This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52007DC0498
Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions Promoting young people's full participation in education, employment and society {SEC(2007) 1084} {SEC(2007) 1093}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Biex jinġieb 'il quddiem is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà {SEK(2007) 1084} {SEK(2007) 1093}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Biex jinġieb 'il quddiem is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà {SEK(2007) 1084} {SEK(2007) 1093}
/* KUMM/2007/0498 finali */
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Biex jinġieb 'il quddiem is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà {SEK(2007) 1084} {SEK(2007) 1093} /* KUMM/2007/0498 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 5.9.2007 KUMM(2007) 498 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Biex jinġieb 'il quddiem is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà {SEK(2007) 1084}{SEK(2007) 1093} KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Biex jinġieb 'il quddiem is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà 1. DAħLA Huwa essenżjali li ż-żgħażagħ ikollhom dak li hu meħtieġ u li jinħolqu l-kondizzjonijiet favorevoli għalihom biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, biex jaħdmu u jipparteċipaw b'mod attiv fis-soċjetà għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali sod ta' l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari fil-kuntest tal-globalizzazzjoni, l-ekonomiji bbażati fuq l-għarfien u s-soċjetajiet li dejjem qed jixjieħu fejn huwa kruċjali li kull żagħżugħ/żagħżugħa jingħata l-possibbiltà li jilħaq il-potenzjal tiegħu. Filwaqt li l-kondizzjonijiet ġenerali għaż-żgħażagħ fl-Ewropa llum huma pożittivi – ħelsien u sigurtà, prosperità, l-istennija ta’ ħajja itwal –, hemm tħassib dejjem jiżdied li ħafna minnhom ma jistgħux jimxu 'l quddiem. Rati għoljin ta' tfal jgħixu fil-faqar, problemi ta' saħħa, tluq kmieni mill-iskola u qgħad fost għadd kbir wisq ta' żgħażagħ, juru ħtieġa ta' reviżjoni ta' l-investimenti li l-Ewropa qiegħda tagħmel biex iż-żgħażagħ tagħha[1] jkollhom bidu ta' futur aktar kmieni, saħansitra meqjus ir-rwol essenzjali tal-familji[2]. L-esklużjoni soċjali taż-żgħażagħ fiha spejjeż soċjali u ekonomiċi għolja u jeħtieġ li tiġi evitata. L-isfidi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ illum huma kumplessi u diversi. Hemm aktar opportunitajiet ta' tagħlim u parteċipazzjoni iżda anqas mogħdijiet stabbiliti. Li jinżammu t-tkabbir u l-prosperità fl-Ewropa, filwaqt li jinġiebu 'l quddiem il-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp sostenibbli, jiddependi fuq il-kontribut sħiħ u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ kollha, u dan aktar u aktar meta qiegħed jonqos in-numru tagħhom relattiv mal-popolazzjoni fis-sħiħ tagħha. Iż-żgħażagħ se jkollhom jerfgħu l-piż ta' l-ispiża dejjem tikber ta' popolazzjoni li qiegħda tixjieħ, u dan jitlob reazzjoni interġenerazzjonali[3]. Għalhekk jeħtieġ li jkun hemm strateġija trażversali għaż-żgħażagħ permezz ta' kooperazzjoni bejn dawk li jfasslu l-politika u l-partijiet interessati fuq il-livelli Ewropej, nazzonali, reġjonali u lokali. L-Istati Membri għandhom ir-rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-politika għaż-żgħażagħ. F'dan ir-rigward diġa kkommettew ruħhom fil-Patt Ewropew għaż-Żagħżagħ li jagħtu attenzjoni speċjali liż-żgħażagħ fi ħdan l-Istrateġija ta' Liżbona[4]. L-UE jista' jkollha rwol komplementari billi toffri appoġġ finanzjarju u koordinazzjoni ta' politika. Qafas ta' politika għaż-żgħażagħ twaqqaf bil-mod il-mod bl-appoġġ tal-Parlament Ewropew u istituzzjonijiet oħra mill- White Paper dwar iż-Żgħażagħ lilhawn[5]. Koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn dan il-qafas u strateġiji politiċi oħra li għandhom impatt fuq iż-żgħażagħ, flimkien ma' aktar enfażi fuq iż-żgħażagħ f'dawn l-istrateġiji, ikunu ta' għajnuna biex l-isfidi ffaċċjati miż-żgħażagħ jiġu indirizzati b'mod aktar effiċjenti, u dan huwa l-iskop ta' din il-Komunikazzjoni. Barra minn hekk, sħubija qawwija bejn l-UE u ż-żgħażagħ tkun ta' benefiċċju għall-promozzjoni tas-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fis-soċjetà. Hawn qed jiġi propost li dan jista' jkun f'sura ta' impenn mill-UE u l-Istati Membri li jiżviluppaw opportunitajiet aħjar għaż-żgħażagħ u impenn miż-żgħażagħ infushom li jkollhom rwol attiv. 2. AKTAR EDUKAZZJONI U EDUKAZZJONI AħJAR GħAż-żGħAżAGħ KOLLHA L-edukazzjoni hija kruċjali għat-tranżizzjonijiet taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u l-integrazzjoni b'suċċess u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà. Iżda, għadd sinifikanti ta’ żgħażagħ joħorġu minn sistemi edukattivi mingħajr ma jkunu kisbu l-ħiliet meħtieġa għal tranżizzjoni mingħajr xkiel lejn l-impjieg. Kważi wieħed minn kull sitt żgħażagħ fl-UE jitlaq mill-iskola qabel iż-żmien. L-Istati Membri għandhom l-għan li jnaqqsu din iċ-ċifra għal medja ta’ 10% sa l-2010, iżda kemm dan jista’ jinkiseb huwa dubjuż. Wieħed minn kull erba’ adulti (etajiet 25-29) ma jtemmx il-livell ta’ edukazzjoni sekondarja ogħla. L-istħarriġ juri li hemm nuqqasijiet konsiderevoli fl-għarfien ta’ ħiliet bażiċi fil-kitba u fil-għadd, u dan huwa ostaklu serju għat-tkomplija tat-taħriġ vokazzjonali jew edukazzjoni ogħla. Dawn se jkollhom jiffaċċaw ġejjieni prekarju fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol modern[6]. L-edukazzjoni preżenti xi ftit imraqqa li l-Ewropa tipprovdi lit-tfal iż-żgħar[7] – li l-benefiċċji kbar tagħha huma stabbiliti sewwa[8] – tista’ titjieb. L-isforzi jridu jiġu mmirati fuq l-iżvilupp tal-kompetenzi ewlenin[9] minn età bikrija ħafna, u t-tfal f’zoni żvantaġġati jkunu ta’ l-ewwel u jinħoloq mekkaniżmu fl-istess waqt li jipprevjeni t-tluq kmieni mill-iskola. Is-sistemi edukattivi għandhom jipprovdu edukazzjoni effiċjenti u rilevanti f’perspettiva tul ċiklu ta’ ħajja, filwaqt li jistimulaw il-potenzjal ta’ l-individwu għall-kreattività u l-awtonomija u jevitaw li jkun hemm żbilanċ mas-suq tax-xogħol. Iż-żgħażagħ jeħtieġ li jkunu mħejjin għad-dħul fis-suq tax-xogħol iżda wkoll li jkunu jistgħu jissoktaw bl-edukazzjoni tagħhom tul ħajjithom, għall-iżvilupp personali u biex isibu għajnuna fl-adattament tagħhom għaċ-ċirkostanzi professjonali li jinbidlu. L-iżvilupp ta' ħiliet ta' komunikazzjoni fl-ilsna barranin għandu jinġieb 'il quddiem f'dan il-kuntest. Dawn huma l-isfidi ewlenin – dejjem aktar urġenti f’ekonomija globalizzata u bbażata fuq l-għarfien – li s-sistemi edukattivi jridu jindirizzaw jekk iridu jlaħħqu mal-ħtiġijiet taż-żgħażagħ ta’ llum. Il-Programm ta’ ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010[10] jipprovdi qafas fuq livell ta’ l-UE li jirfed il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ l-Istati Membri. Attenzjoni politika aktar kkonċentrata fuq l-implimentazzjoni tal-politika u l-prassi tajba li ħarġu minn dan il-proċess tkun ta’ benefiċċju. Bl-investiment indirizzat lejn l-iżvilupp ta’ l-edukazzjoni tat-tfal iż-żgħar għal kulħadd u bit-titjib fil-kwalità tagħha, l-Istati Membri jistgħu jindirizzaw b’mod aktar effettiv il-problema tat-tluq mill-iskola qabel iż-żmien u l-iżvantaġġ edukattiv. Il-Kummissjoni - tistieden l-Istati Membri jagħtu prijorità lill-kwalità u l-kwantità ta’ investiment fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom ta’ tagħlim tul il-ħajja lill-edukazzjoni tat-tfal iż-żgħar - tistieden l-Istati Membri jimmodernizzaw l-edukazzjoni ogħla permezz ta’ tibdil fil-governanza, finanzjament u kurrikula - tistieden l-Istati Membri jsaħħu l-attenzjoni fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma sabiex jevitaw kull żbilanċ bejn il-frott ta' l-edukazzjoni u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, pereżempju billi jiżviluppaw iktar u aħjar l-opportunitajiet ta' għoti ta' pariri liż-żgħażagħ u jibnu rabtiet aktar mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u d-dinja tax-xogħol. - tistieden l-Istati Membri jtejbu r-relevanza, l-attrattività u l-aċċessibilità għas-suq tax-xogħol ta’ l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ sabiex iħejju aħjar iż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, pereżempju permezz ta’ sħubiji bejn il-partijiet interessati – inklużi l-imsieħba soċjali u l-għaqdiet tas-settur - tistieden l-Istati Membri jimplimentaw il-Qafas Ewropew dwar il-Kwalifiki li jkun ta’ appoġġ għall-mobilità ta’ l-istudenti u ħaddiema żgħażagħ u għall-validazzjoni ta’ dak li tagħlmu permezz ta’ mogħdijiet formali u mhux formali - flimkiem ma’ l-Istati Membri, tiżviluppa l-elementi speċifiċi għaż-żgħażagħ fi ħdan l-Ewropass[11], fuq il-bażi taż-Żgħażagħpass imwassal fi ħdan il-qafas tal-Programm iż-Żgħażagħ Jaġixxu, biex tiffaċilita l-aċċess taż-żgħażagħ għall-mobilità u t-tagħlim tul il-ħajja 3. IŻ-ŻGĦAŻAGĦ U L-IMPJIEG: SFIDA GħALL-EWROPA L-użu tal-potenzjal sħih taż-żgħażagħ huwa rekwiżit għat-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali tal-ġejjieni fl-UE. Is-swieq tax-xogħol jeħtieġ li jirreaġixxu b’urġenza għal dawn l-isfidi sabiex jintlaħaq il-potenzjali tal-popolazzjoni taż-żgħażagħ. 3.1. Il-qgħad fiż-żgħażagħ: riżorsa moħlija [12] Il-qgħad fiż-żgħażagħ (etajiet 15-24) huwa ta’ tħassib kbir għall-Ewropa: illum huwa ta’ 17.4% [13]. Dan jikkostitwixxi ħela ta' kapital uman. Matul dawn l-aħħar 25 sena, ma nkiseb ebda riżultat veru fit-tnaqqis tiegħu minkejja żieda ġenerali fl-edukazzjoni. Fit-titjib ekonomiku preżenti li seħħ f'daqqa, b'7 miljuni aktar dieħlin fl-impjieg matul iċ-ċiklu ta' Liżbona 2005-2008, ir-rendiment tas-suq tax-xogħol jissokta fl-iżvilupp tiegħu anqas favorevoli għaż-żgħażagħ. Iċ-ċans li jibqgħu bla xogħol huwa aktar mid-doppju mill-adulti fl-aqwa età ta' l-impjieg. Il-qgħad fl-adulti żgħażagħ ta' sikwit jinbidel f'qgħad jew nuqqas ta' attività fit-tul (aktar minn 50% tan-nies bla xogħol huma bejn 25-29). Hemm wisq nisa żgħażagħ fost dawk li mhumiex attivi jew bla xogħol, u d-differenza bejnhom u l-irġiel tikber ma' l-età. Il-qgħad fiż-żagħżagħ ilu żmien meqjuż bħala fenomenu temporanju fit-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol. Madankollu, il-kawżi tal-problemi tal-qgħad fiż-żgħażagħ u r-riskji nvoluti jridu jitqiesu mill-ġdid fil-kuntest demografiku u ekonomiku li qed jinbidel. Il-ħiliet u l-edukazzjoni (jew in-nuqqas tagħhom) hija waħda mir-raġunijiet ewlenin, iżda it-tranżizzjonijiet diffiċli u s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol huma wkoll parti mill-problema. Id-differenzi reġjonali f'xi Stati Membri jaggravaw dawn il-problemi. Bħala konsegwenza ta' nuqqasijiet fl-edukazzjoni kwart miż-żgħażagħ jaslu fuq l-għadba tas-suq tax-xogħol mingħajr biżżejjed kwalifiki (ara il-kapitolu 2). Nofs l-impjiegi ġodda li jinħolqu fl-UE llum jeħtieġu kwalifiki ta' livell għoli, u ħafna mill-bqija mill-inqas ta' livell tan-nofs. Mhix sorpriża li r-rata ta' qgħad taż-żgħażagħ bi kwalifiki baxxi hija ogħla b'mod sinifikanti minn sħabhom stess iktar ikkwalifikati. It-tibdil fid-domanda tax-xogħol żied l-iżvantaġġ taż-żgħażagħ li mhumiex ikkwalifikati. L-ekonomiji bbażati fuq l-għarfien u s-servizz għadhom s'issa għajn ta' impjiegi li jeħtieġu kwalifiki formali għoljin, iżda l-ħtieġa ta' ħiliet u kompetenzi aktar varji hija ikbar mill-passat. F'xi pajjiżi, anki żgħażagħ bi kwalifiki għolja jsibu diffikultajiet fit-tfittxija tax-xogħol minħabba istituzzjonijiet makroekonomiċi jew tas-suq tax-xogħol li huma ta' żvantaġġ għad-dħul ta' dawk li qed ifittxu għall-ewwel darba, u żbilanċ bejn il-kwalifiki u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Rati għoljin ta' nuqqas ta' attività fost iż-żgħażagħ (barra mill-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ) huma fenomenu ieħor ta' nuqqas ta' integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u jikkoinċidu ma rati ġenerali għoljin ta' qgħad. In-nuqqas ta' attività għandha riperkussjonijiet negattivi fuq il-ħeġġa u l-kapaċità ekonomika ta' adulti żgħażagħ li jrabbu familja. Il-qgħad u n-nuqqas ta' attività tal-ġenituri huma fatturi ta' riskju qawwi għall-faqar fit-tfal (ara l-kapitolu 4). 3.2. It-titjib tat-tranżizzjonijiet taż-żgħażagħ: flessigurtà Li wieħed isib postu fis-suq tax-xogħol huwa ta' sikwit proċess gradwali, iżda jsir problema jekk il-perjodi ta' nuqqas ta' impjieg ma jimtlewx b'attività utli; dan jagħmel ħsara lill-kapaċità ta' dak li jkun li jsib ix-xogħol. F'bosta Stati Membri, wieħed fi tliet żgħażagħ jibqa' bla xogħol sena wara li jtemm l-edukazzjoni. Minkejja l-impenn imtenni mill-Istati Membri l-bicca l-kbira ta' l-4.6 miljun żagħżugħ bla xogħol fl-UE ma jsibux l-opportunità li jibdew mill-ġdid fi żmien 6 xhur. L-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni u tas-suq tax-xogħol għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jipprovdu liż-żgħażagħ bi gwida u pariri speċifiċi biex jagħżlu triq xierqa li twassalhom biex jikkwalifikaw għas-suq tax-xogħol[14].u b'hekk inaqqsu l-iżbilanċ bejn il-frott ta' l-edukazzjoni u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Iż-żgħażagħ għandhom jirċievu aktar appoġġ permezz ta' riċerka speċifika għall-impjieg inklużi opportunitajiet barra mill-pajjiż. L-UE se żżid l-appoġġ tagħha għall-kooperazzjoni fost l-Istati Membri dwar il-promozzjoni tal-mobilità (pereżempju. L-inizjattiva ta' L-EURES "L-Ewwel Xogħol Tiegħek Barra). It-twaqqif ta' rabtiet bikrija bejn l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol huwa essenzjali biex iż-żgħażagħ jiffamiljarizzaw ruħhom mad-dinja tax-xogħol. L-apprendistati, meta jkunu marbuta mal-kurrikulu tat-taħriġ jew ta' l-istudju, huma għodda importanti f'dan ir-rigward, iżda, l-apprendistati bi ftit paga jew bla ħlas u b'valur miżjud edukattiv limitat għandhom jiġu evitati. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-apprendistati jkunu ddefinti b'mod xieraq. Iż-żgħażagħ jeħtieġu opportunitajiet ta' xogħol xierqa, iżda meta jsibu ftit opportunitajiet jew xejn biex juru l-kapaċitajiet tagħhom, ibagħtu bil-wisq minħabba li ma jingħatawx impjieg. Huma affettwati b'mod partikolari mid-dwaliżmu tas-suq tax-xogħol. Jistgħu jsibu ruħhom f'impjiegi b'kondizzjonijiet jew prospetti baxxi: pereżempju 4 minn 10 fil-preżent jinsabu f'impjieg temporanju; madwar kwart minnhom jaħdmu part-time u aktar minn kwart għandhom xogħol imħallas bi ftit. Impjieg bħal dan jista' jservi ta' sellum u jgħin liż-żgħażagħ jistabbilixxu rendikont ta' l-impjiegi tagħhom, iżda għal xi wħud jista' jwassal lejn ċiklu ta' impjiegi permamenti ta' kwalità baxxa[15]. Minkejja l-fatt li l-Istati Membri jagħmlu sforzi kbar biex isolvu l-qgħad fiż-żgħażagħ, l-evalwazzjonijiet tal-politika attiva dwar is-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ juru li r-riżultati jistgħu jkunu aħjar[16]. L-Istati Membri għandhom jindirizzaw b'mod aktar sistematiku u wiesa' l-kawżi tal-qgħad fiż-żgħażagħ fi ħdan l-Istrateġija ta' Liżbona, inkluż il-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ. L-eżerċiżzju ta' Liżbona 2006/2007 għamel għadd ta' rakkomandazzjonijiet rilevanti għall-problemi ta' l-impjieg għaż-żgħażagħ. Il-prinċipji komuni ta' flessigurtà jipprovdu parti mill-qafas li jindirizza l-kawżi ewlenin tal-problemi tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u s-sensazzjoni ta' nuqqas ta' sigurtà[17]. Jindirizzaw fl-istess waqt il-kwistjonijiet ta' sigurtà u flessibilità. Fiċ-ċiklu ta' Liżbona li jmiss, li jibda fl-2008, l-Istati Membri huma mistiedna jistabbilixxu, skond l-isfidi rispettivi speċifiċi tagħhom u bis-sehem attiv ta' l-imsieħba soċjali, strateġiji ta' flessigurtà li jintegraw l-erba' komponenti ta' politika (arranġamenti kuntrattwali flessibbli u affidabbli, sistemi effettivi ta' tagħlim tul il-ħajja, politika attiva tas-suq tax-xogħol, sistemi moderni ta' sigurtà soċjali). L-interventi politiċi u l-miżuri ta' impjieg għandhom jiġu analizzati mill-ġdid u jitfasslu skond iċ-ċirkostanzi u l-preferenzi nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jużaw il-Fond Soċjali Ewropew biex jipprovdu liż-żgħażagħ b'mogħdijiet ta' tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol, b'mod partikolari fejn huma anqas żviluppati s-sistemi ta' taħriġ vokazzjonali, u jagħmlu aktar enfażi fuq iż-żgħażagħ fl-istrateġiji politiċi strutturali bit-tir li jnaqqsu l-iżbilanċ reġjonali. 3.3. Il-promozzjoni ta' l-intraprenditorija L-Ewropa teħtieġ aktar intraprendituri. 15% biss minn dawk li jaħdmu huma sidien jew għal rashom fl-UE u ċ-ċifri jonqsu sa 4.2% fil-każ taż-żgħażagħ[18]. Iżda, aktar minn nofshom juru li jinteressahom isegwu t-triq ta' l-intraprenditorija[19]. It-trawwim fil-ksib ta' spirtu intraprenditorjali permezz ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ huwa kruċjali u għandu l-għarfien ta' kompetenza ewlenija. Il-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ u l-inizjattivi reċenti tal-Kummissjoni[20] wkoll jenfażizzaw il-ħtieġa biex il-proċessi ta' tagħlim jappoġġaw, kemm jista' jkun possibbli, l-iżvilupp tal-ħiliet ta' parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-fiduċja fihom infushom u l-kompetenza bħala intraprendituri. Jeħtieġ li jinħolqu kondizzjonijiet favorevoli għall-intraprendituri żgħażagħ, billi jiġi pprovdut tagħrif, inċentivi finanzjarji u jitneħħa x-xkiel żejjed legali u amministrattiv. Hemm ukoll il-ħtieġa li jiġu indirizzati ostakli speċifiċi li jiltaqgħu magħhom in-nisa żgħażagħ fit-twaqqif u l-ġestjoni ta' negozju. Il-Kummissjoni qed tħejji proġett pilota biex ġġib 'il quddiem il-mobilità ta' l-intraprendituri żgħażagħ. Il-Kummissjoni - se żżid is-sorveljanza ta' l-imjieg għaż-żgħażagħ l-Istati Membri u ġġib 'il quddiem l-iskambju ta' l-aqwa prassi - se ttejjeb l-appoġġ għall-mobilità ġeografika permezz ta' l-istrument EURES u tniedi fil-ħarifa ta' l-2007 l-inizzjattiva pilota "L-Ewwel Xogħol Tiegħek Barra" għaż-żgħażagħ ħaddiema sabiex jagħmlu l-ewwel esperjenza tagħhom ta' mobilità - se tipproponi fl-2008 inizjattiva għal statut ta' kwalità Ewropew dwar l-apprendistati - tistieden l-Istati Membri jagħtu aktar attenzjoni liż-żgħażagħ fil-Programmi ta' Riforma Nazzjonali u fis-sorveljanza multilaterali - tistieden l-Istati Membri jistabbilixxu strateġiji ta' flessigurtà b'attenzjoni speċifika fuq l-objettivi ta' impjieg għaż-żgħażagħ, b'mod partikolari fid-dawl ta' l-approċċ imfassal fil-Komunikazzjoni ta' Ġunju dwar il-flessigurtà u x-xogħol li għad irid isir dwar il-flessigurtà fil-Kunsill Ewropew. - tistieden l-Istati Membri jġibu 'l quddiem l-apprendistati b'rabta qawwija mal-kurrikulu ta' taħriġ jew studju u jiddefinixxu oqfsa xierqa biex dan isir - tistieden l-Istati Membri jġibu 'l quddiem l-edukazzjoni intraprenditorjali bħala kompetenza ewlenija u jtejbu l-kondizzjonijiet għall-imprendituri żgħażagħ, pereżempju billi jippromwovu l-Programm ta' Innovazzjoni u Intraprenditorija fost l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-impriżi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament għat-twaqqif ta' l-IŻM minn intraprendituri żgħażagħ - tħeġġeġ l-Istati Membri jużaw l-istrateġiji nazzjonali u l-fondi ta' l-UE, b'mod partikolari il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Żvilupp Reġjonali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond ta' Żvilupp Rurali jew xi fondi jew programmi rilevanti ta' l-UE, biex jappoġġjaw it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni għall-impjieg u jnaqqsu l-isbilanċ reġjonali f'dan ir-rigward 4. L-UżU TAL-POTENZJAL TA' KULLħADD Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà hija affettwata mill-faqar, l-emarġinazzjoni soċjali, id-diskriminazzjoni u n-nuqqas ta' sanità. L-Ewropa għandha interess ġenwin kemm għal raġunijiet ekonomiċi kif ukoll soċjali li tiżgura li tfal u żgħażagħ ma jiġux esklużi. 4.1. Inklużjoni soċjali Il-faqar fost it-tfal, li jolqot 19% tat-tfal, ġuvintur u xebbiet kollha taħt it-18, huwa tħassib ewlieni[21]. Il-benessri tat-tfal huwa meqjus li għandu effetti importanti fuq l-edukazzjoni u l-impjieg sussegwenti. Il-pajjiżi b'riskji għolja ta' faqar għat-tfal u ż-żgħażagħ tipikament għandhom livelli għolja ta' qgħad. Il-qtugħ fit-trażmissjoni tal-faqar interġenerazzjonali hija sfida ewlenija, u l-politika għandha tindirizza l-ħtiġijiet kemm tat-tfal kif ukoll tal-ġenituri b'mod komprensiv. Għandu jkun hemm aktar enfażi fuq l-edukazzjoni preprimarja u fuq l-edukazzjoni tat-tfal li jgħixu f'żoni żvantaġġati. F'għadd ta' pajjiżi, l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ bi sfond ta' migrazzjoni jew minn minoranzi żvantaġġati (b'mod partikolari Roma) s'issa ma seħħitx b'suċċess. Ta' sikwit minn ġenituri bi status soċjoekonomiku baxx, jirrappreżentaw porzjon kbir miż-żgħażagħ żvantaġġati, jkollhom rati ogħla ta' tluq kmieni mill-iskola u ta' sikwit b'ħiliet baxxi fil-qari. Ir-riskju ta' nuqqas ta' attività ekonomika miż-żgħażagħ ta' minoranzi etniċi f'ċerti pajjiżi hija ogħla b'terz mill-popolazzjoni taż- żgħażagħ integrati. Il-ksib ta' l-inklużjoni soċjali u opportunitajiet indaqs hija wkoll kwistjoni ewlenija għaż-żgħażagħ b'diżabbilità. L-eliminazzjoni tax-xkiel għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll għall-impenn tagħhom fil-ħajja ċivika, politika u komunitarja hija kruċjali. Għaż-żgħażagħ kollha b'anqas kapaċitajiet, il-politika attiva tas-suq tax-xogħol u l-miżuri biex jiżdid is-sehem tagħhom fit-taħriġ vokazzjonali huma strumentali għat-titjib ta' l-opportunitajiet ta' parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà. 4.2. Żbilanċ bejn is-sessi Iż-żgħażagħ nisa jridu jgħaddu minn rati ta' qgħad ogħla mill-irġiel u ta' sikwit isibu ruhħom f'impjiegi ta' kwalità baxxa, part-time u għal żmien fiss. Minkejja li f'dawn l-aħħar għexiren ta' snin għamlu progress sostanzjali fl-edukazzjoni, il-potenzjal tagħhom huwa biss parzjalment rifless fir-rendiment tas-suq tax-xogħol, inklużi differenzi persistenti fil-paga li jiżdiedu bl-età. L-istereotipi bbażati fuq is-sess għandhom rwol ewlieni f'din is-sitwazzjoni peress li n-nisa u l-irġiel jgħaddu minn mogħdijiet edukattivi tradizzjonali, li ta' sikwit iqiegħdu lin-nisa f'xogħol inqas stmat u imħallas. In-nisa jaħdmu ħafna inqas fl-oqsma tekniċi, minkejja n-nuqqas fis-suq tax-xogħol. Iż-żgħażagħ irġiel huma rrappreżentati żżejjed fost dawk li jitilqu kmieni mill-iskola. 4.3. Aktar Saħħa Is-saħħa hija ħtieġa fil-bini tal-kapital uman u s-sehem sħiħ. Ħafna nuqqas ta' saħħa aktar tard fil-ħajja tista' tiġi evitata minn qabel. Iżda għadd relattivament għoli u dejjem jiżdid ta' żgħażagħ diġà jsofru minn problemi ta' saħħa: pereżempju fit-tfal, wieħed minn kull ħamsa jbagħti minn piż żejjed jew obeżità, madwar 10% ta' l-imwiet fiż-żgħażagħ nisa u 25% fiż-żgħażagħ irġiel huma marbuta ma' l-alkoħol. Is-saħħa taż-żgħażagħ hija influwenzata b'mod qawwi miċ-ċirkustanzi soċjali, tal-familja u ta' l-iskola. Stat soċjoekonomiku baxx u livelli ta' edukazzjoni baxxi huma assoċjati ma' inċidenza ogħla ta' problemi ta' saħħa mentali u fiżika, abbuż ta' droga u tqala qabel iż-żmien. Iż-żgħażagħ huma wieħed mill-gruppi ewlieni fil-mira tal-politika ta' saħħa u prevenzjoni ta' l-UE (fl-oqsma ta' l-alkoħol, l-abbuż ta' droga, it-tabakk, is-saħħa tal-konsumatur, in-nutrizzjoni u l-obeżità u l-HIV/AIDS, u dalwaqt is-saħħa mentali). Jeħtieġ aktar kollaborazzjoni intersettorjali biex tiġi indirizzata d-dimensjoni soċjali tas-saħħa u jinħolqu azzjonijiet speċifiċi biex tinġieb 'il quddiem is-saħħa taż-żgħażagħ. Il-Kummissjoni enfażizzat ukoll l-importanza tal-promozzjoni ta' nutrizzjoni aħjar u attività fiżika fost iż-żgħażagħ biex saħħithom tkun aħjar[22]. Il-Kummissjoni - tistieden l-Istati Membri jħabirku aktar fil-ġlieda kontra l-faqar fit-tfal l-aktar billi jġibu 'l quddiem l-opportunitajiet indaqs għat-tfal u ż-żgħażagħ f'dak li huwa edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni pre-primarja, kif ukoll is-sehem tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol. - tistieden l-Istati Membri jħejju lill-għaqdiet taż-żgħażagħ u lil dawk li jaħdmu fosthom biex jiffaċċaw kwistjonijiet ta' saħħa - se tħejji strateġija ġdida ta' saħħa fl-2007 li tagħti appoġġ lill-azzjonijiet speċifiċi għaż-żgħażagħ - bil-qawwa tappoġġja azzjonijiet biex jitwarrbu l-istereotipi bbażati fuq is-sess fl-edukazzjoni, il-kultura u fis-suq tax-xogħol billi ġġib 'l quddiem l-integrazzjoni tas-sessi u azzjonijiet speċifiċi fil-programmi edukattivi u kulturali ta' l-UE. 5. ĊITTADINI żGħAżAGħ ATTIVI Mill-pubblikazzjoni tal- White Paper dwar iż-Żgħażagħ, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ħadmu fuq strateġiji politiċi biex irawwmu l-ħiliet ta' parteċipazzjoni u l-impenn attiv taż-żgħażagħ fis-soċjetà[23]. It-tfassil tal-politika għaż-żgħażagħ fi djalogu kostanti maż-żgħażagħ huwa strumentali għas-suċċess tagħhom. 5.1. Sehem iż-żgħażagħ Sehem iż-żgħażagħ fl-istituzzjonijiet demokratiċi u fi djalogu kontinwu ma' min ifassal il-politika huwa essenzjali biex jaħdmu sewwa d-demokraziji tagħna u s-sostenibilità ta' l-istrateġiji politiċi li għandhom impatt fuq ħajjet iż-żgħażagħ. Il-Kummissjoni dan l-aħħar[24] għamlet sejħa lill-Istati Membri biex jissoktaw bl-isforzi tagħhom biex iżidu sehem iż-żgħażagħ u jsawwru strateġiji koerenti ta' tagħrif għaż-żgħażagħ. Il-Kummissjoni nidiet ukoll djalogu ġenwin maż-żgħażagħ imsawwar mil-livell lokali sa dak Ewropew li jeħtieġ li jiġi implimentat fis-sħiħ. Is-Samit Ewropew taż-Żgħażagħ "L-Ewropa Tiegħek" organizzat f'Ruma f'Marzu 2007, il-Ġimgħa Ewropea għaż-Żgħażagħ u avvenimenti regolari tal-Presidenza Żgħażagħ huma passi pożittivi lejn djalogu strutturat bħal dan maż-żgħażagħ. L-involviment fl-attivitajiet kulturali jista' jgħin ukoll liż-żgħażagħ jesprimu l-enerġija kreattiva tagħhom u jikkontribwixxu fit-trawwim ta' ċittadinanza attiva. Barra minn hekk, l-attivitajiet kulturali jistgħu jġibu 'l quddiem l-inklużjoni u jiffaċilitaw id-djalogu inter-ġenerazzjonali u inter-kulturali billi jsawwru rabtiet bejn l-individwi u jgħinu biex l-identità nazzjonali tiġi miżbuqa. Dan huwa l-qofol tas-Sena Ewropea dwar id-Djalogu Interkulturali fl-2008, li se tiffoka fuq iż-żgħażagħ. Huma jikkostitwixxu wkoll messaġġi ewlenin fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kultura[25]. 5.2. Attivitajiet volontarji L-attivitajiet volontarji jipprovdu esperjenza ta' tagħlim mhux formali u prezzjuża, li tippermetti liż-żgħażagħ jiksbu ħiliet u tiffaċilita t-tranżizzjoni tagħhom mill-edukazzjoni għall-impjieg. Permezz tal-volontarjat, iż-żgħażagħ jiżviluppaw valuri bħall-ftehim ta' xulxin, id-djaloġu u s-solidarjetà. Madankollu, ta' min jenfażizza li l-attivitajiet volontarji m'għandomx jissostitwixxu impjieg bi ħlas. Iż-żgħażagħ Ewropej għandhom idea pożittiva tal-programmi li jħeġġu l-attivitajiet volontarji u 74% jemmnu li programmi bħal dawn huma mod tajjeb kif jiżdied is-sehem tagħhom fis-soċjetà. Il-Programm Iż-Żgħażagħ Jaġixxu ta' l-UE[26] jipprovdi qafas għas-Servizz Volontarju Ewropew. Ir-rapporti ta' l-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni ta' l-objettivi komuni adottati għall-attivitajiet volontarji fi ħdan il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni (Open Method of Coordination / OMC)[27] juru li l-iskambji ta' prassi tajba, l-attivitajiet ta' tagħlim bis-saħħa ta' xulxin u l-għodda ta' valutazzjoni jġibu valur miżjud fl-iżvilupp ta' attivitajiet volontarji[28]. Ostakoli bħal diffikultajiet ta' visa u nuqqas ta' assigurazzjoni għandhom jiġu eliminati, u r-rabta ma' drittijiet għal dispożizzjonijiet ta' sigurtà soċjali, inklużi benefiċċji għall-qgħad, jeħtieġ li titjib. Il-kooperazzjoni intersettorjali bejn l-awtoritajiet differenti u oqfsa legali xierqa huma meħtieġa[29]. L-għarfien tal-ħiliet miksuba miż-żgħażagħ fil-volontarjat jikkontribwixxi għall-faċilitazzjoni tat-tranżizzjoni tagħhom mill-edukazzjoni għall-impjieg. Teżisti prassi tajba iżda jeħtieġ approċċ aktar koerenti, fuq il-bażi tar-riflessjoni preżenti mnedija fuq livell ta' l-UE[30]. 5.3. Iż-żgħażagħ u l-UE: Sħubija msaħħa L-istituzzjonijiet u l-politika għandhom rwol ewlieni fit-twessigħ ta' l-opportunitajiet biex il-ġenerazzjoni żagħżugħa tieħu sehem fis-soċjetà, iżda ż-żgħażagħ infushom jridu wkoll jiżviluppaw sens ta' responsabbiltà f'dik li hija l-edukazzjoni tagħhom, is-saħħa, l-integrazzjoni fil-ħajja professjonali u l-impenn fis-soċjetà. L-għaqdiet taż-żgħażagħ huma riżorsa ewlenija f'dan ir-rigward. Ir-rwol tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ huwa importanti biex għaqdiet bħal dawn jiġu impenjati, b'mod partikolari l-Kunsilli taż-żgħażagħ nazzjonali u lokali, kif ukoll żgħażagħ b'anqas opportunitajiet fi djalogu strutturat ma' dawk li jfasslu l-politika. L-iżvilupp ta' l-Unjoni Ewropea jitlob impenn qawwi. F'Ewrobarometru reċenti ż-żgħażagħ lissnu l-appoġġ tagħhom għall-UE, u li wieħed jibni fuq dan huwa importanti[31]. Il-Kummissjoni tipproponi li ssaħħaħ is-sħubija preżenti bejn l-Istituzzjonijiet ta' l-UE u r-rappreżentanti taż-żgħażagħ fi stqarrija li tenfażizza r-rilevanza ta' djalogu strutturat maż-żgħażagħ fil-livelli kollha u fl-oqsma koperti minn din il-Komunikazzjoni. L-aġenda trid tiġi ddefinita flimkien maż-żgħażagħ. Id-djalogu għandu jġib flimkien il-partijiet interessati rilevanti u għaqdiet taż-żgħażagħ. Għandu wkoll jinkludi żgħażagħ b'anqas opportunitajiet u dawk li mhumiex membri ta' għaqda. Oqsma oħra ta' interess għaż-żgħażagħ, bħall-iżvilupp sostenibbli, il-ġejjieni ta' l-UE jew l-għajnuna għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jistgħu jiġu indirizzati wkoll fil-qafas ta' din is-sħubija. Rapport ta' l-UE dwar iż-żgħażagħ għandu jiġi abbozzat kull tliet snin flimkien maż-żgħażagħ, fuq il-bażi tat-tagħrif preżenti u li jirrapporta dwar żviluppi fl-oqsma indirizzati f'din il-komunikazzjoni. Il-ministri laqgħu tajjeb dan ir-rapport[32]. Il-Kummissjoni Għal parteċipazzjoni: - tistieden l-Istati Membri fi ħdan l-OMC jimplimentaw l-objettivi komuni msaħħa għas-sehem u l-informazzjoni taż-żgħażagħ u biex jimplimentaw id-djalogu strutturat - tistieden l-Istati Membri jagħtu rwol liż-żgħażagħ fi ħdan l-attivitajiet ippjanati għas-Sena Ewropea dwar id-djalogu inter-kulturali - f'kooperazzjoni ma' l-Istati Membri u bir-rispett dovut għall-kompetenzi tagħhom, se tistudja l-prassi nazzjonali preżenti f'dak li huwa aċċess għaż-żgħażagħ għall-kultura, bil-ħsieb li dan l-aċċess ikun iktar miftuħ - se tuża programmi rilevanti ta' l-UE[33], f'kooperazzjoni ma' l-Istati Membri, biex iġġib 'l quddiem is-sehem taż-żgħażagħ, f'approċċ ikkoordinat Għall-attivitajiet volontarji - tistieden l-Istati Membri jiżviluppaw programmi, strateġiji, jesploraw titjib fl-oqfsa legali, jeliminaw ostakli u jħeġġu l-volontarjat taż-żgħażagħ b'anqas opportunitajiet - tistieden l-Istati Membri jġibu 'l quddiem u jagħrfu l-volontarjat, fuq il-bażi ta' l-Ewropass - tistieden l-Istati Membri jsaħħu l-OMC fuq l-attivitajiet volontarji, jidħlu għal attivitajiet ta' tagħlim bis-saħħa ta' xulxin u jiżviluppaw għodda ta' sorveljanza fuq livell Ewropew - se tniedi konsultazzjoni u stima ta' l-impatt dwar inizjattiva ġdida fuq livell ta' l-UE biex ġġib 'l quddiem u tagħraf l-attivitajiet volontarji taż-żgħażagħ Għal sħubija msaħħa - tistieden l-Istituzzjonijiet Ewropej u ż-żgħażagħ isaħħu s-sħubija tagħhom fi stqarrija konġunta aktar tard din is-sena - tistieden il-Forum Żgħażagħ Ewropej, fi ħdan id-djalogu strutturat, ilissnu t-tħassib taż-żgħażagħ b'anqas opportunitajiet u ta' dawk li mhumiex membri ta' xi għaqda - se tfassal rapport ta' l-UE dwar iż-żgħażagħ li jrid jitħejja mill-Kummissjoni kull tliet snin 6. KONKLUżJONIJIET Il-Komunikazzjoni preżenti hija pass ewlieni fi proċess ta' strateġija politika dwar kwistjonijiet taż-żgħażagħ li beda fl-2001 bil- White Paper dwar iż-Żgħażagħ. Hija twassal, f'kuntest ta' soċjetajiet li qiegħdin jixjieħu, messaġġ qawwi għal aktar investiment, investiment aħjar u aktar kmieni fiż-żgħażagħ għall-promozzjoni ta' l-edukazzjoni tagħhom, l-inklużjoni soċjali, is-saħħa u ċittadinanza attiva f'approċċ tul ċiklu ta' ħajja. L-investiment m'għandux ikun biss finanzjarju. L-involviment personali tal-partijiet interessati rilevanti huwa meħtieġ, bħal dawk li jfasslu l-politika, l-istituzzjonijiet tax-xogħol u edukattivi, l-impriżi, dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ, riċerkaturi, familji u għaqdiet li jaħdmu għaż-żgħażagħ u magħhom. Il-Komunikazzjoni tenfażizza l-ħtieġa li jitnaqqas b'mod sostanzjali l-qgħad fiż-żgħażagħ u titjieb il-kwalità ta' l-impjiegi. Iż-żgħażagħ kollha, u l-Ewropa kollha kemm hi, jeħtieġ li jkollhom il-ħiliet u l-opportunitajiet ta' xogħol produttiv għall-benessri economiku u soċjali. Għas-sehem sħiħ taż-żgħażagħ huwa ta' importanza kbira l-aċċess għal impjieg tajjeb li jeħtieġ ukoll edukazzjoni kwalitattiva u rilevanti. Il-promozzjoni tas-sehem sħiħ ta' diriġenti żgħażagħ, intraprendituri u ħaddiema hija wkoll komponent ewlieni fil-bini ta' ekonomiji ta' l-UE innovattivi, ibbażati fuq l-għarfien u kompetittivi internazzjonalment. Il-ħidma għas-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fis-soċjetà tista' titwettaq b'aktar suċċess permezz ta' strateġija għaż-żgħażagħ trażversali. Dan jeħtieġ kooperazzjoni intersettorjali aktar qawwija bejn l-oqsma ta' politika li għandhom impatt fuq iż-żgħażagħ u attenzjoni ikbar liż-żgħażagħ f'dawn l-oqsma. L-Istati Membri għaldaqstant huma mistiedna jieħdu għadd ta' miżuri bl-għan li jissawwru rabtiet aktar mill-qrib bejn il-proċessi preżenti, bħall-Istrateġija ta' Liżbona, l-istrateġiji għas-saħħa u metodi varji miftuħa ta' koordinazzjoni[34], sabiex jkunu jistgħu jwasslu aktar opportunitajiet u opportunitajiet aħjar liż-żgħażagħ, u jikkonċentraw fuq azzjonijiet li jkunu aktar ta' benefiċċju għall-integrazzjoni professjonali, l-inklużjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva taż-żgħażagħ. Il-Kummissjoni tipproponi għadd ta' inizjattivi ġodda li jibnu l-pontijiet bejn l-edukazzjoni u l-impjieg u jrawwmu ċittadinanza attiva fost iż-żgħażagħ. Fost dawn hemm inizjattiva dwar statut Ewropew għall-kwalità ta' l-apprendistati, inizjattiva pilota "L-Ewwel Xogħol Tiegħek Barra", strateġija ġdida għas-saħħa imminenti, stima ta' l-impatt fuq l-attivitajiet volontarji għaż-żgħażagħ u studju li jirrigwarda l-aċċess taż-żgħażagħ għall-kultura. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi l-promozzjoni ta' koordinazzjoni trażversali permezz ta' rapport ta' l-UE dwar iż-żgħażagħ kull tliet snin. Is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fis-soċjetà jista' biss madankollu jkun ta' suċċess jekk iż-żgħażagħ jimpenjaw ruħhom li jaħdmu bħala msieħba għal dan l-objettiv, u għaldaqstant qed issir il-proposta tal-Kummissjoni biex iż-żgħażagħ ikunu f'qagħda li jaġixxu u għat-tisħiħ tas-sħubija preżenti bejn l-Istituzzjonijiet Ewropej u l-ġenerazzjoni żagħżugħa. Anness Tekniku: dokumenti ta' referenza Anness Tekniku: Lista ta' dokumenti ta' referenza (f'ordni kronoloġiku) 1. COM (2001) 681: White Paper dwar impetu ġdid għaż-Żgħażagħ Ewropej (21.11.2001) 2. Edukazzjoni u Taħriġ 2010 C 142/1: Programm ta' Xogħol Dettaljat dwar is-segwitu ta' l-għanijiet tas-sistemi ta' Edukazzjoni u taħriġ fl-Ewropa (14.06.2002) 3. Riżoluzzjoni tal-Kunsill C 168/2(2002): Riżoluzzjoni tal-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill dwar il-qafas ta' Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (27.06.2002) 4. Riżoluzzjoni tal-Kunsill Gwida: Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar it-Tisħiħ ta' Strateġiji Politiċi, Sistemi u Prassi fil-qasam tal-Gwida. (Mejju 2004) http://ec.europa.eu/education/policies/2010/doc/resolution2004_en.pdf 5. L-Impjiegi fl-Ewropa (EiE) 2004: L-Impjiegi fl-Ewropa 2004 6. Riżoluzzjoni tal-Kunsill 13996/04 (2004): Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar objettivi Komuni għal attivitajiet volontarji, 13996/04 (15.11.2004) 7. DEĊIŻJONI 2241/2004/KE: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15.12.2004 dwar Qafas Komunitarju Waħdieni għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi (Ewropass) 8. Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ: Anness 1 għall-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-22 u t-23 ta’ Marzu 2005 9. COM (2005) 206: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar strateġiji politiċi li jirrigwardaw iż-żgħażagħ - L-indirizzar tat-tħassib taż-żgħażagħ fl-Ewropa - li timplimenta l-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ u ġġib 'il quddiem ċittadinanza attiva (30.05.2005) 10. COM (2006) 33: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Liżbona tal-Komunità: It-trawwim ta' mentalitajiet intraprenditorjali permezz ta' l-edukazzjoni u t-tagħlim (13.02.2006) 11. COM (2006) 208: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "It-twassil ta' l-aġenda ta' modernizzazzjoni għall-universitajiet: edukazzjoni, riċerka u innovazzjoni" (10.05.2006) 12. COM (2006) 417: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-segwitu tal- White Paper dwar impetu ġdid għaż-Żgħażagħ Ewropej: Li timplimenta l-għanijiet komuni għall-parteċipazzjoni miż-żgħażagħ u informazzjoni għalihom bil-għan li tippromwovi li jkunu ċittadini Ewropej attivi (20.07.2006) 13. COM (2006) 481: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Effiċjenza u l-Ekwità fl-edukazzjoni Ewropea u s-sistemi ta' taħriġ (08.09.2006) 14. COM (2006) 571: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Il-ġejjieni demografiku ta’ l-Ewropa - minn sfida għal opportunità" (12.10.2006) 15. L-Impjiegi fl-Ewropa (EiE) 2006: L-Impjiegi fl-Ewropa 2006 16. Analiżi dwar l-Osservazzjoni ta’ l-Impjieg fl-Ewropa: Ħarifa 2005 (Impjieg għaż-żgħażagħ). Il-Lussemburgu: Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, 2006. ISSN 1725-5376 17. Rakkomandazzjoni (2006/962/KE): Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (18.12.2006) 18. COM (2006) 857: Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "L-impjieg fiż-żoni rurali: biex tonqos id-diskrepanza" (21.12.2006) 19. SEC (2006) 1772: Dokument ta' Ħidma tas-Servizzi tal-Kummissjoni: Rapport dwar l-impjieg fiż-żoni rurali (21.12.2006) 20. SEC (2007) 329: Dokument ta' Ħidma tas-Servizzi tal-Kummissjoni: Rapport Konġunt dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali. Dokument ta' appoġġ (06.03.2007) 21. BEPA April 2007: Uffiċċju tal-Konsulenti dwar il-Politika Ewropea "L-investiment fiż-żgħażagħ: strateġija ta' aċċess"http://ec.europa.eu/dgs/policy_advisers/publications/index_en.htm 22. COM (2007) 244: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Il-promozzjoni tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet" (10.5.2007) 23. Konklużjonijiet tal-Kunsill 8771 (2007): dwar perspettivi fil-ġejjieni għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-politika għaż-żgħażagħ (25.05.2007) 24. COM (2007) 279: White Paper dwar Strateġija għall-Ewropa għal kwistjonijiet ta' saħħa marbuta man-Nutriment, il-Piż Żejjed u l-Obeżità (30.05.2007) 25. COM (2007) 359: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn prinċipji komuni ta' flessigurtà: Aktar impjiegi u impjiegi aħjar permezz tal-flessibbiltà u s-sigurtà" (27.06.2007) 26. Żgħażagħ EB 2007: "X'hemm wara ċ-ċifri - ir-riżultati ewlenin ta' l-istħarriġ ta' l-Ewrobarometru 2007 dwar iż-żgħażagħ" ta' Frar 2007, fuq http://ec.europa.eu/youth/index_en.html 27. EB Flash 192, Stħarriġ dwar l-Imprenditorija ta' l-UE (25 Stat Membru), l-Istati Uniti, l-Iżlanda u n-Norveġja: Rapport Analitiku, April 2007 28. Rapport dwar il-Progress 2007: Progress lejn l-objettivi ta' Liżbona fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ: Rapport tad-DĠ EAC 2007 ibbażat fuq indikaturi u kriterji ta' tqabbil (imminenti) 29. COM (2007) 242: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar aġenda Ewropea għall-kultura f'dinja li qed tiġi gglobalizzata (10.05.2007) 30. COM (2007) 391: White Paper dwar l-isport: L-UE u l-isport: l-ilħuq ta' l-aspetattivi, u l-Pjan ta' Azzjoni mehmuz (11.07.2007) 31. Aġenda ta' Oslo għall-Edukazzjoni fl-Imprenditorija fl-Ewropa http://ec.europa.eu/enterprise/entrepreneurship/support_measures/training_education/doc/oslo_agenda_final.pdf 32. Ktejjeb dwar il-Gwida għall-Karriera: Gwida għall-Karriera - Ktejjeb għal dawk li jfasslu l-politika. Dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni u pubblikazzjoni konġunta ma' l-OECD. http://www.oecd.org/dataoecd/53/53/34060761.pdf 33. LFS: "Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol - Gwida għall-Utent" Ewrostat 2007 34. Alleanza Ewropea tal-Familji: imnedija mill-Istati Membri fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007. Għal aktar dettalji ara http://ec.europa.eu/employment_social/families/european-alliance-for-families_en.html 35. Portal Ewropew għaż-Żgħażagħ: għajn ta' tagħrif ġenerali għaż-żgħażagħ. http://europa.eu/youth 36. Programm iż-Żgħażagħ Jaġixxu 2007-2013: il-programm il-ġdid ta' l-UE fil-qasam taż-żgħażagħ. http://ec.europa.eu/youth [1] BEPA April 2007 [2] Alleanza Ewropea tal-Familji li tnediet fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa fl-2007 [3] COM(2006)571, COM(2007)244 [4] COM (2005) 206 [5] COM (2001) 681, Riżoluzzjoni tal-Kunsill C 168/2(2002) [6] Rapport dwar il-Progress 2007 [7] Edukazzjoni preprimarja [8] COM (2006) 481 [9] Rakkomandazzjoni (2006/962/KE): dawn huma l-komunikazzjoni f’ilsien il-pajjiż, il-komunikazzjoni f'ilsna barranin, il-kompetenza matematika u kompetenzi bażiċi fix-xjenza u t-teknoloġija, il-kompetenza diġitali, it-tagħlim ta' kif titgħallem, kompetenzi soċjali u ċiviċi, is-sens ta' inizzjattiva u intraprenditorija, u għarfien u espressjoni kulturali. [10] C 142/1 (2002) [11] DEĊIŻJONI 2241/2004/KE: L-Ewropass jipprovdi qafas komunitarju għat-trasparenza tal-kwalifiki u l-kompetenzi filwaqt li jtejjeb l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ sabiex il-frott tat-tagħlim tagħhom ikun aktar viżibbli [12] Ara l-analiżi fid-dettall fl-SEC (2007) 1093 ippreżentata ma' din il-Komunikazzjoni, u l-Analiżi dwar l-Osservazzjoni ta' l-Impjieg 2005 [13] UE-27 rata ta' qgħad fiż-żgħażagħ 2006 Għal aktar dettalji dwar iċ-ċifri ara SEC (2007) 1093 [14] Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-Gwida ta' l-Istudent, Mejju 2004;Ktejjeb dwar il-Gwida għall-Karriera [15] L-Impjiegi fl-Ewropa 2004 p. 178 [16] L-Impjiegi fl-Ewropa 2006 p. 139 [17] COM (2007) 359 [18] Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol 2006 [19] Flash EB 192, April 2007 [20] COM (2006) 33 finali. Ara wkoll l-aġenda ta' Oslo [21] SEC (2007) 329 [22] COM(2007)391 u COM(2007)279 [23] Riżoluzzjoni tal-Kunsill C 168/2(2002) [24] COM (2006) 417 [25] COM (2007) 242 [26] Mill-1996 sa l-2006, 30.000 żagħżugħ Ewropew ibbenefikaw minn din l-iskema [27] Riżoluzzjoni tal-Kunsill 13996/04 ( 2004) [28] Ara l-analiżi fid-dettall fl-SEC (2007) 1084 ippreżentata ma' din il-Komunikazzjoni [29] Ara t-taqsima 3 tad-dokument ta' ħidma għall-impjegati dwar attivitajiet volontarji taż-żgħażagħ għal aktar tagħrif sustanzjat dwar l-ostakoli [30] DEĊIŻJONI 2241/2004/KE [31] Żgħażagħ EB 2007 [32] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 8771 (25.05.2007) [33] Pereżempju Iż-Żgħażagħ Jaġixxu, Tagħlim tul il-Ħajja, il-programm qafas dwar il-Kompetittività u l-Innovazzjoni u l-programm aktar speċifiku dwar l-imprenditorija u l-innovazzjoni u l-programm propost ta' Azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-Saħħa 2007-2013 [34] Fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, l-inklużjoni u ż-żgħażagħ