EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1617

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1617 tat-8 ta’ Awwissu 2023 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2011 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-kejbils fibrottiċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

C/2023/5069

ĠU L 199, 9.8.2023, p. 34–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1617/oj

9.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 199/34


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1617

tat-8 ta’ Awwissu 2023

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2011 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-kejbils fibrottiċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

Fis-17 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2011 (“ir-Regolament oriġinali”) (2) li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-kejbils fibrottiċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“iċ-Ċina” jew “il-pajjiż ikkonċernat”). Id-dazju anti-dumping definittiv impost fil-bidu kien ivarja bejn 19,7 % u 44 % (“id-dazju impost fil-bidu”).

(2)

Il-prodott investigat huwa wkoll soġġett għal dazju kumpensatorju definittiv li jvarja bejn 5,1 % u 10,3 %, impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/72 (3), kif ikkoreġut mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/469 (4). Madankollu, id-dazju kompensatorju mhuwiex soġġett għal din l-investigazzjoni mill-ġdid. Wara l-impożizzjoni tad-dazju kumpensatorju definittiv fuq il-prodott investigat, sabiex jiġi evitat li l-effetti tas-sussidjar jiġu kkumpensati darbtejn, id-dazju anti-dumping definittiv tnaqqas għal firxa ta’ bejn 14,6 % u 33,7 %.

1.2.   Talba għal investigazzjoni mill-ġdid ta’ assorbiment

(3)

Il-Kummissjoni rċeviet talba għal investigazzjoni mill-ġdid ta’ assorbiment tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ fir-rigward tal-prodott investigat, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku.

(4)

It-talba tressqet fit-28 ta’ Ottubru 2022 minn Europacable (“l-applikant”) f’isem il-produtturi tal-Unjoni. L-applikant jirrappreżenta aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-kejbils fibrottiċi.

(5)

L-applikant ippreżenta biżżejjed evidenza li turi li wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, il-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi naqsu u li t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi impedixxa l-effetti ta’ rimedju maħsuba tal-miżuri fis-seħħ. L-evidenza inkluża fit-talba indikat li t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-esportazzjoni ma setax jiġi spjegat minn tnaqqis fil-prezz tal-materja prima ewlenija jew kostijiet oħra jew minn bidla fit-taħlita tal-prodott.

1.3.   Ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni anti-dumping

(6)

Fit-8 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni fetħet l-investigazzjoni anti-dumping mill-ġdid, permezz ta’ notifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (in-“Notifika ta’ Ftuħ mill-Ġdid”) (5).

(7)

L-investigazzjoni mill-ġdid kienet tikkonċerna d-dazji anti-dumping attwali imposti, kif stabbilit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament oriġinali, kif emendat u kkoreġut.

1.4.   Partijiet interessati

(8)

Fin-Notifika ta’ Ftuħ mill-Ġdid, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni mill-ġdid. Barra minn dan, il-Kummissjoni speċifikament infurmat lill-applikant, lill-produtturi esportaturi u lill-importaturi li kienu magħrufa li kienu kkonċernati u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat dwar l-investigazzjoni mill-ġdid u stednithom biex jipparteċipaw.

(9)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità jagħtu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jitolbu smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

1.5.   Kampjunar tal-produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(10)

Sabiex tiddeċiedi jekk kienx hemm il-ħtieġa ta’ kampjunar u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi kollha fir-RPĊ sabiex jipprovdu l-informazzjoni mitluba fin-Notifika ta’ Ftuħ mill-Ġdid lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Unjoni Ewropea tidentifika u/jew tikkuntattja lil produtturi oħrajn, jekk hemm, li jistgħu jkunu interessati li jipparteċipaw fl-investigazzjoni mill-ġdid.

(11)

Ħdax-il produttur esportatur fiċ-Ċina ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jkunu inklużi fil-kampjun. F’konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ żewġ gruppi ta’ produtturi esportaturi abbażi tal-ikbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fil-ħin disponibbli. Il-gruppi ta’ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun kienu FiberHome Telecommunication Technologies Co., Ltd. u kumpaniji relatati (“il-Grupp FTT”) u Jiangsu Zhongtian Technology Co., Ltd. u kumpaniji relatati (“il-Grupp ZTT”). Il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun kienu jirrappreżentaw 58 % tal-volum totali stmat tal-esportazzjoni tal-kejbils fibrottiċi miċ-Ċina lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ assorbiment (mill-1 ta’ Ottubru 2021 sat-30 ta’ Settembru 2022). Il-kampjun magħżul kien identiku għall-kampjun fl-investigazzjoni li wassal għall-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali (“l-investigazzjoni oriġinali”).

(12)

F’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi magħrufa kollha kkonċernati u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun. Ma wasal l-ebda kumment u b’hekk il-kampjun ġie kkonfermat.

1.6.   Kampjunar ta’ importaturi mhux relatati

(13)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni staqsiet lill-importaturi mhux relatati biex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Ftuħ mill-Ġdid.

(14)

Żewġ kumpaniji (Cable 77 Danmark Aps u Connect Com GmbH) ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. Wara li analizzat l-informazzjoni dwar il-kampjunar ipprovduta minnhom, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-kampjunar ma kienx meħtieġ u talbet liż-żewġ kumpaniji li kkooperaw biex jippreżentaw it-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju għall-importaturi mhux relatati.

1.7.   Tweġibiet għall-kwestjonarji u l-verifiki

(15)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-gruppi ta’ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun u lill-kumpaniji li pprovdew informazzjoni mitluba minn importaturi mhux relatati. Il-kwestjonarji kienu disponibbli wkoll online fil-jum tal-bidu (6).

(16)

Waħda minn dawn il-kumpaniji, Cable 77 Danmark Aps (id-Danimarka), importatur mhux relatat, ippreżentat tweġiba mhux kompluta għall-kwestjonarju. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ defiċjenza fejn talbet għal informazzjoni addizzjonali. Madankollu, il-kumpanija ma weġbitx. It-tieni kumpanija, Connect Com GmbH (il-Ġermanja), informat lill-Kummissjoni li matul il-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ assorbiment, din ma importatx il-prodott investigat miċ-Ċina iżda xtratu minn kumpaniji li jinsabu fl-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma qisitx din il-kumpanija bħala importatur mhux relatat fis-sens tar-Regolament bażiku fil-kuntest tal-investigazzjoni mill-ġdid attwali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma vverifikatx l-informazzjoni pprovduta minn dawn iż-żewġ kumpaniji u ma użatx din l-informazzjoni fl-investigazzjoni mill-ġdid preżenti.

(17)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat jew ikkontroverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa meħtieġa għall-iskop ta’ din l-investigazzjoni mill-ġdid ipprovduta mill-produtturi esportaturi fil-kampjun. Fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19, il-Kummissjoni ma setgħetx twettaq żjarat ta’ verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku fil-bini ta’ FiberHome Telecommunication Technologies Co., Ltd u Nanjing Wasin Fujikura Optical Communication Ltd (it-tnejn li huma jappartjenu għall-Grupp FTT) kif ukoll fil-bini ta’ Jiangsu Zhongtian Technology Co., Ltd, Zhongtian Power Optical Cable Co., Ltd, ZTT International Limited u ZTT Europe GmbH (li kollha jappartjenu għall-Grupp ZTT). Minflok, il-Kummissjoni kkontroverifikat mill-bogħod l-informazzjoni pprovduta minn dawn il-kumpaniji permezz ta’ vidjokonferenza, f’konformità mal-Avviż tagħha dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa ta’ COVID-19 fuq investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji (7).

(18)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet żjarat ta’ verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku fil-bini tal-importaturi relatati li ġejjin fl-Unjoni li jappartjenu għall-Grupp FTT:

FiberHome International Germany GmbH, il-Ġermanja;

FiberHome International Poland Sp. z o.o., il-Polonja.

1.8.   Perjodu kopert mill-investigazzjoni mill-ġdid ta’ assorbiment

(19)

Il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ assorbiment (“PIA”) kien mill-1 ta’ Ottubru 2021 sat-30 ta’ Settembru 2022. Il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali (“PIO”) kien mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020.

1.9.   Kummenti dwar it-talba u l-bidu

(20)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti dwar it-talba u l-bidu mingħand Connect Com GmbH (“Connect Com”), importatur mhux relatat li kkoopera fl-investigazzjoni oriġinali.

(21)

Connect Com iddikjara li l-użu tal-prezz medju għal kull km ta’ kejbil ma kienx indikatur sinifikanti biex jiġi vverifikat jekk id-dazji anti-dumping ġewx assorbiti minħabba li l-kejbils b’għadd kbir ta’ fibri kienu aktar għaljin għal kull km ta’ kejbil minn kejbils b’għadd baxx ta’ fibri. Connect Com argumenta li t-tnaqqis fil-prezz medju għal kull km ta’ kejbil kien ikkawżat mill-bidla fit-taħlita tal-prodott mibjugħa qabel u wara l-impożizzjoni tad-dazji anti-dumping.

(22)

Il-Kummissjoni fakkret li l-applikant qagħad fuq il-prezzijiet tal-importazzjoni mill-bażi tad-data TARIC tal-Eurostat għall-prodott investigat, li hija l-prattika tas-soltu minħabba li d-data statistika tinġabar abbażi tad-deskrizzjoni tal-prodott fl-intier tiegħu, minflok fuq tipi ta’ prodotti individwali. Il-Kummissjoni qieset li kien biżżejjed li terġa’ tiftaħ l-investigazzjoni mill-ġdid fuq din il-bażi. Barra minn hekk, ġie nnotat li Connect Com ma ppreżenta l-ebda evidenza li turi li t-tnaqqis fil-prezz tal-importazzjoni kien dovut għal bidla fit-taħlita tal-prodott. Matul l-investigazzjoni mill-ġdid, il-Kummissjoni ġabret data aktar dettaljata fil-livell tat-tip ta’ prodott abbażi ta’ numri tal-kontroll tal-prodott (product control numbers, “PCNs”) u setgħet tqabbel il-prezzijiet tal-istess tipi ta’ prodotti kif spjegat fil-premessa (40). Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(23)

Connect Com iddikjara wkoll li l-unità ta’ kejl “kg” jew “tunnellati” ma kinitx komuni fin-negozju tal-kejbils. L-unitajiet ta’ kejl tas-soltu għall-kejbils kienu metri jew kilometri.

(24)

Il-Kummissjoni osservat li, bħal fil-każ tal-prodotti l-oħra kollha fil-bażi tad-data TARIC tal-Eurostat, il-volumi tal-importazzjonijiet tal-prodott investigat huma disponibbli wkoll f’tunnellati/kg, minbarra l-kilometri tal-kejbil. It-talba tal-applikant indikat il-volumi ta’ importazzjoni (rilevanti) fiż-żewġ unitajiet bil-prezz rilevanti għal kull unità. Għaldaqstant, it-talba ġiet miċħuda.

(25)

Connect Com iddikjara li l-kunsiderazzjoni tal-prezzijiet sa tmiem l-ewwel nofs tal-2022 biss, kif indikat fit-talba, wasslet għal distorsjoni fir-riżultat minħabba li l-prezzijiet reġgħu żdiedu f’Ġunju 2022 u kienu mistennija jkomplu jiżdiedu fit-tieni nofs tal-2022.

(26)

Il-Kummissjoni fakkret li, minħabba d-data tal-preżentazzjoni tat-talba, il-perjodu użat fit-talba biex jintwerew ix-xejriet li ntemmu fit-30 ta’ Ġunju 2022 kien l-aktar perjodu reċenti b’sett sħiħ ta’ data disponibbli għall-applikanti fiż-żmien tat-talba. Barra minn hekk, matul l-investigazzjoni mill-ġdid, il-Kummissjoni vvalutat il-prezzijiet sa tmiem il-PIA, jiġifieri t-30 ta’ Settembru 2022. Minn dan isegwi li l-perjodu li matulu, skont Connect Com, il-prezzijiet żdiedu kien parzjalment fil-PIA. Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(27)

Connect Com ikkontesta wkoll il-kawżalità bejn il-prezzijiet li allegatament waqgħu u l-impożizzjoni tad-dazji. Iddikjara li kien diġà seħħ tnaqqis estrem fil-prezz minn Awwissu 2021 sa Settembru 2021, qabel ma ġew imposti d-dazji u li t-tnaqqis sussegwenti fil-prezz minn EUR 10 f’Diċembru 2021 għal EUR 7 f’Ġunju 2022 ma kienx għadu sinifikanti u ma kienx marbut mal-impożizzjoni tal-miżuri.

(28)

Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku, meta jkun hemm biżżejjed evidenza ta’ assorbiment tad-dazji, l-investigazzjoni oriġinali tista’ terġa’ tinfetaħ fuq talba ta’ kwalunkwe parti interessata. Il-Kummissjoni vvalutat l-evidenza ppreżentata mill-applikant li turi li wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, il-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi naqsu. Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ l-investigazzjoni mill-ġdid ta’ assorbiment. Barra minn hekk, l-Artikolu 12(2) tar-Regolament bażiku jippermetti li l-Kummissjoni tikkunsidra evidenza ta’ tnaqqis fil-prezzijiet li jseħħ wara l-PIO u qabel l-impożizzjoni tad-dazji, bħal dawk diskussi minn Connect Com. Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni mressqa minn Connect Com ġiet miċħuda.

1.10.   Divulgazzjoni

(29)

Fl-1 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni ddivulgat il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien beħsiebha temenda d-dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-kejbils fibrottiċi li joriġinaw miċ-Ċina. Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand il-Grupp FTT, il-Grupp ZTT u Twentsche (Nanjing) Fibre Optics Ltd (“TFO”).

(30)

TFO, produttur esportatur li kkoopera mhux inkluż fil-kampjun, iddikjara li t-talba tiegħu għal eżami individwali ġiet injorata. Barra minn hekk, TFO iddikjara li kien 100 % proprjetà tal-kumpanija Netherlandiża TKH Group NV u li jbigħ il-kejbils fibrottiċi f’kundizzjoni normali ta’ kompetizzjoni lis-sussidjarja tiegħu fl-Unjoni. Iddikjara wkoll li l-ipprezzar ma nbidilx bejn il-PIO u l-PIA. Fl-aħħar nett ma qabilx mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni rigward id-dazju tad-dumping applikabbli għalih b’riżultat tal-investigazzjoni kontra l-assorbiment.

(31)

Il-Kummissjoni tinnota li TFO applika għal eżami individwali fl-investigazzjoni oriġinali. Matul l-investigazzjoni oriġinali, it-talba tiegħu għal eżami individwali ġiet miċħuda kif spjegat fil-premessa (40) tar-Regolament oriġinali. Għaldaqstant, id-dazju applikabbli għat-TFO kien id-dazju tal-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun kif spjegat fil-premessi (397) u (565) tar-Regolament oriġinali. Fl-investigazzjoni attwali, il-Kummissjoni kkalkulat il-marġni tad-dumping tal-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun matul il-PIA kif spjegat fil-premessa (85) ta’ dan ir-Regolament. Id-dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali żdied kif spjegat fil-premessa (99) ta’ dan ir-Regolament.

(32)

Rigward il-parteċipazzjoni azzjonarja ta’ TFO, il-Kummissjoni nnotat li TFO huwa produttur esportatur ibbażat fiċ-Ċina li jesporta lejn l-Unjoni u huwa soġġett għad-dazju anti-dumping għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Il-fatt li TFO huwa proprjetà ta’ kumpanija oħra stabbilita fl-Unjoni ma għandu l-ebda effett fuq din is-sejba jew l-applikabbiltà tar-rata ta’ dazju rilevanti. Għaldaqstant, dawn id-dikjarazzjonijiet ġew miċħuda.

(33)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-partijiet interessati ngħataw opportunità li jinstemgħu. Ma ntalbet l-ebda seduta ta’ smigħ.

(34)

Fis-26 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni pprovdiet divulgazzjoni finali addizzjonali lill-partijiet interessati li abbażi tagħha kien beħsiebha temenda d-dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-kejbils fibrottiċi li joriġinaw miċ-Ċina. Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni addizzjonali. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand il-Grupp FTT u l-Grupp ZTT.

2.   PRODOTT INVESTIGAT

(35)

Il-prodott investigat huwa kejbils tal-fibra ottika b’modalità waħda, magħmula minn fibra waħda jew aktar miksija individwalment, b’kisi protettiv, kemm jekk fihom kondutturi elettriċi li joriġinaw miċ-Ċina kif ukoll jekk le, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8544 70 00 (il-kodiċi TARIC 8544700010).

(36)

Il-prodotti li ġejjin huma esklużi:

i.

kejbils li fihom il-fibri ottiċi kollha huma mwaħħla individwalment b’konnetturi operazzjonali f’estremità waħda jew fiż-żewġ estremitajiet; u

ii.

kejbils għall-użu taħt il-baħar. Il-kejbils għall-użu taħt il-baħar huma kejbils fibrottiċi insulati bil-plastik, b’konduttur tar-ram jew tal-aluminju, li fihom il-fibri huma f’modulu/moduli tal-metall.

(37)

Il-kejbils fibrottiċi jintużaw bħala mezz ottiku ta’ trażmissjoni fin-networks tat-telekomunikazzjoni f’networks ta’ distanzi twal, metro u ta’ aċċess.

3.   SEJBIET TAL-INVESTIGAZZJONI MILL-ĠDID TA’ ASSORBIMENT

(38)

L-investigazzjoni mill-ġdid ta’ assorbiment skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku għandha l-għan li tistabbilixxi jekk il-prezzijiet ta’ esportazzjoni naqsux jew jekk ma kienx hemm moviment jew jekk kienx hemm moviment insuffiċjenti fil-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid jew fil-prezzijiet tal-bejgħ sussegwenti fl-Unjoni tal-prodott investigat wara l-PIO. Bħala t-tieni pass, jekk jiġi konkluż li l-miżura kellha twassal għal movimenti f’tali prezzijiet, mela allura, biex jitneħħa d-dannu stabbilit preċedentement f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, il-prezzijiet tal-esportazzjoni għandhom jiġu vvalutati mill-ġdid skont l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku u l-marġnijiet tad-dumping għandhom jiġu kkalkulati mill-ġdid biex jitqiesu l-prezzijiet tal-esportazzjoni vvalutati mill-ġdid.

3.1.   Tnaqqis fil-prezzijiet tal-esportazzjoni

(39)

Sabiex tiddetermina jekk il-prezzijiet tal-esportazzjoni naqsux, il-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet għal kull produttur esportatur inkluż fil-kampjun il-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-kost, l-assigurazzjoni u n-nol (cost, insurance, and freight, “CIF”) tiegħu fil-fruntiera doganali tal-Unjoni matul il-PIA u qabblet dawn il-prezzijiet mal-prezzijiet tal-esportazzjoni CIF korrispondenti ddeterminati matul l-investigazzjoni oriġinali għall-PIO.

(40)

Imbagħad il-Kummissjoni qabblet għal kull wieħed mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun il-prezzijiet tat-tipi ta’ prodotti mibjugħa fil-PIA mal-prezzijiet tal-istess tipi ta’ prodotti mibjugħa fil-PIO u kkalkulat għalihom id-differenza fil-prezz medju ponderat. Mhux it-tipi ta’ prodotti kollha mibjugħa fil-PIA nbiegħu wkoll fil-PIO. Biex tiżgura livell suffiċjenti ta’ komparabbiltà, il-Kummissjoni qabblet il-prezzijiet tat-tipi ta’ prodotti “mhux imqabbla” l-aktar mibjugħa fil-PIA mal-prezzijiet tat-tipi ta’ prodotti l-aktar simili mibjugħa fil-PIO, fejn disponibbli.

(41)

It-tqabbil ta’ hawn fuq li sar għaż-żewġ gruppi ta’ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun irriżulta fi tnaqqis fil-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat ta’ 50,5 % għall-Grupp FTT u t-tnaqqis fil-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat ta’ 13,2 % għall-Grupp ZTT.

(42)

Rigward id-dikjarazzjoni ta’ Connect Com kif iddikjarat fil-premessa (21), l-investigazzjoni żvelat li grupp wieħed ta’ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun esporta l-istess PCNs fil-PIA bħal fil-PIO, filwaqt li l-produttur esportatur l-ieħor inkluż fil-kampjun biegħ ukoll PCNs oħra fil-PIA meta mqabbel mal-PIO. L-investigazzjoni żvelat li l-prezzijiet naqsu għall-PCNs li jaqblu. Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(43)

Billi kien hemm tnaqqis fil-prezzijiet tal-esportazzjoni, kif meħtieġ skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni kkalkulat mill-ġdid il-marġnijiet tad-dumping tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

(44)

Il-Grupp ZTT sostna li ZTT Europe GmbH (“ZTT Europe”), l-importatur relatat tiegħu fl-Unjoni, xtara l-prodott investigat kollu mibjugħ mill-ġdid matul il-PIA qabel l-impożizzjoni tad-dazju anti-dumping (jiġifieri l-bejgħ mill-ġdid kollu ta’ ZTT Europe tal-prodott investigat matul il-PIA kien ħieles mid-dazju anti-dumping) u għaldaqstant jenħtieġ li l-Kummissjoni tinjora l-bejgħ ta’ ZTT Europe mill-valutazzjoni tagħha f’din l-investigazzjoni mill-ġdid.

(45)

Il-Kummissjoni osservat li skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li din tivvaluta l-bidla fil-prezzijiet li kienet seħħet wara l-PIO u qabel jew wara l-impożizzjoni tal-miżuri. Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda, ħlief għall-bejgħ li sar minn ZTT Europe tal-prodott investigat mixtri qabel jew waqt il-PIO, li l-Kummissjoni tabilħaqq injorat fil-valutazzjoni tagħha.

(46)

Connect Com iddikjara li ma ngħatat l-ebda ġustifikazzjoni komprensibbli dwar għaliex kien jenħtieġ li l-importaturi individwali jirrapportaw l-importazzjonijiet tagħhom f’kilometri ta’ fibra minflok f’kilometri ta’ kejbils.

(47)

Fil-kwestjonarji, il-Kummissjoni talbet kemm lill-produtturi esportaturi kif ukoll lill-importaturi biex jirrapportaw id-data f’kilometri ta’ kejbils u f’kilometri ta’ fibri kif intalab fl-investigazzjoni oriġinali. Madankollu, il-kalkoli kollha twettqu f’kilometri ta’ kejbils.

(48)

Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni finali, il-Grupp ZTT iddikjara li meta tiddetermina jekk il-prezzijiet tal-esportazzjoni naqsux, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis biss dawk it-tipi ta’ prodotti li nbiegħu wkoll fil-PIO. Il-Grupp ZTT argumenta li l-metodoloġija tal-Kummissjoni biex tqabbel il-livell tal-prezzijiet tal-aktar tipi ta’ prodotti li jixxiebhu mill-qrib tkun distortiva billi bidla minuri fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-istruttura tal-PCN tista’ twassal għal varjanzi konsiderevoli fil-kost u fil-prezzijiet.

(49)

Il-Kummissjoni qieset li huwa aktar xieraq li jiġu stabbiliti paraguni tal-prezzijiet tal-esportazzjoni għall-maġġoranza tat-tipi ta’ prodotti mibjugħa matul il-PIA, biex tingħata stampa aktar preċiża tal-iżviluppi fil-prezzijiet bejn il-PIO u l-PIA. Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li anki li kieku t-tqabbil kien ikun ibbażat biss fuq il-PCNs li jaqblu, xorta jkun hemm tnaqqis fil-prezz ta’ 20,6 %. Għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(50)

Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni, il-Grupp ZTT iddikjara li l-Kummissjoni ma spjegatx b’mod adegwat il-metodoloġija użata biex tidentifika l-aktar tipi ta’ prodotti li jixxiebhu mill-qrib jew għaliex tqiesu li jixbhu t-tipi ta’ prodotti li ma jaqblux mibjugħa fil-PIA, li fin-nuqqas tagħhom il-Kummissjoni setgħet qabblet il-prezzijiet ta’ tipi ta’ prodotti differenti ħafna, li ma jirriflettux b’mod preċiż l-iżvilupp tal-prezzijiet. Din id-dikjarazzjoni ġiet imtennija minn ZTT fil-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali.

(51)

Il-Kummissjoni nnotat li d-divulgazzjoni finali pprovduta lil ZTT diġà identifikat l-aktar PCNs li jixxiebhu mill-qrib użati mill-Kummissjoni. Abbażi ta’ din id-divulgazzjoni, ZTT seta’ jispjega għaliex l-għażla ta’ kull PCN li jixxiebah mill-qrib ma tkunx xierqa fid-dawl tal-karatteristiki fiżiċi jew elementi oħra u b’hekk twassal għal distorsjoni tar-riżultati. Madankollu, ZTT ma pprovda l-ebda evidenza jew argument speċifiku biex tissostanzja d-dikjarazzjoni tagħha li l-metodoloġija użata mill-Kummissjoni twassal għal eżiti distorsivi għall-fini tal-komparabbiltà tal-prezzijiet. Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(52)

Barra minn hekk, il-Grupp ZTT iddikjara li meta ddetermina jekk il-prezzijiet tal-esportazzjoni naqsux, il-Kummissjoni injorat l-effett tad-differenza fit-taħlita tal-prodotti mibjugħa f’termini ta’ prezz u kwantità fil-PIA meta mqabbla ma’ dik mibjugħa fil-PIO. Il-Grupp ZTT iddikjara li, sabiex titqies it-taħlita tal-prodotti, jenħtieġ li l-Kummissjoni: (1) tikkalkula għal kull tip ta’ prodott il-piż tiegħu fil-valur totali tal-esportazzjoni fil-PIA u mbagħad timmultiplika dan il-piż bil-proporzjon tad-differenza fil-prezz; jew (2) timmultiplika d-differenza fil-prezz għal kull tip ta’ prodott bil-kwantità mibjugħa fil-PIA ta’ dak it-tip ta’ prodott. F’dan il-każ, il-Grupp ZTT iddikjara li kien ikun hemm żieda fil-prezz tal-esportazzjoni b’mod ġenerali. Il-Grupp ZTT iddikjara wkoll li matul il-PIA huwa biegħ aktar kejbils b’għadd aktar baxx ta’ fibri li kienu orħos minn kejbils b’għadd ogħla ta’ fibri. Madankollu, il-Grupp ZTT ma speċifikax x’jikkostitwixxi kejbil b’“għadd aktar baxx ta’ fibri” u kejbil b’ “għadd ogħla ta’ fibri”. Il-Grupp ZTT ikkonkluda fuq din il-bażi li l-maġġoranza tat-tipi ta’ prodotti mibjugħa fil-PIA kienu prodotti bi prezz baxx filwaqt li fil-PIO nbiegħu aktar minn prodotti bi prezzijiet ogħla, u li għaldaqstant paragun sempliċi tal-livell tal-prezz medju ponderat għal kull tip ta’ prodott f’kull perjodu jirriżulta fi stampa distorta.

(53)

Il-Kummissjoni nnotat li l-piż tal-kejbils b’għadd aktar baxx ta’ fibri (jiġifieri sa sitt fibri) kien jirrappreżenta [45 % - 56 %] tal-volum totali tal-bejgħ fil-PIO meta mqabbel ma’ [43 % - 54 %] fil-PIA. Għaldaqstant, dawn il-kejbils kienu jirrappreżentaw porzjon iżgħar tal-bejgħ fil-PIA meta mqabbel mal-PIO, għall-kuntrarju ta’ dak li ddikjara l-Grupp ZTT. Meta jitqiesu l-kejbils b’massimu ta’ tmien fibri, dawn il-kejbils kienu jirrappreżentaw [47 % - 60 %] fil-PIO meta mqabbla ma’ [48 % - 61 %] fil-PIA, li huwa persentaġġ pjuttost simili b’impatt marġinali fuq il-prezz medju ta’ dawn it-tipi ta’ prodotti.

(54)

Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ddikjara l-Grupp ZTT, iż-żewġ metodi ssuġġeriti mill-Grupp ZTT biex titqies id-differenza fit-taħlita tal-prodotti f’termini tal-valur u l-volum bejn il-PIO u l-PIA fil-fatt ma jindirizzawx id-differenza fit-taħlita tal-prodotti bejn il-PIO u l-PIA, billi fiż-żewġ metodi titqies biss it-taħlita tal-prodotti fil-PIA. Barra minn hekk, l-ewwel metodu jiżen il-bidliet relattivi fil-prezz skont il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ ta’ kull PCN fil-bejgħ totali fil-PIA, filwaqt li t-tieni metodu jiżen id-differenzi assoluti fil-prezz skont il-volum tal-bejgħ ta’ kull PCN fil-PIA. Il-Grupp ZTT ma jispjegax għaliex metodu wieħed huwa bbażat fuq numri assoluti filwaqt li l-ieħor huwa bbażat fuq numri relattivi (persentaġġi). Dan juri li l-metodi ssuġġeriti mill-Grupp ZTT kienu arbitrarji u inkonsistenti.

(55)

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni nnotat li kif iddikjarat fil-premessa (38), skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni ta’ assorbiment għandha l-għan li tistabbilixxi, bħala l-ewwel pass, jekk il-prezzijiet tal-esportazzjoni naqsux jew jekk kienx hemm moviment, jew moviment insuffiċjenti, fil-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid jew fil-prezzijiet tal-bejgħ sussegwenti fl-Unjoni tal-prodott investigat wara l-PIO (għal kull tip ta’ prodott), li jiġġustifika determinazzjoni mill-ġdid tal-marġni tad-dumping fit-tieni pass. Fir-rigward tal-ewwel pass, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-prezzijiet tal-esportazzjoni fil-PIA naqsux meta mqabbla mal-prezzijiet tal-esportazzjoni fil-PIO. Dan l-eżami twettaq għal kull tip ta’ prodott. Meta kkalkulat id-differenza fil-prezz għal kull tip ta’ prodott, il-Kummissjoni nnotat li, għal ħafna tipi ta’ prodotti, il-prezzijiet tal-esportazzjoni fil-fatt naqsu. Fuq dik il-bażi, diġà jista’ jiġi konkluż li l-prezzijiet naqsu skont it-tifsira tal-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku. Kif diġà ġie nnotat fil-premessa (41), il-prezz medju ponderat tal-esportazzjoni għall-Grupp ZTT naqas bi 13,2 %. Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(56)

Fil-kummenti tiegħu għad-divulgazzjoni finali addizzjonali, il-Grupp ZTT iddikjara li l-metodoloġija tal-prezz “CIF maħdum” użata mill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-bidla fil-prezz tal-esportazzjoni hija żbaljata billi għall-bejgħ li sar permezz tal-importatur relatat, il-Kummissjoni missha qabblet il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid tal-importatur relatat minflok il-prezz “CIF maħdum” kif allegatament meħtieġ mill-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku jew, fin-nuqqas ta’ dan, il-Kummissjoni missha użat marġni ta’ profitt aktar xieraq ta’ importatur tal-UE mhux relatat milli dak li użat biex taħdem il-prezz CIF.

(57)

Il-Kummissjoni injorat l-allegazzjonijiet li saru dwar l-użu mhux xieraq tal-prezzijiet CIF, billi dawn ġew ipprovduti barra mill-iskadenza stabbilita għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali. Barra minn hekk, ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni għaliex jenħtieġ li l-prezz tal-esportazzjoni ma jiġix aġġustat matul il-PIA, għall-kuntrarju tal-PIO. Fir-rigward tal-livell tal-profitt, il-Kummissjoni rreferiet għall-premessa (70), fejn din il-kwistjoni kienet diġà ġiet indirizzata. Ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza ġdida.

(58)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prezzijiet tal-esportazzjoni naqsu skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku.

3.2.   Dumping

3.2.1.   Prezz tal-esportazzjoni

(59)

Intużaw il-prezzijiet tal-esportazzjoni għall-PIA, miġbura u vverifikati jew kontroverifikati fil-qafas ta’ din l-investigazzjoni mill-ġdid, skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament bażiku.

(60)

Il-gruppi inklużi fil-kampjun ta’ produtturi esportaturi esportaw lejn l-Unjoni jew direttament lil konsumaturi indipendenti jew permezz ta’ kumpaniji relatati li jaġixxu bħala aġent, negozjant jew importatur.

(61)

Il-prezz tal-esportazzjoni għall-bejgħ magħmul direttament lil konsumaturi indipendenti fl-Unjoni u permezz ta’ kumpaniji kummerċjali kien il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-prodott investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

(62)

Il-prezz tal-esportazzjoni għall-bejgħ permezz tal-importaturi relatati ġie stabbilit abbażi tal-prezz li bih il-prodott importat reġa’ nbiegħ għall-ewwel darba lil konsumaturi indipendenti fl-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. F’dan il-każ, l-aġġustamenti tal-prezz saru għall-kostijiet kollha li ġġarrbu bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, inkluż il-bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi tal-importaturi relatati u profitt raġonevoli. L-importaturi relatati huma ZTT Europe GmbH għall-Grupp ZTT, u FiberHome International Poland Sp. z o.o., u FiberHome International Germany GmbH għall-Grupp FTT.

(63)

Fil-kummenti tiegħu għad-divulgazzjoni finali, il-Grupp ZTT iddikjara li meta kkalkula l-prezz tal-esportazzjoni, il-Kummissjoni għaddet doppju l-ispejjeż tal-pakkett għall-bejgħ ta’ ZTT li sar permezz ta’ ċerti kumpaniji relatati fil-PIA.

(64)

Din id-dikjarazzjoni nstabet li kienet ġustifikata u l-prezz tal-esportazzjoni ġie aġġustat skont dan.

(65)

Il-Grupp ZTT iddikjara wkoll li meta kkalkula l-prezz tal-esportazzjoni tal-bejgħ ta’ ZTT permezz ta’ waħda mill-kumpaniji relatati tagħha fil-PIA, il-Kummissjoni użat b’mod żbaljat bħala indikatur, kwota ta’ unità bbażata fuq id-data tal-PIO sabiex tistabbilixxi l-kwoti għall-bejgħ ta’ ZTT lil waħda mill-kumpaniji relatati tagħha. Il-Grupp ZTT argumenta li dan l-indikatur ma kienx preċiż billi kien relatat ma’ perjodu differenti mill-PIA u ġie kkalkolat abbażi ta’ tranżazzjoni waħda biss fil-PIO bi kwantità baxxa li ma kinitx rappreżentattiva. Il-Grupp ZTT issuġġerixxa li minflok jenħtieġ li l-Kummissjoni tuża l-kwota tal-unità bejn tnejn mill-kumpaniji relatati tagħha fil-PIA.

(66)

Din id-dikjarazzjoni nstabet li kienet ġustifikata u l-prezz tal-esportazzjoni ġie aġġustat skont dan.

(67)

Il-Grupp ZTT iddikjara wkoll li l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat normalment sar skont il-proġett u li kien hemm żmien meħtieġ relattivament twil bejn il-konklużjoni tan-negozjati dwar il-prezzijiet u l-konsenja tal-prodotti kollha koperti mill-proġetti. F’ċerti każijiet, b’mod partikolari meta l-bejgħ sar permezz ta’ proċess ta’ bejgħ speċifiku, il-prezzijiet tal-bejgħ ma setgħux jiġu modifikati aktar biex iqisu l-kost tat-trasport tal-merkanzija. Għaldaqstant, il-Grupp ZTT kellu jkopri l-kostijiet ogħla tat-trasport tal-merkanzija bil-baħar allegatament imġarrba fil-PIA meta mqabbel mal-PIO. Il-Grupp ZTT iddikjara wkoll li l-kostijiet eċċezzjonalment għoljin tat-trasport tal-merkanzija bil-baħar fil-PIA kellhom impatt sinifikanti fuq il-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni stabbilit fil-livell mill-fabbrika u li għalhekk, il-marġni għoli tad-dumping stabbilit matul il-PIA kien fil-biċċa l-kbira dovut għat-tnaqqis ta’ dawn il-kostijiet tat-trasport anormalment għoljin fil-PIA iżda ma kienx jirrifletti l-andament normali tal-kummerċ. B’riżultat ta’ dan, il-Grupp ZTT talab lill-Kummissjoni taġġusta ’l isfel dawn il-kostijiet b’mod proporzjonat maż-żieda tagħhom mill-PIO għall-PIA.

(68)

Il-Kummissjoni nnotat li ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza ta’ sostenn mill-Grupp ZTT rigward l-allegat żmien twil meħtieġ bejn il-konklużjoni tan-negozjati dwar il-prezzijiet u l-konsenja tal-prodotti kollha. Barra minn hekk, matul il-kontroverifiki mill-bogħod, il-kumpaniji fil-Grupp ZTT ikkonfermaw li ma bigħux il-kejbils fibrottiċi permezz tal-proċess ta’ bejgħ partikolari lil-Grupp ZTT irrefera għalih fid-dikjarazzjoni tiegħu. Dan il-fatt ġie rreġistrat fir-rapporti tal-missjonijiet li ġew divulgati lill-Grupp ZTT u l-Grupp ZTT ma indikax li din is-sejba fattwali kienet skorretta. Barra minn hekk, din id-dikjarazzjoni saret biss wara d-divulgazzjoni finali u l-Kummissjoni setgħet tivverifikaha biss abbażi tal-informazzjoni disponibbli fil-fajl li wriet li kien hemm intervall ta’ żmien bejn xahrejn u erba’ xhur biss bejn id-data tal-ordni tax-xiri u d-data tal-konsenja, li mhijiex eċċezzjonalment twila. Għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(69)

Barra minn hekk, il-Grupp ZTT iddikjara li l-marġni ta’ profitt tal-importatur mhux relatat imsemmi fil-premessa (62) ġie stabbilit fil-PIO u għaldaqstant ġie sopravalutat għall-PIA, meta jitqiesu l-kostijiet għoljin tat-trasport tal-merkanzija, ir-reċessjoni ekonomika f’nofs l-inflazzjoni għolja fl-Ewropa kif ukoll id-dazji anti-dumping fis-seħħ fil-PIA. Għaldaqstant, il-Grupp ZTT talab lill-Kummissjoni tistabbilixxi livell ta’ profitt raġonevoli ta’ importatur mhux relatat fil-PIA.

(70)

Il-Kummissjoni nnotat li l-Grupp ZTT ikkontradixxa lilu nnifsu fir-rigward tal-kostijiet tat-trasport tal-merkanzija. Minn naħa waħda, hija affermat li l-kostijiet għoljin tat-trasport tal-merkanzija fil-PIA ġġarrbu mill-Grupp ZTT kif spjegat fil-premessa (67), filwaqt li min-naħa l-oħra l-istess kostijiet għoljin tal-merkanzija affettwaw il-profittabbiltà ta’ importatur fl-Unjoni. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa (16), l-ebda importatur mhux relatat ma kkoopera fl-investigazzjoni. B’riżultat ta’ dan, ma kien hemm l-ebda informazzjoni rilevanti disponibbli għall-Kummissjoni speċifika għall-PIA. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-Grupp ZTT ma speċifikax x’kien il-livell ta’ marġni ta’ profitt raġonevoli ta’ importatur mhux relatat fil-PIA. Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(71)

Fil-kummenti tiegħu għad-divulgazzjoni finali, il-Grupp FTT iddikjara li meta kkalkula l-prezz tal-esportazzjoni għall-bejgħ dirett ta’ FiberHome Telecommunication Technologies Co., Ltd (“FTT”) u l-bejgħ ta’ Nanjing Wasin Fujikura Optical Communication Ltd. permezz ta’ FTT, il-Kummissjoni naqqset darbtejn it-tariffa tal-aġent ta’ Wuhan FiberHome International Technologies (“WFIT”).

(72)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din id-dikjarazzjoni. Kif ġie spjegat fid-divulgazzjoni kunfidenzjali speċifika għall-kumpanija lill-Grupp FTT, l-ammont tat-tariffa tal-aġent irrapportat taħt “kwoti oħra” tnaqqas mill-ammont totali tat-tariffa tal-aġent ikkalkulat abbażi tal-persentaġġi tat-tariffi tal-aġenti stipulati fil-ftehimiet tal-Aġenzija ma’ WFIT għall-2021 u l-2022. Din il-metodoloġija kienet viżibbli wkoll fil-fajls ta’ kalkolu speċifiċi għall-kumpanija pprovduti lill-Grupp FTT. Għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(73)

Il-Grupp FTT iddikjara wkoll li l-Kummissjoni naqqset darbtejn it-tariffa tal-merkanzija interna, darba bħala kwota fil-fajl tal-elenkar tat-tranżazzjonijiet u darba oħra fil-kalkolu tal-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi tal-FTT.

(74)

Il-Kummissjoni sabet li din id-dikjarazzjoni kienet ġustifikata u rrevediet il-prezz tal-esportazzjoni skont dan.

3.2.2.   Valur normali

(75)

Il-valur normali kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali jintuża għall-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping matul il-PIA, sakemm ma tintalabx reviżjoni tal-valur normali li tqis il-bidliet fil-PIA li hija sostanzjata skont l-Artikolu 12(5) tar-Regolament bażiku.

(76)

Fil-każ preżenti, il-gruppi inklużi fil-kampjun ta’ produtturi esportaturi ma talbux reviżjoni tal-valur normali. Għaldaqstant, il-valur normali stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali ntuża fil-kalkolazzjoni mill-ġdid tal-limiti tad-dumping.

(77)

Uħud mit-tipi ta’ prodotti mibjugħa mill-gruppi inklużi fil-kampjun ta’ produtturi esportaturi fil-PIA ma nbigħux minnhom fil-PIO. F’dan il-każ intuża l-valur normali għat-tipi ta’ prodotti l-aktar simili mibjugħa mill-produtturi rispettivi fl-investigazzjoni oriġinali.

(78)

Fil-kummenti tiegħu għad-divulgazzjoni finali, il-Grupp FTT sostna li l-Kummissjoni, meta identifikat tipi ta’ prodotti li jixxiebhu mill-qrib, qieset biss l-erba’ parametri tal-PCN, jiġifieri t-tip ta’ fibra ottika b’modalità waħda fil-kejbil, id-dijametru tal-fibra ottika miksija, l-għadd ta’ fibri fil-kejbil u l-għadd ta’ fibri għal kull modulu. FTT argumenta li fuq din il-bażi, diversi PCNs li jaqblu mill-qrib kienu jkunu disponibbli, u mhux wieħed biss, u li l-Kummissjoni missha użat il-valur normali medju tal-PCNs kollha li jaqblu mill-qrib. Fil-kummenti tiegħu għad-divulgazzjoni finali addizzjonali, il-Grupp FTT iddikjara wkoll li l-metodu magħżul mill-Kummissjoni biex tidentifika tipi ta’ prodotti li jixxiebhu mill-qrib kien inkonsistenti billi ċerti PCNs kienu jaqblu biss bi tnejn u mhux b’erba’ parametri tal-PCN.

(79)

Għall-kuntrarju tad-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni ma kkunsidratx biss erba’ parametri tal-PCN iżda qieset il-parametri kollha definiti fil-PCN. F’każ fejn kien hemm aktar minn PCN wieħed li jaqbel mill-qrib, il-Kummissjoni għażlet dak bl-inqas numru ta’ differenzi meta mqabbel mal-PCN oriġinali. Ngħataw aktar dettalji lill-Grupp FTT fid-divulgazzjoni speċifika tal-kumpanija billi kienet tinkludi informazzjoni kunfidenzjali. Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

3.2.3.   Tqabbil

(80)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika.

(81)

Fejn iġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat tqabbil ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet, f’konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti għat-trasport, l-assigurazzjoni, l-immaniġġjar u t-tagħbija, id-dazju doganali tal-UE, l-ispejjeż tal-ippakkjar, il-kost tal-kreditu, l-imposti bankarji u t-tariffa tal-aġent.

(82)

Sar aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) għall-bejgħ permezz tal-kumpanija kummerċjali relatata ma’ ZTT, ZTT International Limited. Saru wkoll aġġustamenti skont l-Artikolu 2(10)(i) fil-każ ta’ bejgħ ta’ prodotti manifatturati minn Zhongtian Power Optical Cable Co., Ltd li nbiegħu minn Jiangsu Zhongtian Technology Co., Ltd, u fil-każ ta’ bejgħ ta’ prodotti manifatturati minn Nanjing Wasin Fujikura Optical Communication Ltd li nbiegħu minn FiberHome Telecommunication Technologies Co., Ltd. Dawn l-aġġustamenti saru fl-investigazzjoni oriġinali u l-Kummissjoni sabet li l-kundizzjonijiet għal dawn l-aġġustamenti kienu preżenti fil-PIA.

(83)

L-aġġustamenti kienu jikkonsistu fl-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi tal-kumpaniji kummerċjali u profitt ta’ 10 % (kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali).

3.2.4.   Marġni tad-dumping

(84)

Sabiex jiġi stabbilit il-marġni tad-dumping għaż-żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw, il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat ta’ kull tip tal-prodott simili mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tat-tip tal-prodott investigat korrispondenti, fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, f’konformità mal-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(85)

Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni stabbiliet il-marġni tad-dumping fil-livell tal-marġni tad-dumping medju ponderat stabbilit tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, f’konformità mal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku.

(86)

Sabiex tistabbilixxi l-marġni għall-produtturi esportaturi l-oħra kollha fiċ-Ċina, il-Kummissjoni ddeterminat il-livell ta’ kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi, filwaqt li qieset il-volum tal-esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw lejn l-Unjoni u l-volum totali stmat tal-esportazzjoni miċ-Ċina.

(87)

Il-livell ta’ kooperazzjoni f’dan il-każ kien għoli. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset bħala xieraq li tibbaża l-marġni tad-dumping residwu fil-livell tal-kumpanija li kkooperat inkluża fil-kampjun bl-ogħla marġni tad-dumping.

(88)

Fuq din il-bażi, il-marġnijiet tad-dumping espressi bћala persentaġġ tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Isem il-kumpanija

Marġni tad-dumping fil-PIO

Marġni tad-dumping fil-PIA

Żieda fil-marġni tad-dumping

(punti perċentwali)

 

Grupp FTT:

FiberHome Telecommunication Technologies Co., Ltd.

Nanjing Wasin Fujikura Optical Communication Ltd.

44,0  %

116,6  %

72,6

 

Grupp ZTT:

Jiangsu Zhongtian Technology Co., Ltd.

Zhongtian Power Optical Cable Co., Ltd.

19,7  %

67,3  %

47,6

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

31,2  %

109,2  %

78,0

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

44,0  %

116,6  %

72,6

(89)

Kif jidher fit-tabella ta’ hawn fuq, fil-każijiet kollha l-marġni tad-dumping fil-PIA kien ogħla minn dak fil-PIO.

3.3.   Livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu

(90)

Sabiex jiġi determinat il-livell ta’ dazju anti-dumping applikabbli, il-Kummissjoni vverifikat jekk il-marġnijiet tad-dumping kinux għadhom taħt il-marġnijiet tad-dannu bbażati fuq il-prezzijiet tal-esportazzjoni fil-PIA.

(91)

Il-Kummissjoni ddeterminat il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu abbażi ta’ tqabbil tal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun stabbiliti fil-PIA mal-prezz medju ponderat mhux dannuż tal-prodott simili mibjugħ mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun fis-suq tal-Unjoni kif stabbilit matul il-PIO. Kwalunkwe differenza li tirriżulta minn dan it-tqabbil ġiet espressa bħala persentaġġ tal-valur CIF medju ponderat tal-importazzjonijiet.

(92)

Mhux it-tipi kollha ta’ prodotti mibjugħa mill-produtturi esportaturi li kkooperaw fil-PIA nbiegħu mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun fil-PIO. Biex tiżgura livell suffiċjenti ta’ komparabbiltà, kull fejn possibbli, il-Kummissjoni qabblet il-prezzijiet tat-tipi ta’ prodotti “mhux imqabbla” (dawk bl-ogħla kwantità ta’ importazzjoni fil-PIA) mal-prezzijiet mhux dannużi tat-tipi ta’ prodotti l-aktar simili mibjugħa mill-produtturi tal-Unjoni kif stabbilit matul il-PIO.

(93)

Il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu għal “kumpaniji oħrajn li kkooperaw” u għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha” huwa definit bl-istess mod bħall-marġni tad-dumping għal dawn il-kumpaniji.

(94)

Instabu l-marġnijiet tad-dannu li ġejjin:

Isem il-kumpanija

Livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu fil-PIA

Grupp FTT:

FiberHome Telecommunication Technologies Co., Ltd.

Nanjing Wasin Fujikura Optical Communication Ltd.

131,5  %

Grupp ZTT:

Jiangsu Zhongtian Technology Co., Ltd.

Zhongtian Power Optical Cable Co., Ltd.

99,1  %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

128,7  %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

131,5  %

4.   KONKLUŻJONI

(95)

Il-marġnijiet tad-dumping tal-gruppi ta’ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun ikkalkulati għall-PIA żdiedu meta mqabbel ma’ dawk stabbiliti fil-PIO.

(96)

Fl-investigazzjoni antisussidji (ara l-premessa (2)), il-Kummissjoni naqqset il-marġni tad-dumping li nstab fl-investigazzjoni oriġinali bl-ammont sħiħ ta’ sussidjar biex jiġi evitat “għadd doppju”, f’konformità mal-Artikolu 24(1) tar-Regolament antisussidji bażiku (8). Għaldaqstant, billi l-investigazzjoni antisussidji għadha mhux affettwata mill-investigazzjoni preżenti, ir-rata ta’ sussidjar stabbilita oriġinarjament trid titnaqqas mill-marġnijiet tad-dumping stabbiliti fil-PIA.

(97)

Il-marġnijiet tad-dumping fil-PIA, stabbiliti kif spjegat fil-premessa (96), huma aktar baxxi mil-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu stabbilit fil-PIA. Għaldaqstant, f’konformità mal-Artikolu 9(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament bażiku, il-marġnijiet tad-dumping il-ġodda jservu bħala l-bażi għad-dazji anti-dumping.

(98)

Ir-rata ta’ dazju anti-dumping riveduta ma tistax taqbeż id-doppju tal-ammont tad-dazju anti-dumping impost inizjalment, f’konformità mal-Artikolu 12(3) tar-Regolament bażiku.

(99)

Konsegwentement, ir-rati riveduti ta’ dazju anti-dumping applikabbli, qabel id-dazju, għall-prezz nett ħieles minn kull piż fil-fruntiera tal-Unjoni ikunu kif ġej:

Isem il-kumpanija

Marġni tad-dumping fil-PIA

Dazju kumpensatorju fil-PIO

Livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu fil-PIA

Dazju anti-dumping li jirriżulta mill-PIA

Dazju limitat bl-Art. 12 (3) RB (ara l-premessa (98))

Dazju anti-dumping rivedut

Grupp FTT:

 

FiberHome Telecommunication Technologies Co., Ltd.

 

Nanjing Wasin Fujikura Optical Communication Ltd.

 

Hubei Fiberhome Boxin Electronic Co., Ltd (9)

116,6  %

10,3  %

131,5  %

106,3  %

88,0  %

88,0  %

Il-Grupp ZTT:

 

Jiangsu Zhongtian Technology Co., Ltd.

 

Zhongtian Power Optical Cable Co., Ltd.

67,3  %

5,1  %

99,1  %

62,2  %

39,4  %

39,4  %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw kemm fl-investigazzjoni antisussidji kif ukoll fl-investigazzjoni anti-dumping

109,2  %

7,8  %

128,7  %

101,4  %

62,4  %

62,4  %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw fl-investigazzjoni anti-dumping, iżda mhux fl-investigazzjoni antisussidji

109,2  %

10,3  %

128,7  %

98,9  %

62,4  %

62,4  %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

116,6  %

10,3  %

131,5  %

106,3  %

88,0  %

88,0  %

(100)

Fil-kummenti tiegħu għad-divulgazzjoni finali, imtennija fil-kummenti għad-divulgazzjoni finali addizzjonali, il-Grupp ZTT iddikjara li billi jenħtieġ il r-rata tad-dazju anti-dumping riveduta ma taqbiżx id-doppju tal-ammont tad-dazju anti-dumping impost inizjalment u d-dazju anti-dumping inizjali impost fuq il-Grupp ZTT kien ta’ 14,6 %, jenħtieġ li r-rata tad-dazju anti-dumping riveduta għall-Grupp ZTT ma taqbiżx id-29,2 %. Għaldaqstant, ir-rata tad-dazju anti-dumping ma tistax tkun ta’ 39,4 % kif ikkalkulata mill-Kummissjoni.

(101)

Il-Kummissjoni nnotat li d-dazju anti-dumping inizjali impost fuq il-Grupp ZTT kien ta’ 19,7 % skont ir-Regolament oriġinali. Id-dazju anti-dumping ta’ 14,6 % li l-Grupp ZTT irrefera għalih fil-premessa (100), kien id-dazju anti-dumping wara l-impożizzjoni tad-dazju kumpensatorju li naqqas id-dazju anti-dumping fis-seħħ sabiex jiġi evitat l-għadd doppju kif spjegat fil-premessa (765) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/72 u fil-premessa (2) ta’ dan ir-Regolament. Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(102)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Ir-rati tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u prodott mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandhom ikunu kif ġej:

Kumpanija

Dazju anti-dumping definittiv

Kodiċi addizzjonali TARIC

Il-Grupp FTT:

 

FiberHome Telecommunication Technologies Co., Ltd.

 

Nanjing Wasin Fujikura Optical Communication Ltd.

 

Hubei Fiberhome Boxin Electronic Co., Ltd

88,0  %

C696

Il-Grupp ZTT:

 

Jiangsu Zhongtian Technology Co., Ltd.

 

Zhongtian Power Optical Cable Co., Ltd.

39,4  %

C697

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw kemm fl-investigazzjoni antisussidji kif ukoll fl-investigazzjoni anti-dumping elenkati fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/72

62,4  %

Ara l-Anness I

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw kemm fl-investigazzjoni anti-dumping iżda mhux fl-investigazzjoni antisussidji elenkati fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/72

62,4  %

Ara l-Anness II

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

88,0  %

C999”

(2)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Meta produttur esportatur ġdid mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jipprovdi biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni, l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2011 jista’ jiġi emendat billi jiżdied dak il-produttur esportatur il-ġdid mal-lista ta’ kumpaniji li kkooperaw li mhumiex inklużi fil-kampjun u, għalhekk, huma soġġetti għar-rata ta’ dazju medja ponderata xierqa ta’ anti-dumping, jiġifieri 62,4 %. Produttur esportatur ġdid għandu jipprovdi evidenza li huwa:

(a)

ma esportax il-prodotti deskritti fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2011 li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020);

(b)

mhuwiex relatat ma’ esportatur jew ma’ produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament; u

(c)

ikun effettivament esporta l-prodotti deskritti fl-Artikolu 1(1) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli li jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Awwissu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2011 tas-17 ta’ Novembru 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-kejbils fibrottiċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 410, 18.11.2021, p. 51).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/72 tat-18 ta’ Jannar 2022 li jimponi dazji kompensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ kejbils fibrottiċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2011 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ kejbils fibrottiċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 12, 19.1.2022, p. 34).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/469 tat-23 ta’ Marzu 2022 li jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/72 li jimponi dazji kompensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ kejbils fibrottiċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2011 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ kejbils fibrottiċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 96, 24.3.2022, p. 36).

(5)  In-Notifika ta’ ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni ta’ anti-dumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ kejbils fibrottiċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 467, 8.12.2022, p. 36).

(6)  Disponibbli hawnhekk: https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2642.

(7)  L-Avviż dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa ta’ COVID-19 fuq investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji (ĠU C 86, 16.3.2020, p. 6).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55).

(9)  Il-Grupp FTT ma esportax il-prodott investigat magħmul minn Hubei Fiberhome Boxin Electronic Co., Ltd lejn l-UE matul il-PIA iżda esportah matul il-PIO.


Top