Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1509

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1509 tal-20 ta’ Lulju 2023 li jidderoga fir-rigward tas-sena 2023 mill-Artikolu 75(1), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livell ta’ pagamenti bil-quddiem għall-miżuri għall-iżvilupp rurali relatati maż-żoni u mal-annimali

    C/2023/4817

    ĠU L 184, 21.7.2023, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1509/oj

    21.7.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 184/19


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1509

    tal-20 ta’ Lulju 2023

    li jidderoga fir-rigward tas-sena 2023 mill-Artikolu 75(1), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livell ta’ pagamenti bil-quddiem għall-miżuri għall-iżvilupp rurali relatati maż-żoni u mal-annimali

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 75(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 104(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(iv), tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Artikolu 75 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jibqa’ japplika fir-rigward tal-FAEŻR, b’rabta man-nefqa mġarrba mill-benefiċjarji u mal-pagamenti magħmula mill-aġenzija tal-pagamenti fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-iżvilupp rurali skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

    (2)

    Skont l-Artikolu 75(1), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-Istati Membri jistgħu jħallsu bil-quddiem sa 75 % għall-miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali relatati maż-żoni u mal-annimali skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

    (3)

    Il-pandemija tal-COVID-19, l-impatt tagħha fuq il-ktajjen tal-provvista tal-ikel, u ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-inputs agrikoli mill-ħarifa tal-2021 qed ipoġġu s-settur agrikolu taħt pressjoni. Barra minn hekk, l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja aggravat is-sitwazzjoni u kellha impatt negattiv ulterjuri fuq is-settur agrikolu. Il-prezzijiet tal-input, bħall-kostijiet tal-enerġija, tal-fertilizzanti u tal-għalf żdiedu b’mod sinifikanti fis-setturi agrikoli kollha.

    (4)

    B’riżultat ta’ dan, is-sehem tal-kostijiet tal-enerġija u tal-fertilizzanti fil-konsum intermedju totali kien żdied b’mod sinifikanti fl-2022, bl-akbar żieda osservata għall-farms tal-għelejjel tar-raba’ u tal-għelejjel permanenti, fiż-żewġ każijiet minħabba l-esponiment tagħhom għall-kostijiet tal-fertilizzanti. Il-prezzijiet tal-fertilizzanti għadhom f’livelli storikament għoljin ħafna. Id-data tissuġġerixxi li l-bdiewa rreaġixxew billi naqqsu l-użu tagħhom tal-fertilizzanti b’konsegwenzi negattivi, sa issa inċerti, fuq ir-rendimenti u l-kwalità tal-komoditajiet tal-ikel u tal-għalf.

    (5)

    Il-prezzijiet tal-inputs l-oħra għall-bdiewa u għall-operaturi tal-katina alimentari fl-Unjoni bħal pereżempju l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u t-trattamenti tas-saħħa tal-annimali, il-makkinarju u l-imballaġġ żdiedu f’konformità mal-inflazzjoni ġenerali.

    (6)

    Dan l-aħħar, il-prezzijiet għall-biċċa l-kbira tal-komoditajiet agrikoli bħaċ-ċereali, iż-żrieragħ żejtnin u l-prodotti tal-ħalib qed jonqsu b’mod sinifikanti. F’xi Stati Membri, is-sitwazzjoni saret partikolarment diffiċli peress li l-proporzjon bejn il-prezzijiet tal-input u l-prezzijiet tal-komoditajiet iddeterjora.

    (7)

    Dawn iċ-ċirkostanzi, minbarra l-avvenimenti meteoroloġiċi avversi reċenti f’ċerti reġjuni, bħan-nixfa estrema u l-għargħar, jistgħu jikkawżaw problemi ta’ likwidità għall-produtturi agrikoli. Sabiex dawn il-problemi ta’ likwidità jiġu indirizzati, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew iħallsu aktar pagamenti bil-quddiem fir-rigward tas-sena tat-talba 2023 għall-miżuri għall-iżvilupp rurali relatati maż-żoni u mal-annimali.

    (8)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli u tal-Kumitat dwar il-Politika Agrikola Komuni,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    B’deroga mill-Artikolu 75(1), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, fir-rigward tas-sena tat-talba 2023, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu pagamenti bil-quddiem sa 85 % għall-appoġġ mogħti fil-kuntest tal-iżvilupp rurali kif imsemmi fl-Artikolu 67(2) ta’ dak ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU L 435 6.12.2021, p. 187).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).


    Top