Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007IP0217

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-24 ta' Mejju 2007 dwar is-Sirja

    ĠU C 102E, 24.4.2008, p. 485–486 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    52007IP0217

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-24 ta' Mejju 2007 dwar is-Sirja

    Official Journal 102 E , 24/04/2008 P. 0485 - 0486


    P6_TA(2007)0217

    Is-Sirja

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l- 24 ta' Mejju 2007 dwar is-Sirja

    Il-Parlament Ewropew,

    - wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ta' l- 1948,

    - wara li kkunsidra l-Artikolu 11(1) tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea u li jistabbilixxi l-promozzjoni taddrittijiet tal-bniedem bħala objettiv tal-Politika Barranija u ta' Sigurta' Komuni u l-Artikolu 177 tat- Trattat, li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

    - wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja u l-Lvant Nofsani u r-riżoluzzjoni tiegħu tas- 26 ta' Ottubru 2006 li tinkludi r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranja bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, fuq in-naħa l-oħra [1],

    - wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Presidenza ta' l-UE ta' l- 14 ta' Mejju 2007 dwar il-kundanna fis- Sirja ta' Michel Kilo, intelletwali, u ta' Mahmoud Issa, attivist politiku, fis-Sirja,

    - wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li ġie rratifikat mis-Sirja fil- 21 ta' April 1969,

    - wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A. billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa komponent essenzjali ta' l-Isħubija Ewro-Mediterranja, manifestat fil-Ftehim ta' Koperazzjoni bejn l-UE u s-Sirja u fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranja bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, fuq in-naħa l-oħra li għad irid jiġi finalizzat,

    B. billi l-Parlament Ewropew u l-President tiegħu diġà intervenew diversi drabi biex jiksbu l-ħelsien ta' attivisti għad-drittijiet tal-bniedem, politiċi u parlamentari miżmuma f'ħabsijiet Sirjani,

    C. billi Michel Kilo, kittieb militanti favur id-demokraziji, li ġie arrestat fl- 14 ta' Mejju 2006, prinċipalment minħabba l-pożizzjoni tiegħu rigward id-Dikjarazzjoni ta' Bejrut-Damasku, u Mahmoud Issa ġew ikkundannati fit- 13 ta' Mejju 2007 għal tliet snin ħabs,

    D. billi Suleiman Al-Shamar, membru mexxej tal-Komunità Nazzjonali Demokratika, u Khalil Hussein, il- President ta' l-Uffiċju għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Kurd Future Trend, ġew ikkundannati għal għaxar snin ħabs talli "dgħajfu l-etika nazzjonali" u"kkonfoffaw ma" pajjiż barrani',

    E. billi Faek El Mir u Aref Dalila, membri ta' organizzazzjonijiet varji għad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja, issa ġew miżmuma ssegregati f'ċelel waħedhom għal sitt snin,

    F. billi l-forzi tas-sigurtà Sirjani arrestaw lil Kamal al-Labwani, tabib u wieħed mill-fundaturi tad-Democratic Liberal Gathering, fit- 8 ta' Novembru 2005 fuq il-wasla tiegħu lura minn vjaġġ lejn l-Ewropa, l- Istati Uniti u l-Eġittu, u issa ġie kkundannat għal 12-il sena ħabs b'xogħol iebes fuq akkużi motivati politikament,

    G. billi Anwar Al Bunni, membru fundatur ta' l-Organizzazzjoni Sirjana għad-Drittijiet tal-Bniedem u avukat speċjalizzat fi kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem, ġie arrestat fit-toroq ta' Damasku fl-2006 fiżżmien meta kien kważi nħatar bħala direttur ta' ċentru għad-drittijiet tal-bniedem iffinanzjat mill- Unjoni Ewropea u issa ġie kkundannat għal ħames snin ħabs talli"xerred informazzjoni falza ta' ħsara għall-istat",

    1. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar is-sentenzi reċenti mogħtija rigward priġunieri politiċi u attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja li jaffettwaw kull temdenza politika ta' l-oppożizzjoni;

    2. Huwa mħasseb ħafna dwar ir-restrizzjonijiet imposti fuq Mahmoud Issa, Fayek El Mir, Aref Dalila, Kamal al Labwani, Anwar Al Bunni, Michel Kilo, Suleiman Al-Shamar u Khalil Hussein, u l-akkużi kontrihom, talli eżerċitaw id-drittijiet demokratiċi tagħhom u ħadu sehem f'attivitajiet paċifiċi;

    3. Iħeġġeġ lill-Awtoritajiet Sirjani biex jikkonformaw b'mod strett mal-liġi internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem u, b'mod partikulari, mal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u kif ukoll mal- Konvenzjoni kontra t-Tortura u t-Trattamenti jew il-Kastigi Krudili, Inumani jew Degradanti, irratifikati rispettivament mis-Sirja fl-1969 u fl-2004 rispettivament;

    4. Jistieden lis-Sirja biex tirrispetta l-libertà ta' l-opinjoni u d-dritt għal proċess ġuridiku ġust;

    5. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sirjani biex jieħdu nota tat-tħassib tal-Kumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tan- NU u biex:

    a) jiżguraw li d-detenuti hawn fuq imsemmija jiġu trattati tajjeb u ma jkunux suġġetti għal tortura jew trattament ħażin ieħor,

    b) jiżguraw li l-persuni miżmuma jew mibgħuta l-ħabs jingħataw aċċess fil-pront u regolari għall-avukati, it-tobba u l-familji tagħhom;

    6. Iħeġġeġ lill-korpi Sirjani relevanti biex jibdlu s-sentenzi msemmija hawn fuq, u biex iwaqqgħu l-akkużi li għadhom pendenti fil-Qorti Militari ta' Damasku u jeħilsu lill-priġunieri tal-kuxjenza u l-priġunieri politiċi kollha msemmija hawn fuq;

    7. Jitlob li l-istat ta' emerġenza fis-Sirja, stabbilit iżjed minn 40 sena ilu, jiġi abrogat.

    8. Jistieden b'mod partikulari lill-Istituzzjonijiet Kommunitarji u lill-Istati Membri biex jipprovdu l-appoġġ kollu neċessarju lill-attivisti tas-soċjetà ċivili Sirjani permezz ta' l-Istrument Ewropew tal-Viċinat u Sħubija (ENPI) u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) li għadu kif ġie adottat, inkluż permezz ta' l-implimentazzjoni mingħajr dewmien ta' l-hekk imsejħa miżuri ad hoc dedikati għaddifensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

    9. Jitlob lis-Sirja, li jista' jkolla rwol importanti fil-promozzjoni tal-paċi fir-reġjun, biex ittejjeb u tappoġġja d-drittijiet tal-bniedem u l-libertà ta' l-espressjoni fil-pajjiż;

    10. Jistieden lis-Sirja biex tappoġġja t-twaqqif ta' tribunal penali ta' natura internazzjonali wara li tiġi finaliżżata l-inkjesta ta' l-Imħallef Brammertz, Membru tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti Investigattiva tan-NU fil-Libanu;

    11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern Sirjan u lill-Parlament tar-Repubblika Għarbija tas-Sirja.

    [1] Testi adottati, P6_TA(2006)0459.

    --------------------------------------------------

    Top