Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE0977

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni mill-Komunità fi programm ta' riċerka u żvilupp li għandu l-għan li jappoġġja lill-SMEs li jwettqu attivitajiet ta' riċerka u żvilupp imnedija minn diversi Stati Membri COM(2007) 514 finali — 2007/0188 (COD)

    ĠU C 224, 30.8.2008, p. 18–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.8.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 224/18


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni mill-Komunità fi programm ta' riċerka u żvilupp li għandu l-għan li jappoġġja lill-SMEs li jwettqu attivitajiet ta' riċerka u żvilupp imnedija minn diversi Stati Membri

    COM(2007) 514 finali — 2007/0188 (COD)

    (2008/C 224/04)

    Nhar il-11 ta' Ottubru 2007, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

    Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni mill-Komunità fi programm ta' riċerka u żvilupp li għandu l-għan li jappoġġja lill-SMEs li jwettqu attivitajiet ta' riċerka u żvilupp imnedija minn diversi Stati Membri

    Nhar il-25 ta' Settembru 2007 il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

    Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-445 sessjoni plenarja tiegħu tat-28 u d-29 ta' Mejju (seduta tad-29 ta' Mejju 2008) li jaħtar lis-Sur Cappellini bħala rapporteur ġenerali u adotta din l-opinjoni b'unanimità.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), li jappoġġja l-objettivi tal-Programm Konġunt Eurostars, jenfasizza l-ħtieġa li jittieħed kont tal-kategoriji, id-daqs u s-setturi differenti ta' l-SMEs meta jiġu adottati programmi u politiki ġodda ta' l-UE fil-qasam tar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni, immirati u orjentati mill-ġdid lejn il-ħtiġiet reali ta' innovazzjoni ta' l-SMEs.

    1.2

    Il-KESE jilqa' l-proposta ta' l-Istati Membri għall-adozzjoni tal-Programm Konġunt Eurostars li jappoġġja l-hekk imsejħa “SMEs li jwettqu attivitajiet ta' R&D” u jinnota li għandu jkun miftuħ għall-SMEs kollha mill-pajjiżi li ssieħbu fil-programm li huma lesti li jipparteċipaw fi proċessi ta' innovazzjoni.

    1.3

    Il-KESE jenfasizza l-bżonn li jiġu identifikati strumenti sabiex jiġu involuti fil-programm l-Istati Membri kollha ta' EUREKA li m'humiex inklużi fil-Programm Konġunt Eurostars.

    1.4

    Il-KESE jinsab imħasseb fir-rigward tal-kriterju ta' eliġibbiltà (1) tal-Programm Konġunt Eurostars, li jillimita l-parteċipazzjoni ta' SMEs li jwettqu attivitajiet ta' R&D li “jinvestu 10 % jew aktar ta' ekwivalenti full-time jew turnover annwali f'attivitajiet ta' riċerka”. Anke jekk ir-restrizzjoni hija applikata biss għall-SME li twettaq attivitajiet ta' R&D u li tressaq il-proġett (“mexxej tal-proġett”), din id-definizzjoni ta' SMEs li jwettqu attivitajiet ta' R&D hija bbażata fuq indikaturi kodifikati u tinjora t-tipi diversi kollha ta' “għarfien non-kodifikat” (2), filwaqt li ħafna drabi l-proċessi ferm innovattivi jkollhom element qawwi ta' “għarfien taċitu” (3).

    1.5

    Għalhekk, il-KESE jtenni l-prinċipju li sabiex il-kompetizzjoni tkun ġusta, il-proġetti għandhom jintgħażlu abbażi l-eċċellenza tal-kontenut tagħhom, l-għarfien espert maniġerjali dwar l-R&D u l-koerenza ma' l-għanijiet tal-programm, mingħajr ma jeskludu proporzjon kbir ta' SMEs innovattivi li huma lesti li japplikaw għall-programm Eurostars. Barra minn hekk, għandu jkun possibbli li jiġu ffinanzjati proġetti ta' taħriġ immirati lejn it-taħriġ ta' maniġers esperti fir-rigward tat-trasferiment effettiv tat-teknoloġiji mir-riċerka għall-prodotti li jistgħu jitqiegħdu fis-suq.

    1.6

    F'dan ir-rigward, il-KESE jitlob li, skond il-proċeduri adatti tal-Programm Konġunt Eurostars, tiġi stabbilita linja ta' baġit speċifika għall-inizjattivi transnazzjonali mwettqin mill-Istati Membri f'kollaborazzjoni ma' organizzazzjonijiet ta' SMEs lesti li jappoġġjaw it-tixrid ta' informazzjoni pożittiva dwar l-SMEs dwar ir-riżultati tal-proġetti Eurostars, fost udjenza usa' ta' SMEs. Mod ieħor ta' kif tingħata aktar “appartenenza” lill-SMEs kollha interessati fis-suċċess ta' l-Eurostars ikun bażi tad-data komuni u pjattaformi ta' l-Internet multilingwi li jkunu stabbiliti u promossi mill-organizzazzjonijiet ta' l-SMEs u l-imsieħba soċjali.

    1.7

    Il-KESE jenfasizza t-tħassib tiegħu dwar il-kriterji għall-istabbiliment tal-kontribuzzjonijiet ta' l-SMEs għall-ispejjeż totali tal-proġetti relatati ma' l-attivitajiet ta' R&D. Huwa importanti li jiġi ċċarat li fis-sitwazzjoni attwali, skond il-Programm Konġunt Eurostars, l-SMEs huma meħtieġa li jikkontribwixxu kollettivament mill-anqas 50 % ta' l-ispejjeż ta' proġetti ta' R&D. Peress li dan il-kriterju ser jeskludi ħafna SMEs ibbażati fuq is-suq, għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li dan l-ostaklu jitbaxxa b'25 % matul l-evalwazzjoni ta' nofs it-term tal-programm Eurostars (4).

    1.8

    Aktar tard, it-tħassib espress mill-UE u l-organizzazzjonijiet nazzjonali ta' l-SMEs u partijiet interessati oħra għandu jiġi kkunsidrat mill-Istati Membri u l-Awtoritajiet Nazzjonali ta' l-UE matul il-fażijiet differenti ta' monitoraġġ ta' l-impatt u d-disseminazzjoni tar-riżultat. Kontroll regolari mill-Grupp Konsultattiv ta' l-UE dwar l-SMEs u l-R&D jista' jsir għodda permanenti ta' konsultazzjoni teknika għall-Istati Membri u awtoritajiet oħra fil-livell ta' l-UE jew nazzjonali. F'dan ir-rigward, l-Osservatur tas-Suq Intern tal-KESE, bil-kollaborazzjoni tal-Kategorija ta' l-SMEs, jista' jaqdi r-rwol ta' membru konsultattiv fil-Grupp Konsultattiv matul il-fażijiet ta' monitoraġġ, implimentazzjoni u disseminazzjoni.

    1.9

    Il-KESE jenfasizza l-fatt li l-Programm Konġunt Eurostars għandu jiġi implimentat b'mod trasparenti u non-burokratiku, sabiex ikun eħfef għall-SMEs li jirċievu informazzjoni, jieħdu sehem u, b'mod partikolari, jinvolvu ruħhom f'attivitajiet ta' segwitu ma' istituzzjonijiet ta' R&D relatati u interessati. Għaldaqstant, il-finanzjament tal-proġetti għandu jsir bi ħlasijiet ta' somma sħiħa (lump sum) u fejn ħlas ta' somma sħiħa ma jkunx kompatibbli mal-programmi nazzjonali, għandu jsir ħlas b'rata fissa.

    1.10

    Bil-għan li l-programm Eurostars jitwettaq b'mod effettiv, in-netwerks ta' innovazzjoni reġjonali għandhom jissaħħu biex ikunu jistgħu jipprovdu servizzi “one-stop-shop” bħala appoġġ għall-SMEs innovattivi, billi jagħtuhom aċċess effettiv għall-finanzjament Ewropew ta' l-R&D. Per eżempju, sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-programmi ta' finanzjament speċifiku għall-SMEs li jwettqu attivitajiet ta' R&D, ir-rabtiet bejn in-netwerks ta' l-EUREKA, korpi pubbliċi/privati oħra u organizzazzjonijiet ta' SMEs ta' l-UE/nazzjonali/reġjonali għandhom jissaħħu u jiġu kkoordinati aħjar. Għandhom jiġu ffinanzjati għadd ta' avvenimenti mill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-SMEs sabiex l-SMEs u l-organizzazzjonijiet interessati jiġu mgħarrfa dwar l-importanza ta' l-innovazzjoni u r-rwol li l-innovazzjoni ser taqdi fil-ġejjieni ta' l-UE.

    1.11

    Ir-riżultat ta' l-għażla tal-proġetti mis-setturi ta' l-SMEs fil-qafas tal-programm Eurostars (5) għandu jiġi ppubblikat fl-Internet min-netwerk Eureka. Barra minn hekk, għandha titħejja lista tal-proġetti li għandhom potenzjal innovattiv kbir iżda li ma ġewx iffinanzjati. Din il-lista għandha tagħti indikazzjoni ta' l-investituri nazzjonali pubbliċi/privati dispon f'każ li l-programm jeħtieġ finanzjament addizzjonali.

    1.12

    Il-koordinazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-politiki dwar l-SMEs u l-R&D u l-Eureka għandha tkun konsistenti u tissodisfa l-ħtiġijiet espressi mill-organizzazzjonijiet ta' l-SMEs u l-partijiet interessati aktar ġenerali (inklużi, fost oħrajn, korpi tar-riċerka pubbliċi u privati). Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej ikkonċernati, lill-Istati Membri u lill-Presidenza Slovena u dik Franċiża ta' l-UE biex jiżguraw li l-koordinazzjoni titwettaq skond l-aspettativi u l-objettivi tal-programmi ta' l-SMEs.

    1.13

    Il-KESE jħeġġeġ li, b'rabta mal-parteċipazzjoni ta' l-SMEs fil-programmi ta' finanzjament għall-R&D u l-Programm Konġunt Eurostars, il-perijodu twil mill-preżentazzjoni ta' proposta sa l-approvazzjoni mill-UE jiġi mqassar, sabiex l-SMEs jitħeġġu jressqu l-proġetti.

    1.14

    Il-KESE jenfasizza l-fatt li, sabiex jittejjeb u jiżdied il-finanzjament għall-R&D fost l-SMEs, il-KE għandha tesplora l-possibbiltà li tressaq ir-riżorsi mhux użati disponibbli għall-SMEs taħt il-kapitolu “Kooperazzjoni” tas-Seba' Programm Qafas (li jirrappreżenta 15 % tal-baġit ta' “Prijorità Tematika” fis-Sitt Programm Qafas) għall-Programm “Kapaċitajiet” (CRAFT, eċċ.) li jindirizza l-SMEs b'mod aktar effettiv.

    1.15

    Il-KESE jitlob li tingħata aktar attenzjoni lill-piż regolatorju sproporzjonat fuq l-SMEs, li jista' jkun għaxar darbiet akbar mill-piż fuq il-kumpaniji l-kbar (6). Tnaqqis ta' spejjeż ta' ġestjoni u simplifikazzjoni ta' proċeduri ta' preżentazzjoni għall-SMEs li jidħlu fi programmi ta' R&D ma' msieħba Ewropej u internazzjonali oħra huma mixtieqa wkoll. Il-KESE jixtieq ukoll jara soluzzjoni għall-kwistjoni ta' Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali (DPI) u Privattivi Ewropej (7), fejn is-sitwazzjoni attwali tfixkel il-kompetittività u l-innovazzjoni fl-Ewropa. Barra minn hekk, privattivi u DPI aċċessibbli (8) jistgħu jservu wkoll bħala assi non-monetarji importanti f'każ ta' konsolidazzjoni ta' sħubija bejn intrapriżi li jipparteċipaw fi proġetti internazzjonali.

    2.   Sfond ta' l-opinjoni

    2.1

    Fil-Karta Ewropea għall-Intrapriżi Żgħar approvata mill-mexxejja ta' l-UE fl-2000, kien ġie maqbul li l-intrapriżi żgħar għandhom ikunu kkunsidrati bħala forza prinċipali għall-innovazzjoni u l-impjiegi, kif ukoll għall-integrazzjoni soċjali u lokali fl-Ewropa (9). Barra minn hekk, f'Ottubru 2007, il-KE ħabbret it-tħejjija ta' “Att dwar in-Negozji Żgħar għall-Ewropa” (SBA) (10), li ser jiddefinixxi sett ta' miżuri mmirati li jippromovu l-intraprenditorija, kultura ta' l-intrapriża u aċċess għall-kompetenzi (11). Matul l-2008, il-Kummissjoni ser teżamina wkoll firxa ta' inizjattivi fir-rigward ta' l-SMEs (12) sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm ta' l-UE.

    2.2

    Fuq il-bażi ta' dawn l-elementi, tfasslet proposta għal Programm Konġunt Eurostars speċifiku. Il-programm, li jaqa' taħt l-Artikolu 169 tat-Trattat KE u hu mfassal biex jikkomplimenta u jindirizza l-attività “Riċerka għall-benefiċċju ta' l-SMEs” taħt is-Seba' Programm Qafas ta' Riċerka, hu amministrat mill-EUREKA u tnieda b'mod konġunt mit-22 Stat Membru u ħames pajjiżi oħra ta' l-EUREKA (l-Islanda, l-Iżrael, in-Norveġja, l-Isvizzera u t-Turkija). Bħalissa l-programm Eurostars jinkludi iktar minn 30 membru: l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Islanda, l-Irlanda, l-Iżrael, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Olanda, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, l-Isvizzera, it-Turkija u r-Renju Unit.

    2.3

    Is-Seba' Programm Qafas jadotta ħafna mill-miżuri ssuġġeriti matul ir-reviżjoni tas-Sitt Programm Qafas (13) bil-ħsieb li jinħoloq pont bejn il-lakuna fil-politiki favur l-SMEs. Is-Seba' Programm Qafas jinkludi strateġija favur l-SMEs, u jinkorpora miżuri kemm kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi biex tiġi stimulata azzjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak reġjonali. L-għan tiegħu hu l-ħolqien ta' clusters u netwerks ta' negozji, it-titjib tal-kooperazzjoni pan-Ewropea bejn intrapriżi żgħar bl-użu ta' l-IT, id-disseminazzjoni ta' l-aħjar prattiki dwar ftehimiet ta' kooperazzjoni u l-appoġġ tal-kooperazzjoni bejn in-negozji żgħar (14).

    2.4

    It-23 miljun SMEs reġistrati fl-UE jagħmlu 99 % mill-intrapriżi kollha u żewġ terzi mill-qligħ ta' l-Ewropa u huma wkoll dawk li jappoġġjaw l-atturi ewlenin ta' l-iżvilupp sostenibbli (15). Madankollu, biex isiru aktar kompetittivi, dawn l-intrapriżi jeħtieġu li jiġu razzjonalizzati u miġburin fi gruppi biex jiffurmaw entità koerenti b'massa kritika, sabiex ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ ta' l-iżvilupp ta' fondi speċifiċi ta' kapital ta' riskju, parks xjentifiċi, inkubaturi u politiki ta' innovazzjoni reġjonali (16).

    2.5

    Barra minn hekk, ir-“Rapport tal-Flash Eurobarometer” jenfasizza li t-tkabbir ta' l-SMEs jista' jkun imfixkel mill-attitudni negattiva fir-rigward tar-riskju ta' l-Ewropej, li m'għandhomx spirtu intraprenditorjali (17). Għalhekk huwa partikolarment importanti li tittieħed azzjoni biex tissaħħaħ l-immaġini professjonali ta' persuni intraprendorjali u biex titqajjem sensibilizzazzjoni pubblika dwar ir-rwol ewlieni tagħhom fl-innovazzjoni, il-progress ekonomiku u l-prosperità b'mod ġenerali. L-għanijiet ta' Lisbona jistgħu jinkisbu biss permezz ta' intraprenditorija responsabbli, enerġetika u immaġinattiva li tkun kapaċi tiżviluppa b'mod ħieles (18).

    2.6

    Madankollu, il-miżuri speċifiċi li l-Istati Membri jadottaw biex jappoġġjaw l-SMEs mhux dejjem iħeġġu u jappoġġjaw it-trasferiment ta' kooperazzjoni u teknoloġija transnazzjonali. Fid-dawl tal-bidliet fis-swieq u l-internazzjonalizzazzjoni tal-katini tal-valur, l-SMEs Ewropej issa jridu jadattaw għall-kompetizzjoni globali qawwija billi jidħlu għal proċessi innovattivi permanenti f'kuntest internazzjonali usa'. Il-Programm Konġunt Eurostars għandu jippremja lil dawk l-SMEs u istituzzjonijiet ta' riċerka pubblika u/jew privata li jagħmlu sforzi speċifiċi biex jappoġġjaw il-proġetti ta' R&D, jiddessiminaw ir-riżultati tagħhom, u jittrasferixxu u jgħinu biex jingħata aċċess għall-għarfien. B'mod partikolari, għandu jippremja proġetti li jinvolvu istituzzjonijiet u gruppi u/jew SMEs uniċi, li normalment jipparteċipaw anqas f'programmi bħal dawn jew isibu diffikultà fl-aċċess għalihom. Il-KESE jisħaq fuq il-fatt li l-l-kontribuzzjoni għall-Programm Konġunt Eurostars għandha tiġi estiża biex tinkorpora lill-membri kollha ta' EUREKA, b'mod speċjali dawk li għadhom kif issieħbu fl-UE u li jistgħu jibbenefikaw minn approċċ transnazzjonali.

    2.7

    Il-Programm Konġunt Eurostars huwa mmirat lejn l-SMEs li jwettqu attivitajiet ta' R&D, b'enfasi fuq proġetti ta' R&D orjentati lejn is-suq u proġetti transnazzjonali b'ħafna msieħba (mill-inqas żewġ parteċipanti indipendenti minn pajjiżi parteċipanti differenti). Aspett importanti tal-programm hu l-approċċ minn isfel għal fuq, li jagħti lill-“SMEs li jwettqu attivitajiet ta' R&D” is-setgħa għall-“appartenenza” u l-innovazzjoni strateġika tan-negozju. F'ċirkustanzi bħal dawn, l-SMEs ikollhom kontroll u jistgħu jinfluwenzaw ir-riżultati tar-riċerka kurrenti b'konformità ma' l-opportunitajiet kummerċjali.

    3.   Objettivi tal-Programm Konġunt Eurostars

    3.1

    Il-parteċipazzjoni fi programmi ta' riċerka u żvilupp skond l-Artikolu 169 tat-Trattat timplika li l-Istati Membri parteċipanti ta' l-UE jintegraw il-programmi nazzjonali ta' riċerka tagħhom billi jimpenjaw ruħhom fi programm konġunt ta' riċerka. Il-Kummissjoni, taħt il-bażi legali ta' l-Artikolu 169, identifikat erba' inizjattivi potenzjali għall-SMEs u l-imsieħba tagħhom.

    3.2

    Il-programm Eurostars jikkonsisti minn proġetti proposti minn SME waħda jew għadd ta' SMEs li huma stabbiliti fil-pajjiżi parteċipanti u li huma involuti b'mod attiv fl-R&D. Il-proġetti jistgħu jiġu implimentati fi kwalunkwe qasam tax-xjenza u t-teknoloġija (iżda għandu jkollhom għan ċivili). Il-proġetti għandhom ikunu kollaborattivi, u għandhom jinvolvu mill-inqas żewġ parteċipanti minn żewġ pajjiżi parteċipanti tal-Eurostars li jkunu involuti f'diversi attivitajiet b'konnessjoni mar-riċerka; l-iżvilupp teknoloġiku, id-demostrazzjoni, it-taħriġ u d-disseminazzjoni ta' informazzjoni relatata. B'konformità man-natura ta' l-SMEs, iċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett huwa wieħed qasir. Proġett għandu jkollu tul massimu ta' tliet snin, u fi żmien sentejn mit-tlestija tal-proġett, il-prodott tar-riċerka għandu jkun lest biex jiġi introdott fis-suq.

    3.3

    Il-Programm Konġunt jista' jipprovdi effett ta' lieva sinifikanti għall-finanzjament Komunitarju: l-Istati Membri u ħames pajjiżi oħra ta' l-EUREKA (l-Islanda, l-Iżrael, in-Norveġja, l-Isvizzera u t-Turkija) ser jikkontribwixxu EUR 300 miljun. Il-Komunità ser iżżid terz tal-kontribuzzjoni ta' l-Istati Membri, bir-riżultat li l-baġit tal-programm jilħaq EUR 400 miljun ta' finanzjament pubbliku. B'rati ta' finanzjament ta' 50 % — 75 %, l-Eurostar jista' jiġbor bejn EUR 133 u EUR 400 miljun ta' finanzjament privat addizzjonali għat-tul ta' żmien tal-Programm (effett ta' lieva). Il-parteċipazzjoni mistennija hi kkalkulata fuq ksib ta' spiża medja ta' EUR 1,4 miljun għal kull proġett Eurostars. B'rata medja ta' finanzjament ta' 50 %, rata ta' finanzjament pubbliku ta' EUR 0,7 għal kull proġett u baġit globali għall-programm ta' madwar EUR 400 miljun, jistgħu jiġu ffinanzjati 565 proġett.

    3.4

    Għalhekk, il-kontribuzzjoni Komunitarja timla l-lakuna fil-finanzjament fi stadju bikri ta' l-R&D meta l-attivitajiet innovattivi jkunu f'riskju relattivament għoli u jistgħu ma jiġbdux unikament investituri privati (19). L-intervent tal-Komunità bl-investiment pubbliku favur il-programm Eurostars ser jinkoraġġixxi aktar SMEs li jwettqu attivitajiet ta' R&D biex ifittxu investiment privat għall-iżvilupp ta' prodotti jew servizzi innovattivi.

    3.5

    Fir-rigward tal-finanzjament, għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà ta' eżenzjoni mit-taxxi għall-investimenti fl-R&D fi Stati Membri li jkunu attraenti għall-investituri anke fl-agħar sitwazzjoni immaġinabbli, sabiex f'każ bħal dan ikunu għall-inqas jistgħu jibbenefikaw minn dawn l-eżenzjonijiet. Il-benefiċċju għall-SME jkun forma alternattiva ta' finanzjament.

    3.6

    Madankollu, hemm tħassib li proporzjon kbir ta' SMEs jistgħu ma jitħallewx jipparteċipaw fl-inizzjattivi ta' l-UE għall-innovazzjoni kompettitiva. Taħt il-programm Eurostars, il-kriterju ta' eliġibbiltà għall-SMEs li jwettqu attivitajiet ta' riċerka hu li l-SME li tipproponi l-proġett tiddedika mill-inqas 10 % mit-turnover tagħha jew l-ekwivalenti full-time lil attivitajiet ta' riċerka. Anke jekk din ir-restrizzjoni hija applikata lill-imsieħeb pilota tal-proġett, dan jista' jwaqqaf ħafna intrapriżi żgħar milli jipproponu proġetti innovattivi. B'riżultat ta' dan, il-programm jista' biss jiġbed intrapriżi high-tech diġà konsolidati li għandhom aċċess għal forom oħra ta' finanzjament aktar adatti.

    3.7

    Barra minn hekk, f'xi pajjiżi ta' l-UE, l-ispejjeż ta' R&D huma spiss integrati ma' spejjeż operattivi oħra u għalhekk jistgħu ma jiġux identifikati separatament (20). Għalhekk, id-definizzjoni ta' indikaturi ta' R&D użati mill-OECD turi xi inadegwatezzi meta tkun applikata għal intrapriżi żgħar innovattivi, għaliex huma ma jikkunsidrawx l-attivitajiet li jikkorespondu għal għarfien non-kodifikat, li hu diffiċli li jiġi kwantifikat (21).

    3.8

    Ukoll skond l-OECD, is-“Settur High-Tech” hu definit bħala industrija b'sehem ta' R&D fit-turnover ta' aktar minn 4 %. Dan is-settur — anke f'ekonomiji żviluppati ħafna — jgħodd għal madwar 3 % tal-PGD, li jfisser li 97 % ta' l-attivitajiet ekonomiċi kollha u l-biċċa l-kbira tal-proċessi innovattivi seħħew f'setturi definiti mill-OECD bħala “Mid-Tech” jew “Low-Tech” (22). Iċ-ċifri jindikaw li proporzjon kbir ta' l-intrapriżi innovattivi jkunu esklużi jekk l-aċċess għall-programm ta' finanzjament ikun limitat minn limitu ta' 10 % għall-R&D, u ma jqanqalx attitudini pożittiva għall-innovazzjoni, li hija l-bażi ta' l-inizjattiva Ewropea.

    3.9

    Għalhekk, il-KESE jemmen li l-proġetti għandhom jintgħażlu abbażi eċċellenza u konformità ma' l-objettivi tal-programm u li l-limitu ta' R&D ta' 10 % għandu jitneħħa.

    3.10

    Ħtieġa oħra tal-programm Eurostars hija li l-SMEs parteċipanti li jwettqu attivitajiet ta' R&D għandhom ikunu jistgħu jwettqu l-parti maġġuri tal-ħidma ta' R&D. Il-kollaborazzjoni ma' msieħba oħra, li jistgħu jkunu SMEs oħra, clusters lokali, intrapriżi kbar lesti li jaqsmu l-objettivi tal-programm, istituzzjonijiet ta' riċerka jew universitajiet, m'għandhomx ikunu esklużi. Barra minn hekk, it-terminu cluster għandu wkoll jirreferi għall-bżonn li jiġu lokalizzati l-SMEs li jwettqu attivitajiet ta' R&D f'universitajiet/istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri, sabiex tissaħħaħ l-interazzjoni bejniethom għall-benefiċċju tagħhom it-tnejn.

    3.11

    Fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet rispettivi ta' l-SMEs innovattivi li jieħdu sehem fil-programm Eurostars, huwa importanti li jkun ikkjarifikat li huma l-SMEs li jwettqu attivitajiet ta' R&D li għandhom iħallsu kollettivament mill-inqas 50 % ta' l-ispejjeż R&D fil-proġett. Madankollu, dan il-kriterju xorta jista' jeskludi ħafna SMEs ibbażati fuq is-suq u għalhekk għandha tiġi kkunisdrata l-possibbiltà li dan l-ostakolu jitbaxxa b'25 % matul l-evalwazzjoni ta' nofs it-term tal-programm Eurostars (23).

    3.12

    Ir-relazzjoni ma' strumenti finanzjarji oħra koperta mill-Programm Qafas għall-Kompettitività u l-Innovazzjoni għad teħtieġ aktar kjarifika. Il-programm ta' finanzjament għandu jsir aktar flessibbli u adattat għall-ħtiġijiet ta' l-SMEs, filwaqt li tittieħed konsiderazzjoni ta' esperjenzi pożittivi b'fondi ta' garanzija għar-riċerka u l-iżvilupp, sabiex l-intrapriżi jkunu jistgħu jieħdu perspettiva ta' negozju itwal.

    3.13

    Qafas regolatorju aħjar, bil-konsultazzjoni sistematika ta' rappreżentant ta' l-organizzazzjonijiet ta' l-SMEs u firxa usa' ta' partijiet interessati, ibaxxi l-ispejjeż u r-riskji operattivi, jgħolli d-dħul, iżid il-fluss ta' kapital ta' riskju u jtejjeb il-funzjonament tas-swieq ta' kapital ta' riskju. Dan ser jibbenifika lill-SMEs innovattivi b'mod partikolari. Dan il-finanzjament ser jikkomplementa l-appoġġ pubbliku għall-istadji ferm bikrija (“pre-seed”) tal-bidla ta' outputs ta' riċerka fi proposta kummerċjali.

    3.14

    Il-Kummissjoni ħadet l-impenn li tippromovi miżuri għal aktar investiment transkonfinali minn fondi ta' kapital ta' riskju (24). Fl-Ewropa, is-suq tal-kapital ta' riskju hu frammentat; attwalment fih 27 ambjent operattiv differenti. Dan jaffettwa kemm il-ġbir tal-fondi kif ukoll l-investiment b'mod negattiv.

    3.15

    Għaldaqstant hemm bżonn ta' ambjent aħjar għall-investiment tal-kapital ta' riskju u għall-ħolqien ta' inċentivi mill-Istati Membri għall-investituri privati, bil-għan li dawn jipparteċipaw f'riċerka intenazzjonali kollaborattiva (25) u jippromovu l-involviment tas-servizzi ta' appoġġ kummerċjali għall-SMEs immirati lejn l-intrapriżi ta' appoġġ li jirnexxilhom jgħaddu mill-istadju ta' start-up.

    4.   It-titjib tal-koordinazzjoni tal-Progamm Konġunt Eurostars

    4.1

    Il-programm Eurostars għandu l-għan li jgħin lill-SMEs fi kwalunkwe teknoloġija jew qafas industrijali, legali jew ta' organizzazzjoni meħtieġ għall-kooperazzjoni Ewropea fuq skala kbira fost l-Istati Membri fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni applikati. Konsegwentement, huwa ser iżid il-kapaċità ta' l-SMEs li jwettqu attivitajiet ta' R&D biex jintroduċu fis-suq prodotti, proċessi u servizzi kompetittivi.

    4.2

    L-internazzjonalizzazzjoni tal-proġett tista' tevita d-duplikazzjoni ta' sforzi lejn l-innovazzjoni u għandha tkun opportunità biex jiġu adottati politiki komuni u tiġi introdotta azzjoni rapida biex jitnaqqas il-piż amministrattiv (26). Bl-għajnuna tal-programm Eurostars, ħafna SMEs jistgħu jitħeġġu biex jisfruttaw il-kollaborazzjoni internazzjonali, dment li jkunu jistgħu jipproponu u jiġġestixxu l-proġett direttament. Madankollu, l-involviment fi proġetti integrati u n-netwerk ta' eċċellenza għandhom ikunu ppjanati b'attenzjoni biex jiġu evitati l-iżbilanċi fil-parteċipazzjoni fil-proġett.

    4.3

    Flimkien ma' appoġġ għall-R&D, għandna nikkunsidraw ukoll mezzi li bihom il-gvernijiet jistgħu jappoġġjaw l-innovazzjoni b'mod aktar dirett permezz tal-provvediment ta' l-infrastruutura adatta. Hemm komunità kbira ħafna ta' “istituzzjonijiet” ta' riċerka. Uħud minnhom jistgħu jkunu assoċjazzjonijiet jew kumpaniji tar-riċerka, li l-kompitu tagħhom hu li jappoġġjaw l-innovazzjoni, partikolarment mill-SMEs. Hemm ukoll parks xjentifiċi u ħwienet xjentifiċi, inkubaturi, korpi tal-gvern reġjonali u lokali u organizzazzjonijiet ta' trasferiment ta' l-għarfien. Dawn jipprovdu appoġġ importanti għall-SMEs high-tech li għadhom f'fażi bikrija u wkoll għal dawk aktar tradizzjonali li qed jikkontemplaw strateġiji bbażati fuq l-innovazzjoni. Il-Presidenza Slovena ta' l-UE u l-Presidenza Franċiża li jmiss għandhom jimmonitorjaw kif il-koordinazzjoni tal-programm Eurostar fil-livell ta' l-UE u dak nazzjonali tista' tiġi użata, billi jmexxuha lejn l-iktar livell għoli possibbli u jevitaw kwalunkwe duplikazzjoni ta' funzjonijiet u riskju ta' konfużjoni fost l-aġenziji ta' l-SMEs eżistenti.

    4.4

    Il-KESE rrakkomanda wkoll f'diversi okkażjonijiet li parti ferm akbar tar-riżorsi tal-Fondi Strutturali ta' l-UE tintuża għall-iżvilupp ta' infrastrutturi xjentifiċi konġunti mfasslin speċifikament għall-SMEs. L-użu ta' finazjament mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment għal dan il-għan jista' wkoll ikun ta' benefiċċju kbir (27).

    Brussell, id-29 ta' Mejju 2008.

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Dimitris DIMITRIADIS


    (1)  http://www.eurostars-eureka.eu/

    (2)  Hartmut Hirsch-Kreinsen, “Low-Tech” Innovations, Industry and Innovation, 02.2008.

    (3)  Proġett Pilota: http://www.pilot-project.org

    (4)  A6-0064/2008 (emenda għall-proposta), Parlament Ewropew, Kumitat dwar l-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, 2008.

    (5)  http://ec.europa.eu/research/sme-techweb/index_en.cfm?pg=results

    (6)  Mudelli biex jitnaqqas il-piż regolatorju sproporzjonat fuq l-SMEs, Kummissjoni Ewropea, Mejju 2007, DĠ Intrapriża u Industrija.

    (7)  Il-Fattur ta' Spejjeż fis-Sistemi ta' Privattivi, Université Libre de Bruxelles, Dokument ta' Ħidma WP-CEB 06-002, Brussell 2006, ara minn p. 17.

    (8)  Insaħħu s-sistema tal-privattivi fl-Ewropa: COM(2007) 165.

    (9)  Karta Ewropea għall-Intrapriżi Żgħar, Kunsill Ewropew ta' Feira,19-20 ta' Ġunju 2000.

    (10)  Intrapriżi żgħar u ta' daqs medju — Essenzjali għal aktar tkabbir u xogħlijiet. Reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-politika Moderna għall-SMEs, COM(2007) 592 finali, 4.10.2007.

    (11)  Luc Hendrickx, “UEAPME expectations on the proposal for a European Small Business Act”, 14.12.2007.

    (12)  http://ec.europa.eu/enterprise/entrepreneurship/sba_en.htm

    (13)  ĠU C 234, 22.9.2005, p. 14 u l-UEAPME Dokument ta' Pożizzjoni dwar suċċessur għas-Sitt Programm Qafas għall-R&D, 01/2005.

    (14)  Reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-politika Moderna għall-SMEs, COM(2007) 592, 4.10.2007.

    (15)  L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Lisbona: Il-finanzjament tat-tkabbir ta' l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju — Żieda tal-Valur Ewropew, COM(2006) 349, 29.6.2006.

    (16)  Ix-xjenza u t-teknoloġija; il-qofol għall-ġejjieni ta' l-Ewropa, COM(2004) 353, 16.6.2004; mhux disponibbli bil-Malti.

    (17)  Osservatorju ta' l-SMEs Ewropej, Flash Eurobarometer 196, Mejju 2007.

    (18)  Investiment fl-għarfien u l-innovazzjoni, INT/325, ĠU C 256, 27.10.2007, p. 8.

    (19)  “Servej Annwali ta' Ekwità & Attività ta' Kapital ta' Riskju Pan-Ewropej”, 2004.

    (20)  It-Tabella ta' Investiment ta' l-UE fl-R&D 2007, p. 20, miċ-Ċentru tar-Riċerka Konġunta u d-Direttorat Ġenerali tar-Riċerka (DĠ RTD).

    (21)  H. Hirsch-Kreinsen, “Low-Technology”: A forgotten sector in innovation policy, Fakultà għall-Ekonomija u x-Xjenzi Soċjali, Università ta' Dortmund, 15.3.2006; UAPME, “Lejn Politika ta' Innovazzjoni għas-Snajja, il-Kummerċ u l-SMEs”, 27.10.04.

    (22)  “Lejn Politika ta' Innovazzjoni għas-Snajja, il-Kummerċ u l-SMEs”, UEAPME, 27.10.2004.

    (23)  Parlament Ewropew, Kumitat dwar l-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, A6-0064/2008.

    (24)  Il-Kummissjoni tipproponi miżuri għal aktar investiment transkonfinali permezz ta' fondi ta' kapital ta' riskju IP/08/15, 07.1.2008.

    (25)  Il-finanzjament tat-tkabbir ta' l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju — Żieda tal-Valur Ewropew, COM(2006) 349, 29.6.2006.

    (26)  Proposti tal-Kummissjoni Ewropea għal tnaqqis tal-piż amministrattiv, 2008, MEMO/08/152 10.3.2008.

    (27)  (ĠU C 65, 17.3.2006), ĠU C 256, 27.10.2007, p. 17.


    Top