EUR-Lex Baza aktów prawnych Unii Europejskiej

Powrót na stronę główną portalu EUR-Lex

Ten dokument pochodzi ze strony internetowej EUR-Lex

Dokument 32023R1153

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1153 tat-12 ta’ Ġunju 2023 li jemenda l-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 rigward l-entrati għaċ-Ċina fil-lista ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ ċerti annimali ekwini (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2023/3727

ĠU L 152, 13.6.2023, str. 7—10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status prawny dokumentu Obowiązujące

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1153/oj

13.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 152/7


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1153

tat-12 ta’ Ġunju 2023

li jemenda l-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 rigward l-entrati għaċ-Ċina fil-lista ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ ċerti annimali ekwini

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“il-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 230(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 fost l-oħrajn jistipula r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodott ta’ oriġini mill-annimali, u japplika mill-21 ta’ April 2021. Wieħed minn dawk ir-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali hu li dawk il-konsenji jridu jkunu ġejjin minn pajjiż terz jew territorju, żona jew kompartiment tiegħu, elenkat f’konformità mal-Artikolu 230(1) ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 (2) jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 rigward ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ ċerti speċijiet u kategoriji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali minn pajjiżi terzi jew mit-territorji, miż-żoni, jew mill-kompartimenti tagħhom. Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/692 jipprevedi li konsenji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jistgħu jingħataw permess jidħlu fl-Unjoni biss jekk jiġu minn pajjiż terz jew mit-territorju, minn żona jew minn kompartiment tiegħu li jkun elenkat għall-ispeċijiet u l-kategoriji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali partikolari, f’konformità mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali stabbiliti f’dak ir-Regolament Delegat.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 (3) jistabbilixxi l-listi tal-pajjiżi terzi jew it-territorji, iż-żoni jew il-kompartimenti tagħhom, li minnhom huwa permess li jidħlu fl-Unjoni dawk l-ispeċijiet u l-kategoriji ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692. Il-listi u ċerti regoli ġenerali li jikkonċernaw il-listi huma stabbiliti fl-Annessi I sa XXII ta’ dak ir-Regolament Delegat.

(4)

L-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali ekwini.

(5)

Sabiex tospita l-avvenimenti ekwestri tad-19-il Logħob Asjatiku, iċ-Ċina talbet ir-rikonoxximent ta’ żona ħielsa mill-mard tal-ekwini stabbilita fiċ-Ċentru Ekwestru ta’ Tonglu fil-parti tal-belt ta’ Yaolin fil-parti tal-Majjistral tal-Kontea ta’ Tonglu, id-Distrett ta’ Fuyang, il-Muniċipalità ta’ Hangzhou, il-Provinċja ta’ Zhejiang fiċ-Ċina, konnessa mal-Ajruport Internazzjonali ta’ Hangzhou Xiaoshan. Għadd ta’ żwiemel irreġistrati li joriġinaw mill-Unjoni se jieħdu sehem fid-19-il Logħob Asjatiku.

(6)

Fid-dawl tan-natura temporanja ta’ dawk l-avvenimenti ekwestri, jixraq li tiġi prevista approvazzjoni temporanja biss ta’ dik iż-żona ħielsa mill-mard tal-ekwini mill-15 ta’ Settembru 2023 sat-13 ta’ Novembru 2023 biex jingħata biżżejjed żmien biex iż-żwiemel irreġistrati li joriġinaw mill-Unjoni jidħlu u joħorġu minn dik iż-żona.

(7)

Iċ-Ċina pprovdiet il-garanziji, b’mod partikolari fir-rigward tan-notifikabbiltà fil-pajjiż tal-mard elenkat imsemmi fil-punt 1 tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692 rilevanti għall-annimali ekwini, u garanziji rigward il-konformità jew l-ekwivalenza mar-rekwiżiti rilevanti tas-saħħa tal-annimali li japplikaw fl-Unjoni. Barra minn hekk, iċ-Ċina infurmat lill-Kummissjoni li l-grupp kollu ta’ żwiemel irreġistrati li joriġinaw mill-Unjoni u li se jikkompetu f’dawk l-avvenimenti, se jinżammu separati mill-ekwidi kollha li mhumiex tal-istess oriġini u status ta’ saħħa.

(8)

Fl-istess ħin, l-awtodikjarazzjoni miċ-Ċina tal-istabbiliment ta’ żona ħielsa mill-mard tal-ekwini għad-19-il Logħob Asjatiku ġiet ippubblikata fil-paġna web tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (4).

(9)

Fid-dawl ta’ dawk il-garanziji u tal-informazzjoni li pprovdiet iċ-Ċina, jenħtieġ li jkun permess għal perjodu limitat id-dħul mill-ġdid ta’ żwiemel irreġistrati minn żona ddeżinjata bħala ħielsa mill-mard tal-ekwini f’dak il-pajjiż terz wara l-esportazzjoni temporanja, f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692, li jkunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimali maħruġ f’konformità ma’ mudell stabbilit fil-Kapitoli 16 u 17 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/403 (5). Jenħtieġ li dan il-perjodu jkun limitat għal massimu ta’ 60 jum f’konformità mal-punt II.3.2, it-tieni għażla, tal-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali stabbilit fil-Kapitolu 17 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/403.

(10)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jiġi emendat skont dan.

(11)

Billi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 japplika mill-21 ta’ April 2021, fl-interess taċ-ċertezza ġuridika, u għall-faċilitazzjoni tan-negozju, jenħtieġ li l-emendi li jridu jsiru fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 b’dan ir-Regolament isiru effettivi b’urġenza.

(12)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ġunju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali skont ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 114, 31.3.2021, p. 1).

(4)  https://www.woah.org/en/what-we-offer/self-declared-disease-status/

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/403 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) 2016/429 u (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali u l-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali, għad-dħul fl-Unjoni u l-movimenti bejn l-Istati Membri ta’ kunsinni ta’ ċerti kategoriji ta’ annimali terrestri u tal-prodotti ġerminali tagħhom, iċ-ċertifikazzjoni uffiċjali fir-rigward ta’ tali ċertifikati u li jħassar id-Deċiżjoni 2010/470/UE (ĠU L 113, 31.3.2021, p. 1).


ANNESS

L-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-Parti 1, fl-entrata għaċ-Ċina, wara ż-żona CN-2 tiżdied iż-żona CN-3 li ġejja:

CN

Iċ-Ċina

CN-3

G

Żwiemel reġistrati

EQUI-RE-ENTRY-30

EQUI-RE-ENTRY-90-COMP

 

 

13.11.2023

15.9.2023”

(2)

fil-Parti 2, fl-entrata għaċ-Ċina, tiżdied id-deskrizzjoni taż-żona CN-3 wara dik taż-żona CN-2:

“Iċ-Ċina

CN-3

Iż-żona stabbilita li hi ħielsa mill-mard ekwin għad-19-il Logħob Asjatiku fil-parti tal-belt ta’ Yaolin fit-Tramuntana tax-Xmara Fenshui fil-parti tal-Majjistral tal-Kontea ta’ Tonglu, id-Distrett ta’ Fuyang, il-Muniċipalità ta’ Hangzhou, il-Provinċja ta’ Zhejiang, u li tinkludi l-Passaġġ tal-Awtostrada tal-Bijosigurtà (ara d-dettalji hawn taħt):

Iż-żona ċentrali:

L-erja ta’ 1 300  km2 fil-parti tal-Majjistral tal-Kontea ta’ Tonglu li tinkludi ċ-Ċentru Ekwestru ta’ Tonglu (29°54′40.66″N, 119°°32’15.33“E) fil-parti tal-belt ta’ Yaolin fit-Tramuntana tax-Xmara Fenshui (li tferragħ fix-Xmara Fuchun) bid-delimitazzjoni li ġejja:

Il-konfini tal-Punent:

Il-Kontea ta’ Chun’an,

Il-konfini tat-Tramuntana:

Id-distrett ta’ Lin’an,

Il-konfini tal-Lvant:

Id-distrett ta’ Fuyang,

Il-konfini tax-Xlokk:

Ix-xmara Fuchun fil-Belt ta’ Fuchunjiang, Triq in-Nofsinhar fil-Kontea ta’ Tonglu, Triq Fengchuan,

Il-konfini tal-Lbiċ:

Il-belt ta’ Jiande.

Żona ta’ protezzjoni:

L-erja ta’ 12 300 km2 madwar iż-żona ċentrali, bid-delimitazzjoni li ġejja:

id-distretti ta’ Fuyang u Lin’an fit-Tramuntana u l-Kontea ta’ Chun’an u l-Belt ta’ Jiande fin-Nofsinhar;

il-parti tal-Kontea ta’ Tonglu fil-Lvant tax-Xmara Fuchun, li tinkludi s-sottodistretti ta’ Chengnan u Fengchuan, il-Belt ta’ Jiangnan, it-territorju tal-Belt ta’ Xinhe, u l-parti tal-Belt ta’ Fuchunjiang fil-Lvant tax-Xmara Fuchun.

Il-Passaġġ tal-Awtostrada tal-Bijosigurtà:

In-netwerk tal-awtostradi li jgħaqqad iż-żona ħielsa mill-mard tal-ekwini mal-Ajruport Internazzjonali ta’ Hangzhou Xiaoshan (inklużi l-awtostrada li tagħti għall-Ajruport, l-Awtostrada Ċirkolari ta’ Hangzhou Bay, l-Awtostrada ta’ Shanghai-Kunming, l-Awtostrada ta’ Caihong, l-Awtostrada G25 ta’ Hangzhou Xinjing) u ż-żoni għal distanza ta’ 1 km fuq iż-żewġ naħat ta’ dawk l-awtostradi.”


Góra