EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0410

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/410 tad-19 ta’ Diċembru 2022 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 fir-rigward taż-żieda tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, Ġibiltà, il-Mozambique, it-Tanzanija u l-Emirati Għarab Magħquda mat-tabella I tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 u t-tħassir tan-Nikaragwa, il-Pakistan u ż-Żimbabwe minn dik it-tabella (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/9649

ĠU L 59, 24.2.2023, p. 3–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/410/oj

24.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 59/3


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/410

tad-19 ta’ Diċembru 2022

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 fir-rigward taż-żieda tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, Ġibiltà, il-Mozambique, it-Tanzanija u l-Emirati Għarab Magħquda mat-tabella I tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 u t-tħassir tan-Nikaragwa, il-Pakistan u ż-Żimbabwe minn dik it-tabella

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 9(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Unjoni trid tiżgura l-protezzjoni effettiva tal-integrità u l-funzjonament xieraq tas-sistema finanzjarja tagħha u tas-suq intern mill-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Għalhekk, id-Direttiva (UE) 2015/849 tipprevedi li jenħtieġ li l-Kummissjoni tidentifika l-pajjiżi li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi tagħhom dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (“AML/CFT”) li huma ta’ theddid serju għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 (2)jidentifika l-pajjiżi terzi b’riskju kbir u li għandhom nuqqasijiet strateġiċi.

(3)

Minħabba l-livell għoli ta’ integrazzjoni tas-sistema finanzjarja internazzjonali, ir-rabta stretta tal-operaturi tas-suq, il-volum għoli ta’ tranżazzjonijiet transfruntiera lejn jew mill-Unjoni, u l-livell ta’ ftuħ tas-suq, kwalunkwe theddida tal-AML/CFT fuq is-sistema finanzjarja internazzjonali tirrappreżenta wkoll theddida għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849, il-Kummissjoni tqis l-informazzjoni reċenti disponibbli, b’mod partikolari d-Dikjarazzjonijiet Pubbliċi reċenti tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF), il-lista tal-FATF ta’ “Ġurisdizzjonijiet soġġetti għal Monitoraġġ Miżjud”, u r-rapporti tal-FATF tal-Grupp ta’ Reviżjoni tal-Kooperazzjoni Internazzjonali fir-rigward tar-riskji ppreżentati minn pajjiżi terzi individwali.

(5)

Mill-aħħar emendi għar-Regolament (UE) 2016/1675, l-FATF aġġornat b’mod sinifikanti l-lista tagħha ta’ “Ġuriżdizzjonijiet soġġetti għal Monitoraġġ Miżjud”. Fil-laqgħa plenarja tagħha f’Marzu 2022, l-FATF żiedet l-Emirati Għarab Magħquda (EGħM) mal-lista tagħha u ħassret liż-Żimbabwe mil-lista tagħha. Fil-laqgħa plenarja tagħha f’Ġunju 2022, l-FATF żiedet Ġibiltà mal-lista tagħha. Fil-laqgħa plenarja tagħha f’Ottubru 2022, l-FATF żiedet ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), il-Mozambique u t-Tanzanija mal-lista tagħha u ħassret in-Nikaragwa u l-Pakistan mil-lista tagħha. Dawk il-bidliet kollha ġew ivvalutati mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(6)

Fi Frar 2022, l-Emirati Għarab Magħquda ħadu impenn politiku ta’ livell għoli biex jaħdmu mal-FATF u t-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja għal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq (MENAFATF) biex isaħħu l-effettività tar-reġim tagħhom tal-AML/CFT. Minn dak iż-żmien’ l hawn, l-Emirati Għarab Magħquda wrew progress pożittiv, inkluż billi pprovdew riżorsi addizzjonali lill-Unità tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) biex issaħħaħ l-analiżi tal-UIF u billi pprovdew intelligence finanzjarja lill-Awtoritajiet tal-Infurzar tal-Liġi u lill-Prosekuturi Pubbliċi għall-ġlieda kontra t-theddid tal-ħasil tal-flus b’riskju għoli. Jenħtieġ li l-Emirati Għarab Magħquda jkomplu jaħdmu biex jimplimentaw il-pjan ta’ azzjoni tagħhom tal-FATF billi: (1) juru, permezz ta’ studji ta’ każijiet u statistika, żieda sostnuta fit-talbiet għal Assistenza Legali Reċiproka ’l barra mill-pajjiż biex tiġi ffaċilitata l-investigazzjoni tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (FT), il-Ħasil tal-Flus (ĦF), u t-tbassir ta’ riskju għoli; (2) isaħħu u jżommu fehim kondiviż tar-riskji tal-ĦF/FT bejn is-setturi tad-DNFBP u l-istituzzjonijiet differenti; (3) juru żieda fl-għadd u fil-kwalità tal-STRs ippreżentati mill-FIs u min-Negozji u l-Professjonijiet Mhux Finanzjarji Maħtura (DNFBPs); (4) jiżguraw fehim aktar granulari tar-riskju ta’ abbuż ta’ persuni ġuridiċi u, jekk applikabbli, arranġamenti legali, għall-ĦF/FT; (5) juru użu akbar ta’ intelligence finanzjarja biex jiġi segwit theddid b’riskju għoli tal-ĦF; u juru żieda sostnuta f’investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet effettivi ta’ tipi differenti ta’ każijiet tal-ĦF konsistenti mal-profil tar-riskju tal-Emirati Għarab Magħquda; u (6) jidentifikaw u jiġġieldu b’mod proattiv l-evażjoni tas-sanzjonijiet, inkluż billi juru fehim aħjar tal-evażjoni tas-sanzjonijiet mis-settur privat. Minkejja dak l-impenn u l-progress, it-tħassib li wassal għall-elenkar tal-EGħM mill-FATF għadu ma ġiex indirizzat bis-sħiħ. Għalhekk, jenħtieġ li l-EGħM jitqiesu bħala pajjiż li għandu nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tiegħu skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(7)

F’Ġunju 2022, Ġibiltà għamlet impenn politiku ta’ livell għoli biex taħdem mal-FATF u l-MONEYVAL, il-Kumitat ta’ Esperti dwar l-Evalwazzjoni ta’ Miżuri Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu tal-Kunsill tal-Ewropa, biex issaħħaħ l-effettività tar-reġim AML/CFT tagħha. Mill-adozzjoni tal-MER tagħha f’Diċembru 2019, Ġibiltà għamlet progress fuq għadd sinifikanti ta’ azzjonijiet rakkomandati mill-MER tagħha, bħat-tlestija ta’ valutazzjoni tar-riskju nazzjonali ġdida, l-indirizzar tan-nuqqasijiet tekniċi fir-rigward taż-żamma tar-rekords relatati mas-Sidien Benefiċjarji, l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti ta’ trasparenza għall-azzjonisti u d-diretturi nominati, it-tisħiħ tal-unità tal-intelligence finanzjarja, u l-irfinar tal-politika ta’ investigazzjoni tal-ĦF tagħha f’konformità mar-riskji. Jenħtieġ li Ġibiltà taħdem fuq l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tagħha, inkluż billi (1) tiżgura li l-awtoritajiet superviżorji għall-istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji u d-DNFBPs jużaw firxa ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-ksur tal-AML/CFT; u (2) turi li qed issegwi b’mod aktar attiv u b’suċċess sentenzi finali ta’ konfiska, permezz ta’ proċedimenti kriminali jew ċivili bbażati fuq investigazzjonijiet finanzjarji. Minkejja dan l-impenn u l-progress, it-tħassib li wassal għall-elenkar ta’ Ġibiltà mill-FATF għadu ma ġiex indirizzat bis-sħiħ. Għalhekk, jenħtieġ li Ġibiltà titqies bħala ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz li għandha nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tagħha skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(8)

F’Ottubru 2022, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo ħadet impenn politiku ta’ livell għoli biex taħdem mal-FATF u mal-“Groupe d’Action contre le Blanchiment d’Argent en Afrique Centrale” (GABAC), korp reġjonali tat-tip FATF, biex issaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tagħha. Mill-adozzjoni tal-MER tagħha f’Ottubru 2020, ir-RDK għamlet progress f’uħud mill-azzjonijiet rakkomandati tal-MER inkluż li l-konfiska tar-rikavat mill-kriminalità ssir prijorità politika. Ir-RDK se taħdem biex timplimenta l-pjan ta’ azzjoni tagħha tal-FATF billi: (1) tiffinalizza l-Valutazzjoni Nazzjonali tar-Riskju dwar il-ĦF u l-FT u tadotta strateġija nazzjonali tal-AML/CFT; (2) taħtar awtoritajiet superviżorji għas-setturi kollha tad-DNFBP, u tiżviluppa u timplimenta pjan ta’ superviżjoni bbażat fuq ir-riskju; (3) tagħti riżorsi adegwati lill-UIF, u tibni l-kapaċità tagħha biex twettaq analiżi operazzjonali u strateġika; (4) issaħħaħ il-kapaċitajiet tal-awtoritajiet involuti fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ĦF u l-FT; u (5) turi implimentazzjoni effettiva tas-Sanzjonijiet Finanzjarji Mmirati relatati mal-Finanzjament tat-Terroriżmu (FT) u l-Proliferazzjoni. Minkejja dak l-impenn u l-progress, it-tħassib li wassal għall-elenkar tar-RDK mill-FATF għadu ma ġiex indirizzat bis-sħiħ. Għalhekk, jenħtieġ li r-RDK titqies bħala pajjiż li għandu nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tiegħu skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(9)

F’Ottubru 2022, il-Mozambique ħadet impenn politiku ta’ livell għoli biex jaħdem mal-FATF u l-Grupp tal-AML tal-Lvant u n-Nofsinhar tal-Afrika (ESAAMLG) biex issaħħaħ l-effettività tar-reġim tagħha tal-AML/CFT. Mill-adozzjoni tal-MER tagħha f’April 2021, il-Mozambique għamlet progress fuq xi azzjonijiet rakkomandati mill-MER biex itejjeb is-sistema tagħha, inkluż bil-finalizzazzjoni tal-Valutazzjoni Nazzjonali tar-Riskju (NRA) tagħha u bit-tisħiħ tal-isforzi tagħha għall-konfiska tal-assi. Il-Mozambique se taħdem biex timplimenta l-pjan ta’ azzjoni tagħha tal-FATF billi: (1) tiżgura l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost l-awtoritajiet rilevanti biex jiġu implimentati strateġiji u politiki tal-AML/CFT ibbażati fuq ir-riskju; (2) twettaq taħriġ għall-Awtoritajiet kollha tal-Infurzar tal-Liġi (LEAs) dwar l-assistenza legali reċiproka biex jittejbu l-ġbir ta’ evidenza jew il-qbid/il-konfiska ta’ rikavati mill-kriminalità; (3) tagħti riżorsi finanzjarji u umani adegwati lis-superviżuri, tiżviluppa u timplimenta pjan ta’ superviżjoni bbażat fuq ir-riskju; (4) tagħti riżorsi adegwati lill-awtoritajiet biex jibdew il-ġbir ta’ informazzjoni adegwata, preċiża u aġġornata dwar is-sjieda benefiċjarja tal-persuni ġuridiċi; (5) iżżid ir-riżorsi umani tal-UIF kif ukoll iżżid l-intelligence finanzjarja mibgħuta lill-awtoritajiet; (6) turi l-kapaċità tal-LEAs li jinvestigaw b’mod effettiv każijiet ta’ ĦF/FT bl-użu ta’ intelligence finanzjarja; (7) twettaq Valutazzjoni tar-Riskju komprensiva tal-FT u tibda timplimenta strateġija nazzjonali komprensiva dwar is-CFT; (8) iżżid l-għarfien dwar is-Sanzjonijiet Finanzjarji Mmirati relatati mal-Finanzjament tat-Terroriżmu (FT) u l-Proliferazzjoni; u (9) twettaq valutazzjoni tar-riskju tal-FT għal Organizzazzjonijiet Mingħajr Profitt f’konformità mal-Istandards tal-FATF u l-użu tagħha bħala bażi biex tiżviluppa pjan ta’ sensibilizzazzjoni. Minkejja dak l-impenn u l-progress, it-tħassib li wassal għall-elenkar tal-Mozambique mill-FATF għadu ma ġiex indirizzat bis-sħiħ. Għalhekk, jenħtieġ li l-Mozambique titqies bħala pajjiż li għandha nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tagħha skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(10)

F’Ottubru 2022, it-Tanzanija ħadet impenn politiku ta’ livell għoli biex taħdem mal-FATF u l-ESAAMLG biex issaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tagħha. Mill-adozzjoni tal-MER tagħha f’April 2021, it-Tanzanija għamlet progress f’uħud mill-azzjonijiet rakkomandati tal-MER biex ittejjeb is-sistema tagħha inkluż billi żviluppat qafas legali għall-Finanzjament tat-Terroriżmu (FT) u Sanzjonijiet Finanzjarji Mmirati (TFS) u billi xerrdet analiżi strateġika tal-UIF. It-Tanzanija se taħdem biex timplimenta l-pjan ta’ azzjoni tiegħu tal-FATF billi: (1) ittejjeb is-superviżjoni bbażata fuq ir-riskju tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji u d-DNFBPs, inkluż billi twettaq spezzjonijiet abbażi tas-sensittività tar-riskju u tapplika sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għan-nuqqas ta’ konformità; (2) turi l-kapaċità tal-awtoritajiet li twettaq b’mod effettiv firxa ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet tal-ĦF f’konformità mal-profil tar-riskju tal-pajjiż; (3) turi li l-Awtoritajiet tal-Infurzar tal-Liġi qed jieħdu miżuri biex jiġu identifikati, ittraċċati, jinqabdu u jiġu kkonfiskati r-rikavat u l-mezzi strumentali tal-kriminalità; (4) twettaq Valutazzjoni tar-Riskju komprensiva tal-FT u tibda timplimenta strateġija nazzjonali komprensiva dwar is-CFT kif ukoll li turi l-kapaċità li twettaq investigazzjonijiet tal-FT u li twettaq prosekuzzjonijiet f’konformità mal-profil tar-riskju tal-pajjiż; (5) iżżid is-sensibilizzazzjoni tas-settur privat u tal-awtoritajiet kompetenti dwar il-FT u s-sanzjonijiet finanzjarji mmirati (TFS) relatati mal-finanzi pubbliċi; u (6) twettaq valutazzjoni tar-riskju tal-FT għal Organizzazzjonijiet Mingħajr Profitt f’konformità mal-Istandards tal-FATF u l-użu tagħha bħala bażi biex jiġi żviluppat pjan ta’ sensibilizzazzjoni. Minkejja dak l-impenn u l-progress, it-tħassib li wassal għall-elenkar tat-Tanzanija mill-FATF għadu ma ġiex indirizzat bis-sħiħ. Għalhekk, jenħtieġ li t-Tanzanija titqies bħala pajjiż li għandu nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tiegħu skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(11)

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li r-Repubblika Demokratika tal-Kongo, Ġibiltà, il-Mozambique, it-Tanzanija u l-Emirati Għarab Magħquda jitqiesu bħala ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi AML/CFT tagħhom li jippreżentaw theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni b’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(12)

Il-Kummissjoni rrevediet il-progress fl-indirizzar tan-nuqqasijiet strateġiċi tal-pajjiżi li ġew elenkati fir-Regolament (UE) 2016/1675 iżda li tneħħew mil-lista f’Marzu, Ġunju u Ottubru 2022 mill-FATF. Sabiex taġġorna l-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 kif meħtieġ mill-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849, il-Kummissjoni rrevediet il-progress li sar min-Nikaragwa, mill-Pakistan u miż-Żimbabwe.

(13)

L-FATF laqgħet il-progress sinifikanti li sar min-Nikaragwa, il-Pakistan u ż-Żimbabwe fit-titjib tar-reġimi tal-AML/CFT rispettivi tagħhom. Hija nnotat li n-Nikaragwa, il-Pakistan u ż-Żimbabwe stabbilew l-oqfsa legali u regolatorji biex jissodisfaw l-impenji fil-pjanijiet ta’ azzjoni rispettivi tagħhom rigward in-nuqqasijiet strateġiċi li l-FATF kienet identifikat. Għaldaqstant in-Nikaragwa, il-Pakistan, u ż-Żimbabwe ma għadhomx suġġetti għall-proċess ta’ monitoraġġ tal-FATF skont il-proċess ta’ konformità globali dwar l-AML/CFT li jinsab għaddej. Jenħtieġ li n-Nikaragwa tkompli taħdem mal-“Grupo de Acción Financiera de Latinoamérica” (GAFILAT), il-korp reġjonali tat-tip FATF, biex tkompli ttejjeb ir-reġim AML/CFT tagħha, inkluż billi tiżgura li s-sorveljanza tagħha ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ (NPOs) hija bbażata fuq ir-riskju u f’konformità mal-Istandards tal-FATF. Il-Pakistan se jkompli jaħdem mal-Grupp tal-Asja-Paċifiku, il-Korp Reġjonali tat-tip FATF, biex ikompli jtejjeb is-sistema AML/CFT tiegħu. Jenħtieġ li ż-Żimbabwe jkompli jaħdem mal-ESAAMLG biex itejjeb aktar is-sistema AML/CFT tiegħu, inkluż billi jiżgura li s-sorveljanza tiegħu tal-NPOs tkun ibbażata fuq ir-riskju u f’konformità mal-Istandards tal-FATF.

(14)

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-informazzjoni disponibbli twassalha biex tikkonkludi li n-Nikaragwa, il-Pakistan u ż-Żimbabwe m’għadx għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi tal-AML/CFT tagħhom. In-Nikaragwa, il-Pakistan u ż-Żimbabwe saħħew l-effettività tar-reġimi tal-AML/CFT tagħhom u indirizzaw in-nuqqasijiet tekniċi relatati biex jissodisfaw l-impenji fil-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom dwar in-nuqqasijiet strateġiċi li kienu ġew identifikati mill-FATF.

(15)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-tabella fil-punt I tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 hija sostitwita bit-tabella fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 tal-14 ta’ Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b’riskju kbir b’nuqqasijiet strateġiċi (ĠU L 254, 20.9.2016, p. 1).


ANNESS

“Nru

Pajjiż terz b’riskju kbir  (1)

1

l-Afganistan

2

il-Barbados

3

il-Burkina Faso

4

il-Kambodja

5

il-Gżejjer Cayman

6

ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

7

Ġibiltà

8

il-Haiti

9

il-Ġamajka

10

il-Ġordan

11

il-Mali

12

il-Marokk

13

il-Mozambique

14

il-Myanmar

15

il-Panama

16

il-Filippini

17

is-Senegal

18

is-Sudan t’Isfel

19

is-Sirja

20

it-Tanzanija

21

Trinidad u Tobago

22

l-Uganda

23

l-Emirati Għarab Magħquda

24

Vanuatu

25

il-Jemen


(1)  Mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni legali tar-Renju ta’ Spanja fir-rigward tas-sovranità u l-ġuriżdizzjoni b’rabta mat-territorju ta’ Ġibiltà.”


Top