall-forniment ta' l-ilma

    3.4.1

    Il-Kummissjoni hawnhekk għandha f'moħħha proġetti ta' natura kollettiva. F'ċerti każi jistgħu jiġu kkunsidrati ċerti inizjattivi individwali, b'konsiderazzjoni tal-ġerarkija ta' l-użi ta' l-ilma.

    3.4.2

    Il-Komunikazzjoni tikkunsidra t-trasferimenti ta' l-ilma minn baċir ta' xmara għal ieħor, il-bini ta' digi u ta' digi żgħar (micro-dams) f'kondizzjonijiet regolati ħafna, kif ukoll l-użu mill-ġdid ta' l-ilma użat u d-desalinizzazzjoni. Fir-rigward ta' l-użu mill-ġdid, il-problema hija l-akkumulazzjoni ta' sustanzi niġġiesa matul iċ-ċikli ta' użu mill-ġdid. Konsegwentement, ikun utli li jitnieda jew jiġi appoġġjat programm ta' riċerka dwar il-mudellar tal-konċentrazzjonijiet wara diversi ċikli ta' trattament, sabiex jiġu definiti l-kriterji ta' stabbilizzazzjoni tal-kwalità ta' l-ilma u sabiex jiġi determinat meta l-konċentrazzjonijiet jilħqu l-limiti tal-valuri kompatibbli mal-kapaċità ta' awto-purifikazzjoni tas-sistema.

    3.4.3

    Fil-każ tad-desalizzazzjoni, hemm żewġ tipi ta' problemi: minn naħa dawk relatati ma' l-enerġija, u min-naħa l-oħra dawk ambjentali relatati mal-prodotti sekondarji u t-taħlita tal-konċentrati tal-melħ.

    3.4.4

    Jista' jiġi kkunsidrat programm għall-iżvilupp tad-desalinizzazzjoni solari, b'firxa ta' mikro-installazzjonijiet li jirrappreżentaw kontribut teknoloġiku ta' l-Ewropa lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li qed jiffaċċjaw in-nixfa.

    3.4.5

    B'mod ġenerali, hemm bżonn li jitħeġġu r-riċerka u l-iżvilupp tat-tekniki għall-iffrankar ta' l-ilma jew li jippromovu t-tqawwija tas-saffi ta' l-ilma taħt l-art (per eżempju l-kisi tat-toroq fiż-żoni urbani) kif ukoll il-bijoteknoloġiji li jippermettu l-iżvilupp ta' uċuħ tar-raba' li jikkunsmaw inqas ilma fil-qasam ta' l-agrikoltura.

    3.4.6

    Fl-aħħar, hemm bżonn li tiġi studjata wkoll il-possibbiltà li tintuża l-ħażna ta' l-ilma taħt l-art u li l-ilma jerġa' jiddaħħal fil-water table. Hawnhekk għandhom jintgħażlu proġetti pilota u jiġu stabbiliti standards dwar l-ilma maħżun li huma realistiċi u fl-istess ħin jipproteġu s-saff ta' ħamrija li jinsabtaħt wiċċ l-art (subsoil). Din il-kwistjoni tikkonċerna kemm il-kwantità kif ukoll il-kwalità ta' l-ilma taħt l-art peress li l-water table hija wkoll vittma tat-tniġġis. F'dan ir-rigward, għandha tingħata attenzjoni partikulari lill-attivitajiet industrijali li jikkunsmaw kwantitajiet kbar ta' ilma u li, minn naħa, jiġbdu mill-water table, u min-naħa l-oħra jistgħu iniġġsuha.

    3.4.7

    Barra minn hekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-opportunitajiet ta' trasferiment ta' ilma bejn ir-reġjuni. Trasferiment bejn baċir b'eċċess għal ieħor b'defiċit jista' jkun mixtieq, inkluż mil-lat Ewropew per eżempju fir-rigward ta' l-awto-suffiċjenza agrikola, jekk l-użi ta' l-ilma fil-baċir benefiċjarju jkunu effiċjenti u jiffrankaw l-ilma. Il-miżuri tekniċi, ta' pprezzar jew regolatorji għandhom jiġu mfassla b'tali mod li jevitaw il-ħela x' imkien ieħor. Fi kliem ieħor, l-għajnuna kollettiva mogħtija lil settur ta' attività li “jistħoqqlu” din l-għajnuna m'għandhiex twassal għal żieda fil-konsum ta' l-ilma f'setturi mhux prijoritarji.

    3.4.8

    Il-KESE huwa tal-fehma li jkun utli li jkun hemm qbil fuq miżuri eventwali mmirati lejn ir-regolazzjoni tal-flussi tax-xmajjar bejn il-pajjiżi terzi u l-Istati Membri ta' l-UE li minnhom tgħaddi xmara komuni li tmur lil hinn mill-fruntieri esterni ta' l-UE.

    3.5   It-trawwim ta' teknoloġiji u prassi effiċjenti fl-użu ta' l-ilma

    3.5.1

    Il-Kummissjoni tqis li l-użu ta' teknoloġiji effiċjenti fl-użu ta' l-ilma jista' jittejjeb b'mod konsiderevoli. Apparti l-ġlieda kontra n-nixxija, konsiderevoli f'ċerti netwerks, u tal-ħela, il-modernizzazzjoni tal-prassi tal-ġestjoni ta' l-ilma joffri possibbiltajiet interessanti.

    3.5.2

    L-azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni huma evidentement siewja (standards għad-dispożittivi li jikkunsmaw l-ilma, prestazzjoni għall-bini fir-rigward tal-konsum ta' l-ilma, indikatur tal-prestazzjoni, adozzjoni ta' attivitajiet ekonomiċi għall-iskarsezza ta' l-ilma, eċċ.).

    3.5.3

    Għandu jiġi kkunsidrat ukoll l-użu ta' “l-ilma griż”, anke meta wieħed jaf li dan jeħtieġ investiment, b'mod partikulari għall-pajpijiet separati u l-adozzjoni ta' miżuri ta' prekawzjoni. Għandha tingħata konsiderazzjoni wkoll lill-irkupru ta' l-ilma tax-xita b'mod aktar sistematiku.

    3.5.4

    Tekniki potenzjalment promettenti huma l-ismart meters u l-kontijiet adattati. Fil-fatt, it-teknoloġija tal-meter u t-teletrasmissjoni taċ-ċifri tal-konsum jissuġġerixxu l-possibbiltà li jiġu introdotti diversi metodi ta' pprezzar, kif inhu diġà l-każ għall-elettriku. Il-konsumatur għalhekk jista' jkollu abbonament li jikkorrespondi għas-sitwazzjoni tiegħu, li fl-istess ħin jippermettilu li jiffranka l-enerġija: tariffi skond l-istaġun, tariffi permanenti, tariffi li jeskludu l-ħinijiet meta l-konsum jilħaq l-ogħla punt tiegħu, eċċ.

    3.5.5

    Sabiex jiġu ppreservati r-riżorsi ta' l-ilma, jiġi miġġieled l-għargħar u t-tgħawwir u t-tniġġis li jakkumpanjawh, il-politika għall-protezzjoni ta' l-ambjent rurali għandha tħeġġeġ bis-sħiħ it-tisġir mill-ġdid u t-taħwil ta' sisien tal-ħaxix, fejn dan ikun possibbli u utli, kif ukoll il-manutenzjoni ta' l-agrikoltura. L-applikazzjonijiet u l-kontroll għandhom isiru fuq il-bażi ta' l-aktar sistemi avvanzati għad-definizzjoni taż-żoni ġeografiċi. Ikun xieraq li titħeġġeġ ir-riċerka agrikola bażika permezz tas-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp, bil-għan li tinħoloq varjetà ta' pjanti aktar reżistenti għan-nixfa.

    3.5.6

    Fuq l-istess suġġett ta' prassi agrikoli, hemm bżonn li jiġu promossi sistemi sostenibbli ta' tinxif ta' l-art mgħaddra u irrigazzjoni u, b'mod ġenerali, l-użu ta' l-aħjar tekniki disponibbli. Il-fosos użati għat-tinxif ta' l-art mgħaddra, b'mod partikulari fil-punti fejn jiltaqgħu, iridu jkunu mgħammra b'sezzjonijiet fejn l-ilma jista' jinżamm lura u jinħażen lokalment sabiex jitwaqqfu l-konċentrazzjonijiet ta' l-ilma u t-tgħawwir u t-tniġġis li jakkumpanjawh, u tiġi promossa l-infiltrazzjoni mill-ġdid. Dawn il-ħażniet fuq il-post ovvjament jeħtieġu obbligi ta' tindif li jridu jiġu studjati flimkien mal-professjonisti.

    3.6   It-trawwim ta' kultura li tiffranka l-ilma fl-Ewropa

    3.6.1

    Il-kummenti tal-Kummissjoni jistgħu biss jintlaqgħu: iċ-ċertifikazzjoni u t-tikkettjar huma s-soluzzjonijiet ideali sabiex jiġi promoss użu effiċjenti li jiffranka l-ilma. Madankollu, fir-rigward tat-tikkettjar, wieħed irid iżomm f'moħħu li t-tikkettjar ekoloġiku sar moda u hemm riskju ta' tikkettjar żejjed li jista' jirriżulta f'informazzjoni li ma tinftehimx.

    3.6.2

    Is-soċjetà ċivili organizzata kollha, jiġifieri l-imsieħba soċjali u l-assoċjazzjonijiet, flimkien mad-dinja ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ, iridu jiġu mobilizzati sabiex jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' din il-kultura li tiffranka l-ilma. Fis-settur professjonali, it-taħriġ tat-tekniċi u t-tixrid tat-teknoloġiji ġodda jridu jevitaw li jerġgħu jagħmlu l-iżbalji tal-passat, b'mod partikulari fil-qasam ta' l-idrawlika urbana.

    3.6.3

    Jista' jiġi enfasizzat li llum-il-ġurnata jeżisti suq li qiegħed jiżviluppa għat-tagħmir għall-irkupru ta' l-ilma tax-xita u r-riċiklaġġ ta' l-ilma griż fid-djar individwali. Dan iwassal għall-ħolqien ta' kultura li tiffranka l-ilma li hija promossa mill-Kummissjoni. Madankollu, it-tħassib iġġustifikat għall-iffrankar ta' l-ilma m'għandux iwassal għal tfittxija individwalista għall-awtosuffiċjenza, li teknikalment u ekonomikament tista' ddgħajjef is-servizzi pubbliċi ta' l-ilma u ta' l-iġjene, li kienu u għadhom il-qofol tal-progressi prinċipali fl-iġjene u l-għomor tal-ħajja. Fil-fatt, fis-soċjetajiet żviluppati tagħna, intesa l-fatt li minkejja li l-ilma huwa neċessarju għall-ħajja, dan jista' jġib ukoll il-mewt.

    3.6.4

    Is-sistemi individwali (mhux kollettivi) għall-iffrankar ta' l-ilma, tar-riċiklaġġ u ta' l-iġjene jistgħu jidhru bħala għażla interessanti u adatti fil-każ ta' djar imxerrda. F'ambjent urban, dawn jidhru anqas attraenti, f'termini ekonomiċi u soċjali, sakemm is-sistemi tal-ġbir ta' l-ilma tax-xita u tar-riċiklaġġ, anke jekk jaqbdu l-iskulatura mill-proprjetà privata, huma ttrattati u użati mis-servizz pubbliku.

    3.7   Titjib fl-għarfien u l-ġbir ta' data

    3.7.1

    Il-Kummissjoni tinnota li tagħrif affidabbli dwar il-firxa u l-impatti ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perijodi ta' nixfa huwa indispensabbli. Il-Kumitat jappoġġja x-xewqa li tinkiseb valutazzjoni annwali Ewropea u li jiġu użati s-servizzi ta' l-inizjattiva ta' Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) għat-twassil ta' data bbażata fl-ispazju u għodod ta' monitoraġġ li jappoġġjaw il-politiki ta' l-ilma. L-universitajiet u ċ-ċentri ta' riċerka xjentifika jridu jitħeġġu jiżviluppaw studji dwar il-kwistjonijiet relatati ma' l-ilma, mal-preservazzjoni tar-riżorsi kif ukoll mal-metodi biex dawn jiżdiedu permezz ta' l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda.

    3.7.2

    Hemm bżonn li jiġu armonizzati l-kriterji ta' stat użati fl-inventarji ta' mases ta' ilma previsti mid-Direttiva ta' Qafas ta' l-Ilma. Fil-prattika, ir-rapporti ta' l-Istati Membri huma differenti kemm fid-daqs tal-baċiri studjati kif ukoll fid-densità tal-kejl tal-kwalità ta' l-ilma u tal-bijodiversità.

    3.7.3

    Għalhekk il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tibda bil-ħidmiet tal-kumitati speċjalizzati fil-monitoraġġ ta' l-applikazzjoni tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma u tippubblika scoreboards li juru l-progress imwettaq mill-Istati Membri, bil-għan li tistimula l-isforzi f'dan il-qasam u tħeġġeġ il-konverġenza tagħhom.

    3.7.4

    Minn lat realistiku, mingħajr ma wieħed jistenna l-ksib ta' l-omoġeneità u l-kwalità tal-valutazzjonijiet u tal-pjanijiet ta' azzjoni, hemm bżonn li l-isforzi jkunu kkonċentrati fuq iż-żoni l-aktar vulnerabbli. L-għażla ta' dawn iż-żoni tista' ssir fuq l-inizjattiva ta' l-Istati Membri iżda skond kriterji komuni (defiċit fil-kwantità ta' xita li tagħmel u definizzjoni taż- żona ġeografika).

    3.7.5

    Ikun iktar faċli li titqajjem il-kuxjenza tal-partijiet lokali u reġjonali kkonċernati fir-rigward tar-riskju ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u, b'mod aktar ġenerali, ta' l-effetti tal-bidla fil-klima, jekk l-informazzjoni dwar it-tendenzi tal-klima tkun aċċessibbli għall-maġġoranza tan-nies.

    3.7.6

    Għalhekk, il-KESE jipproponi l-ħolqien ta' sit ta' l-Internet li eventwalment jiġi integrat fis-sistema tal-Water Information System for Europe (WISE), minn fejn ikunu jistgħu jitniżżlu l-parametri tal-klima, bħall-ammont ta' xita, l-evapotraspirazzjoni, it-temperatura, il-veloċità tar-riħ u s-sigħat ta' dawl, li jinħarġu mill-mudelli globali tal-Grupp ta' Esperti Integovernattivi dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC) (fuq l-istess linji tal-proġetti PRUDENCE jew ENSEMBLES iżda aktar sistematiċi fil-kopertura tagħhom, u li jipprovdu data numerika flimkien ma' data ġeografika).

    3.7.7

    Grupp ta' laboratorji Ewropej membri ta' l-IPCC ser ikunu responsabbli għall-validità xjentifika tad-data online u l-aġġornament tagħha kull sena.

    3.7.8

    L-UE tista' tiffinanzja l-ewwel verżjoni ta' dan is-sit ta' l-Internet u prezz raġonevoli għat-tniżżil ta' l-informazzjoni jista' jgħin il-ħidmiet tal-laboratorji li jikkontribwixxu għall-mudelli.

    Brussell, id-29 ta' Mejju 2008.

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Dimitris DIMITRIADIS


    (1)  Is-seduta pubblika u ż-żjara ta' studju organizzati f'Murcia fit-3 ta' April 2008 indikaw li tekniki bħal dawn għall-użu raġonevoli u sensibbli tar-riżorsi diġà kienu disponibbli fis-suq. Barra minn hekk, il-kultivazzjoni ta' l-art u b'mod partikulari t-tisġir jgħinu fil-ġlieda kontra d-desertifikazzjoni.

    (2)  Sors: Atlas pour un monde durable (Atlas għal dinja sostenibbli). Michel Barnier. Édition Acropole.

    (3)  Kunsill Ewropew ta' Brussell, 14 ta' Diċembru 2007, Konklużjonijiet tal-Presidenza 16616/1/07 Riv 1, p. 17.


    Top