Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024L1203

Direttiva (UE) 2024/1203 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali u li tissostitwixxi d-Direttivi 2008/99/KE u 2009/123/KE

PE/82/2023/REV/1

ĠU L, 2024/1203, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1203/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1203/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1203

30.4.2024

DIRETTIVA (UE) 2024/1203 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ April 2024

dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali u li tissostitwixxi d-Direttivi 2008/99/KE u 2009/123/KE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 83(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni hija impenjata li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ambjent. L-ambjent, f’sens wiesa’, jenħtieġ li jkun protett, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(3) TUE u fl-Artikolu 191 TFUE, b’mod li jkopri r-riżorsi naturali kollha, inklużi l-arja, l-ilma, il-ħamrija, l-ekosistemi, inklużi s-servizzi u l-funzjonijiet tal-ekosistemi, u l-fawna u l-flora selvaġġi, inklużi l-ħabitats, kif ukoll is-servizzi pprovduti mir-riżorsi naturali.

(2)

Skont l-Artikolu 191(2) tat-TFUE, il-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent trid timmira lejn protezzjoni ta’ livell għoli filwaqt li titqies id-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni tal-Unjoni. Dik il-politika trid tkun ibbażata fuq il-prinċipju prekawzjonarju u fuq il-prinċipji li trid tittieħed azzjoni preventiva, li ħsara ambjentali jenħtieġ li bħala prijorità tiġi rrettifikata fis-sors, u li min iniġġes jenħtieġ li jħallas. Meta jitqies li r-reati ambjentali jaffettwaw ukoll id-drittijiet fundamentali, il-ġlieda kontra r-reati ambjentali fil-livell tal-Unjoni hija kruċjali biex jiġi żgurat li dawk id-drittijiet jiġu protetti.

(3)

Iż-żieda fir-reati kriminali ambjentali u l-effetti tagħhom, li jimminaw l-effettività tal-liġi ambjentali tal-Unjoni, hija kwistjoni ta’ tħassib kontinwu fl-Unjoni. Tali reati jestendu dejjem aktar lil hinn mill-fruntieri tal-Istati Membri li jitwettqu fihom. Tali reati joħolqu theddida għall-ambjent u għalhekk jeħtieġu rispons xieraq u effettiv, li spiss jirrikjedi kooperazzjoni transfruntiera effettiva.

(4)

Ir-regoli eżistenti dwar penali skont id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u skont id-dritt settorjali ambjentali tal-Unjoni ma kinux biżżejjed biex jiksbu konformità mal-liġi tal-Unjoni rigward il-protezzjoni tal-ambjent. Tali konformità jenħtieġ li tissaħħaħ bid-disponibbiltà ta’ pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi li jikkorrispondu għall-gravità tar-reati u li jistgħu juru aktar diżapprovazzjoni soċjali mill-użu ta’ penali amministrattivi. Il-komplementarjetà tal-liġi kriminali u amministrattiva hija kruċjali għall-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta’ mġiba illegali li tagħmel ħsara lill-ambjent.

(5)

Il-lista ta’ reati kriminali ambjentali fid-Direttiva 2008/99/KE jenħtieġ li tiġi riveduta u jiżdiedu reati kriminali addizzjonali bbażati fuq l-aktar ksur serju tal-liġi ambjentali tal-Unjoni. Il-penali jenħtieġ li jissaħħu sabiex jittejjeb l-effett ta’ deterrent tagħhom, u jenħtieġ li tittejjeb l-effettività tal-individwar, l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-aġġudikazzjoni ta’ reati kriminali ambjentali.

(6)

L-Istati Membri jenħtieġ li jikkriminalizzaw ċerta mġiba illegali, jipprevedu preċiżjoni akbar fir-rigward tad-definizzjonijiet ta’ reati kriminali rilevanti u jarmonizzaw it-tipi u l-livelli ta’ penali.

(7)

In-nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu ġuridiku li tittieħed azzjoni jista’ jkollu l-istess effett negattiv fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem bħala aġir attiv. Għalhekk, id-definizzjoni ta’ reati kriminali f’din id-Direttiva jenħtieġ li tkopri kemm l-atti kif ukoll l-ommissjonijiet, meta jkun applikabbli.

(8)

L-Istati Membri jenħtieġ li jipprevedu pieni kriminali fil-liġi nazzjonali tagħhom għal ksur serju tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-ambjent. Fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd, il-liġi tal-Unjoni tipprevedi sett komprensiv ta’ regoli għall-kontroll u l-infurzar skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (4) u (KE) Nru 1005/2008 (5) f’każ ta’ ksur serju, inkluż dak li jikkawża ħsara lill-ambjent tal-baħar. Skont dak is-sett ta’ regoli, l-Istati Membri għandhom l-għażla li jużaw penali amministrattivi jew pieni kriminali, jew it-tnejn. F’konformità mal-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 dwar “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” u tal-20 ta’ Mejju 2020 dwar “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030. Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna”, jenħtieġ li ċerta mġiba illegali intenzjonata koperta mir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolament (KE) Nru 1005/2008 tiġi stabbilita bħala reat kriminali.

(9)

Sabiex l-imġiba tikkostitwixxi reat kriminali ambjentali skont din id-Direttiva, jenħtieġ li tkun illegali. Sabiex l-imġiba tkun illegali, jenħtieġ li din tikser il-liġi tal-Unjoni li tikkontribwixxi għall-kisba ta’ wieħed mill-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent kif stabbilit fl-Artikolu 191(1) TFUE, irrispettivament mill-bażi ġuridika ta’ tali liġi tal-Unjoni, li tista’ tinkludi, pereżempju, Artikolu 91, 114, 168 jew 192 TFUE, jew jenħtieġ li tikser il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stat Membru, jew deċiżjonijiet meħuda minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, li jagħtu effett lil tali liġi tal-Unjoni. Din id-Direttiva jenħtieġ li tispeċifika liema -mġiba llegali tista’ tikkostitwixxi reat kriminali u għal dan il-fini, fejn xieraq, jiġi stabbilit il-limitu kwantittativ jew kwalitattiv meħtieġ sabiex din l-imġiba tikkostitwixxi reat kriminali. Tali mġiba jenħtieġ li tikkostitwixxi reat kriminali meta tkun intenzjonata u, f’ċerti każijiet, anke meta titwettaq b’mill-inqas negliġenza serja. B’mod partikolari, l-imġiba illegali li tikkawża l-mewt ta’, jew korriment serju lil, persuni, ħsara sostanzjali jew riskju konsiderevoli ta’ ħsara sostanzjali lill-ambjent jew inkella titqies li tkun partikolarment ta’ ħsara għall-ambjent jenħtieġ ukoll li tikkostitwixxi reat kriminali meta titwettaq b’mill-inqas negliġenza serja. L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu regoli aktar stretti fil-qasam tal-liġi kriminali.

(10)

Imġiba jenħtieġ li tkun illegali saħansitra meta tokkorri taħt awtorizzazzjoni maħruġa minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jekk tali awtorizzazzjoni tkun inkisbet b’mod frodulenti jew permezz ta’ korruzzjoni, estorsjoni jew koerċizzjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li ż-żamma ta’ tali awtorizzazzjoni ma tipprekludix lid-detentur milli jinżamm kriminalment responsabbli, meta l-awtorizzazzjoni tkun bi ksur ċar tar-rekwiżiti legali sostantivi rilevanti. “Bi ksur ċar tar-rekwiżiti legali sostantivi rilevanti” jenħtieġ li tiġi interpretata bħala li tirreferi għal ksur ovvju u sostanzjali tar-rekwiżiti legali sostantivi rilevanti, u mhijiex maħsuba biex tinkludi ksur ta’ rekwiżiti proċedurali jew elementi minuri tal-awtorizzazzjoni. Dan il-fatt ma jittrasferixxix id-dmir li jiġi żgurat li l-awtorizzazzjonijiet ikunu legali mill-awtoritajiet kompetenti lill-operaturi. Barra minn hekk, meta tkun meħtieġa awtorizzazzjoni, il-fatt li l-awtorizzazzjoni tkun legali ma jipprekludix proċedimenti kriminali kontra d-detentur tal-awtorizzazzjoni meta dak id-detentur ma jikkonformax mal-obbligi kollha tal-awtorizzazzjoni jew ma’ obbligi legali rilevanti oħra mhux koperti mill-awtorizzazzjoni.

(11)

Barra minn hekk, huwa neċessarju li l-operaturi jieħdu l-passi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi dwar il-protezzjoni tal-ambjent applikabbli meta jwettqu attività rispettiva, inkluż billi jikkonformaw mal-obbligi tagħhom kif stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali applikabbli fir-rigward ta’ proċeduri għall-emenda jew l-aġġornament tal-awtorizzazzjoni eżistenti. Dan jenħtieġ li jkopri wkoll l-obbligi tad-detentur tal-awtorizzazzjoni li jaġġorna u jġedded tali awtorizzazzjoni.

(12)

Fir-rigward tar-reati u l-penali ddefiniti f’din id-Direttiva, jenħtieġ li jinftiehem li t-terminu “persuni ġuridiċi” ma jinkludix Stati jew korpi pubbliċi li jeżerċitaw awtorità tal-Istat jew organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi. Peress li din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi, l-Istati Membri jistgħu jadottaw regoli aktar stretti, inklużi regoli dwar ir-responsabbiltà kriminali għall-korpi pubbliċi.

(13)

Xi reati kriminali ddefiniti f’din id-Direttiva jinkludu limitu kwalitattiv għall-imġiba biex titqies reat kriminali, jiġifieri li tali mġiba tikkawża l-mewt ta’, jew korriment serju lil, persuna jew ħsara sostanzjali lill-kwalità tal-arja, tal-ilma jew tal-ħamrija, jew lill-ekosistema, lill-annimali jew lill-pjanti. Sabiex jiġi protett l-ambjent kemm jista’ jkun, dak il-limitu kwalitattiv jenħtieġ li jinftiehem f’sens wiesa’ inkluż, meta jkun rilevanti, ħsara sostanzjali lill-fawna u l-flora, lill-ħabitats u lis-servizzi pprovduti mir-riżorsi naturali u mill-ekosistemi kif ukoll lill-funzjonijiet tal-ekosistema. “Ekosistema” jenħtieġ li tinftiehem bħala kumpless dinamiku ta’ komunitajiet ta’ pjanti, annimali, fungi u mikroorganiżmi u l-ambjent mhux ħaj tagħhom, li jinteraġixxu bħala unità funzjonali, u jenħtieġ li jinkludu tipi ta’ ħabitats, ħabitats ta’ speċijiet u popolazzjonijiet ta’ speċijiet. It-terminu “Ekosistema” jenħtieġ li jinkludi wkoll servizzi tal-ekosistema, li permezz tagħhom ekosistema tikkontribwixxi direttament jew indirettament għall-benesseri tal-bniedem, u funzjonijiet tal-ekosistema, li jirreferu għal proċessi naturali f’ekosistema. Unitajiet iżgħar bħal kaxxa tan-naħal, bejta tan-nemel jew ġidra jistgħu jkunu parti minn ekosistema iżda jenħtieġ li ma jitqisux li jkunu ekosistema fiha nnifisha għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

(14)

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu “korriment” jenħtieġ li jinftiehem f’sens wiesa’, jiġifieri bħala li jkopri kwalunkwe forma ta’ dannu fiżiku lil persuna, inkluż bidla fil-funzjoni tal-ġisem jew fl-istruttura taċ-ċelloli, marda temporanja, kronika jew fatali, ħsara fil-ġisem jew deterjorament ieħor tas-saħħa fiżika, iżda eskluża s-saħħa mentali.

(15)

L-introduzzjoni ta’ forom differenti ta’ enerġija fl-ambjent, bħas-sħana, sorsi ta’ enerġija termali, storbju, inkluż storbju taħt l-ilma, u sorsi oħra ta’ enerġija akustika, vibrazzjonijiet, kampi elettromanjetiċi, elettriku jew dawl, tista’ tikkawża ħsara sostanzjali lill-kwalità tal-arja, l-ilma jew il-ħamrija jew ħsara sostanzjali lil ekosistema, annimali jew pjanti, jew il-mewt ta’, jew korriment serju lil, persuni. Diversi strumenti tal-liġi ambjentali tal-Unjoni jirregolaw l-introduzzjoni tal-enerġija fl-ambjent, pereżempju fl-oqsma tal-protezzjoni tal-ilma, l-ambjent tal-baħar, il-kontroll tal-istorbju, l-immaniġġjar tal-iskart u l-emissjonijiet industrijali. Fid-dawl ta’ dawk l-istrumenti, l-introduzzjoni illegali tal-enerġija fl-ambjent jenħtieġ li tikkostitwixxi reat kriminali skont din id-Direttiva jekk tikkawża jew x’aktarx tikkawża ħsara sostanzjali lill-ambjent jew lis-saħħa tal-bniedem.

(16)

Meta r-reati kriminali definiti f’din id-Direttiva jirrelataw ma’ mġiba bħat-tqegħid għad-dispożizzjoni jew it-tqegħid fis-suq, il-bejgħ, l-offerta għall-bejgħ jew il-kummerċ, jenħtieġ li tiġi inkluża mġiba mwettqa permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.

(17)

Din id-Direttiva tintroduċi r-reat kriminali tat-tqegħid fis-suq, bi ksur ta’ projbizzjoni jew rekwiżit ieħor immirat lejn il-protezzjoni tal-ambjent, ta’ prodott li l-użu tiegħu fuq skala ikbar jirriżulta fir-rimi, l-emissjoni jew l-introduzzjoni ta’ kwantità ta’ materjali jew sustanzi, enerġija jew radjazzjoni jonizzanti fl-arja, fil-ħamrija jew fl-ilma, u jikkawża jew x’aktarx jikkawża ħsara sostanzjali lill-ambjent jew lis-saħħa tal-bniedem. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li projbizzjoni jew rekwiżit ieħor immirati lejn il-protezzjoni tal-ambjent tkun jew ikun stabbilit fil-qasam tal-liġi tal-Unjoni li għandha jew għandu fost l-objettivi ddikjarati tagħha, jew li għandha jew għandu bħala għan, il-protezzjoni tal-ambjent, inkluż il-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, l-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali jew il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, jew il-promozzjoni ta’ miżuri fil-livell internazzjonali biex jiġu indirizzati problemi ambjentali reġjonali jew dinjija. Min-naħa l-oħra, meta tali projbizzjoni jew rekwiżit ikun stabbilit f’oqsma oħra tal-liġi tal-Unjoni li għandhom objettivi oħra, pereżempju l-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, jenħtieġ li l-imġiba ma tkunx koperta minn dak ir-reat kriminali. Għall-fini ta’ din id-Direttiva, “użu fuq skala ikbar” jirreferi għall-effett ikkombinat tal-użu tal-prodott minn diversi utenti, minkejja n-numru tagħhom, sakemm l-imġiba ma jikkawżax jew x’aktarx ma jikkawżax ħsara lill-ambjent jew lis-saħħa tal-bniedem.

(18)

Il-ġbir, it-trasport u t-trattament illegali ta’ skart u n-nuqqas ta’ superviżjoni ta’ tali operazzjonijiet u tal-manutenzjoni tas-siti tar-rimi, inkluża l-azzjoni li tittieħed minn negozjanti jew sensara, tista’ tikkawża effetti devastanti lill-ambjent u lis-saħħa tal-bniedem. Tali effetti jistgħu jiġu kkawżati minn imġiba illegali li tikkonċerna skart dannuż minn prodotti farmaċewtiċi, drogi narkotiċi, inklużi komponenti biex jiġu prodotti drogi narkotiċi, sustanzi kimiċi, skart li jkun fih aċidi jew bażijiet jew skart li jkun fih tossini, metalli tqal, żejt, grass, skart elettriku u elettroniku, vetturi li ma għadhomx jintużaw jew skart tal-plastik. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-immaniġġjar illegali tal-iskart jikkostitwixxi reat kriminali meta tali mġiba tikkonċerna skart perikoluż fi kwantità mhux negliġibbli, jew tikkonċerna skart ieħor u tali skart ieħor jikkawża jew x’aktarx jikkawża ħsara sostanzjali lill-ambjent jew lis-saħħa tal-bniedem.

(19)

Għall-fini tar-reat kriminali introdott minn din id-Direttiva fir-rigward tar-riċiklaġġ ta’ bastimenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), għandu jiġi nnotat li attwalment, skont il-liġi tal-Unjoni, l-obbligi stabbiliti f’dak ir-Regolament japplikaw biss għas-sidien tal-bastimenti, kif definit f’ dak ir-Regolament.

(20)

Fir-rigward tal-valutazzjoni ta’ jekk il-kwantità tal-prodott jew tal-komodità rilevanti assoċjata mad-deforestazzjoni jew mad-degradazzjoni tal-foresti kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2023/1115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), hijiex negliġibbli, l-Istati Membri jistgħu jqisu, pereżempju, il-kwantità tal-prodott jew tal-komodità rilevanti espressa f’massa netta, jew, meta jkun applikabbli, f’volum jew f’għadd ta’ unitajiet, jew jekk l-iskala tal-attività inkwistjoni hijiex negliġibbli f’termini ta’ kwantità ta’ kwantità. Għal tali valutazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jqisu wkoll, meta jkun rilevanti, elementi oħra elenkati f’din id-Direttiva għal ċerti reati kriminali, inkluż l-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet ikkonċernati jew l-ispiża tar-restawr tal-ambjent.

(21)

Reati kriminali relatati ma’ imġiba intenzjonali elenkati f’din id-Direttiva jistgħu jwasslu għal riżultati katastrofiċi, bħal tniġġis mifrux, inċidenti industrijali b’effetti severi fuq l-ambjent jew nirien fil-foresti fuq skala kbira. Meta tali reati jikkawżaw il-qerda ta’, jew ħsara mifruxa u sostanzjali, li tkun irriversibbli jew fit-tul, għal ekosistema ta’ daqs jew valur ambjentali konsiderevoli jew ħabitat f’sit protett, jew jikkawża ħsara mifruxa u sostanzjali li tkun irriversibbli jew fit-tul għall-kwalità tal-arja, tal-ħamrija jew tal-ilma, tali reati, li jwasslu għal tali riżultati katastrofiċi, jenħtieġ li jikkostitwixxu reati kriminali kwalifikati u, konsegwentement, jiġu kkastigati b’pieni aktar severi minn dawk applikabbli fil-każ ta’ reati kriminali oħra definiti f’din id-Direttiva.. Dawk ir-reati kriminali kwalifikati jistgħu jinkludu mġiba komparabbli ma’ “ekoċidju”, li diġà hija koperta mil-liġi ta’ ċerti Stati Membri u li qed tiġi diskussa f’fora internazzjonali.

(22)

Meta, skont din id-Direttiva l-imġiba tikkostitwixxi reat kriminali f’każ biss li tikkonċerna kwantità mhux negliġibbli fejn jinqabeż limitu regolatorju, valur jew parametru obbligatorju ieħor, fil-valutazzjoni ta’ jekk dak il-limitu, valur jew parametru nqabiżx, il-periklu u t-tossiċità, fost oħrajn, tal-materjal jew s-sustanza jenħtieġ li tiġi kkunsidrata għaliex aktar ma l-materjal jew is-sustanza jkunu perikolużi jew tossiċi, aktar ma jintlaħaq malajr dak il-limitu, valur jew parametru ieħor u fil-każ ta’ sustanzi jew materjali partikolarment perikolużi u tossiċi, anke kwantità żgħira ħafna tista’ tikkawża ħsara sostanzjali lill-ambjent jew lis-saħħa tal-bniedem.

(23)

L-aċċellerazzjoni tat-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni ambjentali, flimkien ma’ eżempji tanġibbli tal-effetti devastanti tagħhom, wasslu għar-rikonoxximent tat-tranżizzjoni ekoloġika bħala l-objettiv fundamentali ta’ żmienna u kwistjoni ta’ ekwità interġenerazzjonali. Meta din id-Direttiva, sabiex tiddefinixxi r-reati kriminali, tuża termini ddefiniti fil-liġi ambjentali tal-Unjoni biex jiddeskrivu mġiba illegali, jeħtieġ li tali termini jinftiehmu fi ħdan it-tifsira tad-definizzjonijiet korrispondenti stabbiliti fl-atti legali rilevanti tal-Unjoni koperti minn din id-Direttiva. Din id-Direttiva jenħtieġ li tkopri kwalunkwe att tal-Unjoni li jemenda dispożizzjonijiet jew rekwiżiti rilevanti għad-deskrizzjoni ta’ mġiba illegali li taqa’ fl-ambitu tar-reati kriminali definiti f’din id-Direttiva. Fl-abbozzar ta’ tali atti emendatorji tal-Unjoni, ikun xieraq li tiġi inkluża referenza għal din id-Direttiva. Madankollu, fejn tipi ġodda ta’ mġiba illegali li għadhom mhumiex koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-reati ddefiniti f’din id-Direttiva jiġu introdotti fil-liġi ambjentali tal-Unjoni, jenħtieġ li din id-Direttiva tiġi emendata sabiex tinkludi tali tipiġodda ta’ mġiba illegali fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

(24)

Mingħajr preġudizzju għal dik in-natura dinamika ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra regolarment, u fejn meħtieġ, jekk hemmx bżonn li tiġi emendata d-deskrizzjoni skont din id-Direttiva ta’ mġiba li kapaċi tikkostittwixxi reat kriminali skont din id-Direttiva. Il-Kummissjoni jenħtieġ ukoll li tikkunsidra jekk hemmx bżonn tiddefinixxi reati kriminali oħra meta tipi ġodda ta’ mġiba illegali li għadha mhux koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jiġu introdotti fil-liġi ambjentali tal-Unjoni.

(25)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tipprovdi lista mhux eżawrjenti ta’ elementi li jenħtieġ li jiġu kkunsidrati, meta jkunu rilevanti, mill-awtoritajiet kompetenti, meta jkunu qegħdin jivvalutaw jekk il-limiti kwalitattivi u kwantitattivi użati għad-definizzjoni ta’ reati kriminali ambjentali intlaħqux. Jenħtieġ li l-għoti ta’ tali lista jiffaċilita l-applikazzjoni koerenti ta’ din id-Direttiva u ġlieda aktar effettiva kontra r-reati ambjentali kif ukoll jipprevedi ċertezza legali. Madankollu, tali elementi ta’ valutazzjoni jew l-applikazzjoni tagħhom jenħtieġ li ma jagħmlux l-individwar, l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni jew l-aġġudikazzjoni ta’ reati kriminali diffiċli żżejjed.

(26)

Meta din id-Direttiva tipprovdi li imġiba illegali tikkostitwixxi reat kriminali biss meta titwettaq intenzjonalment u tikkawża l-mewt ta’ persuna, il-kunċett ta’ “intenzjoni” jenħtieġ li jiġi interpretat f’konformità mal-liġi nazzjonali, filwaqt li titqies il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-“Qorti tal-Ġustizzja”). Għalhekk, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “intenzjoni” tista’ tinftiehem bħala l-intenzjoni diretta li tikkawża l-mewt ta’ persuna, jew tista’ tkopri wkoll sitwazzjoni li fiha t-trasgressur, minkejja li ma jkunx irid jikkawża l-mewt ta’ persuna, madankollu jaċċetta l-probabbilta’ li jikkawżaha, u jaġixxi, jew jastjeni milli jaġixxi, volontarjament u bi ksur ta’ obbligu partikolari, u b’hekk jikkawża l-mewt ta’ persuna. Jenħtieġ li l-istess loġika fir-rigward tal-kunċett ta’ “intenzjoni” tapplika meta mġiba illegali deskritta f’din id-Direttiva, li tkun intenzjonata, tikkawża korriment serju lil kwalunkwe persuna, jew il-qerda ta’, jew il-ħsara mifruxa u sostanzjali li hija jew irreversibbli jew fit-tul għal, ekosistema ta’ daqs jew valur ambjentali konsiderevoli jew ħabitat f’sit protett, jew inkella tikkawża ħsara mifruxa u sostanzjali li hija jew irreversibbli jew fit-tul għall-kwalità tal-arja, tal-ħamrija jew tal-ilma.

(27)

Fir-rigward tar-reati kriminali definiti f’din id-Direttiva, jenħtieġ li l-kunċett ta’ “negliġenza serja” jiġi interpretat f’konformità mal-liġi nazzjonali, filwaqt li titqies il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din id-Direttiva ma teħtieġx l-introduzzjoni fil-liġi nazzjonali tal-kunċett ta’ “negliġenza serja” għal kull element kostitwenti tar-reat kriminali, bħall-pussess, il-bejgħ jew l-offerta għall-bejgħ, it-tqegħid fis-suq u elementi simili. F’tali każijiet, huwa possibbli għall-Istati Membri li jiddeċiedu li l-kunċett ta’ “negliġenza serja” jkun rilevanti għall-elementi tar-reat kriminali bħall-istatus ta’ protezzjoni, “kwantità negliġibbli”, jew il-“probabbiltà” li l-imġiba tikkawża ħsara sostanzjali.

(28)

Fil-proċedimenti u l-proċessi kriminali, jenħtieġ li jitqies kif xieraq l-involviment ta’ gruppi kriminali organizzati li joperaw b’modi li jħallu impatt negattiv fuq l-ambjent. Il-proċedimenti kriminali għal reati ambjentali jenħtieġ li jindirizzaw il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus, iċ-ċiberkriminalità u l-frodi tad-dokumenti u, fir-rigward tal-attivitajiet tan-negozju, l-intenzjoni tat-trasgressur li jimmassimizza l-profitti jew li jiffranka l-ispejjeż. Tali forom ta’ reati spiss ikunu interkonnessi ma’ forom serji ta’ reati ambjentali u għalhekk jenħtieġ li ma jiġux ittrattati b’mod iżolat. Huma wkoll suxxettibbli, b’mod partikolari, li jikkawżaw ħsara sostanzjali lill-ambjent u lis-saħħa tal-bniedem, inklużi effetti devastanti fuq in-natura u l-komunitajiet lokali. Barra minn hekk, huwa ta’ tħassib partikolari li xi reati kriminali ambjentali jitwettqu bit-tolleranza jew bl-appoġġ attiv tal-amministrazzjonijiet jew tal-uffiċjali kompetenti waqt li jkunu qed iwettqu d-dmir pubbliku tagħhom. F’ċerti każijiet, dan jista’ saħansitra jieħu l-forma ta’ korruzzjoni. Eżempji ta’ tali mġiba huma li wieħed jagħlaq għajn waħda, jew li jibqa’ sieket, dwar il-ksur tal-liġi ambjentali wara l-ispezzjonijiet, li b’mod deliberat ma jsirux spezzjonijiet jew kontrolli bħal fir-rigward ta’ jekk il-kundizzjonijiet ta’ permess humiex qed jiġu rrispettati mid-detentur tal-permess, l-appoġġ ta’ riżoluzzjonijiet jew l-ivvutar favur l-għoti ta’ liċenzji illegali, jew il-ħruġ ta’ rapporti favorevoli ffalsifikati jew mhux veri.

(29)

Jenħtieġ li l-inċitament u l-għajnuna u l-kompliċità tat-twettiq intenzjonali ta’ reat kriminali jkunu punibbli wkoll. Tentattiv biex jitwettaq reat kriminali li jikkawża jew li x’aktarx jikkawża l-mewt ta’, jew korriment serju lil, kwalunkwe persuna jew jikkawża jew x’aktarx jikkawża ħsara sostanzjali lill-ambjent jew li b’xi mod ieħor jitqies bħala ta’ ħsara partikolari, jenħtieġ li wkoll jikkostitwixxi reat kriminali meta jitwettaq intenzjonalment. Il-kunċett ta’ tentattiv huwa interpretat f’konformità mal-liġi nazzjonali. Fir-rigward tar-reat kriminali definit f’din id-Direttiva b’rabta mal-eżekuzzjoni ta’ proġett mingħajr kunsens għall-iżvilupp, billi l-eżekuzzjoni ta’ proġett tridtinftiehem bħala li tinkludi l-bidu tal-implimentazzjoni ta’ tali proġett, pereżempju xogħlijiet biex titħejja l-art għall-kostruzzjoni jew intervent ieħor b’impatt fuq l-ambjent, din id-Direttiva ma telenkax dak ir-reat fost ir-reati kriminali li għalihom jenħtieġ li tentattiv ikun punibbli bħala reat kriminali.

(30)

Il-pieni għar-reati kriminali definiti f’din id-Direttiva jenħtieġ li jkunu effettivi, dissważivi u proporzjonati. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jiġu stabbiliti livelli minimi għat-terminu massimu ta’ priġunerija għall-persuni fiżiċi. It-termini massimi ta’ priġunerija previsti f’din id-Direttiva għar-reati kriminali mwettqa minn persuni fiżiċi jenħtieġ li japplikaw mill-anqas għall-aktar forom serji ta’ tali reati. Il-liġi kriminali tal-Istati Membri kollha tinkludi dispożizzjonijiet dwar omiċidju, jekk imwettaq intenzjonalment jew b’negliġenza serja. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrikorru għal dawk id-dispożizzjonijiet ġenerali, inkluż dispożizzjonijiet dwar ċirkostanzi aggravanti, meta jittrasponu d-dispożizzjonijiet f’din id-Direttiva li jirrelataw ma’ reati kriminali li jikkawżaw il-mewt ta’ persuna, kemm jekk imwettqa intenzjonalment kif ukoll jekk b’negliġenza serja.

(31)

Il-penali jew miżuri aċċessorji spiss jitqiesu bħala aktar effettivi mill-penali finanzjarji speċjalment għall-persuni ġuridiċi. Għalhekk jenħtieġ li jkunu disponibbli penali jew miżuri aċċessorji fil-proċedimenti rilevanti. Dawk il-penali jew miżuri jistgħu jinkludu l-obbligu li l-ambjent jiġi restawrat, l-esklużjoni mill-aċċess għall-finanzjament pubbliku, inklużi l-proċeduri ta’ offerti, għotjiet u konċessjonijiet, u l-irtirar ta’ permessi u awtorizzazzjonijiet. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-diskrezzjoni tal-imħallfin jew tal-qrati fi proċedimenti kriminali li jimponu penali xierqa fil-kawżi individwali.

(32)

Il-penali jew il-miżuri aċċessorji jistgħu, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), jinkludu rekwiżit biex jiġi restawrat l-ambjent meta l-ħsara tkun riversibbli u rekwiżit li jingħata kumpens meta l-ħsara tkun irriversibbli jew it-trasgressur ma jkollux il-kapaċità li jwettaq tali restawr.

(33)

Sal-punt li mġiba li tikkostitwixxi reat kriminali ambjentali kif definit f’din id-Direttiva tkun attribwibbli għal persuni ġuridiċi, it-tali persuni ġuridiċi jenħtieġ li jitqiesu responsabbli għal tali reat. Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri li d-dritt tagħhom jipprevedi r-responsabbiltà kriminali tal-persuni ġuridiċi jenħtieġ li jiżguraw li d-dritt tagħhom jipprevedi tipi u livelli ta’ pieni kriminali effettivi, dissważivi u proporzjonati kif stabbiliti f’din id-Direttiva. Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri li d-dritt tagħhom ma jipprevedix ir-responsabbiltà kriminali tal-persuni ġuridiċi, jenħtieġ li jiżguraw li d-dritt tagħhom jipprevedi tipi u livelli ta’ penali mhux kriminali effettivi, dissważivi u proporzjonati kif stabbiliti f’din id-Direttiva. Il-livelli massimi ta’ multi previsti f’din id-Direttiva għar-reati kriminali definiti fiha jenħtieġ li japplikaw mill-anqas għall-aktar forom serji ta’ reati bħal dawn. Jenħtieġ li jitqiesu l-gravità tal-imġiba, kif ukoll iċ-ċirkostanzi individwali, finanzjarji u oħrajn tal-persuni ġuridiċi kkonċernati, biex tiġi żgurata l-effettività, id-dissważività u l-proporzjonalità tal-penali imposta. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu l-livelli massimi tal-multi jew bħala perċentwal tal-fatturat dinji totali tal-persuna ġuridika kkonċernata, jew f’ammonti fissi. Meta jittrasponu din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jiddeċiedu liema minn dawk iż-żewġ għażliet ser jippreferu jużaw.

(34)

Meta l-Istati Membri, biex jiddeterminaw il-multi li għandhom jiġu imposti fuq il-persuni ġuridiċi, jagħżlu li jimplimentaw il-kriterju tal-fatturat dinji totali ta’ persuna ġuridika, jenħtieġ li jiddeċiedu jekk jikkalkulawx dak il-fatturat abbażi tas-sena finanzjarja ta’ qabel dik li fiha jkun twettaq ir-reat kriminali, jew is-sena finanzjarja ta’ qabel id-deċiżjoni li tiġi imposta l-multa. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw ukoll li jistabbilixxu regoli għal każijiet meta ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit l-ammont ta’ multa fuq il-bażi tal-fatturat dinji totali tal-persuna ġuridika fis-sena finanzjarja ta’ qabel dik li fiha twettaq ir-reat kriminali, jew fis-sena finanzjarja ta’ qabel dik tad-deċiżjoni li tiġi imposta l-multa. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħujqisu kriterji oħra, bħall-fatturat dinji totali f’sena finanzjarja differenti. Meta dawk ir-regoli jinkludu l-istabbiliment ta’ ammonti fissi ta’ multi, jenħtieġ li ma jkunx meħtieġ li l-livelli massimi ta’ dawk l-ammonti jilħqu l-livelli stabbiliti f’din id-Direttiva bħala r-rekwiżit minimu għal-livell massimu ta’ multi stabbiliti f’ammonti fissi.

(35)

Meta l-Istati Membri jagħżlu livell massimu ta’ multi stabbiliti f’ammonti fissi, jenħtieġ li jiġu stabbiliti t-tali livelli fil-liġi nazzjonali. L-ogħla livelli ta’ tali multi jenħtieġ li japplikaw għall-aktar forom serji ta’ reati kriminali definiti f’din id-Direttiva mwettqa minn persuni ġuridiċi finanzjarjament b’saħħithom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeterminaw il-metodu ta’ kalkolu ta’ dawk l-ogħla livelli ta’ multi inkluż kundizzjonijiet speċifiċi għalihom. L-Istati Membri huma mistiedna jirrevedu regolarment il-livelli tal-multi ddeterminati f’ammonti fissi fil-waqt li jikkunsidraw ir-rati tal-inflazzjoni u fluttwazzjonijiet oħra fil-valur monetarju, f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fil-liġi nazzjonali tagħhom. L-Istati Membri li ma għandhomx l-euro bħala l-munita tagħhom jenħtieġ li jipprevedu livelli massimi ta’ multi fil-munita tagħhom li jikkorrispondu mal-livelli ddeterminati f’din id-Direttiva f’euro fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha. Dawk l-Istati Membri huma mistiedna jirrevedu regolarment il-livelli ta’ multi wkoll fir-rigward tal-iżvilupp tar-rata tal-kambju.

(36)

L-istabbiliment tal-livell massimu ta’ multi huwa mingħajr preġudizzju għad-diskrezzjoni tal-imħallfin jew tal-qrati fi proċedimenti kriminali li jimponu penali xierqa f’kawżi individwali. Peress li din id-Direttiva ma tistabbilixxi l-ebda livell minimu ta’ multi, l-imħallfin jew il-qrati jenħtieġ li, fi kwalunkwe każ, jimponu penali xierqa filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi individwali, finanzjarji u oħrajn tal-persuna ġuridika kkonċernata u l-gravità tal-imġiba.

(37)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li pieni jew miżuri kriminali jew penali jew miżuri mhux kriminali applikabbli għal persuni ġuridiċi miżmuma responsabbli għar-reati kriminali kwalifikati kif definiti f’din id-Direttiva jkunu aktar severi minn dawk applikabbli fil-każ ta’ reati kriminali oħra definiti f’din id-Direttiva. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri, f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, jipprevedu livell ogħla ta’ multi kriminali u mhux kriminali mil-livell massimu tal-multi stabbiliti f’din id-Direttiva jew li b’mod ieħor jipprevedu penali jew miżuri aktar severi, inklużi pieni jew miżuri kriminali jew penali jew miżuri mhux kriminali, jew taħlita tagħhom.

(38)

Il-fatt li persuni ġuridiċi jinżammu responsabbli skont din id-Direttiva jenħtieġ li ma jipprekludix li jittieħdu proċedimenti kriminali kontra l-persuni fiżiċi li jwettqu, jinċitaw jew huma kompliċi għar-reati kriminali definiti f’din id-Direttiva. Meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà kriminali, jenħtieġ li tali persuni fiżiċi jinftiehmu li jinkludu membri tal-bord korporattiv.

(39)

Huwa meħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw li jintroduċu penali jew miżuri li jkunu alternattiva għall-priġunerija sabiex jikkontribwixxu għar-restawr tal-ambjent.

(40)

Jenħtieġ li livelli ta’ penali imposti jkunu approssimati aktar u li l-effettività ta’ tali livelli tkun imrawma permezz tal-introduzzjoni ta’ ċirkostanzi aggravanti komuni li jirriflettu l-gravità tar-reat kriminali imwettaq. Il-kunċett ta’ “ċirkostanzi aggravanti” jenħtieġ li jinftiehem jew bħala fatti li jippermettu lill-imħallef jagħti sentenzi aktar severi għall-istess reat kriminali mis-sentenza normalment imposta mingħajr tali fatti, jew bħala l-possibbiltà li jiġu trattati diversi reati kriminali b’mod kumulattiv sabiex jiżdied il-livell tal-penali. Għalhekk, l-Istati Membri ma humiex obbligati jipprevedu ċirkostanzi aggravanti speċifiċi meta l-liġi nazzjonali diġa’ tipprevedi reati kriminali separati li jistgħu jwasslu għal penali aktar severi.

(41)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li mill-inqas waħda miċ-ċirkostanzi aggravanti u mitiganti previsti f’din id-Direttiva tiġi provduta bħala ċirkostanza aggravanti jew mitiganti possibbli f’konformità mar-regoli applikabbli fis-sistema legali tagħhom. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li jibqa’ fid-diskrezzjoni tal-imħallef jew tal-qorti li jiddetermina jekk għandhiex tiżdied jew tonqos is-sentenza, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi f’kull kawża individwali.

(42)

Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika mingħajr preġudizzju għar-regoli u l-prinċipji ġenerali tal-liġi kriminali nazzjonali dwar l-għoti tas-sentenzi jew l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’konformità maċ-ċirkostanzi speċifiċi f’kull kawża individwali. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jiddeterminaw l-aktar tipi ta’ penali jew miżuri aċċessorji xierqa. B’mod partikolari, meta l-liġi nazzjonali tipprevedi l-possibbiltà li jiġi impost obbligu li l-ambjent jiġi restawrat f’perjodu partikolari, dment li d-dannu jkun reversibbli, din id-Direttiva ma teħtieġx li mħallef jew qorti jkunu responsabbli wkoll għall-monitoraġġ tal-eżekuzzjoni ta’ tali obbligu. B’mod simili, jekk l-irtirar ta’ permessi u awtorizzazzjonijiet għat-twettiq ta’ attivitajiet li rriżultaw fir-reat kriminali rilevanti jista’ jiġi impost bħala penali skont il-liġi nazzjonali, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-imħallfin jew il-qrati jkunu jistgħu jew jimponu tali penali huma stess jew li awtorità kompetenti oħra tiġi infurmata u tkun tista’ taġixxi f’konformità mar-regoli proċedurali nazzjonali.

(43)

Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax ir-responsabbiltà ċivili skont il-liġi nazzjonali jew l-obbligu ta’ kumpens, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, għal dannu jew ħsara kkawżati bħala riżultat ta’ reat kriminali partikolari definit f’din id-Direttiva.

(44)

Jenħtieġ li l-pubblikazzjoni tad-data personali ta’ persuni kkundannati li tinstab fid-deċiżjonijiet ġudizzjarji tkun possibbli biss f’kawżi eċċezzjonali debitament ġustifikati, wara valutazzjoni każ b’każ, li tiżen l-interess pubbliku mad-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali tal-persuna kkundannata previsti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), rispettivament. Għalhekk jenħtieġ li l-pubblikazzjoni ta’ dik id-data personali tkun possibbli biss f’kawżi ta’ reati serji kriminali u meta jkunu meħtieġa effetti dissważivi qawwija. Il-valutazzjoni każ b’każ tista’ tqis elementi bħall-gravità tal-ħsara kkawżata lill-ambjent, id-dannu mġarrab minn persuni fiżiċi, jew it-tnejn, jekk ir-reat kriminali twettaqx ripetutament fl-istess settur ambjentali, u jekk ir-reat kriminali twettaqx minn kumpanija kbira attiva f’diversi Stati Membri jew għall-benefiċċju tagħha jew minn attur importanti f’settur ambjentali speċifiku. Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali fil-kuntest ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li jikkonforma mal-leġiżlazzjoni applikabbli nazzjonali u tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Din il-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data tinkludi obbligu għall-Istati Membri li jipprevedu salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data meta jippubblikaw id-deċiżjoni ġudizzjarja kollha jew parti minnha li tirrigwarda r-reat kriminali mwettaq u l-penali jew il-miżuri imposti. Barra minn hekk, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-penali jew il-miżuri fuq persuna ġuridika jenħtieġ li tiġi applikata mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali li jirregolaw l-anonimizzazzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji jew id-durata tal-pubblikazzjoni.

(45)

L-obbligu previsti f’din id-Direttiva li tipprevedi pieni kriminali jenħtieġ li ma teżentax lill-Istati Membri mill-obbligu li jipprevedu penali amministrattivi u miżuri oħra fil-liġi nazzjonali għal ksur tal-liġi ambjentali tal-Unjoni.

(46)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddefinixxu b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-infurzar tal-liġi amministrattiva u kriminali fir-rigward tar-reati ambjentali, f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom. Fl-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali li tittrasponi din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-impożizzjoni ta’ pieni kriminali u ta’ penali amministrattivi tirrispetta l-prinċipji tal-Karta, inkluża l-projbizzjoni ta’ proċedimenti li ma jirrispettawx il-prinċipju ne bis in idem.

(47)

Barra minn hekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi fl-Istati Membri jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom firxa ta’ pieni kriminali u penali mhux kriminali u miżuri oħra, inklużi miżuri preventivi, biex jindirizzaw tipi differenti ta’ mġiba kriminali b’mod imfassal apposta, f’waqtu, proporzjonat u effettiv.

(48)

Meta r-reati kriminali jkunu ta’ natura kontinwa, dawn jenħtieġ li jitwaqqfu mill-aktar fis possibbli. L-Istati Membri huma mħeġġa jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jordnaw il-waqfien immedjat tal-imġiba illegali jew jipprevjenu tali mġiba.

(49)

Meta t-trasgressuri jkunu għamlu qligħ finanzjarju, jenħtieġ li tali qligħ jiġi kkonfiskat. L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-rikavat u l-mezzi strumentali ffriżati u kkonfiskati jiġu ġestiti kif xieraq, f’konformità man-natura tagħhom. Huwa importanti li l-Istati Membri jikkunsidraw li jieħdu miżuri li jippermettu li l-proprjetà kkonfiskata tintuża, meta jkun possibbli, għall-finanzjament tar-restawr tal-ambjent jew ir-rimedju ta’ kwalunkwe ħsara kkawżata, jew biex jingħata kumpens għall-ħsara ambjentali, f’konformità mal-liġi nazzjonali.

(50)

L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu regoli dwar il-perjodi ta’ preskrizzjoni meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jiġġieldu b’mod effettiv ir-reati ambjentali, mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali li ma jistabbilixxux perjodi ta’ preskrizzjoni għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-infurzar. Bħala regola ġenerali, il-perjodu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-mument li fih ikun twettaq ir-reat kriminali. Madankollu, peress li din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-perjodu ta’ preskrizzjoni jibda aktar tard, jiġifieri mill-mument li fih ikun ġie individwat ir-reat kriminali, dment li tali mument ta’ żvelar jew individwar jkun determinat b’mod ċar f’konformità mal-liġi nazzjonali. L-Istati Membri huma permessi, skont din id-Direttiva, li jistabbilixxu perjodi ta’ preskrizzjoni iqsar minn dawk previsti f’din id-Direttiva, dment li fis-sistemi legali tagħhom ikun possibbli li jiġu interrotti jew sospiżi tali perjodi ta’ preskrizzjoni iqsar fil-każ ta’ atti li jistgħu jiġu speċifikati f’konformità mal-liġi nazzjonali.

(51)

Minħabba, b’mod partikolari, il-mobilità tat-trasgressuri, flimkien man-natura transfruntiera tar-reati kriminali definiti f’din id-Direttiva u l-possibbiltà li jsiru investigazzjonijiet transfruntiera, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu ġuriżdizzjoni sabiex jiġġieldu tali reati b’mod effettiv. L-Istati Membri jenħtieġ li jikkooperaw ukoll mal-Eurojust, b’mod partikolari abbażi tar-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), f’każijiet fejn jistgħu jinqalgħu konflitti ta’ ġuriżdizzjoni. Stat Membru partikolari jenħtieġ li jistabbilixxu l-ġuriżdizzjoni fuq reati kriminali mwettqa abbord bastiment jew inġenju tal-ajru rreġistrat f’dak l-Istat Membru, jew li jtajjar il-bandiera tiegħu, filwaqt li jqisu l-istandards relatati li diġà jeżistu taħt konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti. L-Istati Membri jenħtieġ li ma jkollhomx l-obbligu skont din id-Direttiva li jistabbilixxu għall-ewwel darba jistabbilixxu tali ġuriżdizzjoni fuq reati kriminali li, minħabba n-natura tagħhom, ma jistgħux jitwettqu abbord bastiment jew inġenju tal-ajru.

(52)

L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu ġuriżdizzjoni fuq reati kriminali definiti f’din id-Direttiva meta l-ħsara li hija waħda mill-elementi kostitwenti tar-reat kriminali tkun seħħet fit-territorju tagħhom. F’konformità mal-liġi nazzjonali, u f’konformità mal-prinċipju tat-territorjalità, Stat Membru jista’ jistabbilixxi ġuriżdizzjoni fuq reati kriminali mwettqa kompletament jew parzjalment fit-territorju tiegħu.

(53)

Biex jiġi żgurat infurzar b’suċċess tal-liġi kriminali ambjentali, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti għodod investigattivi effettivi għal reati kriminali ambjentali bħal dawk li jeżistu fil-liġi nazzjonali tagħhom għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata jew reati kriminali serji oħra, jekk u sa fejn l-użu ta’ dawk l-għodod ikun xieraq u proporzjonat għan-natura u l-gravità tar-reati kriminali kif previst fil-liġi nazzjonali. Tali għodod jistgħu jinkludu l-interċettazzjoni ta’ komunikazzjonijiet, is-sorveljanza bil-moħbi inkluż is-sorveljanza elettronika, il-kunsinni kkontrollati, il-monitoraġġ ta’ kontijiet bankarji u għodod oħra ta’ investigazzjoni finanzjarja. Dawn l-għodod jenħtieġ li jintużaw f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità u b’rispett sħiħ għall-Karta. Huwa imperattiv li d-dritt tal-protezzjoni tad-data personali jiġi rispettat.

(54)

Ir-reati kriminali ambjentali jagħmlu ħsara lin-natura u lis-soċjetà. Persuni li jirrapportaw ksur tal-liġi ambjentali tal-Unjoni jagħtu servizz ta’ interess pubbliku u għandhom rwol ewlieni fl-esponiment u fil-prevenzjoni ta’ tali ksur, u b’hekk jissalvagwardjaw l-ambjent u l-benesseri tas-soċjetà. Individwi f’kuntatt ma’ organizzazzjoni fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom relatati max-xogħol spiss ikunu l-ewwel li jkunu jafu dwar it-theddid jew id-dannu għall-interess pubbliku u għall-ambjent. Il-persuni li jirrapportaw l-irregolaritajiet huma magħrufa bħala informaturi. L-informaturi potenzjali spiss ikunu skoraġġuti milli jirrapportaw it-tħassib jew is-suspetti tagħhom għax jibżgħu minn xi ritaljazzjoni. Tali persuni li jirrapportaw jibbenefikaw minn protezzjoni bbilanċjata u effettiva skont id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), li tinkludi d-Direttivi 2008/99/KE u 2009/123/KE (13) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Wara s-sostituzzjoni tad-Direttivi 2008/99/KE u 2009/123/KE b’din id-Direttiva, jenħtieġ li l-persuni li jirrapportaw ksur tal-liġi ambjentali tal-Unjoni, bis-saħħa ta’ din id-Direttiva, ikomplu jibbenefikaw minn dik il-protezzjoni mill-Istati Membri marbuta biha.

(55)

Persuni għajr dawk li jirrapportaw ksur tal-liġi tal-Unjoni skont id-Direttiva (UE) 2019/1937 jista’ jkollhom ukoll informazzjoni siewja dwar reati kriminali ambjentali potenzjali. Dawn jistgħu jkunu membri tal-komunità affettwati jew membri tas-soċjetà kollha kemm hi li jieħdu sehem attiv fil-protezzjoni tal-ambjent. Tali persuni li jirrapportaw reati kriminali ambjentali kif ukoll persuni li jikkooperaw fir-rigward tal-infurzar ta’ tali reati jenħtieġ li jingħataw l-appoġġ u l-assistenza meħtieġa fil-kuntest ta’ proċedimenti kriminali, sabiex ma jkunux żvantaġġati bħala riżultat tal-kooperazzjoni tagħhom iżda appoġġati u assistiti. Il-miżuri ta’ appoġġ u assistenza meħtieġa jenħtieġ li jkunu disponibbli għal tali persuni f’konformità mad-drittijiet proċedurali tagħhom fil-liġi nazzjonali u jenħtieġ li jinkludu, mill-inqas, il-miżuri kollha ta’ appoġġ u assistenza disponibbli għall-persuni li jkollhom drittijiet proċedurali korrispondenti fi proċedimenti kriminali li jikkonċernaw reati kriminali oħra. Jenħtieġ li dawk il-persuni, f’konformità mad-drittijiet proċedurali tagħhom fil-liġi nazzjonali, ikunu protetti wkoll milli jiġu ppersegwitati għar-rapportar ta’ reati kriminali ambjentali jew għall-kooperazzjoni tagħhom fil-proċedimenti kriminali. Il-kontenut tal-miżuri ta’ appoġġ u tal-assistenza meħtieġa mhuwiex stabbilit permezz ta’ din id-Direttiva u jenħtieġ li jkun determinat mill-Istati Membri. L-Istati Membri mhumiex meħtieġa li jagħmlu disponibbli l-miżuri ta’ appoġġ u tal-assistenza lil persuni li huma suspettati jew akkużati fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali kkonċernati.

(56)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jivvalutaw il-ħtieġa li l-persuni jkunu jistgħu jirrapportaw reati kriminali ambjentali b’mod anonimu, fejn tali possibbiltà ma tkunx diġà teżisti.

(57)

Peress li l-ambjent ma jistax jirrappreżenta lilu nnifisu bħala vittma fi proċedimenti kriminali, għall-finijiet ta’ infurzar effettiv, il-membri tal-pubbliku kkonċernati jenħtieġ li jkollhom il-possibilità li jaġixxu f’isem l-ambjent bħala ġid pubbliku, skont il-liġi nazzjonali u soġġett għar-regoli proċedurali rilevanti.

(58)

Din id-Direttiva ma tirrikjedix li l-Istati Membri jintroduċu drittijiet proċedurali ġodda għall-membri tal-pubbliku kkonċernati. Madankollu, meta tali drittijiet proċedurali għal membri tal-pubbliku kkonċernati jeżistu fi Stat Membru f’sitwazzjonijiet ekwivalenti li jikkonċernaw reati kriminaligħajr dawk previsti skont din id-Direttiva, bħad-dritt li jipparteċipaw fi proċedimenti bħala parti ċivili, tali drittijiet proċedurali jenħtieġ li jingħataw ukoll lill-membri tal-pubbliku kkonċernati fil-proċedimenti li jikkonċernaw reati kriminali ambjentali definiti f’din id-Direttiva. Id-drittijiet tal-membri tal-pubbliku kkonċernati huma mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-vittmi kif stabbiliti fid-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14). Il-kunċetti ta’ “membri tal-pubbliku kkonċernati” u “vittmi” jenħtieġ li jibqgħu distinti u l-Istati Membri jenħtieġ li ma jkunux meħtieġa japplikaw id-drittijiet tal-vittmi għall-membri tal-pubbliku kkonċernati. Din id-Direttiva ma tirrikjedix li l-Istati Membri jagħtu lill-membri tal-pubbliku kkonċernat id-drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali li huma jagħtu lil kategoriji ta’ persuni għajr membri tal-pubbliku kkonċernati.

(59)

L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu azzjoni xierqa, bħal kampanji ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni mmirati lejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha kemm mis-settur pubbliku kif ukoll minn dak privat, kif ukoll programmi ta’ riċerka u edukazzjoni bl-għan li jnaqqsu r-reati kriminali ambjentali ġenerali u r-riskju ta’ reati ambjentali. Meta jkun xieraq, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu azzjoni f’kooperazzjoni ma’ tali partijiet ikkonċernati. F’dak il-kuntest, il-miżuri li għandhom l-għan li jtejbu l-prevenzjoni ta’ reati kriminali ambjentali jistgħu jinkludu l-promozzjoni ta’ skemi ta’ konformità u ta’ diliġenza dovuta, l-inkoraġġiment lill-operaturi biex ikollhom uffiċjali tal-konformità biex jgħinu fl-iżgurar tal-konformità mal-liġi ambjentali tal-Unjoni, u l-promozzjoni tat-trasparenza sabiex tissaħħaħ il-konformità mal-liġi kriminali ambjentali. Barra minn hekk, il-penali aċċessorji imposti fuq persuni ġuridiċi skont din id-Direttiva jistgħu jinkludu obbligu fuq il-kumpaniji li jintroduċu skemi ta’ diliġenza dovuta għat-titjib tal-konformità mal-istandards ambjentali, li jikkontribwixxi wkoll għall-prevenzjoni ta’ aktar reati kriminali ambjentali. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw jistabbilixxu fond biex jappoġġaw miżuri ta’ prevenzjoni fir-rigward ta’ reati kriminali ambjentali u l-konsegwenzi devastanti tagħhom.

(60)

In-nuqqas ta’ riżorsi u ta’ setgħat ta’ infurzar għall-awtoritajiet nazzjonali li jindividwaw reati kriminali ambjentali, jinvestigawhom, jibdew proċedimenti fil-konfront tagħhom jew jiddeċiedu dwarhom joħloq ostakli għall-prevenzjoni u l-għoti ta’ sentenzi għal dawk ir-reati. B’mod partikolari, in-nuqqas ta’ riżorsi jista’ jipprevjeni lill-awtoritajiet milli jieħdu kwalunkwe azzjoni jew jillimita l-azzjonijiet ta’ infurzar tagħhom, u dan jippermetti lit-trasgressuri jaħarbu mir-responsabbiltà jew li jirċievu sentenza li ma tikkorrispondix mal-gravità tar-reat kriminali. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji minimi dwar ir-riżorsi u s-setgħat ta’ infurzar.

(61)

Il-funzjonament effettiv tal-katina tal-infurzar jiddependi fuq firxa ta’ ħiliet speċjalizzati. Peress li l-kumplessità tal-isfidi maħluqa mir-reati kriminali ambjentali u n-natura teknika ta’ tali reati jeħtieġu approċċ multidixxiplinari, huma meħtieġa livell għoli ta’ għarfien legali, u għarfien espert tekniku, appoġġ finanzjarju, kif ukoll livell għoli ta’ taħriġ u speċjalizzazzjoni fi ħdan l-awtoritajiet kompetenti rilevanti kollha. L-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu taħriġ xieraq għall-funzjonijiet ta’ dawk li huma inkarigati sabiex jindividwaw reati ambjentali, jinvestigawhom, jibdew proċedimenti fil-konfront tagħhom jew jiddeċiedu dwarhom. Meta jkun xieraq, l-Istati Membri jenħtieġ li, filwaqt li jqisu t-tradizzjonijiet kostituzzjonali tagħhom u l-istruttura tas-sistemi legali tagħhom, kif ukoll ċirkostanzi oħra, inkluż id-daqs tal-Istat Membru kkonċernat, jivvalutaw il-ħtieġa li jiżdied il-livell ta’ speċjalizzazzjoni ta’ tali awtoritajiet fil-qasam tar-reati kriminali ambjentali, f’konformità mal-liġi nazzjonali. Meta l-Istat Membru kkonċernat ikun żgħir u jkollu biss numru limitat ta’ awtoritajiet kompetenti, il-valutazzjoni tista’ tikkonkludi li, fid-dawl ta’ dak in-numru limitat, l-ispeċjalizzazzjoni mhijiex possibbli jew rakkomandabbli. B’mod partikolari, sabiex jiġu massimizzati l-professjonaliżmu u l-effettività tal-katina tal-infurzar, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw ukoll li jallokaw unitajiet ta’ investigazzjoni, prosekuturi u mħallfin speċjalizzati biex jittrattaw kawżi kriminali ambjentali. Il-qrati kriminali ġenerali jistgħu jipprevedu kmamar speċjalizzati tal-imħallfin. Jenħtieġ li l-għarfien espert tekniku jkun disponibbli għall-awtoritajiet rilevanti kollha tal-infurzar.

(62)

Sabiex tiġi żgurata sistema ta’ infurzar effettiva, integrata u koerenti li tinkludi miżuri tal-liġi amministrattivi, ċivili u kriminali, l-Istati Membri jenħtieġ li jorganizzaw kooperazzjoni u komunikazzjoni interni bejn l-awtoritajiet kompetenti kollha involuti fl-infurzar amministrattivi u kriminali, inkluż l-awtoritajiet kollha li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ prevenzjoni, penali u ta’ korrezzjoni.

(63)

F’konformità mar-regoli applikabbli, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkooperaw ukoll bejniethom permezz tal-aġenziji tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Eurojust u l-Europol, kif ukoll mal-korpi tal-Unjoni, inklużi l-Uffiċċju tal-Prosekutur pubbliku Ewropew u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi, fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom. Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-kooperazzjoni transfruntiera u l-assistenza legali reċiproka f’materji kriminali, tali kooperazzjoni jeħtieġ li tiġi pprovduta biex tiġi żgurata azzjoni effettiva kontra r-reati kriminali definiti f’din id-Direttiva, u tiġi nkluża l-assistenza teknika u operazzjonali pprovduta, meta jkun xieraq, mill-Eurojust lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali skont kif ikollhom bżonn dawk l-awtoritajiet, sabiex jikkoordinaw l-investigazzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni tista’, meta jkun xieraq, tipprovdi assistenza. Tali assistenza jenħtieġ li ma tinvolvix il-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fil-proċeduri ta’ investigazzjoni jew ta’ prosekuzzjoni ta’ każijiet kriminali individwali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u jenħtieġ li ma tinftiehemx bħala li tinkludi appoġġ finanzjarju jew kwalunkwe impenn baġitarju ieħor mill-Kummissjoni.

(64)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li informazzjoni dwar persuni kkundannati għar-reati kriminali definiti f’din id-Direttiva tiġi skambjata bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali f’konformità mad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI. (15).

(65)

Sabiex jiġi żgurat approċċ koerenti għall-ġlieda kontra r-reati ambjentali, jenħtieġ li l-Istati Membri jadottaw, jippubblikaw, jimplimentaw u jirrieżaminaw perjodikament strateġija nazzjonali dwar il-ġlieda kontra r-reati kriminali ambjentali, jistabbilixxu objettivi, prijoritajiet u l-miżuri u r-riżorsi korrispondenti meħtieġa. Dik l-istrateġija nazzjonali jenħtieġ li tindirizza, b’mod partikolari, l-objettivi u l-prijoritajiet tal-politika nazzjonali fil-qasam ta’ reati ambjentali, il-metodi ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, il-proċeduri u l-mekkaniżmi għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni regolari tar-riżultati miksuba, u l-assistenza tan-networks Ewropej li jaħdmu fuq kwistjonijiet direttament rilevanti għall-ġlieda kontra r-reati kriminali ambjentali u l-ksur relatat. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jiddeterminaw il-forma xierqa ta’ dik l-istrateġija li tista’ tqis it-tradizzjonijiet kostituzzjonali tagħhom f’termini ta’ separazzjoni tas-setgħat u kompetenzi, u tista’ tkun jew settorjali jew parti minn dokument strateġiku usa’. Irrispettivament jekk l-Istati Membri jipprevedux l-adozzjoni ta’ strateġija waħda jew aktar, il-kontenut ġenerali tagħhom jenħtieġ li jinkludi t-territorju tal-Istat Membru kollu.

(66)

Sabiex jiġu indirizzati b’mod effettiv ir-reati kriminali ambjentali definiti f’din id-Direttiva, huwa meħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jiġbru data statistika preċiża, konsistenti u komparabbli dwar dawk ir-reati. Għalhekk l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ sistema xierqa għar-reġistrazzjoni, il-produzzjoni u t-trażmissjoni ta’ data statistika eżistenti dwar ir-reati definiti f’din id-Direttiva. Dawk id-data statistiċi jenħtieġ li jintużaw mill-Istati Membri biex iservu l-ippjanar strateġiku u operazzjonali tal-attivitajiet ta’ infurzar, biex jiġu analizzati l-iskala u x-xejriet fir-reati kriminali ambjentali, kif ukoll biex jipprovdu informazzjoni liċ-ċittadini. L-Istati Membri jenħtieġ li jittrażmettu lill-Kummissjoni data statistika rilevanti dwar il-proċedimenti tar-reati ambjentali, estratta minn data li diġà teżisti fil-livell ċentralizzat jew deċentralizzat fi ħdan l-Istat Membru kollu. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta u tippubblika regolarment ir-riżultati ta’ din il-valutazzjoni f’rapport, abbażi tad-data statistika trażmessa mill-Istati Membri.

(67)

Id-data statistika dwar ir-reati kriminali ambjentali trażmessa skont din id-Direttiva jenħtieġ li tkun komparabbli bejn l-Istati Membri u estratta abbażi ta’ standards minimi komuni. Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi format standard għat-trażmissjoni tad-data statistika. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).

(68)

Il-format standard għat-trażmissjoni lill-Kummissjoni ta’ data statistika dwar it-tipi u l-livelli ta’ penali, inkluża informazzjoni dwar il-kategoriji ta’ reati relatati, f’konformità ma’ din id-Direttiva jenħtieġ li jiġi stabbilit f’konformità mal-proċedura tal-kumitat prevista f’din id-Direttiva.

(69)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(70)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(71)

Din id-Direttiva għandha l-għan li temenda u twessa’ d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/99/KE. Billi l-emendi li għandhom isiru huma ta’ għadd u xorta sostanzjali, jenħtieġ li d-Direttiva 2008/99/KE, fl-interess taċ-ċarezza, tiġi sostitwita kompletament fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva.

(72)

Id-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) ġiet issupplimentata bid-Direttiva 2009/123/KE b’dispożizzjonijiet dwar ir-reati kriminali u l-pieni għall-iskariki mill-bastimenti ta’ sustanzi li jniġġsu. Tali reati u pieni jenħtieġ li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Għalhekk, għall-Istati Membri marbutin b’din id-Direttiva, id-Direttiva 2009/123/KE jenħtieġ li tiġi ssostitwita. Tali sostituzzjoni jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta’ dawk l-Istati Membri fir-rigward tad-data għat-traspożizzjoni ta’ dik id-Direttiva fil-liġi nazzjonali. Għaldaqstant, fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva, referenzi għal dawk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/35/KE miżjuda jew sostitwiti bid-Direttiva 2009/123/KE jenħtieġ li jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri mhux marbuta b’din id-Direttiva, jenħtieġ li dawn jibqgħu marbuta bid-Direttiva 2005/35/KE, kif emendata bid-Direttiva 2009/123/KE.

(73)

Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jipprovdu definizzjonijiet komuni ta’ reati kriminali ambjentali u d-disponibbiltà ta’ pieni kriminali effettivi, dissważivi u proporzjonati għal reati serji, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba, fost l-oħrajn, il-ħsara transfruntiera li tista’ tiġi kkawżata lill-ambjent permezz tal-imġiba illegali kkonċernata u minħabba l-iskala u l-effetti tar-rispons meħtieġ, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(74)

L-obbligi skont din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni dwar id-drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali u l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li d-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali jiġu rrispettati bis-sħiħ.

(75)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji kif rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta, inkluża l-protezzjoni tad-data personali, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà ta’ intrapriża, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għad-difiża, il-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità tar-reati u l-pieni kriminali, u d-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn fi proċedimenti kriminali għall-istess reat. Din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ ta’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji u jenħtieġ li tiġi implimentata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi fir-rigward tad-definizzjoni ta’ reati u pieni kriminali sabiex l-ambjent jiġi protett b’mod aktar effettiv, kif ukoll fir-rigward ta’ miżuri li jipprevjenu u jiġġieldu r-reati ambjentali u li jinfurzaw b’mod effettiv il-liġi ambjentali tal-Unjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   It-termini użati f’din id-Direttiva għall-fini tad-deskrizzjoni ta’ imġiba elenkata fl-Artikolu 3(2) għandhom jinftiehmu, meta jkun applikabbli, f’konformità mad-definizzjonijiet ipprovduti fil-liġi tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3(1), il-punt (a).

2.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“persuna ġuridika” tfisser kwalunkwe entità ġuridika li jkollha tali status skont il-liġi nazzjonali applikabbli, ħlief għal Stati jew korpi pubbliċi li jeżerċitaw l-awtorità tal-Istat u għal organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi;

(b)

“ħabitat f’sit protett” tfisser kwalunkwe ħabitat ta’ speċijiet li għalih żona hija kklassifikata bħala żona ta’ protezzjoni speċjali skont l-Artikolu 4(1) jew (2) tad-Direttiva 2009/147/KE, jew kwalunkwe ħabitat naturali jew ħabitat ta’ speċijiet, li għalih sit iddeżinjat bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni f’konformità mal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE jew li għalih sit jiġi elenkat bħala sit ta’ importanza għall-Komunità f’konformità mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/43/KEE;

(c)

“ekosistema” tfisser kumpless dinamiku ta’ komunitajiet ta’ pjanti, annimali, fungi u mikroorganiżmi u l-ambjent mhux ħaj tagħhom, li jinteraġixxu bħala unità funzjonali, u jinkludu tipi ta’ ħabitats, ħabitats ta’ speċijiet u popolazzjonijiet ta’ speċijiet.

Artikolu 3

Reati kriminali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imġiba elenkata fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, meta tkun intenzjonali, u l-imġiba msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, fejn titwettaq b’mill-inqas negliġenza serja, tikkostitwixxi reat kriminali fejn dik l-imġiba tkun illegali.

Għall-fini ta’ din id-Direttiva, imġiba għandha titqies illegali meta tkun tikser:

(a)

il-liġi tal-Unjoni li tikkontribwixxi għas-segwitu ta’ wieħed mill-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent kif stabbilit fl-Artikolu 191(1) tat-TFUE; jew

(b)

il-liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva ta’ Stat Membru, jew deċiżjoni meħuda minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, li tagħti effett lil-liġi tal-Unjoni msemmi fil-punt (a).

Tali imġiba għandha tkun illegali anke meta titwettaq taħt awtorizzazzjoni maħruġa minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jekk tali awtorizzazzjoni tkun inkisbet b’mod frodulenti jew permezz ta’ korruzzjoni, estorsjoni jew koerċizzjoni, jew jekk tali awtorizzazzjoni tikser b’mod ċar rekwiżiti legali sostantivi relevanti.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imġiba li ġejja tikkostitwixxi reat kriminali meta din tkun illegali u intenzjonata:

(a)

l-iskariku, l-emissjoni jew l-introduzzjoni ta’ kwantità ta’ materjali jew sustanzi, enerġija jew radjazzjoni jonizzanti, fl-arja, fil-ħamrija jew fl-ilma li tikkawża jew x’aktarx tikkawża l-mewt jew il-korriment serju lil kwalunkwe persuna jew ħsara sostanzjali lill-kwalità tal-arja, tal-ħamrija jew tal-ilma, jew ħsara sostanzjali lil ekosistema, lill-annimali jew lill-pjanti;

(b)

it-tqegħid fis-suq, bi ksur ta’ projbizzjoni jew ta’ rekwiżit ieħor li għandu l-għan li jipproteġi l-ambjent, ta’ prodott li l-użu tiegħu fuq skala ikbar, jiġifieri l-użu tal-prodott minn bosta utenti, indipendentement min-numru tagħhom, jirriżulta fi skariku, emissjoni jew introduzzjoni ta’ kwantità ta’ materjali jew sustanzi, enerġija jew radjazzjoni jonizzanti fl-arja, fil-ħamrija jew fl-ilma u li jikkawża jew x’aktarx jikkawża l-mewt jew il-korriment serju lil kwalunkwe persuna jew ħsara sostanzjali lill-kwalità tal-arja, tal-ħamrija jew tal-ilma, jew ħsara sostanzjali lil ekosistema, lill-annimali jew lill-pjanti;

(c)

il-manifattura, it-tqegħid jew id-disponibbiltà fis-suq, l-esportazzjoni jew l-użu ta’ sustanzi, kemm jekk waħedhom, f’taħlitiet jew f’oġġetti, inkluża l-inkorporazzjoni tagħhom f’oġġetti, meta tali mġiba tikkawża jew x’aktarx tikkawża l-mewt jew il-korriment serju lil kwalunkwe persuna, ħsara sostanzjali lill-kwalità tal-arja, tal-ħamrija jew tal-ilma, jew ħsara sostanzjali lil ekosistema, lill-annimali jew lill-pjanti u:

(i)

tkun ristretta skont it-Titolu VIII ta’ u l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18);

(ii)

tkun ipprojbita skont it-Titolu VII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

(iii)

ma tkunx f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19);

(iv)

ma tkunx f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20);

(v)

ma tkunx f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21); jew

(vi)

tkun ipprojbita skont l-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22);

(d)

il-manifattura, l-użu, il-ħżin, l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tal-merkurju, tal-komposti tal-merkurju, tat-taħlitiet tal-merkurju, u tal-prodotti miżjudin bil-merkurju meta tali mġiba ma tkunx f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23) u tikkawża jew x’aktarx tikkawża il-mewt ta’, jew il-korriment serju lil, kwalunkwe persuna, ħsara sostanzjali lill-kwalità tal-arja, tal-ħamrija jew tal-ilma, jew ħsara sostanzjali lil ekosistema, lill-annimali jew lill-pjanti;

(e)

l-eżekuzzjoni ta’ proġetti skont it-tifsira fl-Artikolu 1(2)(a), kif imsemmi fl-Artikolu 4(1) u (2), tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24), meta tali mġiba titwettaq mingħajr kunsens għall-iżvilupp u tikkawża jew x’aktarx tikkawża ħsara sostanzjali lill-kwalità tal-arja jew tal-ħamrija, jew lill-kwalita jew l-istat tal-ilma, jew ħsara sostanzjali lil ekosistema, lill-annimali jew lill-pjanti;

(f)

il-ġbir, it-trasport jew it-trattament ta’ skart, is-superviżjoni ta’ tali operazzjonijiet u l-manutenzjoni tas-siti tar-rimi, inkluża l-azzjoni li tittieħed minn negozjanti jew sensara, meta tali mġiba:

(i)

tikkonċerna l-iskart perikoluż kif definit fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25) u tikkonċerna kwantità mhux negliġibbli ta’ tali skart; jew

(ii)

tikkonċerna skart ieħor minn dak imsemmi fil-punt (i) u tikkawża jew x’aktarx tikkawża l-mewt jew il-korriment serju lil kwalunkwe persuna jew ħsara sostanzjali lill-kwalità tal-arja, tal-ħamrija jew tal-ilma, jew ħsara sostanzjali lil ekosistema, lill-annimali jew lill-pjanti;

(g)

il-vjeġġ ta’ skart, skont it-tifsira fl-Artikolu 2, il-punt (26), tar-Regolament (UE) 2024/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26), meta tali mġiba tikkonċerna kwantità mhux negliġibbli, kemm jekk issir fi vjeġġ wieħed jew f’diversi vjeġġi li jidhru li jkunu konnessi;

(h)

ir-riċiklaġġ ta’ bastimenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1257/2013 meta tali mġiba ma tkunx f’konformità mar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 6(2), il-punt (a), ta’ dak ir-Regolament;

(i)

l-iskariku minn bastimenti ta’ sustanzi li jniġġsu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2005/35/KE fi kwalunkwe żona msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ dik id-Direttiva, ħlief meta tali skariku minn bastimenti jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ dik id-Direttiva, li jikkawża jew li x’aktarx jikkawża deterjorament fil-kwalità tal-ilma jew ħsara lill-ambjent tal-baħar;

(j)

it-tħaddim jew l-għeluq ta’ stallazzjoni li fiha ssir attività perikoluża jew li fiha jinħażnu jew jintużaw sustanzi jew taħlitiet perikolużi, meta tali mġiba u tali attività, sustanza jew taħlita perikoluża jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27), jew tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28), u tali mġiba tikkawża jew x’aktarx tikkawża l-mewt jew il-korriment serju lil kwalunkwe persuna jew ħsara sostanzjali lill-kwalità tal-arja, tal-ħamrija jew tal-ilma, jew ħsara sostanzjali lil ekosistema, lill-annimali jew lill-pjanti;

(k)

il-kostruzzjoni, l-operat u ż-żarmar ta’ installazzjoni, meta tali mġiba u tali installazzjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29), u tali mġiba tikkawża jew x’aktarx tikkawża l-mewt jew il-korriment serju lil kwalunkwe persuna jew ħsara sostanzjali lill-kwalità tal-arja, tal-ħamrija jew tal-ilma, jew ħsara sostanzjali lil ekosistema, lill-annimali jew lill-pjanti;

(l)

il-manifattura, il-produzzjoni, l-ipproċessar, l-immaniġġjar, l-użu, iż-żamma, il-ħżin, it-trasport, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew ir-rimi ta’ materjal radjuattiv jew sustanzi radjuattivi, meta tali mġiba jew tali materjali jew sustanzi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi tal-Kunsill 2013/59/Euratom (30), 2014/87/Euratom (31) jew 2013/51/Euratom (32), u tali mġiba tikkawża jew li x’aktarx tikkawża l-mewt jew il-korriment serju lil kwalunkwe persuna jew ħsara sostanzjali lill-kwalità tal-arja, tal-ħamrija jew tal-ilma, jew ħsara sostanzjali lil ekosistema, lill-annimali jew lill-pjanti;

(m)

l-astrazzjoni tal-ilma tal-wiċċ jew tal-ilma ta’ taħt l-art skont it-tifsira fid-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33), meta tali mġiba tikkawża jew x’aktarx tikkawża ħsara sostanzjali lill-istatus ekoloġiku jew lill-potenzjal ekoloġiku tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ jew lill-istatus kwantitattiv tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art;

(n)

il-qtil, il-qerda, it-teħid, il-pussess, il-bejgħ jew l-offerta għall-bejgħ ta’ eżemplar jew eżemplari ta’ speċijiet ta’ fawna jew flora selvaġġi elenkati fl-Anness IV, jew fl-Anness V meta l-ispeċijiet f’dak l-Anness ikunu soġġetti għall-istess miżuri bħal dawk adottati għall-ispeċijiet fl-Anness IV, għad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (34) u ta’ eżemplar jew eżemplari tal-ispeċijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (35), ħlief meta tali mġiba tikkonċerna kwantità negliġibbli ta’ tali eżemplari;

(o)

il-kummerċ ta’ eżemplar jew eżemplari, jew ta’ partijiet jew ta’ derivattivi tagħhom, ta’ speċijiet ta’ fawna jew flora selvaġġi, elenkati fl-Annessi A u B tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 (36), u l-importazzjoni ta’ eżemplar jew eżemplari, jew ta’ partijiet jew ta’ derivattivi tagħhom, ta’ tali speċijiet elenkati fl-Anness C ta’ dak ir-Regolament, ħlief għal każijiet meta tali mġiba tikkonċerna kwantità negliġibbli ta’ tali eżemplari;

(p)

l-introduzzjoni jew it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni jew l-esportazzjoni mis-suq tal-Unjoni ta’ komoditajiet rilevanti jew prodotti rilevanti bi ksur tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2023/1115, ħlief meta tali mġiba tikkonċerna kwantità negliġibbli;

(q)

kwalunkwe mġiba li tikkawża d-degradazzjoni ta’ ħabitat f’sit protett, jew id-disturbanza ta’ speċijiet tal-annimali elenkati fl-Anness II, il-punt (a), tad-Direttiva 92/43/KEE f’sit protett, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 6(2) ta’ dik id-Direttiva, meta tali degradazzjoni jew disturbanza tkun sinifikanti;

(r)

l-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni, it-tqegħid fis-suq, iż-żamma, it-tnissil, it-trasport, l-użu, l-iskambju, il-permess għar-riproduzzjoni, it-tkabbir jew il-kultivazzjoni, ir-rilaxx fl-ambjent, jew it-tixrid ta’ speċijiet aljeni invażivi li huma ta’ tħassib għall-Unjoni, meta tali mġiba tikser:

(i)

ir-restrizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (37) u tikkawża jew x’aktarx tikkawża l-mewt jew il-korriment serju lil kwalunkwe persuna jew ħsara sostanzjali lill-kwalità tal-arja, tal-ħamrija jew tal-ilma, jew ħsara sostanzjali lil ekosistema, lill-annimali jew lill-pjanti; jew

(ii)

kundizzjoni ta’ permess maħruġ skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 jew ta’ awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament u tikkawża jew x’aktarx tikkawża l-mewt jew il-korriment serju lil kwalunkwe persuna jew ħsara sostanzjali lill-kwalità tal-arja, tal-ħamrija jew tal-ilma, jew ħsara sostanzjali lil ekosistema, lill-annimali jew lill-pjanti;

(s)

il-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni, l-użu, jew ir-rilaxx ta’ sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu, kemm jekk waħidhom kif ukoll jekk bħala taħlitiet, kif imsemmi fl-Artikolu 2, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/590 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (38), jew il-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew l-użu ta’ prodotti u tagħmir, u l-partijiet tagħhom, li fihom sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu jew li l-funzjonament tagħhom jiddependi fuq dawk is-sustanzi kif imsemmi fl-Artikolu 2(b) ta’ dak ir-Regolament;

(t)

il-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni, l-użu, jew ir-rilaxx ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, kemm jekk waħidhom kif ukoll jekk bħala taħlitiet, kif imsemmi fl-Artikolu 2, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (39) jew il-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew l-użu ta’ prodotti u tagħmir, u l-partijiet tagħhom, li fihom gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra jew li l-funzjonament tagħhom jiddependi fuq dawk il-gassijiet kif imsemmi fl-Artikolu 2, il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament, jew it-tħaddim ta’ tali prodotti u tagħmir.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reati kriminali relatati mal-imġiba elenkata fil-paragrafu 2 jikkostitwixxu reati kriminali kwalifikati jekk tali imġiba tikkawża:

(a)

l-qerda ta’, jew ħsara mifruxa u sostanzjali. Għall-ekosistema ta’ daqs jew valur ambjentali konsiderevoli, jew ta’ ħabitat f’sit protett li tkun irriversibbli jew fit-tul, jew

(b)

ħsara mifruxa u sostanzjali għal-kwalità tal-arja, tal-ħamrija jew tal-ilma, li tkun irriversibbli jew fit-tul.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imġiba elenkata fil-paragrafu 2, il-punti (a) sa (d), il-punti (f) u (g), il-punti (i) sa (q), il-punt (r)(ii), u l-punti (s) u (t), tikkostitwixxi reat kriminali meta dik l-imġiba tkun illegali u titwettaq b’mill-inqas negliġenza serja.

5.   Minbarra r-reati kriminali relatati mal-imġiba elenkata fil-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu, f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, jipprevedu reati kriminali addizzjonali sabiex jipproteġu l-ambjent.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jiġi vvalutat jekk il-ħsara jew il-ħsara probabbli tkunx sostanzjali, fir-rigward ta’ imġiba relatata mal-imġiba elenkata fil-paragrafu 2, il-punti (a) sa (e), il-punt (f)(ii), il-punti (j) sa (m), u il-punt (r), jitqiesu wieħed jew aktar mill-elementi li ġejjin, meta jkun rilevanti:

(a)

il-kundizzjoni bażi tal-ambjent affettwat;

(b)

jekk il-ħsara tkunx fit-tul, fuq perjodu ta’ żmien medju jew fuq perjodu ta’ żmien qasir;

(c)

il-firxa tal-ħsara;

(d)

ir-riversibbiltà tal-ħsara.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jiġi vvalutat jekk imġiba elenkata fil-paragrafu 2, il-punti (a) sa (e), il-punt (f)(ii), il-punti (i) sa (m), u l-punt (r),huwiex probabbli li jikkawża ħsara lill-kwalità tal-arja jew tal-ħamrija, jew lill-kwalità jew lill-istatus tal-ilma, jew lil ekosistema, lill-annimali jew lill-pjanti, jitqiesu wieħed jew aktar mill-elementi li ġejjin, meta jkun rilevanti:

(a)

l-imġiba tkun relatata ma’ attività li titqies bħala riskjuża jew perikoluża għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem, u tkun teħtieġ awtorizzazzjoni li ma tkunx inkisbet jew ġiet osservata;

(b)

il-punt sa fejn limitu regolatorju, valur jew parametru ieħor mandatorju stabbilit fil-liġi tal-Unjoni jew fil-liġi nazzjonali msemmijin fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, il-punti (a) u (b), jew f’awtorizzazzjoni maħruġa għall-attività relevanti jiġi maqbuż;

(c)

jekk il-materjal jew is-sustanza jkunux ikklassifikati bħala perikolużi jew inkella elenkati bħala dannużi għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fl-evalwazzjoni ta’ jekk kwantità hijiex negliġibbli jew mhux negliġibbli għall-finijiet tal-paragrafu 2, il-punti (f)(i), u l-punti (g), (n), (o) u (p), għandhom jitqiesu wieħed jew aktar mill-elementi li ġejjin, meta jkun rilevanti:

(a)

l-għadd ta’ oġġetti kkonċernati;

(b)

il-punt sa fejn jinqabeż limitu, valur jew parametru obbligatorju regolatorju ieħor stabbilit fil-liġi tal-Unjoni jew fil-liġi nazzjonali msemmijin fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, il-punti (a) jew (b);

(c)

l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet ta’ fawna jew flora kkonċernati;

(d)

il-kost tar-restawr tal-ambjent, meta jkun fattibbli li dak il-kost jiġi vvalutat.

Artikolu 4

Inċitament, għajnuna u kompliċità, u tentattiv

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-inċitament biex jitwettaq reat kriminali kif ukoll l-għajnuna u l-kompliċità fit-twettiq tiegħu kopert mill-Artikolu 3(2) u (3) ikun punibbli bħala reat kriminali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tentattiv biex jitwettaq reat kriminali kopert mill-Artikolu 3(2), il-punti (a) sa(d), il-punti (f) u (g), il-punti (i) sa (m), u l-punti (o), (p), (r), (s) u (t), u l-punti (s) u (t), ikun punibbli bħala reat kriminali.

Artikolu 5

Penali għal persuni fiżiċi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati kriminali li jaqgħu taħt l-Artikoli 3 u 4 jkunu punibbli permezz ta’ pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li:

(a)

ir-reati kriminali li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(2), il-punti (a) sa (d), u l-punti (f), (j), (k), (l) u (r), ikunu punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas għaxar snin snin jekk jikkawżaw il-mewt ta’ kwalunkwe persuna;

(b)

ir-reati kriminali li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(3) ikunu punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas tmien snin;

(c)

ir-reati kriminali li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(4), meta dak il-paragrafu jirreferi għall-Artikolu 3(2), il-punti (a) sa (d), u l-punti (f), (j), (k) u (l), ikunu punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas ħames snin jekk jikkawżaw il-mewt ta’ kwalunkwe persuna;

(d)

ir-reati kriminali li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(2), il-punti (a) sa (l), il-punti (p), (s) u (t), ikunu punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas ħames snin;

(e)

ir-reati kriminali li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(2), il-punti (m), (n), (o), (q) u (r), ikunu punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas tliet snin.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni fiżiċi li jkunu wettqu r-reati kriminali li jaqgħu taħt l-Artikoli 3 u 4 jistgħu jkunu soġġetti għal pieni jew miżuri kriminali jew penali jew miżuri mhux kriminali aċċessorji li jistgħu jinkludu dan li ġej:

(a)

obbligu li:

(i)

jirrestawraw l-ambjent f’perjodu speċifiku, jekk il-ħsara tkun riversibbli, jew

(ii)

iħallsu kumpens għall-ħsara lill-ambjent, jekk il-ħsara tkun irriversibbli jew jekk it-trasgressur ma jkollux il-kapaċità li jwettaq tali restawr;

(b)

multi li jkunu proporzjonati għall-gravità tal-imġiba u għaċ-ċirkostanzi individwali, finanzjarji u oħrajn tal-persuna fiżika kkonċernata u, meta jkun rilevanti, li jiġu ddeterminati filwaqt li jitqiesu debitament il-gravità u d-durata tal-ħsara kkawżata lill-ambjent u tal-benefiċċji finanzjarji ġġenerati mir-reat;

(c)

esklużjoni mill-aċċess għal finanzjament pubbliku, inklużi proċeduri ta’ akkwist, għotjiet, konċessjonijiet u liċenzji;

(d)

skwalifika mill-eżerċitar, fi ħdan persuna ġuridika, ta’ pożizzjoni ta’ tmexxija tal-istess tip użat għat-twettiq tar-reat;

(e)

irtirar ta’ permessi u awtorizzazzjonijiet għall-eżerċitar ta’ attivitajiet li rriżultaw fir-reat kriminali rilevanti;

(f)

projbizzjonijiet temporanji fuq il-ħruġ ta’ persuna għal kariga pubblika;

(g)

meta jkun hemm interess pubbliku, wara valutazzjoni għal kull każ speċifiku, il-pubblikazzjoni tat-totalità jew ta’ parti tad-deċiżjoni ġudizzjarja relatata mar-reat kriminali mwettaq u l-penali jew il-miżuri imposti, li tista’ tinkludi d-data personali tal-persuni kkundannati f’każijiet eċċezzjonali debitament ġustifikati biss.

Artikolu 6

Responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4 meta tali reati jkunu twettqu għall-benfiċċju ta’ dawk il-persuni ġuridiċi minn kwalunkwe persuna li jkollha pożizzjoni ta’ tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika kkonċernata, li taġixxi waħedha jew bħala parti minn korp tal-persuna ġuridika, abbażi ta’:

(a)

setgħa ta’ rappreżentanza tal-persuna ġuridika;

(b)

awtorità li tieħu deċiżjonijiet f’isem il-persuna ġuridika; jew

(c)

awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli meta n-nuqqas ta’ sorveljanza jew ta’ kontroll minn persuna msemmija fil-paragrafu 1 ikun għamel possibbli t-twettiq ta’ reat kriminali imsemmi fl-Artikoli 3 u 4 għall-benefiċċju tal-persuna ġuridika minn persuna li taqa’ taħt l-awtorità tagħha.

3.   Ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandhiex tipprekludi l-proċedimenti kriminali kontra l-persuni fiżiċi li jwettqu, jinċitaw jew huma kompliċi fir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4.

Artikolu 7

Penali għall-persuni ġuridiċi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuna ġuridika li tinżamm responsabbli skont l-Artikolu 6(1) jew (2) tkun punibbli b’pieni jew miżuri kriminali jew mhux kriminali li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-pieni jew miżuri għall-persuni ġuridiċi li jinżammu responsabbli skont l-Artikolu 6(1) jew (2) għar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4 għandhom jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali u jistgħu jinkludu pieni jew miżuri oħra kriminali jew mhux kriminali, bħal:

(a)

obbligu li:

(i)

jirrestawraw l-ambjent f’perjodu speċifiku, jekk il-ħsara tkun riversibbli, jew

(ii)

iħallsu kumpens għall-ħsara lill-ambjent, jekk il-ħsara tkun irriversibbli jew jekk it-trasgressur ma jkollux il-kapaċità li jwettaq tali restawr;

(b)

esklużjoni mid-dritt għall-benefiċċji pubbliċi jew għall-għajnuna pubblika;

(c)

esklużjoni mill-aċċess għal finanzjament pubbliku, inklużi proċeduri ta’ akkwist, għotjiet, konċessjonijiet u liċenzji;

(d)

skwalifika temporanja jew permanenti mill-prattika ta’ attivitajiet kummerċjali;

(e)

irtirar ta’ permessi u awtorizzazzjonijiet għall-eżerċitar ta’ attivitajiet li jkunu rriżultaw fir-reat kriminali rilevanti;

(f)

tqegħid taħt superviżjoni ġudizzjarja;

(g)

stralċ ġudizzjarju;

(h)

għeluq tal-istabbilimenti użati għat-twettiq tar-reat;

(i)

obbligu li jistabbilixxi skemi ta’ diliġenza dovuta għat-titjib tal-konformità mal-istandards ambjentali;

(j)

meta jkun hemm interess pubbliku, il-pubblikazzjoni tat-totalità jew ta’ parti tad-deċiżjoni ġudizzjarja relatata mar-reat kriminali mwettaq u l-penali jew il-miżuri imposti, mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, tal-inqas għall-persuni ġuridiċi li jinżammu responsabbli skont l-Artikolu 6(1), ir-reati kriminali koperti mill-Artikolu 3(2) ikunu punibbli b’multi kriminali jew mhux kriminali, li l-ammont tagħhom għandu jkun proporzjonat għall-gravità tal-imġiba u għaċ-ċirkostanzi individwali, finanzjarji u oħrajn tal-persuna ġuridika kkonċernata. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-livell massimu ta’ tali multi ma jkunx inqas minn:

(a)

għar-reati kriminali koperti mill-Artikolu 3(2), il-punti (a) sa (l), u il-punti (p), (s), u (t):

(i)

5 % tal-fatturat dinji totali tal-persuna ġuridika, jew fis-sena finanzjarja ta’ qabel dik li fiha jkun twettaq ir-reat, jew inkella fis-sena finanzjarja ta’ qabel dik tad-deċiżjoni li tiġi imposta l-multa, jew

(ii)

ammont li jikkorrispondi għal EUR 40 000 000;

(b)

għar-reati kriminali koperti mill-Artikolu 3(2), il-punti (m), (n), (o), (q) u (r):

(i)

3 % tal-fatturat dinji totali tal-persuna ġuridika, jew fis-sena kummerċjali ta’ qabel dik li fiha jkun twettaq ir-reat, jew inkella fis-sena kummerċjali ta’ qabel dik tad-deċiżjoni li tiġi imposta l-multa, jew

(ii)

ammont li jikkorrispondi għal EUR 24 000 000.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixu regoli għall-każijiet fejn ma jkunx possibbli li l-ammont tal-multa jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-fatturat dinji totali tal-persuna ġuridika fis-sena finanzjarja ta’ qabel dik li fiha jkun twettaq ir-reat, jew fis-sena finanzjarja ta’ qabel dik tad-deċiżjoni li tiġi imposta multa.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni ġuridiċi li jinżammu responsabbli skont l-Artikolu 6 għar-reati kriminali koperti mill-Artikolu 3(3) ikunu punibbli b’pieni jew miżuri kriminali jew penali jew miżuri mhux kriminali aktar ħorox minn dawk applikabli għar-reati kriminali koperti mill-Artikolu 3(2).

Artikolu 8

Ċirkostanzi aggravanti

Sal-punt li ċ-ċirkostanzi li ġejjin ma jkunux jagħmlu parti mill-elementi li jikkostitwixxu r-reati kriminali msemmija fl-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fir-rigward tar-reati kriminali rilevanti msemmija fl-Artikoli 3 u 4, waħda jew aktar miċ-ċirkostanzi li ġejjin ikunu jistgħu, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jitqiesu bħala ċirkostanzi aggravanti:

(a)

ir-reat ikun ikkawża l-qerda ta’ ekosistema jew ħsara sostanzjali irriversibbli jew fit-tul lil ekosistema;

(b)

ir-reat ikun twettaq fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali skont it-tifsira tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI (40);

(c)

ir-reat kien jinvolvi l-użu min-naħa tat-trasgressur ta’ dokumenti foloz jew falsifikati;

(d)

ir-reat ikun twettaq minn uffiċjal pubbliku waqt it-twettiq ta’ dmirijietu;

(e)

it-trasgressur ikun preċedentement ġie kkundannat permezz ta’ sentenza finali għal reati tal-istess natura bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 3 jew 4;

(f)

ir-reat ikun iġġenera, jew kien mistenni li jiġġenera, benefiċċji finanzjarji sostanzjali, jew ikun evita spejjeż sostanzjali, direttament jew indirettament, sal-punt li tali benefiċċji jew spejjeż ikunu jistgħu jiġu ddeterminati;

(g)

it-trasgressur ikun qered l-evidenza, jew intimida xhieda jew ilmentaturi;

(h)

ir-reat ikun twettaq f’żona kklassifikata bħala żona ta’ protezzjoni speċjali skont l-Artikolu 4(1) jew (2) tad-Direttiva 2009/147/KE, jew sit iddeżinjat bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 92/43/KEE jew sit elenkat bħala sit ta’ importanza għall-Komunità skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/43/KEE.

Iċ-ċirkostanza aggravanti msemmija fil-punt (a) ta’ dan l-Artikolu ma għandhiex tapplika għar-reati kriminali koperti mill-Artikolu 3(3).

Artikolu 9

Ċirkostanzi mitiganti

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fir-rigward tar-reati kriminali rilevanti msemmija fl-Artikoli 3 u 4, waħda jew aktar miċ-ċirkostanzi li ġejjin ikunu jistgħu, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jitqiesu bħala ċirkostanza mitiganti:

(a)

it-trasgressur jirrestawra l-ambjent għall-kundizzjoni preċedenti tiegħu, meta tali restawr ma jkunx obbligu skont id-Direttiva 2004/35/KE, jew, qabel il-bidu ta’ investigazzjoni kriminali, jieħu passi biex jimminimizza l-impatt u l-firxa tal-ħsara jew jirrimedja l-ħsara;

(b)

it-trasgressur jipprovdi lill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji informazzjoni li ma kienx jirnexxilhom jiksbu mod ieħor, u jgħinhom:

(i)

jidentifikaw trasgressuri oħra jew iressquhom quddiem il-ġustizzja;

(ii)

isibu evidenza.

Artikolu 10

Iffriżar u konfiska

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu t-traċċar, l-identifikazzjoni, l-iffriżar u l-konfiska tal-mezzi strumentali u tar-rikavat mir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4.

L-Istati Membri marbuta bid-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (41) għandhom jieħdu l-miżuri msemmija fl-ewwel paragrafu f’konformità ma’ dik id-Direttiva.

Artikolu 11

Perjodi ta’ preskrizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevedu perjodu ta’ preskrizzjoni li jippermetti l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni, il-proċess u l-aġġudikazzjoni tar-reati kriminali msemmijin fl-Artikoli 3 u 4 għal biżżejjed żmien wara li jkunu twettqu dawk ir-reati kriminali, sabiex dawk ir-reati kriminali jkunu jistgħu jiġu ttrattati b’mod effettiv.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevedu perijodu ta’ preskrizzjoni li jippermetti l-infurzar ta’ pieni imposti wara kundanna finali għal reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4 għal biżżejjed żmien wara dik il-kundanna.

2.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni msemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, għandu jkun kif ġej:

(a)

mill-inqas għaxar snin mit-twettiq ta’ reat kriminali punibbli b’terminu massimuta’ priġunerija ta’ mill-inqas għaxar snin;

(b)

mill-inqas ħames snin mit-twettiq ta’ reat kriminali punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas ħames snin;

(c)

mill-inqas tliet snin mit-twettiq ta’ reat kriminali punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas tliet snin.

3.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni msemmi fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, għandu jkun kif ġej:

(a)

mill-inqas għaxar snin mid-data tal-aħħar kundanna fil-każijiet li ġejjin:

(i)

piena ta’ priġunerija ta’ aktar minn ħames snin, jew alternattivament

(ii)

piena ta’ priġunerija għal reat kriminali punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas għaxar snin;

(b)

mill-inqas ħames snin mid-data tal-aħħar kundanna fil-każijiet li ġejjin:

(i)

piena ta’ priġunerija ta’ aktar minn sena, jew alternattivament

(ii)

piena ta’ priġunerija għal reat kriminali punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas ħames snin; u

(c)

mill-inqas tliet snin mid-data tal-aħħar kundanna fil-każijiet li ġejjin:

(i)

piena ta’ priġunerija ta’ mhux aktar minn sena, jew alternattivament

(ii)

piena ta’ priġunerija għal reat kriminali li huwa punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas tliet snin.

4.   B’deroga mill-paragrafi 2 u 3, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perjodu ta’ preskrizzjoni li jkun iqsar minn għaxar snin, iżda mhux iqsar minn ħames snin, dment li tali perjodu ta’ preskrizzjoni jkun jista’ jiġi interrott jew sospiż f’każ ta’ atti speċifikati.

Artikolu 12

Ġuriżdizzjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxi l-ġuriżdizzjoni tiegħu fuq ir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4 meta:

(a)

ir-reat ikun twettaq kompletament jew parzjalment fit-territorju tiegħu;

(b)

ir-reat ikun twettaq abbord bastiment jew inġenju tal-ajru rreġistrat fl-Istat Membru kkonċernat, jew li jtajjar il-bandiera tiegħu;

(c)

il-ħsara li hija wieħed mill-elementi kostitwenti tar-reat tkun seħħet fit-territorju tiegħu; jew

(d)

it-trasgressur ikun wieħed miċ-ċittadini tiegħu.

2.   Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni meta huwa jiddeċiedi li jestendi l-ġuriżdizzjoni tiegħu għal wieħed jew aktar mir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4 li jkunu twettqu lil hinn mit-territorju tiegħu, meta:

(a)

it-trasgressur ikun resident abitwali fit-territorju tiegħu;

(b)

ir-reat ikun twettaq għall-benefiċċju ta’ persuna ġuridika stabbilita fit-territorju tiegħu;

(c)

ir-reat ikun twettaq kontra wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew mir-residenti abitwali tiegħu; jew

(d)

ir-reat ikun ħoloq riskju serju għall-ambjent fit-territorju tiegħu.

Meta reat kriminali imsemmi fl-Artikoli 3 u 4 jaqa’ fil-ġuriżdizzjoni ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, dawk l-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jiddeterminaw liema Stat Membru għandu jmexxi l-proċedimenti kriminali. Meta jkun xieraq u f’konformità mal-Artikolu 12(2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI (42), il-kwistjoni għandha tiġi riferita lill-Eurojust.

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punti (c) u (d), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-eżerċizzju tal-ġuriżdizzjoni tagħhom ma jkunx soġġett għall-kundizzjoni li prosekuzzjoni tkun tista’ tinbeda biss wara denunzja mill-Istat tal-post fejn ikun twettaq ir-reat kriminali.

Artikolu 13

Għodod investigattivi

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li għodod investigattivi effettivi u proporjonati jkunu disponibbli għall-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4. Meta jkun xieraq, dawk l-għodod għandhom jinkludu għodod investigattivi speċjali, bħal dawk użati fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata jew f’każijiet oħra ta’ reati kriminali serji.

Artikolu 14

Protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw reati kriminali ambjentali jew jassistu fl-investigazzjoni tagħhom

Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2019/1937, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kwalunkwe persuna li tirrapporta r-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-Direttiva, li tipprovdi evidenza jew li b’xi mod ieħor tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti, ikollha aċċess għal miżuri ta’ appoġġ u assistenza fil-kuntest ta’ proċedimenti kriminali, f’konformità mal-liġi nazzjonali.

Artikolu 15

Pubblikazzjoni tal-informazzjoni fl-interess pubbliku u aċċess għall-ġustizzja għall-pubbliku kkonċernat

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni affettwati jew li x’aktarx jiġu affettwati mir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-Direttiva u l-persuni li għandhom interess suffiċjenti jew li jsostnu t-tfixkil ta’ dritt, kif ukoll l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni ambjentali u jissodisfaw ir-rekwiżiti skont il-liġi nazzjonali, ikollhom drittijiet proċedurali xierqa fi proċedimenti li jikkonċernaw dawk ir-reati, meta tali drittijiet proċedurali għall-pubbliku kkonċernat jeżistu fl-Istat Membru fi proċedimenti li jikkonċernaw reati kriminali oħra, pereżempju bħala parti ċivili. F’tali każijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll, f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, li l-informazzjoni dwar il-progress tal-proċedimenti tkun kondiviża mal-pubbliku kkonċernat, meta dak isir fi proċedimenti li jikkonċernaw reati kriminali oħra.

Artikolu 16

Prevenzjoni

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa, bħal kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni mmirati lejn partijiet ikkonċernati rilevanti mis-settur pubbliku u privat, kif ukoll programmi ta’ riċerka u edukazzjoni, li jkollhom l-għan li jnaqqsu r-reati kriminali ambjentali u r-riskju ta’ reati ambjentali. Meta jkun xieraq, l-Istati Membri għandhom jaġixxu f’kooperazzjoni ma’ tali partijiet ikkonċernati.

Artikolu 17

Riżorsi

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali li jindividwaw reati kriminali ambjentali, jinvestigawhom, jibdew proċedimenti fil-konfront tagħhom jew jiddeċiedu dwarhom ikollhom ammont biżżejjed ta’ persunal kwalifikat u biżżejjed riżorsi finanzjarji, tekniċi u teknoloġiċi għat-twettiq effettiv tal-funzjonijiet tagħhom relatati mal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom, filwaqt li jqisu t-tradizzjonijiet kostituzzjonali u l-istruttura tas-sistema legali tagħhom, kif ukoll ċirkostanzi nazzjonali oħra, jivvalutaw il-ħtieġa li jżidu l-livell ta’ speċjalizzazzjoni ta’ dawk l-awtoritajiet fil-qasam tal-liġi kriminali ambjentali, f’konformità mal-liġi nazzjonali.

Artikolu 18

Taħriġ

Mingħajr preġudizzju għall-indipendenza ġudizzjarja u d-differenzi fl-organizzazzjoni tal-ġudikatura madwar l-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jingħata taħriġ regolari speċjalizzat lill-imħallfin, lill-prosekuturi, lill-pulizija u lill-persunal ġudizzjarju u lill-persunal tal-awtoritajiet kompetenti involut fi proċedimenti u investigazzjonijiet kriminali rigward l-objettivi ta’ din id-Direttiva u xieraq għall-funzjonijiet ta’ tali mħallfin, prosekuturi, pulizija u persunal ġudizzjarju u persunal tal-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 19

Koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fil-livelli strateġiċi u operazzjonali fost l-awtoritajiet kompetenti kollha tagħhom involuti fil-prevenzjoni ta’ reati kriminali ambjentali u fil-ġlieda kontrihom. Tali mekkaniżmi għandhom mill-inqas ikunu mmirati lejn:

(a)

l-iżgurar ta’ prijoritajiet komuni u ta’ fehim komuni tar-relazzjoni bejn l-infurzar kriminali u l-infurzar amministrattiv;

(b)

l-iskambju ta’ informazzjoni għal finijiet strateġiċi u operazzjonali, fil-limiti stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni u fil-liġi nazzjonali applikabbli;

(c)

konsultazzjoni f’investigazzjonijiet individwali, fil-limiti stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali applikabbli;

(d)

l-iskambju tal-aħjar prattika;

(e)

l-għoti ta’ assistenza lin-networks Ewropej ta’ operaturi li jaħdmu fuq kwistjonijiet rilevanti għall-ġlieda kontra r-reati kriminali ambjentali u l-ksur relatat.

Il-mekkaniżmi msemmija fl-ewwel paragrafu jistgħu jieħdu l-forma ta’ korpi ta’ koordinazzjoni speċjalizzati, memoranda ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti, networks nazzjonali ta’ infurzar u attivitajiet konġunti ta’ taħriġ.

Artikolu 20

Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, u l-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni

Meta jkun hemm suspett li r-reati kriminali ambjentali jkunu ta’ natura transfruntiera, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkunsidraw li jirreferu l-informazzjoni relatata ma’ dawk ir-reati lill-korpi kompetenti xierqa.

Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-kooperazzjoni transfruntiera u l-assistenza legali reċiproka fi kwistjonijiet kriminali, l-Istati Membri, l-Eurojust, l-Europol, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi u l-Kummissjoni għandhom, fil-kompetenzi rispettivi tagħhom, jikkooperaw flimkien fil-ġlieda kontra r-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4. Għal dak il-għan, l-Eurojust għandha, meta jkun xieraq, tipprovdi l-assistenza teknika u operazzjonali meħtieġa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-investigazzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni tista’, meta jkun xieraq, tipprovdi assistenza.

Artikolu 21

Strateġija nazzjonali

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jippubblikaw strateġija nazzjonali dwar il-ġlieda kontra r-reati kriminali ambjentali sal-21 ta’ Mejju 2027.

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jimplimentaw l-istrateġija nazzjonali tagħhom mingħajr dewmien żejjed. L-istrateġija nazzjonali għandha tindirizza mill-inqas dan li ġej:

(a)

l-objettivi u l-prijoritajiet tal-politika nazzjonali fil-qasam tar-reati kriminali ambjentali, inkluż f’każijiet transfruntiera, u l-arranġamenti għal evalwazzjoni regolari ta’ jekk humiex qed jintlaħqu;

(b)

ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti kollha involuti fil-ġlieda kontra r-reati kriminali ambjentali, inkluż fir-rigward tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kif ukoll mal-korpi kompetenti tal-Unjoni u fir-rigward tal-għoti ta’ assistenza lin-networks Ewropej li jaħdmu fuq kwistjonijiet direttament rilevanti għall-ġlieda kontra dawk ir-reati, inkluż f’każijiet transfruntiera;

(c)

kif se tiġi appoġġata l-ispeċjalizzazzjoni tal-professjonisti tal-infurzar, stima tar-riżorsi allokati għall-ġlieda kontra r-reati ambjentali u evalwazzjoni tal-ħtiġijiet futuri f’dak ir-rigward.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istrateġija nazzjonali tagħhom tiġi riveduta u aġġornata f’intervalli regolari li ma jkunux itwal minn ħames snin, abbażi ta’ approċċ abbażi ta’ analiżi tar-riskju, sabiex jiġu kkunsidrati l-iżviluppi u x-xejriet rilevanti u t-theddid relatat fir-rigward tar-reati ambjentali.

Artikolu 22

Data statistika

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ sistema għar-reġistrazzjoni, il-produzzjoni u l-forniment ta’ data statistika anonimizzata dwar l-istadji ta’ rapportar, investigattivi u ġudizzjarji fir-rigward tar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4 sabiex tiġi mmonitorjata l-effettività tal-miżuri tagħhom fil-ġlieda kontra r-reati kriminali ambjentali.

2.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1 għandha, bħala minimu, tinkludi d-data eżistenti dwar:

(a)

l-għadd ta’ reati kriminali li l-Istati Membri jkunu rreġistraw u ħadu deċiżjoni dwarhom;

(b)

l-għadd ta’ kawżi miċħuda fil-qorti, inkluż minħabba l-iskadenza tal-perjodu ta’ preskrizzjoni għar-reat kriminali kkonċernat;

(c)

l-għadd ta’ persuni fiżiċi li jkunu ġew:

(i)

imħarrka,

(ii)

ikkundannati;

(d)

l-għadd ta’ persuni ġuridiċi li jkunu:

(i)

imħarrka,

(ii)

kkundannati jew mmultati;

(e)

it-tipi u l-livelli ta’ pieni imposti.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi ppubblikata analiżi kkonsolidata tal-istatistika tagħhom mill-inqas kull tliet snin.

4.   Kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni d-data statistika msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu f’format standard imsemmi fl-Artikolu 23.

5.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika, mill-inqas kull tliet snin, rapport ibbażat fuq id-data statistika mibgħuta mill-Istati Membri. Ir-rapport għandu jiġi ppubblikat għall-ewwel darba tliet snin wara li jkun ġie stabbilit il-format standard imsemmi fl-Artikolu 23.

Artikolu 23

Setgħat ta’ implimentazzjoni

1.   Sal-21 ta’ Mejju 2027, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, bis-saħħa ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-format standard, faċilment aċċessibbli u komparabbli, għat-trażmissjoni tad-data statistika msemmi fl-Artikolu 22(4). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 24(2).

2.   Il-format standard għat-trażmissjoni tad-data statistika għandu jkun fih l-elementi li ġejjin:

(a)

klassifikazzjoni tar-reati kriminali ambjentali;

(b)

unitajiet tal-għadd;

(c)

format ta’ rapportar.

Għandu jiġi żgurat fehim komuni tal-elementi msemmija fl-ewwel subparagrafu.

Artikolu 24

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn il-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika l-Artikolu 5(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 25

Evalwazzjoni, rapportar u rieżami

1.   Sal-21 ta’ Mejju 2028, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta sa liema punt l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri meħtieġasabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni għat-tħejjija ta’ dak ir-rapport.

2.   Sal-21 ta’ Mejju 2031, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tal-impatt ta’ din id-Direttiva li tindirizza l-ħtieġa li tiġi aġġornata l-lista tar-reati kriminali ambjentali msemmija fl-Artikolu 3 u 4 u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija ta’ dak ir-rapport, inkluż sommarju tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u l-azzjonijiet meħuda f’konformità mal-Artikoli 16 sa 21 u d-data statistika, b’attenzjoni partikolari mogħtija lill-kooperazzjoni transfruntiera. Meta jkun xieraq, dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva.

3.   Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra regolarment jekk ikunx meħtieġ li jiġu emendati r-reati kriminali koperti mill-Artikolu 3(2).

Artikolu 26

Sostituzzjoni tad-Direttiva 2008/99/KE

Id-Direttiva 2008/99/KE hija b’dan sostitwita fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ dawk l-Istati Membri fir-rigward tad-data għat-traspożizzjoni ta’ dik id-Direttiva fil-liġi nazzjonali. Fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva, referenzi għad-Direttiva 2008/99/KE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva. Fir-rigward tal-Istati Membri mhux marbuta b’din id-Direttiva, dawn għandhom jibqgħu marbuta bid-Direttiva 2008/99/KE.

Artikolu 27

Sostituzzjoni tad-Direttiva 2009/123/KE

Id-Direttiva 2009/123/KE hija b’dan sostitwita fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ dawk l-Istati Membri fir-rigward tad-data għat-traspożizzjoni ta’ dik id-Direttiva.

Fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva, referenzi għal dawk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/35/KE miżjuda jew sostitwiti bid-Direttiva 2009/123/KE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

L-Istati Membri mhux marbuta b’din id-Direttiva għandhom jibqgħu marbuta bid-Direttiva 2005/35/KE kif emendata bid-Direttiva 2009/123/KE.

Artikolu 28

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-21 ta’ Mejju 2026. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew jinkludu referenza għaliha meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir dik ir-referenza. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 29

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 30

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ April 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU C 290, 29.7.2022, p. 143.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Frar 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Marzu 2024.

(3)  Id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999, (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 u d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 330, 10.12.2013, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2023/1115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni u l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 206).

(8)  Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(10)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-individwar jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 138).

(12)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).

(13)  Id-Direttiva 2009/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li temenda d-Direttiva 2005/35/KE dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta’ penali għal ksur (ĠU L 280, 27.10.2009, p. 52).

(14)  Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57).

(15)  Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas- 26 ta’ Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali (ĠU L 93, 7.4.2009, p. 23).

(16)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(17)  Id-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar tniġġis ikkawżat minn vapuri u dwar l-introduzzjoni ta’ penali, inklużi pieni kriminali, għal reati ta’ tniġġis (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 11).

(18)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(19)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

(20)  Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1).

(21)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(22)  Ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 45).

(23)  Ir-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar il-merkurju, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008 (ĠU L 137, 24.5.2017, p. 1).

(24)  Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1).

(25)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

(26)  Ir-Regolament (UE) 2024/1157 tal-Parlament u l-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar vjeġġi tal-iskart u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1257/2013 u (UE) 2020/1056 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (ĠU L, 2024/1157, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1157/oj).

(27)  Id-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 1).

(28)  Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).

(29)  Id-Direttiva 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (ĠU L 178, 28.6.2013, p. 66).

(30)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom tal-5 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti, u li tħassar id-Direttivi 89/618/Euratom, 90/641/Euratom, 96/29/Euratom, 97/43/Euratom u 2003/122/Euratom (ĠU L 13, 17.1.2014, p. 1).

(31)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2014/87/Euratom tat-8 ta’ Lulju 2014 li temenda d-Direttiva 2009/71/Euratom li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sikurezza nukleari ta’ installazzjonijiet nukleari (ĠU L 219, 25.7.2014, p. 42).

(32)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/51/Euratom tat-22 ta’ Ottubru 2013 li tistabbilixxi rekwiżiti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali fir-rigward ta’ sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 296, 7.11.2013, p. 12).

(33)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(34)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(35)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

(36)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1).

(37)  Ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta’ speċijiet aljeni invażivi (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 35).

(38)  Ir-Regolament (UE) 2024/590 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Frar 2024 dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1005/2009 (ĠU L, 2024/590, 20.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/590/oj)

(39)  Ir-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Frar 2024 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 (ĠU L, 2024/573, 20.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/573/oj)

(40)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42).

(41)  Id-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 39).

(42)  Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ eżerċizzju ta’ ġuriżdizzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 328, 15.12.2009, p. 42).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1203/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top