Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0969

    Regolament (UE) 2023/969 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi pjattaforma ta’ kollaborazzjoni sabiex tappoġġa l-funzjonament tal-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunti u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726

    PE/73/2022/REV/1

    ĠU L 132, 17.5.2023, p. 1–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/969/oj

    17.5.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 132/1


    REGOLAMENT (UE) 2023/969 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-10 ta’ Mejju 2023

    li jistabbilixxi pjattaforma ta’ kollaborazzjoni sabiex tappoġġa l-funzjonament tal-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunti u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 82(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (d), tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    L-Unjoni stabbiliet għaliha nnifisha l-objettiv li toffri liċ-ċittadini tagħha żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu tal-persuni huwa żgurat. Fl-istess ħin, l-Unjoni jenħtieġ li tiżgura li dik iż-żona tibqa’ post sikur. Dak l-objettiv jista’ jintlaħaq biss permezz ta’ kooperazzjoni aktar effettiva, koordinata tal-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi internazzjonali u nazzjonali u permezz ta’ miżuri xierqa għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, inkluż il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu.

    (2)

    L-ilħuq ta’ dak il-għan huwa partikularment ta’ sfida f’sitwazzjonijiet fejn il-kriminalità tieħu dimensjoni transfruntiera fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri u/jew pajjiżi terzi jew aktar. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, jeħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jgħaqqdu l-forzi u l-operazzjonijiet tagħhom sabiex jippermettu investigazzjonijiet transfruntiera u prosekuzzjonijiet effettivi u effiċjenti, li għalihom l-iskambju ta’ informazzjoni u evidenza huwa kruċjali. Waħda mill-aktar għodod ta’ suċċess għal kooperazzjoni transfruntiera bħal din hija l-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunta (“SIK”) li jippermettu kooperazzjoni u komunikazzjoni diretti bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi ta’ żewġ Stati Membri jew aktar u possibbilment pajjiżi terzi sabiex ikunu jistgħu jorganizzaw l-azzjonijiet u l-investigazzjonijiet tagħhom bl-aktar mod effiċjenti. Is-SIK huma stabbiliti għal skop speċifiku u perjodu limitat mill-awtoritajiet kompetenti ta’ żewġ Stati Membri jew aktar u possibbilment pajjiżi terzi, sabiex iwettqu investigazzjonijiet kriminali b’mod konġunt b’impatt transfruntier b’mod konġunt.

    (3)

    Is-SIK urew li huma strumentali fit-titjib tal-kollaborazzjoni ġudizzjarja fir-rigward tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ delitti transfruntiera, bħaċ-ċiberkriminalità, it-terroriżmu, u l-kriminalità serja u organizzata, billi jnaqqsu l-proċeduri u l-formalitajiet li jieħdu ħafna ħin bejn il-membri tas-SIK. L-użu akbar tas-SIK tejjeb bl-istess mod il-kultura tal-kooperazzjoni transfruntiera f’materji kriminali bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Unjoni.

    (4)

    L-acquis tal-Unjoni jipprevedi żewġ oqfsa legali sabiex jiġu stabbiliti SIK bil-parteċipazzjoni ta’ mill-inqas żewġ Stati Membri: L-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni stabbilita mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (2) u d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/ĠAI (3). Il-pajjiżi terzi jistgħu jkunu involuti fis-SIK bħala Partijiet fejn hemm bażi ġuridika għal tali involviment, bħall-Artikolu 20 tat-Tieni Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali, iffirmata Strasburgu fit-8 ta’ Novembru 2001 (4) u l-Artikolu 5 tal-Ftehim dwar l-assistenza legali reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka (5).

    (5)

    L-awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali għandhom rwol kruċjali fl-investigazzjoni u fil-prosekuzzjoni ta’ delitti internazzjonali. Ir-rappreżentanti tagħhom jistgħu jipparteċipaw f’SIK partikolari fuq stedina tal-membri tas-SIK abbażi tal-ftehim rilevanti li jwaqqaf SIK (“ftehim dwar is-SIK”). Għalhekk, jenħtieġ li jiġi ffaċilitat ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni u l-evidenza bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u kwalunkwe qorti, tribunal jew mekkaniżmu ieħor li għandu l-għan li jindirizza delitti serji ta’ tħassib għall-komunità internazzjonali kollha kemm hi, b’mod partikolari l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI). Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprovdi aċċess għal pjattaforma tat-Teknoloġija tal-Informatika (IT) (“pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK”) lir-rappreżentanti ta’ tali awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali fir-rigward tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ delitti internazzjonali.

    (6)

    Hemm ħtieġa urġenti għal pjattaforma ta’ kollaborazzjoni għas-SIK biex jikkomunikaw b’mod effiċjenti u jiskambjaw informazzjoni u evidenza b’mod sikur sabiex jiġi żgurat li dawk responsabbli għall-aktar delitti serji jkunu jistgħu jinżammu responsabbli malajr. Din il-ħtieġa hija ssottolinjata mill-mandat emendat tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) stabbilit bir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), li ġie emendat bir-Regolament (UE) 2022/838 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), li jippermetti lill- Eurojust tippreserva, tanalizza, u taħżen evidenza relatata mal-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità, id-delitti tal-gwerra u reati kriminali relatati u jippermetti l-iskambju ta’ evidenza relatata mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali, b’mod partikolari l-QKI.

    (7)

    L-oqfsa legali eżistenti fil-livell tal-Unjoni ma jistabbilixxux kif l-entitajiet li jipparteċipaw f’SIK għandhom jiskambjaw l-informazzjoni u jikkomunikaw. Dawk l-entitajiet jilħqu ftehim dwar tali skambju u komunikazzjoni abbażi tal-ħtiġijiet u l-mezzi disponibbli. Il-veloċità, il-kooperazzjoni u l-effiċjenza huma kruċjali fil-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera li kulma jmur qed issir aktar kumplessa u li qed tevolvi b’pass mgħaġġel.. Madankollu, attwalment m’hemm l-ebda sistema li tappoġġa l-ġestjoni tas-SIK, li tippermetti aktar tiftix u reġistrazzjoni effiċjenti tal-evidenza, u s-sigurtà tad-data skambjata bejn dawk involuti f’SIK. Hemm nuqqas evidenti ta’ kanali sikuri u effettivi apposta li għalihom dawk kollha involuti fis-SIK jistgħu jirrikorru u li permezz tiegħu jkunu jistgħu jiskambjaw minnufih volumi kbar ta’ informazzjoni u evidenza jew jippermettu komunikazzjoni sigura u effettiva. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda sistema li tappoġġa l-ġestjoni tas-SIK, inkluż it-traċċabbiltà tal-evidenza skambjata fost dawk involuti f’SIK b’mod li jkun konformi mar-rekwiżiti legali quddiem il-qrati nazzjonali, jew l-ippjanar u l-koordinazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ SIK.

    (8)

    Fid-dawl tal-possibiltajiet dejjem jiżdiedu ta’ infiltrazzjoni tal-kriminalità fis-sistemi tal-IT, is-sitwazzjoni attwali tista’ tfixkel l-effettività u l-effiċjenza tal-investigazzjonijiet transfruntieri, kif ukoll tipperikola u tnaqqas ir-ritmu ta’ tali investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet minħabba l-iskambju mhux sikur u mhux diġitali tal-informazzjoni u l-evidenza, u b’hekk tagħmilhom ukoll aktar għaljin. L-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi b’mod partikolari jeħtieġ li jiżguraw li s-sistemi tagħhom ikunu kemm jista’ jkun moderni u sikuri u li l-membri kollha tas-SIK ikunu jistgħu jikkonnettjaw u jinteraġixxu faċilment, indipendentement mis-sistemi nazzjonali tagħhom.

    (9)

    Huwa importanti li l-kooperazzjoni tas-SIK tittejjeb u tiġi appoġġata minn għodod moderni tal-IT. Il-ħeffa u l-effiċjenza tal-iskambji bejn dawk involuti f’SIK jistgħu jittejbu b’mod konsiderevoli bil-ħolqien ta’ pjattaforma apposta tal-IT sabiex tappoġġa l-funzjonament tas-SIK. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jistabbilixxu pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK fil-livell tal-Unjoni sabiex tgħin lil dawk involuti f’SIK biex jikkollaboraw, jikkomunikaw b’mod sigur u jiskambjaw informazzjoni u evidenza.

    (10)

    Jenħtieġ li l-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK tintuża biss meta jkun hemm, fost oħrajn, -bażi legali tal-Unjoni għat-twaqqif ta’ SIK. Għas-SIK kollha mwaqqfa biss fuq bażijiet legali internazzjonali, il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK ma għandhiex tintuża, billi din hija ffinanzjata mill-baġit tal-Unjoni u żviluppata abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Madankollu, meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz ikunu Parti għal ftehim dwar SIK li jkollu bażi legali tal-Unjoni kif ukoll waħda internazzjonali, ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dak il-pajjiż terz jenħtieġ li jitqiesu bħala membri tas-SIK.

    (11)

    Jenħtieġ li l-użu tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK ikun fuq bażi volontarja. Madankollu, fid-dawl tal-valur miżjud tagħha għal investigazzjonijiet transfruntieri, l-użu tagħha huwa mħeġġeġ bil-qawwa. Jenħtieġ li l-użu jew in-nuqqas ta’ użu tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK ma jippreġudikax jew jaffettwa l-legalità ta’ forom oħra ta’ komunikazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni, u lanqas ma jbiddel il-mod kif is-SIK jiġu stabbiliti, organizzati jew kif jiffunzjonaw. Jenħtieġ li l-istabbiliment tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK ma jkollux impatt fuq il-bażijiet legali sottostanti għat-twaqqif tas-SIK u lanqas ma għandu jaffettwa l-leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali applikabbli fir-rigward tal-ġbir u l-użu tal-evidenza miksuba. Jenħtieġ li uffiċjali minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra, bħad-dwana, fejn dawn ikunu membri ta’ SIK imwaqqfa skont id-Deċiżjoni Qafas 2002/465/ĠAI, ikun jista’ jkollhom aċċess għall-ispazji ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. Jenħtieġ li l-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK tipprovdi biss għodda tal-IT sigura sabiex ittejjeb il-kooperazzjoni, taċċellera l-fluss ta’ informazzjoni bejn l-utenti tagħha, u żżid is-sigurtà tad-data skambjata u l-effettività tas-SIK.

    (12)

    Jenħtieġ li l-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK tkopri l-fażijiet operazzjonali u postoperazzjonali tas-SIK, mill-mument li l-ftehim rilevanti dwar is-SIK jiġi ffirmat sakemm tintemm l-evalwazzjoni tas-SIK. Minħabba l-fatt li l-atturi li jipparteċipaw fil-proċess tat-twaqqif ta’ SIK huma differenti mill-atturi li huma membri ta’ SIK ladarba titwaqqaf, jenħtieġ li l-proċess tat-twaqqif ta’ SIK, speċjalment in-negozjar tal-kontenut u l-iffirmar tal-ftehim dwar is-SIK ma jkunx ġestit permezz tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. Madankollu, minħabba l-ħtieġa għal għodda elettronika sabiex tappoġġa l-proċess ta’ ffirmar ta’ SIK, huwa importanti li l-Kummissjoni tikkunsidra li tkopri dak il-proċess mis-Sistema ta’ Skambju Diġitali ta’ Evidenza Elettronika (eEDES), li hija portal onlajn sikur għal talbiet u risposti elettroniċi żviluppat mill-Kummissjoni.

    (13)

    Għal kull SIK li tuża l-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, jenħtieġ li l-membri tas-SIK ikunu mħeġġa jwettqu evalwazzjoni tas-SIK, matul il-fażi operazzjonali tas-SIK jew wara l-għeluq tagħha, bl-użu tal-għodod previsti mill-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.

    (14)

    Ftehim dwar is-SIK, li jinkludi kwalunkwe appendiċi, jenħtieġ li jkun prerekwiżit għall-użu tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. Jenħtieġ li l-kontenut tal-ftehimiet futuri kollha dwar is-SIK jiġi adattat sabiex iqis id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament.

    (15)

    In-network ta’ esperti nazzjonali dwar is--SIK, li ġie ffurmat fl-2005 (“Network tas-SIK”) żviluppa mudell ta’ ftehim li jinkludi appendiċijiet, sabiex jiffaċilita t-twaqqif ta’ SIK. Jenħtieġ li l-kontenut tal-mudell ta’ ftehim u l-appendiċijiet tiegħu jiġu adattati biex iqisu d-deċiżjoni li tintuża l-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK u r-regoli għall-aċċess għall-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.

    (16)

    Minn perspettiva operazzjonali, jenħtieġ li l-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK tkun magħmula minn spazji iżolati ta’ kollaborazzjoni tas-SIK maħluqa għal kull SIK individwali ospitata mill-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.

    (17)

    Minn perspettiva teknika, jenħtieġ li l-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK tkun aċċessibbli permezz ta’ konnessjoni sigura fuq l-Internet u jenħtieġ li tkun magħmula minn sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata, aċċessibbli permezz ta’ portal web sikur, software ta’ komunikazzjoni għal apparati mobbli u desktop, inkluż mekkaniżmu avvanzat ta’ reġistrazzjoni u ta’ ttrekkjar u konnessjoni bejn is-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata u l-għodod tal-IT rilevanti li jappoġġaw il-funzjonament tas-SIK u li jkunu ġestiti mis-Segretarjat tan-Network tas-SIK.

    (18)

    Jenħtieġ li għan tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK ikun li tiffaċilita l-koordinazzjoni u l-ġestjoni ta’ SIK. Il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni ta’ SIK jenħtieġ li tiżgura l-iskambju u l-ħżin temporanju ta’ informazzjoni u evidenza operazzjonali, tipprovdi komunikazzjoni sigura, tipprovdi traċċabbiltà tal-evidenza u tappoġġa l-proċess tal-evalwazzjoni ta’ SIK. Jenħtieġ li l-dawk kollha involuti f’SIK jiġu mħeġġa jużaw il-funzjonalitajiet kollha tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK u jissostitwixxu sa fejn hu possibbli l-kanali ta’ komunikazzjoni u ta’ skambju ta’ data li huma attwalment użati ma’ dawk tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.

    (19)

    Il-koordinazzjoni u l-iskambju ta’ data bejn l-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja li jkunu involuti fil-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-membri tas-SIK huma kruċjali biex jiġi żgurat rispons koordinat tal-Unjoni għall-attivitajiet kriminali u biex jingħata appoġġ kruċjali lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-kriminalità. Jenħtieġ li l-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK tikkomplementa l-għodod eżistenti li jippermettu l-iskambju sigur ta’ data fost l-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi, bħall-Applikazzjoni ta’ Network għall-Iskambju Sikur ta’ Informazzjoni (SIENA) ġestit mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (“Europol”) stabbilita bir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

    (20)

    Jenħtieġ li l-funzjonalitajiet relatati mal-komunikazzjoni tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK jiġu pprovduti minn software tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku li jippermetti li komunikazzjoni mhux traċċabbli tinħażen lokalment fuq l-apparati tal-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.

    (21)

    Jenħtieġ li tiġi żgurata funzjonalità xierqa li tippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni u evidenza operazzjonali, inkluż fajls kbar, permezz ta’ mekkaniżmu ta’ upload/download imfassal sabiex jaħżen id-data ċentralment biss għall-perjodu ta’ żmien limitat meħtieġ għat-trasferiment tekniku tad-data. Hekk kif id-data titniżżel mill-indirizzi kollha, din jenħtieġ li titħassar awtomatikament u b’mod permanenti mill-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.

    (22)

    Minħabba l-esperjenza tagħha fil-ġestjoni ta’ sistemi fuq skala kbira fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) jenħtieġ li tiġi fdata bil-kompitu li tfassal, tiżviluppa u topera l-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK bl-użu tal-funzjonalitajiet eżistenti tas-SIENA u funzjonalitajiet oħra fil-Europol sabiex jiġu żgurati l-komplementarjetà u fejn ikun xieraq, il-konnettività. Għalhekk, il-mandat tal-eu-LISA jenħtieġ li jiġi emendat sabiex jirrifletti dawk il-kompiti l-ġodda u jenħtieġ li l-eu-LISA tingħata -finanzjament u l-persunal xierqa sabiex tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha skont dan ir-Regolament. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar ir-responsabbiltajiet tal-eu-LISA, bħala l-aġenzija fdata bl-iżvilupp, l-operazzjoni teknika u l-manutenzjoni tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.

    (23)

    Jenħtieġ li l-eu-LISA tiżgura li d-data miżmuma mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tkun tista’, jekk ikun meħtieġ, tiġi trażmessa faċilment minn SIENA lill-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. Għal dak l-għan, jenħtieġ li jiġi ppreżentat rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-ħtieġa, il-fattibbiltà u l-adegwatezza ta’ konnessjoni tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK mas-SIENA. Dak ir-rapport jenħtieġ li jkun fih il-kondizzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-proċeduri għall-iżgurar ta’ konnessjoni sigura u effiċjenti u skambju ta’ data. Jenħtieġ li l-valutazzjoni tqis il-livell għoli ta’ protezzjoni tad-data meħtieġ għal tali konnessjoni, abbażi tal-qafas legali eżistenti tal-Unjoni u dak nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data, bħad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u r-regoli applikabbli għall-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni fl-atti legali li jistabbilixxuhom. Jenħtieġ li jitqies il-livell ta’ protezzjoni tad-data li ser tiġi skambjata permezz tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, jiġifieri data sensittiva u mhux klassifikata. F’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkonsulta wkoll mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data qabel ma jiġi ppreżentat dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fir-rigward tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi li jirriżultaw mill-ipproċessar previst tad-data personali.

    (24)

    Sa mill-formazzjoni tan-Network tas-SIK fl-2005, is-Segretarjat tan-Network tas-SIK jappoġġa l-ħidma tan-Network tas-SIK billi jorganizza laqgħat u attivitajiet ta’ taħriġ kull sena, billi jiġbor u janalizza evalwazzjonijiet tas-SIK individwali u billi jmexxi l-programm tal-Eurojust għall-finanzjament tas-SIK. Mill-2011, is-Segretarjat tan-Network tas-SIK huwa ospitat mill-Eurojust bħala unità separata. Jenħtieġ li l-Eurojust tiġi pprovduta b’persunal xieraq allokat lis-Segretarjat tan-Network tas-SIK sabiex is-Segretarjat tan-Network tas-SIK ikun jista’ jappoġġa lill-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK fl-applikazzjoni prattika tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, biex jipprovdi gwida u assistenza ta’ kuljum, biex ifassal u jipprovdi korsijiet ta’ taħriġ, biex iqajjem kuxjenza u jippromwovi l-użu tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK

    (25)

    Minħabba l-għodod tal-IT attwalment eżistenti li jappoġġaw l-operazzjonijiet tas-SIK, li huma ospitati fil-Eurojust u ġestiti mis-Segretarjat tan-Network tas-SIK, huwa meħtieġ li l-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK tiġi konnessa ma’ dawk l-għodod tal-IT, sabiex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni tas-SIK. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Eurojust tiżgura l-adattament tekniku meħtieġ tas-sistemi tagħha sabiex tistabbilixxi tali konnessjoni. Il-Eurojust jenħtieġ li tingħata wkoll il-finanzjament u l-persunal adatti sabiex tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha f’dak ir-rigward.

    (26)

    Matul il-fażi operazzjonali ta’ SIK, il-Eurojust u l-Europol jipprovdu appoġġ operazzjonali imprezzabbli lill-membri tas-SIK billi joffru firxa wiesgħa ta’ għodod ta’ appoġġ, inkluż uffiċċji mobbli, analiżi ta’ tqabbil reċiproku u analiżi analitika, ċentri ta’ koordinazzjoni u operazzjonali, koordinazzjoni tal-prosekuzzjoni, għarfien espert u finanzjament.

    (27)

    Sabiex tiġi żgurata diviżjoni ċara tad-drittijiet u l-kompiti, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri, il-Eurojust, il-Europol, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (‘l- UPPE’) stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (12), l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom (13) u korpi, uffiċċji u aġenziji kompetenti oħra tal-Unjoni, inkluż il-kondizzjonijiet, li taħthom jistgħu jużaw il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għal għanijiet operattivi.

    (28)

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi d-dettalji rigward il-mandat, il-kompożizzjoni u l-aspetti organizzattivi ta’ Bord tal-Ġestjoni tal-Programm li jenħtieġ li jiġi stabbilit mill-Bord tal-Ġestjoni tal-eu-LISA. Jenħtieġ li l-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm jiżgura l-ġestjoni adegwata tal-fażi ta’ tfassil u żvilupp tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. Jeħtieġ ukoll li jiġu stipulati d-dettalji tal-aspetti tal-mandat, tal-kompożizzjoni u tal-organizzazzjoni ta’ Grupp Konsultattiv li jrid jiġi stabbilit mill-eu-LISA sabiex jinkiseb għarfien espert relatat mal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, b’mod partikolari fil-kuntest tat-tħejjija tal-programm ta’ ħidma annwali tagħha u r-rapport annwali tal-attività tagħha.

    (29)

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar l-aċċess għall-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK u s-salvagwardji meħtieġa. L-amministratur jew l-amministraturi tal-ispazju tas-SIK jenħtieġ li jiġu fdati bil-ġestjoni tad-drittijiet ta’ aċċess għall-ispazji ta’ kollaborazzjoni individwali tas-SIK. Jenħtieġ li matul il-fażijiet operazzjonali u postoperazzjonali tas-SIK, huma jkunu responsabbli mill-ġestjoni ta’ aċċess għall-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, abbażi tal-ftehim rilevanti dwar is-SIK. Jenħtieġ li l-amministraturi tal-ispazju tas-SIK ikunu jistgħu jiddelegaw il-kompiti tekniċi u amministrattivi tagħhom lis-Segretarjat tan-Network tas-SIK, ħlief għall-verifika tad-data mtella’ minn pajjiżi terzi jew minn rappreżentanti ta’ awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali.

    (30)

    B’kont meħud tas-sensittività tad-data operazzjonali skambjata fost l-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, jenħtieġ li l-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK tiżgura livell għoli ta’ sigurtà. Jenħtieġ li l-eu-LISA tadotta l-miżuri tekniċi u organizzattivi kollha meħtieġa sabiex tiżgura s-sigurtà tal-iskambju ta’ data billi tuża algoritmi ta’ kriptaġġ b’saħħithom minn tarf sa tarf sabiex tikkripta d-data fi tranżitu jew waqt pawża.

    (31)

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, l-eu-LISA, il-Eurojust, il-Europol, l-UPPE, l-OLAF u korpi, uffiċċji u aġenziji kompetenti oħra tal-Unjoni, fir-rigward ta’ dannu materjali jew mhux materjali li jseħħ bħala riżultat ta’ kwalunkwe att inkompatibbli ma’ dan ir-Regolament. Fir-rigward ta’ pajjiżi terzi u awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali, il-klawżoli ta’ responsabbiltà fir-rigward ta’ dannu materjali jew mhux materjali jenħtieġ li jkunu inkluż fil-ftehimiet rilevanti dwar is-SIK.

    (32)

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data, li jikkonċernaw kemm id-data operazzjonali kif ukoll id-data mhux operazzjonali. Dawk id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data huma meħtieġa sabiex jissupplimentaw l-arranġamenti eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data u sabiex jipprevedu livell ġenerali adegwat ta’ protezzjoni tad-data, sigurtà tad-data u protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati.

    (33)

    Jenħtieġ li l-ipproċessar ta’ data personali skont dan ir-Regolament ikun konformi mal-qafas legali tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali. Id-Direttiva (UE) 2016/680 tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika. Fir-rigward tal-ipproċessar tad-data mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, ir-Regolament (UE) 2018/1725 japplika fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jiġu żgurati salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-data.

    (34)

    Kull awtorità nazzjonali kompetenti ta’ Stat Membru, u fejn xieraq, il-Eurojust, il-Europol, l-UPPE, l-OLAF jew kwalunkwe korp, uffiċċju jew aġenzija kompetenti oħra tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu individwalment responsabbli għall-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali meta jkunu qed jużaw il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. Jenħtieġ li l-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK jitqiesu bħala kontrolluri konġunti, skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2018/1725, għall-ipproċessar ta’ data personali mhux operazzjonali.

    (35)

    F’konformità mal-ftehim dwar is-SIK rilevanti, jenħtieġ li jkun possibbli għall-amministraturi tal-ispazju tas-SIK li jagħtu aċċess għal spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK lil rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi li huma Partijiet għal ftehim dwar is-SIK jew lil rappreżentanti ta’ awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali li jipparteċipaw f’SIK. Fil-kuntest ta’ ftehim dwar is-SIK, kwalunkwe trasferiment ta’ data personali lil pajjiżi terzi jew lil awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali, filwaqt li dawk l-awtoritajiet jitqiesu bħala organizzazzjonijiet internazzjonali għal dak l-għan, huwa soġġett għall-konformità mad-dispożizzjonijiet stipulati fil-Kapitolu V tad-Direttiva (UE) 2016/680. Jenħtieġ li l-iskambji ta’ data operazzjonali ma’ pajjiżi terzi jew awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali jkunu limitati għal dawk strettament meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati l-għanijiet tal-ftehim dwar is-SIK rilevanti.

    (36)

    Meta SIK ikollha diversi amministraturi tal-ispazju tas-SIK, jenħtieġ li wieħed minnhom jinħatar fil-ftehim rilevanti dwar is-SIK bħala kontrollur tad-data mtella’ minn pajjiżi terzi jew rappreżentanti ta’ awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali, qabel ma jinħoloq l-ispazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK li fih huma involuti pajjiżi terzi jew rappreżentanti ta’ awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali.

    (37)

    L-eu-LISA jenħtieġ li tiżgura li l-aċċess għas-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata u l-operazzjonijiet kollha tal-ipproċessar tad-data fis-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata jiġu rreġistrati għall-għanijiet tal-monitoraġġ tal-integrità u s-sigurtà tad-data u l-legalità tal-ipproċessar tad-data kif ukoll għall-għanijiet ta’ awtomonitoraġġ. Jenħtieġ li l-eu-LISA ma jkollhiex aċċess għal data operazzjonali u mhux operazzjonali maħżuna fl-ispazji ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.

    (38)

    Dan ir-Regolament jimponi obbligi ta’ rappurtar fuq l-eu-LISA fir-rigward tal-iżvilupp u l-funzjonament tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK fid-dawl tal-objettivi relatati mal-ippjanar, mal-prestazzjoni teknika, mal-kosteffettività, mas-sigurtà u mal-kwalità tas-servizz. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ġenerali tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK li tqis l-objettivi ta’ dan ir-Regolament kif ukoll ir-riżultati aggregati tal-evalwazzjonijiet tas-SIK individwali, mhux iktar tard minn sentejn wara l-bidu tal-operazzjonijiet tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK u kull erba’ snin minn hemm ’il quddiem.

    (39)

    Filwaqt li l-kost tal-istabbiliment u ż-żamma tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK kif ukoll ir-rwol ta’ appoġġ tal-Eurojust wara l-bidu tal-operazzjonijiet tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK jenħtieġ li jiġu koperti mill-baġit tal-Unjoni, kull Stat Membru kif ukoll il-Eurojust, il-Europol, l-UPPE, l-OLAF u kwalunkwe korp, uffiċċju u aġenzija kompetenti oħra tal-Unjoni, jenħtieġ li jħallsu l-ispejjeż tagħhom stess li jirriżultaw mill-użu tagħhom tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.

    (40)

    Sabiex jiġu stabbiliti kondizzjonijiet uniformi għall-iżvilupp tekniku u l-implimentazzjoni tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).

    (41)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni rilevanti meħtieġa għall-iżvilupp tekniku tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK mill-aktar fis possibbli wara data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    (42)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddetermina d-data tal-bidu tal-operazzjonijiet tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK ladarba l-atti ta’ implimentazzjoni rilevanti meħtieġa għall-iżvilupp tekniku tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK ikunu ġew adottati u l-eu-LISA tkun wettqet test komprensiv tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, bl-involviment tal-Istati Membri.

    (43)

    Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jippermetti l-kooperazzjoni, il-komunikazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni u evidenza effettivi u effiċjenti fost il-membri tas-SIK, rappreżentanti tal-awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali, il-Eurojust, il-Europol, l-OLAF u korpi, uffiċċji u aġenziji kompetenti oħra tal-Unjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ pjuttost, bl-istabbiliment ta’ regoli komuni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

    (44)

    F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), id-Danimarka ma hijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u ma hijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

    (45)

    F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, l-Irlanda nnotifikat, permezz ta’ ittra fis-7 ta’ April 2022, ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    (46)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta kummenti formali fil-25 ta’ Jannar 2022,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament:

    (a)

    jistabbilixxi pjattaforma tal-IT (il-“pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK”), li għandha tintuża fuq bażi volontarja, sabiex tiffaċilita l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti li jipparteċipaw fi skwadri ta’ investigazzjoni konġunti (“SIK”) stabbiliti abbażi tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni stabbilita mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jew tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/465/ĠAI;

    (b)

    jistabbilixxi regoli dwar id-diviżjoni tar-responsabbiltajiet bejn l-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK u l-aġenzija responsabbli għall-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK;

    (c)

    jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom, l-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK jistgħu jingħataw aċċess għall-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK;

    (d)

    jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data meħtieġa sabiex jissupplimentaw l-arranġamenti eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data u sabiex jipprovdu għal livell ġenerali adegwat ta’ protezzjoni tad-data, ta’ sigurtà tad-data u ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati.

    Artikolu 2

    Kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar tal-informazzjoni, inkluż data personali, fil-kuntest ta’ SIK. Dak jinkludi l-iskambju u l-ħażna ta’ data operazzjonali, kif ukoll ta’ data mhux operazzjonali

    2.   Dan ir-Regolament japplika għall-fażijiet operazzjonali u postoperazzjonali ta’ SIK, li jibda mill-mument li l-ftehim rilevanti dwar is-SIK jiġi ffirmat, sakemm titneħħa d-data operazzjonali u mhux operazzjonali kollha ta’ dik is-SIK mis-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata.

    3.   Dan ir-Regolament ma jemendax jew ma jaffettwax b’mod ieħor id-dispożizzjonijiet legali eżistenti dwar l-istabbiliment, it-twettiq jew l-evalwazzjoni tas-SIK.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata” tfisser sistema ċentrali tal-IT fejn iseħħ l-ħżin u l-ipproċessar ta’ data relatata mas-SIK;

    (2)

    “software ta’ komunikazzjoni” tfisser software li jiffaċilita l-iskambju ta’ fajls u messaġġi f’formati ta’ test, awdjo, immaġni jew vidjo bejn l-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK;

    (3)

    “awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet tal-Istati Membri li huma kompetenti biex ikunu parti minn SIK li kienet stabbilita f’konformità mal- Artikolu 13 tal-Konvenzjoni stabbilita mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/465/ĠAI, l-UPPE meta jaġixxi skont il-kompetenzi tiegħu kif previst fl-Artikoli 22, 23 u 25 tar-Regolament (UE) 2017/1939, kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz fejn huma Parti fi ftehim dwar is-SIK skont bażi legali addizzjonali;

    (4)

    “membri tas-SIK” tfisser rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti;

    (5)

    “utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK” tfisser membri tas-SIK, tal-Eurojust, tal-Europol, tal-OLAF u korpi, uffiċċji u aġenziji kompetenti oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti ta’ awtorità ġudizzjarja internazzjonali li tipparteċipa f’SIK;

    (6)

    “awtorità ġudizzjarja internazzjonali” tfisser korp, qorti, tribunal, jew mekkaniżmu internazzjonali stabbilit għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ delitti serji ta’ tħassib għall-komunità internazzjonali kollha kemm hi, jiġifieri delitti ta’ ġenoċidju, delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u reati kriminali relatati li jaffettwaw il-paċi u s-sigurtà internazzjonali;

    (7)

    “spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK” tfisser spazju iżolat individwali għal kull SIK ospitat fuq il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK;

    (8)

    “amministratur tal-ispazju tas-SIK” tfisser membru tas-SIK ta’ Stat Membru, jew membru tas-SIK tal-UPPE, maħtur fi ftehim dwar is-SIK, inkarigat minn spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK;

    (9)

    data operazzjonali” tfisser informazzjoni u evidenza pproċessati mill-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK matul il-fażi operazzjonali ta’ SIK sabiex jiġu appoġġati l-investigazzjonijiet transfruntiera u jiġu appoġġati l-prosekuzzjonijiet;

    (10)

    data mhux operazzjonali” tfisser data amministrattiva pproċessata mill-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, b’mod partikolari sabiex tiffaċilita l-ġestjoni ta’ SIK u l-kooperazzjoni bejn l-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.

    Artikolu 4

    Arkitettura teknika tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK

    Il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għandha tkun magħmula minn dawn li ġejjin:

    (a)

    sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata li tippermetti l-ħżin ċentrali temporanju tad-data;

    (b)

    software ta’ komunikazzjoni li jippermetti l-ħżin lokali sigur ta’ data ta’ komunikazzjoni fuq l-apparati tal-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK;

    (c)

    konnessjoni bejn is-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata u l-għodod tal-IT rilevanti, li jappoġġaw il-funzjonament tas-SIK u li huma ġestiti mis-Segretarjat tan-Network tas-SIK.

    Is-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata għandha tkun ospitata mill-eu-LISA fis-siti tekniċi tagħha.

    Artikolu 5

    L-għan tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK

    L-għan tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għandu jkun li tiffaċilita:

    (a)

    il-koordinazzjoni u l-ġestjoni ta’ SIK, permezz ta’ sett ta’ funzjonalitajiet li jappoġġaw il-proċessi amministrattivi u finanzjarji fi ħdan is-SIK;

    (b)

    l-iskambju rapidu u sikur u l-ħżin temporanju ta’ data operazzjonali, inkluż fajls kbar, permezz ta’ funzjonalità ta’ upload u download;

    (c)

    komunikazzjoni sigura permezz ta’ funzjonalità li tkopri messaġġi istantanji, chats, awdjokonferenzai u vidjokonferenzi;

    (d)

    it-traċċabbiltà ta’ skambji ta’ evidenza permezz ta’ mekkaniżmu ta’ reġistrazzjoni avanzat u ta’ ttrekkjar li jippermetti li l-evidenza kollha, inkluż l-aċċess u l-ipproċessar tagħha, skambjata permezz tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, jinżamm rekord tagħha;

    (e)

    l-evalwazzjoni ta’ SIK permezz ta’ proċess ta’ evalwazzjoni kollaborattiv apposta.

    KAPITOLU II

    ŻVILUPP U ĠESTJONI OPERAZZJONALI

    Artikolu 6

    Adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni

    Il-Kummissjoni għandha tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni meħtieġa għall-iżvilupp tekniku tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK mill-aktar fis possibbli wara s-7 ta’ Ġunju 2023, u b’mod partikolari atti ta’ implimentazzjoni li jikkonċernaw:

    (a)

    il-lista ta’ funzjonalitajiet meħtieġa għall-koordinazzjoni u l-ġestjoni ta’ SIK, inkluż it-traduzzjoni awtomatika ta’ data mhux operazzjonali;

    (b)

    il-lista ta’ funzjonalitajiet meħtieġa għal komunikazzjonijiet siguri;

    (c)

    l-ispeċifikazzjonijiet tan-negozju tal-konnessjoni msemmija fl-Artikolu 4, l-ewwel paragrafu, il-punt (c);

    (d)

    sigurtà kif imsemmija fl-Artikolu 19;

    (e)

    reġistri tekniċi kif imsemmija fl-Artikolu 25;

    (f)

    statistika u informazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 26;

    (g)

    rekwiżiti ta’ prestazzjoni u disponibbiltà tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.

    L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 29(2).

    Artikolu 7

    Responsabbiltajiet tal-eu-LISA

    1.   L-eu-LISA għandha tistabbilixxi d-disinn tal-arkitettura fiżika tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK inkluż l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-evoluzzjoni tagħha abbażi tal-atti ta’ implimentazzjoni imsemmija fl-Artikolu 6. Dak id-disinn għandu jiġi approvat mill-Bord tal-Ġestjoni tagħha, soġġett għal opinjoni favorevoli tal-Kummissjoni.

    2.   L-eu-LISA għandha tkun responsabbli għall-iżvilupp tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK f’konformità mal-prinċipju tal-protezzjoni tad-data mid-disinn u b’mod awtomatiku. Tali żvilupp għandu jikkonsisti mill-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-ittestjar u l-koordinazzjoni ġenerali tal-proġett.

    3.   L-eu-LISA għandha tagħmel is-software ta’ komunikazzjoni disponibbli għall-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.

    4.   L-eu-LISA għandha tiżviluppa u timplimenta l-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK malajr kemm jista’ jkun wara s-7 ta’ Ġunju 2023 u wara l-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 6.

    5.   L-eu-LISA għandha tiżgura li l-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK titħaddem f’konformità ma’ dan ir-Regolament u, mal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725.

    6.   L-eu-LISA għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni operazzjonali tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. Il-ġestjoni operazzjonali tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għandha tikkonsisti mill-kompiti kollha meħtieġa sabiex il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK tibqa’ operazzjonali f’konformità ma’ dan ir-Regolament, u b’mod partikolari l-ħidma ta’ manutenzjoni u l-iżviluppi tekniċi meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK tiffunzjona f’livell sodisfaċenti f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

    7.   L-eu-LISA għandha tiżgura l-għoti ta’ taħriġ dwar l-użu tekniku tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK lis-Segretarjat tan-Network tas-SIK, inkluż billi tipprovdi materjali għat-taħriġ.

    8.   L-eu-LISA għandha tistabbilixxi servizz ta’ appoġġ għall-mitigazzjoni, fil-ħin, ta’ inċidenti tekniċi rrapportati lilha.

    9.   L-eu-LISA għandha twettaq kontinwament titjib u żżid funzjonalitajiet ġodda mal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, abbażi tal-kontribut li tirċievi mill-Grupp Konsultattiv imsemmi fl-Artikolu 12 u r-rapport annwali tas-Segretarjat tan-Network tas-SIK imsemmi fl-Artikolu 10, il-punt (e).

    10.   L-eu-LISA ma għandux ikollha aċċess għall-data operazzjonali u mhux operazzjonali maħżuna fl-ispazji ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.

    11.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (15), l-eu-LISA għandha tapplika regoli xierqa ta’ segretezza professjonali jew dmirijiet ekwivalenti oħra ta’ kunfidenzjalità għall-membri kollha tal-persunal tagħha li jkun meħtieġ jaħdem b’data rreġistrata fis-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata. Dak l-obbligu għandu japplika wkoll wara li dawk il-membri tal-persunal ikunu telqu mill-kariga jew l-impjieg jew wara t-tmiem tal-attivitajiet tagħhom.

    Artikolu 8

    Responsabbiltajiet tal-Istati Membri

    1.   Kull Stat Membru għandu jagħmel l-arranġamenti tekniċi meħtieġa għall-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu għall-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK skont dan ir-Regolament.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK ikollhom aċċess għal korsijiet ta’taħriġ ipprovduti mis-Segretarjat tan-Network tas-SIK skont l-Artikolu 10, il-punt (c), jew għal korsijiet ta’ taħriġ ekwivalenti pprovduti fil-livell nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK huma konxji bis-sħiħ tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data skont id-dritt tal-Unjoni.

    Artikolu 9

    Responsabbiltajiet tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kompetenti tal-Unjoni

    1.   L-Eurojust, l-Europol, l-UPPE, l-OLAF u korpi, uffiċċji u aġenziji kompetenti oħra tal-Unjoni għandhom jagħmlu l-arranġamenti tekniċi meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jaċċessaw il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.

    2.   L-Eurojust għandha tkun responsabbli għall-adattament tekniku meħtieġ tas-sistemi tagħha, meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-konnessjoni msemmija fl-Artikolu 4, l-ewwel paragrafu, il-punt (c).

    Artikolu 10

    Responsabbiltajiet tas-Segretarjat tan-Network tas-SIK

    Is-Segretarjat tan-Network tas-SIK għandu jappoġġa l-funzjonament tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK billi:

    (a)

    jipprovdi, fuq it-talba tal-amministratur jew tal-amministraturi tal-ispazju tas-SIK, appoġġ amministrattiv, legali u tekniku fil-kuntest tal-ħolqien u l-ġestjoni tad-drittijiet tal-aċċess ta’ spazji individwali ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, skont l-Artikolu 14(3);

    (b)

    jipprovdi gwida ta’ kuljum, appoġġ funzjonali u assistenza lill-prattikanti dwar l-użu tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK u l-funzjonalitajiet tagħha;

    (c)

    ifassal u jipprovdi korsijiet ta’ taħriġ għall-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, bil-għan li jiġi ffaċilitat l-użu tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK;

    (d)

    isaħħaħ kultura ta’ kooperazzjoni fl-Unjoni fir-rigward tal-kooperazzjoni t f’materji kriminali billi jqajjem kuxjenza u jippromwovi l-użu tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK fost il-prattikanti;

    (e)

    iżomm, wara l-bidu tal-operazzjonijiet tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, lill-eu-LISA infurmata dwar rekwiżiti funzjonali addizzjonali billi jippreżenta rapport annwali dwar titjib potenzjali u funzjonalitajiet ġodda tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK abbażi tal-feedback dwar l-użu prattiku tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK li jiġbor mill-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.

    Artikolu 11

    Bord tal-Ġestjoni tal-Programm

    1.   Qabel il-fażi tat-tfassil u tal-iżvilupp tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, il-Bord tal-Ġestjoni tal-eu-LISA għandu jistabbilixxi Bord tal-Ġestjoni tal-Programm għad-durata tal-fażi ta’ tfassil u żvilupp.

    2.   Il-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm għandu jkun magħmul minn għaxar membri kif ġej:

    (a)

    tmien membri maħtura mill-Bord tal-Ġestjoni tal-eu-LISA;

    (b)

    il-President tal-Grupp Konsultattiv imsemmi fl-Artikolu 12;

    (c)

    membru wieħed maħtur mill-Kummissjoni.

    3.   Il-Bord tal-Ġestjoni tal-eu-LISA għandu jiżgura li l-membri li jaħtar fil-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm ikollhom l-esperjenza u l-għarfien espert meħtieġa fl-iżvilupp u l-ġestjoni tas-sistemi tal-IT li jappoġġaw lill-awtoritajiet ġudizzjarji.

    4.   L-eu-LISA għandha tipparteċipa fil-ħidma tal-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm. Għal dak il-għan, ir-rappreżentanti tal-eu-LISA għandhom jattendu l-laqgħat tal-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm sabiex jirrapportaw dwar il-ħidma rigward it-tfassil u l-iżvilupp tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK u dwar kwalunkwe ħidma u attività relatata oħra.

    5.   Il-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm għandu jiltaqa’ mill-inqas darba kull tliet xhur, u aktar ta’ spiss fejn ikun meħtieġ. Huwa għandu jiżgura l-ġestjoni adegwata tal-fażi ta’ tfassil u żvilupp tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. Il-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm għandu jippreżenta rapporti bil-miktub regolarment, u fejn possibbli kull xahar, lill-Bord tal-Ġestjoni tal-eu-LISA, dwar il-progress tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. Il-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm ma għandu jkollu l-ebda setgħa deċiżjonali u lanqas mandat sabiex jirrappreżenta lill-membri tal-Bord tal-Ġestjoni tal-eu-LISA.

    6.   Il-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm, f’konsultazzjoni mal-Bord tal-Ġestjoni tal-eu-LISA, għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu, li għandhom jinkludu b’mod partikolari regoli dwar il-presidenza, il-postijiet tal-laqgħat, it-tħejjija tal-laqgħat, l-ammissjoni ta’ esperti għal laqgħat u pjanijiet ta’ komunikazzjoni li jiżguraw li l-membri tal-Bord tal-Ġestjoni tal-eu-LISA li mhumiex membri tal-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm jiġu infurmati b’mod sħiħ.

    7.   Il-presidenza tal-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm għandha tkun f’idejn Stat Membru.

    8.   L-eu-LISA għandha tipprovdi s-segretarjat tal-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm.

    Artikolu 12

    Grupp Konsultattiv

    1.   L-eu-LISA għandha tistabbilixxi Grupp Konsultattiv sabiex tikseb għarfien espert relatat mal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, b’mod partikolari fil-kuntest tat-tħejjija tal-programm ta’ ħidma annwali u r-rapport annwali tal-attività tal- eu-LISA, u biex tidentifika titjib potenzjali u funzjonalitajiet ġodda li għandu jiġi implimentat fil-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.

    2.   Il-Grupp Konsultattiv għandu jkun magħmul mir-rappreżentanti tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat tan-Network tas-SIK. Għandu jkun ippresedut mill-eu-LISA. Huwa għandu:

    (a)

    jiltaqa’ mill-inqas darba fix-xahar, sakemm jibdew l-operazzjonijiet tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK fejn possibbli, u jiltaqa’ regolarment wara;

    (b)

    matul il-fażi tad-diżinn u l-iżvilupp tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, jirrapporta lill-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm wara kull laqgħa;

    (c)

    matul il-fażi tad-diżinn u l-iżvilupp tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, jipprovdi għarfien espert tekniku sabiex jappoġġa l-kompiti tal-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm.

    KAPITOLU III

    IL-ĦOLQIEN TAL-ISPAZJI TA’ KOLLABORAZZJONI TAS-SIK U L-AĊĊESS GĦALIHOM

    Artikolu 13

    Il-ħolqien tal-ispazji ta’ kollaborazzjoni tas-SIK

    1.   Fejn ftehim dwar SIK jipprevedi l-użu tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK f’konformità ma’ dan ir-Regolament, għandu jinħoloq spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK fi ħdan il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għal kull SIK.

    2.   Il-ftehim tas-SIK rilevanti għandu jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u tal-UPPE jingħataw aċċess għall-ispazju ta’ kollaborazzjoni rilevanti tas-SIK u jista’ jipprevedi li l-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kompetenti tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi li jkunu ffirmaw il-ftehim u r-rappreżentanti ta’ awtoritajiet ġudizzjarji, jingħataw aċċess għal dak l-ispazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. Il-ftehim dwar is-SIK rilevanti għandu jipprevedi r-regoli għal tali aċċess.

    3.   L-ispazju rilevanti ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għandu jinħoloq mill-amministratur jew l-amministraturi tal-ispazju tas-SIK, bl-appoġġ tekniku tal-eu-LISA.

    4.   Jekk il-membri tas-SIK jiddeċiedu li ma jużawx il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK meta jiffirmaw il-ftehim dwar is-SIK, iżda jaqblu li jibdew jużaw il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK matul il-kors tas-SIK, dak il-ftehim dwar is-SIK, li ma jipprevedix dik il-possibbiltà, għandu jiġi emendat u għandhom japplikaw il-paragrafi 1, 2 u 3. F’każ li l-membri tas-SIK jaqblu li jieqfu jużaw il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK matul is-SIK, il-ftehim dwar is-SIK rilevanti għandu jiġi emendat jekk dk il-possibbiltà ma kinitx diġà inkluża f’dak il-ftehim dwar is-SIK.

    Artikolu 14

    Ħatra u rwol tal-amministratur tal-ispazju tas-SIK

    1.   Jekk l-użu tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK ikun previst fil-ftehim dwar is-SIK, għandu jinħatar f’dak il-ftehim dwar is-SIK amministratur tal-ispazju tas-SIK wieħed jew aktar minn fost il-membri tas-SIK tal-Istati Membri jew membru tas-SIK tal-UPPE.

    2.   L-amministratur jew l-amministraturi tal-ispazju tas-SIK għandhom jimmaniġġaw id-drittijiet ta’ aċċess tal-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għall-ispazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK rilevanti, f’konformità mal-ftehim dwar is-SIK rilevanti.

    3.   Ftehim dwar SIK jista’ jipprevedi li s-Segretarjat tan-Network tas-SIK ikollu aċċess għal spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għall-fini ta’ appoġġ tekniku u amministrattiv, kif ukoll għall-fini ta’ appoġġ tekniku, legali u amministrattiv għall-ġestjoni tad-drittijiet ta’ aċċess. F’tali sitwazzjonijiet, kif maqbul mill-membri tas-SIK, l-amministratur jew l-amministraturi tal-ispazju tas-SIK għandu jagħti lis-Segretarjat tan-Network tas-SIK aċċess għal dak l-ispazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.

    Artikolu 15

    Aċċess għall-ispazji ta’ kollaborazzjoni tas-SIK mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

    F’konformità mal-ftehim rilevanti dwar is-SIK, l-amministratur jew l-amministraturi tal-ispazju tas-SIK għandhom jagħtu aċċess għal spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jkunu maħtura f’dak il-ftehim dwar is-SIK u lill-UPPE fejn dan ikun maħtur f’dak il-ftehim dwar is-SIK.

    Artikolu 16

    Aċċess għall-ispazji ta’ kollaborazzjoni tas-SIK minn korpi, uffiċċji u aġenziji kompetenti tal-Unjoni

    F’konformità mal-ftehim rilevanti dwar is-SIK, l-amministratur jew l-amministraturi tal-ispazju tas-SIK għandhom jagħtu aċċess, sa fejn ikun meħtieġ, għal spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK lil:

    (a)

    l-Eurojust, għall-fini tat-twettiq tal-kompiti tagħha stipulati fir-Regolament (UE) 2018/1727;

    (b)

    l-Europol, għall-fini tat-twettiq tal-kompiti tagħha stipulati fir-Regolament (UE) 2016/794;

    (c)

    l-OLAF, għall-fini tat-twettiq tal-kompiti tiegħu stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16); u

    (d)

    korpi, uffiċċji u aġenziji kompetenti oħra tal-Unjoni, bil-għan li jwettqu l-kompiti stipulati fl-atti legali rilevanti li jistabbilixxuhom.

    Artikolu 17

    Aċċess għall-ispazji ta’ kollaborazzjoni tas-SIK mill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi

    1.   F’konformità mal-ftehim rilevanti dwar is-SIK, u għall-għanijiet elenkati fl-Artikolu 5, l-amministratur jew l-amministraturi tal-ispazju tas-SIK għandhom jagħtu aċċess għal spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK lill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi li jkunu ffirmaw dak il-ftehim dwar is-SIK.

    2.   Kull meta l-membri tas-SIK tal-Istati Membri u l-membru tas-SIK tal-UPPE, meta jipparteċipa fis-SIK rilevanti, itellgħu data operazzjonali fi spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK biex titniżżel minn pajjiż terz, il-membru rilevanti tas-SIK tal-Istati Membri jew il-membru tas-SIK tal-UPPE għandhom jivverifikaw li d-data li jkunu tellgħu rispettivament tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ għall-finijiet tal-ftehim rilevanti dwar is-SIK u li dik id-data tikkonforma mal-kondizzjonijiet stabbiliti fih.

    3.   Kull meta pajjiż terz itella’ data operazzjonali fi spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, l-amministratur jew l-amministraturi tal-ispazju tas-SIK għandhom jivverifikaw li tali data tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ għall-finijiet tal-ftehim dwar is-SIK rilevanti u li dik id-data tikkonforma mal-kondizzjonijiet stabbiliti fih, qabel ma tkun tista’ titniżżel minn utenti oħra tal-ispazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.

    4.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trasferimenti tagħhom ta’ data personali lil pajjiżi terzi li jkunu ngħataw aċċess għal spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK isiru biss meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu V tad-Direttiva (UE) 2016/680.

    5.   Il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni għandhom jiżguraw li t-trasferimenti tagħhom ta’ data personali lil pajjiżi terzi li jkunu ngħataw aċċess għal spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK isiru biss meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu IX tar-Regolament (UE) 2018/1725, mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli għal tali korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni fl-atti legali rilevanti li jistabbilixxuhom, fejn tali regoli jimponu kondizzjonijiet speċifiċi għat-trasferimenti tad-data.

    6.   L-UPPE, meta jaġixxi f’konformità mal-kompetenzi tiegħu kif previst fl-Artikoli 22, 23 u 25 tar-Regolament (UE) 2017/1939, għandu jiżgura li t-trasferimenti tiegħu ta’ data personali lil pajjiżi terzi li jkunu ngħataw aċċess għal spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK isiru biss meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 80 sa 84 ta’ dak ir-Regolament.

    Artikolu 18

    Aċċess għall-ispazji ta’ kollaborazzjoni tas-SIK minn rappreżentanti tal-awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali li jipparteċipaw f’SIK

    1.   Għall-għanijiet elenkati fl-Artikolu 5, l-amministratur jew l-amministraturi tal-ispazju tas-SIK għandhom, fejn ipprevedut fil-ftehim dwar is-SIK, jagħtu aċċess għal spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK lir-rappreżentanti tal-awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali li jipparteċipaw fis-SIK rilevanti.

    2.   L-amministratur jew l-amministraturi tal-ispazju tas-SIK għandhom jivverifikaw u jiżguraw li l-iskambji ta’ data operazzjonali mar-rappreżentanti tal-awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali li jkunu ngħataw aċċess għal spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK ikunu limitati għal dak li huwa meħtieġ għall-għanijiet tal-ftehim dwar is-SIK rilevanti u li dik id-data tikkonforma mal-kondizzjonijiet stabbiliti fih.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trasferimenti tagħhom ta’ data personali lir-rappreżentanti tal-awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali li jkunu ngħataw aċċess għal spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK isiru biss meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu V tad-Direttiva (UE) 2016/680.

    4.   Il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni għandhom jiżguraw li t-trasferimenti tagħhom ta’ data personali lil rappreżentanti tal-awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali li jkunu ngħataw aċċess għal spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK isiru biss meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu IX tar-Regolament (UE) 2018/1725, mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli għal tali korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni fl-atti legali rilevanti li jistabbilixxuhom, fejn tali regoli jimponu kondizzjonijiet speċifiċi għat-trasferimenti tad-data.

    KAPITOLU IV

    IS-SIGURTÀ U R-RESPONSABBILTÀ

    Artikolu 19

    Sigurtà

    1.   L-eu-LISA għandha tieħu l-miżuri tekniċi u organizzattivi meħtieġa sabiex tiżgura livell għoli ta’ ċibersigurtà tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK u s-sigurtà tal-informazzjoni tad-data fil-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, b’mod partikolari sabiex tiżgura l-kunfidenzjalità u l-integrità tad-data operazzjonali u mhux operazzjonali maħżuna fis-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata.

    2.   L-eu-LISA għandha tipprevjeni aċċess mhux awtorizzat għall-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK u għandha tiżgura li l-persuni awtorizzati biex jaċċessaw il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK ikollhom aċċess biss għad-data koperta mill-awtorizzazzjoni tal-aċċess tagħhom.

    3.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-eu-LISA għandha tadotta pjan ta’ sigurtà u pjan ta’ kontinwità tal-operat u ta’ rkupru minn diżastri, sabiex tiżgura li s-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata tista’tiġi restawrata f’każ ta’ interruzzjoni. L-eu-LISA għandha tipprevedi arranġament ta’ ħidma mal-iskwadra ta’ rispons f’emerġenza relatata mal-kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni stabbiliti bl-Arranġament bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Bank Ewropew tal-Investiment dwar l-organizzazzjoni u l-operazzjoni ta’ skwadra ta’ rispons f’emerġenza relatata mal-kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni (CERT-UE) (17) Meta tadotta dak il-pjan ta’ sigurtà, l-eu-LISA għandha tqis ir-rakkomandazzjonijiet possibbli tal-esperti tas-sigurtà preżenti fil-Grupp Konsultattiv imsemmi fl-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament.

    4.   L-eu-LISA għandha timmonitorja l-effettività tal-miżuri kollha deskritti f’dan l-Artikolu u għandha tieħu l-miżuri organizzattivi meħtieġa relatati mal-awtomonitoraġġ u s-superviżjoni sabiex tiżgura l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 20

    Responsabbiltà

    1.   Meta Stat Membru, l-Eurojust, l-Europol, l-UPPE, l-OLAF jew kwalunkwe korp, uffiċċju jew aġenzija kompetenti oħra tal-Unjoni, bħala konsegwenza ta’ nuqqas min-naħa tagħhom li jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament, jikkawżaw dannu lill-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, dak l-Istat Membru, l-Eurojust, l-Europol, l-UPPE, l-OLAF jew korp, uffiċċju jew aġenzija kompetenti oħra tal-Unjoni rispettivament, għandhom jinżammu responsabbli għal tali dannu, dment li u sakemm l-eu-LISA tonqos milli tieħu miżuri raġonevoli sabiex tipprevjeni li jseħħ id-dannu jew timminimizza l-impatt tiegħu.

    2.   Talbiet għal kumpens kontra Stat Membru għad-dannu msemmi fil-paragrafu 1 għandhom ikunu rregolati mil-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Talbiet għal kumpens kontra l-Eurojust, l-Europol, l-UPPE, l-OLAF jew kwalunkwe korp, uffiċċju jew aġenzija kompetenti oħra tal-Unjoni għal tali dannu għandhom ikunu rregolati mill-atti legali rilevanti li jistabbilixxuhom.

    KAPITOLU V

    IL-PROTEZZJONI TAD-DATA

    Artikolu 21

    Il-perjodu ta’ żamma għall-ħżin ta’ data operazzjonali

    1.   Id-data operazzjonali li tappartjeni għal kull spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għandha tinħażen fis-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata sakemm ikun meħtieġ għall-utenti kollha tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK ikkonċernati sabiex ilestu l-proċess tat-tniżżil tagħha. Il-perjodu taż-żamma ma għandux jaqbeż l-erba’ ġimgħat mid-data minn meta tittella’ tali data fuq il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.

    2.   Hekk kif il-proċess tad-download jitlesta mill-utenti intenzjonati kollha tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK jew, l-aktar tard, malli jiskadi l-perjodu ta’ żamma msemmi fil-paragrafu 1, id-data għandha titħassar awtomatikament u b’mod permanenti mis-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata.

    Artikolu 22

    Il-perjodu ta’ żamma għall-ħżin ta’ data mhux operazzjonali

    1.   Fejn tkun prevista evalwazzjoni ta’ SIK, id-data mhux operazzjonali li tappartjeni għal kull spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għandha tinħażen fis-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata sakemm titlesta l-evalwazzjoni tas-SIK rilevanti. Il-perjodu taż-żamma ma għandux jaqbeż il-ħames snin mid-data minn meta tiddaħħal tali data fil-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.

    2.   Jekk jiġi deċiż li ma ssirx evalwazzjoni fl-għeluq tas-SIK jew, l-aktar tard, mal-iskadenza tal-perjodu ta’ żamma msemmi fil-paragrafu 1, id-data għandha titħassar awtomatikament mis-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata.

    Artikolu 23

    Il-kontrollur tad-data u l-proċessur tad-data

    1.   Kull awtorità nazzjonali kompetenti ta’ Stat Membru u, fejn xieraq, l-Eurojust, l-Europol, l-UPPE, l-OLAF jew kwalunkwe korp, uffiċċju jew aġenzija kompetenti oħra tal-Unjoni għandhom jitqiesu bħala kontrolluri tad-data f’konformità mar-regoli applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, għall-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali skont dan ir-Regolament.

    2.   Fir-rigward tad-data mtella’ fuq il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK mill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi jew rappreżentanti tal-awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali, wieħed mill-amministraturi tal-ispazju tas-SIK għandu jkun maħtur fil-ftehim rilevanti dwar is-SIK bħala kontrollur tad-data fir-rigward tad-data personali skambjata permezz tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, u maħżuna fiha.

    L-ebda data minn pajjiżi terzi jew awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali ma għandha tittella’ qabel il-ħatra tal-kontrollur tad-data.

    3.   L-eu-LISA għandha titqies bħala proċessur tad-data f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 fir-rigward tad-data personali skambjata permezz tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK u maħżuna fiha.

    4.   L-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għandhom ikunu kontrolluri konġunti, skont it-tifsira tal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2018/1725, għall-ipproċessar ta’ data personali mhux operazzjonali fil-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.

    Artikolu 24

    Għan tal-ipproċessar tad-data personali

    1.   Id-data mdaħħla fil-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għandha tiġi pproċessata biss għall-għanijiet ta’:

    (a)

    l-iskambju ta’ data operazzjonali bejn l-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, għall-iskop li għalih twaqqfet is-SIK rilevanti;

    (b)

    l-iskambju ta’ data mhux operazzjonali bejn l-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, għall-għanijiet tal-ġestjoni tas-SIK rilevanti.

    2.   L-aċċess għall-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għandu jkun limitat għal persunal debitament awtorizzat tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi terzi, l-Eurojust, l-Europol, l-UPPE, l-OLAF u korpi, uffiċċji jew aġenziji kompetenti oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti ta’ awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali, sal-punt meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom f’konformità mal-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 1, u għal dak li huwa strettament meħtieġ u proporzjonat għall-objettivi segwiti.

    Artikolu 25

    Logs tekniċi

    1.   L-eu-LISA għandha tiżgura li jinżamm log tekniku tal-aċċess kollu għas-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata u tal-operazzjonijiet kollha tal-ipproċessar tad-data fis-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata, f’konformità mal-paragrafu 2.

    2.   Il-logs tekniċi għandhom juru:

    (a)

    id-data, iż-żona tal-ħin u l-ħin eżatt tal-aċċess għas-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata;

    (b)

    il-marka ta’ identifikazzjoni ta’ kull utent individwali tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK li aċċessa s-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata;

    (c)

    id-data, iż-żona tal-ħin u l-ħin tal-aċċess ta’ kull operazzjoni mwettqa minn kull utent individwali tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK;

    (d)

    l-operazzjoni mwettqa minn kull utent individwali tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.

    Il-logs tekniċi għandhom ikunu protetti b’miżuri tekniċi xierqa kontra modifika u aċċess mhux awtorizzat. Il-logs tekniċi għandhom jinżammu għal tliet snin jew għal tali perjodu itwal kif huwa meħtieġ għat-tmiem ta’ proċeduri pendenti ta’ monitoraġġ.

    3.   Fuq talba, l-eu-LISA għandha tagħmel il-logs tekniċi disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li pparteċipaw f’SIK partikolari mingħajr dewmien żejjed.

    4.   Fil-limiti tal-kompetenzi tagħhom u bil-għan li jaqdu dmirijiethom, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali responsabbli għall-monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar tad-data għandu jkollhom aċċess għal-logs tekniċi fuq talba.

    5.   Fil-limiti tal-kompetenzi tiegħu u bil-għan li jaqdi d-dmirijiet superviżorji tiegħu f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jkollu aċċess għal-logs tekniċi fuq talba.

    KAPITOLU VI

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 26

    Monitoraġġ u evalwazzjoni

    1.   L-eu-LISA għandha tistabbilixxi proċeduri għall-monitoraġġ tal-iżvilupp tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK fir-rigward tal-objettivi relatati mal-ippjanar u l-kostijiet u għall-monitoraġġ tal-funzjonament tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK fir-rigward tal-objettivi relatati mar-rendiment tekniku, il-kosteffettività, l-użabilità, is-sigurtà u l-kwalità tas-servizz.

    2.   Il-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jipprevedu l-possibbiltà li tiġi prodotta statistika teknika regolari għall-għanijiet ta’ monitoraġġ u għandhom jikkontribwixxu għall-valutazzjoni ġenerali tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.

    3.   Jekk hemm riskju ta’ dewmien sostanzjali potenzjali fil-proċess tal-iżvilupp, l-eu-LISA għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill malajr kemm jista’ jkun dwar ir-raġunijiet għad-dewmien, l-impatt tagħhom f’termini ta’ skedi ta’ żmien u finanzi, u l-passi li biħsiebha tieħu sabiex tirrimedja s-sitwazzjoni.

    4.   Ladarba jiġi ffinalizzat l-iżvilupp tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, l-eu-LISA għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jispjega kif intlaħqu l-objettivi, b’mod partikolari dawk relatati mal-ippjanar u mal-kostijiet, u li jiġġustifika kwalunkwe diskrepanza.

    5.   Fil-każ ta’ aġġornament tekniku tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, li jista’ jirriżulta f’kostijiet sostanzjali, l-eu-LISA għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill qabel ma jsir l-aġġornament.

    6.   Sa mhux iktar tard minn sentejn wara l-bidu tal-operazzjonijiet tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK:

    (a)

    l-eu-LISA għandha tippreżenta rapport lill-Kummissjoni dwar il-funzjonament tekniku tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, inkluż l-aspetti ta’ sigurtà mhux sensittivi tagħha, u għandha dak ir-rapport għandha tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku:

    (b)

    abbażi tar-rapport imsemmi fil-punt (a), il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ġenerali tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK u għandha tibgħat rapport ta’ evalwazzjoni ġenerali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Kull sena wara li r-rapport imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu jiġi ppreżentat, l-eu-LISA għandha tippreżenta rapport lill-Kummissjoni dwar il-funzjonament tekniku tal-pjattaforma ta’ kooperazzjoni tas-SIK, inkluż l-aspetti ta’ sigurtà mhux sensittivi tagħha, u għandha tqiegħed dak ir-rapport għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

    Kull erba’ snin wara li r-rapport ta’ evalwazzjoni ġenerali msemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu jkun intbagħat u abbażi tar-rapporti ppreżentati mill-eu-LISA f’konformità mat-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ġenerali tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK u għandha tibgħat rapport ta’ evalwazzjoni ġenerali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    7.   Fi żmien 18-il xahar wara d-data tal-bidu tal-operazzjonijiet tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Europol u l-Grupp Konsultattiv imsemmi fl-Artikolu 12, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-ħtieġa, il-fattibbiltà, l-adegwatezza u l-kosteffettività ta’ konnessjoni potenzjali bejn il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK mas-SIENA. Dak ir-rapport għandu jinkludi wkoll kondizzjonijiet, speċifikazzjonijiet tekniċi u proċeduri biex tiġi żgurata konnessjoni sigura u effiċjenti. Fejn xieraq, dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat mill-proposti leġiżlattivi meħtieġa, li jistgħu jinkludu l-għoti ta’ setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ tali konnessjoni.

    8.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, l-Eurojust, l-Europol, l-UPPE, l-OLAF u korpi, uffiċċji u aġenziji kompetenti oħra tal-Unjoni għandhom jipprovdu lill-eu-LISA u lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa sabiex jabbozzaw ir-rapporti msemmija fil-paragrafi 4 ta’ dan l-Artikolu u r-rapport ta’ evalwazzjoni ġenerali tal-Kummissjoni msemmi fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu. Huma għandhom jipprovdu wkoll lis-Segretarjat tan-Network tas-SIK bl-informazzjoni meħtieġa għall-abbozzar tar-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 10, il-punt (e). L-informazzjoni msemmija fl-ewwel u fit-tieni sentenza ta’ dan il-paragrafu ma għandhiex tipperikola l-metodi ta’ ħidma jew tinkludi informazzjoni li tiżvela s-sorsi, l-ismijiet tal-membri tal-persunal jew l-investigazzjonijiet.

    9.   L-eu-LISA għandha tipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa sabiex tmexxi l-evalwazzjoni ġenerali msemmija fil-paragrafu 6.

    Artikolu 27

    Kostijiet

    Il-kostijiet imġarrba b’rabta mal-istabbiliment u l-operazzjoni tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.

    Artikolu 28

    Bidu tal-operazzjonijiet

    1.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina d-data tal-bidu tal-operazzjonijiet tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, ladarba tkun ssodisfata li ġew osservati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 6, il-punti (a) sa (g), ġew adottati;

    (b)

    l-eu-LISA wettqet b’suċċess test komprensiv tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, bl-involviment tal-Istati Membri, bl-użu ta’ data tat-test anonima.

    Fi kwalunkwe każ, dik id-data ma għandhiex tkun aktar tard mis-7 ta’ Diċembru 2025.

    2.   Fejn il-Kummissjoni tkun iddeterminat id-data tal-bidu tal-operazzjonijiet tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK f’konformità mal-paragrafu 1, hija għandha tikkomunika dik id-data lill-Istati Membri, lill-Eurojust, lill-Europol, lill-UPPE u lill-OLAF. Għandha tinforma wkoll lill-Parlament Ewropew.

    3.   Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddetermina d-data tal-bidu tal-operazzjonijiet tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, kif imsemmi fil-paragrafu 1, għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    4.   L-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għandhom jibdew jużaw il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK mid-data tal-bidu tal-operazzjonijiet stabbilita mill-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafu 1.

    Artikolu 29

    Proċedura ta’ kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    3.   Fejn il-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika l-Artikolu 5(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 30

    Emendi għar-Regolament (UE) 2018/1726

    Ir-Regolament (UE) 2018/1726 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 1, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “4b.   L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għall-iżvilupp u l-ġestjoni operazzjonali, inkluż l-evoluzzjonijiet tekniċi, tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tal-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunta (“Pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK”)”;

    (2)

    jiddaħħal l-artikolu li ġej:

    “Artikolu 8c

    Il-kompiti relatati mal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK

    Fir-rigward tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, l-Aġenzija għandha twettaq:

    (a)

    il-kompiti konferiti lilha bir-Regolament (UE) 2023/969 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

    (b)

    kompiti relatati ma’ taħriġ dwar l-użu tekniku tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK ipprovduti lis-Segretarjat tan-Network tas-SIK, inkluż il-provvista ta’ materjali ta’ taħriġ.

    (*1)  Ir-Regolament (UE) 2023/969 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi pjattaforma ta’ kollaborazzjoni sabiex tappoġġa l-funzjonament tal-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunta u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726 (ĠU L 132, 17.5.2023, p. 1).”;"

    (3)

    fl-Artikolu 14, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-Aġenzija għandha timmonitorja l-iżviluppi fir-riċerka rilevanti għall-ġestjoni operazzjonali tas-SIS II, il-VIS, l-Eurodac, l-EES, l-ETIAS, id-DubliNet, l-ECRIS-TCN, is-sistema e-CODEX, il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK u sistemi oħra tal-IT fuq skala kbira kif imsemmi fl-Artikolu 1(5).”

    ;

    (4)

    fl-Artikolu 19(1), fil-punt (ff), jiżdied il-punt li ġej:

    “(viii)

    il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK skont l-Artikolu 26(6) tar-Regolament (UE) 2023/969;”;

    (5)

    fl-Artikolu 27(1), jiddaħħal il-punt li ġej:

    "(dd)

    il-Grupp Konsultattiv tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK;”.

    Artikolu 31

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi Strasburgu, l-10 ta’ Mejju 2023.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    R. METSOLA

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. ROSWALL


    (1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta’ Marzu 2023 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2023.

    (2)  ĠU C 197, 12.7.2000, p. 3.

    (3)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar skwadri ta’ investigazzjoni konġunti (ĠU L 162, 20.6.2002, p. 1).

    (4)  ETS Nru 182.

    (5)  ĠU L 181, 19.7.2003, p. 34.

    (6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 138).

    (7)  Ir-Regolament (UE) 2022/838 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1727 fir-rigward tal-preservazzjoni, l-analiżi u l-ħżin fil-Eurojust ta’ evidenza relatata ma’ ġenoċidju, delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u reati kriminali relatati (ĠU L 148, 31.5.2022, p. 1).

    (8)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

    (9)  Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99).

    (10)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

    (11)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

    (12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

    (13)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom tat-28 ta’ April 1999 li twaqqaf l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 136, 31.5.1999, p. 20).

    (14)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (15)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

    (16)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal- Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

    (17)  ĠU C 12, 13.1.2018, p. 1.


    Top