This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32024H1343
Commission Recommendation (EU) 2024/1343 of 13 May 2024 on speeding up permit-granting procedures for renewable energy and related infrastructure projects
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1343 tat-13 ta’ Mejju 2024 dwar it-tħaffif tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u l-proġetti tal-infrastruttura relatati
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1343 tat-13 ta’ Mejju 2024 dwar it-tħaffif tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u l-proġetti tal-infrastruttura relatati
C/2024/2660
ĠU L, 2024/1343, 21.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/1343/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1343 |
21.5.2024 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1343
tat-13 ta’ Mejju 2024
dwar it-tħaffif tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u l-proġetti tal-infrastruttura relatati
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-enerġija rinnovabbli tinsab fil-qalba tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (1), biex l-enerġija ssir affordabbli u biex titnaqqas id-dipendenza tal-Unjoni fuq il-fjuwils fossili u l-importazzjonijiet tal-enerġija. Hija wkoll sors ta’ tkabbir u impjiegi u tikkontribwixxi għat-tmexxija teknoloġika u industrijali tal-Unjoni, isaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-UE, u tagħmel l-ekonomija tal-Unjoni aktar reżiljenti. Jeħtieġ inħaffu l-varar tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli ħalli l-Unjoni ssir dejjem inqas dipendenti fuq il-fjuwils fossili, speċjalment dawk importati. |
|
(2) |
Hu kruċjali li nżidu malajr is-sehem tal-enerġija rinnovabbli ħalli nindirizzaw il-problema tal-prezzijiet għaljin u volatili tal-enerġija. Bis-saħħa tat-tnaqqis fil-kostijiet fissi u fil-kostijiet varjabbli qrib iż-żero li tipprovdilna l-enerġija rinnovabbli, il-kostijiet tal-elettriku rinnovabbli jkunu aktar stabbli u orħos minn dawk tal-fjuwils fossili. |
|
(3) |
Matul il-kriżi tal-enerġija, l-introduzzjoni mħaffa tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli wriet il-kapaċità tagħha li tnaqqas ir-riskji għas-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni, speċjalment għall-gass u l-elettriku, u kkontribwiet biex jitnaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija għaċ-ċittadini u għan-negozji tal-Unjoni. Fir-rigward tal-iżviluppi dwar is-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni, kien hemm titjib ġenerali mill-2022. Madankollu, għad hemm riskji sinifikanti u huwa meħtieġ li l-varar tal-enerġija rinnovabbli jkompli jitħaffef biex l-Unjoni tilħaq l-objettivi tal-pjan REPowerEU (2). |
|
(4) |
Il-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli normalment ikunu soġġetti għal awtorizzazzjonijiet u permessi amministrattivi fl-Istati Membri kollha. Il-proċeduri tal-għoti tal-permessi jgħinu biex jiġi żgurat li tali proġetti jkunu sostenibbli, sikuri u siguri. Madankollu, il-kumplessità, il-varjetà u ħafna drabi d-dewmien żejjed ta’ dawk il-proċeduri joħolqu ostaklu ewlieni għall-varar malajr meħtieġ tal-enerġija rinnovabbli u biex ikollna sistema tal-enerġija tal-Unjoni aktar affordabbli, sigura u sostenibbli. |
|
(5) |
Bid-dewmien fl-ipproċessar tal-awtorizzazzjonijiet tal-proġetti nirriskjaw li ma jirnexxilniex nilħqu l-miri tal-enerġija u tal-klima fil-ħin u jiżdied il-kost tal-proġetti meħtieġa biex dan isir. Id-dewmien jista’ jwassal ukoll biex jiġu installati installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli inqas effiċjenti billi jfixkel l-innovazzjoni dinamika. |
|
(6) |
Filwaqt li tibni fuq l-esperjenza miksuba permezz tal-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/77/KE (3) u d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) indirizzat dawk il-problemi billi introduċiet rekwiżiti msaħħa għall-organizzazzjoni tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-iżviluppaturi tal-enerġija rinnovabbli. Id-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), li emendat id-Direttiva (UE) 2018/2001, kompliet issaħħaħ dawk ir-rekwiżiti. It-traspożizzjoni sħiħa u malajr tad-Direttiva (UE) 2023/2413 mill-Istati Membri kollha se tgħin b’mod sinifikanti biex il-proċeduri amministrattivi jitqassru, u għalhekk din hija kwistjoni urġenti ħafna u tal-akbar prijorità. Minbarra l-bidliet strutturali introdotti bid-Direttiva (UE) 2023/2413, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2577 (7) introduċa miżuri temporanji, urġenti u mmirati addizzjonali indirizzati għal teknoloġiji u tipi ta’ proġetti speċifiċi. L-applikazzjoni ta’ xi wħud minn dawk il-miżuri ġiet estiża temporanjament bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/223 (8), li introduċa wkoll miżuri ġodda. Id-data disponibbli tindika li diversi Stati Membri esperjenzaw żidiet b’żewġ ċifri fil-volum tal-permessi maħruġa għall-enerġija eolika fuq l-art mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2022/2577 kif ukoll żieda qawwija fil-varar tal-enerġija solari (9). |
|
(7) |
Il-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri permezz ta’ fora differenti fejn jiġu skambjati l-prattiki tajbin biex jitħaffu l-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u l-proġetti tal-infrastruttura relatati (10), kif ukoll permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), li jipprovdi għarfien espert tekniku mfassal apposta għat-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi, inkluż dawk li jissimplifikaw il-qafas għall-proċessi tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. L-appoġġ tekniku pprovdut fil-kuntest tal-Inizjattiva Ewlenija tal-2023 dwar it-Tħaffif tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli (12), pereżempju, jinvolvi t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva, l-armonizzazzjoni tal-oqfsa leġiżlattivi, u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki rilevanti. |
|
(8) |
Filwaqt li hemm appoġġ pubbliku wiesa’ għal żieda fil-varar tal-enerġija rinnovabbli, il-proġetti individwali jaf ma jiġux aċċettati mill-pubbliku, u dan jista’ jxekkel l-implimentazzjoni tagħhom. Biex dan jiġi indirizzat, il-ħtiġijiet u l-perspettivi taċ-ċittadini, tal-awtoritajiet lokali u tal-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà għandhom jitqiesu f’kull stadju tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli mill-iżvilupp tal-politika sal-ippjanar tal-ispazju u l-iżvilupp, il-varar u t-tħaddim tal-proġetti. Bl-istess mod, għandhom jiġu mħeġġa prattiki tajbin li jiżguraw distribuzzjoni ġusta tad-diversi impatti u benefiċċji tal-installazzjonijiet fost il-popolazzjoni lokali, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika (13). |
|
(9) |
Fil-livell tal-Istati Membri ġew identifikati ħafna mill-ostakli relatati mal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura relatata, u prattiki tajbin biex dawn l-ostakli jingħelbu. |
|
(10) |
Din ir-Rakkomandazzjoni tindirizza dan it-tħassib, u tappella biex jinstabu soluzzjonijiet fi ħdan il-qafas legali eżistenti. Hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-enerġija u l-ambjent, u fil-qasam tal-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, li għalihom tapplika l-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (“il-Konvenzjoni ta’ Aarhus”). |
|
(11) |
Il-varar malajr tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli huwa urġenti, u għalhekk l-Istati Membri għandhom jibdew jidentifikaw, malajr kemm jista’ jkun, iż-żoni adattati fuq l-art u fuq il-baħar, u jħejju pjanijiet għaż-żoni partikolarment adattati (“żoni għat-tħaffif tal-enerġija rinnovabbli”), f’konformità mal-Artikoli 15b u 15c tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Ġiet ippubblikata gwida ddedikata dwar id-deżinjazzjoni taż-żoni għat-tħaffif tal-enerġija rinnovabbli flimkien ma’ din ir-Rakkomandazzjoni, fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2024)333. |
|
(12) |
L-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu huwa għodda ewlenija biex jiġu identifikati ż-żoni futuri għall-varar tal-enerġija rinnovabbli u biex jiġu ffaċilitati l-bosta użi tal-ispazju marittimu, inkluż il-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar. Skont id-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), l-Istati Membri kienu meħtieġa jadottaw il-pjanijiet spazjali marittimi nazzjonali tagħhom sal-31 ta’ Marzu 2021. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha li stabbilew miri nazzjonali għall-enerġija eolika lil hinn mill-kosta fil-pjan nazzjonali tagħhom għall-enerġija u l-klima biex jidentifikaw u jallokaw l-ispazju marittimu meħtieġ u jintegrawh fil-pjan spazjali marittimu tagħhom, fi stadju bikri. |
|
(13) |
L-ostakli li joħolqu l-proċeduri tal-għoti tal-permessi jistgħu jaffettwaw ukoll il-varar futur ta’ teknoloġiji innovattivi b’rabta mad-dekarbonizzazzjoni meħtieġa għan-newtralità klimatika. It-twaqqif ta’ ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja, jiġifieri l-ittestjar f’ambjent reali, ta’ teknoloġiji, prodotti, servizzi jew approċċi innovattivi, li mhumiex konformi għalkollox mal-qafas legali u regolatorju eżistenti, jista’ jappoġġa l-innovazzjoni u jiffaċilita l-adattament sussegwenti tal-ambjent regolatorju biex ikun jista’ jakkomodahom. Barra minn hekk, l-iżgurar ta’ persunal suffiċjenti u adegwat tal-awtoritajiet lokali u reġjonali involuti fil-valutazzjonijiet ambjentali u fil-proċeduri tal-għoti tal-permessi u l-indirizzar tan-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet (15) huma kundizzjonijiet abilitanti essenzjali biex jitħaffef l-iżvilupp tal-proġett u l-varar tal-enerġija rinnovabbli. |
|
(14) |
Flimkien ma’ din ir-Rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni, permezz tal-Laboratorju Ġeografiku tal-Enerġija u l-Industrija (16) (EIGL), qed tipprovdi settijiet tad-data kkonsolidati b’mod diġitali dwar firxa wiesgħa ta’ fatturi ambjentali u tal-enerġija rilevanti, biex tgħin lill-Istati Membri jidentifikaw iż-“żoni għat-tħaffif tal-enerġija rinnovabbli” għall-varar malajr ta’ proġetti ġodda tal-enerġija rinnovabbli. |
|
(15) |
Biex tindirizza l-ħtieġa għall-iżvilupp imħaffef tal-grilji meħtieġa biex l-enerġija rinnovabbli tiġi integrata fis-sistema tal-elettriku u, b’hekk, jiġi evitat aktar dewmien fil-varar tagħha, fit-28 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni ppreżentat Pjan ta’ Azzjoni (17) biex tiżgura li l-grilji elettriċi joperaw b’mod aktar effiċjenti u se jiġu introdotti b’mod aktar rapidu fl-Unjoni. |
|
(16) |
Diversi azzjonijiet ta’ dan il-pjan jiffukaw fuq it-tħaffif tal-implimentazzjoni tal-grilji permezz ta’ għoti aktar rapidu tal-permessi, ippjanar fit-tul u prevedibbiltà, u t-tisħiħ tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati, filwaqt li jikkomplementaw id-dispożizzjonijiet dwar it-tħaffif tal-enerġija rinnovabbli. |
|
(17) |
Ir-Regolament (UE) 2022/869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) jistabbilixxi li l-proġetti ta’ interess komuni u l-proġetti ta’ interess reċiproku għandhom jingħataw l-istatus tal-ogħla sinifikat nazzjonali possibbli, fejn tali status jeżisti fid-dritt nazzjonali, u jiġu ttrattati b’mod xieraq fil-proċessi tal-għoti tal-permessi. Il-proċeduri kollha għas-soluzzjoni tat-tilwim, il-litigazzjoni, l-appelli u r-rimedji ġudizzjarji relatati ma’ proġetti fil-lista tal-Unjoni quddiem kwalunkwe qorti, tribunal, bord nazzjonali, inkluż il-medjazzjoni jew l-arbitraġġ, fejn jeżistu fid-dritt nazzjonali, għandhom jiġu ttrattati bħala urġenti, sa fejn ikun possibbli skont id-dritt nazzjonali. |
|
(18) |
Din ir-Rakkomandazzjoni tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tat-18 ta’ Mejju 2022 (19) dwar it-tħaffif tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u l-iffaċilitar tal-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija, |
ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
DEFINIZZJONIJIET
|
1. |
Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, il-proġetti tal-enerġija rinnovabbli għandhom jinftiehmu li jfissru impjanti tal-produzzjoni għall-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli (20), inkluż fil-forma ta’ idroġenu rinnovabbli, u l-assi meħtieġa għall-konnessjoni tagħhom mal-grilja u għall-ħżin tal-enerġija prodotta. L-infrastruttura relatata, imsemmija f’din ir-Rakkomandazzjoni, għandha tinftiehem li tfisser networks tal-elettriku, tal-gass u tas-sħana jew assi tal-ħżin li huma meħtieġa biex l-enerġija rinnovabbli tiġi integrata fis-sistema tal-enerġija. |
PROĊEDURI IQSAR U AKTAR RAPIDI
|
2. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ippjanar, il-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli u proġetti ta’ infrastruttura relatati jikkwalifikaw għall-aktar proċedura favorevoli disponibbli fil-proċeduri tal-ippjanar u tal-għoti tal-permessi tagħhom. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ proġetti ta’ żvilupp tan-network, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-proġetti kollha jgawdu l-istatus tal-ogħla sinifikat nazzjonali possibbli, fejn tali status jeżisti fid-dritt nazzjonali, bil-vantaġġi kollha li jirriżultaw minnu fi kwalunkwe proċediment amministrattiv jew legali. |
|
3. |
Mingħajr preġudizzju għall-iskadenzi għall-għoti ta’ permessi tad-Direttiva (UE) 2018/2001, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2023/2413, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu skadenzi definiti sew u qosra kemm jista’ jkun għall-passi kollha meħtieġa biex jingħataw il-permessi għall-bini u t-tħaddim ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli u l-proġetti ta’ infrastruttura relatati, filwaqt li jispeċifikaw il-każijiet meta dawn l-iskadenzi jistgħu jiġu estiżi u f’liema ċirkostanzi. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu skadenzi massimi vinkolanti għall-istadji rilevanti kollha tal-proċedura tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali sabiex jiżguraw li l-iskadenzi definiti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 jintlaħqu. |
|
4. |
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu perjodi ta’ żmien u regoli proċedurali speċifiċi bil-għan li jiżguraw l-effiċjenza tal-proċedimenti legali relatati mal-aċċess għall-ġustizzja għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u l-proġetti tal-infrastruttura relatati. |
|
5. |
L-Istati Membri għandhom joħolqu proċess ta’ applikazzjoni solidu u uniku għall-proċess amministrattiv kollu tal-applikazzjoni u tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. L-applikazzjonijiet simultanji għandhom jingħataw prijorità fuq l-applikazzjonijiet sekwenzjali jekk ikunu meħtieġa awtorizzazzjonijiet differenti, inkluż għall-proġetti ta’ konnessjoni tal-grilja relatati. |
|
6. |
L-Istati Membri għandhom jippermettu li l-applikanti jaġġornaw l-ispeċifikazzjonijiet tat-teknoloġija tal-proġetti tagħhom fiż-żmien bejn is-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-permess u l-kostruzzjoni tal-proġetti biex jiffaċilitaw l-użu tat-teknoloġiji innovattivi. |
|
7. |
Meta jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet skont il-punti (2) sa (6), l-Istati Membri huma mħeġġa jqisu l-prattiki deskritti fit-taqsima 2 tal-gwida fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (SWD) mehmuż ma’ din ir-Rakkomandazzjoni (21). |
NIFFAĊILITAW IL-PARTEĊIPAZZJONI TAĊ-ĊITTADINI U TAL-KOMUNITÀ
|
8. |
L-Istati Membri għandhom japplikaw proċeduri tal-għoti tal-permessi simplifikati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira u għall-awtokonsumaturi tas-sorsi rinnovabbli, inklużi rekwiżiti ta’ kunsens eħfef, bħal maġġoranzi mnaqqsa, għall-installazzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli f’bini b’aktar minn appartament wieħed, jew jevitawhom għalkollox. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi li jixtiequ jipparteċipaw fl-awtokonsum tas-sorsi rinnovabbli jkollhom aċċess għal informazzjoni relatata mal-proċeduri tal-għoti tal-permessi u mar-rekwiżiti tal-kunsens. |
|
9. |
L-Istati Membri għandhom jistimulaw il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, inkluż ta’ dawk li ġejjin minn unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u medju, u tal-komunitajiet tal-enerġija fl-ippjanar, l-iżvilupp, il-varar u t-tħaddim ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli u l-proġetti ta’ infrastruttura relatati, filwaqt li jieħdu miżuri biex iħeġġu t-trasferiment tal-benefiċċji tat-tranżizzjoni tal-enerġija lill-komunitajiet lokali, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni f’komunitajiet tal-enerġija jew strutturi oħra ta’ sjieda konġunta. F’dak ir-rigward, l-Istati Membri huma mħeġġa jaderixxu mal-pilastri tal-“Patt għall-Impenn biex jiżguraw involviment bikri, regolari u sinifikanti tal-partijiet ikkonċernati fl-iżvilupp tal-grilja” imħabbra fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Grilji u jsaħħu l-prattiki ta’ involviment attwali lejn il-pubbliku biex jiġi żgurat proċess regolari li jisfrutta l-fiduċja u l-parteċipazzjoni fl-iżvilupp tal-grilja u jindirizza l-impatt fuq il-komunitajiet u n-natura, inkluż permezz tal-kondiviżjoni u d-distribuzzjoni tal-benefiċċji. |
|
10. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-seduti ta’ smigħ pubbliċi, jew opportunitajiet oħra ta’ involviment tal-partijiet ikkonċernati, jiġu organizzati kmieni u b’mod regolari fil-proċedura tat-tfassil u tal-ippjanar meta jkunu għadhom jistgħu jinfluwenzaw il-post, ir-rotta jew it-teknoloġija tal-assi tan-network. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-seduti ta’ smigħ pubbliċi u inizjattivi oħra ta’ involviment tal-partijiet ikkonċernati jkunu inklużivi u aċċessibbli, li jippermettu lill-pubbliku jinteraġixxi fil-ħin mal-promoturi tal-proġetti u ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, u jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni attiva fl-istadji kollha tal-iżvilupp, il-varar u t-tħaddim tal-proġetti. |
|
11. |
L-Istati Membri għandhom jimplimentaw proċeduri simplifikati tal-għoti tal-permessi u rekwiżiti proporzjonati tal-għoti tal-permessi għall-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli u taċ-ċittadini, inkluż biex l-impjanti li huma proprjetà tal-komunità jiġu konnessi mal-grilja u biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-proċeduri u r-rekwiżiti tal-liċenzjar tal-produzzjoni u permessi jew ċertifikazzjonijiet operazzjonali simili, filwaqt li jiżguraw il-konformità mad-dritt tal-UE. |
|
12. |
Meta jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet skont il-punti (8) sa (11), l-Istati Membri huma mħeġġa jqisu l-prattiki deskritti fit-Taqsima 5, il-punti (c) u t-Taqsima 6, il-punt (a), tal-gwida fl-SWD mehmuż ma’ din ir-Rakkomandazzjoni (22). |
INTEJBU L-KOORDINAZZJONI INTERNA
|
13. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw koordinazzjoni effettiva bejn il-livelli nazzjonali, reġjonali u muniċipali rigward ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll is-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, ir-regolamenti u l-proċeduri applikabbli għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura relatata. |
|
14. |
L-Istati Membri għandhom ifasslu punti uniċi ta’ kuntatt għall-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u għall-proġetti ta’ interess komuni u l-proġetti ta’ interess reċiproku meħtieġa skont id-Direttiva (UE) 2018/2001 u fir-Regolament (UE) 2022/869, rispettivament, b’tali mod li jillimitaw l-għadd ta’ awtoritajiet involuti skont dak li hu meħtieġ. L-Istati Membri għandhom jimmassimizzaw l-effiċjenza, filwaqt li jqisu l-benefiċċji tal-għarfien espert teknoloġiku, ambjentali u legali. L-Istati Membri għandhom jimmassimizzaw l-effiċjenza, filwaqt li jqisu l-benefiċċji tal-għarfien espert teknoloġiku, ambjentali u legali. |
|
15. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-punti uniċi ta’ kuntatt ikunu intermedjarji fl-iskambji bejn l-iżviluppaturi tal-proġetti u awtoritajiet rilevanti oħra biex jiżguraw interpretazzjoni uniformi tar-regoli tal-għoti tal-permessi u l-bini tal-kapaċità fl-awtoritajiet kollha involuti. |
|
16. |
L-Istati Membri għandhom jinċentivaw l-iskambji bejn il-punti uniċi ta’ kuntatt u awtoritajiet rilevanti oħra dwar il-ħtiġijiet u r-riskji potenzjali fil-għoti tal-permessi tal-proġetti, immedjatament wara l-bidu tal-proċess tal-għoti tal-permessi. |
|
17. |
L-Istati Membri għandhom jintroduċu, anke barra miż-żoni għat-tħaffif tal-enerġija rinnovabbli u bis-salvagwardji meħtieġa, regoli biex jattribwixxu l-konsegwenzi għal kwalunkwe dewmien jew nuqqas ta’ azzjoni mill-awtoritajiet amministrattivi, bħall-introduzzjoni ta’ approvazzjoni taċita ta’ passi intermedji wara n-nuqqas ta’ tweġiba espliċita mill-awtorità jew mill-awtoritajiet kompetenti sal-iskadenzi stabbiliti. |
|
18. |
Meta jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet skont il-punti (13) sa (17), l-Istati Membri huma mħeġġa jqisu l-prattiki deskritti fit-taqsima 3 tal-gwida fl-SWD mehmuż ma’ din ir-Rakkomandazzjoni (23). |
PROĊEDURI ĊARI, TRASPARENTI U DIĠITALIZZATI
|
19. |
L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw informazzjoni ċara, kompluta u trasparenti lill-applikanti dwar ir-rekwiżiti u l-istadji proċedurali kollha, inkluż il-proċeduri tal-ilmenti (24), fil-bidu tal-proċedura tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura relatata. |
|
20. |
L-Istati Membri għandhom jintroduċu proċeduri kompletament diġitali għall-għoti tal-permessi u komunikazzjoni elettronika mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-21 ta’ Novembru 2025 skont l-Artikolu 16, il-paragrafu 3, tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jużaw għodod diġitali biex jimmonitorjaw u jinfurzaw l-iskadenzi stabbiliti u biex jinfurmaw lill-applikanti dwar l-istatus tal-applikazzjoni tagħhom. Il-manwal online tal-proċeduri li għandu jkun disponibbli għall-iżviluppaturi tal-proġetti skont l-Artikolu 16, il-paragrafu 4, tad-Direttiva (UE) 2018/2001, inkluż permezz tal-portal YourEurope (25), għandu jinkludi deskrizzjoni sekwenzjali ċara tal-istadji u tal-iskadenzi vinkolanti għal kull stadju tal-proċess tal-għoti tal-permessi, filwaqt li jispeċifika d-durata massima ta’ kull estensjoni tiegħu, il-mudelli għall-applikazzjonijiet, l-istudji u d-data ambjentali, kif ukoll l-informazzjoni dwar l-għażliet għall-parteċipazzjoni pubblika u dwar l-imposti amministrattivi. |
|
21. |
L-Istati Membri għandhom jesploraw ukoll l-użu aħjar ta’ teknoloġiji ġodda, bħall-intelliġenza artifiċjali u d-data ġeospazjali, biex jaraw fejn l-ipproċessar tal-informazzjoni jista’ jitħaffef u r-rapportar mill-promoturi tal-proġetti jista’ jiġi sostitwit bid-data miksuba permezz ta’ mezzi oħra, u b’hekk jitnaqqas il-piż għall-promoturi tal-proġetti filwaqt li titħaffef il-proċedura tal-għoti tal-permessi. |
|
22. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proġetti b’rilevanza transfruntiera jiġu ttrattati fil-livell nazzjonali, bl-involviment ta’ kwalunkwe awtorità lokali kkonċernata, kif xieraq. |
|
23. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u l-proġetti tal-infrastruttura relatati jkollhom diskussjonijiet bilaterali mal-iżviluppaturi u, fejn rilevanti, mal-awtoritajiet lokali kmieni fil-proċess tal-ippjanar biex jivvalutaw il-ħtiġijiet tal-għoti tal-permessi u tal-konsultazzjoni pubblika tal-proġett, kif ukoll il-miżuri ta’ mitigazzjoni meħtieġa biex jiġi minimizzat l-impatt ambjentali, li jirriżultaw, jekk possibbli, fit-tfassil ta’ skeda komprensiva tal-permessi. |
|
24. |
Meta jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet skont il-punti (19) sa (23), l-Istati Membri huma mħeġġa jqisu l-prattiki deskritti fit-taqsima 3 tal-gwida fl-SWD mehmuż ma’ din ir-Rakkomandazzjoni (26). |
RIŻORSI UMANI U ĦILIET SUFFIĊJENTI
|
25. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw persunal suffiċjenti u adegwat, bil-ħiliet u l-kwalifiki rilevanti, għall-entitajiet tal-għoti tal-permessi tagħhom u għall-awtoritajiet inkarigati mit-twettiq tal-valutazzjonijiet ambjentali. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jistabbilixxu, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali tas-setturi kkonċernati, ċentri nazzjonali ta’ eċċellenza għat-taħriġ tematiku kif ukoll pjattaformi għall-iskambju fost l-awtoritajiet tal-għoti tal-permessi. |
|
26. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw finanzjament suffiċjenti u adegwat tal-awtoritajiet tal-għoti tal-permessi u jaħtfu l-opportunitajiet ta’ finanzjament nazzjonali u tal-Unjoni disponibbli għat-titjib tal-ħiliet u għat-taħriġ mill-ġdid, b’mod partikolari fil-livell reġjonali u lokali, u jikkooperaw mas-Sħubijiet dwar il-Ħiliet fuq Skala Kbira stabbiliti skont il-Patt għall-Ħiliet fl-Ekosistemi tal-Enerġija Rinnovabbli fuq l-Art u Lil Hinn mill-Kosta (27) inaqqsu d-diskrepanza fil-ħiliet tal-persunal li jaħdem fuq il-proċeduri tal-għoti tal-permessi u fuq il-valutazzjonijiet ambjentali. |
|
27. |
Meta jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet skont il-punti (25) u (26), l-Istati Membri huma mħeġġa jqisu l-prattiki deskritti fit-taqsima 4 tal-gwida fl-SWD mehmuż ma’ din ir-Rakkomandazzjoni (28). |
IDENTIFIKAZZJONI U PPJANAR AĦJAR TAL-POSTIJIET GĦALL-PROĠETTI
|
28. |
Għall-finijiet tal-obbligi ta’ mmappjar fl-Artikolu 15b u 15c tad-Direttiva (UE) 2018/2001, l-Istati Membri għandhom ineħħu malajr l-ostakli regolatorji, jidentifikaw il-lakuni fid-data u jiżguraw l-involviment bikri tal-partijiet ikkonċernati rilevanti biex jiffaċilitaw il-ġbir tad-data ambjentali u jtejbu l-appoġġ pubbliku. Għal dak il-għan, l-Istati Membri huma mħeġġa jagħmlu użu mis-settijiet tad-data aġġornati disponibbli fil-Laboratorju Ġeografiku tal-Enerġija u l-Industrija (29) (“EIGL”) u s-Sistema ta’ Informazzjoni Ġeografika dwar l-Enerġija Fotovoltajka (30) (“PVGIS”) u jikkomplementawhom aktar b’settijiet tad-data disponibbli fil-livell nazzjonali jew reġjonali. |
|
29. |
L-Istati Membri għandhom jillimitaw iż-żoni fejn l-enerġija rinnovabbli ma tistax tiġi żviluppata (“żoni ta’ esklużjoni”) għall-minimu meħtieġ. Għandhom jipprovdu informazzjoni ċara u trasparenti u jagħtu ġustifikazzjoni motivata dwar ir-restrizzjonijiet relatati mad-distanza miż-żoni residenzjali jew miż-żoni militari jew tal-avjazzjoni ċivili. Ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq l-evidenza u mfassla b’tali mod li jissodisfaw l-għan maħsub tagħhom, filwaqt li jimmassimizzaw id-disponibbiltà tal-ispazju għall-iżvilupp tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, b’kont meħud ta’ restrizzjonijiet oħra fuq l-ippjanar tal-ispazju. |
|
30. |
L-Istati Membri għandhom jissimplifikaw ir-rekwiżiti tal-valutazzjonijiet ambjentali għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura relatata. Għal dak il-għan, għandhom japplikaw gwida teknika disponibbli dwar ir-rikonċiljazzjoni tal-varar tal-enerġija rinnovabbli u l-grilji relatati u l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jagħmlu t-tfassil tal-ambitu (31) obbligatorju wkoll għall-proġetti tal-infrastruttura relatati biex itejbu l-kwalità biex itejbu l-kwalità tal-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali. L-Istati Membri għandhom japplikaw proċeduri konġunti jew koordinati għall-valutazzjonijiet rilevanti kollha li jirriżultaw mil-liġi ambjentali tal-Unjoni. |
|
31. |
L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-kondiviżjoni tad-data minn valutazzjonijiet ambjentali tal-passat u mill-monitoraġġ tal-impatti ambjentali tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u l-proġetti tal-infrastruttura relatati, inkluż billi jiddiġitalizzaw tali data f’portal aċċessibbli għall-pubbliku. L-Istati Membri għandhom isaħħu l-isforzi tagħhom biex jeliminaw il-lakuni fl-għarfien dwar id-distribuzzjoni u l-kundizzjoni tal-ħabitats protetti, kif ukoll dwar id-distribuzzjoni u l-perkorsi tal-migrazzjoni tal-ispeċijiet, speċjalment fl-ambjent tal-baħar, u jiżguraw li d-data tal-monitoraġġ issir disponibbli malajr għall-pubbliku u b’mod partikolari għall-promoturi tal-proġetti. |
|
32. |
L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-involviment bikri tal-pubbliku fid-definizzjoni tal-pjanijiet tal-użu tal-ispazju, fil-promozzjoni tal-użu multiplu tas-siti u fl-iżgurar tat-trasparenza dwar fejn u kif jistgħu jinbnew jew jiġu installati l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, inklużi l-installazzjonijiet fuq skala żgħira fil-livell muniċipali. L-Istati Membri għandhom iwettqu ppjanar ikkoordinat u antiċipatorju fit-tul tan-networks, tal-ħżin u tal-kapaċitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-livelli kollha, inkluż fil-kuntest tal-kooperazzjoni reġjonali. |
|
33. |
Meta jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet skont il-punti (28) sa (32), l-Istati Membri huma mħeġġa jqisu l-prattiki deskritti fit-taqsima 5 tal-gwida fl-SWD mehmuż ma’ din ir-Rakkomandazzjoni (32). |
KONNESSJONI AKTAR FAĊLI TAN-NETWORK U UŻU EFFIĊJENTI TAN-NETWORKS
|
34. |
L-Istati Membri għandhom jimplimentaw ippjanar fit-tul tan-network u investiment antiċipatorju li jkun konsistenti mal-espansjoni ppjanata tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, b’kont meħud tad-domanda futura u tal-objettiv tan-newtralità klimatika. |
|
35. |
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri simplifikati għar-repowering tal-impjanti tal-enerġija rinnovabbli eżistenti, inkluż billi jiċċaraw ir-restrizzjonijiet applikabbli fuq l-użu tal-art, ir-rekwiżiti tad-distanza u joħorġu linji gwida dwar kif id-differenza bejn ir-repowering u l-proġetti l-ġodda għandha tiġi ttrattata fil-qafas nazzjonali. |
|
36. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistema:
|
|
37. |
Ladarba tiġi adottata, l-Istati Membri għandhom jittrasponu malajr id-Direttiva riformulata dwar is-Suq tal-Gass (33) fid-dritt nazzjonali biex jipprovdu ċ-ċertezza legali ħalli l-pipelines tal-gass naturali jsiru adattati għall-idroġenu billi jiddikjaraw biċ-ċar liema awtorizzazzjonijiet ġodda jistgħu jkunu meħtieġa u jippermettu l-anterjorità tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti tagħhom. |
|
38. |
Meta jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet skont il-punti (34) sa (37), l-Istati Membri huma mħeġġa jqisu l-prattiki deskritti fit-taqsima 6 tal-gwida fl-SWD mehmuż ma’ din ir-Rakkomandazzjoni (34). |
PROĠETTI INNOVATTIVI
|
39. |
L-Istati Membri huma mħeġġa jimplimentaw ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja biex jagħtu eżenzjonijiet immirati mill-qafas leġiżlattiv jew regolatorju nazzjonali, reġjonali jew lokali lil teknoloġiji, prodotti, servizzi jew approċċi innovattivi, biex jiffaċilitaw l-għoti tal-permessi b’appoġġ għall-varar u l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija rinnovabbli, il-grilji relatati, il-ħżin, u teknoloġiji oħra tad-dekarbonizzazzjoni, u jiffaċilitaw l-għoti ta’ permessi għal siti tal-ittestjar għal teknoloġiji ġodda. |
MONITORAĠĠ, RAPPURTAR U RIEŻAMI
|
40. |
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu punt ta’ kuntatt għall-iżviluppaturi tal-proġetti u għall-Kummissjoni, inkarigat mill-monitoraġġ regolari tal-konġestjonijiet ewlenin fil-proċess tal-għoti tal-permessi u li jindirizza l-kwistjonijiet li jiffaċċjaw l-iżviluppaturi tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u l-proġetti tal-infrastruttura relatati. L-Istati Membri għandhom ikomplu jimmonitorjaw l-impatti soċjali, tal-impjiegi, u tad-distribuzzjoni tal-iżvilupp u l-varar tal-enerġija rinnovabbli, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika (35). |
|
41. |
L-Istati Membri għandhom iwettqu verifika tal-proċeduri tagħhom tal-għoti tal-permessi applikabbli għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura relatata, jimmappjaw il-proċessi u l-awtoritajiet involuti, u jwettqu evalwazzjonijiet regolari biex jiddeterminaw u jimplimentaw miżuri ħalli jħaffu tali proċeduri. |
|
42. |
L-Istati Membri huma mħeġġa jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni dettaljata disponibbli kollha dwar il-miżuri nazzjonali meħuda fil-kuntest ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, b’mod partikolari bħala parti mir-rapporti ta’ progress nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima li jridu jiġu sottomessi skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (36). |
|
43. |
Filwaqt li tqis l-informazzjoni ppreżentata mill-Istati Membri, il-Kummissjoni se tirrieżamina l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni meta skont id-Direttiva (UE) 2018/2001 tivvaluta, sal-21 ta’ Novembru 2025, jekk humiex meħtieġa aktar miżuri biex jappoġġaw lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi previsti f’dik id-Direttiva, inkluż permezz tal-iżvilupp ta’ indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin indikattivi. |
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Mejju 2024.
Għall-Kummissjoni
Kadri SIMSON
Membru tal-Kummissjoni
(1) COM(2019) 640 final
(2) COM(2022) 230 final
(3) Id-Direttiva 2001/77/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2001 dwar il-promozzjoni tal-elettriku prodott minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli fis-suq intern tal-elettriku (ĠU L 283, tas-27.10.2001, p. 33, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/77/oj).
(4) Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/28/oj).
(5) Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/2001/oj).
(6) Id-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001, ir-Regolament (UE) 2018/1999 u d-Direttiva 98/70/KE firrigward tal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 (ĠU L, 2023/2413, 31.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2413/oj)
(7) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2577 tat-22 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli (ĠU L 335, 29.12.2022, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2577/oj).
(8) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/223 tat-22 ta’ Diċembru 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2022/2577 li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli (ĠU L, 2024/223, 10.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/223/oj).
(9) Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar ir-rieżami tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2577 tat-22 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli, COM(2023)764 final.
(10) Dawn jinkludu l-grupp informali ta’ esperti dwar it-tħaffif tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, it-Task Force għall-Infurzar fis-Suq Uniku, l-Azzjoni Konċertata CA-RES, il-gruppi ta’ esperti dwar il-VAS/VIA u dwar l-ippjanar tal-ispazju marittimu, u l-Gruppi ta’ Livell Għoli reġjonali bħall-NSEC, il-BEMIP u s-CESEC kif ukoll il-komunità tal-prattika tal-Koeżjoni għat-Tranżizzjonijiet-C4T.
(11) Ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/240/oj).
(12) https://reform-support.ec.europa.eu/accelerating-permitting-renewable-energy_en
(13) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika (ĠU C 243, 27.6.2022, p. 35).
(14) Id-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 135, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/89/oj).
(15) F’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet fl-UE, COM(2024)131 final
(16) https://energy-industry-geolab.jrc.ec.europa.eu/
(17) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Grilji, il-konnessjoni nieqsa - Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Grilji, COM(2023)757 final.
(18) Ir-Regolament (UE) 2022/869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2009, (UE) 2019/942 u (UE) 2019/943 u d-Direttivi 2009/73/KE u (UE) 2019/944, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/869/oj).
(19) C(2022)3219 final.
(20) Kif definit fl-Artikolu 2, it-tieni subparagrafu, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2018/2001.
(21) Gwida għall-Istati Membri dwar prattiki tajbin biex jitħaffu l-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u l-proġetti tal-infrastruttura relatati, SWD(2024)124.
(22) SWD(2024)124
(23) SWD(2024)124
(24) Ara pereżempju s-sommarju tar-regoli nazzjonali rilevanti kollha dwar it-trattament tal-ilmenti ambjentali ppreżentat b’mod faċli għall-utent:
https://e-justice.europa.eu/300/MT/access_to_justice_in_environmental_matters.
(25) Il-proċeduri tal-għoti tal-permessi huma koperti mill-punt dwar il-bidu, it-tmexxija u l-għeluq ta’ negozju tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1724/oj).
(26) SWD(2024)124
(27) https://pact-for-skills.ec.europa.eu/about/industrial-ecosystems-and-partnerships/renewables_mt
(28) SWD(2024)124
(29) https://ec.europa.eu/energy-industry-geography-lab
(30) https://joint-research-centre.ec.europa.eu/photovoltaic-geographical-information-system-pvgis_mt
(31) It-tfassil tal-ambitu jfisser li tinħareġ opinjoni dwar l-ambitu u l-livell tad-dettall tal-informazzjoni ambjentali li trid tiġi sottomessa fil-forma ta’ rapport tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali.
(32) SWD(2024)124
(33) Għadha mhix adottata. Ġiet approvata mill-Parlament Ewropew (https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-9-2024-0283_MT.html) iżda l-Kunsill għadu ma addottahiex.
(34) SWD(2024)124
(35) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika.
(36) Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328 21.12.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1999/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/1343/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)