EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1184

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1184 tal-10 ta’ Frar 2023 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi metodoloġija tal-Unjoni li tistipula regoli dettaljati għall-produzzjoni ta’ karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika

C/2023/1087

ĠU L 157, 20.6.2023, p. 11–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/1184/oj

20.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 157/11


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1184

tal-10 ta’ Frar 2023

li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi metodoloġija tal-Unjoni li tistipula regoli dettaljati għall-produzzjoni ta’ karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 27(3), is-seba’ subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Il-karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika huma importanti biex jiżdied is-sehem tal-enerġija rinnovabbli f’setturi li huma mistennija li jiddependu fuq il-karburanti gassużi u likwidi għal żmien twil, bħas-settur marittimu u tal-avjazzjoni. Huwa meħtieġ li tiġi stabbilita metodoloġija tal-Unjoni li tistipula regoli dettaljati dwar l-elettriku użat għall-karburanti għat-trasport likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika sabiex dan jitqies bħala kompletament rinnovabbli. Għal dan il-għan u meta jitqiesu l-objettivi ambjentali globali fid-Direttiva (UE) 2018/2001, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ċari bbażati fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji. Fil-prinċipju, il-karburanti likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika li jiġu prodotti mill-elettriku jitqiesu bħala rinnovabbli biss meta l-elettriku jkun rinnovabbli. Dan l-elettriku rinnovabbli jista’ jiġi fornut minn installazzjoni li tkun imqabbda direttament mal-installazzjoni (tipikament elettrolizzatur) li tipproduċi karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika, jew jista’ jiġi direttament mill-grilja.

(2)

Il-kontenut tal-enerġija ta’ kważi l-karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi kollha ta’ oriġini mhux bijoloġika huwa bbażat fuq l-idroġenu rinnovabbli prodott permezz tal-elettroliżi. L-intensità tal-emissjonijiet tal-idroġenu prodott mill-elettriku bbażat fuq il-fossili hija sostanzjalment ogħla mill-intensità tal-emissjonijiet tal-idroġenu prodott mill-gass naturali fi proċessi konvenzjonali. Għalhekk huwa importanti li jiġi żgurat li d-domanda għall-elettriku għall-produzzjoni ta’ karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika tiġi ssodisfata mill-elettriku rinnovabbli. Wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, il-ħtieġa tal-Unjoni li ssir tranżizzjoni rapida għal enerġija nadifa u li titnaqqas id-dipendenza tagħha fuq l-importazzjonijiet tal-karburanti fossili saret saħansitra aktar ċara u qawwija. Il-Kummissjoni spjegat, fil-Komunikazzjoni REPowerEU (2), l-istrateġija tagħha li ssir indipendenti mill-karburanti fossili Russi ferm qabel tmiem dan id-deċennju. Il-karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika għandhom rwol importanti f’dan l-isforz kif ukoll biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-karburanti fossili b’mod ġenerali. Għalhekk, il-kriterji li għandhom jiġu stabbiliti huma importanti wkoll biex jiġi evitat li d-domanda għall-elettriku għall-produzzjoni tal-idroġenu meħtieġ għall-karburanti għat-trasport rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika twassal għal żieda fl-importazzjonijiet tal-karburanti fossili mir-Russja għall-produzzjoni tal-elettriku meħtieġ.

(3)

Ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw irrispettivament minn jekk il-karburant għat-trasport likwidu u gassuż ta’ oriġini mhux bijoloġika jiġix prodott ġewwa jew barra t-territorju tal-Unjoni. Meta ssir referenza għaż-żona tal-offerti u għall-perjodu ta’ saldu tal-iżbilanċ, kunċetti li jeżistu fl-Unjoni iżda mhux f’kull pajjiż ieħor, huwa xieraq li l-produtturi tal-karburanti f’pajjiżi terzi jitħallew jibbażaw fuq kunċetti ekwivalenti sakemm jinżamm l-objettiv ta’ dan ir-Regolament u d-dispożizzjoni tiġi implimentata abbażi tal-aktar kunċett simili eżistenti fil-pajjiż terz ikkonċernat. Fil-każ ta’ żoni tal-offerti, tali kunċett jista’ jkun regolamenti simili tas-suq, il-karatteristiċi fiżiċi tal-grilja tal-elettriku, b’mod partikolari l-livell ta’ interkonnessjoni jew bħala l-aħħar alternattiva għall-pajjiż.

(4)

In-natura bikrija tal-industrija tal-idroġenu, il-katina tal-valur tagħha u s-suq ifissru li l-ippjanar u l-kostruzzjoni ta’ installazzjonijiet li jiġġeneraw l-elettriku rinnovabbli kif ukoll ta’ installazzjonijiet li jipproduċu karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika spiss ikunu soġġetti għal dewmien sinifikanti fil-proċessi ta’ permessi u għal ostakli mhux mistennija oħrajn, minkejja li huma skedati li jibdew joperaw fl-istess ħin. Għalhekk huwa xieraq għar-raġuni tal-fattibbiltà prattika li jiġi kkunsidrat perjodu ta’ żmien sa 36 xahar meta jiġi ddeterminat jekk installazzjoni li tiġġenera l-elettriku rinnovabbli tkunx bdiet topera wara, jew fl-istess ħin bħal, l-installazzjoni li tipproduċi karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika. L-akkwist ta’ elettriku rinnovabbli għall-produzzjoni tal-karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika permezz ta’ konnessjoni diretta minn installazzjoni li tipproduċi elettriku rinnovabbli li ma hijiex konnessa mal-grilja juri li l-elettriku huwa prodott f’din l-installazzjoni. Madankollu, jekk l-installazzjoni li tipproduċi l-elettriku rinnovabbli u l-installazzjoni li tipproduċi l-idroġenu ma jkunux biss imqabbda direttament iżda jkunu wkoll imqabbda mal-grilja, jenħtieġ li tiġi pprovduta evidenza li l-elettriku użat għall-produzzjoni tal-idroġenu jiġi pprovdut permezz tal-konnessjoni diretta. L-installazzjoni li tipprovdi l-elettriku għall-ġenerazzjoni tal-idroġenu permezz ta’ konnessjoni diretta jenħtieġ li dejjem tipprovdi elettriku rinnovabbli. Jekk din tipprovdi elettriku mhux rinnovabbli, l-idroġenu li jirriżulta jenħtieġ li ma jitqisx bħala rinnovabbli.

(5)

Fiż-żoni tal-offerti fejn l-elettriku rinnovabbli diġà jirrappreżenta s-sehem dominanti, l-elettriku meħud mill-grilja jenħtieġ li jitqies bħala kompletament rinnovabbli dment li n-numru ta’ sigħat ta’ tagħbija sħiħa tal-produzzjoni ta’ karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika jiġi limitat għas-sehem tal-elettriku rinnovabbli fiż-żona tal-offerti u kwalunkwe produzzjoni li taqbeż dan is-sehem titqies bħala mhux rinnovabbli. Iż-żieda ta’ installazzjonijiet addizzjonali li jipproduċu l-elettriku rinnovabbli ma hijiex meħtieġa minħabba li jista’ jiġi preżunt b’mod raġonevoli li l-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli f’żona tal-offerti fejn is-sehem tal-enerġija rinnovabbli jaqbeż id-90 % tippermetti li jiġi ssodisfat il-kriterju ta’ ffrankar ta’ gassijiet serra ta’ 70 % stabbilit fl-Artikolu 25(2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u dan jista’ joħloq sfidi għat-tħaddim tas-sistema tal-elettriku.

(6)

Bl-istess mod, fiż-żoni tal-offerti fejn l-intensità tal-emissjonijiet tal-elettriku tkun inqas minn 18 gCO2eq/MJ, mhix meħtieġa ż-żieda ta’ aktar installazzjonijiet li jipproduċu l-elettriku rinnovabbli biex jinkiseb l-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ 70 % għall-idroġenu rinnovabbli. F’każijiet bħal dawn, jixraq li l-elettriku meħud mill-grilja jitqies bħala kompletament rinnovabbli dment li l-proprjetajiet rinnovabbli tal-elettriku jintwerew bi ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli u billi jiġu applikati kriterji għal korrelazzjoni temporali u ġeografika. In-nuqqas ta’ konformità ma’ dawn il-kundizzjonijiet u l-kriterji jevita li l-elettriku użat għall-produzzjoni ta’ karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi jitqies bħala kompletament rinnovabbli.

(7)

Jixraq ukoll li l-elettriku meħud mill-grilja jitqies bħala kompletament rinnovabbli f’mumenti meta l-produzzjoni ta’ karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika tappoġġa l-integrazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-elettriku u tnaqqas il-ħtieġa għal ridistribuzzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli.

(8)

Fil-każijiet l-oħrajn kollha, il-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli jenħtieġ li tinċentiva l-użu ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli ġdida u sseħħ fi żminijiet u f’postijiet fejn l-elettriku rinnovabbli jkun disponibbli (korrelazzjoni temporali u ġeografika) biex jiġu evitati inċentivi għal ġenerazzjoni tal-elettriku bbażata aktar fuq il-fossili. Minħabba li l-ippjanar u l-kostruzzjoni ta’ installazzjonijiet li jiġġeneraw l-elettriku rinnovabbli spiss ikunu soġġetti għal dewmien sinifikanti fil-proċessi tal-permessi, huwa xieraq li installazzjoni li tiġġenera l-elettriku rinnovabbli titqies bħala ġdida jekk tkun bdiet topera mhux aktar kmieni minn 36 xahar qabel l-installazzjoni li tipproduċi karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika.

(9)

Il-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija huma għodda xierqa għall-inċentivar tal-użu ta’ kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli ġdida dment li l-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli l-ġdida ma tirċevix appoġġ finanzjarju peress li l-idroġenu rinnovabbli diġà jkun qed jiġi appoġġat bl-eliġibbiltà tiegħu għall-obbligu fuq il-fornituri tal-karburanti stabbilit fl-Artikolu 25 tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Inkella, il-produtturi tal-karburanti jistgħu jipproduċu wkoll l-ammont ta’ elettriku rinnovabbli meħtieġ għall-produzzjoni ta’ karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika fil-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli tagħhom stess. Il-kanċellazzjoni tal-ftehim dwar ix-xiri tal-enerġija jenħtieġ li ma tkunx ta’ detriment għall-possibbiltà li l-installazzjoni li tipproduċi elettriku rinnovabbli tibqa’ titqies bħala installazzjoni ġdida meta tkun koperta minn ftehim ġdid dwar ix-xiri tal-enerġija. Barra minn hekk, kwalunkwe estensjoni tal-installazzjoni li tipproduċi idroġenu rinnovabbli li żżid il-kapaċità tal-ġenerazzjoni tagħha tista’ titqies li bdiet topera fl-istess żmien bħall-installazzjoni oriġinali. Dan jevita l-ħtieġa potenzjali li jiġu konklużi ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija ma’ installazzjonijiet differenti kull darba li jkun hemm estensjoni, u b’hekk jitnaqqas il-piż amministrattiv. L-appoġġ finanzjarju li jitħallas lura jew l-appoġġ finanzjarju għall-konnessjonijiet tal-art jew tal-grilja għall-faċilità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli jenħtieġ li ma jitqisx bħala għajnuna operatorja jew għajnuna għall-investiment.

(10)

Minħabba n-natura li tvarja ta’ xi sorsi ta’ enerġija rinnovabbli inklużi l-enerġija mir-riħ u l-enerġija solari, kif ukoll il-konġestjoni tal-grilja tal-elettriku, l-elettriku rinnovabbli jista’ ma jkunx disponibbli b’mod kostanti għall-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli. Għalhekk huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli li jiżguraw li l-idroġenu rinnovabbli jiġi prodott fi żminijiet u f’postijiet fejn ikun disponibbli l-elettriku rinnovabbli.

(11)

Sabiex jintwera li l-idroġenu rinnovabbli jiġi prodott meta jkun disponibbli l-elettriku rinnovabbli, il-produtturi tal-idroġenu jenħtieġ li juru li l-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli sseħħ fl-istess xahar kalendarju bħall-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli, li l-elettrolizzatur juża elettriku rinnovabbli maħżun, jew li l-elettrolizzatur juża l-elettriku f’ħinijiet meta l-prezzijiet tal-elettriku jkunu tant baxxi li l-ġenerazzjoni tal-elettriku bbażata fuq il-fossili ma tkunx ekonomikament vijabbli u, għalhekk, domanda addizzjonali għall-elettriku tiskatta aktar produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli u ma twassalx għal żieda fil-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-fossili. Il-kriterju għas-sinkronizzazzjoni jenħtieġ li jsir aktar strett meta s-swieq, l-infrastrutturi u t-teknoloġiji li jippermettu aġġustament rapidu tal-produzzjoni tal-idroġenu u s-sinkronizzazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u tal-produzzjoni tal-idroġenu jsiru disponibbli.

(12)

Iż-żoni tal-offerti huma ddisinjati b’tali mod li jevitaw il-konġestjoni tal-grilja fiż-żona. Sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda konġestjoni fil-grilja tal-elettriku bejn l-elettrolizzatur li jipproduċi l-idroġenu rinnovabbli u l-installazzjoni li tiġġenera l-elettriku rinnovabbli, huwa xieraq li jkun jenħtieġ li ż-żewġ installazzjonijiet ikunu jinsabu fl-istess żona tal-offerti. Meta jkunu jinsabu f’żoni tal-offerti interkonnessi, il-prezz tal-elettriku fiż-żona tal-offerti fejn tinsab l-installazzjoni li tiġġenera l-elettriku rinnovabbli jenħtieġ li jkun daqs jew ogħla minn dak fiż-żona tal-offerti fejn jiġu prodotti l-karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika sabiex jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-konġestjoni; jew l-installazzjoni li tiġġenera l-elettriku rinnovabbli skont il-ftehim dwar ix-xiri tal-enerġija jenħtieġ li tkun tinsab f’żona tal-offerti offshore interkonnessa maż-żona tal-offerti fejn jinsab l-elettrolizzatur.

(13)

Sabiex jiġu indirizzati l-ispeċifiċitajiet nazzjonali taż-żoni tal-offerti tagħhom u sabiex jiġi appoġġat l-ippjanar integrat tan-networks tal-elettriku u tal-idroġenu, l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jistabbilixxu kriterji addizzjonali dwar il-post fejn jitqiegħdu l-elettrolizzaturi fiż-żoni tal-offerti.

(14)

Il-produtturi tal-karburanti jistgħu jikkombinaw għażliet differenti għall-għadd tal-elettriku li jintuża għall-produzzjoni ta’ karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika b’mod flessibbli dment li tiġi applikata għażla waħda biss għal kull unità ta’ input tal-elettriku. Sabiex jiġi vverifikat jekk ir-regoli ġewx segwiti b’mod korrett, huwa xieraq li l-fornituri tal-karburanti jintalbu jiddokumentaw bir-reqqa liema għażliet ġew applikati għall-akkwist tal-elettriku rinnovabbli li jintuża għall-produzzjoni ta’ karburanti tat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika. L-iskemi volontarji u l-iskemi nazzjonali huma mistennija li jkollhom rwol importanti fl-implimentazzjoni u fiċ-ċertifikazzjoni tar-regoli f’pajjiżi terzi, peress li l-Istati Membri huma meħtieġa jaċċettaw l-evidenza miksuba minn skemi volontarji rikonoxxuti.

(15)

L-Artikoli 7 u 19 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jipprovdu biżżejjed assigurazzjonijiet li l-karatteristiċi rinnovabbli tal-elettriku użat għall-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli jiġu ddikjarati darba biss u biss f’settur ta’ użu aħħari wieħed. L-Artikolu 7 ta’ dik id-Direttiva jiżgura li, meta jiġi kkalkolat is-sehem globali ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija, il-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi tat-trasport ta’ oriġini mhux bijoloġika ma jitqisux minħabba li l-elettriku rinnovabbli użat biex jiġu prodotti diġà jkun ġie kkunsidrat. L-Artikolu 19 ta’ dik id-Direttiva jenħtieġ li jevita li kemm il-produttur tal-elettriku rinnovabbli kif ukoll il-produttur tal-karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika prodotti minn dak l-elettriku jkunu jistgħu jirċievu garanziji tal-oriġini billi jiżguraw li l-garanziji tal-oriġini maħruġa lill-produttur tal-elettriku rinnovabbli jiġu kkanċellati.

(16)

L-implimentazzjoni ta’ korrelazzjoni temporali hija mxekkla fuq medda qasira ta’ żmien minn ostakli teknoloġiċi biex jitkejjel it-tqabbil fis-siegħa, l-implikazzjonijiet ta’ sfida għad-disinji tal-elettrolizzaturi, kif ukoll in-nuqqas ta’ infrastruttura tal-idroġenu li tippermetti l-ħżin u t-trasport tal-idroġenu rinnovabbli lill-utenti finali li jeħtieġu provvista kostanti tal-idroġenu. Sabiex tkun tista’ tiżdied il-produzzjoni ta’ karburanti rinnovabbli tat-trasport likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika, il-kriterji dwar il-korrelazzjoni temporali għalhekk jenħtieġ li jkunu aktar flessibbli fil-fażi inizjali, u jippermettu lill-atturi tas-suq jistabbilixxu s-soluzzjonijiet teknoloġiċi meħtieġa.

(17)

Minħabba ż-żmien meħtieġ għall-ippjanar u l-kostruzzjoni ta’ installazzjonijiet li jiġġeneraw elettriku rinnovabbli u n-nuqqas ta’ installazzjonijiet ġodda li jiġġeneraw elettriku rinnovabbli li ma jirċevux appoġġ, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5, il-punti (a) u (b) ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw biss aktar ’il quddiem.

(18)

Id-dipendenza fuq il-karburanti fossili għall-ġenerazzjoni tal-elettriku jenħtieġ li tonqos maż-żmien bl-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u s-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli jenħtieġ li jiżdied. Jenħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib dan l-iżvilupp u tivvaluta l-impatt tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, b’mod partikolari t-tisħiħ gradwali tar-rekwiżiti dwar il-korrelazzjoni temporali fir-rigward tal-kostijiet tal-produzzjoni, l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u s-sistema tal-enerġija u tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2028.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistipula regoli dettaljati biex jiġi ddeterminat meta l-elettriku użat għall-produzzjoni tal-karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika jista’ jitqies bħala kompletament rinnovabbli. Dawn ir-regoli għandhom japplikaw għall-produzzjoni tal-karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika permezz tal-elettroliżi u b’mod analogu għal mogħdijiet ta’ produzzjoni inqas komuni.

Għandhom japplikaw irrispettivament minn jekk il-karburant għat-trasport likwidu u gassuż ta’ oriġini mhux bijoloġika jiġix prodott ġewwa jew barra t-territorju tal-Unjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“żona tal-offerti” tfisser żona tal-offerti kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (65), tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għall-Istati Membri, jew kunċett ekwivalenti għall-pajjiżi terzi;

(2)

“linja diretta” tfisser linja diretta kif iddefinita fl-Artikolu 2, il-punt (41), tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4);

(3)

“installazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli” tfisser unitajiet individwali, jew gruppi ta’ unitajiet, li jiġġeneraw l-elettriku f’post wieħed jew aktar mill-istess sorsi rinnovabbli jew minn sorsi rinnovabbli differenti, kif iddefiniti fl-Artikolu 2, il-punt (1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, minbarra unitajiet li jipproduċu l-elettriku minn unitajiet ta’ bijomassa u ħażna;

(4)

“produttur tal-karburant” tfisser operatur ekonomiku li jipproduċi karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika;

(5)

“tibda topera” tfisser il-bidu tal-produzzjoni ta’ karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika jew ta’ elettriku rinnovabbli għall-ewwel darba jew wara tiġdid (repowering) kif definit skont l-Artikolu 2, il-punt (10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 li jirrikjedi investimenti li jaqbżu t-30 % tal-investiment li jkun meħtieġ biex tinbena installazzjoni ġdida simili;

(6)

“sistema ta’ kejl intelliġenti” tfisser sistema ta’ kejl intelliġenti kif iddefinita fl-Artikolu 2, il-punt (23), tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(7)

“perjodu ta’ saldu tal-iżbilanċ” tfisser perjodu ta’ saldu tal-iżbilanċ kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (15) tar-Regolament (UE) 2019/943 fi ħdan l-Unjoni, jew kunċett ekwivalenti għall-pajjiżi terzi.

Artikolu 3

Regoli għall-għadd tal-elettriku miksub minn konnessjoni diretta ma’ installazzjoni li tiġġenera l-elettriku rinnovabbli bħala kompletament rinnovabbli

Għall-fini tal-wiri tal-konformità mal-kriterji stabbiliti fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 27(3) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 għall-għadd tal-elettriku miksub minn konnessjoni diretta ma’ installazzjoni li tiġġenera l-elettriku rinnovabbli bħala kompletament rinnovabbli, il-produttur tal-karburant għandu jipprovdi evidenza dwar dan li ġej:

(a)

l-installazzjonijiet li jiġġeneraw l-elettriku rinnovabbli huma mqabbda mal-installazzjoni li tipproduċi karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika permezz ta’ linja diretta, jew il-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli u l-produzzjoni ta’ karburanti għat-trasport likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika jseħħu fl-istess installazzjoni;

(b)

l-installazzjonijiet li jiġġeneraw l-elettriku rinnovabbli bdew joperaw mhux aktar kmieni minn 36 xahar qabel l-installazzjoni li tipproduċi l-karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika; meta tiżdied kapaċità ta’ produzzjoni addizzjonali ma’ installazzjoni eżistenti li tipproduċi karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika, il-kapaċità miżjuda għandha titqies bħala parti mill-installazzjoni eżistenti, sakemm il-kapaċità tiżdied fl-istess sit u ż-żieda sseħħ mhux aktar tard minn 36 xahar wara li l-installazzjoni inizjali tkun bdiet topera;

(c)

l-installazzjoni li tiġġenera l-elettriku ma hijiex imqabbda mal-grilja, jew l-installazzjoni li tiġġenera l-elettriku hija mqabbda mal-grilja iżda sistema ta’ kejl intelliġenti li tkejjel il-flussi kollha tal-elettriku mill-grilja turi li ma ttieħed l-ebda elettriku mill-grilja biex jiġu prodotti karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika.

Jekk il-produttur tal-karburant juża wkoll l-elettriku mill-grilja, dan jista’ jgħoddu bħala kompletament rinnovabbli jekk jikkonforma mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 4.

Artikolu 4

Regoli ġenerali għall-għadd tal-elettriku meħud mill-grilja bħala kompletament rinnovabbli

1.   Il-produtturi tal-karburanti jistgħu jgħoddu l-elettriku meħud mill-grilja bħala kompletament rinnovabbli jekk l-installazzjoni li tipproduċi l-karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika tkun tinsab f’żona tal-offerti fejn il-proporzjon medju tal-elettriku rinnovabbli kien jaqbeż id-90 % fis-sena kalendarja preċedenti u l-produzzjoni tal-karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika ma taqbiżx għadd massimu ta’ sigħat stabbilit fir-rigward tal-proporzjon ta’ elettriku rinnovabbli fiż-żona tal-offerti.

Dan l-għadd massimu ta’ sigħat għandu jiġi kkalkolat billi l-għadd totali ta’ sigħat f’kull sena kalendarja jiġi mmultiplikat bis-sehem tal-elettriku rinnovabbli rrapportat għaż-żona tal-offerti fejn jiġi prodott il-karburant għat-trasport rinnovabbli likwidu u gassuż ta’ oriġini mhux bijoloġika. Is-sehem medju tal-elettriku rinnovabbli għandu jiġi ddeterminat billi l-konsum finali gross tal-elettriku mis-sorsi rinnovabbli fiż-żona tal-offerti jiġi diviż mutatis mutandis skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 bil-produzzjoni grossa tal-elettriku mis-sorsi kollha tal-enerġija, kif iddefinit fl-Anness B tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), ħlief mill-ilma li qabel kien ippumpjat ’il fuq, flimkien mal-importazzjonijiet u bit-tnaqqis tal-esportazzjonijiet tal-elettriku lejn iż-żona tal-offerti. Ladarba s-sehem medju tal-elettriku rinnovabbli jaqbeż id-90 % f’sena kalendarja, dan għandu jkompli jitqies bħala ogħla minn 90 % għall-ħames snin kalendarji sussegwenti.

2.   Meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma jiġux issodisfati, il-produtturi tal-karburanti jistgħu jgħoddu l-elettriku meħud mill-grilja bħala kompletament rinnovabbli jekk l-installazzjoni li tipproduċi l-karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika tkun tinsab f’żona tal-offerti fejn l-intensità tal-emissjonijiet tal-elettriku tkun inqas minn 18 gCO2eq/MJ, dment li jiġu ssodisfati l-kriterji li ġejjin:

(a)

il-produtturi tal-karburant ikunu kkonkludew direttament, jew permezz ta’ intermedjarji, ftehim wieħed jew aktar ta’ xiri tal-enerġija rinnovabbli ma’ operaturi ekonomiċi li jiġġeneraw l-elettriku rinnovabbli f’installazzjoni waħda jew aktar li tiġġenera l-elettriku rinnovabbli għal ammont li jkun mill-inqas ekwivalenti għall-ammont ta’ elettriku ddikjarat bħala kompletament rinnovabbli u l-elettriku ddikjarat jiġi ġġenerat b’mod effettiv f’din l-installazzjoni jew f’dawn l-installazzjonijiet;

(b)

jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet dwar il-korrelazzjoni temporali u ġeografika f’konformità mal-Artikoli 6 u 7.

L-intensità tal-emissjonijiet tal-elettriku għandha tiġi ddeterminata abbażi tal-approċċ applikat biex tiġi kkalkolata l-intensità medja tal-karbonju tal-elettriku mill-grilja fil-metodoloġija għad-determinazzjoni tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra minn karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u minn karburanti tal-karbonju riċiklat stabbilita fl-att delegat adottat skont l-Artikolu 28(5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, abbażi tal-aħħar data disponibbli.

Ladarba l-intensità tal-emissjonijiet tal-elettriku tkun iktar baxxa minn 18 gCO2eq/MJ f’sena kalendarja, l-intensità medja tal-emissjonijiet tal-elettriku għandha tkompli titqies bħala iktar baxxa minn 18 CO2eq/MJ għall-ħames snin kalendarji sussegwenti.

3.   L-elettriku meħud mill-grilja li jintuża għall-produzzjoni ta’ karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika jista’ jingħadd ukoll bħala kompletament rinnovabbli jekk l-elettriku użat għall-produzzjoni ta’ karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika jiġi kkunsmat matul perjodu ta’ saldu tal-iżbilanċ li matulu, il-produttur tal-karburant jista’ juri, abbażi ta’ evidenza mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni nazzjonali, li:

(a)

l-installazzjonijiet li jiġġeneraw l-enerġija li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ġew ridistribwiti ’l isfel f’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2019/943;

(b)

l-elettriku kkunsmat għall-produzzjoni ta’ karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika naqqas il-ħtieġa għal ridistribuzzjoni b’ammont korrispondenti.

4.   Meta l-kundizzjonijiet fil-paragrafi 1, 2 u 3 ma jiġux issodisfati, il-produtturi tal-karburanti jistgħu jgħoddu l-elettriku meħud mill-grilja bħala kompletament rinnovabbli jekk jikkonforma mal-kundizzjonijiet dwar l-addizzjonalità, il-korrelazzjoni temporali u l-korrelazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikoli 5, 6 u 7.

Artikolu 5

Addizzjonalità

Il-kundizzjoni tal-addizzjonalità msemmija fl-Artikolu 4(4), l-ewwel subparagrafu, għandha titqies li ġiet irrispettata jekk il-produtturi tal-karburant jipproduċu, fl-installazzjonijiet tagħhom stess, ammont ta’ elettriku rinnovabbli li jkun mill-inqas ekwivalenti għall-ammont ta’ elettriku ddikjarat bħala kompletament rinnovabbli, jew jekk ikunu kkonkludew direttament, jew permezz ta’ intermedjarji, ftehim wieħed jew aktar ta’ xiri tal-enerġija rinnovabbli ma’ operaturi ekonomiċi li jipproduċu l-elettriku rinnovabbli f’installazzjoni waħda jew aktar li tiġġenera ammont ta’ elettriku rinnovabbli li jkun mill-inqas ekwivalenti għall-ammont ta’ elettriku ddikjarat bħala kompletament rinnovabbli u l-elettriku ddikjarat jiġi ġġenerat b’mod effettiv f’din l-installazzjoni jew f’dawn l-installazzjonijiet, dment li jiġu ssodisfati l-kriterji li ġejjin:

(a)

L-installazzjoni li tiġġenera l-elettriku rinnovabbli bdiet topera mhux aktar kmieni minn 36 xahar qabel l-installazzjoni li tipproduċi l-karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika.

Meta installazzjoni li tiġġenera l-elettriku rinnovabbli tkun ikkonformat mar-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu skont ftehim ta’ xiri tal-enerġija rinnovabbli ma’ produttur tal-karburant li jkun intemm, għandha titqies li bdiet topera fl-istess mument bħall-installazzjoni li tipproduċi l-karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika skont ftehim ġdid dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli.

Meta tiżdied kapaċità ta’ produzzjoni addizzjonali ma’ installazzjoni eżistenti li tipproduċi karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika, il-kapaċità miżjuda għandha titqies li bdiet topera fl-istess mument bħall-installazzjoni inizjali, sakemm il-kapaċità tiżdied fl-istess sit u ż-żieda sseħħ mhux aktar tard minn 36 xahar wara li l-installazzjoni inizjali tkun bdiet topera.

(b)

L-installazzjoni li tiġġenera l-elettriku rinnovabbli ma tkunx irċeviet appoġġ fil-forma ta’ għajnuna operatorja jew ta’ għajnuna għall-investiment, minbarra appoġġ riċevut mill-installazzjonijiet qabel ir-repowering tagħhom, appoġġ finanzjarju għall-konnessjonijiet tal-art jew tal-grilja, appoġġ li ma jikkostitwix appoġġ nett, bħal appoġġ li jitħallas lura kompletament u appoġġ għall-installazzjonijiet li jiġġeneraw elettriku rinnovabbli li jkunu qed jipprovdu l-elettriku għal installazzjonijiet li jipproduċu karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika użat għar-riċerka, l-ittestjar u d-dimostrazzjoni.

Artikolu 6

Korrelazzjoni temporali

Sal-31 ta’ Diċembru 2029, il-kundizzjoni ta’ korrelazzjoni temporali msemmija fl-Artikolu 4(2), u (4), għandha titqies li tkun ġiet irrispettata jekk il-karburant għat-trasport rinnovabbli likwidu u gassuż ta’ oriġini mhux bijoloġika jiġi prodott matul l-istess xahar kalendarju bħall-elettriku rinnovabbli prodott skont il-ftehim ta’ xiri tal-enerġija rinnovabbli jew minn elettriku rinnovabbli minn assi ta’ ħażna ġdid li jkun jinsab wara l-istess punt ta’ konnessjoni tan-network bħall-elettrolizzatur jew l-installazzjoni li tiġġenera l-elettriku rinnovabbli, li għalih ikun ġie impost il-ħlas matul l-istess xahar kalendarju li fih ġie prodott l-elettriku skont il-ftehim ta’ xiri tal-enerġija rinnovabbli.

Mill-1 ta’ Jannar 2030, il-kundizzjoni ta’ korrelazzjoni temporali għandha titqies li tkun ġiet irrispettata jekk il-karburant tat-trasport likwidu u gassuż rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika jiġi prodott matul l-istess perjodu ta’ siegħa bħall-elettriku rinnovabbli prodott skont il-ftehim ta’ xiri tal-enerġija rinnovabbli jew minn elettriku rinnovabbli minn assi ta’ ħażna ġdid li jkun jinsab wara l-istess punt ta’ konnessjoni tan-network bħall-elettrolizzatur jew l-installazzjoni li tiġġenera l-elettriku rinnovabbli, li għalih ikun ġie impost il-ħlas matul l-istess perjodu ta’ siegħa li fih ġie prodott l-elettriku skont il-ftehim ta’ xiri tal-enerġija rinnovabbli. Wara notifika lill-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu japplikaw ir-regoli stabbiliti f’dan il-paragrafu mill-1 ta’ Lulju 2027 għall-karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika prodott fit-territorju tagħhom.

Il-kundizzjoni ta’ korrelazzjoni temporali għandha dejjem titqies li tkun ġiet irrispettata jekk il-karburant għat-trasport rinnovabbli likwidu u gassuż ta’ oriġini mhux bijoloġika jiġi prodott matul perjodu ta’ siegħa, fejn il-prezz tal-ikklerjar tal-elettriku li jirriżulta mill-akkoppjament tas-suq ta’ ġurnata bil-quddiem fiż-żona tal-offerti, kif imsemmi fl-Artikolu 39(2), il-punt (a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 (6), ikun ekwivalenti għal EUR 20 għal kull MWh jew inqas, jew inqas minn 0,36 drabi l-prezz ta’ kwota ta’ emissjoni ta’ tunnellata waħda ta’ ekwivalenti tad-diossidu tal-karbonju matul il-perjodu rilevanti sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

Artikolu 7

Korrelazzjoni ġeografika

1.   Il-kundizzjoni ta’ korrelazzjoni ġeografika msemmija fl-Artikolu 4(2) u (4) għandha titqies li ġiet irrispettata jekk mill-inqas wieħed mill-kriterji li ġejjin relatati mal-post tal-elettrolizzatur jiġi ssodisfat:

(a)

l-installazzjoni li tiġġenera l-elettriku rinnovabbli skont il-ftehim dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli tinsab, jew kienet tinsab fiż-żmien meta bdiet topera, fl-istess żona tal-offerti bħall-elettrolizzatur;

(b)

l-installazzjoni li tiġġenera l-elettriku rinnovabbli tkun tinsab f’żona tal-offerti interkonnessa, inkluż fi Stat Membru ieħor, u l-prezzijiet tal-elettriku fil-perjodu ta’ żmien rilevanti fis-suq ta’ ġurnata bil-quddiem imsemmi fl-Artikolu 6 fiż-żona tal-offerti interkonnessa huma daqs jew ogħla minn dawk fiż-żona tal-offerti fejn jiġi prodott il-karburant għat-trasport rinnovabbli likwidu u gassuż ta’ oriġini mhux bijoloġika;

(c)

l-installazzjoni li tiġġenera l-elettriku rinnovabbli skont il-ftehim dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli tinsab f’żona tal-offerti offshore li hija interkonnessa maż-żona tal-offerti fejn jinsab l-elettrolizzatur.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament (UE) 2019/943, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu kriterji addizzjonali dwar il-post tal-elettrolizzaturi u l-installazzjoni li tiġġenera l-elettriku rinnovabbli għall-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1, sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà taż-żidiet fil-kapaċità mal-ippjanar nazzjonali tal-grilja tal-idroġenu u tal-elettriku. Kwalunkwe kriterju addizzjonali ma għandu jkollu l-ebda impatt negattiv fuq il-funzjonament tas-suq intern tal-elettriku.

Artikolu 8

Regoli komuni

Il-produtturi tal-karburanti għandhom jipprovdu informazzjoni affidabbli li turi li r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 7 huma ssodisfati, inkluż għal kull siegħa kif rilevanti:

(a)

l-ammont ta’ elettriku użat għall-produzzjoni ta’ karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika, speċifikament kif ġej:

(i)

l-ammont ta’ elettriku miksub mill-grilja li ma jgħoddx bħala kompletament rinnovabbli kif ukoll il-proporzjon ta’ elettriku rinnovabbli;

(ii)

l-ammont ta’ elettriku li jgħodd bħala kompletament rinnovabbli minħabba li jkun inkiseb minn konnessjoni diretta ma’ installazzjoni li tiġġenera elettriku rinnovabbli kif stabbilit fl-Artikolu 3;

(iii)

l-ammont ta’ elettriku miksub mill-grilja li jgħodd bħala kompletament rinnovabbli f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(1);

(iv)

l-ammont ta’ elettriku li jgħodd bħala kompletament rinnovabbli f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(2);

(v)

l-ammont ta’ elettriku li jgħodd bħala kompletament rinnovabbli f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(3);

(vi)

l-ammont ta’ elettriku li jgħodd bħala kompletament rinnovabbli f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(4);

(b)

l-ammont ta’ elettriku rinnovabbli ġġenerat mill-installazzjonijiet li jiġġeneraw l-elettriku rinnovabbli, irrispettivament minn jekk humiex direttament imqabbda ma’ elettrolizzatur u irrispettivament minn jekk l-elettriku rinnovabbli jintużax għall-produzzjoni tal-karburant għat-trasport rinnovabbli likwidu u gassuż ta’ oriġini mhux bijoloġika jew għal skopijiet oħra;

(c)

l-ammonti ta’ karburant għat-trasport rinnovabbli u mhux rinnovabbli, likwidu u gassuż ta’ oriġini mhux bijoloġika prodott mill-produttur tal-karburant.

Artikolu 9

Ċertifikat ta’ konformità

Irrispettivament minn jekk il-karburant għat-trasport rinnovabbli likwidu u gassuż ta’ oriġini mhux bijoloġika jiġix prodott fit-territorju tal-Unjoni jew barra minnu, il-produtturi tal-karburanti jistgħu jagħmlu użu minn skemi volontarji nazzjonali jew internazzjonali rikonoxxuti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 biex juru l-konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 7 ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mal-Artikolu 8, kif ikun rilevanti.

Meta produttur tal-karburanti jipprovdi evidenza jew data miksuba f’konformità ma’ skema li kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 30(4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, sa fejn tali deċiżjoni tkopri l-wiri tal-konformità tal-iskema mal-Artikolu 27(3), il-ħames u s-sitt subparagrafi ta’ dik id-Direttiva, Stat Membru ma għandux jirrikjedi li l-fornituri ta’ karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika jipprovdu aktar evidenza tal-konformità mal-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Rappurtar

Sal-1 ta’ Lulju 2028, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fejn tivvaluta l-impatt tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, inkluż l-impatt tal-korrelazzjoni temporali fuq il-kostijiet tal-produzzjoni, l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u s-sistema tal-enerġija.

Artikolu 11

Fażi tranżizzjonali

L-Artikolu 5, il-punti (a) u (b) ma għandhomx japplikaw qabel l-1 ta’ Jannar 2038 għall-installazzjonijiet li jipproduċu karburant għat-trasport rinnovabbli likwidu u gassuż ta’ oriġini mhux bijoloġika li jibdew joperaw qabel l-1 ta’ Jannar 2028. Din l-eżenzjoni ma għandhiex tapplika għall-kapaċità miżjuda wara l-1 ta’ Jannar 2028 għall-produzzjoni ta’ karburant għat-trasport rinnovabbli likwidu u gassuż ta’ oriġini mhux bijoloġika.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Frar 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82.

(2)  COM(2022) 108 final.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 54).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125).

(5)  Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija (ĠU L 304, 14.11.2008, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal-24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi linji gwida dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni (ĠU L 197, 25.7.2015, p. 24).

(7)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).


Top