Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007IE1256

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Id-drittijiet tal-pazjent

    ĠU C 10, 15.1.2008, p. 67–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.1.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 10/67


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-drittijiet tal-pazjent”

    (2008/C 10/18)

    Nhar l-14 ta' Lulju 2005, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 29 (2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni proprja dwar Id-drittijiet tal-pazjent.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta' Lulju 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Bouis).

    Matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu tas-26 u s-27 ta' Settembru 2007 (seduta tas-26 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'108 vot favur, l-ebda vot kontra u 2 astensjonijiet.

    1.   Motivazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Għal bosta snin il-pajjiżi Ewropej u l-Komunità Ewropea ttrattaw il-kwistjoni tad-dritt tal-persuni li jużaw is-servizzi tas-saħħa u fasslu Charters u korp leġiżlattiv sħiħ li jippermetti l-affermazzjoni ta' dawn id-drittijiet (1). Dawn naturalment jiddependu mill-kwalità tas-sistema tas-saħħa u mill-organizzazzjonijiet tal-kura. Madankollu, kemm huma rispettati dawn id-drittijiet jiddependi wkoll mill-imġiba u mill-kooperazzjoni tal-professjonisti tas-saħħa u mill-pazjenti nnifishom u għalhekk huwa faċli li wieħed jara li hemm lok fejn jista' jsir titjib.

    1.1.1

    Fl-2002 l-Active Citizenship Network ipproponiet Karta Ewropea għad-Drittijiet tal-Pazjenti. Dawn id-drittijiet, li huma bbażati fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea (Artikolu 35), huma importanti għar-relazzjoni li ċ-ċittadini Ewropej għandhom mas-sistema tas-saħħa tagħhom. Madankollu, studju li sar minn organizzazzjonijiet taċ-ċittadini f'14-il pajjiż ta' l-Unjoni Ewropea juri li l-livell ta' protezzjoni ta' dawn id-drittijiet ivarja ħafna bejn pajjiż u ieħor. Dan għandu implikazzjonijiet għall-impenn ibbażat fuq il-prinċipju tas-solidarjetà tal-Kummissjoni Ewropea li jeħtieġ li jiggarantixxi liċ-ċittadini Ewropej aċċess effettiv għas-servizzi tas-saħħa.

    1.1.2

    Illum qegħdin jiġu żviluppati politiki pubbliċi li t-tendenza tagħhom hija li tippromovi aktar u aktar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-iżvilupp ta' metodi ta' parteċipazzjoni fid-diversi pajjiżi ta' l-Ewropa: il-konferenzi ta' konsensus fid-Danimarka, it-twaqqif ta' panels taċ-ċittadini f'bosta pajjiżi Ewropej, l-assembleji ġenerali, eċċ. Il-Kunsill ta' l-Ewropa u l-Parlament jippromovu sforzi bħal dawn favur il-parteċipazzjoni.

    1.1.3

    Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Konsultazzjoni dwar azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa”, id-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Saħħa ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar “il-valuri u l-prinċipji komuni tas-sistemi tas-saħħa ta' l-Unjoni Ewropea”, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-mobilità tal-pazjenti, ir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-mobilità tal-pazjenti u l-iżviluppi fil-kura tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea u r-Riżoluzzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Marzu 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tieħu inizjattivi għall-implimentazzjoni ta' politika tas-saħħa li tirrispetta d-drittijiet tal-pazjenti u li għandha tinkludi:

    ġabra komparattiva ta' l-obbligazzjonijiet regolatorji u etiċi użati f'kull pajjiż individwali ta' l-Unjoni Ewropea u l-analiżi tagħhom,

    it-tfassil, fil-forma l-aktar xierqa, ta' pjan ta' azzjoni Komunitarju prattiku,

    il-valutazzjoni programmata ta' l-applikazzjoni tat-testi u l-politiki adottati,

    ix-xandir tar-riżultati ta' dan ix-xogħol fost l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli u r- rappreżentanti tad-diversi kategoriji soċjo-professjonali u fost l-utenti kkonċernati,

    id-dikjarazzjoni tal-Ġurnata Ewropea għad-Drittijiet tal-Pazjent.

    1.1.4

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għalhekk ser jindirizza l-kwistjoni tad-drittijiet tal-pazjenti sabiex jiġbed l-attenzjoni ta' l-awtoritajiet Ewropej lejn il-ħtieġa li dawn jiġu rrispettati, b'kunsiderazzjoni partikulari għad-dritt tal-mobilità taċ-ċittadini fis-27 Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea u d-dritt li dawn jibbenefikaw b'mod ugwali minn servizzi ta' kwalità fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom u fil-pajjiżi ospitanti, u speċjalment li jiġu implimentati fl-Istati kollha tal-Komunità Ewropea. Barra minn hekk, l-affermazzjoni mill-ġdid ta' dawn id-drittijiet timplika bidla fl-attitudni u fl-imġiba tal-professjonisti kollha u ta' l-istabbilimenti tas-saħħa fir-relazzjoni ta' kuljum tagħhom mal-pazjenti.

    1.1.5

    Il-kwistjoni tad-drittijiet tal-pazjenti ħafna drabi teħtieġ riflessjoni etika li tinvolvi s-sistema politika u soċjali tal-pajjiż ikkonċernat. Mandakollu, minkejja d-diskrepanzi fl-organizzazzjoni tas-sistemi tas-saħħa u minkejja d-diversità tad-dibattiti, wieħed jinnota evoluzzjoni simili tal-problema tas-saħħa fil-pajjiżi kollha ta' l-Ewropea u t-tendenza ġenerali u inevitabbli lejn l-affermazzjoni tad-drittijiet ta' l-individwu li jirrikorri għall-kura.

    1.2

    Filfatt, wieħed jinnota evoluzjoni tal-bżonnijiet tas-saħħa u ta' l-aspettativi tal-popolazzjonijiet, u lil hinn mis-sistema tas-saħħa, evoluzzjoni politika li tixtieq tipprovdi dejjem aktar spazju għall-fehma ta' l-individwu.

    1.3

    Il-progress tal-mediċina u t-twaqqif ta' sistemi ta' protezzjoni soċjali wasslu għal transizzjoni epidemjoloġika ġenerali li ttraduċiet ruħha f'inqas każijiet ta' kura fuq perijodu qasir u, fuq kollox, f'aktar każijiet ta' mard kroniku, fenomenu li jirriżulta mill-fatt li l-popolazzjoni qiegħda tixjieħ dejjem aktar. Il-provvista ta' kura għall-persuni b'mard kroniku jimplika li tingħata kura għal ċertu tul ta' żmien, u li b'hekk dawn il-persuni morda jakkwistaw għarfien akbar mill-esperjenza tagħhom ta' aċċess għas-sistema tal-kura, kif ukoll mit-tiġrib personali tagħhom tal-mard.

    1.4

    Il-wasla tat-teknoloġiji ġodda ta' l-informazzjoni u b'mod partikulari l-iżvilupp ta' l-Internet saħħew il-livell ta' għarfien tal-pazjenti u żviluppaw il-kapaċità tagħhom li jiddiskutu u jressqu mistoqsijiet lill-professjonisti. F'ċerti każijiet il-pazjenti jkunu jafu ħafna fuq il-marda u dan għandu jiġi kkunsidrat. Kultant dan l-għarfien jixraqlu li jiġi kkunsidrat mill-professjonisti tal-kura.

    1.5

    B'mod ġenerali, l-aspettativi tal-pazjenti vis-à-vis il-professjonisti mhumiex limitati biss għall-aspetti tekniċi tal-kura imma jirrigwardaw ukoll aspetti soċjali u umani.

    1.6

    Barra minn hekk, min jgħix għal tul ta' żmien b'marda jew diżabilità jkollu ħtiġijiet u aspettativi ġodda. L-isfida għall-kura tinbidel ukoll u ma tibqax kwistjoni li għandu jinsab bilfors fejqan għall-marda imma li l-pazjent jitgħallem jgħix bil-marda fi sforz kontinwu kontra l-uġigħ.

    Dan kollu jwassal sabiex il-marid jieħu parti dejjem aktar attiva fil-kura li jirċievi, b'aspettativi u ħtiġijiet dejjem ġodda.

    1.7

    Din l-evoluzzjoni tal-ħtiġijiet u ta' l-aspettativi tal-popolazzjoni fir-rigward tal-kura tagħmel parti minn bidla usa' fis-soċjetà li għandha l-iskop li tippromovi mudell ibbażat fuq ir-rispett għall-awtonomija ta' l-individwu u l-affermazzjoni tad-drittijiet tiegħu.

    1.8

    Dawn il-fatturi kollha jwasslu sabiex jintemm il-mudell paternalist ta' l-interazzjoni bejn it-tobba u l-pazjenti; dan jeħtieġ li r-rwol tal-pazjent fl-interazzjoni tiegħu mas-sistema jiġi meqjus b'mod differenti u jimplika l-affermazzjoni u l-implimentazzjoni ta' dmirijiet u drittijiet ġodda.

    1.9

    L-iskop ta' din l-Opinjoni huwa speċifikament li jikkonċentra fuq id-drittijiet tal-pazjenti, i.e. tal-persuni li jagħmlu rikors dirett jew indirett għas-sistema tal-kura, ikunux b'saħħithom jew morda, skond id-definizzjoni ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

    2.   Kuntest

    2.1

    L-iżviluppi fil-mediċina, il-bidliet fil-ħtiġijiet tas-saħħa u ta' l-aspettativi ta' l-individwi jwasslu sabiex l-individwu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-ħajja tiegħu, u dan ma jimplikax biss li wieħed jinteressa ruħu fl-individwu nnifsu, imma wkoll fl-ambjent familjali tiegħu, kemm dak tax-xogħol kif ukoll tal-ħbiberiji. Li wieħed jgħix bil-marda jfisser li tiġi kkunsidrata d-dimensjoni tal-kwalità tal-ħajja u dan jeħtieġ l-intervent ta' għadd ta' professjonisti u mhux biss dawk tal-korp mediku.

    2.2

    Filwaqt li t-tabib għad għandu rwol fundamentali fil-kura ta' l-individwu, il-kunċett ta' relazzjoni personali jrid jiġi integrat fil-funzjonament tas-sistema, jiġifieri bħala parti integrali tal-korp kollu tal-professjonisti tas-saħħa u dawk tal-qasam mediku u soċjali.

    2.2.1

    Il-pazjent għandu fiduċja fil-professjonisti tas-saħħa u għalhekk it-tobba u l-infermiera jridu jqisu l-imġiba tiegħu sabiex ikunu jistgħu jadattaw il-kliem tagħhom, il-kura u l-ispjegazzjoni tagħha. Dan il-proċess interattiv huwa bbażat fuq is-smigħ, id-djalogu u l-kura u jippermetti li tinbena r-relazzjoni b'saħħitha meħtieġa sabiex wieħed jiġġieled kontra l-marda.

    2.2.2

    Għalhekk, sa mill-bidu nett l-attitudni medika għal dawn il-kwistjoniiet għandha tkun li titfassal proċedura tabilħaqq soċjali, u li, lil hinn mill-attività teknika rigoruża indispensabbli, tissodisfa x-xewqa tal-popolazzjoni li jkollha kura komprensiva adattata għal kull individwu.

    2.2.2.1

    It-tim mediku u soċjali jrid ikun kapaċi jagħti parir lill-pazjent mingħajr ħsara għar-responsabbiltà tiegħu. It-tim għandu jkun hemm biex jikkura, jinforma u jappoġġja lill-pazjent. Għandu jelabora strateġija terapewtika bbażata fuq l-analiżi tas-sintomi u r-relazzjoni stabbilita mal-pazjent. Għalhekk, il-pazjent għandu d-dritt leġittimu li jinstema' b'mod personalizzat bil-għan li tiġi proposta l-aktar kura xierqa kemm fil-livell tekniku kif ukoll f'dak psikoloġiku.

    2.2.3

    Ir-riżultat tal-ġlieda kontra l-marda u l-għażla ta' l-aħjar tip ta' kura jiddependu ħafna mir-relazzjonijiet bejn il-pazjent u l-professjonisti mediċi li jikkurawh. Ir-riżultat huwa importanti għall-istaff mediku daqskemm huwa importanti għall-pazjenti. Dan jimplika li għandu jkun hemm lok għall-medjazzjoni sabiex ikunu jistgħu jitqiesu il-fatturi soċjali (il-ħajja tax-xogħol, il-finanzi, l-għarfien tad-drittijiet, eċċ.) u l-implikazzjonijiet tal-ħajja affettiva u familjali. F'dan il-kuntest, il-membri tal-familja u dawk qrib il-pazjent għandhom rwol fundamentali.

    2.3

    Għalhekk, ta' min jikkunsidra l-vantaġġi ta' laqgħa bejn organizzazzjoni tal-pazjenti u organizzazzjoni ta' professjonisti tas-saħħa.

    2.3.1

    Xi wħud jilmentaw dwar it-telf ta' fiduċja li jirriżulta mit-tmiem tar-relazzjoni personali bejn it-tabib u l-pazjent kif mifhuma tradizzjonalament, iżda dan l-iżvilupp għandu jitqies aktar bħala transizzjoni minn fiduċja għamja għal fiduċja msejsa fuq proċess ta' interazzjoni u skambju bejn l-individwu, il-persuni qrib tiegħu u l-professjonisti tas-saħħa.

    3.   Drittijiet inaljenabbli

    3.1

    L-affermazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti hija msejsa fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-iskop tagħha huwa li tippromovi l-awtonomija aħħarija tagħhom. Għalhekk hemm interkonnessjoni bejn dawn id-drittijiet. Il-Karta Ewropea tad-Drittijiet tal-Pazjent imfassla fl-2002 mill-Active Citizenship Network tiddikjara 14-il dritt li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja u jirrikonoxxi. Il-KESE jikkunsidra li tlieta minnhom huma ta' natura orizzontali jew huma kondizzjoni għal drittijiet oħrajn.

    3.2   Id-dritt għall-informazzjoni

    3.2.1

    L-informazzjoni tikkonċerna primarjament lill-pazjent li qiegħed jiġi trattat. L-informazzjoni għandha tipprovdi dettalji dwar il-marda, l-iżvilupp possibbli tagħha, it-trattamenti possibbli bil-benefiċċji u r-riskji assoċjati magħhom, l-istabbilimenti tal-kura tas-saħħa jew tal-professjonisti li jagħtu din il-kura, l-impatt tal-marda u tat-trattamenti fuq il-ħajja tal-pazjent. Dan huwa saħansitra aktar importanti f'sitwazzjonijiet ta' mard kroniku, ta' dipendenza, ta' diżabilità u ta' trattamenti fit-tul li jinvolvu l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-ħajja ta' kuljum tal-pazjent u tal-qraba u l-ħbieb tiegħu.

    3.2.1.1

    Il-prevenzjoni hija element ewlieni tat-titjib tal-livell ta' saħħa tal-poplu. Minbarra l-kampanji ta' informazzjoni/ta' sensibilizzazzjoni, għandhom jiġu implimentati wkoll sistemi adattati ta' testijiet u stabbilimenti tal-kura.

    3.2.2

    L-informazzjoni m'għandhiex tkun l-għan aħħari fiha nnifisha iżda għandha tkun mezz li jippermetti lill-persuna li tagħmel għażliet ħielsa u ċari. Għalhekk, il-modi ta' trasmissjoni ta' l-informazzjoni huma importanti daqs l-informazzjoni nnifisha. Huma parti minn proċess li jagħmel użu minn sorsi differenti ta' informazzjoni, inklużi l-Internet u s-servizzi ta' għajnuna bit-telefon imħaddma minn assoċjazzjonijiet u li permezz tagħhom il-pazjent ikun jista' jikkomunika ma' firxa wiesgħa ta' professjonisti, li kull wieħed minnhom għandu r-rwol tiegħu x'jaqdi. It-trasmissjoni orali ta' l-informazzjoni hija fundamentali. Regolarment, it-tabib għandu jiżgura li l-persuna qiegħda tifhem il-fatti relatati mal-każ tagħha u li l-pazjent huwa sodisfatt bil-kura li jkun qiegħed jirċievi.

    3.2.3

    Barra minn hekk, indipendentement mill-persuna kkonċernata, qrabatha għandhom ikunu kkunsidrati fil-proċess ta' informazzjoni, speċjalment jekk il-pazjent ikun minuri, persuna anzjana dipendenti, eċċ. Ovvjament, l-ammont ta' informazzjoni pprovduta lill-familja jew ħbieb tal-marid jiddependi mill-istat tas-saħħa u mill-kapaċitajiet tal-pazjent li jiddeċiedi għalih innifisu.

    3.2.3.1

    Il-pazjenti kollha għandhom ikunu informati bil-lingwa tagħhom u l-inkapaċitajiet speċifiċi għandhom ikunu kkunsidrati.

    3.2.4

    Kunsens informat u aċċettazzjoni informata tar-riskji involuti biss jistgħu jkunu validi. L-informazzjoni tibqa' r-riżultat ta' rabta bejn il-pazjent u t-tabib fejn għandhom ikunu meqjusa biss l-kunsiderazzjonijiet li huma fl-akbar interess tal-pazjent u tal-benesseri tiegħu.

    3.2.5

    Dan l-aċċess għal informazzjoni personalizzata huwa pass indispensabbli lejn it-tnaqqis ta' l-inugwaljanzi relatati mal-problemi tas-saħħa, mal-mard, mal-provvediment ta' kura u ma' l-aċċess imtejjeb għas-sistema tas-saħħa għaċ-ċittadini kollha.

    Ikun aħjar jekk l-informazzjoni dwar l-istat ta' saħħa tal-persuna, id-dijanjożi u t-terapija u r-riżultati konsegwenti jkunu miżmuma f'“fajl mediku”. L-aċċess għall-fajl direttament mill-pazjent jew permezz ta' tabib intermedjarju ta' l-għażla tiegħu, skond ix-xewqat tal-pazjent, huwa parti mill-informazzjoni u l-awtonomija tal-pazjent. Madankollu, l-isforzi kollha mmirati lejn iktar informazzjoni u trasparenza għandhom jiżguraw, permezz ta' qafas legali, li l-iproċessar ta' informazzjoni ta' natura medika ma jintużax għal skopijiet differenti minn dawk stabbiliti. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-informazzjoni elettronika u dik li tintbagħat barra mill-pajjiż, sabiex ma tasalx f'idejn żbaljati.

    3.2.6

    Hemm bżonn li tkun żviluppata l-informazzjoni dwar is-sistema tas-saħħa sabiex din tkun aktar aċċessibbli u trasparenti. Fil-fatt, il-pazjenti li għandhom numru ta' persuni li jikkurawhom jistgħu jħossu l-awtonomija tagħhom imsaħħa jew għall-kuntrarju jsiru totalment dipendenti fuq it-tabib tagħhom, skond kemm ikunu jafu u jifhmu kif taħdem is-sistema. Ir-riskju għalhekk huwa li jitfaċċaw talbiet inkonvenjenti min-naħa ta' l-utenti.

    3.3   Dritt għall-kunsens ħieles u informat

    3.3.1

    Id-dritt tal-pazjenti li jipparteċipaw f'deċiżjonijiet li jaffettwawhom għandu jkun affermat. Dan ma jfissirx it-trasferiment tar-responsabbiltà mit-tabib għall-pazjent iżda jfisser il-prospett li dawn jikkomunikaw f'alleanza terapewtika, filwaqt li kull wieħed minnhom iżomm il-pożizzjoni tiegħu bid-drittijiet u l-qasam ta' responsabbiltà tiegħu.

    3.3.1.1

    Il-kunsens tal-pazjent ma japplikax awtomatikament għall-azzjonijiet mediċi kollha tal-futur. Il-kunsens ma jingħatax darba għal dejjem, iżda għandu jiġġedded qabel kull azzjoni medika jew kirurġika importanti.

    Il-kunsens tal-pazjent informat b'dan il-mod għandu jkun espliċitu, jiġifieri għandu jingħata b'mod oġġettiv. Wara li tkun ingħatat l-informazzjoni mitluba, il-pazjent jista' jaċċetta jew jirrifjuta l-azzjoni proposta.

    Fir-rigward tad-donazzjoni ta' l-organi waqt li d-donatur ikun għadu ħaj, għandha tingħata attenzjoni ikbar lill-informazzjoni dwar ir-riskji.

    3.3.1.2

    Meta jkun qiegħed jiġi ppruvat trattament ġdid, il-prinċipji implikati meta jkun qiegħed jintalab il-kunsens tal-marid għall-kura medika kif ukoll għar-riċerka fiha nnifisha huma l-istess. Għandha tkun irrispettata l-libertà tal-pazjent u dawn il-prinċipji għandhom ikollhom l-istess objettiv: ir-responsabbiltà u l-fiduċja komuni.

    3.3.1.3

    Rigward it-testijiet kliniċi, inklużi dawk li jinvolvu persuni li mhumiex morda, hemm bżonn ta' approċċ pedagoġiku partikulari. Dan l-approċċ li għandu jkun konformi ma' kriterji stabbiliti sew, jista' jiġi kkunsidrat biss jekk teżisti xewqa qawwija ta' kooperazzjoni akkumpanjata minn evidenza ta' kunsens assolut.

    3.3.1.4

    F'emerġenza, għandhom jiġu kkunsidrati ċerti eċċezzjonijiet għal din ir-regola; għandu jkun hemm preżunzjoni tal-kunsens tal-pazjent li jiġi kkonfermat meta jkun reġa' kiseb il-kapaċitajiet tiegħu li jieħu deċiżjoni.

    3.3.1.5

    Il-pazjent għandu jkollu l-possibbiltà li jaħtar persuna sabiex tirrappreżentah fil-każ li jsib ruħu inkapaċi li jesprimi l-preferenzi tiegħu.

    3.3.1.6

    Fil-każ tat-tfal u tal-persuni minuri li huma morda, malli jiksbu ċertu livell ta' indipendenza personali jew il-kapaċità li jieħdu deċiżjoni, għandhom ikunu kkonsultati fir-rigward ta' azzjonijiet mediċi żgħar. L-involviment tat-tfal fl-edukazzjoni dwar is-saħħa mill-aktar età bikrija possibbli jgħin sabiex ċerti sitwazzjonijiet ikunu inqas drammatizzati u sabiex titjieb il-kooperazzjoni mal-pazjenti żgħar.

    3.4   Dritt għad-dinjità

    3.4.1

    Taħt dan it-titolu, għandu jkun inkluż id-dritt għall-privatezza, id-dritt għat-tnaqqis ta' l-uġigħ, id-dritt li wieħed imut b'dinjità, il-protezzjoni ta' l-integrità tal-ġisem tal-bniedem, ir-rispett għall-ħajja privata tiegħu u l-prinċipju tan-non diskriminazzjoni.

    3.4.1.1

    Kull ċittadin għandu dritt għall-kunfidenzjalità ta' l-informazzjoni dwar saħħtu, tad-dijanjożi li tkun saritlu u tat-trattament ipprovdut, kif ukoll għar-rispett tal-privatezza waqt testijiet, konsulti u trattamenti mediċi jew kirurġiċi. Dan id-dritt fundamentali jirrikjedi li l-pazjent ikun trattat b'rispett u li ma jsofrix minn rimarki u attitudni dispreġjativi min-naħa ta' l-istaff mediku.

    3.4.1.2

    Il-mard, id-diżabilità u d-dipendenza jdgħajfu lill-individwi. Aktar ma jħossuhom dgħajfin, inqas iħossuhom kapaċi li jitolbu livell minimu ta' rispett għalihom innifishom. Għalhekk, hija r-responsabbiltà tal-professjonisti li jkunu aktar attenti li jirrispettaw lill-persuni li huma partikolarment dgħajfin minħabba l-marda u/jew id-diżabilità tagħhom.

    3.4.1.3

    Ir-rikonoxximent ta' l-importanza tal-ħin iddedikat lill-konsulta, sabiex wieħed jisma' x'għandu xi jgħid il-pazjent, sabiex ikunu spjegati d-dijanjożi u t-trattament kemm fi sptar kif ukoll fi stabbilimenti oħra, huwa parti mir-rispett li għandu jingħata lill-morda. Dan l-investiment fil-ħin jgħin sabiex tissaħħaħ l-alleanza terapewtika u jiġi ffrankat il-ħin f'mumenti oħra. Il-kura tas-saħħa tfisser li wieħed jiddedika l-ħin lill-pazjent.

    3.4.1.4

    Dan japplika l-aktar għal dawk il-persuni li diġà jbatu min-nuqqas ta' rikonoxximent soċjali: il-persuni anzjani, il-persuni li għandhom sitwazzjoni soċjali prekarja, il-persuni li jsofru minn diżabilità fiżika, psikoloġika jew mentali, eċċ.

    3.4.1.5

    F'każijiet terminali jew fejn pazjent ikun qiegħed jingħata trattamenti partikolarment diffiċli, l-istaff għandu jkun aktar attent. Ir-rispett għall-pazjent u d-dritt tiegħu li jmut bid-dinjità jinkiseb billi jiġi pprovdut aċċess għal kulħadd għall-kura paljattiva maħsuba biex tnaqqas l-uġigħ u żżomm ċerta kwalità tal-ħajja billi jiġi ggarantit id-dritt tal-pazjent li jagħmel l-għażliet tiegħu sa l-aħħar ta' ħajjitha. Fost affarijiet oħra dan ifisser id-disponibilità ta' prokura li tiggarantixxi li x-xewqat tal-pazjent ikunu magħrufa sa meta jmut.

    3.4.1.6

    Il-metodi għat-tnaqqis ta' l-uġigħ għandom jiġu żviluppati permezz ta' l-applikazzjoni ta' mezzi effettivi, l-aċċess għal stabbilimenti speċjalizzati, l-informazzjoni u t-taħriġ għall-professjonisti tas-saħħa, l-informazzjoni tal-pazjenti u l-familji u l-ħbieb tagħhom billi għandu jkun irrispettat id-dritt ta' kull persuna li tirċievi kura li ttaffi l-uġigħ.

    3.4.1.7

    Ir-rekwiżit li persuna tiġi ttrattata b'rispett ma jieqafx japplika wara mewtha. Dan jimplika li għandu jiġi żgurat li meta tmut persuna li kienet fi sptar, il-familja u l-ħbieb tagħha u l-professjonisti tas-saħħa li kkurawha fl-aħħar ta' ħajjitha jirċievu appoġġ psikoloġiku xieraq u li x-xewqat u t-twemmin tal-persuna li tkun mietet ikunu rispettati strettament.

    3.5

    Ċerti drittijiet individwali għandhom jiġu applikati bħala parti mill-inizjattiva tas-saħħa pubblika; dan jeħtieġ reazzjoni mis-sistema fl-organizzazzjoni attwali tagħha.

    3.5.1

    Dritt għall-aċċess għall-kura għal kulħadd ifisser mhux biss aċċess għad-drittijiet u għall-protezzjoni soċjali iżda għall-firxa sħiħa tas-servizzi tal-kura tas-saħħa mingħajr diskriminazzjoni tal-persuna minħabba s-sitwazzjoni soċjali jew ekonomika tagħha. Dan mhux parti mill-ftuħ tas-settur tas-saħħa iżda politika tas-saħħa pubblika proattiva, b'kunsiderazzjoni li l-implimentazzjoni prattika ta' dan id-dritt tista' tvarja ħafna minn pajjiż għal ieħor, skond il-forom ta' ffinanzjar li jeżistu f'kull pajjiż.

    3.5.2

    Dritt għall-kura ta' kwalità għolja: kull persuna, skond l-istat ta' saħħitha, għandha d-dritt li tirċievi l-kura tas-saħħa l-aktar xierqa u li tibbenefika mill-aħjar terapiji u trattamenti mediċi li joffru l-aħjar bilanċ bejn in-nefqa u l-effettività (il-promozzjoni ta' mediċini ġeneriċi). Id-dritt għall-kura ta' kwalità għolja jimplika wkoll id-dritt għal screening u edukazzjoni terapewtika, li jitolbu investiment fir-riżorsi u fil-fondi u d-disponibilità ta' professjonisti mħarrġin b'mod adegwat.

    3.5.3

    Dritt għall-prevenzjoni u għas-sikurezza tal-kura: iċ-ċittadini jridu li s-sistema tas-saħħa tkun mibnija madwar u għall-poplu. Huma jixtiequ jkunu jafu aktar dwar l-istrateġiji terapewtiċi proposti, jipparteċipaw fuq livell personali jew kollettiv fl-isforzi għal prevenzjoni u jiżguraw li l-għażliet soċjali, l-imġiba u l-konsum ma jagħmlux ħsara lis-saħħa.

    4.   Rakkomandazzjonijiet għall-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti

    4.1

    L-affermazzjoni u l-applikazzjoni ta' dawk id-drittijiet huma sorsi ta' tħassib għal ħafna professjonisti u pazjenti, għal min ifassal il-politika tas-saħħa u għall-assoċjazzjonijiet ta' l-utenti. Hemm bżonn li tispiċċa l-konfrontazzjoni bejn id-drittijiet ta' wieħed u d-dmirijiet ta' l-oħrajn. Ir-rispett għad-drittijiet tal-pazjenti jqassam l-obbligazzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-professjonisti u jerġa' jibbilanċjahom.

    4.1.1

    Billi l-istaff mediku ma jkollux jiddeċiedi waħdu dwar il-futur tal-persuni, huwa ma jkollux jerfa' r-responsabbiltà waħdu.

    4.2

    Fl-interess komuni, hija r-responsabbiltà kollettiva tagħna li ngħinu lill-professjonisti jirrispondu għal dawn l-aspettattivi billi:

    jiġu integrati fit-taħriġ tagħhom l-aspetti etiċi, ir-rispett għall-persuna u d-drittijiet tagħha, sabiex jifhmu d-dinamiki involuti u l-implikazzjonijiet li jirriżultaw minnhom u b'hekk ma jarawx id-drittijiet tal-pazjenti bħala rbit żejjed;

    jitwaqqfu postijiet għal diskusjonijiet u laqgħat bejn il-professjonisti u bejn il-professjonisti u l-utenti;

    jinħolqu modi ġodda kif titwassal l-informazzjoni lill-morda billi jkunu involuti l-parteċipanti ewlenin kollha tas-sistema tas-saħħa;

    jiġu żviluppati proċeduri pedagoġiċi dwar kif wieħed għandu jitratta l-kunsens, li jwasslu għal alleanza terapewtika;

    jitfasslu u jinxterdu kunċetti ġodda ta' organizzazzjoni u pedagoġija, sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun il-piż psikoloġiku fuq it-tfal li jirriżulta mit-trattament mediku u b'mod speċjali minn soġġorn fl-isptar;

    jitwaqqfu kumitati għall-etika klinika fl-istabbilimenti tal-kura tas-saħħa li jippermettu l-appoġġ għall-professjonisti u r-rispett għad-drittijiet tal-morda;

    jiġu inklużi l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kodiċi ta' etika u l-kodiċi ta' kondotta għall-professjonisti;

    jiġi ffaċilitat il-mod kif taħdem is-sistema mill-utenti filwaqt li jissaħħu l-pożizzjoni u r-rwol tal-professjonisti tas-saħħa b'mod ġenerali;

    jitfasslu forom ġodda ta' prattika kollettiva li jinvolvu t-tobba u l-professjonisti l-oħra tas-saħħa:

    il-prattiki fi gruppi, ċentri mediċi tas-saħħa;

    ir-rabtiet bejn il-professjonisti mediċi u soċjali;

    jiġu kkunsidrati mill-ġdid ir-rwol tal-pazjenti, ta' l-utenti, tal-konsumaturi, tal-familja u taċ-ċittadini permezz ta':

    l-integrazzjoni tar-rappreżentanti ta' l-utenti f'entitajiet rappreżentattivi;

    ir-rikonoxximent tar-rwol ta' ċerti assoċjazzjonijiet fl-edukazzjoni terapewtika, il-prevenzjoni, l-informazzjoni lill-morda, eċċ.;

    l-iżvilupp ta' rabtiet bejn l-istrutturi ta' l-assoċjazzjonijiet u l-entitajiet professjonali, eċċ.;

    l-għoti lill-assoċjazzjonijiet tal-mezzi sabiex iwettqu l-attivitajiet tagħhom u jwasslu l-opinjoni tagħhom (taħriġ, leave tar-rappreżentazzjoni, eċċ.);

    il-ħolqien ta' spazji newtrali u konvivjali fl-isptarijiet fejn il-pazjenti jkunu jistgħu jesprimu t-tħassib tagħhom u jippreparaw diskussjonijiet mal-professjonisti bl-appoġġ ta' l-assoċjazzjonijiet ta' l-utenti;

    l-involviment ta' l-assoċjazzjonijiet fuq l-istess livell tal-professjonisti fl-analiżi ta' l-ilmenti u fid-definizjoni tal-modi kif tista' tittejjeb il-kwalità tal-kura.

    5.   Konklużjoni: lejn affermazzjoni tad-drittijiet kollettivi

    5.1

    Kemm se jkunu effettivi d-drittijiet individwali ser jiddependi mir-reazzjonijiet kollettivi li jappoġġjaw din l-inizjattiva. Għalhekk, hemm bżonn li ssir ħidma għall-adozzjoni tad-demokrazija tas-saħħa, li tinkludi l-involviment kollettiv ta' l-utenti u r-rappreżentanza tagħhom f'partijiet differenti tas-sistema.

    5.2

    Id-drittijiet tal-pazjent huma fost affarijiet oħra espressjoni tad-drittijiet tal-bniedem, iżda fl-ebda każ ma huma kategorija separata. Huma l-manifestazzjoni tax-xewqa li l-ebda pazjent ma jrid ikun ikkunsidrat differenti u fuq kollox bħala persuna emarġinata tas-soċjetà.

    5.2.1

    Hemm bżonn li jkun rikonoxxut li l-utenti tas-sistema tal-kura tas-saħħa qegħdin isemmgħu aktar l-opinjonijiet tagħhom dwar il-kundizzjonijiet tal-kura tas-saħħa fuq il-bażi ta' l-esperjenzi tagħhom stess u għax dejjem qegħdin jirċievu aktar informazzjoni.

    5.3

    Għalhekk, ikun xieraq li wieħed jindirizza l-pożizzjoni tal-pazjent fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lilu fl-interess tat-trasparenza tal-proċeduri u r-rispett għall-individwi.

    5.4

    Il-kwistjoni hawnhekk mhix l-adozzjoni ta' approċċ legali-konsumerista iżda aktar ir-rikonoxximent li l-pazjent huwa matur biżżejjed sabiex jipparteċipa fid-deċiżjonijiet li jaffettwawh fuq il-bażi tar-rispett għad-drittijiet tiegħu.

    5.5

    Li l-utenti u r-rappreżentanti tagħhom ikollhom il-possibilità li jagħtu l-opinjoni tagħhom hija sitwazzjoni dejjem aktar meħtieġa minħabba li l-kwistjonijiet dwar is-saħħa qegħdin imorru dejjem aktar lil hinn mis-settur tas-saħħa nnifsu għal oqsma bħall-metodi ta' produzzjoni, l-istil ta' ħajja, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-ħarsien ta' l-ambjent, eċċ. Dan jimplika għażliet soċjali, ekonomiċi u etiċi li għalhekk ma jistgħux ikunu r-responsabbiltà unika tal-professjonisti tas-saħħa.

    Brussell, is-26 ta' Settembru 2007.

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Dimitris DIMITRIADIS


    (1)  Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, testi adottati mill-Kunsill ta' l-Ewropa, liġi Franċiża nru. 2002-2003 ta' l-4 ta' Marzu 2002.


    Top