EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1668

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1668 tal-25 ta’ Mejju 2023 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kejl tar-riskji jew tal-elementi ta’ riskju li mhumiex koperti jew mhumiex koperti biżżejjed mir-rekwiżiti ta’ fondi proprji stabbiliti fit-Tielet u r-Raba’ Parti tar-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-metriċi kwalitattivi indikattivi għall-ammonti ta’ fondi proprji addizzjonali (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2023/3282

ĠU L 214, 31.8.2023, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/1668/oj

31.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 214/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1668

tal-25 ta’ Mejju 2023

li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kejl tar-riskji jew tal-elementi ta’ riskju li mhumiex koperti jew mhumiex koperti biżżejjed mir-rekwiżiti ta’ fondi proprji stabbiliti fit-Tielet u r-Raba’ Parti tar-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-metriċi kwalitattivi indikattivi għall-ammonti ta’ fondi proprji addizzjonali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar is-superviżjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li temenda d-Direttivi 2002/87/KE, 2009/65/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE, 2014/59/UE u 2014/65/UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 40(6) u r-raba’ subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni armonizzata tar-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali fl-Unjoni kollha, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit approċċ uniformi lejn il-kejl tar-riskji u tal-elementi ta’ riskju li jappoġġa d-determinazzjoni tal-livell ta’ kapital adegwat biex jiġu indirizzati r-riskji materjali kollha li d-ditti tal-investiment jistgħu jkunu esposti għalihom. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jiżguraw li d-ditti tal-investiment jkollhom fondi proprji addizzjonali adegwati biex ikopru kull kategorija ta’ riskju (Riskju għall-Klijent, Riskju għad-Ditta u Riskju għas-Suq), kif ukoll kwalunkwe riskju materjali ieħor.

(2)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jimmonitorjaw b’mod xieraq il-profil tar-riskju tad-ditti tal-investiment u jidentifikaw, jivvalutaw u jikkwantifikaw ir-riskji materjali, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita metodoloġija dettaljata u komprensiva proporzjonata għan-natura, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tad-ditti tal-investiment abbażi tas-sorsi kollha ta’ informazzjoni disponibbli, inkluża l-informazzjoni miġbura għall-fini tal-Artikolu 36 tad-Direttiva (UE) 2019/2034.

(3)

Il-livell tar-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali jitqies adegwat meta jnaqqas il-probabbiltà ta’ falliment tad-ditta tal-investiment u jillimita r-riskju ta’ stralċ diżordinat li joħloq theddid għall-klijenti tad-ditta tal-investiment u għas-suq usa’, inklużi istituzzjonijiet finanzjarji oħra, infrastrutturi tas-suq, jew is-suq kollu kemm hu. Minħabba dan l-objettiv doppju tar-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali u f’konformità mal-istruttura tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji kif stabbilit fit-Tielet u r-Raba’ Partijiet tar-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw b’mod separat ir-riskji relatati mal-attivitajiet kurrenti tad-ditti tal-investiment u r-riskju ta’ stralċ diżordinat tan-negozju tad-ditta tal-investiment.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li r-riskji jew l-elementi kollha tar-riskji li ditta tal-investiment tkun esposta għalihom jew toħloq għal oħrajn ikunu koperti kif xieraq, jenħtieġ li d-ditta tal-investiment ikollha biżżejjed fondi proprji, filwaqt li jitqiesu l-mudell tan-negozju, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet imwettqa mid-ditta tal-investiment, biex tirreżisti spejjeż operazzjonali addizzjonali relatati ma’ proċess ta’ stralċ ordnat. Sabiex jiġi żgurat li tali fondi proprji jkunu xierqa f’ċirkostanzi ekonomiċi partikolari, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompeteni jqisu xenarji ekonomiċi plawżibbli differenti matul il-proċess ta’ rieżami u evalwazzjoni superviżorji mwettaq f’konformità mal-Artikolu 36 tad-Direttiva (UE) 2019/2034. B’mod partikolari, il-kontinwità tal-operat, il-protezzjoni tal-investituri u l-integrità tas-suq ma għandhomx jiġu pperikolati matul il-proċess ta’ stralċ. Għal dan il-għan, jenħtieġ li d-ditta tal-investiment tkun kapaċi, anke matul dak il-proċess, li tassorbi l-ispejjeż u t-telf li ma jkunux akkumpanjati minn volum suffiċjenti ta’ profitti. Minħabba li t-tul tal-proċess ta’ stralċ jista’ jvarja b’mod sinifikanti skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jqisu dan meta jistabbilixxu r-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali. Barra minn hekk, minħabba l-forom legali potenzjalment diversi li jista’ jkollhom id-ditti tal-investiment, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jqisu l-liġijiet nazzjonali applikabbli dwar l-insolvenza, il-kumpaniji u l-kummerċ, li jistgħu jaffettwaw it-tul tal-proċessi ta’ stralċ, kif ukoll l-ispejjeż u r-riskji assoċjati.

(5)

Sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità fid-determinazzjoni tar-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali, jenħtieġ li r-riskji u l-elementi ta’ riskju li mhumiex koperti jew mhumiex koperti biżżejjed mir-rekwiżit tal-fatturi-K imsemmi fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2019/2033 jitkejlu biss għal dawk id-ditti tal-investiment li huma soġġetti għar-rekwiżit tal-fatturi-K imsemmi f’dak l-Artikolu, u mhux għal ditti żgħar u mhux interkonnessi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(1) ta’ dak ir-Regolament. Jeżistu riskji oħra li ma huma koperti bl-ebda mod mir-rekwiżiti ta’ fondi proprji stabbiliti fit-Tielet u r-Raba’ Partijiet tar-Regolament (UE) 2019/2033, inklużi riskji espliċitament esklużi minn dawk ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji għad-ditti tal-investiment. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat li dawn ir-riskji jiġu vvalutati u mkejla mill-awtoritajiet kompetenti abbażi tad-daqs u l-mudell tan-negozju tad-ditta ta’ investiment kif ukoll abbażi tal-ambitu, in-natura u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħha.

(6)

Sabiex jiġu żgurati l-kejl u l-kopertura korretti tar-riskji kollha li huma msemmija fit-Tielet u r-Raba’ Partijiet tar-Regolament (UE) 2019/2033 iżda li mhumiex koperti bis-sħiħ jew b’mod adegwat minn dawk ir-rekwiżiti, dawn ir-riskji jenħtieġ li jitkejlu b’mod separat għal kull kategorija ta’ riskju (Riskju għall-Klijent, Riskju għas-Suq u Riskju għad-Ditta). Għall-istess raġuni, ir-riskji li mhumiex koperti fil-Partijiet Tlieta u Erbgħa ta’ dak ir-Regolament, inklużi dawk espliċitament esklużi minn dawk ir-rekwiżiti, jenħtieġ li jitkejlu fuq bażi ta’ riskji individwali. Madankollu, jekk il-kejl għal kull kategorija ta’ riskju jew abbażi tar-riskji individwali jkun ta’ piż żejjed jew ma jkunx fattibbli f’każijiet ta’ ditti tal-investiment soġġetti għal rekwiżit kapitali inizjali iktar baxx mir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva (UE) 2019/2034, jenħtieġ li l-kejl tar-riskji f’dawk il-każijiet jitwettaq fuq livell aggregat, filwaqt li jitqies il-prinċipju tal-proporzjonalità.

(7)

Sabiex jinsab il-bilanċ it-tajjeb bejn il-kunsiderazzjonijiet prudenzjali u l-applikazzjoni proporzjonali, jenħtieġ li l-kejl tar-riskji fuq livell aggregat ma japplikax għad-ditti tal-investiment li huma soġġetti għar-rekwiżit ta’ kapital inizjali stabbilit fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva (UE) 2019/2034. Jenħtieġ li d-ditti tal-investiment li huma soġġetti għal rekwiżiti ta’ kapital inizjali iktar għolja jiġu vvalutati f’termini ta’ riskji b’kejl għal kull kategorija ta’ riskju u abbażi tar-riskji individwali.

(8)

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fil-kejl tar-riskji materjali li d-ditti tal-investiment jistgħu joħolqu għall-oħrajn jew jiffaċċjaw huma stess, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jiddependu fuq sett armonizzat ta’ metriċi kwalitattivi indikattivi minimi. Minħabba li r-riskji jevolvu matul iċ-ċiklu tan-negozju ta’ ditta, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu mhux biss valutazzjoni statika, iżda jwettqu wkoll analiżi storika tax-xejriet ta’ tali metriċi. Sabiex ir-riskji rilevanti kollha jiġu koperti kif xieraq, jenħtieġ li jintużaw metriċi differenti għad-ditti tal-investiment b’mudelli u b’attivitajiet ta’ negozju differenti. Sabiex ikopru kif xieraq ir-riskji rilevanti kollha tad-ditta tal-investiment, filwaqt li jqisu l-mudell jew l-attività ta’ negozju speċifika, il-forma legali u d-disponibbiltà ta’ data affidabbli, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti, b’ċerti kundizzjonijiet li jappartjenu b’mod partikolari għall-ispeċifiċitajiet tal-mudell tan-negozju jew tal-kwalità tad-data ta’ ditta, jaġġustaw il-metriċi u jużaw dawk il-metriċi aġġustati jew, jekk dan ma jkunx possibbli, jużaw metriċi alternattivi li jkunu proporzjonati għad-daqs, il-kumplessità, il-mudell tan-negozju, u l-mudell operatorju tad-ditta tal-investiment u li jiżguraw valutazzjoni adegwata tar-riskji.

(9)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea.

(10)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji relatati potenzjali u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Riskju ta’ stralċ diżordinat

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom, wara li jikkunsidraw il-forma legali, il-mudell tan-negozju, l-istrateġija tan-negozju u tar-riskju, u l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet ta’ ditta tal-investiment, matul il-proċess ta’ rieżami u evalwazzjoni superviżorji tagħhom imwettaq skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva (UE) 2019/2034, ikejlu r-riskju ta’ stralċ diżordinat tan-negozju tad-ditta tal-investiment billi jiddeterminaw l-ammont ta’ kapital li jitqies adegwat biex dik id-ditta tiġi stralċjata b’mod ordnat f’xenarji plawżibbli.

2.   Il-kejl imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun proporzjonat għall-kumplessità, il-profil tar-riskju, u l-ambitu tal-operat tad-ditta tal-investiment, u għall-impatt potenzjali tal-istralċ tagħha fuq il-klijenti u s-swieq, u għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

stima tal-perjodu ta’ żmien realistiku għall-istralċ tad-ditta tal-investiment;

(b)

valutazzjoni tal-kompiti operazzjonali u legali tad-ditta tal-investiment matul il-proċess ta’ stralċ fuq perjodu ta’ żmien realistiku;

(c)

l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-ispejjeż materjali fissi u varjabbli;

(d)

l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni ta’ riskji jew ta’ elementi ta’ riskju materjali li jistgħu jimmaterjalizzaw matul il-proċess ta’ stralċ;

(e)

kwalunkwe aspett ieħor rilevanti għall-proċess ta’ stralċ.

3.   Meta tapplika d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-informazzjoni disponibbli dwar l-azzjonijiet ta’ rkupru u l-arranġamenti ta’ governanza fil-pjan ta’ rkupru jew fil-pjan ta’ rkupru tal-grupp tad-ditta tal-investiment għandha titqies mill-awtoritajiet kompetenti għall-fini tal-paragrafu 2, il-punti (b) u (c), jekk l-awtoritajiet kompetenti jqisu li dik l-informazzjoni hija kredibbli u affidabbli biżżejjed.

4.   Għad-ditti tal-investiment soġġetti għar-rekwiżit ta’ kapital inizjali stabbilit fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva (UE) 2019/2034, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinkludu fil-kejl tagħhom dan li ġej:

(a)

l-ispejjeż tal-għeluq, inklużi l-ispejjeż tal-litigazzjoni għall-fini tal-paragrafu 2, il-punt (c), ta’ dan l-Artikolu;

(b)

it-telf tad-dħul u t-telf tal-valur nett realizzabbli tal-assi li mistennija jiġġarrbu minħabba l-proċess ta’ stralċ għall-fini tal-paragrafu 2, il-punt (d), ta’ dan l-Artikolu.

5.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jidentifikaw u jikkwantifikaw l-ispejjeż, ir-riskji jew l-elementi ta’ riskju materjali u għandhom jiddeterminaw il-kapital meqjus adegwat biex jassorbihom skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw il-metriċi kwalitattivi indikattivi rilevanti msemmija fl-Artikolu 6(1) u għandhom jikkombinawhom ma’ analiżi statika u storika tax-xejriet, filwaqt li jagħtu l-ġudizzju espert tagħhom kif xieraq.

6.   Il-kapital meqjus adegwat biex ikopri r-riskju ta’ stralċ diżordinat tan-negozju ta’ ditta tal-investiment imkejjel f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandu jkun mill-inqas daqs ir-rekwiżit tal-ispejjeż ġenerali fissi ta’ dik id-ditta tal-investiment ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2019/2033.

Artikolu 2

Riskji jew elementi ta’ riskju materjali li mhumiex koperti jew mhumiex koperti kompletament mir-rekwiżit tal-fatturi-K stabbilit fil-Parti Tlieta, it-Titolu II, tar-Regolament (UE) 2019/2033

1.   Meta d-ditta tal-investiment ma tissodisfax il-kundizzjonijiet biex tikkwalifika bħala ditta tal-investiment żgħira u mhux interkonnessa kif stabbilit fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2019/2033, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, wara li jqisu l-mudell tan-negozju, il-forma legali, l-istrateġija tan-negozju u tar-riskju, u l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tad-ditta tal-investiment, matul ir-rieżamijiet tagħhom imwettqa f’konformità mal-Artikoli 36 u 37 tad-Direttiva (UE) 2019/2034, ikejlu kwalunkwe riskju materjali jew element ta’ riskju materjali li jirriżulta mill-attivitajiet kontinwi tad-ditta tal-investiment, li dik id-ditta toħloq għaliha nnifisha, għall-klijenti tagħha u għas-suq, u li ma jkunx kopert jew kopert bis-sħiħ mir-rekwiżit tal-fatturi-K stabbilit fil-Parti Tlieta, it-Titolu II tar-Regolament (UE) 2019/2033.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeterminaw il-kapital li jitqies adegwat biex ikopri r-riskji rilevanti relatati mar-rekwiżit tal-fatturi-K.

2.   Il-kejl imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jsir separatament għal kull kategorija ta’ riskju stabbilita bħala “Riskju għall-Klijent” (RtC), “Riskju għas-Suq” (RtM) u “Riskju għad-Ditta” (RtF) fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2019/2033.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, għad-ditti tal-investiment soġġetti għal rekwiżi ta’ kapital inizjali iktar baxx mir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva (UE) 2019/2034, meta l-awtoritajiet kompetenti jqisu kwantifikazzjoni iktar granulari mhux fattibbli jew ta’ piż żejjed, il-kejl għandu jitwettaq fuq livell aggregat.

3.   Il-kejl imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jidentifika u jikkwantifika r-riskji jew l-elementi ta’ riskju materjali għal kull kategorija ta’ riskju, inklużi r-riskji li jirriżultaw mill-użu tal-approċċ tal-mudell intern alternattiv kif imsemmi fl-Artikolu 22, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2019/2033, abbażi tal-metriċi kwalitattiva indikattiva stabbilita fl-Artikolu 6(2), (3) u (4), ta’ dan ir-Regolament u abbażi tal-ġudizzju espert li għandu jingħata mill-awtoritajiet kompetenti.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-kapital meqjus adegwat biex ikopri r-riskji materjali relatati mar-rekwiżit tal-fatturi-K ma jkunx inqas mir-rekwiżit totali tal-fatturi-K.

Artikolu 3

Riskji jew elementi ta’ riskju materjali li mhumiex mir-rekwiżiti ta’ fondi proprji stabbiliti fit-Tielet u r-Raba’ Partijiet tar-Regolament (UE) 2019/2033

1.   Meta d-ditta tal-investiment ma tissodisfax il-kundizzjonijiet biex tikkwalifika bħala ditta tal-investiment żgħira u mhux interkonnessa kif stabbilit fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2019/2033, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, wara li jqisu l-mudell tan-negozju, il-forma legali, l-istrateġija tan-negozju u tar-riskju, u l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tad-ditta tal-investiment, matul il-proċess ta’ rieżami u evalwazzjoni superviżorji tagħhom stabbilit fl-Artikolu 36 tad-Direttiva (UE) 2019/2034, ikejlu kwalunkwe riskju materjali jew element ta’ riskju materjali li jirriżulta minn kwalunkwe attività kurrenti tad-ditta tal-investiment, għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament u li mhumiex diġà koperti mir-rekwiżiti ta’ fondi proprji ta’ dik id-ditta stabbiliti fil-Partijiet Tlieta u Erbgħa tar-Regolament (UE) 2019/2033, billi jiddeterminaw abbażi ta’ riskji individwali l-kapital addizzjonali meqjus adegwat biex ikopri r-riskji jew l-elementi ta’ riskju materjali.

2.   Il-kejl imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi l-identifikazzjoni, il-valutazzjoni u, fejn xieraq, il-kwantifikazzjoni tal-oqsma ta’ riskju li ġejjin:

(a)

ir-riskji li jiffaċċjaw is-sigurtà tan-network u s-sistemi ta’ informazzjoni tad-ditta tal-investiment sabiex ikunu żgurati l-kunfidenzjalità, l-integrità u d-disponibbiltà tal-proċessi, id-data u l-assi tagħhom;

(b)

ir-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax u r-riskju tal-kreditu li jirriżultaw minn attivitajiet tal-portafoll mhux tan-negozjar.

Għal ditti tal-investiment soġġetti għal rekwiżit ta’ kapital inizjali iktar baxx mir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva (UE) 2019/2034, meta l-awtoritajiet kompetenti jqisu kwantifikazzjoni iktar granulari bħala mhux fattibbli jew ta’ piż żejjed, il-kejl għandu jitwettaq fuq livell aggregat.

3.   Meta jwettqu l-kejl imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw il-metriċi kwalitattivi indikattivi rilevanti msemmija fl-Artikolu 6(5) u jikkombinawhom ma’ analiżi statika u storika tax-xejriet, filwaqt li jagħtu l-ġudizzju espert tagħhom kif xieraq.

Artikolu 4

Ir-riskju materjali totali li mhuwiex kopert jew mhuwiex kopert b’mod sħiħ mir-rekwiżiti ta’ fondi proprji stabbiliti fit-Tielet u r-Raba’ Partijiet tar-Regolament (UE) 2019/2033

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkalkulaw l-ammont totali ta’ kapital addizzjonali meqjus adegwat biex ikopri r-riskji materjali jew l-elementi ta’ riskju materjali maħluqa mill-attivitajiet kontinwi tad-ditta tal-investiment bħala t-total tal-kapital meqjus adegwat ikkalkulat f’konformità mal-Artikoli 2 u 3.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikejlu r-riskju materjali totali li mhuwiex kopert jew mhuwiex kopert b’mod sħiħ mir-rekwiżiti ta’ fondi proprji stabbiliti fil-Partijiet Tlieta u Erbgħa tar-Regolament (UE) 2019/2033 billi jiddeterminaw il-livell ta’ fondi proprji addizzjonali meħtieġa bħala d-differenza bejn l-ogħla wieħed mill-ammonti kkalkulati f’konformità mal-Artikolu 1 jew il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u r-rekwiżiti ta’ fondi proprji stabbiliti fit-Tielet jew ir-Raba’ Parti tar-Regolament (UE) 2019/2033.

Artikolu 5

Metriċi kwalitattivi ġenerali għad-determinazzjoni tar-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali

1.   Meta jiddeterminaw l-ammont tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji addizzjonali għall-finijiet tal-Artikoli 1, 2 u 3, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu dan li ġej:

(a)

l-eżiti tal-proċess ta’ valutazzjoni tal-adegwatezza tal-kapital intern u l-proċess ta’ valutazzjoni tar-riskju intern mid-ditta tal-investiment stabbiliti fl-Artikolu 24 tad-Direttiva (UE) 2019/2034;

(b)

id-data rrapportata f’konformità mal-Artikolu 54 u 55 tar-Regolament (UE) 2019/2033;

(c)

l-eżitu tar-rieżamijiet imwettqa skont l-Artikoli 36 u 37 tad-Direttiva (UE) 2019/2034;

(d)

ir-riżultati ta’ kwalunkwe attività superviżorja oħra;

(e)

inputs rilevanti oħra, inkluż ġudizzju superviżorju.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw il-komparabbiltà fil-kwantifikazzjoni tar-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali impost fuq id-ditti tal-investiment kollha fl-ambitu tal-mandat superviżorju tagħhom.

Artikolu 6

Metriċi kwalitattivi indikattivi

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 1(5), it-tieni subparagrafu, il-metriċi kwalitattivi indikattivi għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

l-għadd ta’ aġenti marbuta mqabbel mat-total tal-persunal;

(b)

id-durata medja ta’ stralċ fil-ġuriżdizzjoni, filwaqt li titqies il-kumplessità tan-negozju tad-ditta tal-investiment;

(c)

is-sehem ta’ kuntratti mhux kanċellabbli u d-durata residwa tagħhom;

(d)

l-identifikazzjoni tas-swieq li fihom id-ditta tal-investiment tkun il-fornitur ewlieni tas-servizz;

(e)

il-valur u l-likwidità tal-assi fissi li d-ditta tal-investiment ikollha tiddisponi minnhom matul stralċ;

(f)

il-medja tal-pagamenti għat-terminazzjoni tal-impjieg pagabbli f’każ ta’ stralċ, filwaqt li jitqiesu l-leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi u l-kuntratti mal-impjegati.

2.   Għall-finijiet tal-Artikolu 2, fir-rigward tal-kejl tal-RtC, il-metriċi kwalitattivi indikattivi għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

l-ammont ta’ flus tal-klijenti miżmuma matul il-ħames (5) snin preċedenti;

(b)

l-ammont ta’ assi mmaniġġjati matul il-ħames (5) snin preċedenti;

(c)

l-ammont ta’ assi salvagwardjati u amministrati għall-klijenti matul il-ħames (5) snin preċedenti;

(d)

l-ammont ta’ telf jew danni mġarrba mid-ditta tal-investiment minħabba ksur tal-obbligi legali jew kuntrattwali tagħha matul mill-inqas il-ħames (5) snin preċedenti, inkluż it-telf li jirriżulta minn dawn:

(i)

parir mhux xieraq mogħti lill-investituri u l-kumpens tal-investituri relatati;

(ii)

nuqqas li jiġu stabbiliti, implimentati u miżmuma proċeduri xierqa għall-prevenzjoni ta’ ksur;

(iii)

żbalji fin-negozjar jew fil-valutazzjoni;

(iv)

tqallib tal-operat, nuqqas ta’ funzjonament tas-sistemi, nuqqas ta’ funzjonament tal-ipproċessar tat-tranżazzjonijiet jew tal-ġestjoni tal-proċess;

(v)

azzjoni tal-aġenti marbuta jew tar-rappreżentanti maħturin tad-ditta tal-investiment li għalihom tkun responsabbli d-ditta tal-investiment;

(e)

speċifikament għad-ditti tal-investiment li jżommu flus tal-klijenti, kwalunkwe inabbiltà tad-ditta tal-investiment li tirritorna l-flus tal-klijenti fil-ħin meta jkun meħtieġ u l-konsegwenzi finanzjarji assoċjati matul l-aħħar ħames (5) snin.

3.   Għall-finijiet tal-Artikolu 2, fir-rigward tal-kejl tal-RtM, il-metriċi kwalitattivi indikattivi għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

il-varjabbiltà tal-valur tal-pożizzjonijiet, inkluż minħabba kundizzjonijiet tas-suq li qed jinbidlu;

(b)

is-sehem ta’ prodotti kumplessi u illikwidi fil-portafoll tan-negozjar tad-ditta tal-investiment, f’termini ta’ volum u ta’ introjtu nett;

(c)

speċifikament għad-ditti tal-investiment li jużaw mudelli interni, id-disponibbiltà ta’ ttestjar retrospettiv regolari tal-mudelli użati għal skopijiet regolatorji.

4.   Għall-finijiet tal-Artikolu 2, fir-rigward tal-kejl tal-RtF, il-metriċi kwalitattivi indikattivi għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

il-fluss tan-negozjar ta’ kuljum u l-fluss medju tan-negozjar ta’ kuljum matul il-ħames (5) snin preċedenti;

(b)

kwalunkwe avveniment operazzjonali sinifikanti relatat mal-fluss tan-negozjar ta’ kuljum u t-telf finanzjarju assoċjat matul il-ħames (5) snin preċedenti, inklużi żbalji fl-ipproċessar;

(c)

il-varjabbiltà tal-introjtu u d-dħul tad-ditta tal-investiment matul il-ħames (5) snin preċedenti;

(d)

kwalunkwe telf imġarrab minħabba varjazzjonijiet fil-pożizzjonijiet fi strumenti finanzjarji, muniti barranin u komoditajiet matul il-ħames (5) snin preċedenti;

(e)

ir-rata ta’ inadempjenza tal-klijenti jew tal-kontropartijiet, u t-telf assoċjat matul il-ħames (5) snin preċedenti;

(f)

kwalunkwe telf minħabba bidliet materjali fil-valur kontabilistiku tal-assi, inkluż minħabba bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq u fl-affidabbiltà kreditizja tal-kontropartijiet;

(g)

l-ammonti u l-varjabbiltà ta’ pagamenti jew kontribuzzjonijiet taħt skema ta’ pensjoni b’benefiċċji stabiliti matul il-ħames (5) snin preċedenti;

(h)

kwalunkwe konċentrazzjoni tal-assi tad-ditta tal-investiment, inkluża l-konċentrazzjoni ta’ klijenti u ta’ kontropartijiet, kif ukoll il-konċentrazzjoni settorjali u ġeografika;

(i)

is-sehem tal-iskopertura li ma tidhirx fil-karta bilanċjali meta mqabbel mal-assi totali tal-investiment u mar-riskju ta’ kreditu relatat.

5.   Għall-finijiet tal-Artikolu 3, il-metriċi kwalitattivi indikattivi għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

kwalunkwe indikazzjoni ta’ riskji finanzjarji sinifikanti mhux indirizzati mir-rekwiżiti tal-fondi proprji stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2019/2033, b’mod partikolari:

(i)

il-medja tat-telf totali mir-riskji operazzjonali fuq l-introjtu gross matul il-ħames (5) snin preċedenti;

(ii)

kwalunkwe avveniment operazzjonali sinifikanti u telf finanzjarju assoċjat matul il-ħames (5) snin preċedenti;

(iii)

is-sehem tal-introjtu nett tad-ditta tal-investiment li ġej minn servizzi jew attivitajiet li mhumiex elenkati fit-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5);

(b)

kwalunkwe indikazzjoni ta’ riskju sinifikanti tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), b’mod partikolari:

(i)

il-kumplessità ġenerali tal-arkitettura tal-ICT, inkluż is-sehem tas-servizzi tal-ICT esternalizzati;

(ii)

l-għadd ta’ bidliet materjali fl-ambjent tal-ICT matul il-ħames (5) snin preċedenti;

(iii)

kwalunkwe telf minħabba tfixkil ikkawżat minn inċidenti li jaffettwaw is-servizzi kritiċi tal-ICT matul il-ħames (5) snin preċedenti;

(iv)

l-għadd ta’ attakki ċibernetiċi u telf relatat matul il-ħames (5) snin preċedenti;

(c)

kwalunkwe indikazzjoni ta’ riskju sinifikanti taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax li jirriżulta minn attivitajiet tal-portafoll mhux tan-negozjar, b’mod partikolari:

(i)

il-volum tat-tranżazzjonijiet ibbażati fuq ir-rati tal-imgħax jew li b’xi mod ieħor jiddependu fuq ir-rati tal-imgħax, barra mill-portafoll tan-negozjar tad-ditta tal-investiment;

(ii)

il-politika ta’ hedging tad-ditta tal-investiment u l-allinjamenti ħżiena potenzjali bejn il-pożizzjoni u l-hedge, barra mill-portafoll tan-negozjar tad-ditta tal-investiment.

6.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jestendu l-lista ta’ metriċi kwalitattivi indikattivi stabbiliti fil-paragrafi minn 1 sa 5 filwaqt li jiżguraw li tali metriċi addizzjonali jkunu proporzjonati għad-daqs, il-kumplessità, il-mudell tan-negozju u l-mudell operatorju tad-ditta tal-investiment.

7.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jaġġustaw il-metriċi stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 5 u għandhom jużaw dawk il-metriċi aġġustati meta tapplika kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-metrika ma tkunx xierqa minħabba l-forma legali speċifika, il-bidliet strutturali, in-negozju u l-mudell operatorju tad-ditta tal-investiment;

(b)

l-istima tal-metrika tkun ta’ piż żejjed minħabba d-daqs u l-kumplessità tal-attivitajiet tad-ditta tal-investiment;

(c)

l-istima tal-metrika ma tkunx fattibbli minħabba n-nuqqas ta’ data affidabbli, sakemm tali data ma taqax taħt l-Artikoli 54 u 55 tar-Regolament (UE) 2019/2033 jew l-Artikolu 39(2), il-punt (j), tad-Direttiva (UE) 2019/2034;

(d)

l-istima tal-metrika ma tkunx fattibbli minħabba n-nuqqas ta’ data storika affidabbli, li jagħmel il-perjodu ta’ analiżi storiku irrilevanti. F’każijiet bħal dawn, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jillimitaw il-perjodu tal-analiżi storika għaż-żmien li jkun għadda mill-aħħar proċess ta’ rieżami u evalwazzjoni superviżorji stabbilit fl-Artikolu 36 tad-Direttiva (UE) 2019/2034.

Jekk ma jkunx possibbli għall-awtoritajiet kompetenti li jaġġustaw il-metriċi kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw metriċi alternattivi kif xieraq, filwaqt li jiżguraw li l-metriċi alternattivi li jużaw jkunu proporzjonati għad-daqs, il-kumplessità, il-mudell tan-negozju u l-mudell operatorju tad-ditta tal-investiment.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Mejju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 314, 5.12.2019, p. 64.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 575/2013, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 806/2014 (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(4)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(5)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).


Top