Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0738

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Is-sitwazzjoni tal-persuni b'diżabilità fl-Unjoni Ewropea: il-pjan ta’ azzjoni Ewropew 2008-2009 {SEC(2007)1548}

/* KUMM/2007/0738 finali */

52007DC0738

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Is-sitwazzjoni tal-persuni b'diżabilità fl-Unjoni Ewropea: il-pjan ta’ azzjoni Ewropew 2008-2009 {SEC(2007)1548} /* KUMM/2007/0738 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 26.11.2007

KUMM(2007) 738 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Is-sitwazzjoni tal-persuni b'diżabilità fl-Unjoni Ewropea: il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew 2008-2009 {SEC(2007)1548}

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Is-sitwazzjoni tal-persuni b'diżabilità 3

2.1. Fatti u ċifri 3

2.2. Id-dimensjoni ekonomika li qed tikber 3

3. Il-kisbiet ta' l-UE fil-Pjan ta' Azzjoni għad-Diżabilità għall-2006-2007 4

3.1. Il-Komunità u l-Istati Membri jaġixxu flimkien 4

3.2. Azzjonijiet fuq livell ta' UE 4

3.3. Żviluppi fuq livell nazzjonali 7

4. Prijoritajiet għall-2008-2009 7

4.1. Azzjonijiet għal parteċipazzjoni inklużiva permezz ta' l-aċċessibbiltà 8

4.2. Azzjonijiet lejn tgawdija sħiħa tad-drittijiet fundamentali 10

5. Konklużjonijiet 11

ANNESSI

1. INTRODUZZJONI

L-għan ta' l-istrateġija tal-Kummissjoni għall-bżonnijiet b'diżabilità mill-2003[1] kienet li tagħmel l-opportunitajiet ugwali għal persuni b'diżabilità, realtà. Billi ffirmaw b'mod konġunt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'diżabilità [2] (il-Konvenzjoni tan-NU) fl-2007, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha ikkonfermaw l-opinjoni tagħhom li d-diżabilità hija kwistjoni wiesgħa tad-drittijiet tal-bniedem[3] u materja tal-liġi.

Il-Pjan ta' Azzjoni ta' l-UE għall-Bżonnijiet Speċjali (DAP) 2003-2010 jipprovdi l-mezz għall-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija billi kwistjonijiet tad-diżabilità jsiru parti mill-politika kollha relavanti ta' l-UE. Aktar minn hekk, l-Istati Membri qed jimplimentaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' l-2003 li jistednuhom biex b'mod proattiv kwistjonijiet ta' persuni b'diżabilità jinġiebu fl-oqsma relevanti tal-politika[4].

Id-DAP huwa żviluppat f'fażijiet ta' sentejn bi prijoritajiet ta' politika li jirrispondu għan-nuqqasijiet fl-ugwaljanza li jiffaċċjaw persuni b'diżabilità . L-għan ta' din il-Komunikazzjoni preżenti huwa li:

a) tanalizza l-iżvilupp fis-sitwazzjoni tal-persuni b'diżabiltà;

b) tirrapporta dwar il-kisbiet tat-tieni fażi tad-DAP 2006-2007;

c) tiddefenixxi l-prijoritajiet għall-2008-2009 biex jintlaħqu l-għanijiet tad-DAP.

2. IS-SITWAZZJONI TAL-PERSUNI B'DIżABILITÀ

2.1. Fatti u ċifri

Analiżi ta' l-aktar data riċenti[5] (l-Anness 1) jikkonferma l-korrelazzjoni qawwija bejn id-diżabilità u l-età. Dan juri wkoll li persuni b'diżabilità qed ikomplu jiġu esklużi b'mod sproporzjonat mis-suq tax-xogħol u li s-sitwazzjoni tan-nisa b'diżabilità hija agħar minn dik ta' l-irġiel b'diżabilità (l-Anness 2). Aktar minn hekk, persuni b'diżabilitajiet tat-tagħlim jew intellettwali għandhom anqas ċans li jsibu xogħol minn dawk b'diżabilitajiet fiżiċi.

2.2. Id-dimensjoni ekonomika li qed tikber

L-esklużjoni ta' persuni b'diżabilitajiet mis-suq tax-xogħol hija ta' tħassib serju, mill-perspettiva ta' opportunitajiet ugwali. Hemm ukoll dimensjoni ekonomika għal din il-problema: minħabba l-forza tax-xogħol li qed tonqos dovuta għall-bidla demografika, il-Kunsill Ewropew[6] tar-Rebbiegħa ta' l-2006 issottolinea l-bżonn li jsir l-aħjar użu minn persuni potenzjali li huma esklużi mis-suq tax-xogħol u identifika l-persuni b'diżabilità bħala wieħed mill-gruppi ewlenin ta' prijorità.

Dan, flimkien mal-korrelazzjoni bejn l-età u d-diżabilità, joħloq domanda qawwija għall-aċċessibilità[7]. Is-sinifikat ekonomiku tas-suq għall-prodotti aċċessibbli qed jiżdied u sar mutur għall-innovazzjoni, speċjalment fl-Istati Uniti u l-Ġappun f'oqsma bħall-ICT. Il-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Uniti li tobbliga l-kundizzjonijiet ta' l-aċċessibbiltà fil-kuntratti pubbliċi tiffaċilita l-akkomodazzjoni ta' ħaddiema federali b'diżabilità. L-aċċessibbiltà tista' tagħmel differenza bejn li persuna diżabbli tkun attiva fis-suq tax-xogħol jew inkella dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali.

Is-settur tas-servizzi soċjali ukoll qed jikber, qed joħloq impjiegi ġodda biex jilħaq id-domandi li qed jiżdiedu ta' popolazzjoni li qed tixjieħ. Fl-2004, is-settur li jipprovdi s-servizzi lil persuni b'diżabiltajiet impjega aktar minn 8 miljun persuna, u rreġistra fatturat annwali ta' madwar € 68 000m għall-UE27[8], u ċ-ċifri huma mistennija li jiżdiedu[9].

3. IL-KISBIET TA' L-UE FIL-PJAN TA' AZZJONI GħAD-DIżABILITÀ GħALL-2006-2007

3.1. Il-Komunità u l-Istati Membri jaġixxu flimkien

L-istrateġija komuni Ewropea għad-diżabilità kellha impatt qawwi fuq il-kontenut tal-Konvenzjoni tan-NU, li tagħraf id-diżabilità bħala kunċett li qed jevolvi, u għalhekk jirrifletti l-mudell soċjali Ewropew tad-diżabilità. Aktar minn hekk, l-elementi ewlenin ta' l-istrateġija ta' l-UE, li tgħaqqad in-nuqqas ta' diskriminazzjoni, l-opportunitajiet ugwali u l-inklużjoni attiva, huma l-qalba tal-Konvenzjoni tan-NU.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni qablu f'laqgħa ministerjali informali dwar kwistjonijiet tad-diżabilità f'Ġunju 2007 biex jaħdmu, flimkien mas-soċjetà ċivili, fuq strateġija koerenti u koordinata għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU. Huma qablu li l-Grupp ta' Livell Għoli ta' l-UE għad-Diżabilità għandu jidentifika sfidi komuni u soluzzjonijiet biex jilħquhom u jirrappurtaw il-progress fil-laqgħat futuri ministerjali dwar id-diżabilità.

3.2. Azzjonijiet fuq livell ta' UE

Id-DAP ta' l-2006-2007 iffoka fuq erba' oqsma biex jippromwovi l-għixien indipendenti: jinkoraġġixxi l-attività (ekonomika), appoġġ ta' kwalità u servizzi ta' kura, aċċessibbiltà għall-oġġetti u s-servizzi komuni għal kulħadd, u żieda fil-kapaċità analitika ta' l-UE[10].

- Ninkoraġġixxu l-attività

Parteċipazzjoni baxxa ta' persuni b'diżabiltà fis-suq tax-xogħol tista' tkun dovuta kemm għall-ostakoli diskriminatorji kif ukoll non-diskriminatorji. Dan isejjaħ għal għaqda ta' strumenti biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni, jipprovdu appoġġ attiv u jneħħu l-barrieri ta' l-aċċessibbiltà.

Id-Direttiva dwar l-Impjegar Ugwali[11] ġiet trasposta fil-liġijiet nazzjonali fl-Istati Membri kollha u rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha jkun lest kmieni fl-2008. Is-Sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-kunċett tad-diżabilità[12] enfasizza d-differenzi bejn il-mard u d-diżabilità fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Hemm sentenza pendenti dwar id-diskriminazzjoni b'assoċjazzjoni fuq dawk li jieħdu ħsieb persuni b'diżabilità[13].

Il-Kummissjoni qed tiffinalizza regolament[14] ta' eżenzjoni għall-għajnuna ta' l-istat li jissimplifika r-regoli dwar l-impjegar u l-għajnuniet fit-taħriġ għal persuni b'diżabilità u jeżenta ċerti skemi ta' għajnuna min-notifika ta' qabel lill-Kummissjoni.

Il-Politika ta' Koeżjoni għandha rwol importanti fl-appoġġ ta' l-inklużjoni soċjali u l-impjegar ta' persuni b'diżabilità, kif ukoll aċċessibilità, permezz tal-programmi operattivi mħejjija u implimentati mill-Istati Membri, reġjuni u sħubiji usa' f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, u ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (l-ERDF) u l-Fond Soċjali Ewropew (l-ESF). Ir-Regolament Ġenerali għall-perjodu 2007-2013 jipprevedi li 'l-aċċessibbiltà għall-persuni b'diżabilità għandha tkun wieħed mill-kriterji li jridu jiġu osservati fid-definizzjoni ta' l-operazzjonijiet ko-finanzjati mill-Fondi u li jridu jiġu kkunsidrati matul l-istadji varji ta' l-implimentazzjoni[15].

- Aċċess għal kura ta' kwalità u servizzi ta' appoġġ

Il-Grupp ta' Livell Għoli dwar id-Diżabilità (D-HLG)[16] ħareġ dokument fejn jindika l-pożizzjoni tiegħu dwar il-mainstreaming tad-diżabilità taħt il-Metodu Miftuħ ta' Koodinazzjoni (OMC) dwar l-inklużjoni soċjali, il-ħarsien soċjali u l-kura fuq perjodu ta' żmien twil. Dan jindirizza l-prattiċi tajba u jagħmel rakkomandazzjonijiet għal strateġija koerenti permezz ta' mainstreaming imsaħħaħ fuq livell nazzjonali. Ir-riskji speċifiċi tad-diskriminazzjoni li jaffaċċjaw persuni b'diżabilità b'sitwazzjoni ta' dipendenza għolja jew bi bżonnijiet kumplessi bħalissa huma s-suġġett ta' l-istudju[17].

Id-D-HLG qabel dwar qafas prattiku fuq livell ta' UE għal kwalità fis-Servizzi Soċjali ta' Interess Ġenerali (SSGI)[18] għal persuni b'diżabilità, bażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u mmaniġġjar totali ta' kwalità. Il-qafas jipprovdi ftehim ta' xi tfisser kwalità f'dawn is-servizzi u jiddefinixxi fatturi komuni u kriterji korrispondenti. Huwa jisħaq dwar id-diversità tagħha u l-bżonn għal indikaturi ta' kwalità. Il-Kumitat Ewropew għall-Ħarsien Soċjali se jeżamina din l-inizjattiva, li se jittieħed kont tagħha fl-Istateġija Ewropea li jmiss dwar il-kwalità ta' l-SSGI.

Is-Servizzi Bażati fil-Komunità (CBS) jipprovdu opportunitajiet aħjar għal għixien indipendenti milli l-istitutizzazzjoni[19]. Ir-riżultati ta' l-istudju[20] dwar l-ispejjeż tas-CBS (kura, saħħa u appoġġ), mistennija fit-tmiem ta' l-2007, se jikkontribwixxu għad-djalogu fil-Kunsill ta' l-Ewropa[21] dwar li t-tfal bid-diżabilitajiet ma jibqgħux istituzzjonalizzati.

- Aċċessibbiltà ta' l-oġġetti u s-servizzi

Ir-Regolament ta' l-2006 dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità u persuni b'mobilità ridotta meta jivvjaġġaw bl-ajru[22] huwa l-ewwel leġiżlazzjoni Ewropea li tqiegħed lil persuni b'diżabilità fl-istess grad bħal persuni mingħajr diżabilità. Dan jimponi obbligi fuq l-awtoritajiet ta' l-ajruport biex jipprovdu għajnuna mingħajr ħlas u akkomodazzjoni u biex jiżguraw l-aċċessibbilità. Obbligi simili ġew adottati għas-settur tal-ferroviji internazzjonali.

L-Aċċessibbiltà għall-Informazzjoni u t-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni (ICT) ġiet imrawma, f'konformità mal-Komunikazzjoni dwar l-Aċċessibbiltà bl-Internet[23]. Inħareġ mandat ta' standardizzazzjoni biex jiġu żviluppati l-kundizzjonijiet Ewropej ta' aċċessibbiltà għall-appalti pubbliċi ta' prodotti u servizzi fil-qasam ta' l-ICT, li jindirizza l-kwistjoni ta' l-evalwazzjoni tal-konformità. Studju dwar il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru dwar l-aċċessibbiltà tal-komunikazzjonijiet elettroniċi ssottolinea l-bżonn li jissaħħu d-dispożizzjonijiet Ewropej għall-aċċessibbiltà[24]. Kien hemm investiment konsiderevoli fir-riċerka u l-iżvilupp ta' teknoloġiji ta' għajnuna u aċċessibbiltà ta' l-ICT[25].

Djalogu ma' l-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti, bl-appoġġ ta' l-utenti u l-industrija ta' l-ICT, qed jiffoka fuq l-istandards u l-benefiċċju tas-swieq globali għall-aċċessibbiltà. Il-Kummissjoni tipparteċipa fil-Bord tal-Kumitat għall-Aċċess ta' l-Istati Uniti għar-reviżjoni ta' l-istandards tas-sezzjoni 508 ta' l-Att tar-Rijabilitazzjoni ta' l-Istati Uniti. Ġiet skambjata wkoll informazzjoni dwar l-użu ta' standards ta' aċċessibbiltà għall-ambjent mibni.

Il-Kummissjoni appoġġjat għadd ta' proġetti bi prova u riċerka dwar l-aċċessibbiltà għall-ambjent mibni. Ir-riżultati jinkludu gwida għall-amministrazzjoni pubblika biex tikkunsidra l-aċċessibbiltà fl-appalti pubbliċi għall-bini, materjali tat-taħriġ dwar l-aċċessibbiltà għall-professjonisti, u l-ħolqien tan-netwerk Ewropew għat-turiżmu aċċessibbli[26].

- Inżidu l-kapaċità analitika ta' l-UE

Aktar data dwar is-sitwazzjoni tal-persuni b'diżabilità hija meħtieġa għal tfassil ta' politika aktar infurmat u immirat. L-Eurostat żied l-isforzi tiegħu fis-Sistema Statistika Ewropea biex jiżviluppa aktar l-istatistiċi tal-Komunità relatati ma' persuni b'diżabilità.

L-Anness 3 jirrapporta dwar l-attivitajiet tal-Kummissjoni fl-iżvilupp ta' statistiċi dwar id-diżabilità.

- Żviluppi oħra relevanti

Il-Programm dwar il-Progress 2007-2013[27], adottat fl-2006, jipprovdi appoġġ għall-implimentazzjoni ta' l-istrateġija dwar id-diżabilità, fost affarijiet oħra permezz ta' ko-finanzjar[28] ta' spejjeż kurrenti ta' l-organizzazzjonijiet ewlenin Ewropej tad-diżabilità.

Id-diskriminazzjoni, inkluż fuq raġunijiet ta' diżabilità, ukoll qed tiġi sottolineata fl-UE u l-inizjattivi nazzjonali taħt is-Sena Ewropea 2007 ta' l-Opportunitajiet Ugwali għal Kulħadd.

L-Anness 4 jipprovdi dettalji ta' l-implimentazzjoni għad-DAP fl-2006-2007.

3.3. Żviluppi fuq livell nazzjonali

Il-parti l-kbira ta' l-Istati Membri jidentifikaw persuni b'diżabilità fost l-aktar gruppi soċjali żvantaġġjati. Huma żviluppaw azzjonijiet u programmi li jirriflettu l-prijoritajiet ta' l-UE[29] biex jitjieb l-impjegar fis-suq tax-xogħol miftuħ. Il-miżuri pożittivi qed jiżdiedu, imma għadhom m'humiex marbutin biżżejjed ma' l-istrateġiji usa' tax-xogħol kif rifless fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma.

L-Istati Membri wkoll jirrappurtaw progress fuq leġiżlazzjoni relatata mad-diżabilità, programmi edukazzjonali u ta' rijabilitazjoni, azzjonijiet immirati għat-tneħħija ta' xkiel ta' l-aċċessibbiltà, faċilitajiet ta' appoġġ għal persuni b'diżabilità, inkluż miżuri għal għixien indipendenti permezz tal-komunità lokali u kura fid-dar, u mekkaniżmi fejn jitressqu lmenti biex ikun żgurat aċċess għad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità. Għadd ta' Stati Membri stabilixxew obbligi għall-korpi pubbliċi biex jippromwovu l-ugwaljanza ta' l-opportunitajiet għal persuni b'diżabilità.

L-Anness 5 jirrapporta dwar l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri.

4. PRIJORITAJIET GħALL-2008-2009

L-Analiżi ta' l-iżviluppi fis-sitwazzjoni ta' persuni b'diżabilità u konsultazzjonijiet[30] mar-rappreżentanti tagħhom, l-Istati Membri u persuni oħra interessati identifikaw l-aċċessibbiltà bħala prijorità għall-inklużjoni attiva u l-aċċess għad-drittijiet.

Oġġetti, servizzi u infrastrutturi aċċessibbli huma essenzjali biex iżommu forom non-diskriminatorji u inklużivi ta' parteċipazzjoni f'bosta oqsma tal-ħajja ta' kuljum f'soċjetà li qed tixjieħ, flimkien ma' l-eliminazzjoni tax-xkiel għall-edukazzjoni u għas-suq tax-xogħol. L-Aċċessibbiltà hija wkoll fil-qalba tal-Konvenzjoni tan-NU[31] u tippermetti li l-bżonnijiet eteroġenji tan-nisa u l-irġiel b'diżabilità jiġu indirizzati b'mod integrat.

Il-kisba ta' l-aċċessibbiltà teħtieġ l-evitar u t-tneħħija tal-barrieri li jżommu persuni b'diżabilità milli jeżerċitaw il-kapaċitajiet tagħhom u milli jipparteċipaw b'mod sħiħ u b'termini ugwali. Din teħtieġ li jingħaqdu Tfassil għal Kulħadd inklużiv ma' soluzzjonijiet speċifiċi ta' għajnuna tul l-oqsma u l-istrumenti ta' politika biex jiġu indirizzati forom sistematiċi ta' diskriminazzjoni.

Fi stħarriġ[32] ta' l-opinjoni pubblika ta' l-UE, bħala parti mis-Sena Ewropea għall-Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd, 91 % ta' dawk li wieġbu qablu li għandhom jintnefqu aktar fondi fuq l-eliminazzjoni ta' l-ostakoli fiżiċi għal persuni b'diżabilità, li forsi jirrifletti l-bżonnijiet ta' popolazzjoni li qed tixjieħ. F'dan ir-rigward, l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Koeżjoni hija mistennija li tappoġġa l-każ tan-negozju tad-diżabilità inkluż l-aċċessibbiltà.

4.1. Azzjonijiet għal parteċipazzjoni inklużiva permezz ta' l-aċċessibbiltà

- Inrawmu l-aċċessibbiltà għas-suq tax-xogħol.

Strateġija komprensiva hija meħtieġa biex tiżdied ir-rata ta' impjegar ta' persuni b'diżabilità permezz ta' għaqda bejn l-iskemi flessibbli għall-impjegar, impjegar b'appoġġ, inklużjoni attiva, u miżuri pożittivi li jikkumplimentaw il-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti dwar in-non-diskriminazzjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tanalizza l-mudelli ta' prattiċi tajba għal akkomodazzjoni raġonevoli ta' persuni b'diżabilità fil-post tax-xogħol.

F'konformità mal-Komunikazzjoni tagħha dwar il-flessigurtà[33], il-Kummissjoni se tesplora l-opportunitajiet għal pesuni b'diżabilità taħt il-qafas ġenerali ta' flessibbiltà mtejba fis-suq tax-xogħol flimkien ma' żieda fis-sigurtà u ż-żamma tax-xogħol tagħhom. Metodi tipiċi ta' flessigurtà jinkludu flessibbiltà u arranġamenti kuntrattwali ta' min jorbot fuqhom, xogħol temporanju u part-time, politiki attivi tas-swieq tax-xogħol, strateġiji komprensivi ta' tagħlim li jissokta matul il-ħajja u sistemi moderni ta' ħarsien soċjali filwaqt li jipprovdu sostenn xieraq ta' introjtu matul perjodi ta' qgħad. Skemi għaż-żamma ta' l-impjiegi li jipprevjenu ħruġ kmieni mis-suq tax-xogħol u orjentazzjonijiet għar-riforma ta' kumpens finanzjarju li jipprovdi sostituzzjoni tad-dħul (benefiċċji tad-diżabilità) jiġu indirizzati wkoll. Dan se jsir permezz ta' skambji ta' l-esperti u l-identifikazzjoni ta' prattiċi tajba fuq il-bażi ta' reviżjoni tematika mis-sieħba u kontribuzzjonijiet mid-D-HLG flimkien mal-Kumitat Ewropew għall-Impjiegi (l-EMCO).

L-impjegar appoġġjat jipprovdi għajnuna personali u adattamenti fil-post tax-xogħol li jikkunsidraw il-bżonnijiet ta' persuni b'diżabilità, li ma jkunux għadhom laħqu l-potenzjal sħiħ. Aktar attenzjoni għandha tingħata lill-kundizzjonijiet ta' l-intrapiriżi biex ikun hemm qbil mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol. Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi lill-fornituri tas-servizzi tax-xogħol biex jikkoordinaw ma' min jimpjega fit-tfassil tat-taħriġ vokazzjonali u s-servizzi ta' rijabilitizzazzjoni. Il-Kummissjoni se taħdem man-netwerk Ewropew tal-Kapijiet tas-Servizzi Pubbliċi tax-Xogħol[34] biex jitjiebu s-servizzi tax-xogħol aċċessibbli għal persuni b'diżabilità. Se toħroġ karta ta' diskussjoni b'mudelli korrispondenti ta' prattiċi tajba li jirriflettu l-linjigwida ta' l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi u suġġerimenti biex jgħinu lil persuni żgħażagħ b'diżabilità jaqilbu mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol[35]. Din il-karta se tiġi preżentata lid-D-HLG kif ukoll lill-EMCO bil-għan li jiġi infurzat aktar il-mainstreaming tad-diżabilità fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma u jiġu nkuraġġiti l-miri nazzjonali[36]. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tiffaċilita impjegar appoġġjat taħt ir-regoli ta' l-għajnuna ta' l-istat tal-Kummissjoni simplifikati u tippromwovi politika attiva ta' inklużjoni għal persuni żvantaġġjati, inkluż persuni b'diżabilità, li tikkumplimenta r-rabta tas-suq tax-xogħol ma' appoġġ adegwat għad-dħul u aċċess għal servizzi soċjali ta' kwalità[37].

- Insaħħu l-aċċessibbiltà ta' l-oġġetti, is-servizzi u l-infrastrutturi

Aċċess akbar għal oġetti, servizzi u infrastrutturi komuni jippermetti lil persuni b'diżabilità li jaġixxu bħala konsumaturi. Is-suq Ewropew għall-aċċessibbiltà jeħtieġ regoli ċari għas-setturi konċernati. L-atturi involuti fit-tfassil, l-iżvilupp u l-manifattura fis-setturi varji jeħtieġu kompetenzi adegwati fl-aċċessibbiltà. L-istrumenti biex titwassal l-aċċessibbiltà għandhom jitfasslu speċifikament għaċ-ċiklu individwali ta' l-iżvilupp ta' dawn is-setturi.

Il-Kummissjoni qed tiżviluppa oqfsa leġiżlattivi dwar l-aċċessibbiltà fl-oqsma tat-trasport u l-ICT. Billi tibni fuq il-leġiżlazzjoni riċenti Ewropea dwar it-trasport bl-ajru[38] u fir-Regolament dwar is-settur internazzjonali tal-ferroviji dwar id-drittijiet tal-persuni bid-diżabilità u persuni b'mobilità ridotta, il-Kummissjoni tippjana li tipproponi leġiżlazzjoni fl-oqsma tat-trasport marittimu u t-trasport bix-xarabank.

Rigward l-ICT, il-Kummissjoni qed tippjana li tirrinforza d-dispożizzjonijiet ta' l-aċċessibbiltà fir-reviżjoni tal-pakkett elettroniku tal-komunikazzjoni[39], inkluż f'oqsma bħal servizzi ta' emerġenza u komunikazzjonijiet testwali. Wara l-impenn li ħadet fil-Komunikazzjoni tagħha fl-2005 dwar l-aċċessibbiltà bl-internet, il-Kummissjoni evalwat il-progress u għamlet proposti ġodda fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-e-Inklużjoni[40]. B'mod partikolari, il-Kummissjoni se taħdem fl-2008 għal strateġija orizzontali leġiżlattiva għal soċjetà ta' l-informatika aċċessibbli, biex tiggarantixxi drittijiet ugwali u suq intern effettiv. It-tnedija u attivitajiet ta' riċerka dwar l-ICT aċċessibbli ġew allokati baġit ta' aktar minn € 100 miljun[41].

Iż-żieda tal-kompetizzjoni fost l-industriji f'dawn l-oqsma tiżviluppa aktar l-aċċessibbiltà tas-suq Ewropew, li jwassal għal pożizzjoni aħjar fis-suq globali. Soluzzjonijiet kompatibbli u kompetittivi huma mrawma bl-iżvilupp u l-użu ta' standards ta' aċċessibbiltà, per eżempju fl-appalti pubbliċi, li jindirizzaw il-kundizzjonijiet funzjonali ta' l-utenti kif ukoll kwistjonijiet ta' interoperabilità, li jippermettu għal soluzzjonijiet innovattivi.

L-aċċessibbiltà ta' l-ambjent mibni tikkontribwixxi għal sostenibbiltà fis-suq tal-kostruzzjoni. Biex jiġu faċilitati ambjenti pubbliċi għal kulħadd, il-Kummissjoni se tipprepara mandat għall-organizzazzjonijiet Ewropej ta' standardizzazzjoni għall-iżvilupp ta' kundizzjonijiet ta' aċċessibbiltà biex jiġu użati notevolment fl-appalti pubbliċi.

- Konsolidazzjoni tal-kapaċità analitika tal-Kummissjoni għall-appoġġ ta' l-aċċessibbiltà

Data aktar affidabbli u kumparabbli dwar id-diżabilità u l-parteċipazzjoni ta' persuni b'diżabilità hija meħtieġa biex jitkejjel il-progress fl-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u biex ikun hemm konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet[42]. Il-modulu l-ġdid tad-Diżabilità u l-Integrazzjoni Soċjali, deskritt fl-Anness 3, jista' jiġi użat bħala modulu indipendenti.

In-netwerk akkademika Ewropea ta' l-esperti tad-diżabilità se tinħoloq biex tipprovdi sfond xjentifiku u appoġġ permezz ta' sejbien tal-fatti u ġbir ta' evidenza u rakkomandazzjonijiet relevanti għad-DAP.

4.2. Azzjonijiet lejn tgawdija sħiħa tad-drittijiet fundamentali

- L-iffaċilitar ta' l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU

Billi komplew fuq l-adozzjoni b'suċċess tad-Deċiżjoni tal-Kunsill f'Marzu 2007 dwar il-firma tal-Konvenzjoni tan-NU, il-ministri ta' l-UE għad-diżabilità u l-Kummissjoni qablu f'Berlin f'Ġunju dwar il-bżonn ta' ratifika ta' malajr mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tipproponi Deċiżjoni tal-Kunsill kmieni fl-2008 li tippermetti lill-Komunità Ewropea li tikkonkludi Konvenzjoni tan-NU. Bi preparazzjoni, il-Kummissjoni qed tifli l-leġiżlazzjoni tal-Komunità biex tistabbilixxi l-iskop tal-kompetenzi tal-Komunità u biex tevalwa l-bżonn li temenda l-leġiżlazzjoni Ewropea sekondarja jew tirranġa l-politiki relevanti. Din ir-reviżjoni se tikkunsidra l-impatt fuq l-istituzzjonijiet Ewropej infushom. Id-D-HLG se jirrapporta regolarment dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU.

Minħabba konverġenza qawwija bejn l-istrateġija Ewropea u d-diżabilità u l-Konvenzjoni tan-NU, id-DAP se jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni prattika tagħha fuq livell Ewropew, filwaqt li jikkumplimenta l-azzjonijiet nazzjonali. B'mod partikolari, l-azzjonijiet fl-oqsma ta' l-impjiegi, s-servizzi soċjali, l-għixien indipendenti, l-aċċessibbiltà u l-għajnuna għall-iżvilupp se jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU. Il-Kummissjoni se toqgħod attenta għal dawk id-dispożizzjonijiet li jsejħu għal għaqda bejn il-mainstreaming tal-kwistjonijiet tas-sessi ma' miżuri speċifiċi li huma sensittivi għas-sessi. Fil-qasam ta' l-aċċessibbiltà, il-Kummissjoni hija involuta fl-inizjattiva Globali tan-NU għal ICT inklużiv, li għandu l-għan li jiffaċilita l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' aċċessibbiltà.

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem ma' l-NGOs Ewropej skond l-obbligi tal-Konvenzjoni tan-NU [43] biex tikkonsulta u tinvolvi organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta' persuni b'diżabilità u se tistieden lill-membri ta' l-UE tal-Kumitat tal-Konvenzjoni tan-NU[44] biex jingħaqad mad-D-HLG.

L-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni tan-NU teħtieġ ukoll azzjoni mill-awtoritajiet reġjonali u lokali. Il-Kummissjoni se tappoġġa dan il-proċess permezz ta' l-iżvilupp ta' moduli ta' taħriġ biex tqajjem kuxjenza u tiffaċilita l-interpretazzjoni tal-liġijiet fid-dawl tal-Konvenzjoni tan-NU.

Il-Modulu ta' l-Istħarriġ Ewropew ġdid dwar id-Diżabilità u l-Integrazzjoni Soċjali (ESDIM) biex titkejjel id-diżabilità, inkluż il-parteċipazzjoni u l-fatturi ambjentali, se jikkontribwixxi għall-monitoraġġ tal-progress fil-kisba ta' l-għanijiet tal-Konvenzjoni tan-NU.

- Kumplimentar tal-qafas leġiżlattiv tal-Komunità dwar il-ħarsien kontra d-diskriminazzjoni

Il-Kummissjoni qed tippjana li fl-2008 tagħmel proposta għal Direttiva[45] biex tikkumplimenta l-qafas kurrenti ta' l-UE taħt l-Artikolu 13 tat-Trattat tal-KE dwar il-prevenzjoni u l-ħarsien kontra d-diskriminazzjoni lilhinn mis-suq tax-xogħol, inkluż fuq ir-raġuni tad-diżabilità. Inizjattiva bħal din li tindirizza d-drittijiet individwali tikkontribwixxi wkoll biex tiżgura ambjent aċċessibbli. Qed issir evalwazzjoni ta' l-impatt, li tibni fuq l-informazzjoni miġbura permezz ta' studju tad-dispożizzjonijiet legali eżistenti[46]. Saru għadd ta' konsultazzjonijiet, inkluż kwestjonarju pubbliku online u konsultazzjonijiet ma' NGOs u negozji, bħala parti mill-evalwazzjoni ta' l-impatt.

5. KONKLUżJONIJIET

Din il-Komunikazzjoni tirrifletti l-impenn Ewropew biex jiġi żgurat li persuni b'diżabilità jkunu jistgħu jgawdu d-drittijiet tagħhom. Din tindirizza persuni b'diżabilità bħala ċittadini u atturi attivi soċjoekonomiċi li jikkontribwixxu għall-bini ta' Ewropa sostenibbli u magħquda, li toffri opportunitajiet ugwali lil kulħadd. L-azzjonijiet kollha f'din il-Komunikazzjoni għandhom l-għan li jilħqu l-bżonnijiet individwali u diversi tal-persuni b'diżabilità.

Il-progress fl-oqsma ewlenin ta' politika identifikati, jeħtieġ massimizzar tas-sinerġiji u kumplimentarjetà ma' l-attivitajiet ta' l-Istati Membri. L-impenn ministerjali biex jiġu mmirati l-isfidi u s-soluzzjonijiet komuni fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU jwitti t-triq għal miri nazzjonali konsistenti u kumparabbli li jirriflettu l-għanijiet tal-Konvenzjoni tan-NU u l-progress tal-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiksbu dawn l-għanijiet.

Il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri hija għalhekk kruċjali, flimkien mal-persuni b'diżabilità u l-partijiet interessati relevanti. Il-laqgħat annwali l-ġodda tal-ministri Ewropej tad-diżabilità se jsaħħu l-Istrateġija Ewropea dwar id-diżabilità.

[1] COM/2003/650.

[2] http://www.un.org/esa/socdev/enable/.

[3] Drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u ambjentali.

[4] Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-insegwiment tas-Sena Ewropea tal-Persuni b'Diżabilitajiet 15512/03

[5] "Irġiel u nisa bid-diżabilità fl-UE", Applica, CESEP and Alphametrics, 2007

[6] Konklużjoni 34.

[7] http://ec.europa.eu/employment_social/social_situation/studies_en.htm.

[8] Skond l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Fornituri tas-Servizzi lil Persuni b'Diżabilità.

[9] OECD, 4/4/2007, karta dwar is-saħħa 26, http://www.oecd.org/dataoecd/13/8/38343783.pdf.

[10] COM 2005/604 tat-28.11.2005.

[11] Direttiva 2000/78/KE tat-27/11/2000.

[12] Każ C-13/05 Chacon-Navas versus Eurest CSA.

[13] Każ C-303/06 Coleman versus Attridge Law.

[14] http://ec.europa.eu/comm/competition/state_aid/reform/reform.cfm.

[15] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006/KE, l-Artikolu 16

[16] http://ec.europa.eu/employment_social/index/hlg_esf_nsrf_en.pdf

[17] Sejħa għall-Offerti VT/2006/014, rapport finali 2008.

[18] Aktar tagħrif dwar l-SSGIhttp://ec.europa.eu/employment_social/social_protection/questionnaire_en.htm.

[19] Studju Inkluż fis-Soċjeta, http://ec.europa.eu/employment_social/index/socinc_en.pdf.

[20] Sejħa għall-Offerti VT/2006/021, rapport finali 2007.

[21] Kumitat dwar id-Diżabilità (CDPRR).

[22] Ir-Regolament 1107/2006 tal-5.07.2006.

[23] COM(2005) 425 finali tat-13.09.2005.

[24] INCOM rapport tal-grupp dwar il-Komunikazzjoni Inklużiva.

[25] Aktar minn € 60m taħt is-sitt Programm Qafas ta' Riċerka ta' l-UE.

[26] Anness 1 ta' COM/2005/604

[27] Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1672/2006/KE li tistabbilixxi Programm tal-Komunità għas-Solidarjetà Soċjali u fl-Impjiegi.

[28] Aktar minn €1.2 miljun fl-2007.

[29] Rapporti Nazzjonali dwar Strateġiji għall-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali fl-2007 u rapporti ta' l-Istati Membri dwar ix-xogħol fir-Programmi Nazzjonali tagħha ta' Riforma fl-2006.

[30] Laqgħat tad-D-HLG ta' Frar u Ġunju 2007.

[31] L-Artikolu 3 dwar il-prinċipji ġenerali u l-Artikolu 9 dwar l-Aċċessibbiltà.

[32] Id-Diskriminazzjoni fl-Unjoni Ewropea http://ec.europa.eu/employment_social/eyeq/uploaded_files/documents/Eurobarometer_report_en_2007.pdf.

[33] COM(2007) 359 tat-27 ta' Ġunju 2007.

[34] Maħluqa fl-2007: http://ec.europa.eu/employment_social/employment_strategy/pub_empl_services_en.htm .

[35] http://ec.europa.eu/employment_social/news/2007/sep/com498_en.pdf .

[36] Notevolment fuq il-bażi tal-linjagwida 19 dwar l-Istrateġija Ewropea tax-Xogħol.

[37] COM(2006) 44 finali tat-8.2.2006

[38] Ir-Regolament (KE) 1107/2006 tal-5 ta' Lulju 2006, ĠU L 204 tas-26.07.2006.

[39] http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/tomorrow/roadmap/index_en.htm.

[40] COM(2007) 694 Inizjattivi Ewropea i2010 dwar l-e-inklużjoni "Biex inkunu parti mis-soċjetà ta' l-informatika"

[41] Is-Seba' Programm Qafas, ICT/xjuħija, u ICT aċċessibbiltà/inklużjoni: http://cordis.europa.eu/fp7/ict/programme/challenge7_en.html ;Programm dwar il-kompetittività u l-Innovazzjoni, ICT għall-aċċessibbiltà, x-xjuħija u l-integrazzjoni soċjali: http://ec.europa.eu/information_society/activities/ict_psp/library/ref_docs/docs/cip_ictpsp_wp.pdf .

[42] Artikolu 31.

[43] Artikolu 4.3.

[44] Artikolu 34.

[45] http://ec.europa.eu/atwork/programmes/docs/clwp2008_en.pdf

[46] http://ec.europa.eu/employment_social/fundamental_rights/pdf/pubst/stud/mapstrand1_en.pdf.

Top