Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1200

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1200 tat-18 ta’ April 2024 dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ preparat ta’ Bifidobacterium animalis ssp. animalis DSM 16284, Ligilactobacillus salivarius DSM 16351 u Enterococcus faecium DSM 21913 bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ tas-simna, għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd u għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam tas-simna u mrobbija għall-bajd jew għat-tnissil, l-awtorizzazzjoni ta’ dak il-preparat bħala addittiv tal-għalf għall-użu fl-għalf u fl-ilma tax-xorb għat-tiġieġ imrobbija għat-tnissil, għad-dundjani tas-simna u għad-dundjani mrobbija għat-tnissil (detentur tal-awtorizzazzjoni: Biomin GmbH) u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 544/2013 u (UE) 2015/1105

C/2024/2447

ĠU L, 2024/1200, 22.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1200/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1200/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1200

22.4.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1200

tat-18 ta’ April 2024

dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ preparat ta’ Bifidobacterium animalis ssp. animalis DSM 16284, Ligilactobacillus salivarius DSM 16351 u Enterococcus faecium DSM 21913 bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ tas-simna, għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd u għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam tas-simna u mrobbija għall-bajd jew għat-tnissil, l-awtorizzazzjoni ta’ dak il-preparat bħala addittiv tal-għalf għall-użu fl-għalf u fl-ilma tax-xorb għat-tiġieġ imrobbija għat-tnissil, għad-dundjani tas-simna u għad-dundjani mrobbija għat-tnissil (detentur tal-awtorizzazzjoni: Biomin GmbH) u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 544/2013 u (UE) 2015/1105

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni tal-addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti u għat-tiġdid ta’ din l-awtorizzazzjoni.

(2)

Ġie awtorizzat preparat ta’ Bifidobacterium animalis ssp. animalis DSM 16284, Ligilactobacillus salivarius DSM 16351 (li qabel kien identifikat b’mod tassonomiku bħala Lactobacillus salivarius ssp. salivarius DSM 16351) u Enterococcus faecium DSM 21913, għal 10 snin bħala addittiv tal-għalf għall-użu fit-tiġieġ tas-simna bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 544/2013 (2) u, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1105 (3) għall-użu fl-għalf u fl-ilma tax-xorb għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd u għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam għajr dawk tal-bajd, kif ukoll għall-użu fl-ilma tax-xorb għat-tiġieġ tas-simna.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, tressqet applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-preparat ta’ Bifidobacterium animalis ssp. animalis DSM 16284, Ligilactobacillus salivarius DSM 16351 u Enterococcus faecium DSM 21913 bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ tas-simna, għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd u għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam għajr dawk tal-bajd, bit-talba li dak l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija “addittivi żootekniċi” u fil-grupp funzjonali “stabbilizzaturi tal-flora intestinali”. F’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, dik l-applikazzjoni kienet tikkonċerna wkoll l-awtorizzazzjoni ta’ użi ġodda tal-istess preparat bħala addittiv tal-għalf għall-użu fl-għalf u fl-ilma tax-xorb għat-tiġieġ imrobbija għat-tnissil, għad-dundjani tas-simna u għad-dundjani mrobbija għat-tnissil. Flimkien mal-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 14(2) u l-Artikolu 7(3) ta’ dak ir-Regolament.

(4)

Fl-opinjoni tagħha tal-15 ta’ Novembru 2023 (4), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li l-preparat ta’ Bifidobacterium animalis ssp. animalis DSM 16284, Ligilactobacillus salivarius DSM 16351 u Enterococcus faecium DSM 21913 huwa sikur għall-ispeċijiet fil-mira, għall-konsumaturi u għall-ambjent skont il-kundizzjonijiet tal-użu awtorizzati u dehrilha li din il-konklużjoni tapplika wkoll għall-ispeċijiet fil-mira li fil-każ tagħhom saret talba għal użi ġodda. Ikkonkludiet ukoll li dak il-preparat ma jirritax il-ġilda jew l-għajnejn iżda jenħtieġ li jitqies bħala sensitizzatur respiratorju. L-Awtorità indikat li ma kienx meħtieġ li tiġi vvalutata l-effikaċja tal-preparat ta’ Bifidobacterium animalis ssp. animalis DSM 16284, Ligilactobacillus salivarius DSM 16351 u Enterococcus faecium DSM 21913 fil-kuntest tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tiġieġ tas-simna, għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd u għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam għajr dawk tal-bajd. Ikkonkludiet ukoll li dak il-preparat tqies bħala effikaċi fl-għalf u fl-ilma tax-xorb għall-ispeċijiet kollha ta’ pollam li qed jikbru, inkluż fir-rigward tal-kumpatibbiltà tal-użu tal-koċċidjostati li teżisti awtorizzazzjoni għalihom. L-Awtorità ma dehrilhiex li hemm il-ħtieġa ta’ rekwiżiti speċifiċi rigward il-monitoraġġ ta’ wara l-introduzzjoni fis-suq.

(5)

Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 5(4), il-punt (c) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2005 (5), mhuwiex meħtieġ rapport ta’ evalwazzjoni tal-Laboratorju ta’ Referenza.

(6)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni jidhrilha li l-preparat ta’ Bifidobacterium animalis ssp. animalis DSM 16284, Ligilactobacillus salivarius DSM 16351 u Enterococcus faecium DSM 21913 jissodisfa l-kundizzjonijiet, kif previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni ta’ dak il-preparat tiġġedded għall-użu fl-għalf u fl-ilma tax-xorb għat-tiġieġ tas-simna, għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd u għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam tas-simna u mrobbija għall-bajd jew għat-tnissil, u jenħtieġ li l-użu ta’ dak il-preparat jiġi awtorizzat għall-użu fl-għalf u fl-ilma tax-xorb għat-tiġieġ imrobbija għat-tgħammir, għad-dundjani tas-simna u għad-dundjani mrobbija għat-tnissil. Jixraq li tiġi indikata l-kumpatibbiltà tal-użu ta’ dak il-preparat mal-koċċidjostati li ġejjin: il-maduramiċina, l-ammonju, id-diklażuril, il-kloridat tar-robenidina, id-dekokinat, in-narasin, in-nikarbażina, taħlita tan-narasin man-nikarbażina. Barra minn hekk, meta jitqies li dawk il-koċċidjostati ma jistgħux jiġu awtorizzati bħala addittivi tal-għalf għal kull waħda mill-ispeċijiet jew kategoriji elenkati fl-Anness, l-użu simultanju tagħhom fil-preparat ta’ Bifidobacterium animalis ssp. animalis DSM 16284, Ligilactobacillus salivarius DSM 16351 u Enterococcus faecium DSM 21913 jenħtieġ li jkun possibbli biss f’konformità mal-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni rispettivi tagħhom bħala addittivi tal-għalf. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni jidhrilha li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa biex jiġu evitati l-effetti negattivi fuq is-saħħa tal-utenti tal-addittiv.

(7)

Bħala konsegwenza tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-preparat ta’ Bifidobacterium animalis ssp. animalis DSM 16284, Ligilactobacillus salivarius DSM 16351 u Enterococcus faecium DSM 21913 bħala addittiv tal-għalf għall-użu fl-għalf u fl-ilma tax-xorb għat-tiġieġ tas-simna, għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd u għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam imrobbija għall-bajd jew għat-tnissil, jenħtieġ li jitħassru r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 544/2013 u (UE) 2015/1105.

(8)

Billi r-raġunijiet ta’ sikurezza ma jeħtiġux l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki fil-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tal-preparat ta’ Bifidobacterium animalis ssp. animalis DSM 16284, Ligilactobacillus salivarius DSM 16351 u Enterococcus faecium DSM 21913 għall-użu fl-għalf u fl-ilma tax-xorb għat-tiġieġ tas-simna, għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd u għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam tas-simna u mrobbija għall-bajd jew għat-tnissil, jixraq li jiġi previst perjodu tranżitorju għall-partijiet interessati biex iħejju ruħhom ħalli jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-awtorizzazzjoni.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Tiġdid tal-awtorizzazzjoni

L-awtorizzazzjoni tal-preparat speċifikat fl-Anness, li jifforma parti mill-kategorija tal-addittivi “addittivi żootekniċi” u mill-grupp funzjonali “stabbilizzaturi tal-flora intestinali”, għall-użu fl-għalf u fl-ilma tax-xorb għat-tiġieġ tas-simna, għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd u għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam tas-simna u mrobbija għall-bajd jew għat-tnissil, tiġġedded soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Awtorizzazzjoni

Il-preparat speċifikat fl-Anness, li jifforma parti mill-kategorija tal-addittivi “addittivi żootekniċi” u mill-grupp funzjonali “stabbilizzaturi tal-flora intestinali”, huwa awtorizzat għall-użu fl-għalf u fl-ilma tax-xorb għat-tiġieġ imrobbija għat-tnissil, għad-dundjani tas-simna u għad-dundjani mrobbija għat-tnissil soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness.

Artikolu 3

Tħassir

Ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 544/2013 u (UE) 2015/1105 jitħassru.

Artikolu 4

Miżuri tranżizzjonali

1.   Il-preparat speċifikat fl-Anness u l-premixxeli li jkun fihom dak il-preparat, li huma maħsuba għall-użu fl-għalf u fl-ilma tax-xorb għat-tiġieġ tas-simna, għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd u għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam tas-simna u mrobbija għall-bajd jew għat-tnissil, u li jiġu prodotti u ttikkettati qabel it-12 ta’ Novembru 2024 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel it-12 ta’ Mejju 2024 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti.

2.   L-għalf kompost u l-materjal tal-għalf li jkun fihom il-preparat speċifikat fl-Anness, li huma maħsuba għat-tiġieġ tas-simna, għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd u għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam tas-simna u mrobbija għall-bajd jew għat-tnissil, u li jiġu prodotti u ttikkettati qabel it-12 ta’ Mejju 2025 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel it-12 ta’ Mejju 2024 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ April 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1831/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 544/2013 tal-14 ta’ Ġunju 2013 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni ta’ preparazzjoni ta’ Bifidobacterium animalis ssp. animalis DSM 16284, Lactobacillus salivarius ssp. salivarius DSM 16351 u Enterococcus faecium DSM 21913 bħala addittiv fl-għalf għat-tiġieġ tas-simna (detentur tal-awtorizzazzjoni Biomin GmbH) (ĠU L 163, 15.6.2013, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/544/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1105 tat-8 ta’ Lulju 2015 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-preparat tal-Bifidobacterium animalis ssp. animalis DSM 16284, Lactobacillus salivarius ssp. salivarius DSM 16351 u tal-Enterococcus faecium DSM 21913 bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ tal-bajd u għal speċijiet minuri ta’ tjur għajr dawk tal-bajd, l-awtorizzazzjoni ta’ dak l-addittiv tal-għalf għall-użu fl-ilma tax-xorb għat-tiġieġ għat-tismin u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 544/2013 fir-rigward tal-kontenut massimu ta’ dak l-addittiv tal-għalf fl-għalf sħiħ u l-kumpatibbiltà tiegħu mal-koċċidjostati (id-detentur tal-awtorizzazzjoni Biomin GmbH) (ĠU L 181, 9.7.2015, p. 65, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1105/oj).

(4)  EFSA Journal 2023;21(12):8356.

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2005 tal-4 ta’ Marzu 2005 dwar regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dmirijiet u l-ħidmiet tal-Laboratorju ta’ Referenza Komunitarju fil-kuntest tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ addittivi fl-għalf tal-annimali (ĠU L 59, 5.3.2005, p. 8, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/378/oj).


ANNESS

Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv tal-għalf

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

CFU/kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

CFU/l ta’ ilma tax-xorb

Kategorija: addittivi żootekniċi. Grupp funzjonali: stabbilizzaturi tal-flora intestinali

4b1890

Biomin GmbH

Bifidobacterium animalis ssp. animalis DSM 16284, Ligilactobacillus salivarius DSM 16351 u Enterococcus faecium DSM 21913

Kompożizzjoni tal-addittiv

Preparat ta’ Bifidobacterium animalis ssp. animalis DSM 16284, Ligilactobacillus salivarius DSM 16351 u Enterococcus faecium DSM 21913 li fih minimu ta’10 × 109 CFU/g ta’ addittiv

(proporzjon ta’ 3:1:6)

Forma solida

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Ċelloli vijabbli ta’ Bifidobacterium animalis ssp. animalis DSM 16284, Ligilactobacillus salivarius DSM 16351 u Enterococcus faecium DSM 21913

Metodu analitiku  (1)

Identifikazzjoni: Metodi ta’ sekwenzjar tad-DNA jew Elettroforeżi fuq Ġell f’Kamp Pulsat (PFGE) - CEN/TS 17697.

Enumerazzjoni fl-addittiv tal-għalf, fil-premixxeli, fl-għalf kompost u fl-ilma ta’:

Bifidobacterium animalis ssp. animalis DSM 16284: metodu tat-tifrix EN 15785

Ligilactobacillus salivariusDSM 16351: metodu tat-tifrix EN 15787

Enterococcus faecium DSM 21913: metodu tat-tifrix EN 15788

L-ispeċijiet kollha ta’ pollam tas-simna

L-ispeċijiet kollha ta’ pollam imrobbija għall-bajd

L-ispeċijiet kollha ta’ pollam imrobbija għat-tnissil

1 × 108

5 × 107

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tal-premixxela, għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħżin u tal-istabbiltà waqt it-trattament bis-sħana.

2.

L-addittiv jista’ jintuża permezz tal-ilma tax-xorb.

3.

L-addittiv jista’ jintuża simultanjament mal-koċċidjostati li ġejjin, f’konformità mal-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni rispettivi tagħhom bħala addittivi tal-għalf: il-maduramiċina, l-ammonju, id-diklażuril, il-kloridat tar-robenidina, id-dekokinat, in-narasin, in-nikarbażina, taħlita tan-narasin man-nikarbażina.

4.

Għall-utenti tal-addittiv u tal-premixxeli, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operattivi u miżuri organizzattivi biex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawk ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati bi proċeduri u miżuri bħal dawn, l-addittiv u l-premixxeli għandhom jintużaw b’tagħmir protettiv personali għan-nifs u għall-ġilda.

12.5.2034


(1)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi jinsabu fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_en


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1200/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top