Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007XE0640

    Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Kontribuzzjoni lill-Kunsill Ewropew tal- 21 u t- 22 ta' Ġunju 2007 — Pjan Direzzjonali tal-Proċess Kostituzzjonali

    ĠU C 256, 27.10.2007, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.10.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 256/1


    Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Kontribuzzjoni lill-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Ġunju 2007 — Pjan Direzzjonali tal-Proċess Kostituzzjonali”

    (2007/C 256/01)

    Fil-laqgħa tiegħu tad-29 ta' Mejju 2007 il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jippreżenta lill-Assemblea Plenarja b'riżoluzzjoni dwar il-pjan direzzjonali tal-proċess kostituzzjonali bħala kontribuzzjoni lill-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Ġunju 2007.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din ir-riżoluzzjoni matul is-Sessjoni Plenarja tiegħu tat-30 u l-31 ta' Mejju 2007 (seduta tat-30 ta' Mejju 2007) b'171 vot favur, 18-il vot kontra u 16-il astenzjoni.

    1.

    Il-KESE jikkonferma bil-qawwa l-opinjonijiet tiegħu dwar it-Trattat Kostituzzjonali ta' l-24 ta' Settembru 2003 (1), tat-28 ta' Ottubru 2004 (2) u tas-17 ta' Mejju 2006 (3), kif ukoll id-deċiżjoni tiegħu ta' l-14 ta' Marzu 2007 dwar il-50 anniversarju ta' l-iffirmar tat-Trattati ta' Ruma (4). F'dawn l-opinjonijiet kollha, il-KESE iddikjara l-appoġġ tiegħu għall-metodu tal-Konvenzjoni u għar-riżultati miksuba.

    2.

    Il-KESE jkompli jappoġġja lit-Trattat Kostituzzjonali, li jippreżenta differenzi fundamentali u pożittivi minn testi istituzzjonali oħra mħejjija mid-diversi Konferenzi Intergovernattivi inkarigati mir-reviżjoni tat-Trattati ta' Ruma. Id-differenzi huma dawn li ġejjin: inħoloq permezz ta' dibattitu pubbliku ħieles bil-parteċipazzjoni ta' Membri tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali; huwa taqsira sistematika f'test uniku tal-ġabra sħiħa ta' l-arranġamenti politiċi u istituzzjonali, hekk kif evolvew minn mindu ġew stabbiliti l-Komunitajiet Ewropej; jinkludi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għar-riforma istituzzjonali u proċedurali tas-sistema tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea, jiddeskrivi l-għanijiet li lejhom l-UE għandha timmira l-ħidma tagħha, ifisser il-valuri li għandhom jiffurmaw il-bażi tal-politiki tagħha, u jikkodifika d-drittijiet fundamentali li l-UE għandha tirrispetta u tħares.

    3.

    Dan kollu jiġġustifika l-fatt li l-abbozz tal-Konvenzjoni ssejjaħ “Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa”. Madankollu, minħabba bosta każijiet ta' nuqqas ta' ftehim, it-terminu “Kostituzzjoni” ġie rrifjutat f'ħafna Stati Membri. Il-KESE ma jopponix ruħu għall-għażla ta' isem ġdid għat-trattat. Is-sustanza hija iktar importanti mill-isem.

    4.

    Ir-raġunijiet li ġejjin huma ta' importanza kruċjali għall-appoġġ li l-KESE jkompli jagħti lit-Trattat Kostituzzjonali fil-kapaċità tiegħu ta' rappreżentant istituzzjonali tas-soċjetà ċivili organizzata, u jikkontribwixxu għar-rinfurzar tal-leġittimità demokratika ta' l-Unjoni:

    iż-żieda fil-kompetenzi tal-Parlament Ewropew permezz ta' l-estensjoni tal-kodeċiżjoni għal oqsma ġodda.

    l-implikazzjoni ikbar tal-Parlamenti nazzjonali fil-ħidma ta' l-Unjoni Ewropea permezz tad-dritt li jissorveljaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

    it-titjib tat-trasparenza tal-ħidmiet tal-Kunsill Ewropew;

    it-tisħiħ tar-rwol tad-djalogu soċjali awtonomu u r-rikonoxximent ta' l-imsieħba soċjali bħala atturi fl-integrazzjoni Ewropea;

    ir-rikonoxximent ta' l-importanza tad-demokrazija parteċipattiva b'mod partikolari permezz tal-fatt li l-istituzzjonijiet kbar Ewropej iżommu djalogu trasparenti u regolari ma' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u maċ-ċittadini ta' l-Unjoni;

    bl-istess għan, l-għotja tad-dritt ta' inizjattiva liċ-ċittadini ta' l-UE.

    5.

    Il-KESE jfakkar li l-kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern ta' l-Istati Membri kollha approvaw it-Trattat Kostituzzjonali waqt laqgħa tal-Kunsill Ewropew u ffirmawh waqt ċerimonja li nżammet f'Ruma fid-29 ta' Ottubru 2004. Sadattant, it-Trattat Kostituzzjonali ġie rratifikat mill-Istati Membri b'maġġoranza ta' żewġ terzi, li tirrefletti l-maġġoranza ċara taċ-ċittadini ta' l-UE. Għaldaqstant il-KESE jinsisti li t-Trattat Kostituzzjonali għandu jkun il-bażi ta' diskussjonijiet futuri sabiex tinstab soluzzjoni għall-kriżi attwali.

    6.

    Il-KESE jappoġġja l-Presidenza Ġermaniża fl-intenzjoni tagħha li tippreżenta pjandirezzjonali għall-azzjonijiet futuri waqt il-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Ġunju, u jilqa' l-fatt li, fid-Dikjarazzjoni ta' Berlin tal-25 ta' Mejju 2007, id-data ta' l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2009 intgħażlet bħala l-iskadenza għad-daħla fis-seħħ tal-Kostituzzjoni l-ġdida.

    7.

    Dan ifisser li sa l-aħħar ta' l-2007, Konferenza Intergovernattiva qasira għandha tadotta l-emendi lill-abbozz attwali li huma meħtieġa sabiex jintlaħaq kunsens ġdid. Fil-mandat tal-Konferenza Intergovernattiva għandhom jitniżżlu preċiżament il-ftit dispożizzjonijiet li ser jerġgħu jinfetħu għad-diskussjonijiet. Ir-riżultat għandu jiġi rratifikat matul l-2008 mill-Istati Membri kollha.

    8.

    Id-diskussjonijiet ġodda dwar it-Trattat għandhom iwasslu sabiex tinżamm is-sustanza ta' dak li ġie deċiż fil-Konvenzjoni Ewoprea u approvat b'mod unanimu mill-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern. Dan jinkludi l-ewwelnett l-innovazzjonijiet istituzzjonali u proċedurali kif ukoll l-aspett vinkolanti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fi kliem ieħor: Parti I (Għanijiet, Istituzzjonijiet, Struttura ta' l-Unjoni), Parti II (il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea) u Parti IV (Dispożizzjonijiet Ġenerali u Finali) għandhom jibqgħu l-istess; Parti III essenzjalment tiġbor fiha d-dispożizzjonijiet tat-Trattati attwali li huma marbutin mal-politiki ta' l-Unjoni Ewropea li ma jiffurmawx parti neċessarjament mit-Trattat il-ġdid; id-dispożizzjonijiet istituzzjonali u proċedurali ta' Parti III, fil-każijiet fejn dawn imorru lilhinn mil-liġi eżistenti, għandhom jiġu inkorporati f'Parti I.

    9.

    Il-KESE ser isegwi l-ħidma tal-Konferenza Intergovernattiva b'mod kostruttiv. Madankollu, jenfasizza wkoll li minkejja l-fatt li l-Konferenza Intergovernattiva ser tkun qasira u li l-mandat tagħha ser ikun ristrett, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jingħataw l-opportunità li jipparteċipaw fuq livell konsultattiv. Il-KESE huwa lest li, bil-kooperazzjoni tal-Presidenza tal-Kunsill, jorganizza l-laqgħat ta' tagħrif u konsultazzjoni meħtieġa; għal dan il-għan jista' jibbaża ruħu fuq l-esperjenza tal-kooperazzjoni pożittiva mal-Praesidium kif ukoll mal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-ħidma dwar il-Konvenzjoni Ewropea.

    10.

    Huwa neċessarju li tintemm kemm jista' jkun malajr il-kriżi attwali permezz ta' l-adozzjoni ta' trattat li jaqdi l-istennijiet ta' Unjoni b'27 membru. Sfidi ġodda jġibu magħhom il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tilħaq ftehim dwar il-politiki l-ġodda u tieħu deċiżjonijiet b'ħarsa lejn il-ġejjieni, b'mod partikulari fir-rigward ta' l-iżvilupp tal-mudell soċjali Ewropew, li jinkludi fost elementi oħra s-servizzi ta' interess ġenerali (SGIs), u t-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali ta' l-integrazzjoni Ewropea; il-ġestjoni ta' l-effetti negattivi li jirriżultaw mill-globalizzazzjoni ta' rabtiet ekonomiċi, soċjali u kulturali; it-tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku u tal-kompetittività; l-indirizzar tal-bidla klimatika; l-assigurazzjoni tal-provvediment ta' l-enerġija; l-indirizzar tal-problemi marbutin ma' l-immigrazzjoni; u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

    Brussel, it-30 ta' Mejju 2007

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Dimitris DIMITRIADIS


    (1)  Opinjoni għall-Konferenza Intergovernattiva (CESE 1171/2003) EUVL C 10, 14.1.2004.

    (2)  Opinjoni dwar it-Trattat dwar Kosittuzzjoni għall-Ewropa, EUVL C 120, 20.5.2005.

    (3)  Opinjoni tas-17 ta' Mejju 2006“Kontribuzzjoni lill-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2006 — Perijodu tar-Riflessjoni”EUVL C 195, 18.8.2006.

    (4)  EUVL C 161, 13.7.2007.


    Top