EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007AE0991

Opinjoni tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Konferenzi ta' Linji (Konferenzi Marittimi) — Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti COM(2006) 869 finali — 2006/0308 (COD)

ĠU C 256, 27.10.2007, p. 62–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 256/62


Opinjoni tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Konferenzi ta' Linji (Konferenzi Marittimi) — Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti”

COM(2006) 869 finali — 2006/0308 (COD)

(2007/C 256/12)

Nhar l-20 ta' Marzu 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 80 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 954/79 dwar ir-ratifika minn Stati Membri ta', jew l-adeżjoni tagħhom mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Kodiċi ta' l-Imġieba għall- Konferenzi ta' Linji (Konferenzi Marittimi).

Fl-14 ta' Frar 2007 il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni sabiex tħejji l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba fin-natura urġenti tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-437. Sessjoni Plenara tiegħu tal-11 u t-12 ta' Lulju 2007 (seduta tal-11 ta' Lulju) li jaħtar lil Dr Bredima-Savopoulou bħala rapporteur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b'86 vot favur u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-KESE jaqbel mar-revoka proposta għar-Regolament 954/79, peress li hija l-konsegwenza inevitabbli tar-revoka tar-Regolament 4056/86 li twaqqaf l-eżenzjoni ġenerali għall-konferenzi tal-Linji. Il-KESE jinnota li dawn iż-żewġ Regolamenti kkostitwixxew pakkett legali.

1.2

Ir-Regolament 954/79 jitratta dwar l-adeżjoni jew ir-ratifika ta' l-Istati Membri mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Kodiċi ta' l-Imġieba ghal Konferenzi ta' Linji — minn issa 'l quddiem imsemmija l-Kodiċi ta' Linji ta' l-UNCTAD jew il-Kodiċi. F'dan ir-rigward, huwa notevoli li l-Kodiċi tal-Linji UNCTAD ġiet rratifikata minn 81 pajjiż inklużi l-muturi ġodda tal-kummerċ dinji jiġifieri ċ-Ċina, l-Indja, ir-Russja u l-Brażil kif ukoll l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, in-Niġerja, il-Messiku, l-Indoneżja, l-Arabja Sawdija u s-Singapor. Il-Kodiċi ġiet irratifikata wkoll minn 16-il Stat Membru ta' l-UE. Barraminhekk, il-linji tat-tbaħħir jġorru 60 % tal-valur globali tal-kummerċ internazzjonali fil-parti l-kbira bil-kontejners. B'hekk, revoka tar-Regolament 954/79 (kif ukoll tar-Regolament 4056/86) ċertament ser ikollha implikazzjonijiet li m'għandhomx jiġu sottovalutati.

1.3

Il-KESE b'mod partikulari jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiċċara l-pożizzjoni legali tat-trasportaturi tal-linji ta' l-UE mil-lat internazzjonali b'segwitu ta' revoka tar-Regolament 954/79. Fis-sew, fid-dawl ta' l-importanza ta' politika marittima integrata ta' l-UE għar-rwol ta' l-UE fl-ekonomija dinjija u b'kunsiderazzjoni ta' l-importanza tat-trasport marittimu, inkluż it-trasport marittimu ta' l-UE, fil-kummerċ dinji u dak ta' l-UE, il-KESE huwa tal-fehma li hija meħtieġa viġilanza addizzjonali fit-trattament ta' revoka ta' din it-tip u ghandha tingħata kunsiderazzjoni partikulari lir-riperkussjonijiet tagħha, fil-livell Ewropew kif ukoll dak internazzjonali. Fir-rigward tal-proposta sottostanti tal-Kummissjoni għar-revoka tar-Regolament 954/79, il-KESE huwa ta' l-opinjoni li ma tikkunsidrax dawn iż-żewġ parametri: a) id-diskriminazzjoni bejn it-trasportaturi tal-linji ta' l-UE li tista' tirriżulta minn revoka bħal din u li għandha tiġi evitata (b'konformità ma' l-Artikolu 12 tat-Trattat tal-KE) u b) il-kompetittività tat-trasportaturi tal-linji ta' l-UE (inkluzi l-operaturi tat-trasport fuq rotot qosra) li għandhom ikunu protetti (b'konformità ma' l-Istrateġija riveduta ta' Lisbona).

1.4

B'konformità ma' l-opinjonijiet preċedenti tiegħu u dawk tal-Parlament Ewropew, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tindirizza l-konsegwenzi (politiċi, legali u prattiċi) li jinħolqu mir-revoka tar-Regolament 4056/86 kif ukoll mir-Regolament 954/79 sabiex jiġu evitati implikazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi tat-trasport marittimu Ewropew fil-livell internazzjonali.

1.5

Huwa mifhum li l-Linji Gwida li jispjegaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE għat-trasport marittimu, li ser japplikaw ghas-servizzi tal-linji tat-tbaħħir wara l-projbizzjoni tal-konferenzi tal-linji minn u lejn l-UE mit-18.10.2008, ġeneralment ser tippermetti lill-operaturi tal-linji li jwettqu awto-evalwazzjoni tal-ftehimiet tagħhom b'konformità mal-liġi tal-kompetizzjoni ta' l-KE. Konsegwentement, il-KESE jemmen li ma tantx huwa probabbli li dawn il-Linji Gwida ser jitrattaw l-konsegwenzi internazzjonali (politiċi, legali u prattiċi) tar-revoka tar-Regolament 4056/86 u tar-Regolament 954/79. Madankollu, il-KESE kif ukoll il-Parlament Ewropew ripetutament talbu lill-Kummissjoni fl-opinjonijiet preċedenti tagħhom sabiex tanalizza dawn il-konsegwenzi u tikkunsidrhom meta titwaqqaf sistema gdida fil-ġejjieni. Il-KESE ghalhekk jixtieq jigi kkonsultat fi żmien debitu dwar l-abbozz tal-Linji Gwida li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE għat-trasport marittimu u li jingħata l-opportunità sabiex jesprimi opinjoni dwaru.

1.6

Filwaqt li jaqbel mar-revoka tar-Regolament 954/79, il-KESE ma jifhimx l-urgenza tal-proċedura ghar-revoka qabel ma jiġu evalwati u indirizzati b'mod adattat ir-riperkussjonijiet internazzjonali ta' politiki Ewropej reċenti relatati mal-linji tat-tbaħħir.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-industrija tal-linji tat-tbaħħir bil-kontejners hija fattur essenzjali ghall-ekonomija Ewropea. Servizzi skedati tat-trasport bil-kontejner jgħoddu għal madwar 40 % tal-valur tal-kummerċ marittimu estern ta' l-UE ta' 25. It-tielet l-ikbar operaturi tal-linji dinjin huma Ewropej, u r-rotot li jgħaqdu l-Ażja u l-Ewropa, flimkien mar-rotot li jgħaqdu l-Azja u l-Istati Uniti, huma bil-wisq l-iktar rotot kummerċjali importanti (1). Barraminhekk, hemm madwar 150 konferenzi tal-linji internazzjonali mad-dinja kollha, li minnhom 28 joperaw fuq rotot minn u lejn l-UE. Stati Membri li għandhom trasportaturi li joperaw servizzi skedati tal-linji jinkludu, fost l-oħrajn, id-Danimarka, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, ir-Renju Unit, il-pajjiżi Baltiċi u Ċipru. Skond l-aħħar data disponibbli (2), 60 % tal-valur globali tal-kummerċ marittimu internazzjonali u 25 % tal-5.9 biljun tunnellata trasportati bil-bahar jinġarru minn servizzi skedati, inklużi l-konferenzi tal-linji.

2.2

Il-proposta attwali timmira li tirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 954/79 tal-15 ta' Mejju 1979 dwar ir-ratifika minn Stati Membri ta', jew l-adezjoni taghħom fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Kodiċi ta' l-Imġieba ghall-Konferenzi ta' Linji (Konferenzi Marittimi). Il-proposta attwali hija rizultat ta' l-abolizzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 4056/86 li jwaqqaf eżenzjoni ġenerali ghall-konferenzi tal-linji permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1419/2006 tal-25 ta' Settembru 2006. Regolament 1419/2006 ukoll jestendi l-iskop li jemenda Regolament (KE) Nru 1/2003 sabiex jinkludi l-kabotaġġ u s-servizzi internazzjonali ta' trasport b'bastimenti tat-tagħbija mhux regolari.

2.3

Il-Konvenzjoni tan-NU dwar Kodiċi ta' l-Imġieba ghall-Konferenzi Marittimi (Ġinevra, 6 ta' April 1974) ġiet abbozzata taħt il-patroċinju tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Izvilupp (UNCTAD) bil-għan li jiġi stabbilit qafas internazzjonali armonizzat ghat-tħaddim ta' konferenzi marittimi. Il-Kodiċi ta' Linji ta' l-UNCTAD ġiet adottata sabiex tilqa' l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-pajjiżi li ghadhom fit-triq ta' l-izvilupp ghal parteċipazzjoni ikbar tat-trasportaturi tagħhom fit-trasportazzjoni ta' merkanzija bit-tbaħħir tal-linji. Dan kien ir-riżultat ta' negozjati multilaterali mtawlin bejn pajjiżi żviluppati u dawk li għadhom fit-triq ta' l-iżvilupp (3). Il-formula ghat-tqassim tal-merkanzija bejn it-trasportaturi tal-pajjiżi fiż-żewg estremitajiet tal-kummerċ u t-trasportaturi ta' pajjiżi terzi giet imfassla sabiex tillimita t-tendenzi protezzjonisti. Ir-Regolament 954/79 fejn il-mira hija li l-mekkaniżmi tal-Kodiċi jsiru kompatibbli mal-prinċipji tat-Trattat tal-KE.

2.4

Stati Membri li rratifikaw jew daħlu fil-Kodiċi tal-Linji ta' l-UNCTAD jinkludu: il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Malta, l-Olanda, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit. In-Norveġja, membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ZEE), ukoll daħlet fil-Kodiċi.

2.5

Waqt id-diskussjoni tar-revoka tas-sistema tal-konferenza tal-linji fl-UE, il-Parlament Ewropew enfasizza f'żewġ opinjonijiet (2005, 2006) dan li ġej: “L-infurzar tar-Regolament (4) (li jirrevoka Regolament 4056/86) ser joħloq konflitt ta' ligi fir-rigward ta' l-adeżjoni ta' ċerti Stati Membri lill-Kodiċi ta' l-Imġieba għal Konferenzi ta' Linji ta' l-UNCTAD. Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri għandhom jirtiraw mill-Kodiċi, minkejja li ma jistgħux jigu obbligati li jaghmlu hekk. Fid-dawl ta' din is-sitwazzjoni, hemm bżonn ta' tnedija ta' proċedura ċara u sempliċi sabiex tindirizza konflitti bhal dawn. Il-Kummissjoni ghandha tipprezenta lill-Parlament Ewropew deskrizzjoni trasparenti tal-pożizzjoni ta' pajjiżi terzi (iċ-Ċina, l-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun, is-Singapor u l-Indja) fir-rigward tal-politika l-gdida ta' l-UE dwar is-servizzi tal-linji (aċċettazzjoni, aġġustament, oppożizzjoni u effetti negattivi) u r-rieda tagħhom li jadattaw is-sistemi taghhom stess. Il-Kummissjoni ghandha tinvestiga bir-reqqa l-implikazzjonijiet kummerċjali u politiċi ta' denunzja tal-Kodiċi ta' l-UNCTAD. Il-Kummissjoni għandha tanalizza jekk huwiex neċessarju li tiġi emendata jew revokata leġislazzjoni ohra tal-KE, bhar-Regolament (KEE) Nru 4055/86 tat-22 ta' Diċembru 1986 li japplika l-prinċipju tal-libertà li jitprovdew servizzi lit-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (5).” Barraminhekk, il-Parlament Ewropew “Isejjah lill-Kummissjoni (6) sabiex ma tneħħix l-Artikolu 9 tar-Regolament (KEE) Nru 4056/86 (li jipprovdi għal negozjati f'kaz ta' kunflitt bejn il-ligi Komunitarja u l-ligi ta' pajjizi terzi) speċjalment fil-kuntest ta' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi l-liġi tal-kompetizzjoni fir-rigward tat-trasport marittimu”. Madankollu, għall-kuntrarju tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew, l-Artikolu 9 ġie revokat kompletament flimkien mar-Regolament 4056/86 filwaqt li l-evalwazzjoni bir-reqqa rikjesta ta' l-impatt legali u politiku tar-revoka tas-sistema tal-konferenza tal-linji fl-UE tidher li għadha nieqsa.

2.6

Il-KESE ddiskuta wkoll r-revoka tar-Regolament 4056/86 u adotta żewġ Opinjonijiet dwarha fl-2004 u fl-2006. Barraminhekk, fl-2006 il-KESE żamm il-pożizzjoni tiegħu sabiex jara jekk ir-revoka proposta tar-Regolament 4056/86 ser ikollha effett sostenibbli. Skond din ir-revoka, “is-sistema tal-konferenza għadha soġġetta għall-ftehimiet multilaterali u bilaterali li għalihom l-Istati Membri ta' l-UE u l-Komunità huma partijiet kontraenti”. Il-KESE, innota wkoll li “il-Kummissjoni tirrikonoxxi li — bħala konsegwenza ta' dawn il-ftehimiet, id-data tar-revoka ta' dawn id-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolament 4056/86 (jiġifieri l-Artikoli 1 paragrafu 3, punti b) u ċ), l-Artikoli 3 sa 8 u 26) ghandhom jiġu posposti għal perijodu ta' sentejn sabiex issir denunzja jew revoka ta' dawn il-ftehimiet ma' pajjiżi terzi”. Il-KESE jemmen li “il-Kummissjoni għandha tqis ukoll l-interessi ta' l-intrapriżi ż-żghar u ta' daqs medju fir-revoka tar-Regolament 4056/86”. Intrapriżi żghar u ta' daqs medju jikkostitwixxu s-sinsla ta' l-ekonomika ta' l-UE u jaqdu rwol importanti fil-kuntest ta' l-Istrategija riveduta ta' Lisbona. Is-swieq għandhom jibqgħu miftuħin ghall-kompetizzjoni attwali u potenzjali, inklużi l-operaturi ż-żgħar u ta' daqs medju. Il-KESE, fl-aħħar, sostna li “minkejja li l-konsolidazzjoni jista' jkollha effetti pożittivi fuq l-industrija ta' l-UE (kisbiet fl-effiċjenza, ekonomiji ta' l-iskala, tifdil fl-ispejjez), tenħtieġ l-attenzjoni sabiex jiġi evitat li l-konsolidazzjoni — li tista' tirrizulta mir-revoka tar-Regolament 4056/86 — tirriżulta f'inqas atturi fis-swieq rilevanti, jiġifieri, inqas kompetizzjoni”.

3.   Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea

3.1

Ir-Regolament propost għandu żewg artikoli biss, jiġifieri l-Artikolu 1, li jirrevoka r-Regolament 954/79 u l-Artikolu 2 relatat mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament il-gdid, jiġifieri fit-18/10/2008.

4.   Kummenti Generali

4.1

Il-KESE segwa mill-qrib ir-regoli tal-kompetizzjoni għat-trasport marittimu u b'mod partikulari l-kwistjoni tal-konferenzi tal-linji ghal iktar minn għoxrin sena u ħargu fehmiet diverġenti dwar il-meriti ta' rtirar mill-eżenzjoni ġenerali għall-konferenzi tal-linji. Madankollu, b'segwitu tar-revoka tar-Regolament 4056/86 permezz tar-Regolament 1419/2006, il-konferenzi tal-linji minn u lejn l-UE ser ikunu projbiti mit-18 ta' Ottubru 2008.

4.2

Ir-Regolament 4056/86 u r-Regolament 954/79 jikkostitwixxu pakkett legali fejn ta' l-aħħar ser jiġi adottat minħabba r-ratifika tal-Kodiċi ta' Linji ta' l-UNCTAD minn ċerti Stati Membri ta' l-UE. Konsegwentement, ir-revoka tar-Regolament 4056/86 fissret il-ħtieġa għal revoka tar-Regolament 954/79. B'hekk, il-KESE — li oriġinarjament kellu oġġezzjoni għar-revoka tar-Regolament 4056/86 iżda iktar tard kellu jaċċettaha filwaqt li wissa dwar ir-riperkussjonijiet tagħha — ma jistax ma jaqbilx mar-revoka proposta għar-regolament 954/79 għas-semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni ta' l-UE. Madankollu, kif ġara bir-revoka tar-Regolament 4056/86, il-KESE jixtieq jenfasizza — mill-gdid — li għandha tingħata kunsiderazzjoni serja lil kwalunkwe riperkussjonijiet possibbli legali u/jew politiċi (u effetti negattivi potenzjali) li tista' ġġib magħha r-revoka tar-Regolament 957/79. Madankollu, il-KESE jinnota li l-proposta ghar-revoka tar-Regolament 957/79 tidher li ma tagħmilx — mill-ġdid — evalwazzjoni ta' problemi politiċi, legali u prattiċi li jistgħu jirriżultaw mir-revoka. Filwaqt li l-bżonn ta' revoka hija mingħajr l-ebda dubju, peress li hija inevitabbli fil-kuntest tar-revoka tar-Regolament 4056/86, il-KESE jsostni l-fehma u jtenni għal darba oħra li kwalunkwe riperkussjonijiet tagħha — politiċi, legali u prattiċi — għandhom jigu indirizzati b'mod adattat mill-UE.

4.3

Il-Kodiċi ta' Linji ta' l-UNCTAD u l-kunċett ta' konferenza tal-linji huma msemmija fl-acquis communautaire u strumenti legali oħrajn adottati mill-UE. Per eżempju, jifforma l-bazi tar-Regolament 4055/86, ir-Regolament 4058/86 (7) kif ukoll ir-Regolament 823/2000 dwar il-konsorzji tal-linji. B'żieda ma' dan, il-Kodiċi hija msemmija b'mod speċifiku f'xi ftehimiet bilaterali, bhall-Ftehim UE/ir-Russja (Artikolu 39 paragrafu 1 punt (a) u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE/l-Alġerija tal-2005 (Artikolu 34 paragrafu 3).

4.4

Meta ġie rrevokat ir-Regolament 4056/86, il-Kummissjoni Ewropea indikat li ser jiġu ppublikati Linji Gwida li jispjegaw kif ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE japplikaw għat-trasport marittimu, li jinkludu s-servizzi tal-linji tat-tbaħħir. Fir-rigward ta' dawn is-servizzi, il-Linji Gwida għandhom jassistu lill-operaturi tal-linji wara t-18.10.2008 (jiġifieri d-data sa meta l-konferenzi tal-linji ser ikunu projbiti fuq kummerċ minn u lejn l-UE) meta jwettqu awto-evalwazzjoni tal-ftehimiet tagħhom skond ir-regoli tal-kompetizzjoni ta' l-UE (jiġifieri Artikoli 81-82 tat-Trattat tal-KE). Madankollu, għadu mhux deċiż jekk dawn il-Linji Gwida ser jinkludu soluzzjonijiet għal kwalunkwe problemi legali potenzjali li jistghu jinqalgħu fil-livell internazzjonali minħabba revoka tar-Regolament 954/79. Għalissa, il-KESE jifhem li l-abbozz tal-Linji Gwida huma ta' natura ġenerali hafna, b'hekk jonqoshom iċ-ċertezza legali meħtieġa li l-industrija tat-tbaħħir hija mistennija twettaq awto-evalwazzjoni. Barraminhekk, huwa mifhum li l-abbozz tal-Linji Gwida ma jindirizzax l-implikazzjonijiet internazzjonali tar-revoka tar-Regolament 4056/86 jew tar-Regolament 954/79. Il-KESE għalhekk jesprimi x-xewqa li jiġi kkonsultat fi żmien debitu sabiex jissorvelja mill-qrib żviluppi addizzjonali, u fejn jenħtieġ, jipprovdi assistenza u/jew kompetenza fil-proċess ta' abozzar tal-Linji Gwida finali.

4.5

Il-KESE jemmen li l-mistoqsija ewlenija li għandha tiġi indirizzata hija jekk ir-revoka proposta għar-Regolament 954/79 hux ser tfisser ukoll obbligazzjoni legali ta' denunzja tal-Kodiċi tal-Linji ta' l-UNCTAD. Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni Ewropea ma analizzatx din il-kwistjoni fil-Memorandum ta' Spjegazzjoni għall-proposta għar-revoka tar-Regolament 954/79. Madankollu, huwa mifhum mill-Kummissjoni, li fil-fehma tagħha, l-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti tal-Kodiċi ma jkollhomx obbligazzjoni legali li jiddenunzjaw il-Kodiċi. F'każ bħal dan, ix-xena legali wara r-revoka tar-Regolament 954/79 ser tkun hekk: l-Istati Membri ta' l-UE mhux ser ikollhom jiddenunzjaw il-Kodiċi iżda mhux ser ikunu jistgħu japplikawha għal kummerċ minn u lejn l-UE. Madankollu, il-Kodiċi ser tkompli tapplika f'kontinenti oħrajn. Fl-istess hin, l-Istati Membri ta' l-UE li għadhom ma rratifikawx il-Kodiċi, wara t-18.10.2008 mhux ser ikomplu jkunu f'pożizzjoni li jaghmlu hekk, kif inhu spjegat fil-Memorandum ta' Spjegazzjoni u stipulat fil-ħames premessa tal-proposta għar-revoka tar-Regolament 954/79. Konsegwentement, jekk Stat Membru li m'huwiex Parti Kontraenti tal-Kodiċi tal-Linji ta' l-UNCTAD ikun jixtieq jidħol fiha bil-għan li jħares l-interessi tat-trasportaturi tal-linji tiegħu li joperaw f'kummerċ li m'huwiex ta' l-UE, dan l-Istat Membru b'hekk ikun projbit milli jagħmel hekk.

4.6

F'dan il-kuntest, il-paradoss legali li ġej jista' jinħoloq wara t-18.10.2008: it-trasportaturi ta' Stati Membri li huma Parti Kontraenti tal-Kodiċi tal-Linji iżda li ma jiddenunzjawx il-Kodiċi xorta jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tagħha fir-rigward tad-drittijiet ta' kumpaniji tat-tbaħħir ta' pajjiżi terzi (crosstraders) kif inhu pprovdut fl-Artikolu 2 paragrafu 4 punti (a) u (b) u r-Riżoluzzjoni 2. Min-naħa l-oħra, it-trasportaturi ta' l-Istati Membri li m'humiex Parti Kontraenti tal-Kodiċi u li mhux ser ikunu permessi iktar li jirratifikaw jew li jidħlu fil-Kodiċi wara t-18.10.2008 ma jibbenefikawx mid-dispozizzjonijiet taghha. Konsegwentement, jinħolqu dawn il-mistoqsijiet: ser ikun possibbli li tigi adottata proposta li tinkludi diskriminazzjoni bejn trasportaturi ta' l-UE, ghall-kuntrarju ta' l-Artikolu 12 tat-Trattat tal-KE? Barraminhekk, sitwazzjoni bħal din mhux ser tolqot il-kompetittività tan-negozji ta' l-UE fl-Ewropa u/jew mad-dinja kollha, għall-kuntrarju ta' l-Istrategija mġedda ta' Lisbona? Sitwazzjoni bħal din ma turix il-bżonn ta' approċċ orizzontali tal-politiki ta' l-UE, b'mod partikulari l-politiki tat-trasport u l-kompetizzjoni fir-rigward tat-trasport marittimu, kif previst mill-Green Paper dwar Politika Futura ghall-Oċeani?

4.7

Il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa li l-UE ma tissottovalutax l-implikazzjonijiet internazzjonali li jistgħu jinħolqu mir-revoka tas-sistema tal-konferenzi tal-linji. Il-KESE jinnota li ġurisdizzjonijiet ohrajn — għalissa — qegħdin iżommu s-sistemi tagħhom ta' l-immunità ta' kontra l-monopolju. Xi Stati f'pajjiżi terzi esprimew it-thassib tagħhom dwar ir-revoka tas-sistema tal-konferenza tal-linji fl-UE. F'dan ir-rigward, tista' ssir referenza ghal stqarrija reċenti tal-Forum tas-sidien tal-vapuri Ażjatiċi (ASF) (Bussan, Korea 29.5.2007):

“Il-membri nnotaw żviluppi reċenti fl-Awstralja, iċ-Ċina, Hong Kong, il-Gappun u s-Singapor, iżda nnotaw bi tħassib d-deċiżjoni ta' l-UE li tneħħi l-eżenzjoni ġenerali għall-konferenzi tal-linji. Id-delegati kkonfermaw il-pożizzjoni stabbilita ta' l-ASF li s-sistema ta' l-immunità ta' kontra l-monopolju hija indispensabbli għas-sahha ta' l-industrija tat-tbaħħir u l-ħila tagħha li tħeġġeġ l-investimenti meħtieġa għall-appoġġ ta' domandi li qegħdin jikbru tal-kummerċ internazzjonali u l-benefiċċji tas-sistema kollha kemm hi. Huma qablu li t-trasportaturi għandhom jagħmlu sforzi kontinwi sabiex ifittxu l-fehim ta' partijiet relatati bhal trasportaturi u gvernijiet ghar-rwol importanti tal-ftehimiet tat-trasportaturi fil-kummerċ ta' l-appogg. L-ASF innota li l-Assoċjazzjonijiet membri, il-KSA, il-JSA u l-SSA, b'mod partikulari, għamlu sottomissjonijiet bil-miktub lill-Kummissjoni Ewropea u l-korpi rilevanti li jesprimu l-oppożizzjoni tagħhom għat-tneħħija tas-sistema ta' immunità tal-liġi kontra l-monopolju; u, barraminhekk, il-KSA rċeviet tweġiba mill-KE li tfisser li ser telimina r-Regolament 4056/86 iżda beħsiebha tħejji alternattiva waqt li żżomm kif inhu r-Regolament tal-Konsorzja li huwa wieħed miż-żewg linji tas-sistemi ta' l-immunità ta' kontra l-monopolju”. Il-KESE jieħu nota ta' l-istqarrija tal-Forum tas-sidien tal-vapuri Azjatiċi bhala ezempju tal-htiega ghal evalwazzjoni — jew almenu sabiex tingħata konsiderazzjoni adattata — lill-impatt internazzjonali tar-revoka tas-sistema tal-konferenza tal-linji fl-UE fuq bażi dinjija u għal ekonomika globalizzata, b'konformità ma' talbiet simili magħmula mill-KESE u mill-Parlament Ewropew.

4.8

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, il-KESE jemmen bil-qawwi li l-kwistjoni attwali ma tistax tiġi eżaminata biss permezz tal-perspettiva tal-liġi tal-kompetizzjoni. Id-dimensjonijiet politiċi u tal-politika tat-trasport marittimu tar-revoka tas-sistema tal-konferenza tal-linji fl-UE u b'hekk tar-Regolament 954/79 ukoll ma jistgħux jiġu sottovalutati. Għalhekk, il-KESE ma jistax jifhem l-urżenza tal-proposta tal-Kummissjoni li tirrevoka r-Regolament 954/79 peress li r-riperkussjonijiet internazzjonali tal-politika ta' l-UE dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni għat-trasport marittimu u b'mod partikulari tar-revoka tas-sistema tal-konferenza tal-linji, għadhom ma ġewx indirizzati b'mod adattat, minkejja l-ħafna talbiet li saru għaliha, inklużi dawk mill-KESE.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Fir-rigward ta' l-istatus attwali tar-ratifiki tal-Kodiċi tal-Linji, il-KESE jinnota li l-Memorandum ta' Spjegazzjoni għall-proposta tal-Kummissjoni għar-revoka tar-Regolament 954/79 jirreferi għal tlettax-il Stat Membri bħala Partijiet Kontraenti għall-Kodiċi tal-Linji ta' l-UNCTAD, filwaqt li — fir-realtà — sittax-il Stat Membru huma Partijiet Kontraenti għall-Kodiċi wara r-ratifika mir-Rumanija, il-Bulgarija u Malta.

Ir-Regolament 954/79 jipprovdi ċerti riżervi għall-ħarsien ta' l-interessi, fost oħrajn, tal-linji tat-tbaħħir ta' pajjiżi terzi (crosstraders). Madankollu, il-proposta għar-revoka ta' dan ir-Regolament ma jipprovdix għal mizuri ta' ħarsien bħal dawn. F'dan ir-rigward, l-interessi tal-linji tat-tbaħħir tat-trasportaturi ta' l-UE bejn kontinenti oħrajn (fejn il-Kodiċi tal-Linji huwa applikabbli) m'għandux jiġi sottovalutat. Ta' min jinnota wkoll li l-Kodiċi tal-Linji ta' l-UNCTAD ġie rratifikat minn 81 pajjiż inklużi l-“muturi” l-ġodda tal-kummerċ dinji jiġifieri ċ-Ċina, l-Indja, ir-Russja u l-Brażil (BRICS) kif ukoll l-Indoneżja, il-Messiku, in-Niġerja, l-Arabja Sawdija, l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, u s-Singapor.

Brussell, 11 ta' Lulju 2007

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Rapport finali tal-Global Insight dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għal-linji tat-tbaħħir, Ottubru 2005.

(2)  (UNCTAD — 2003, Clarksons — 2003).

(3)  ĠU C 157, 28.6.2005.

(4)  Rapport tal-Parlament Ewropew A6-0217/2006 tat-22.6.2006.

(5)  ĠU L 378, 31.12.1986, p. 1.

(6)  Rapport tal-Parlament Ewrope A6-0314/2005 ta' l-24/10/05.

(7)  Regolament 4055/86 tat-22.12.1986 (“li japplika l-prinċipju ta' libertà li jiġu pprovduti servizzi lit-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi”) huwa bbażat fuq il-Kodiċi ta' Linji ta' l-UNCTAD Artikolu 4 paragrafu 1 punti (a) u (b) jipprovdi tnaqqis tul iż-żmien ta' l-arranġamenti eżistenti għat-tqassim tal-merkanzija b'referenza diretta għall-Kodiċi ta' Linji; Regolament 4058/86 tat-22.12.86 (dwar “azzjoni koordinata sabiex jiġi ssalvagwardat l-aċċess liberu għal tagħbijiet ta' merkanzija f'kummerċ fuq l-oċeani”) huwa bbażat fuq il-Kodiċi ta' Linji. Artikolu 1 jipprovdi għal teħid ta' azzjoni li tiddependi fuq kummerċ tal-Kodiċi u mhux tal-Kodiċi — ĠU L 378 31.12.1986 p. 4.


Top