This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32024R2639
Commission Implementing Regulation (EU) 2024/2639 of 9 October 2024 laying down rules for the application of Regulation (EU) 2023/988 of the European Parliament and of the Council as regards the roles and tasks of the single national contact points of the Safety Gate Rapid Alert System
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2639 tad-9 ta’ Ottubru 2024 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rwoli u l-kompiti tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali uniċi tas-Sistema tat-Twissija Rapida Safety Gate
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2639 tad-9 ta’ Ottubru 2024 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rwoli u l-kompiti tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali uniċi tas-Sistema tat-Twissija Rapida Safety Gate
C/2024/6963
ĠU L, 2024/2639, 10.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2639/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2639 |
10.10.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2639
tad-9 ta’ Ottubru 2024
li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rwoli u l-kompiti tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali uniċi tas-Sistema tat-Twissija Rapida “Safety Gate”
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(2), it-tieni subparagrafu, tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2023/988 jipprevedi li s-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” hija s-sistema ta’ twissija rapida għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar miżuri korrettivi li jikkonċernaw prodotti perikolużi. Sabiex jiġi żgurat fluss ta’ informazzjoni effiċjenti u funzjonament xieraq tas-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate”, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) 2023/988, kull Stat Membru għandu jiddeżinja punt ta’ kuntatt nazzjonali uniku għas-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” (“il-punt ta’ kuntatt ta’ Safety Gate”). Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) 2023/988, il-punt ta’ kuntatt ta’ Safety Gate għandu jkun tal-anqas responsabbli għall-verifika tal-kompletezza tan-notifiki ppreżentati għall-validazzjoni lill-Kummissjoni, kif ukoll għall-komunikazzjoni mal-Kummissjoni fir-rigward tal-kompiti previsti fl-Artikolu 26(1) sa (6) ta’ dak ir-Regolament. Id-deżinjazzjoni tal-Punt ta’ kuntatt nazzjonali ta’ Safety Gate jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistema ta’ sorveljanza tas-suq tagħhom. |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/417 (2) iffissat linji gwida għall-ġestjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni Rapida tal-Unjoni Ewropea (“RAPEX”) stabbilita skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li tħassret. Dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni pprevediet il-kompiti tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tar-RAPEX, inklużi l-kompiti li jorganizzaw u jmexxu l-ħidma tal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, li jiżguraw li l-kompiti kollha jitwettqu b’mod korrett u, b’mod partikolari, li l-informazzjoni kollha meħtieġa tingħata lill-Kummissjoni mingħajr dewmien jew li jikkoordinaw l-attivitajiet u l-inizjattivi nazzjonali kollha mwettqa fir-rigward tas-sistema. Minħabba l-esperjenza tajba bil-funzjonament tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tar-RAPEX, ir-rwoli u l-kompiti tal-punti ta’ kuntatt ta’ Safety Gate jenħtieġ li jinkludu, sa fejn ikun xieraq, ir-rwoli u l-kompiti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/417. |
|
(3) |
Sabiex jiġi żgurat il-fluss effiċjenti ta’ informazzjoni bejn il-punt ta’ kuntatt ta’ Safety Gate u d-diversi awtoritajiet li jipparteċipaw fis-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” fi Stat Membru partikolari, il-punt ta’ kuntatt ta’ Safety Gate jenħtieġ li jorganizza u jmexxi l-ħidma tan-network tagħhom tal-awtoritajiet nazzjonali li jittrattaw is-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” (“Network Nazzjonali Safety Gate”). |
|
(4) |
F’konformità mal-kompiti eżistenti tagħhom skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/417 u biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti tas-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” u l-konsistenza fl-informazzjoni sottomessa, il-punti ta’ kuntatt ta’ Safety Gate jenħtieġ li jħarrġu u jassistu lill-awtoritajiet nazzjonali fl-użu tagħhom tas-sistema. |
|
(5) |
Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tan-notifiki fis-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate”, il-punti ta’ kuntatt ta’ Safety Gate jenħtieġ li jivverifikaw, bl-involviment tal-awtoritajiet nazzjonali jekk rilevanti, qabel ma jissottomettu notifika, jekk tkunx ġiet notifikata diġà miżura dwar il-prodott fis-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate”. |
|
(6) |
Il-Product Safety eSurveillance Webcrawler, applikazzjoni tal-IT żviluppata u ġestita mill-Kummissjoni, għandha l-għan li tidentifika prodotti li ġew notifikati fis-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” u li għadhom jinbiegħu jew jerġgħu jidhru fil-ħwienet tal-web u fis-swieq online. Sabiex tissaħħaħ l-effettività tas-sorveljanza tas-suq online, l-użu tagħha jenħtieġ li jiġi promoss b’mod wiesa’, fejn applikabbli flimkien ma’ għodod simili oħra użati mill-awtoritajiet. |
|
(7) |
Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali jaġixxu bħala kontrolluri konġunti għall-ipproċessar tad-data fis-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Għalhekk huwa xieraq li jiġu speċifikati r-rwoli u r-responsabbiltajiet ta’ kull kontrollur konġunt. |
|
(8) |
Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-istess data tar-Regolament (UE) 2023/988. |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tar-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti stabbilit skont l-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) 2023/988, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-rwoli u l-kompiti tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali uniċi skont l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) 2023/988 (“punti ta’ kuntatt ta’ Safety Gate”) għandhom ikunu li:
|
(a) |
jivverifikaw u jivvalidaw il-kompletezza tan-notifika li tasal mingħand awtoritajiet nazzjonali oħra fl-Istat Membru tagħhom qabel it-trażmissjoni tagħha lill-Kummissjoni permezz tas-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) 2023/988; |
|
(b) |
jivverifikaw, qabel ma jissottomettu notifika permezz tas-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate”, jekk prodott soġġett għal dik in-notifika jkunx diġà ġie notifikat f’dik is-Sistema, u jekk dan ikun il-każ, u fejn hu xieraq, bil-kooperazzjoni tal-awtorità nazzjonali rilevanti, minflok, jissottomettu notifika ta’ segwitu f’konformità mal-Artikolu 26(7) tar-Regolament (UE) 2023/988; |
|
(c) |
jiżguraw li n-notifiki ta’ Stati Membri oħra, li ġew ivvalidati mill-Kummissjoni, fis-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” jilħqu lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, inklużi l-awtoritajiet inkarigati mill-kontrolli fil-fruntieri esterni, fl-Istat Membru tagħhom biex jiżguraw segwitu xieraq fil-livell nazzjonali; |
|
(d) |
jippromwovu l-użu tal-Product Safety eSurveillance Webcrawler, u jekk rilevanti għodod simili oħra, fl-Istat Membru tagħhom, u b’mod partikolari s-segwitu tar-riżultati rilevanti tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali; |
|
(e) |
iħarrġu u jassistu lill-awtoritajiet nazzjonali kollha fl-użu tas-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate”; |
|
(f) |
jiffaċilitaw li fl-Istat Membru tagħhom il-kompiti relatati mas-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” li jirriżultaw mir-Regolament (UE) 2023/988 u mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Awwissu 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli dwar l-aċċess għal u t-tħaddim tas-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate”, l-informazzjoni li għandha tiddaħħal f’dik is-Sistema, ir-rekwiżiti ta’ notifika u l-kriterji għall-valutazzjoni tal-livell ta’ riskju (6) jitwettqu u, b’mod partikolari, li l-informazzjoni kollha meħtieġa tingħata lill-Kummissjoni f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/988; |
|
(g) |
jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni rilevanti għas-sikurezza tal-prodotti ma’ punti ta’ kuntatt oħra ta’ Safety Gate, u jipparteċipaw f’diskussjonijiet bejn il-punti ta’ kuntatt ta’ Safety Gate kkoordinati mill-Kummissjoni; |
|
(h) |
jiskambjaw informazzjoni rilevanti għas-sikurezza tal-prodotti fil-livell nazzjonali mal-awtorità li hija membru tan-Network tas-Sikurezza tal-Konsumatur imsemmi fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2023/988, meta tkun awtorità differenti mill-punt ta’ kuntatt ta’ Safety Gate; |
|
(i) |
jiskambjaw informazzjoni rilevanti għas-sikurezza tal-prodotti fil-livell nazzjonali mal-uffiċċju uniku ta’ kollegament maħtur skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u l-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2023/988, meta jkun awtorità differenti mill-punt ta’ kuntatt ta’ Safety Gate; |
|
(j) |
jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar kwalunkwe problema teknika bil-funzjonament tas-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate”; |
|
(k) |
jimmaniġġjaw it-talbiet għall-aċċess għall-applikazzjonijiet marbutin mas-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” mill-utenti fin-Network Nazzjonali Safety Gate tagħhom, u jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla fil-persunal li taffettwa d-drittijiet ta’ aċċess; |
|
(l) |
iwieġbu t-talbiet relatati mat-tħaddim tas-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” fl-Istati Membri tagħhom mill-partijiet ikkonċernati, inklużi l-operaturi ekonomiċi u l-fornituri tas-swieq online; |
|
(m) |
fejn xieraq, jikkollaboraw mal-awtorità fl-Istat Membru tagħhom li ssottomettiet in-notifika rilevanti tas-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate”, dwar kwalunkwe informazzjoni supplimentari li tista’ titqies li tista’ tiżdied man-notifika, fuq talbiet tal-operaturi ekonomiċi jew tal-fornituri tas-swieq online, b’mod partikolari meta dawk in-negozji jistgħu jiġu affettwati b’mod negattiv min-natura mhux kompluta ta’ notifika fis-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate”. |
Artikolu 2
Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali li jaġixxu bħala kontrolluri konġunti għall-ipproċessar tad-data fis-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2018/1725 għandu jkollhom ir-rwoli u l-kompiti stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mit-13 ta’ Diċembru 2024.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Ottubru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 135, 23.5.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/988/oj.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/417 tat-8 ta’ Novembru 2018 li tiffissa linji gwida għall-ġestjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni Rapida tal-Unjoni Ewropea “RAPEX” stabbilita skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2001/95/KE dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti u s-sistema ta’ notifika tagħha (ĠU L 73, 15.3.2019, p. 121, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/417/oj).
(3) Id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/95/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).
(5) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(6) Għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.
(7) Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1020/oj).
ANNESS
KONTROLL KONĠUNT TAS-SISTEMA TA’ TWISSIJA RAPIDA “SAFETY GATE”
1. SUĠĠETT U DESKRIZZJONI TAL-IPPROĊESSAR
Is-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” hija sistema ta’ notifika mħaddma mill-Kummissjoni maħsuba għall-iskambju rapidu ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri, it-tliet stati taż-Żona Ekonomika Ewropea/tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (ŻEE/EFTA) (l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja) u l-Kummissjoni dwar miżuri meħuda kontra prodotti perikolużi li jinsabu fis-suq tal-Unjoni u/jew taż-ŻEE/tal-EFTA.
L-għan tas-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” huwa li tippermetti l-iskambju rapidu ta’ informazzjoni dwar il-miżuri korrettivi meħuda fl-Unjoni fir-rigward ta’ prodotti li jippreżentaw riskju.
L-iskambju ta’ informazzjoni jikkonċerna miżuri korrettivi meħuda fir-rigward ta’ prodotti perikolużi għall-konsumatur u professjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) 2023/988 jew (UE) 2019/1020.
Is-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” tkopri kemm il-miżuri ordnati mill-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll il-miżuri meħuda b’mod volontarju mill-operaturi ekonomiċi.
2. KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAL-KONTROLL KONĠUNT
Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jaġixxu bħala kontrolluri konġunti (“Kontrolluri Konġunti”) għall-ipproċessar tad-data fis-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate”. “Awtoritajiet nazzjonali” tirreferi għall-awtoritajiet kollha li jaġixxu fuq is-sikurezza tal-prodotti fl-Istati Membri u/jew fil-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE u li jipparteċipaw fin-network tal-UE tal-punti ta’ kuntatt ta’ Safety Gate, inklużi l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq responsabbli għall-monitoraġġ tal-konformità tal-prodotti mar-rekwiżiti tas-sikurezza u l-awtoritajiet inkarigati mill-kontrolli fil-fruntieri esterni.
Għall-finijiet tal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2016/679 u tal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-attivitajiet ta’ pproċessar li ġejjin għandhom jaqgħu fir-responsabbiltà tal-Kummissjoni bħala kontrollur konġunt tad-data personali:
|
(1) |
L-ipproċessar mill-Kummissjoni ta’ informazzjoni dwar miżuri meħuda kontra prodotti li joħolqu riskji serji, importati jew esportati mill-Unjoni u miż-Żona Ekonomika Ewropea, sabiex tittrażmettiha lill-punti ta’ kuntatt ta’ tas-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” (“punti ta’ kuntatt ta’ Safety Gate”). |
|
(2) |
L-ipproċessar mill-Kummissjoni ta’ informazzjoni li tirċievi minn pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali, negozji jew sistemi oħra ta’ twissija rapida dwar prodotti ta’ oriġini tal-UE u mhux tal-UE li joħolqu riskju għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi, sabiex tittrażmetti tali informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali. |
Meta twettaq dawn l-attivitajiet, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-konformità mal-obbligi u l-kundizzjonijiet applikabbli tar-Regolament (UE) 2018/1725.
L-attivitajiet ta’ pproċessar li ġejjin għandhom jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali, bħala Kontrolluri Konġunti tad-data personali:
|
(1) |
L-ipproċessar mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2023/988 dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti u l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2019/1020 sabiex tali informazzjoni tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra u lill-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE; |
|
(2) |
L-ipproċessar mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ informazzjoni wara l-attivitajiet ta’ segwitu tagħhom fir-rigward tan-notifiki tas-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” sabiex jinnotifikaw tali informazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra u lill-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE. |
Meta jwettqu dawn l-attivitajiet, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiżguraw il-konformità mal-obbligi u l-kundizzjonijiet applikabbli tar-Regolament (UE) 2016/679.
3. RESPONSABBILTAJIET, RWOLI U RELAZZJONI TAL-KONTROLLURI KONĠUNTI MAS-SUĠĠETTI TAD-DATA
3.1. Kategoriji ta’ suġġetti tad-data u data personali
Il-Kontrolluri Konġunti għandhom jipproċessaw b’mod konġunt il-kategoriji ta’ data personali li ġejjin:
|
(a) |
Dettalji ta’ kuntatt tal-utenti tas-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate”.
|
|
(b) |
Id-dettalji ta’ kuntatt tal-awturi u tal-validaturi tan-notifiki u r-reazzjonijiet ippreżentati permezz tas-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate”.
|
|
(c) |
Barra minn hekk, żewġ tipi ta’ data personali jistgħu jiġu inklużi fis-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” b’mod aċċessorju:
|
3.2. Forniment ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data
Il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 15 u 16 u kwalunkwe komunikazzjoni skont l-Artikoli 17 sa 24 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725 f’forma konċiża, trasparenti, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi. Il-Kummissjoni għandha tieħu wkoll miżuri xierqa biex tassisti lill-awtoritajiet nazzjonali jipprovdu kull informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13 u 14 u kull komunikazzjoni skont l-Artikoli 19 sa 26 u 37 tar-Regolament (UE) 2016/679 f’forma konċiża, trasparenti, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi dwar id-data li ġejja:
|
— |
data relatata mal-utenti tas-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate”; |
|
— |
data relatata mal-awturi u l-validaturi tan-notifiki u r-reazzjonijiet. |
L-utenti tas-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” għandhom jiġu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom permezz tal-Istqarrija ta’ Privatezza disponibbli fis-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate”.
L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jipprovdu kull informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13 u 14 u kull komunikazzjoni skont l-Artikoli 19 sa 26 u 37 tar-Regolament (UE) 2016/679 f’forma konċiża, trasparenti, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi dwar id-data li ġejja:
|
— |
informazzjoni dwar persuni ġuridiċi li jidentifikaw persuna fiżika; |
|
— |
l-ismijiet u data oħra ta’ persuni li jkunu wettqu t-testijiet fuq prodotti perikolużi u/jew awtentikaw ir-rapporti tat-testijiet. |
L-informazzjoni għandha tingħata bil-miktub, inkluż elettronikament.
L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jużaw il-mudell għal stqarrija ta’ privatezza pprovduta mill-Kummissjoni meta jikkonformaw mal-obbligi tagħhom dwar is-suġġetti tad-data.
3.3. It-trattament tat-talbiet tas-suġġetti tad-data
Is-suġġetti tad-data jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 u r-Regolament (UE) 2016/679, rispettivament, fir-rigward tal-Kummissjoni jew fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali li qed jaġixxu bħala Kontrolluri Konġunti.
Il-Kontrolluri Konġunti għandhom jittrattaw it-talbiet tas-suġġetti tad-data skont il-proċedura stabbilita mill-Kontrolluri Konġunti għal dan l-għan. Il-proċedura dettaljata għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data hija spjegata fl-istqarrija ta’ privatezza.
Il-Kontrolluri Konġunti għandhom jikkooperaw u, meta jintalbu jagħmlu hekk, jassistu lil xulxin b’mod rapidu u effiċjenti fit-trattament ta’ kwalunkwe talba tas-suġġett tad-data.
Jekk Kontrollur Konġunt wieħed jirċievi talba mingħand suġġett tad-data, li ma taqax fir-responsabbiltà tiegħu, dak il-Kontrollur Konġunt għandu jibgħat it-talba minnufih, u mhux aktar tard minn sebat ijiem kalendarji minn meta jirċeviha, lill-Kontrollur Konġunt attwalment responsabbli għal dik it-talba. Il-Kontrollur Konġunt responsabbli għandu jibgħat konferma tar-riċevuta lis-suġġett tad-data fi żmien tlett ijiem kalendarji oħra, filwaqt li fl-istess ħin jinforma b’dan lill-Kontrollur Konġunt, li jkun irċieva t-talba fl-ewwel lok.
Bi tweġiba għal talba ta’ suġġett tad-data għall-aċċess għal data personali, l-ebda Kontrollur Konġunt ma għandu jiżvela jew inkella jagħmel disponibbli xi data personali pproċessata b’mod konġunt mingħajr ma l-ewwel jikkonsulta lill-Kontrollur Konġunt rilevanti l-ieħor.
4. RESPONSABBILTAJIET U RWOLI OĦRA TAL-KONTROLLURI KONĠUNTI
4.1. Sigurtà tal-ipproċessar
Kull Kontrollur Konġunt għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex:
|
(a) |
jiżgura u jipproteġi s-sigurtà, l-integrità u l-kunfidenzjalità tad-data personali pproċessata b’mod konġunt, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 (2) u l-att legali rilevanti tal-Istat Membru tal-UE/pajjiż tal-EFTA/ŻEE, rispettivament; |
|
(b) |
jipproteġi kontra kull aċċess, ipproċessar, telf, użu, żvelar jew akkwist mhux awtorizzati jew illegali ta’ xi data personali fil-pussess tiegħu; |
|
(c) |
ma jiżvelax id-data personali u ma jippermettix l-aċċess għaliha, lil xi ħadd għajr ir-riċevituri jew il-proċessuri li jkun sar qbil fuqhom minn qabel. |
Kull Kontrollur Konġunt għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jiżgura s-sigurtà tal-ipproċessar skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2016/679, rispettivament.
Il-Kontrolluri Konġunti għandhom jipprovdu assistenza rapida u effiċjenti lil xulxin f’każ ta’ inċidenti ta’ sigurtà, inkluż ksur ta’ data personali.
4.2. Immaniġġjar ta’ inċidenti ta’ sigurtà, inkluż il-ksur ta’ data personali
Il-Kontrolluri Konġunti għandhom jittrattaw l-inċidenti ta’ sigurtà, inkluż il-ksur ta’ data personali, f’konformità mal-proċeduri interni tagħhom u mal-leġiżlazzjoni applikabbli.
Il-Kontrolluri Konġunti għandhom b’mod partikolari jassistu lil xulxin b’mod rapidu u effiċjenti kif meħtieġ biex jiffaċilitaw l-identifikazzjoni u t-trattament ta’ kwalunkwe inċident ta’ sigurtà, inkluż ksur ta’ data personali, marbut mal-operazzjoni ta’ pproċessar konġunt.
Il-Kontrolluri Konġunti għandhom jinnotifikaw lil xulxin b’dan li ġej:
|
(a) |
kwalunkwe riskju potenzjali jew attwali għad-disponibbiltà, il-kunfidenzjalità u/jew l-integrità tad-data personali li tkun qed tiġi pproċessata b’mod konġunt; |
|
(b) |
kull inċident ta’ sigurtà li jkun marbut mal-operazzjoni ta’ pproċessar konġunt; |
|
(c) |
kull ksur ta’ data personali (jiġifieri kwalunkwe ksur tas-sigurtà li jwassal għall-qerda, telf, alterazzjoni, żvelar mhux awtorizzat ta’ data personali, jew aċċess aċċidentali jew illegali għal tali data, li tkun qed tiġi pproċessata b’mod konġunt), il-konsegwenzi probabbli tal-ksur ta’ data personali, il-valutazzjoni tar-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, u kwalunkwe miżura meħuda biex jiġi indirizzat il-ksur ta’ data personali u jiġi mmitigat ir-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi; |
|
(d) |
kull ksur tas-salvagwardji tekniċi u/jew organizzattivi tal-operazzjoni ta’ pproċessar konġunt. |
Kull Kontrollur Konġunt għandu jkun responsabbli għall-inċidenti kollha tas-sigurtà, inkluż il-ksur ta’ data personali, li jseħħu bħala riżultat tal-ksur tal-obbligi ta’ dak il-Kontrollur Konġunt skont dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, ir-Regolament (UE) 2018/1725 u r-Regolament (UE) 2016/679, rispettivament.
Il-Kontrolluri Konġunti għandhom jiddokumentaw l-inċidenti ta’ sigurtà (inkluż il-ksur ta’ data personali) u jinnotifikaw lil xulxin mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn 48 siegħa wara li jsiru konxji ta’ inċident ta’ sigurtà (inkluż il-ksur ta’ data personali).
Il-Kontrollur Konġunt responsabbli għal ksur ta’ data personali għandu jiddokumenta dak il-ksur ta’ data personali u jinnotifikah lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew lill-awtorità superviżorja nazzjonali kompetenti. Dan għandu jagħmlu mingħajr dewmien żejjed u, fejn fattibbli, mhux aktar tard minn 72 siegħa wara li jkun sar konxju tal-ksur ta’ data personali, sakemm il-ksur ta’ data personali x’aktarx li ma jirriżultax f’riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi. Il-Kontrollur Konġunt responsabbli għandu jinforma lill-Kontrollur Konġunti l-ieħor b’tali notifika.
Il-Kontrollur Konġunt responsabbli għall-ksur ta’ data personali, għandu jikkomunika dan il-ksur ta’ data personali lis-suġġetti tad-data kkonċernati jekk il-ksur ta’ data personali x’aktarx jirriżulta f’riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni fiżiċi. Il-Kontrollur Konġunt responsabbli għandu jinforma lill-Kontrollur Konġunt l-ieħor b’tali komunikazzjoni.
4.3. Lokalizzazzjoni ta’ data personali
Id-data personali miġbura għall-fini tal-proċess ta’ notifika permezz tas-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” għandha tinħażen u tinġabar fis-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” sabiex jiġi żgurat li l-aċċess għall-applikazzjoni jkun limitat biss għal persuni identifikati b’mod ċar u b’hekk li d-data maħżuna fl-applikazzjoni tkun protetta sew.
Id-data personali miġbura għall-fini tal-operazzjoni ta’ pproċessar għandha tiġi pproċessata biss fit-territorju tal-UE/ŻEE u ma għandhiex titlaq minn dak it-territorju, sakemm ma tkunx f’konformità mal-Artikoli 45, 46 jew 49 tar-Regolament (UE) 2016/679 jew mal-Artikoli 47, 48 jew 50 tar-Regolament (UE) 2018/1725.
Skont l-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2023/988, il-Kummissjoni tista’ tipprovdi lil pajjiżi terzi jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali informazzjoni magħżula mis-Sistema tat-Twissija Rapida “Safety Gate” u tirċievi informazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza tal-prodotti u dwar miżuri preventivi, restrittivi u korrettivi meħuda minn dawk il-pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali. Kull skambju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2023/988 għandu, sa fejn jinvolvi data personali, jitwettaq f’konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.
4.4. Riċevituri tad-data personali
L-aċċess għad-data personali għandu jingħata biss lill-persunal awtorizzat u lill-kuntratturi tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet nazzjonali għall-finijiet tal-amministrazzjoni u t-tħaddim tas-sistema Sistema tat-Twissija Rapida “Safety Gate”. Dan l-aċċess għandu jkun soġġett għar-rekwiżiti tal-identità u l-password kif ġej:
|
— |
Is-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” għandha tkun miftuħa biss għall-Kummissjoni u għall-utenti maħtura speċifikament mill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-UE u mill-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE, kif ukoll għall-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward tal-utenti tal-Irlanda ta’ Fuq. |
|
— |
L-aċċess għad-data personali miġbura dwar is-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” għandu jingħata biss lill-utenti nominati u awtorizzati tal-applikazzjoni li jkollhom Id tal-Utent/Password. L-aċċess għall-applikazzjoni u l-għoti ta’ password għandhom ikunu possibbli biss jekk dan jintalab mill-awtorità nazzjonali kompetenti taħt is-superviżjoni ġenerali tat-tim tas-Safety Gate tal-Kummissjoni. |
|
— |
L-aċċess għad-data personali miġbura għandu jiġi pprovdut lill-persunal tal-Kummissjoni responsabbli għat-twettiq ta’ din l-operazzjoni ta’ pproċessar u lill-persuni awtorizzati skont il-prinċipju tal-“ħtieġa ta’ tagħrif”. Tali persunal għandu jirrispetta ftehimiet statutorji, u, fejn meħtieġ, ftehimiet addizzjonali ta’ kunfidenzjalità. |
Il-persuni li għandu jkollhom aċċess għad-data personali miġbura huma:
|
(a) |
il-persunal u l-kuntratturi tal-Kummissjoni; |
|
(b) |
il-punti ta’ kuntatt u l-ispetturi identifikati mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE kif ukoll l-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward tal-utenti tal-Irlanda ta’ Fuq; |
|
(c) |
spetturi identifikati mill-awtoritajiet inkarigati mill-kontrolli fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE. |
Il-persuni li għandu jkollhom aċċess għad-data personali kollha miġbura u li għandu jkollhom il-possibbiltà li jimmodifikawha fuq talba huma:
|
(a) |
il-membri tat-Tim tas-Safety Gate tal-Kummissjoni; |
|
(b) |
il-membri tal-Helpdesk tas-Safety Gate tal-Kummissjoni. |
Lista tal-punti ta’ kuntatt kollha tas-Safety Gate, li jkun fiha d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom (kunjom, isem, isem l-awtorità, indirizz tal-awtorità, telefown, indirizza tal-posta elettronika) għandha tkun disponibbli fuq il-Portal tas-Safety Gate (3). Il-ġestjoni tal-utenti fil-livell nazzjonali għandha tkun ikkontrollata mill-punti ta’ kuntatt nazzjonali tas-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate”.
L-utenti kollha għandu jkollhom aċċess għall-kontenut tan-notifiki bi status “KE vvalidat”. L-utenti nazzjonali tas-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” biss għandu jkollhom aċċess għall-abbozz tan-notifiki tagħhom (qabel jiġu ppreżentati lill-KE). Il-persunal tal-Kummissjoni u l-persuni awtorizzati għandu jkollhom aċċess għan-notifiki bi status “ippreżentati lill-KE”.
Kull Kontrollur Konġunt għandu jinforma lill-Kontrolluri Konġunti l-oħra kollha dwar kull trasferiment ta’ data personali lir-riċevituri f’pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali.
5. RESPONSABBILTAJIET SPEĊIFIĊI TAL-KONTROLLURI KONĠUNTI
Il-Kummissjoni għandha tiżgura u tkun responsabbli għal dan li ġej:
|
(a) |
id-deċiżjoni dwar il-mezzi, ir-rekwiżiti u l-finijiet tal-ipproċessar; |
|
(b) |
ir-reġistrazzjoni tal-operazzjoni ta’ pproċessar; |
|
(c) |
l-iffaċilitar tal-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data; |
|
(d) |
it-trattament tat-talbiet tas-suġġetti tad-data; |
|
(e) |
id-deċiżjoni li tiġi ristretta l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data jew id-deroga minnhom, fejn ikun meħtieġ u proporzjonat; |
|
(f) |
l-iżgurar tal-privatezza skont id-disinn u l-privatezza prestabbilita; |
|
(g) |
l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-legalità, tan-neċessità u tal-proporzjonalità tat-trażmissjonijiet u tat-trasferimenti ta’ data personali; |
|
(h) |
it-twettiq ta’ konsultazzjoni minn qabel mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, fejn meħtieġ; |
|
(i) |
l-iżgurar li l-persuni awtorizzati biex jipproċessaw id-data personali jkunu impenjaw ruħhom li jżommu l-kunfidenzjalità jew li jkunu taħt obbligu statutorju xieraq ta’ kunfidenzjalità; |
|
(j) |
il-kooperazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, fuq talba, fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. |
L-Istati Membri għandhom iwettqu u jkunu responsabbli għal dan li ġej:
|
(a) |
ir-reġistrazzjoni tal-operazzjoni ta’ pproċessar; |
|
(b) |
l-iżgurar li d-data personali li tkun qed tiġi pproċessata tkun adegwata, akkurata, rilevanti u limitata għal dak li huwa meħtieġ għall-fini; |
|
(c) |
l-iżgurar ta’ informazzjoni u komunikazzjoni trasparenti lis-suġġetti tad-data dwar id-drittijiet tagħhom; |
|
(d) |
l-iffaċilitar tal-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data; |
|
(e) |
l-użu esklussiv ta’ proċessuri li jipprovdu garanziji suffiċjenti biex il-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa jiġu implimentati b’tali mod li l-ipproċessar jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2016/679 u jiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data; |
|
(f) |
ir-regolazzjoni tal-ipproċessar tal-proċessur permezz ta’ kuntratt jew att legali skont il-liġi tal-Unjoni jew tal-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2016/679; |
|
(g) |
it-twettiq ta’ konsultazzjoni minn qabel mal-awtorità superviżorja nazzjonali, fejn meħtieġ; |
|
(h) |
l-iżgurar li l-persuni awtorizzati biex jipproċessaw id-data personali jkunu impenjaw ruħhom li jżommu l-kunfidenzjalità jew li jkunu taħt obbligu statutorju xieraq ta’ kunfidenzjalità; |
|
(i) |
il-kooperazzjoni mal-awtorità superviżorja nazzjonali fuq talba, fit-twettiq tal-kompiti tagħhom. |
6. TUL TA’ ŻMIEN TAL-IPPROĊESSAR
Il-Kontrolluri Konġunti ma għandhomx iżommu jew jipproċessaw data personali għal aktar żmien milli jkun meħtieġ biex iwettqu l-finijiet u l-obbligi miftiehma kif stabbilit f’dan ir-Regolament, jiġifieri għaż-żmien meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tal-ġbir jew tal-ipproċessar ulterjuri. B’mod partikolari:
|
(a) |
Id-dettalji ta’ kuntatt tal-utenti tas-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate” għandhom jinżammu fis-sistema sakemm ikunu utenti. Id-dettalji ta’ kuntatt għandhom jitħassru mis-Sistema ta’ Twissija “Safety Gate” immedjatament wara li tasal l-informazzjoni li ċerta persuna ma għadhiex utent tas-sistema. |
|
(b) |
Id-dettalji ta’ kuntatt tal-ispetturi mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri u tal-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE, kif ukoll mill-ispetturi mill-awtoritajiet inkarigati mill-kontrolli fil-fruntieri esterni, ipprovduti fin-notifiki u fir-reazzjonijiet, għandhom jinżammu fis-sistema għal perjodu ta’ ħames snin wara l-validazzjoni tan-notifika jew tar-reazzjoni. |
|
(c) |
Id-data personali ta’ persuni fiżiċi oħra possibbilment inkluża fis-sistema għandha tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni għal 30 sena mill-mument li tiddaħħal l-informazzjoni fis-Sistema ta’ Twissija Rapida “Safety Gate”, li tikkorrispondi maċ-ċiklu tal-ħajja massimu stmat ta’ kategoriji ta’ prodotti bħal apparati elettriċi jew vetturi bil-mutur. |
Talbiet leġittimi mis-suġġetti tad-data biex id-data tagħhom tiġi mblukkata, aġġustata jew imħassra għandhom jiġu osservati mill-Kummissjoni fi żmien xahar minn meta tasal it-talba.
7. RESPONSABBILTÀ GĦAN-NUQQAS TA’ KONFORMITÀ
Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għan-nuqqas ta’ konformità skont il-Kapitolu VIII tar-Regolament (UE) 2018/1725.
L-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-UE għandhom ikunu responsabbli għan-nuqqas ta’ konformità skont il-Kapitolu VIII tar-Regolament (UE) 2016/679.
8. KOOPERAZZJONI BEJN IL-KONTROLLURI KONĠUNTI
Kull Kontrollur Konġunt, meta jintalab jagħmel hekk, għandu jipprovdi assistenza rapida u effiċjenti lill-Kontrolluri Konġunti l-oħra fl-eżekuzzjoni ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli kollha tar-Regolamenti (UE) 2018/1725 u (UE) 2016/679, rispettivament, u ma’ regoli applikabbli oħra dwar il-protezzjoni tad-data.
9. SOLUZZJONI TA’ TILWIMIET
Il-Kontrolluri Konġunti għandhom jagħmlu ħilithom biex isolvu b’mod amikevoli kwalunkwe tilwima li tinqala’ jew li tkun relatata mal-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
Jekk f’xi ħin tinqala’ kwistjoni, tilwima jew differenza bejn il-Kontrolluri Konġunti, fir-rigward ta’ dan ir-Regolament, jew b’rabta miegħu, il-Kontrolluri Konġunti għandhom jagħmlu kull sforz biex isolvuha permezz ta’ proċess ta’ konsultazzjoni.
Il-preferenza hija li t-tilwim kollu jiġi solvut fil-livell operazzjonali hekk kif jinqala’, u li jiġi solvut mill-punti ta’ kuntatt imsemmija fil-punt 10 ta’ dan l-Anness u elenkati fil-Portal tas-Safety Gate.
L-għan tal-konsultazzjoni għandu jkun li tirrieżamina u taqbel sa fejn ikun prattikabbli dwar l-azzjoni meħuda biex tissolva l-problema. Il-Kontrolluri Konġunti għandhom jinnegozjaw ma’ xulxin in bona fede għal dak l-għan. Kull Kontrollur Konġunt għandu jwieġeb għal talba għal soluzzjoni amikevoli fi żmien sebat ijiem tax-xogħol wara li jkun irċieva din it-talba. Il-perjodu biex tintlaħaq soluzzjoni amikevoli għandu jkun ta’ 30 jum tax-xogħol mid-data meta tasal it-talba.
Jekk it-tilwima ma tkunx tista’ tiġi solvuta amikevolment, kull Kontrollur Konġunt jista’ jirreferi għal medjazzjoni jew/u proċedimenti ġudizzjarji bil-mod li ġej:
|
(a) |
f’każ ta’ medjazzjoni, il-Kontrolluri Konġunti għandhom jaħtru b’mod konġunt medjatur aċċettabbli minn kull wieħed minnhom, li jkun responsabbli biex jiffaċilita r-riżoluzzjoni tat-tilwima fi żmien xahrejn mir-riferiment tat-tilwima lilu; |
|
(b) |
fil-każ ta’ proċedimenti ġudizzjarji, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 272 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |
10. PUNTI TA’ KUNTATT GĦALL-KOOPERAZZJONI BEJN IL-KONTROLLURI KONĠUNTI
Kull Kontrollur Konġunt jinnomina punt uniku ta’ kuntatt, li Kontrolluri Konġunti oħra għandhom jikkuntattjaw fir-rigward ta’ mistoqsijiet, ilmenti u għoti ta’ informazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
Lista dettaljata tal-punti ta’ kuntatt kollha nnominati mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali, li jkun fiha d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom (kunjom, isem, isem tal-awtorità, indirizz tal-awtorità, telefown, faks, indirizz tal-posta elettronika) għandha tkun disponibbli fuq il-Portal tas-Safety Gate.
(1) Dan il-qasam jista’ jirreferi għall-persuna fiżika li tirrappreżenta lill-manifatturi jew lir-rappreżentanti awtorizzati. Madankollu, l-Istati Membri huma mitluba jevitaw li jdaħħlu kwalunkwe data personali u jiffavorixxu dettalji ta’ kuntatt mhux personali bħal indirizzi tal-posta elettronika ġeneriċi.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta’ Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea (ĠU L 6, 11.1.2017, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/46/oj).
(3) https://ec.europa.eu/safety-gate/#/screen/pages/contacts.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2639/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)