EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1601

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1601 tat-3 ta’ Awwissu 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

ST/12087/2023/INIT

ĠU L 196, 4.8.2023, p. 37–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1601/oj

4.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/37


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/1601

tat-3 ta’ Awwissu 2023

li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK (1).

(2)

Fl-24 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukrajna u l-forzi armati Russi bdew attakk fuq l-Ukrajna, inkluż mit-territorju tal-Belarussja. Dak l-attakk huwa ksur sfaċċat tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

(3)

Fit-2 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/356 (2), li emendat it-titlu tad-Deċiżjoni 2012/642/PESK u introduċiet aktar miżuri restrittivi b’reazzjoni għall-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-20 u l-21 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill Ewropew appella lill-awtoritajiet Belarussi biex jieqfu jabilitaw il-gwerra ta’ aggressjoni Russa billi jippermettu lill-forzi armati Russi jużaw it-territorju Belarussu u billi jipprovdu appoġġ lill-militar Russu. Il-Kunsill Ewropew enfasizza li r-reġim Belarussu jrid jirrispetta bis-sħiħ l-obbligi tiegħu skont id-dritt internazzjonali u li l-Unjoni tibqa’ lesta li taġixxi malajr b’aktar sanzjonijiet kontra l-Belarussja.

(5)

Fit-18 ta’ Jannar 2023, l-Unjoni ħarġet dikjarazzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja fil-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, li fiha esprimiet tħassib serju dwar is-sitwazzjoni mwiegħra u li qed tiddeterjora tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja taħt ir-reġim ta’ Lukashenka, u kkundannat ulterjorment l-attivitajiet tar-reġim f’Minsk immirati biex jappoġġaw l-aggressjoni barbarika Russa kontra l-Ukrajna u t-tentattivi mġedda biex il-migranti jintużaw b’mod ċiniku u vjolenti biex jinħolqu sitwazzjonijiet ta’ kriżi fil-fruntieri tal-Unjoni.

(6)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23 ta’ Marzu 2023 u tad-29 u t-30 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill Ewropew ikkundanna t-tkomplija tal-appoġġ militari għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja pprovdut mill-Belarussja u enfasizza li l-Belarussja teħtieġ tieqaf tħalli lill-forzi armati Russi jużaw it-territorju tagħha, inkluż għall-iskjerament ta’ armi nukleari tattiċi.

(7)

Minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni, u b’reazzjoni għall-involviment kontinwu tal-Belarussja fl-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, huwa xieraq li jiġu introdotti miżuri restrittivi addizzjonali.

(8)

B’mod partikolari, huwa xieraq li jiġu pprojbiti l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ armi tan-nar, il-partijiet u komponenti u munizzjon essenzjali tagħhom. L-oġġetti soġġetti għal dik il-projbizzjoni huma koperti wkoll mir-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). F’dak il-kuntest, id-Deċiżjoni 2012/642/PESK għandha tiġi ttrattata bħala lex specialis u għalhekk, fil-każ ta’ kunflitt, tieħu preċedenza fuq ir-Regolament (UE) Nru 258/2012.

(9)

Huwa xieraq ukoll li tiġi estiża aktar il-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġiji b’użu doppju u avvanzati, u li jiġu introdotti aktar restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib militari u teknoloġiku tal-Belarussja jew għall-iżvilupp tas-settur tad-difiża u s-sigurtà tagħha, b’mod partikolari oġġetti li ntużaw mir-Russja għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

(10)

Huwa xieraq ukoll li tiġi imposta projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija adattati għall-użu fl-avjazzjoni u fl-industrija spazjali, inkluż magni tal-inġenji tal-ajru u l-partijiet tagħhom, kemm għall-inġenji tal-ajru bl-ekwipaġġ kif ukoll għal dawk mingħajr ekwipaġġ.

(11)

Tenħtieġ aktar azzjoni mill-Unjoni biex jiġu implimentati ċerti miżuri.

(12)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2012/642/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2012/642/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 1a

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni, għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-munizzjon kif elenkati fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), u armi tan-nar u armi oħra kif elenkati fl-Anness VI għal din id-Deċiżjoni, kemm jekk joriġinaw mill-Unjoni u kemm jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.

2.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

l-għoti ta’ għajnuna teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja; jew

(b)

l-għoti ta’ finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk l-oġġetti, jew għall-għoti ta’ għajnuna teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżiku jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja, jew għall-użu fil-Belarussja.

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabbrikar illeċitu ta’ u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom, li tissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata tranżnazzjonali (il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar) u li jistabbilixxi awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni, u miżuri rigward l-importazzjoni u t-tranżitu għall-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-ammunizzjoni (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 1).”;"

(2)

fl-Artikolu 2c, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni diretti jew indiretti tal-oġġetti u t-teknoloġija kollha b’użu doppju elenkati fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja minn ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri jew li jużaw bastimenti jew ajruplani li jtajru l-bandiera tagħhom għandu jiġi pprojbit, irrispettivament minn jekk tali oġġetti u teknoloġija joriġinawx fit-territorji tagħhom jew le.

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju (ĠU L 206, 11.6.2021, p. 1).”;"

(3)

fl-Artikolu 2c(3), il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

l-esportazzjoni temporanja ta’ oġġetti għall-użu mill-media tal-aħbarijiet;”;

(4)

fl-Artikolu 2c(3), il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

l-użu bħala apparat ta’ komunikazzjoni tal-konsumatur; jew;”;

(5)

fl-Artikolu 2c(3), il-punt (f) huwa mħassar;

(6)

fl-Artikolu 2c(3), il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

l-użu personali tal-persuni fiżiċi li jivvjaġġaw lejn il-Belarussja jew membri tal-familji immedjati tagħhom li jivvjaġġaw magħhom, u limitat għal oġġetti personali, oġġetti tad-dar, vetturi jew għodod tal-kummerċ li huma proprjetà ta’ dawk l-individwi u mhux maħsuba għall-bejgħ.”;

(7)

fl-Artikolu 2c(3), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Bl-eċċezzjoni tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, fid-dikjarazzjoni doganali l-esportatur għandu jiddikjara li l-oġġetti qed jiġu esportati skont l-eċċezzjoni rilevanti stabbilita f’dan il-paragrafu u għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn l-esportatur hu residenti jew stabbilit fih dwar l-ewwel użu tal-eċċezzjoni rilevanti fi żmien 30 jum mid-data meta seħħet l-ewwel esportazzjoni.”;

(8)

fl-Artikolu 2c(4), il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

networks elettroniċi tal-komunikazzjonijiet ċivili mhux disponibbli għall-pubbliku li mhumiex proprjetà ta’ entità fejn l-Istat għandu l-kontroll totali jew il-kontroll ta’ aktar minn 50 % tagħha;”;

(9)

fl-Artikolu 2c(4), il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

ir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Unjoni, tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi sħab, inkluż delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet; jew”;

(10)

fl-Artikolu 2c(4), jiżdied il-punt li ġej:

“(h)

l-iżgurar taċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-informazzjoni għal persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi fil-Belarussja għajr għall-gvern u għall-impriżi tagħha li huma kkontrollati direttament jew indirettament minn dak il-gvern.”;

(11)

fl-Artikolu 2c, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Permezz ta’deroga mill-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, u mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/821, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, wara li jkunu ddeterminaw li tali oġġetti jew teknoloġija jew tali assistenza teknika jew finanzjarja relatata jkunu dovuti taħt kuntratti konklużi qabel it-3 ta’ Marzu 2022, jew kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt, dment li l-awtorizzazzjoni tkun intalbet qabel l-1 ta’ Mejju 2022.”

;

(12)

fl-Artikolu 2c, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   L-awtorizzazzjonijiet kollha meħtieġa skont dan l-Artikolu għandhom jingħataw mill-awtoritajiet kompetenti skont ir-regoli u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/821, li għandhom japplikaw mutatis mutandis. L-awtorizzazzjoni għandha tkun valida fl-Unjoni kollha”;

(13)

fl-Artikolu 2c(7), il-punti (i) u (ii) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(i)

l-utent aħħari jista’ jkun utent aħħari militari, persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness II jew li l-oġġetti jista’ jkollhom użu aħħari militari, sakemm il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew l-għoti ta’ għajnuna teknika jew finanzjarja relatata ma jkunux permessi skont l-Artikolu 2da(1), il-punt (a); jew

(ii)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew l-għoti ta’ għajnuna teknika jew finanzjarja relatata huma maħsuba għas-settur tal-avjazzjoni jew tal-industrija spazjali, sakemm tali bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jew l-għoti ta’għajnuna teknika jew finanzjarja relatata ma jkunux permessi skont il-paragrafu 4, il-punt (b).”;

(14)

fl-Artikolu 2d(3), il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

l-esportazzjoni temporanja ta’ oġġetti għall-użu mill-media tal-aħbarijiet;”;

(15)

fl-Artikolu 2d(3), il-punt (f) huwa mħassar;

(16)

fl-Artikolu 2d(3), il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

l-użu personali ta’ persuni fiżiċi li jivvjaġġaw lejn il-Belarussja jew membri tal-familji immedjati tagħhom li jivvjaġġaw magħhom, u limitat għal oġġetti personali, oġġetti tad-dar, vetturi jew għodod tal-kummerċ li huma proprjetà ta’ dawk l-individwi u mhux maħsuba għall-bejgħ.”;

(17)

fil-paragrafu 2d(3), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Bl-eċċezzjoni tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, fid-dikjarazzjoni doganali l-esportatur għandu jiddikjara li l-oġġetti qed jiġu esportati skont l-eċċezzjoni rilevanti stabbilita f’dan il-paragrafu u għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn l-esportatur hu residenti jew stabbilit fih dwar l-ewwel użu tal-eċċezzjoni rilevanti fi żmien 30 jum mid-data meta sseħħ l-ewwel esportazzjoni.”;

(18)

fl-Artikolu 2d(4), il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

networks elettroniċi tal-komunikazzjonijiet ċivili mhux disponibbli għall-pubbliku li mhumiex il-proprjetà ta’ entità fejn l-Istat għandu l-kontroll totali jew il-kontroll ta’ aktar minn 50 % tagħha;”;

(19)

fl-Artikolu 2d(4), il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

ir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Unjoni, tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi sħab, inkluż delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet; jew”;

(20)

fl-Artikolu 2d(4), jiżdied il-punt li ġej:

“(h)

l-iżgurar taċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-informazzjoni għal persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi fil-Belarussja għajr għall-gvern u għall-impriżi tagħha li huma kkontrollati direttament jew indirettament minn dak il-gvern.”;

(21)

fl-Artikolu 2d, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4a.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, il-punt (e), u b’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew il-provvista ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, wara li tkun iddeterminat li tali oġġetti jew teknoloġija jew l-assistenza teknika jew finanzjarja relatata jkunu maħsuba għall-istralċ sas-6 ta’ Frar 2024, ta’ kuntratti u operazzjonijiet li jkunu għaddejjin fil-5 ta’ Awwissu 2023, u li jkunu neċessarji għall-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni ċivili lill-popolazzjoni ċivili Belarussa.”

;

(22)

fl-Artikolu 2d, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“5a.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 8536 69, 8536 90, 8541 30 u 8541 60 sas-6 ta’ Frar 2024, jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, sa fejn dan ikun neċessarju għall-ipproċessar ta’ dawk l-oġġetti fil-Belarussja minn impriża konġunta li fiha kumpanija stabbilita fl-Unjoni jkollha sjieda maġġoritarja fil-5 ta’ Awwissu 2023, għall-fini ta’ importazzjoni sussegwenti fl-Unjoni u l-produzzjoni sussegwenti fl-Unjoni ta’ oġġetti maħsuba għall-użu fis-settur tas-saħħa jew dak farmaċewtiku, jew fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp.”

;

(23)

fl-Artikolu 2d, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   L-awtorizzazzjonijiet kollha meħtieġa skont dan l-Artikolu għandhom jingħataw mill-awtoritajiet kompetenti skont ir-regoli u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/821, li għandhom japplikaw mutatis mutandis. L-awtorizzazzjoni għandha tkun valida fl-Unjoni kollha.”

;

(24)

fl-Artikolu 2d(7), il-punti (i) u (ii) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(i)

l-utent aħħari jista’ jkun utent aħħari militari, persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness II jew li l-oġġetti jista’ jkollhom użu aħħari militari, sakemm il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew l-għoti ta’ għajnuna teknika jew finanzjarja relatata ma jkunux permessi skont l-Artikolu 2da(1), il-punt (a); jew

(ii)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew l-għoti ta’ għajnuna teknika jew finanzjarja relatata tkun maħsuba għas-settur tal-avjazzjoni jew tal-industrija spazjali, sakemm tali bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jew l-għoti ta’għajnuna teknika jew finanzjarja relatata ma jkunux permessi skont il-paragrafu 4, il-punt (b).”;

(25)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 2sa

1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, diretti jew indiretti, tal-oġġetti u t-teknoloġija adatti għall-użu fl-avjazzjoni jew fl-industrija spazjali, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.

2.   Għandu jkun ipprojbit il-forniment ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni, direttament jew indirettament, fir-rigward ta’ prodotti u teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.

3.   Għandu jkun ipprojbit il-forniment ta’ kwalunkwe waħda mill-attivitajiet li ġejjin jew kwalunkwe kombinazzjoni tagħhom: tiġdid, tiswija, spezzjoni, sostituzzjoni, modifika jew rettifika ta’ difett ta’ inġenju tal-ajru jew komponent, bl-eċċezzjoni ta’ spezzjoni ta’ qabel it-titjira, fir-rigward tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1, direttament jew indirettament, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fir-Belarussja.

4.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

l-għoti ta’ għajnuna teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti jew it-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u l-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja; jew

(b)

l-għoti ta’ finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, jew għall-għoti ta’ għajnuna teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.

5.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 4 ma għandhomx japplikaw għall-eżekuzzjoni sal-4 ta’ Settembru 2023 ta’ kuntratti konklużi qabel il-5 ta’ Awwissu 2023, jew ta’ kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

6.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, l-eżekuzzjoni ta’ kera finanzjarja ta’ inġenju tal-ajru konkluża qabel il-5 ta’ Awwissu 2023 wara li jkunu ddeterminaw li:

(a)

tkun strettament neċessarja biex tiżgura ripagamenti ta’ kiri lil persuna ġuridika, entità jew korp inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru li ma jaqgħu taħt l-ebda waħda mill-miżuri restrittivi previsti f’din id-Deċiżjoni; u

(b)

l-ebda riżorsa ekonomika mhi ser tkun disponibbli għall-kontroparti tal-Belarussja, bl-eċċezzjoni tat-trasferiment tas-sjieda tal-inġenju tal-ajru wara rimborż sħiħ tal-kirja finanzjarja.

7.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 4, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, b’tali kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 8517 71 00, 8517 79 00 u 9026 00 00, jew għajnuna teknika, servizzi ta’ senserija, finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati, wara li jkunu ddeterminaw li dan huwa neċessarju għal finijiet mediċi jew farmaċewtiċi, jew għal finijiet umanitarji, bħat-twassil jew il-faċilitazzjoni tat-twassil ta’ assistenza, inkluż provvisti mediċi, ikel, jew it-trasferiment ta’ ħaddiema umanitarji u assistenza relatata jew għal evakwazzjonijiet.

Meta jiddeċiedu dwar talbiet għal awtorizzazzjonijiet għal finijiet mediċi, farmaċewtiċi jew umanitarji f’konformità ma’ dan il-paragrafu, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma għandhomx jagħtu awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja, jekk ikollhom raġunijiet validi biex jemmnu li l-oġġetti jista’ jkollhom użu aħħari militari.

8.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan l-Artikolu fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

9.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 2c(4), il-punt (b), u 2d(4), il-punt (b).

10.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 4, il-punt (a), ma għandhiex tapplika għall-iskambju ta’ informazzjoni bil-għan li jiġu stabbiliti standards tekniċi fil-qafas tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1.

11.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan l-Artikolu.”

;

(26)

it-test fl-Anness għal din id-Deċiżjoni huwa miżjud bħala l-Anness VI għad-Deċiżjoni 2012/642/PESK.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Awwissu 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (ĠU L 285, 17.10.2012, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/356 tat-2 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU L 67, 2.3.2022, p. 103).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabrikar illeċitu ta’ u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata tranżnazzjonali (il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar) u li jistabbilixxi awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni, u miżuri rigward l-importazzjoni u t-tranżitu għall-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-ammunizzjoni (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 1).


ANNESS

“ANNESS VI

Lista ta’ armi tan-nar u armi oħrajn imsemmija fl-Artikoli 1a

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

9303

Armi tan-nar oħrajn u mezzi simili li jaħdmu bl-isparar ta’ karga ta’ splussiv

eks9304

Armi oħrajn (eż. xkubetti u pistoli bil-molla, bl-arja jew bil-gass), ħlief dawk tal-intestatura 9307 .


Top