EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1321

Regolament (UE) 2023/1321 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2020/2170 fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ kwoti tariffarji tal-Unjoni u ta’ kwoti oħra tal-importazzjoni għal ċerti prodotti tal-azzar ittrasferiti lejn l-Irlanda ta’ Fuq

PE/18/2023/REV/1

ĠU L 166, 30.6.2023, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1321/oj

30.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 166/1


REGOLAMENT (UE) 2023/1321 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Ġunju 2023

li jemenda r-Regolament (UE) 2020/2170 fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ kwoti tariffarji tal-Unjoni u ta’ kwoti oħra tal-importazzjoni għal ċerti prodotti tal-azzar ittrasferiti lejn l-Irlanda ta’ Fuq

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2020/2170 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jipprevedi li l-merkanzija importata minn barra l-Unjoni għandha tkun eliġibbli għal trattament skont il-kwoti tariffarji tal-importazzjoni tal-Unjoni jew kwoti oħra tal-importazzjoni biss jekk dik il-merkanzija tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera fit-territorji elenkati fih. Din id-dispożizzjoni tindirizza r-riskji għall-funzjonament kif suppost tas-suq intern tal-Unjoni u għall-integrità tal-Politika Kummerċjali Komuni li jirriżultaw miċ-ċirkomvenzjoni possibbli tal-kwoti tariffarji tal-Unjoni jew ta’ kwoti oħra tal-importazzjoni. It-territorji stabbiliti fl-Artikolu 1 ta' dak ir-Regolament ma jinkludux l-Irlanda ta’ Fuq.

(2)

Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (3) bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”) jipprevedi l-ftuħ mill-Unjoni ta’ kwoti fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mir-Renju Unit. Barra minn hekk, il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjon jagħti lill-Unjoni d-dritt li tintroduċi kwoti tariffarji jew kwoti oħra tal-importazzjonifir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ merkanzija li toriġina mir-Renju Unit taħt ċerti ċirkostanzi, inkluż bħala parti mill-applikazzjoni tal-miżuri multilaterali ta’ salvagwardja f’konformità mal-Ftehim tad-WTO. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi ċċarat jekk il-merkanzija li toriġina mir-Renju Unit u rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Irlanda ta’ Fuq hijiex eliġibbli għal trattament skont dawk il-kwoti tariffarji jew kwoti oħra tal-importazzjoni.

(3)

Ir-Renju Unit huwa marbut bl-arranġamenti stipulati fil-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq (il-“Protokoll”) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (4) (il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”). Għalhekk, ir-relazzjoni legali bejn l-Unjoni u r-Renju Unit fir-rigward tal-merkanzija li toriġina mir-Renju Unit u rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Irlanda ta’ Fuq hija fundamentalment differenti minn dik bejn l-Unjoni u kwalunkwe pajjiż terz ieħor fir-rigward tal-merkanzija li toriġina f’tali pajjiż terz u rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Irlanda ta’ Fuq.

(4)

Ir-Renju Unit ipprovda evidenza li turi li ċerti prodotti tal-azzar li joriġinaw mir-Renju Unit li bħalissa huma soġġetti għall-miżuri ta’ salvagwardja skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 (5) (il-“prodotti kkonċernati”) ġew ittrasferiti fi kwantitajiet sinifikanti lejn l-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit. Sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà ekonomika ta’ dawk it-trasferimenti u fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi fl-Irlanda ta’ Fuq, huwa xieraq li l-prodotti kkonċernati jitħallew jibbenefikaw mill-kwoti tariffarji tal-Unjoni rilevanti meta jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Irlanda ta’ Fuq.

(5)

Sabiex jiġi limitat ir-riskju ta’ ċirkomvenzjoni tal-kwoti tariffarji tal-Unjoni applikabbli għall-prodotti kkonċernati mill-importazzjonijiet tal-istess prodotti li joriġinaw minn pajjiżi oħra, meta tali prodotti jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Irlanda ta’ Fuq, jenħtieġ li l-prodotti kkonċernati jiġu kkonsenjati direttament minn partijiet oħra tar-Renju Unit.

(6)

Barra minn hekk, ir-Renju Unit ħa impenn li jieħu l-miżuri neċessarji, f’konformità mal-Protokoll, biex jiżgura li t-trasferimenti tal-prodotti kkonċernati bl-użu tal-kwoti tariffarji tal-Unjoni jiġu kkalkolati ma’ dawn il-kwoti, malli tali prodotti jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Irlanda ta’ Fuq, daqslikieku dik il-merkanzija ġiet importata fl-Unjoni.

(7)

Peress li l-ħtieġa għall-importazzjoni fl-Irlanda ta’ Fuq tal-prodotti kkonċernati tista’ tvarja maż-żmien, jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea sabiex tiġi aġġustata l-lista tal-prodotti kkonċernati. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, anki fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (6) . B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċievuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(8)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2020/2170 jiġi emendat skont dan.

(9)

Bis-saħħa tal-Artikolu 5(3) u (4) tal-Protokoll, flimkien mal-Artikolu 13(3) tiegħu, dan ir-Regolament japplika wkoll għar-Renju Unit u fih fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

(10)

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil potenzjali fit-trasferimenti tal-prodotti kkonċernati minn partijiet oħra tar-Renju Unit lejn l-Irlanda ta’ Fuq, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2020/2170

Ir-Regolament (UE) 2020/2170 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, jinżdied it-tieni paragrafu li ġej:

“Il-merkanzija elenkata fl-Anness li toriġina mir-Renju Unit u li hija soġġetta għall-miżuri ta’ salvagwardja skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 (*1) li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq permezz ta’ trasport dirett minn partijiet oħra tar-Renju Unit għandha tkun eliġibbli wkoll għal trattament skont il-kwoti tariffarji tal-importazzjoni tal-Unjoni jekk dik il-merkanzija tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera fit-territorju tal-Irlanda ta’ Fuq.

(*1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 tal-31 ta’ Jannar 2019 li jimponi miżuri definittivi ta’ salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 31, 1.2.2019, p. 27).”;"

(2)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 1a

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 1b, li jemendaw dan ir-Regolament sabiex mal-lista stabbilita fl-Anness jiżdiedu ċerti kategoriji ta’ merkanzija li toriġina mir-Renju Unit u li hija soġġetta għall-miżuri ta’ salvagwardja skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159, li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq permezz ta’ trasport dirett minn partijiet oħra tar-Renju Unit dment li r-Renju Unit ikun ta prova sodisfaċenti lill-Unjoni tal-ħtieġa li dik il-merkanzija tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Irlanda ta’ Fuq.

Artikolu 1b

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 1a għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Lulju 2023. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 1a tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandha taffettwa l-validità ta’ ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (*2).

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 1a għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

(*2)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.”;"

(3)

it-test stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament jinżdied bħala Anness.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Ġunju 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

J. ROSWALL


(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Mejju 2023 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2023.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2020/2170 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar l-applikazzjoni ta’ kwoti tariffarji tal-Unjoni u ta’ kwoti oħra tal-importazzjoni (ĠU L 432, 21.12.2020, p. 1).

(3)  ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.

(4)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 tal-31 ta’ Jannar 2019 li jimponi miżuri definittivi ta’ salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 31, 1.2.2019, p. 27).

(6)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.


ANNESS

“ANNESS

Deskrizzjoni tal-kwota tariffarja

Kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda (NM) (1)

Il-kategorija 7 tal-azzar

7208 51 20 , 7208 51 91 , 7208 51 98 , 7208 52 91 , 7208 90 20 , 7208 90 80 , 7210 90 30 , 7225 40 12 , 7225 40 40 , 7225 40 60 , 7225 99 00

Il-kategorija 17 tal-azzar

7216 31 10 , 7216 31 90 , 7216 32 11 , 7216 32 19 , 7216 32 91 , 7216 32 99 , 7216 33 10 , 7216 33 90 .


(1)  Kif definit fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


Top