This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32024R2019
Regulation (EU, Euratom) 2024/2019 of the European Parliament and of the Council of 11 April 2024 amending Protocol No 3 on the Statute of the Court of Justice of the European Union
Regolament (UE, Euratom) 2024/2019 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
Regolament (UE, Euratom) 2024/2019 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
PE/85/2023/REV/2
ĠU L, 2024/2019, 12.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2019/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
![]() |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
2024/2019 |
12.8.2024 |
REGOLAMENT (UE, EURATOM) 2024/2019 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-11 ta’ April 2024
li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 256(3) u l-Artikolu 281, it-tieni paragrafu, tiegħu,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u, b’mod partikolari, l-Artikolu 106a(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja,
Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
F’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreżentat, fl-14 ta’ Diċembru 2017, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport dwar il-bidliet possibbli fit-tqassim tal-kompetenzi biex tagħti deċiżjonijiet preliminari skont l-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). F’dak ir-rapport, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma kienx hemm lok, f’dik id-data, li jiġu proposti bidliet fir-rigward tat-trattament tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari magħmula skont l-Artikolu 267 TFUE. Madankollu, f’dak l-istess rapport, hija enfasizzat li trasferiment sussegwenti tal-kompetenza lill-Qorti Ġenerali li tagħti deċiżjonijiet preliminari f’ċerti oqsma speċifiċi ma jistax jiġi eskluż jekk in-numru u l-kumplessità tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jkunu tali li l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tirrikjedih. Barra minn hekk, tali trasferiment huwa f’konformità mar-rieda tal-awturi tat-Trattat ta’ Nizza, li kellhom l-intenzjoni jsaħħu l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni billi pprevedew il-possibbiltà li l-Qorti Ġenerali tiġi involuta fit-trattament ta’ dawk it-talbiet. |
(2) |
Skont l-istatistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm in-numru ta’ kawżi għal deċiżjoni preliminari pendenti kif ukoll it-tul ta’ żmien medju li jittieħed biex jiġu trattati dawk il-kawżi qegħdin jiżdiedu. Peress li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari jridu jiġu ttrattati b’ħeffa sabiex il-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jiggarantixxu d-dritt għal rimedju effettiv, jenħtieġ li s-sitwazzjoni attwali tiġi indirizzata. Dik is-sitwazzjoni hija dovuta mhux biss għall-għadd kbir ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kull sena, iżda wkoll għall-kumplessità kbira u n-natura partikolarment sensittiva ta’ numru dejjem jikber ta’ talbiet magħmula lil dik il-qorti. Bil-għan li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tkompli taqdi l-missjoni tagħha tas-salvagwardja u t-tisħiħ tal-unità u l-konsistenza tad-dritt tal-Unjoni, u biex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jkunu tal-ogħla kwalità, huwa meħtieġ, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li tintuża l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 256(3), l-ewwel subparagrafu, tat-TFUE u li tiġi ttrasferita lill-Qorti Ġenerali kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet preliminari magħmula skont l-Artikolu 267 tat-TFUE, f’oqsma speċifiċi stabbiliti fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (l-“Istatut”). |
(3) |
It-trasferiment lill-Qorti Ġenerali ta’ parti mill-kompetenza sabiex tagħti deċiżjonijiet preliminari jenħtieġ li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddedika aktar ħin u riżorsi għall-eżami tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari l-aktar kumplessi u sensittivi u, f’dan il-qafas, issaħħaħ id-djalogu mal-qrati nazzjonali, inter alia billi tagħmel użu akbar mill-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jippermettilha titlob kjarifika minn qorti jew tribunal tar-rinviju f’terminu ta’ żmien stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra n-noti jew l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut. |
(4) |
F’dan il-kuntest, u peress li l-Qorti tal-Ġustizzja hija dejjem aktar meħtieġa, f’kawżi għal deċiżjoni preliminari, biex tittieħed deċiżjoni dwar kwistjonijiet ta’ natura kostituzzjonali jew relatati mad-drittijiet tal-bniedem u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), jenħtieġ li t-trasparenza u l-ftuħ tal-proċess ġudizzjarju jissaħħu. Għal dak l-għan, u mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jenħtieġ li l-Istatut jiġi emendat sabiex jipprevedi li n-noti jew l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati minn parti interessata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut jenħtieġ li jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fi żmien raġonevoli wara l-għeluq tal-kawża, sakemm dik il-parti ma tqajjimx oġġezzjonijiet għall-pubblikazzjoni tas-sottomissjonijiet bil-miktub ta’ dik il-parti stess, f’liema każ jissemma fuq l-istess sit web li tkun tqajmet tali oġġezzjoni. Tali pubblikazzjoni se żżid l-obbligu ta’ rendikont u tibni l-fiduċja fl-Unjoni kif ukoll fid-dritt tal-Unjoni. |
(5) |
Wara r-riforma tal-qafas ġudizzjarju tal-Unjoni b’riżultat tar-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422, attwalment il-Qorti Ġenerali tinsab f’pożizzjoni fejn tista’ tiffaċċja ż-żieda fil-volum ta’ xogħol li se tirriżulta mit-trasferiment tal-kompetenza biex jingħataw deċiżjonijiet preliminari f’xi oqsma speċifiċi. Madankollu, peress li l-volum ta’ xogħol tal-Qorti Ġenerali huwa marbut mill-qrib mal-iżviluppi tal-attività tal-Unjoni, għandu jiġi żgurat li l-Qorti Ġenerali tkun tista’ tkompli teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fir-rigward tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-organi tal-Unjoni. |
(6) |
Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, huwa essenzjali li l-oqsma li fihom il-Qorti Ġenerali tingħata kompetenza biex tagħti deċiżjonijiet preliminari jkunu definiti b’mod ċar u separabbli biżżejjed minn oqsma oħra. Barra minn hekk, huwa importanti wkoll li dawk l-oqsma jkunu dawk li taw lok għal ġurisprudenza sostanzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja li tista’ tiggwida lill-Qorti Ġenerali fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha li tagħti deċiżjonijiet preliminari. |
(7) |
Barra minn hekk, jenħtieġ li l-oqsma speċifiċi jiġu ddeterminati billi titqies il-ħtieġa li l-Qorti tal-Ġustizzja jitnaqqsilha l-piż mill-obbligu li teżamina numru ta’ kawżi għal deċiżjoni preliminari li jkun kbir biżżejjed sabiex ikollu effett reali fuq il-volum tax-xogħol tagħha. |
(8) |
Huwa fuq il-bażi ta’ dawk il-kriterji li jenħtieġ li ssir id-determinazzjoni tal-oqsma speċifiċi li fihom il-Qorti Ġenerali tingħata l-kompetenza li tagħti deċiżjonijiet preliminari. B’kont meħud tan-natura li qed tiżviluppa tad-dritt tal-Unjoni, dik id-determinazzjoni jenħtieġ li ssir billi wieħed jibbaża fuq il-mod konvenzjonali ta’ referenza għal dawk l-oqsma speċifiċi. Sabiex jiġi żgurat li dik id-determinazzjoni tkun tista’ tkompli ssir fil-futur, biċ-ċertezza legali meħtieġa, minkejja l-iżviluppi tad-dritt tal-Unjoni rigward dawk l-oqsma speċifiċi, huwa importanti li jitqiesu l-kwistjonijiet tipikament koperti minn dawk l-oqsma speċifiċi fil-mument tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament. |
(9) |
Is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, id-dazji tas-sisa, il-Kodiċi Doganali u l-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda jissodisfaw il-kriterji li għandhom jitqiesu bħala oqsma speċifiċi fis-sens tal-Artikolu 256(3), l-ewwel subparagrafu, tat-TFUE. Dawk l-oqsma jkopru, fil-mument tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, kwistjonijiet bħad-determinazzjoni tal-bażi għat-taxxa għall-valutazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud jew il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mill-ħlas ta’ dik it-taxxa; l-interpretazzjoni tal-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u tal-qafas relatat mad-dazji fuq l-alkoħol, ix-xorb alkoħoliku, it-tabakk, il-prodotti tal-enerġija u l-elettriku; l-elementi li abbażi tagħhom jiġu applikati dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni fil-kuntest tal-kummerċ tal-oġġetti, bħat-tariffa doganali komuni, l-oriġini u l-valur doganali tal-oġġetti; proċeduri ta’ importazzjoni u esportazzjoni, inklużi t-tiġrib, id-determinazzjoni u l-estinzjoni ta’ dejn doganali; arranġamenti doganali speċifiċi; is-sistema ta’ eżenzjoni mid-dazji doganali, kif ukoll l-interpretazzjoni ta’ intestaturi tariffarji speċifiċi u l-kriterji għall-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (5). |
(10) |
Il-kumpens u l-assistenza lill-passiġġieri meta s-servizzi tat-trasport jiddewmu jew jiġu kkanċellati jew meta l-passiġġieri jiġu mċaħħda milli jitilgħu abbord jissodisfaw il-kriterji biex jitqiesu bħala oqsma speċifiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 256(3), l-ewwel subparagrafu, tat-TFUE, u jkopru kwistjonijiet li fil-mument tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament huma rregolati bir-Regolamenti (KE) Nru 261/2004 (6), (UE) Nru 1177/2010 (7), (UE) Nru 181/2011 (8) u (UE) 2021/782 (9) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. L-istess kriterji huma ssodisfati wkoll fir-rigward tas-sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, fil-mument tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament regolat bid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u bl-atti adottati abbażi ta’ dik id-direttiva. |
(11) |
Fid-dawl tal-kriterju materjali applikabbli għat-tqassim tal-kompetenza fir-rigward tat-talbiet preliminari bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ ħeffa, huwa importanti li ma jkunux il-qrati jew it-tribunali tar-rinviju li jiddeċiedu huma stess liema qorti tkun kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari. B’hekk, kull talba għal deċiżjoni preliminari jenħtieġ li titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li jenħtieġ li tiddetermina, skont modalitajiet speċifikati fir-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk it-talba taqax esklużivament taħt wieħed jew aktar mill-oqsma speċifiċi stabbiliti fl-Istatut u, għaldaqstant, jekk dik it-talba jkollhiex tiġi ttrasferita lill-Qorti Ġenerali. |
(12) |
Jenħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tibqa’ kompetenti biex tagħti deċiżjoni dwar it-talbiet għal deċiżjoni preliminari li, għalkemm marbuta mal-oqsma speċifiċi, li fir-rigward tagħhom il-kompetenza li tingħata deċiżjoni preliminari tingħata lill-Qorti Ġenerali b’dan ir-Regolament, jikkonċernaw ukoll oqsma oħra, peress li l-Artikolu 256(3), l-ewwel subparagrafu, tat-TFUE, ma jipprevedi ebda possibbiltà ta’ trasferiment tal-kompetenza lill-Qorti Ġenerali biex tagħti deċiżjonijiet preliminari f’oqsma oħra għajr f’oqsma speċifiċi. |
(13) |
Id-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, huwa dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 47, t-tieni paragrafu, tal-Karta. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi ddikjarat b’mod ċar fl-Istatut innifsu li l-Qorti tal-Ġustizzja se żżomm il-kompetenza meta t-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem kwistjonijiet awtonomi ta’ interpretazzjoni tad-dritt primarju, tad-dritt internazzjonali pubbliku, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jew tal-Karta, fid-dawl tan-natura orizzontali tagħhom, anke meta l-qafas ġuridiku tal-kawża fil-proċedimenti prinċipali jaqa’ f’wieħed jew aktar mill-oqsma speċifiċi li fir-rigward tagħhom il-kompetenza li jingħataw deċiżjonijiet preliminari tingħata lill-Qorti Ġenerali b’dan ir-Regolament. |
(14) |
Wara analiżi preliminari, u wara li jinstemgħu l-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Avukat Ġenerali Ewlieni, jenħtieġ li l-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jinforma lir-Reġistru dwar jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari għandhiex tiġi ttrasferita lill-Qorti Ġenerali jew jekk għandhiex tintbagħat, għal analiżi ulterjuri, lil-laqgħa ġenerali li fiha jipparteċipaw l-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-interess tal-amministrazzjoni tajba u rapida tal-ġustizzja, il-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ jekk it-talba għandhiex tiġi ttrasferita lill-Qorti Ġenerali jenħtieġ li jitwettaq f’perjodu ta’ żmien li ma jaqbiżx dak li huwa strettament meħtieġ, filwaqt li jitqiesu n-natura, it-tul u l-kumplessità tal-każ. |
(15) |
Fl-interess taċ-ċertezza legali u ta’ trasparenza akbar tal-proċedimenti ġudizzjarji, jenħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali, fid-deċiżjoni tagħha dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tagħti fil-qosor ir-raġunijiet għaliex hija kompetenti li tieħu konjizzjoni ta’ domanda preliminari. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tippubblika u taġġorna regolarment lista ta’ eżempji li juru l-applikazzjoni tal-Artikolu 50b tal-Istatut kif imdaħħal b’dan ir-Regolament emendatorju. |
(16) |
Il-Qorti Ġenerali se tiddeċiedi dwar kwistjonijiet ta’ kompetenza jew ta’ ammissibbiltà mqajma espliċitament jew impliċitament mit-talba għal deċiżjoni preliminari trasferita lilha. |
(17) |
L-Artikolu 54, it-tieni paragrafu, tal-Istatut jipprevedi li, meta l-Qorti Ġenerali ssib li ma għandhiex il-kompetenza li tieħu konjizzjoni ta’ rikors, hija għandha tirreferi dak ir-rikors lill-Qorti tal-Ġustizzja. L-istess obbligu jenħtieġ li japplika fil-każ li l-Qorti Ġenerali, waqt li tkun qed teżamina talba għal deċiżjoni preliminari trasferita lilha, tikkonstata li din ma tissodisfax il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 50b, l-ewwel paragrafu, tal-Istatut kif imdaħħal b’dan ir-Regolament emendatorju. |
(18) |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tista’, skont l-Artikolu 256(3), it-tieni subparagrafu, tat-TFUE, tgħaddi lill-Qorti tal-Ġustizzja kawża li taqa’ fil-kompetenza tagħha iżda li teħtieġ deċiżjoni ta’ prinċipju li x’aktarx taffettwa l-unità jew il-konsistenza tad-dritt tal-Unjoni. |
19. |
Bil-għan li l-qrati nazzjonali u l-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut jingħataw l-istess garanziji bħal dawk li toffri l-Qorti tal-Ġustizzja, jenħtieġ li l-Qorti Ġenerali tadotta dispożizzjonijiet proċedurali ekwivalenti għal dawk applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja għat-trattament tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħatra ta’ Avukat Ġenerali. Jenħtieġ li l-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali jeleġġu minn fosthom il-Membri li għandhom jaqdu d-dmirijiet ta’ Avukat Ġenerali għal perjodu ta’ tliet snin li jista’ jiġġedded. Fil-perjodu li matulu dawk il-Membri jaqdu d-dmirijiet ta’ Avukat Ġenerali, huma ma għandhomx ipoġġu bħala Mħallfin f’kawżi rregolati bl-Artikolu 267 TFUE. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tiegħu jew tagħha, jenħtieġ li l-Avukat Ġenerali maħtur sabiex jittratta talba għal deċiżjoni preliminari jappartjeni għal awla differenti minn dik li lilha ġiet assenjata dik it-talba. |
(20) |
Fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari meta mqabbla mar-rikorsi diretti li fir-rigward tagħhom għandha kompetenza l-Qorti Ġenerali, huwa xieraq li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari jiġu assenjati lil awli tal-Qorti Ġenerali magħżula għal dan il-fini. |
(21) |
Barra minn hekk, sabiex titħares, b’mod partikolari, il-konsistenza tad-deċiżjonijiet preliminari mogħtija mill-Qorti Ġenerali, u fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jenħtieġ li tiġi prevista awla tal-Qorti Ġenerali ta’ daqs intermedju bejn l-awli b’ħames Imħallfin u l-Awla Manja. Minħabba ż-żieda fir-responsabbiltajiet tal-Qorti Ġenerali, introdotti b’riżultat ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li Stat Membru jew istituzzjoni tal-Unjoni li jkunu parti fil-proċedimenti jkunu jistgħu jitolbu t-tlaqqigħ ta’ tali awla intermedja meta l-Qorti Ġenerali tiġi adita skont l-Artikolu 267 TFUE. |
22. |
Skont l-istatistika tal-Qorti tal-Ġustizzja numru kbir ta’ appelli jiġu ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali. Bl-għan li tinżamm l-effiċjenza tal-proċedura tal-appell u li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiffoka fuq l-appelli li jqajmu kwistjonijiet legali importanti, jenħtieġ li jiġi estiż il-mekkaniżmu li permezz tiegħu jiġi ddeterminat jekk appell jiġix ammess, filwaqt li jiġi żgurat li r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jiġu ssodisfati. |
(23) |
Jenħtieġ li jiġi estiż il-mekkaniżmu li permezz tiegħu jiġi ddeterminat jekk appell jiġix ammess għal dawk l-appelli li jkollhom bħala suġġett deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar id-deċiżjoni ta’ bord tal-appell indipendenti ta’ korp, uffiċċju jew organu tal-Unjoni li, fid-data tal-1 ta’ Mejju 2019, kellhom tali bord tal-appell indipendenti iżda għadhom ma jissemmewx fl-Artikolu 58a tal-Istatut. Tali appelli jikkonċernaw kawżi li jkunu diġà bbenefikaw minn eżami doppju, l-ewwel minn bord tal-appell indipendenti u mbagħad mill-Qorti Ġenerali, bir-riżultat li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jiġi ggarantit kompletament. |
(24) |
Il-mekkaniżmu li permezz tiegħu jiġi determinat jekk appell jiġix ammess jenħtieġ li jiġi estiż ukoll għat-tilwim dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratti li jinkludu klawżola ta’ arbitraġġ, fis-sens tal-Artikolu 272 tat-TFUE, li ħafna drabi sempliċement jeħtieġu li l-Qorti Ġenerali tapplika għall-mertu tat-tilwima l-liġi nazzjonali li għalih tirreferi l-klawżola ta’ arbitraġġ. Meta l-Qorti Ġenerali tkun meħtieġa tapplika d-dritt tal-Unjoni għall-mertu tat-tilwima, jenħtieġ li l-appelli mressqa kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali mogħtija b’relazzjoni ma’ tali tilwim jiġu ammessi meta jqajmu kwistjonijiet li jkunu sinifikanti fir-rigward tal-unità, il-konsistenza jew l-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni. |
(25) |
L-Artikolu 23 tal-Istatut jawtorizza lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bank Ċentrali Ewropew jippreżentaw noti jew osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja meta jkunu adottaw l-att li l-validità jew l-interpretazzjoni tiegħu jkunu kkontestati. Fil-prassi ġuriżdizzjonali tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu diġà ppermettiet lill-Parlament Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew jipparteċipaw fi proċeduri li jikkonċernaw talbiet oħra għal deċiżjoni preliminari meta kellhom interess partikolari fil-kwistjonijiet imqajma mill-qorti nazzjonali. |
(26) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 23 tal-Istatut jiġi emendat biex jipprevedi li d-deċiżjonijiet kollha tal-qorti jew tat-tribunal ta’ Stat Membru li jirreferu kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja jiġu nnotifikati lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bank Ċentrali Ewropew, sabiex ikunu jistgħu jivvalutaw jekk għandhomx tali interess partikolari u jiddeċiedu jekk jixtiqux jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jippreżentaw noti jew osservazzjonijiet bil-miktub. Tali emenda jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew organi oħra li jippreżentaw noti jew osservazzjonijiet bil-miktub meta jkunu adottaw l-att li l-validità jew l-interpretazzjoni tiegħu jkunu kkontestati. |
(27) |
Dan ir-Regolament jipprevedi bidla sinifikanti għall-qafas ġudizzjarju tal-Unjoni u għalhekk l-implimentazzjoni tiegħu jenħtieġ li tiġi mmonitorjata mill-qrib. Għal dak il-fini, il-Qorti tal-Ġustizzja jenħtieġ li tippreżenta fi żmien raġonevoli lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-kompetenza għal deċiżjonijiet preliminari f’oqsma speċifiċi u dwar l-estensjoni tal-mekkaniżmu għad-determinazzjoni ta’ jekk appell jiġix ammess. Jenħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, tagħti informazzjoni li tippermetti valutazzjoni tal-punt sa fejn l-objettivi ddikjarati intlaħqu, filwaqt li jitqiesu l-ħeffa li biha jkunu ġew trattati l-kawżi u l-effiċjenza tal-eżami tal-appelli u tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari l-aktar kumplessi jew sensittivi. |
(28) |
Il-Parlament Ewropew u l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppaw djalogu kostruttiv dwar il-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, u dan wera li kien partikolarment ta’ benefiċċju fil-kuntest tar-riforma preżenti. Dak id-djalogu, li għalih jistgħu jiġu mistiedna esperti kull meta jkun xieraq, jenħtieġ li jiġi segwit b’mod strutturat fuq bażi annwali, bir-rispett dovut għar-rwol u l-kompetenzi ta’ kull istituzzjoni, sabiex tiġi diskussa l-implimentazzjoni tar-riforma tal-Istatut introdotta minn dan ir-Regolament u biex issir riflessjoni dwar titjib ulterjuri. |
(29) |
Il-konsultazzjoni pubblika u mal-partijiet ikkonċernati hija integrali għal teħid tad-deċiżjonijiet abbażi ta’ informazzjoni tajba u biex tittejjeb il-kwalità tat-tfassil tal-liġijiet. Qabel ma tadotta talba jew proposta biex jiġu emendati d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut skont l-Artikolu 281 tat-TFUE, jenħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Kummissjoni jwettqu konsultazzjonijiet pubbliċi b’mod miftuħ u trasparenti, filwaqt li jiżguraw li l-modalitajiet u l-limiti ta’ żmien ta’ dawk il-konsultazzjonijiet pubbliċi jippermettu l-akbar parteċipazzjoni possibbli. Ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet pubbliċi u mal-partijiet ikkonċernati jenħtieġ li jiġu kkomunikati mingħajr dewmien, skont il-każ, lill-Kummissjoni jew lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u jsiru pubbliċi. |
(30) |
Jenħtieġ għalhekk li l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jiġi emendat kif xieraq, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“l-Istatut”), huwa emendat kif ġej:
(1) |
l-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:
|
(2) |
jiddaħħal l-artikolu li ġej: “Artikolu 49a Il-Qorti Ġenerali għandha tkun assistita minn Avukat Ġenerali wieħed jew aktar fit-trattament tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari li jiġu ttrasferiti lilha f’konformità mal-Artikolu 50b. L-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali għandhom jeleġġu minn fosthom, f’konformità mar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Membri li għandhom jeżerċitaw id-dmirijiet ta’ Avukat Ġenerali. Fil-perjodu li matulu dawk il-Membri jaqdu d-dmirijiet ta’ Avukat Ġenerali, huma ma għandhomx ipoġġu bħala Mħallfin f’talbiet għal deċiżjonijiet preliminari. Għal kull talba għal deċiżjoni preliminari, l-Avukat Ġenerali għandu jintgħażel minn fost l-Imħallfin eletti sabiex jaqdu dak id-dmir li jappartjenu għal awla differenti mill-awla li lilha tkun ġiet assenjata t-talba inkwistjoni. L-Imħallfin eletti għall-qadi tad-dmirijiet imsemmija fit-tieni paragrafu għandhom jiġu eletti għal perjodu ta’ tliet snin. Il-mandat tagħhom jista’ jiġġedded darba.” |
(3) |
l-Artikolu 50 huwa emendat kif ġej:
|
(4) |
jiddaħħal l-artikolu li ġej: “Artikolu 50b Il-Qorti Ġenerali hija kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa skont l-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonċernaw esklużivament wieħed jew aktar mill-oqsma speċifiċi li ġejjin:
Minkejja l-ewwel paragrafu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżomm il-kompetenza biex tieħu konjizzjoni tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari li jqajmu kwistjonijiet awtonomi ta’ interpretazzjoni tad-dritt primarju, tad-dritt internazzjonali pubbliku, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jew tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Kull talba għal deċiżjoni preliminari mressqa skont l-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ppreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Wara li tivverifika, malajr kemm jista’ jkun u f’konformità mar-regoli dettaljati stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura tagħha, li t-talba għal deċiżjoni preliminari taqa’ esklużivament f’wieħed jew aktar mill-oqsma msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tittrasferixxi dik it-talba lill-Qorti Ġenerali. It-talbiet għal deċiżjoni preliminari li l-Qorti Ġenerali tieħu konjizzjoni tagħhom skont l-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu assenjati lill-awli magħżula għal dak il-fini f’konformità mar-regoli dettaljati stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura tagħha.” |
(5) |
fl-Artikolu 54, it-tieni paragrafu, huwa sostitwit b’dan li ġej: “Meta l-Qorti Ġenerali ssib li ma tkunx kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors jew talba għal deċiżjoni preliminari li taqa’ fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija għandha tirreferi dak ir-rikors jew dik it-talba lill-Qorti tal-Ġustizzja; Bl-istess mod, meta l-Qorti tal-Ġustizzja ssib li rikors jew talba għal deċiżjoni preliminari jaqgħu fil-kompetenza tal-Qorti Ġenerali, hija għandha tirreferi dak ir-rikors jew dik it-talba lill-Qorti Ġenerali, u dik il-Qorti ma tkunx tista’ tirrifjuta l-kompetenza.” ; |
(6) |
l-Artikolu 58a huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 58a Appell li jitressaq kontra deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar deċiżjoni ta’ bord ta’ appell indipendenti ta’ wieħed mill-korpi, l-uffiċċji u l-organi tal-Unjoni li ġejjin ma għandux jiġi ammess sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel ma tiddeċidix li dan ikun possibbli:
Il-proċedura msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tapplika wkoll għall-appelli ppreżentati kontra:
Appell għandu jiġi ammess, kompletament jew parzjalment, f’konformità mar-regoli dettaljati li jinsabu fir-Regoli ta’ Proċedura, meta jqajjem kwistjoni li tkun sinifikanti fir-rigward tal-unità, il-konsistenza jew l-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni. Id-deċiżjoni dwar jekk l-appell għandux jiġi ammess jew le għandha tkun motivata, u għandha tiġi ppubblikata.” |
(7) |
l-artikolu li ġej jiddaħħal fit-Titolu V tal-Istatut: “Artikolu 62d Qabel ma jippreżentaw talba jew proposta għall-emenda ta’ dan l-Istatut, il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Kummissjoni, skont il-każ, għandhom jikkonsultaw b’mod wiesa’.”. |
Artikolu 2
1. It-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa skont l-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u li jkunu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu ttrattati mill-Qorti tal-Ġustizzja.
2. L-appelli kontra deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jikkonċernaw deċiżjoni ta’ bord tal-appell ta’ wieħed mill-korpi, l-uffiċċji jew l-organi tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 58a, l-ewwel paragrafu, il-punti (e) sa (j), tal-Istatut, u kontra d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 58a, it-tieni paragrafu, il-punt (b), tal-Istatut, li bihom tkun adita l-Qorti tal-Ġustizzja fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, mhumiex koperti mill-mekkaniżmu li permezz tiegħu jiġi ddeterminat jekk appell jiġix ammess.
Artikolu 3
1. Sat-2 ta’ Settembru 2025, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tippubblika u taġġorna regolarment lista ta’ eżempji tal-applikazzjoni tal-Artikolu 50b tal-Istatut.
2. Sat-2 ta’ Settembru 2028, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport dwar l-implimentazzjoni tar-riforma tal-Istatut introdotti b’dan ir-Regolament.
F’dak ir-rapport, il-Qorti għandha tistabbilixxi mill-inqas:
(a) |
in-numru ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari riċevuti skont l-Artikolu 267 tat-TFUE; |
(b) |
in-numru ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari f’kull wieħed mill-oqsma speċifiċi indikati fl-Artikolu 50b, l-ewwel paragrafu, tal-Istatut; |
(c) |
in-numru ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari eżaminati mill-Qorti Ġenerali u l-oqsma speċifiċi msemmija fl-Artikolu 50b, l-ewwel paragrafu, tal-Istatut li huma relatati magħhom, u, fejn xieraq, in-numru ta’ kawżi riferuti mill-Qorti Ġenerali lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll in-numru ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li kienu soġġetti għal proċedura ta’ eżami mill-ġdid stabbilita fl-Artikolu 62 tal-Istatut; |
(d) |
in-numru u n-natura tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari li ma ġewx ittrasferiti lill-Qorti Ġenerali minkejja l-fatt li l-qafas ġuridiku tal-kawża fil-proċedimenti prinċipali kien jaqa’ f’qasam speċifiku wieħed jew aktar msemmija fl-Artikolu 50b, l-ewwel paragrafu, tal-Istatut; |
(e) |
it-tul medju ta’ żmien meħud għat-trattament tat-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari skont l-Artikolu 50b tal-Istatut kemm fil-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll fil-Qorti Ġenerali, fuq il-proċedura ta’ verifika stabbilita fl-Artikolu 50b, it-tielet paragrafu, tal-Istatut, u fuq il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid stabbilita fl-Artikolu 62 tal-Istatut; |
(f) |
in-numru u n-natura tal-kawżi li kienu soġġetti għall-mekkaniżmu li permezz tiegħu jiġi determinat jekk appell jiġix ammess; |
(g) |
informazzjoni li tippermetti li jiġi evalwat il-punt sa fejn l-objettivi stabbiliti f’dan ir-Regolament intlaħqu, filwaqt li titqies il-ħeffa li biha jkunu ġew trattati l-kawżi u l-effiċjenza tal-eżami tal-appelli u t-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari l-aktar kumplessi jew sensittivi, b’mod partikolari minħabba aktar skambji mal-qrati jew it-tribunali tar-rinviju skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja; |
(h) |
informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 23, il-ħames paragrafu, tal-Istatut, b’mod partikolari dwar is-sottomissjonijiet bil-miktub ippubblikati u l-oġġezzjonijiet imqajma. |
Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, minn talba għal att leġiżlattiv biex jiġi emendat l-Istatut, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi emendata l-lista ta’ oqsma speċifiċi msemmija fl-Artikolu 50b, l-ewwel paragrafu, tal-Istatut.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ April 2024.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
V. DE BUE
(1) L-Opinjoni tal-14 ta’ Marzu 2023 (COM(2023) 135).
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Frar 2024 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2024.
(3) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 341, 24.12.2015, p. 14).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(5) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).
(6) Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1).
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 1).
(8) Ir-Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004(ĠU L 55, 28.2.2011, p. 1).
(9) Ir-Regolament (UE) 2021/782 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU L 172, 17.5.2021, p. 1).
(10) Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2019/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)