EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0641

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-futur tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Republika tal-Kap Verde [SEG(2007) 1415]

/* KUMM/2007/0641 finali */

52007DC0641

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-futur tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Republika tal-Kap Verde [SEG(2007) 1415] /* KUMM/2007/0641 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 24.10.2007

KUMM(2007) 641 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-futur tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Republika tal-Kap Verde [SEG(2007) 1415]

1. INTRODUZZJONI

Matul dan l-aħħar żmien, il-gvern u s-soċjetà ċivili tal-Kap Verde esprimew bosta drabi x-xewqa li jaraw ir-relazzjonijiet bejn il-Kap Verde u l-Unjoni Ewopea jiżviluppaw f'"partenarjat speċjali".

Il-Kap Verde miexi dejjem iktar lejn loġika ta' rabta iktar stretta ma' l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari mar-reġjuni periferali ta' l-Unjoni Ewropea ta' l-Atlantiku tat-Tramuntana. Fil-fatt, il-Kap Verde u l-gżejjer Ewropej ta' l-Ażores, Madeira u l-Kanarji flimkien jiffurmaw dak li huwa magħruf bħala il-Makaroneżja, fejn minn dejjem kien hemm rabtiet storiċi, kulturali, lingwistiċi u ta' kumplementarjetà, li jikkaratteriżżaw sallum ir-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni tagħhom.

Din l-orjentazzjoni għandha s-sorsi tagħha fl-istorja antika u reċenti tal-Kap Verde u ta' l-Ewropa, ikkaratterizzata minn rabtiet umani u kulturali stretti kif ukoll mill-esperjenza komuni ta' avvenimenti importanti u valuri soċjopolitiċi komuni qawwija. Is-soċjetà tal-Kap Verde fil-fatt ġiet iffurmata b'dan il-mod, bl-insiġ ta' rabtiet storiċi, umani, reliġjużi, lingwistiċi u kulturali ma' l-Ewropa. Fil-fatt, is-soċjetà tal-Kap Verde hija riżultat tal-fużjoni bejn il-popli Ewropej u Afrikani u tad-djalogu bejn il-kulturi rispettivi tagħhom. Il-pajjż jiddefendi wkoll il-valuri tad-demokrazija, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-governanza politika u ekonomika tajba u l-garanziji offerti mill-istat tad-dritt fis-seħħ fil-Kap Verde, imma jipprova wkoll jippromwovi l-paċi, is-sigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità. Din hija, finalment, il-vokazzjoni naturali tal-Kap Verde, biex isservi bħala pont bejn il-kontinenti Afrikan, Ewropew u Amerikan, fattur ewlieni li għall-Ewropa u l-Kap Verde li fih jaqsmu interessi u sfidi komuni.

L-avviċinament tal-Kap Verde ma' l-Unjoni Ewropea għandu l-għan b'mod partikolari li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet u l-grad ta' integrazzjoni bejn ir-reġjuni periferali u dan il-pajjiż. Barra minn hekk, il-Kap Verde għandu bosta prijoritajiet strateġiċi komuni ma' l-Unjoni Ewropea, notevolment f'dak li jirrigwarda ċerti kwistjonijiet ta' sigurtà bħall-ġlieda kontra t-traffikar illegali (drogi u immigrazzjoni klandestina fost oħrajn). F'dan il-kuntest, il-Kap Verde huwa mistieden biex jissieħeb f'kooperazzjoni ġudizzjarja u bejn il-forzi tal-pulizija intensa ma' l-Ewropa. Minħabba l-pożizzjoni ġeografika tiegħu, il-pajjiż jinsab f'sitwazzjoni li jagħti kontribut sostanzjali fil-ġlieda kontra t-traffikar illegali u jqis il-ftuħ tiegħu fi kwistjonijiet ta' sigurtà wieħed mill-vantaġġi ewlenin fl-isforzi tiegħu ta' avviċinament lejn l-UE.

Il-partenarjat speċjali għandu għalhekk l-għan li jsaħħaħ il-ħidma flimkien u l-konverġenza tal-politiki taż-żewġ partijiet, li jikkomplementa r-relazzjoni tradizzjonali bejn onatur u benefiċjarju b'qafas ta' interessi reċiproċi.

2. IL-KUNĊETT TA' "PARTENARJAT SPEĊJALI UE/KV"

Il-partenarjat speċjali jirrappreżenta azzjoni politika lil hinn mir-relazzjoni sempliċi ta' donatur - benefiċjarju, u b'hekk jissodisfa wkoll interessi reċiproċi oħra fi kwistjonijiet ta' sigurtà u żvilupp. Il-partenarjat jagħmel ukoll parti mill-kuntest ta' l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kotonou, u għandu l-għan li jisfrutta d-dimensjonijiet kollha tiegħu biex issir definizzjoni tal-mudell ġdid ta' kooperazzjoni UE/KV.

Il-partenarjat speċjali UE/Kap Verde m'huwa fl-ebda każ sostitut għal Cotonou; l-għan tiegħu huwa fil-fatt it-tisħiħ u t-tkabbir tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ partijiet.

Il-Kap Verde jixtieq jgħaddi mill-qafas tar-relazzjonijiet eżistenti sabiex jilħaq grad sinifikanti ta' kooperazzjoni msaħħa, bi prijorità għall-avviċinament mar-reġjuni periferali, inkluż bl-offerta ta' aċċess għas-suq intern lill-Kap Verde. F'dan il-kuntest, u fid-dawl tar-riskji li qed joħorġu li jiżvelaw l-isfidi komuni, huwa previst li l-Kap Verde progressivament jieħu sehem f'ċerti politiki u programmi ta' l-UE, notevolment fl-oqsma koperti mill-pjan ta' azzjoni.

3. L-ISTRATEĠIJA TAL-PARTENARJAT SPEĊJALI UE/KV

L-istrateġija ssegwi dinamika innovatriċi, pragmatika, progressiva u ta' kumplementarità, elementi ewlenin tal-partenarjat speċjali:

4. Strateġija politika: il-partenarjat speċjali għandu l-għan li jsaħħaħ djalogu miftuħ, kostruttiv u pragmatiku li jrid jiġi rifless permezz ta' azzjonijiet konkreti li huma l-qofol stess tal-partenarjat speċjali.

Huwa previst li l-qafas strateġiku tal-partenarjat speċjali sħiħ ikun irrappreżentat minn pjan ta' azzjoni li jkopri l-prijoritatjiet previsti fil-proċess ta' żvilupp tal-partenarjat speċjali u għandu jintegra l-istrumenti tradizzjonali ta' kooperazzjoni previsti mill-ftehim ta' Kotonou.

5. Strateġija ta' kumplimentarjetà: il-partenarjat speċjali jfittex forom ta' kooperazzjoni li jistgħu jikkompletaw u jsaħħu l-azzjonijiet tradizzjonali implimentati s'issa fil-qafas tal-ftehim ta' Kotonou. Id-dokument ta' strateġija għall-pajjiż u l-programm indikattiv nazzjonali ta' l-10 EDF għandhom jirriflettu l-"istrateġija għall-partenarjat speċjali". Barra dan, għandu jsir appell għal strumenti oħra sabiex ikun appoġġjat il-partenarjat speċjali, bħall-ERDF fil-qafas tal-kooperazzjoni mar-reġjuni periferali, il-linji tematiċi, linji baġitarji oħra mmexxija mill-Kummissjoni, u l-partenarjast UE/Afrika għall-infrastrutturi, fost oħrajn.

6. Strateġija progressiva: il-prijorità tingħata għall-promozzjoni ta' proċess li jiżviluppa, ta' sensiela ta' attivitajiet ta' kooperazzjoni konkreti, ġodda u kumplementarji għall-kooperazzjoni attwali fil-qafas tal-ġlieda kontra l-faqar; dawn l-attivitajiet iżidu dimensjoni iktar profonda mar-relazzjonijiet UE/KV. Il-Pjan ta' azzjoni għandu jkun flessibbli u modifikabbli, sabiex ikun jista' jiġi adattat progressivament għall-evoluzzjoni tal-pajjiż u r-relazzjonijiet tiegħu ma' l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi.

7. Strateġija msejsa fuq il-prinċipji ta' governanza tajba: il-livell għoli ta' governanza li ntlaħaq mill-Kap Verde huwa l-bażi tal-partenarjat speċjali. It-twettiq ta' progress ulterjuri f'dan il-qasam jikkostitwixxi wieħed mill-pilastri, f'koerenza mal-prijorità li l-Unjoni Ewropea u l-Kap Verde jagħtu għall-kwistjonijiet ta' governanza.

8. Strateġija ta' integrazzjoni reġjonali: fid-dawl ta' l-ispeċifitajiet tal-Kap Verde, il-partenarjat speċjali għandu l-għan li jenfasizza l-vokazzjoni tiegħu biex jaħdem għal avviċinament mar-reġjuni periferali u l-bqija ta' l-UE, filwaqt li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet tiegħu mar-reġjun ta' l-Afrika tal-Punent u fi ħdan l-ECOWAS (il-Komunità Ekonomika ta' l-Istati ta' l-Afrika tal-Punent).

9. Strateġija ta' konverġenza rigward normi u standards Ewropej : din il-konverġenza jkollha l-effett li tiffaċilita l-avviċinament progressiv ma' l-UE u r-reġjuni periferali b'mod partikolari u ssaħħaħ il-vantaġġi relattivi tal-pajjiż.

10. PERSPETTIVI ĠODDA TAL-PARTENARJAT

Il-partenarjat speċjali joffri notevolment il-perspettivi ġodda li ġejjin:

- jingħata valur mill-ġdid għall-firxa u l-intensità tal-kooperazzjoni politika;

- tisħiħ tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali li għandhom jikbru progressivament sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp tas-settur privat ta' l-ekonomija u tkabbir fl-investimenti u l-esportazzjonijiet;

- il-konverġenza tal-leġiżlazzjoni u d-dispożizzjonijiet normativi ekonomiċi u tekniċi bejn il-Kap Verde u l-UE, li jinvolvu l-ftuħ reċiproku ta' l-ekonomiji, li jinkludu b'mod partikolari t-tnaqqis kontinwu ta' ostakli kummerċjali, inkluż mal-pajjiżi tar-reġjun, b'mod parallel maż-żieda fil-livell ta' l-ekonomija u t-tkabbir fil-kompetittività;

- l-idea li jiġi ssuperat il-qafas tar-relazzjonijiet eżistenti bil-għan li jintlaħaq grad sinifikanti ta' kooperazzjoni msaħħa, bi prijorità għall-avviċinament mar-reġjun periferali, inkluż bl-offerta lill-Kap Verde ta' aċċess għas-suq intern, kif ukoll il-possibilità li l-Kap Verde jieħu sehem progressivament f'ċerti politiki u programmi ta' l-UE notevolment fl-oqsma koperti mill-pjan ta' azzjoni;

- tisħiħ tal-kooperazzjoni amministrattiva u ġudizzjarja:

- il-ħolqien sistematiku ta' netwerks ta' informazzjoni u ta' databases komuni; il-promozzjoni ta' attivitajiet, skambji u ġemellaġġi, bil-għan li jkunu approssimati l-liġijiet, ir-regolamenti, l-istandards u l-prassi tal-Kap Verde ma' l- acquis communautaire , fl-oqsma kollha koperti mill-pjan ta' azzjoni.

- STRUTTURA TAL-PJAN TA' AZZJONI GĦALL-PARTENARJAT SPEĊJALI

Il-pjan ta' azzjoni għall-partenarjat speċjali huwa ċċentrat fuq is-sitt pilastri li ġejjin:

11. Governanza tajba

Il-programm ser ikun ibbażat fuq il-politika ta' governanza tal-gvern u jirrigwarda, fost oħrajn, il-lista ta' impenji annessi mad-dokument strateġiku tal-pajjiż imsemmi hawn fuq (punt 3.2).

F'dan il-qafas, tingħata attenzjoni partikolari, fost oħrajn, għall-konsolidazzjoni u t-tisħiħ tad-demokrazija, ta' l-istat tad-dritt u tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-ħajja politika tal-pajjiż. Ser ikompli t-tisħiħ tad-djalogu politiku u tal-kooperazzjoni notevolment fi kwistjonijiet ta' demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem.

Ser tingħata aktar attenzjoni lid-drittijiet tat-tfal u tan-nisa, lill-integrazzjoni ta' l-immigranti f'sitwazzjoni regolari u lill-ġlieda kontra l-vjolenza domestika. Il-gvern għandu jkompli r-riforma fis-settur tal-ġustizzja u għandu jimplimenta pjan nazzjonali ta' ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Se tkompli r-riforma tal-finanzi pubbliċi, kif ukoll ir-riforma u t-tisħiħ tal-ħiliet ta' l-amministrazzjoni pubblika, inkluż fil-qasam ta' l-istatistika. Il-gvern ser ikompli l-inizjattivi li għandhom l-għan li jtejbu l-ambjent tan-negozju, il-governanza soċjali u l-ġestjoni tajba tar-riżorsi naturali.

12. Sigurtà/stabbiltà

L-aspetti prinċipali ta' dan il-pilastru huma: is-sigurtà u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali (il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, it-traffikar tal-bnedmin u t-traffikar tal-migranti, it-traffikar illegali tad-droga, ta' armi, il-ħasil tal-flus) fid-dawl tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. il-ġestjoni effettiva tal-flussi migratorji, inkluż it-titjib tal-kontribuzzjoni tad-diaspora tal-Kap Verde għall-iżvilupp tal-pajjiż (trasferimenti tal-migranti) u l-ġlieda kontra l-flussi illegali; is-sigurtà marittima.

Min-natura tagħhom, l-azzjonijiet segwiti fil-qafas ta' dan il-pilastru jistgħu biss ikunu organizzati u assigurati bażi transfronterjali u reġjonali, notevolment permezz ta' avviċinament lejn ir-reġjuni periferali fil-kuntest tal-partenarjat speċjali.

13. Integrazzjoni reġjonali

14. Fil-livell tar-reġuni periferali, l-integrazzjoni taż-żona tal-Makaroneżja, sabiex tiġi strutturata aħjar u jiżdied id-dinamiżmu u l-kompetittività tagħha, tagħmel parti mir-raġunament politiku ta' "viċinanza iktar wiesgħa". Jaqbel ukoll li jiġu mħeġġa l-miżuri kollha li għandhom l-għan jintensifikaw ir-relazzjonijiet bejn ir-reġjuni periferali u l-Kap Verde fl-oqsma kollha koperti mill-pjan ta' azzjoni, notevolment il-parteċipazzjoni iktar intensa tal-Kap Verde fil-programm ta' kooperazzjoni transnazzjonali Madeira, Ażores, Kanarji (MAC) 2007-2013, kif ukoll fil-mekkaniżmi u l-fora ta' konsultazzjoni u kooperazzjoni eżistenti fir-reġjuni periferali.

15. Fil-livell ta' l-Afrika tal-Punent:

16. L-eżami tal-possibilitajiet, flimkien mal-Kummissjoni ta' l-ECOWAS, li jitqiesu l-ispeċifitajiet tal-Kap Verde fil-qafas tal-Ftehim ta' Partenarjat Ekonomiku (EPA);

17. Safejn possibbli, il-konsiderazzjoni effettiva tal-Kap Verde fl-użu tar-riżorsi tal-programmi reġjonali indikativi (RIP) għall-Afrika tal-Punent.

Tingħata attenzjoni speċjali fiż-żewġ kuntesti msemmija hawn lill-iżvilupp ta' kondizzjonijiet favorevoli għat-tkabbir u l-iżvilupp sostenibbli, lill-investiment barrani dirett u lill-iżvilupp ta' impriżi kompetittivi kif ukoll amministrazzjoni iktar effettiva, permezz, fost affarijiet oħrajn, tat-titjib fil-klima tan-negozju, avviċinament man-normi u l-istandards ta’ l-UE, l-iżvilupp ta' kondizzjonijiet ta' sikurezza u sigurtà, speċjalment fis-setturi tat-trasport, komunikazzjoni u enerġija, u t-tisħiħ ta' l-infrastrutturi nazzjonali u reġjonali.

18. Konverġenza teknika u normattiva

Konverġenza ta' politiki fi kwistjonijiet tekniċi u normativi fis-setturi koperti mill-pjan ta' azzjoni, sabiex ikun iffaċilitat l-avviċinament ma' l-istandards ta' l-UE u biex jiġu appoġġjati l-vantaġġi komparattivi tal-Kap Verde bl-għan ta' l-iżvilupp tiegħu.

19. Soċjetà ta' għarfien

L-għan ta' dan il-pilastru huwa li jiffavorixxi l-mixja tal-pajjiż lejn "soċjetà ta' għarfien". Huwa jagħti prijorità lill-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali notevolment permezz ta' l-edukazzjoni, tar-riċerka, u ta' l-approprjazzjoni/żvilupp ta' l-għodda ta' l-informatika (settur li fih il-Kap Verde kellha riżultati notevoli fil-materja ta' l- e - government ); dawn l-elementi huma partikolarment importanti meta jitqies il-profil tal-pajjiż, imċaħħad minn riżorsi naturali klassiċi u dipendenti fuq il-valorizzazzjoni tar-riżorsi umani tiegħu u fuq il-vantaġġi intanġibbli bħall-pożizzjoni ġeoekonomika tiegħu.

20. L-iżvilupp u l-ġlieda kontra l-faqar

Il-ġlieda kontra l-faqar tikkontribwixxi notevolment biex twettaq il-programmi tal-gvern tal-Kap Verde fil-kuntest tad-dokument ta' strateġija ta' tkabbir u tnaqqis tal-faqar (DSCRP). Barra minn hekk, dan il-pilastru għandu jirfed b'mod iktar ġenerali l-pjan ta' azzjoni tal-partenarjat speċjali u l-avviċinament ma' l-Ewropa li huwa l-għan ta' dan il-partenarjat.

L-attivitajiet ta' ġlieda kontra l-faqar ser jinkludu d-dimensjoni tal-protezzjoni ta' l-ambjent, il-protezzjoni tar-riżorsi naturali, il-preservazzjoni ta' l-ambjent marittimu, inkluż il-ġlieda kontra t-tniġġiż ta' l-oċeani. Kooperazzjoni msaħħa għall-benefiċċju tal-politika nazzjonali tas-sajd, u notevolment kontra s-sajd illegali, mhux regolat u mhux iddikjarat, tikkontribwixxi għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi marittimi u l-preservazzjoni tar-riżorsi fl-interess tal-popolazzjoni lokali li tiddependi fuq is-sajd.

L-identifikazzjoni ta' azzjonijiet konkreti tal-pjan ta' azzjoni tista' titwettaq bl-għajnuna ta' studji li għad iridu jiġu ddefiniti; l-implimentazzjoni tagħhom tista' tibbenefika minn għajnuna teknika biex tiffaċilita l-proċess. Matul din l-identifikazzjoni ta' l-azzjonijiet, tingħata attenzjoni biex titqies id-dimensjoni tas-sessi.

21. FINANZJAMENT TAL-PJAN TA' AZZJONI

L-EDF, inkluża il-faċilità ta' investiment immexxija mill-BEI, jikkontribwixxi sehem importanti għall-finanzjament tal-partenarjat speċjali. Barra minn dan, jintużaw strumenti oħra biex jappoġġjaw il-partenarjat speċjali, bħall-ERDF fil-kuntest tal-kooperazzjoni mar-reġjuni periferali (Programm ta' Kooperazzjoni Transnazzjonali MAC 2007-2013).

Attivitajiet speċifiċi jistgħu jkunu appoġġjati permezz ta' l-azzjonijiet esterni ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Komunità Ewropea u mir-riżorsi proprji tal-BEI, fil-kuntest tal-qafas finanzjarju 2007-2013, suġġett għal proċeduri speċifiċi u d-disponibilità tal-fondi. L-attivitajiet iffinanzjati mill-baġit ġenerali jinkludu notevolment il-programmi ffinanzjati permezz ta' l-istrument għall-kooperazzjoni fl-iżvilupp bħall-programmi tematiċi "investiment fil-persuni", "atturi mhux Statali fl-iżvilupp", "migrazzjoni u politiki dwar l-ażil", "ambjent u ġestjoni sostenibbli ta' riżorsi naturali, u "sigurtà ta' l-ikel". Huma jinkludu wkoll attivitajiet iffinanzjati minn strumenti oħra bħall-istrument ta' stabilità, l-istrument għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija jew l-istrument għall-għajnuna umanitarja u ta' emerġenza.

Dawn il-finanzjamenti għandhom isaħħu l-mezzi tal-gvern tal-Kap Verde stess għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni. L-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea ser ikunu mistiedna jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-pjan ta' azzjoni.

22. TUL TA' ŻMIEN TAL-PJAN TA' AZZJONI

Il-partenarjat speċjali huwa proċess bil-pjan ta' azzjoni tiegħu li huwa l-qafas u l-istrument li jippermetti t-twettiq tiegħu. Il-pjan ta' azzjoni se jkun ta' żmien indeterminat u se jiġi rivedut perjodikament skond il-kondizzjonijiet stipulati bi ftehim komuni.

23. SEGWITU TA' L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PARTENARJAT SPEĊJALI

Huwa maħsub segwitu ta' l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni fl-għamla ta' laqgħat fil-livell politiku, li ser ikunu organizzati bi frekwenza li għad trid tiġi ddeterminata, u laqgħat annwali fil-livell tekniku, kemm fil-Kap Verde, kif ukoll fl-Unjoni.

L-Unjoni Ewropea se tkun irrappreżentata mill-formola ‘‘Troïka’’.

Fil-livell lokali, il-grupp interministerjali maħluq mill-gvern tal-Kap Verde, ippresidjat mill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin, ser iżomm laqgħat regolari ta' segwitu tal-partenarjat speċjali mad-Delegazzjoni tal-KE u l-missjonijiet diplomatiċi ta' l-Istati Membri.

Top