EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE0979

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-akkwist pubbliku internazzjonali

ĠU C 224, 30.8.2008, p. 32–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 224/32


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-akkwist pubbliku internazzjonali

(2008/C 224/06)

Nhar il-25 ta' Ottubru 2007, is-Sur Jean-Pierre Jouyet, Segretarju ta' l-Istat għall-Affarijiet Ewropej ta' Franza, 'f'isem il-Presidenza Franċiża li jmiss tal-Kunsill, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji opinjoni dwar

L-akkwist pubbliku internazzjonali

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta' Mejju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Malosse.

Matul l-445 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-28 u d-29 ta' Mejju 2008 (seduta tad-29 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'70 vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni Ewropea biex issegwi, b'mod deċiż, l-għanijiet tagħha li huma favur li jinfetaħ ħafna iktar l-akkwist pubbliku, u li tiżgura li jiġu rispettati l-prinċipji ta' trasparenza, tat-trattament ugwali, tar-responsabilità soċjali u ekoloġika.

1.2

Fil-qafas tan-negozjar mill-ġdid tal-ftehim GPA, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea topponi, b'mod deċiż, il-prattiki protezzjonisti ta' ċerti pajjiżi li huma parti mill-ftehim.

1.3

Fir-rigward l-għajnuna pubblika għall-iżvilupp, il-KESE huwa favur li jintemmu b'mod gradwali u reċiproku, is-sistemi ta' “l-għajnuna marbuta”u jqis li f'dan il-każ, il-kriterji essenzjali għandhom ikunu l-effiċjenza u t-trasparenza.

1.4

Fil-livell ta' l-Unjoni Ewropea, il-KESE huwa favur iktar trasparenza u metodi moderni ta' akkwist u ta' pubblikazzjoni ta' l-offerti. F'dan ir-rigward, il-KESE se jkun kontra kull tip ta' żjieda fil-limiti tad-direttivi Ewropej li għandhom l-irwol li jissalvagwardaw it-trasparenza. Il-KESE jappoġġja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li għandha l-għan li żżid it-trasparenza ta' l-akkwist pubbliku li jaqa' taħt il-limiti li jippermettu d-direttivi.

1.5

Il-KESE huwa kontra li fl-UE tiġi stabbilita sistema ta' kwoti għall-SMEs fuq il-mudell tas-Small Business Act li hemm fl-Istati Uniti, iżda jirrikonoxxi l-validità ta' pjan ta' azzjoni Ewropew favur l-SMEs, b'mod partikolari favur il-VSEs (intrapriżi żgħar ħafna) li għandhom proġetti konkreti, flimkien ma' tabella ta' skadenzi u baġit plurijennali u mmirati lejn l-innovazzjoni u l-ħolqien ta' intrapriżi ġodda, b'mod partikolari fl-oqsma ewlenin ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija u l-ħarsien ta' l-ambjent.

1.6

Flimkien ma' dan il-“Pjan ta' Azzjoni”, se jkunu utli sistemi ta' informazzjoni li jistrieħu kemm fuq l-intermedjarji naturali ta' l-SMEs, mekkaniżmi ta' konsultazzjoni tassew trasparenti u ġusti kif ukoll fuq strumenti legali Ewropej sempliċi li se jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tiegħu.

1.7

Dawn il-proġetti konkreti u dawn is-sistemi għandhom ikunu jistgħu japplikaw il-prinċipju ta' “l-ewwel aħseb fiż-żgħir” kull meta jkun possibbli, per eżempju t-tneħħija ta' proċeduri “one stop” sabiex tiġi evitata l-burokrazija. Dan sabiex ikunu previsti proċeduri amministrattivi u tekniċi adattati għad-daqs u t-tip ta' l-intrapriżi ż-żgħar u li jkunu jaqdu l-għan li titnaqqas ir-responsabilità li qiegħda toħloq pressjoni fuqhom.

2.   Preżentazzjoni

2.1

F'isem il-Presidenza Franċiża ta' l-Unjoni Ewropea li jmiss, il-Ministru ta' l-Istat Franċiż talab lill-KESE, permezz ta' ittra uffiċjali, biex iħejji opinjoni esploratorja dwar “L-akkwist pubbliku internazzjonali”.

2.1.1

Din it-talba tirreferi b'mod speċifiku għan-negozjati li għaddejjin bħalissa fil-qafas tar-reviżjoni tal-ftehim dwar Appalti Pubbliċi (GPA) ta' l-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ (WTO), li jgħaqqad 12-il pajjiż (1) u l-Unjoni Ewropea (hemm ukoll 18-il pajjiż li għandhom status ta' osservaturi).

2.1.2

Fil-fatt, fil-Ħarifa ta' l-2007, il-gvern Franċiż kien imħasseb li l-Unjoni Ewropea kienet qed tagħmel offerta ġeneruża żżejjed, meta jitqies il-fatt li ċerti pajjiżi (l-Istati Uniti, il-Korea, il-Ġappun) għandhom klawsoli li jirrestrinġu l-aċċess għal ċerti swieq ta' l-akkwist pubbliku tagħhom għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju tagħhom biss.

2.2

Il-pożizzjoni Franċiża, li diversi Stati Membri jappoġġjaw, tirrekjedi aċċess aħjar għall-akkwist pubbliku ta' dawn il-pajjiżi fil-qafas ta' GPA rrivedut, jew għall-applikazzjoni ta' restrizzjonijiet simili fl-Unjoni Ewropea favur l-SMEs Ewropej.

2.3

Illum il-ftehim GPA jikkonċerna limiti ta' kuntratti ta' akkwist simili għal dawk fis-seħħ għall-applikazzjoni ta' l-obbligi stipulati fid-direttivi interni ta' l-Unjoni Ewropea (2), li b'hekk fil-fatt jippermettu li wħud mill-intrapriżi tat-12-il pajjiż l-oħrajn li huma parti mill-ftehim GPA, jipparteċipaw f'kull akkwist pubbliku fl-Unjoni Ewropea li jaqbeż dawn il-limiti.

2.4

Il-KESE diġà ta l-opinjoni tiegħu dwar il-kwistjoni tal-ftuħ tas-swieq ta' l-akkwist pubbliku fl-Unjoni Ewropea, u jiddispjaċih b'mod partikolari mill-fatt li l-parteċipazzjoni transkonfinali ta' l-intrapriżi fl-akkwist pubbliku fl-Unjoni Ewropea kienet baxxa wisq (3).

3.   Fil-livell internazzjonali

3.1

Fil-livell internazzjonali, wieħed jista' jikkunsidra li s-swieq ta' l-Unjoni Ewropea huma b'mod partikolari miftuħa għall-kompetizzjoni internazzjonali. L-istess jista' jingħad għal għadd, li dejjem qed jiżdied, ta' kuntratti ta' akkwist iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea fil-qafas ta' l-għajnuna għall-iżvilupp (l-UE hija l-fornitur ewlieni ta' l-għajnuna għall-iżvilupp fid-dinja). Madankollu, il-KESE jiddispjaċih mill-fatt li jeżistu prattiki fl-Istati Membri li jorbtu l-għajnuna għall-iżvilupp ma' l-għoti ta' kuntratti lill-kumpaniji mill-pajjiż li jagħti l-għajnuna (4).

3.2

Uħud mill-imsieħba tagħna waqqfu sistemi ta' protezzjoni diversi u varjati (bħal ngħidu aħna, Buy American jew Small Business Act fl-Istati Uniti) u l-ġeneralizzazzjoni tal-programmi ta' “għajnuna marbuta”. Il-ftuħ tas-swieq ta' l-akkwist pubbliku fl-isfera internazzjonali għandu jitqies bħala vantaġġ għall-Unjoni Ewropea, meta jiġi kkunsidrat il-fatt li l-UE għandha ħafna intrapriżi li huma minn ta' quddiem fid-dinja, inklużi SMEs, fis-setturi tal-kostruzzjoni, tax-xogħlijiet pubbliċi, ta' l-enerġija alternattiva, u tal-ħarsien ta' l-ambjent.

3.3

Is-Small Business Act ta' l-Istati Uniti, minbarra l-miżuri ta' appoġġ għall-SMEs, fih dispożizzjoni li tirriserva 25 % ta' l-akkwist pubbliku federali għall-SMEs Amerikani.

3.4

F'dak li għandu x'jaqsam man-negozjar mill-ġdid tal-ftehim GPA (il-Ftehim dwar Appalti Pubbliċi), il-KESE iqis li jekk ikollu jitressaq il-prinċipju tar-reċiproċità, mhux se nkunu f'qagħda li nkunu nafu nadottaw miżuri ta' protezzjoni simili għal dawk tal-kompetituri tagħna, għax dan ma jiffaċilitax l-għan ġenerali tal-ftuħ tas-swieq li għandu jkollha l-Unjoni Ewropea.

3.5

Barra minn hekk, dan l-għan għandu jqis mhux biss il-pajjiżi li huma parti mill-ftehim GPA iżda wkoll pajjiżi oħra fejn, b'mod partikolari, il-proċeduri ta' l-għoti u l-iffirmar tal-kuntratti ftit huma trasparenti u l-proċedura ta' akkwist b'mod ġenerali m'humiex miftuħa għall-intrapriżi Ewropej.

3.6

L-idea li jiġi eskluż b'mod temporanju mill-GPA l-akkwist pubbliku ffinanzjat minn fondi Ewropej għal pajjiżi li għad għandhom miżuri ta' protezzjoni nazzjonali, hija idea interessanti li l-KESE kien diġà ressaq f'opinjonijiet preċedenti.

3.7

Il-KESE jenfasizza li l-kwistjonijiet ta' rispett għall-ambjent u tar-regoli minimi soċjali stabbiliti mill-Konvenzjonijiet ta' l-ILO (flimkien mal-ftehimiet kollettivi interprofessjonali, settorjali u ta' l-intrapriża konklużi bejn l-imsieħba soċjali u applikabbli fil-pajjiżi kkonċernati) għandhom jitqiesu fin-negozjati, b'mod partikolari meta se jkunu qegħdin isiru ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi li ma rratifikawx il-Protokoll ta' Kyoto jew il-Konvenzjonijiet ta' l-ILO jew li ma japplikawhomx jew japplikawhom ħażin.

4   Fl-Unjoni Ewropea

4.1

Fuq il-bażi ta' l-eżempju Amerikan, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li tista' tipproponi “Small Business Act” fuq stil Ewropew li, mingħajr ma jirriserva kwoti speċifiċi għall-SMEs fuq il-kuntratti pubbliċi bħalma huwa l-każ fl-Istati Uniti, ikun jiffaċilita l-parteċipazzjoni ta' l-SMEs fil-kuntratti pubbliċi u, b'mod iktar ġenerali, ikun jipproponi azzjonijiet konkreti favur l-SMEs.

4.2

Fil-fatt fl-Unjoni Ewropea ma tqumx il-kwistjoni dwar l-adozzjoni ta' kwoti favur l-SMEs peress li madwar 42 % tat-total (skond il-Kummissjoni Ewropea) ta' kuntratti pubbliċi mogħtija (sors 2005) jingħataw lil intrapriżi li jikkwalifikaw bħala SME skond it-terminoloġija Komunitarja. (5)

4.3

Fi ħdan l-Unjoni, jeħtieġ li d-dimensjoni Ewropea tal-ħtiġijiet ta' l-akkwist pubbliku tiġi żviluppata sabiex isir l-aħjar użu effikaċji mill-fondi pubbliċi. Minkejja żjieda sinifikanti fl-għoti ta' kuntratti lill-intrapriżi ta' pajjiżi oħra ta' l-Unjoni, l-imprendituri qed jilmentaw li hemm nuqqas ta' trasparenza u ta' informazzjoni adegwata għall-parteċipazzjoni fi swieq transkonfinali. Dawn l-ilmenti jikkonċernaw b'mod partikolari dawk li jaqgħu taħt il-limiti minimi ta' applikazzjoni tad-direttivi Ewropej li għalihom ma japplikax l-obbligu ta' reklamar fil-livell Ewropew. L-imprendituri qed jilmentaw ukoll dwar il-fatt li d-direttivi Ewropej huma kkumplikati bil-proċeduri ta' traspożizzjoni li mhux dejjem ikunu trasparenti (skadenzi u dewmien) u li jagħtu lok għal żieda ta' regolamenti nazzjonali speċifiċi li jingħaqdu waħda ma' l-oħra. Il-KESE jirrikonoxxi l-ġustifikazzjoni tar-regolamenti fir-rigward ta' l-akkwist pubbliku iżda jitlob li jkun hemm iktar trasparenza u ċertezza legali.

4.4

Il-KESE iqis li l-limiti, li ladarba jinqabżu jibdew japplikaw il-prinċipji tal-ftuħ, tat-trasparenza u tan-notifika, huma l-aħjar garanzija possibbli għall-atturi ekonomiċi, b'mod partikolari l-SMEs u intrapriżi żgħar ħafna, ta' possibilità li jipparteċipaw fil-proċedura ta' l-akkwist pubbliku. Fl-UE nnifisha, dawn huma l-proċedura ta' akkwist li jaqgħu taħt il-limiti minimi, fejn madankollu għandhom japplikaw il-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-nuqqas ta' diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità, li huma s-suġġett ta' bosta lmenti ta' l-SMEs dwar in-nuqqas ta' ftuħ.

4.5

Jekk il-kunċett li jkunu applikati kwoti fuq l-istil Amerikan, ma jiksibx l-approvazzjoni tal-federazzjonijiet Ewropej ta' l-imprendituri, dawn jirrikonoxxu l-importanza ta' politika ta' appoġġ proattiva, b'mod partikolari fir-rigward ta' kuntratti ta' akkwist li jaqgħu taħt il-limiti minimi tad-direttivi ta' l-UE u kuntratti relatati ma' teknoloġiji ġodda, l-effiċjenza ta' l-enerġija jew mal-ħarsien ta' l-ambjent.

4.6

Il-KESE jappoġġja bil-qawwa Pjan ta' Azzjoni favur l-SMEs Ewropej li jinkludi serje sħiħa ta' dispożizzjonijiet preċiżi u restrittivi, flimkien ma' perijodu ta' applikazzjoni u pjan ta' finanzjament. Dawn għandhom ikunu bbażati kemm fuq politika Ewropea favur l-intrapriżi ż-zgħar li ilha teżisti għoxrin sena, u b'mod partikolari fuq il-Karta Ewropea dwar l-Intrapriżi ż-Żgħar adottata fis-summit Ewropew ta' Santa Maria de Feira f'Ġunju 2000, kif ukoll fuq il-konklużjonijiet tal-Konferenza ta' Stuttgart dwar l-Artiġjanat u l-Intrapriżi ż-Żgħar ta' April 2007.

4.7

Fost id-dispożizzjonijiet li jistgħu jkunu l-iktar adegwati jista' jkun hemm:

4.7.1   Proposti legiżlattivi u l-iskeda ta' l-adozzjoni:

Kodiċi ta' kondotta għall-awtoritajiet pubbliċi responsabbli mill-għoti ta' kuntratti, li tiżviluppa l-interess li tinfetaħ il-possibilità għall-iktar SMEs żgħar biex jipparteċipaw fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku, u prattiki tajba għas-semplifikazzjoni u d-dematerjalizzazzjonital-proċeduri.

Mekkaniżmi Ewropej uniċi bħalma hu l-brevett Komunitarju jew l-Istatut Ewropew ta' l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (Iniżjattiva proprja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-aċċess ta' l-SMEs għal statut tal-liġi Ewropea”, 21 ta' Marzu 2002) li għandhom l-għan li jissemplifikaw il-qafas ġuridiku ta' l-Unjoni Ewropea u li jaffermaw “identità Ewropea” għall-intrapriżi.

It-tisħiħ tad-Direttiva dwar dewmien fil-pagamenti, kif jesiġi l-KESE (6).

4.7.2   Mekkaniżmi ta' tagħrif dwar l-akkwist pubbliku flimkien ma' skeda ta' implimentazzjoni:

Jiġu żviluppati u appoġġjati sistemi ta' tagħrif u ta' medjazzjoni dwar l-akkwist pubbliku transkonfinali, in-netwerking ta' l-intrapriżi kemm billi jintuża b'mod effiċjenti n-netwerk Ewropew il-ġdid EIN (Intrapriżi, Ewropa, Netwerk), kif ukoll billi jkunu appoġġjati l-inizjattivi lokali ta' l-assoċjazzjonijiet ta' l-SMEs.

Ikunu appoġġjati proġetti pilota relatati ma' l-akkwist elettroniku, in-netwerking ta' l-intrapriżi, portali ta' tagħrif u uffiċċji uniċi dwar il-kuntratti pubbliċi transkonfinali bbażati fuq l-istrutturi eżistenti u rrikonoxxuti mill-atturi ekonomiċi.

4.7.3   Inizjattivi fil-livell Ewropew permezz iffinanzjati b'mod xieraq

Titwaqqaf skema ta' inġinerija finanzjarja favur il-parteċipazzjoni ta' l-SMEs fil-kuntratti pubbliċi taħt forma ta' fondi ta' garanzija u ta' pleġġ u assigurazzjonijiet tal-kreditu u jintużaw il-Fondi Strutturali Ewropej għal dan il-għan.

Jitniedu programmi Ewropej ta' taħriġ u dimostrazzjoni għall-SMEs favur l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u l-ħarsien ta' l-ambjent (b'mod partikolari fis-settur tal-kostruzzjoni). Din id-dispożizzjoni l-ġdida tista' tibbenefika mill-fondi Ewropej li ma jkunux intużaw li kull sena jingħataw lura lill-Istati Membri.

Jiġu estiżi l-mekkaniżmi biex jiffavorixxu l-parteċipazzjoni ta' l-SMEs fl-azzjonijiet u l-programmi ta' riċerka ta' l-Unjoni Ewropea (sussidji marbuta mal-fattibilità u r-riċerka kooperattiva) u l-Istati Membri jkunu inkoraġġiti jwaqqfu mekkaniżmi identiċi għall-pjan nazzjonali, b'mod partikolari fis-setturi marbuta mat-teknoloġiji l-ġodda inklużi d-difiża u s-saħħa.

4.7.4   Proċeduri ta' konsultazzjoni u medjazzjoni:

Fl-aħħarnett, għandhom jiġu riveduti l-proċeduri ta' konsultazzjoni u evalwazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ħafna drabi jinjoraw r-realtà tal-fibra ekonomika Ewropea magħmula, fil-biċċa l-kbira, minn SMEs: jissaħħu l-evalwazzjonijiet ta' l-impatt fuq l-SMEs; jeħtieġ li wieħed jirrikorri b'mod iktar sistematiku għall-KESE għal opinjonijiet esploratorji, u jistrieħ iktar fuq l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili.

Jissaħħaħ kemm l-irwol tan-netwerk EIN (Ewropa, Intrapriżi, Netwerk) li huwa magħmul minn iktar minn 600 mekkaniżmu installati fi strutturi lokali rikonoxxuti mill-atturi ekonomiċi lokali fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-organizzazzjonijiet ta' l-intrapriżi eżistenti sabiex ikun żviluppat netwerk tassew Ewropew ta' twissija, ta' medjazzjoni u ta' appoġġ għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

Brussell, id-29 ta' Mejju 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Il-Kanada, il-Korea, l-Istati Uniti, Hong Kong (iċ-Ċina), l-Islanda, l-Israel, il-Ġappun, il-Liechtenstein, in-Norveġja, Aruba (l-Olanda), Singapore u l-Iżvizzera

(2)  Id-direttivi 2004/18/KE u 2004/17/KE, tal-31.3.2004.

(3)  ĠU C 287, 22.9.1997.

(4)  L-għajnuna marbuta: Anne Maria La Chimia; “Effectiveness and legality issues in development and procurement for EU Member States”, il-Liġi Ewropea Attwali, Marzu 2008

(5)  ĠU C 241, 7.10.2002.

(6)  ĠU C 407, 28.12.1998.


Top