Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1336

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1336 tas-16 ta’ Ġunju 2023 dwar miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu mill-Belġju u mil-Lussemburgu rigward ċerti miri ta’ prestazzjoni għat-tielet perjodu ta’ referenza f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2023) 3852) (It-testi bl-Olandiż u bil-Franċiż biss huma awtentiċi) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2023/3852

    ĠU L 166, 30.6.2023, p. 119–138 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/1336/oj

    30.6.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 166/119


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1336

    tas-16 ta’ Ġunju 2023

    dwar miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu mill-Belġju u mil-Lussemburgu rigward ċerti miri ta’ prestazzjoni għat-tielet perjodu ta’ referenza f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (notifikata bid-dokument C(2023) 3852)

    (It-testi bl-Olandiż u bil-Franċiż biss huma awtentiċi)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (1) (ir-Regolament qafas) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 11(3), il-punt (c), it-tielet paragrafu, tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(5) tiegħu,

    Billi:

    KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

    (1)

    Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-Istati Membri jridu jfasslu, fil-livell nazzjonali jew fil-livell tal-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali (“FABs”), miri ta’ prestazzjoni vinkolanti għal kull perjodu ta’ referenza tal-iskema ta’ prestazzjoni għas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-network. Dawk il-miri ta’ prestazzjoni jridu jkunu konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha adottati mill-Kummissjoni għall-perjodu ta’ referenza kkonċernat.

    (2)

    Bi tweġiba għall-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1627 stabbilixxa miżuri ta’ deroga eċċezzjonali mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 għat-tielet perjodu ta’ referenza (“RP3”) (3). Abbażi ta’ dawn, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/891 (4) stabbiliet miri ta’ prestazzjoni riveduti għall-Unjoni kollha għat-tielet perjodu ta’ referenza (“RP3”).

    (3)

    Il-Belġju, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu u n-Netherlands adottaw b’mod konġunt fil-livell tal-Blokk tal-Ispazju tal-Ajru Funzjonali tal-Ewropa Ċentrali (“FABEC”) abbozz ta’ pjan ta’ prestazzjoni għall-RP3 (“l-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni”) li ġie ppreżentat lill-Kummissjoni f’Ottubru 2021. Wara valutazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/728 (5) li l-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għaż-żona tal-imposti en route ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu (“iż-żona tal-imposti ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu”) li hemm f’dak l-abbozz ta’ pjan ta’ prestazzjoni kienu inkonsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha u stabbiliet rakkomandazzjonijiet għar-reviżjoni ta’ dawk il-miri ta’ prestazzjoni lokali. L-Iżvizzera hija wkoll membru tal-FABEC u kienet parti mill-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC. Bħala Pajjiż Terz soġġett għall-iskema ta’ prestazzjoni u ta’ imposti skont il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Iżvizzera, l-Iżvizzera ġiet innotifikata separatament, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/780 (6) tat-13 ta’ April 2022, bl-inkonsistenza tal-miri lokali tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza tal-Belġju u tal-Lussemburgu li jinsabu fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC.

    (4)

    Fit-13 ta’ Lulju 2022, il-Belġju, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu u n-Netherlands ippreżentaw abbozz rivedut ta’ pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC (“l-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni”) għall-RP3 lill-Kummissjoni.

    (5)

    Fl-24 ta’ Ottubru 2022, il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni (UE) 2022/2255 (7) tagħha bdiet l-eżami dettaljat imsemmi fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 (“l-eżami dettaljat”) fir-rigward tal-miri riveduti tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza proposti għaż-żona tal-imposti bejn il-Belġju u l-Lussemburgu, inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni.

    (6)

    Franza, il-Ġermanja u n-Netherlands informaw lill-Kummissjoni, fit-28 ta’ Ottubru 2022, fit-3 ta’ Novembru 2022 u fl-4 ta’ Novembru 2022 rispettivament, li kienu rtiraw mill-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni stabbilit b’mod konġunt fil-livell tal-FABEC. Fl-istess ħin, dawk l-Istati Membri ppreżentaw lill-Kummissjoni abbozzi ta’ pjanijiet ta’ prestazzjoni nazzjonali riveduti individwali għall-RP3.

    (7)

    Wara valutazzjoni ġdida, il-Kummissjoni sabet li l-miri nazzjonali ta’ prestazzjoni riveduti rispettivi kienu konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha u nnotifikat lil Franza, lill-Ġermanja u lin-Netherlands dwar dan permezz tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE) 2023/176 (8), (UE) 2023/177 (9) u (UE) 2023/179 (10) rispettivament. L-Iżvizzera informat ukoll lill-Kummissjoni dwar l-irtirar tagħha mill-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni u fl-istess ħin ippreżentat abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni nazzjonali fl-4 ta’ Novembru 2022. Il-Kummissjoni sabet li l-miri ta’ prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan nazzjonali ta’ prestazzjoni tal-Iżvizzera huma konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha u nnotifikat lill-Iżvizzera dwar dan bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/178 tal-14 ta’ Diċembru 2022.

    (8)

    Il-Belġju u l-Lussemburgu ma nnotifikaw l-ebda pjan ta’ prestazzjoni nazzjonali separat. B’riżultat ta’ dan, l-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni stabbilit qabel fil-livell tal-FAB, u soġġett għall-eżami dettaljat tal-Kummissjoni li nbeda bid-Deċiżjoni (UE) 2022/2255 tagħha, għadu jikkostitwixxi l-bażi għall-valutazzjoni tal-miri ta’ prestazzjoni tal-Belġju u tal-Lussemburgu.

    (9)

    Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tiġi indirizzata lill-Belġju u lil-Lussemburgu biss minħabba li Franza, il-Ġermanja u n-Netherlands irtiraw mill-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni preżentat mill-FABEC u ppreżentaw pjanijiet ta’ prestazzjoni nazzjonali separati. Dawk il-pjanijiet instab li kienu konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha (ara d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni msemmija fil-premessa (7)).

    (10)

    Fis-27 ta’ Ottubru 2022, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu l-ewwel talba għal informazzjoni lill-Belġju dwar l-elementi koperti mill-eżami dettaljat. L-ittra tas-servizzi tal-Kummissjoni lill-Belġju tas-27 ta’ Ottubru 2022 intbagħtet ukoll simultanjament lil-Lussemburgu, għall-informazzjoni biss. Bi tweġiba għal dik it-talba, l-awtoritajiet Belġjani bagħtu lis-servizzi tal-Kummissjoni, fis-6 ta’ Novembru 2022 u fid-9 ta’ Novembru 2022, informazzjoni li waslet mingħand il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (“ANSPs”).

    (11)

    Fid-9 ta’ Novembru 2022, is-servizzi tal-Kummissjoni kellhom laqgħa mal-awtoritajiet Belġjani.

    (12)

    Fil-11 ta’ Novembru 2022, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu t-tieni talba għall-informazzjoni lill-Belġju u rċevew dokumenti addizzjonali mill-awtoritajiet Belġjani fit-28 ta’ Novembru 2022. L-ittra tas-servizzi tal-Kummissjoni lill-Belġju tal-11 ta’ Novembru 2022 intbagħtet ukoll simultanjament lil-Lussemburgu, għall-informazzjoni biss.

    (13)

    Fid-29 ta’ Novembru 2022, is-servizzi tal-Kummissjoni talbu aktar informazzjoni mingħand il-Belġju. L-awtoritajiet Belġjani wieġbu għal dik it-talba fit-8 ta’ Diċembru 2022 u kkomplementaw ukoll id-data u l-informazzjoni li kienu ppreżentaw fit-28 ta’ Novembru 2022. L-ittra tas-servizzi tal-Kummissjoni lill-Belġju tad-29 ta’ Novembru 2022 intbagħtet ukoll simultanjament lil-Lussemburgu, għall-informazzjoni biss.

    (14)

    Fit-8 ta’ Diċembru 2022 u fil-15 ta’ Diċembru 2022, is-servizzi tal-Kummissjoni ltaqgħu mal-awtoritajiet Belġjani.

    (15)

    Fl-20 ta’ Diċembru 2022, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu talba finali għall-informazzjoni lill-Belġju. Fit-12 ta’ Jannar 2023 l-awtoritajiet Belġjani pprovdew informazzjoni addizzjonali bi tweġiba għal dik it-talba. L-ittra tas-servizzi tal-Kummissjoni lill-Belġju tal-20 ta’ Diċembru 2022 intbagħtet ukoll simultanjament lil-Lussemburgu, għall-informazzjoni biss.

    (16)

    Fit-3 ta’ Frar 2023, is-servizzi tal-Kummissjoni stiednu lil-Lussemburgu jippreżenta kwalunkwe osservazzjoni jew kumment komplementari rilevanti għall-materjali provduti mill-Belġju bi tweġiba għat-talbiet għall-informazzjoni msemmija fil-premessi (10), (12), (13) u (15). L-awtoritajiet tal-Lussemburgu ma ppreżentaw l-ebda informazzjoni bi tweġiba għat-talba tas-servizzi tal-Kummissjoni.

    (17)

    Fit-2 ta’ Marzu 2023, is-servizzi tal-Kummissjoni ltaqgħu mal-awtoritajiet tal-Belġju u tal-Lussemburgu.

    VALUTAZZJONI TAL-MIRI TA’ PRESTAZZJONI RIVEDUTI MATUL L-EŻAMI DETTALJAT

    Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżami dettaljat

    (18)

    Il-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni (“PRB”), li jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, ippreżenta rapporti lill-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tal-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni u dwar l-eżami dettaljat tal-miri riveduti tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza proposti għaż-żona tal-imposti ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu.

    (19)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-miri ta’ prestazzjoni tas-sikurezza, tal-kapaċità u tal-ambjent stabbiliti fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni baqgħu l-istess. Il-Kummissjoni ma qajmet l-ebda sejba dwar dawk il-miri ta’ prestazzjoni fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/758 tagħha u fid-Deċiżjoni (UE) 2022/2255 tagħha. Għalhekk, f’din id-Deċiżjoni ma hemm l-ebda osservazzjoni oħra dwar il-valutazzjoni tal-miri ta’ prestazzjoni tas-sikurezza, tal-kapaċità u tal-ambjent.

    (20)

    L-eżami dettaljat ippermetta lill-Kummissjoni tanalizza ulterjorment il-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza proposti mill-Belġju u mil-Lussemburgu (kif preżentati fit-tabella ta’ hawn taħt), minħabba d-dubji stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2022/2255 dwar il-konsistenza tagħhom mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha.

    Żona tal-imposti en route ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu

    Valur ta’ referenza tal-2014

    Valur ta’ referenza tal-2019

    2020-2021

    2022

    2023

    2024

    Miri riveduti tal-kosteffiċjenza en route fuq il-kost unitarju determinat, espressi f’termini reali fil-prezzijiet tal-2017 (“EUR 2017”)

    EUR 81,78

    EUR 83,26

    EUR 189,52

    EUR 104,47

    EUR 94,18

    EUR 89,87

    (21)

    L-eżami dettaljat kopra l-elementi stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2255 u ffoka fuq is-servizzi relatati mal-ispazju tal-ajru tal-Belġju. Għal dik ir-raġuni, it-talbiet għall-informazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni (ara l-premessi (10) sa (15)) ġew indirizzati lill-awtoritajiet Belġjani, filwaqt li l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti tal-Lussemburgu rċevew dawk it-talbiet għall-informazzjoni biss.

    Valutazzjoni tal-miri ta’ prestazzjoni riveduti abbażi tal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fil-punti 1.4(a), (b) u (c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/317

    (22)

    Il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri riveduti tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza preżentati fil-premessa (18) mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha f’konformità mal-kriterji ta’ valutazzjoni li jinsabu fil-punti 1.4(a), (b) u (c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/317 filwaqt li qieset is-sejbiet tal-eżami dettaljat li huma stabbiliti fil-premessi (26) sa (67) hawn taħt.

    (23)

    Fir-rigward tal-kriterji stabbiliti fil-punti 1.4(a) u 1.4(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li l-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għaż-żona tal-imposti ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu għandhom prestazzjoni ħażina kemm fix-xejra tad-DUC għall-Unjoni kollha matul l-RP3 kif ukoll fix-xejra tad-DUC għall-Unjoni kollha fit-tul fuq l-RP2 u l-RP3 flimkien. Tabilħaqq, ix-xejra tad-DUC għall-RP3 ta’ +1,9 % tal-Belġju u tal-Lussemburgu tonqos milli tissodisfa x-xejra għall-Unjoni kollha ta’ +1,0 % matul l-istess perjodu, filwaqt li x-xejra tad-DUC fit-tul tagħhom ta’ +1,1 % hija ogħla b’mod sinifikanti mil-livell tax-xejra korrispondenti għall-Unjoni kollha, jiġifieri -1,3 %.

    (24)

    Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni sabet li l-valur ta’ referenza għad-DUC ta’ EUR 83,26 tal-Belġju u tal-Lussemburgu f’EUR 2017 huwa 13,2 % ogħla mill-valur ta’ referenza medju ta’ 73,53 f’EUR 2017 tal-grupp komparatur rilevanti.

    (25)

    Bħala parti mill-eżami dettaljat, il-Kummissjoni ssostanzjat ulterjorment il-valutazzjoni tagħha tal-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza bejn il-Belġju u l-Lussemburgu abbażi tal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fil-punti 1.4(a), (b) u (c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/317 billi analizzat l-elementi li ġejjin:

    il-kostijiet determinati għaż-żona tal-imposti, imqassma skont il-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (“ANSP”);

    il-kumplessità tal-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fiż-żona tal-imposti;

    l-arranġamenti ta’ forniment ta’ servizzi transfruntiera ma’ pajjiżi ġirien, u l-impatt operazzjonali u finanzjarju tagħhom; kif ukoll

    l-allokazzjoni tal-kostijiet bejn is-servizzi en route u tat-terminal.

    Sejbiet dwar il-kostijiet determinati għaż-żona tal-imposti, imqassma għal kull ANSP

    (26)

    Il-Kummissjoni tosserva li l-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni jirriżulta f’kost unitarju determinat (“DUC”) ta’ EUR 89,87 (f’EUR 2017) għas-sena 2024 għaż-żona tal-imposti ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu, kif ippreżentat fil-premessa (18). Dan huwa l-ogħla livell ta’ DUC għall-2024 taż-żoni tal-imposti en route kollha inklużi fl-ambitu tal-iskema ta’ prestazzjoni u imposti.

    (27)

    Tliet ANSPs, jiġifieri skeyes, iċ-Ċentru ta’ Kontroll taż-Żona ta’ Fuq ta’ Maastricht (“MUAC”) u l-Amministrazzjoni tan-Navigazzjoni bl-Ajru tal-Lussemburgu (“ANA Lussemburgu”), qed iservu ż-żona tal-imposti li qed tiġi eżaminata. Barra minn hekk, il-kostijiet determinati jiġġarrbu fir-rigward tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali (“ASN”) tal-Belġju u tal-Lussemburgu rispettivament.

    (28)

    It-tabella ta’ hawn taħt tippreżenta kif il-bażi tal-kost taż-żona tal-imposti tinqasam għal kull entità u kif il-kostijiet rispettivi ta’ dawk l-entitajiet evolvew maż-żmien.

    Żona tal-imposti en route ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu

    Valur ta’ referenza tal-2014

    (EUR 2017)

    Valur ta’ referenza tal-2019

    (EUR 2017)

    Kostijiet determinati tal-2024

    (EUR 2017)

    Varjazzjoni  (11) fis-sena bejn l-2014 u l-2024

    Varjazzjoni  (12) fis-sena bejn l-2019 u l-2024

    skeyes

    EUR 114 -il M

    EUR 131 M

    EUR 135 M

    +1,8  %

    +0,7  %

    MUAC

    EUR 54 M

    EUR 61 M

    EUR 75 M

    +3,7  %

    +5,5  %

    ANA Lussemburgu

    EUR 6 M

    EUR 6 M

    EUR 6 M

    +0,7  %

    -0,9  %

    ASN tal-Belġju u tal-Lussemburgu  (13)

    EUR 13 -il M

    EUR 13 -il M

    EUR 12 -il M

    -0,5  %

    -1,9  %

    Total

    EUR 187 M

    EUR 211 -il M

    EUR 228 M

    +2,2  %

    +2,0  %

    (29)

    Fir-rigward tal-kostijiet determinati għall-2024, il-Kummissjoni tinnota li 59 % tal-kostijiet determinati taż-żona tal-imposti huma mġarrba minn skeyes, filwaqt li l-MUAC jammonta għal 33 % tal-bażi tal-kost. Is-sehem kombinat ta’ ANA Lussemburgu u tal-ASN tal-Belġju u tal-Lussemburgu jirrappreżenta 8 % tal-kostijiet determinati.

    (30)

    Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni jnaqqas il-kostijiet determinati totali għaż-żona tal-imposti b’EUR 19,3-il M (f’EUR 2017) għas-sena 2024 meta mqabbel mal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni. Il-Kummissjoni tosserva li skeyes tikkontribwixxi l-aktar għal dak it-tnaqqis bi tnaqqis fil-kost ta’ EUR 16-il M (f’EUR 2017). Skont il-Belġju, skeyes kisbet dak it-tnaqqis fil-kostijiet permezz ta’:

    titjib fil-produttività (EUR -5,5 M f’EUR 2017);

    ir-reviżjoni tal-pjan ta’ investiment tagħha u spejjeż operazzjonali oħrajn (EUR -4,2 M f’EUR 2017); kif ukoll

    tnaqqis eċċezzjonali fil-kostijiet iffinanzjat permezz tas-surplus li jirriżulta mid-differenza bejn il-kostijiet determinati stabbiliti fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni għas-sena 2021 u l-kostijiet attwali reġistrati għal dik is-sena (EUR -6,5 M f’EUR 2017).

    (31)

    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tinnota li l-kostijiet tal-MUAC allokati għaż-żona tal-imposti baqgħu kważi l-istess fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni rivedut, peress li ġie applikat biss tnaqqis żgħir fil-kostijiet li jammonta għal EUR 0,3 M (f’EUR 2017).

    (32)

    Abbażi tal-evalwazzjoni li saret mill-PRB, il-Kummissjoni tinnota li kemm skeyes kif ukoll l-MUAC żiedu sostanzjalment il-kostijiet tagħhom f’termini reali matul l-RP2 u li dawk il-kostijiet komplew jiżdiedu matul l-RP3, l-aktar xprunati minn kostijiet ogħla tal-persunal u kostijiet operatorji oħrajn. Fl-2024, il-kostijiet tal-persunal ta’ skeyes huma pjanati li jkunu ogħla b’6,9 % mil-livell tagħhom tal-2019, li jammontaw għal differenza ta’ EUR 6,5 M (f’EUR 2017). Għall-MUAC, iż-żieda fil-kostijiet tal-persunal imġarrba fiż-żona tal-imposti, meta mqabbla mas-sitwazzjoni fl-2019, hija saħansitra aktar sinifikanti, peress li dawk il-kostijiet huma pjanati li jkunu 30 % ogħla fl-2024 milli fl-2019, li tikkostitwixxi żieda ta’ EUR 15,0-il M (f’EUR 2017).

    (33)

    Il-kostijiet determinati stabbiliti fir-rigward ta’ ANA Lussemburgu u tal-ASN tal-Belġju u tal-Lussemburgu ma jagħtu lok għall-ebda tħassib.

    Osservazzjonijiet speċifiċi dwar skeyes

    (34)

    Fir-rigward ta’ skeyes, li għandha l-akbar proporzjon ta’ kostijiet determinati fiż-żona tal-imposti, il-Kummissjoni rċeviet analiżi komparattiva addizzjonali mill-PRB. Dik l-analiżi turi li l-prestazzjoni relattiva tal-kosteffiċjenza ta’ skeyes marret għall-agħar meta mqabbla mal-LVNL (14), li għandha ambjent operazzjonali simili ħafna u li hija inkluża fl-istess grupp komparatur għall-fini tal-valutazzjoni tal-miri ta’ prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza (15). Fl-aħħar tal-RP2, il-kost unitarju ta’ skeyes għall-2019 kien 2,2 % ogħla mill-kost unitarju tal-LVNL (16). Sa tmiem l-RP3, fl-2024, wara l-aġġustament tal-kost unitarju ta’ skeyes għat-tnaqqis tal-kost ta’ darba ta’ EUR 6,5 M (f’EUR 2017) imsemmi fil-premessa (30), il-kost unitarju ta’ skeyes huwa mistenni li jkun ogħla b’9,4 % mill-kost unitarju tal-LVNL.

    (35)

    Abbażi tal-evalwazzjoni tal-PRB, din id-differenza fil-kosteffiċjenza bejn skeyes u l-LVNL hija kkawżata prinċipalment mill-kostijiet tal-persunal. Abbażi tal-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni, skeyes tippjana li fl-2024 tonfoq 23 % aktar fuq il-kostijiet tal-persunal għal kull unità ta’ servizz en route mil-LVNL. Espressa f’termini monetarji u aġġustata għall-bażi tal-kost annwali ta’ skeyes, dik id-diskrepanza tirrappreżenta ħlas addizzjonali lill-utenti tal-ispazju tal-ajru ta’ EUR 18,7-il M (f’EUR 2017) għal dik is-sena.

    (36)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-kosteffiċjenza ta’ skeyes hija affettwata b’mod sinifikanti mill-kostijiet li jirriżultaw minn skema ta’ rtirar bikri msejħa “reġim ta’ disponibbiltà funzjonali tad-DISPO” (“skema DISPO” jew “DISPO”) li, f’konformità mal-liġi Belġjana (17), tippermetti lill-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru (“ATCOs”) li jaħdmu ma’ skeyes jirtiraw mill-kariga ħames snin qabel id-data tal-irtirar legali tagħhom. Matul dawk il-ħames snin, huma jirċievu benefiċċju li jammonta għal bejn 75 % u 85 % tal-aħħar salarju tagħhom. Skont l-informazzjoni pprovduta fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni, l-ATCOs bħalissa jitqiegħdu taħt id-DISPO fl-età ta’ 56 sena u dan il-limitu ta’ età se jiżdied għal 57 sena mill-2025 ’il quddiem.

    (37)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-kostijiet tal-iskema DISPO jitħallsu kompletament minn skeyes, li tgħaddi dawk il-kostijiet lill-utenti tal-ispazju tal-ajru permezz tal-bażijiet tal-kostijiet en route u tat-terminal tagħha. Abbażi tad-data tal-kostijiet storiċi u l-istimi tal-kostijiet futuri dettaljati għall-RP3 provduti mill-Belġju, il-kostijiet en route li jirriżultaw mid-DISPO jammontaw għal total ta’ EUR 29 M (f’EUR 2017) matul l-RP3 u kważi rduppjaw meta mqabbla mal-RP2. Fir-rigward tas-sena 2024, il-kostijiet determinati en route li jirriżultaw mill-iskema DISPO huma rrapportati mill-Belġju li jammontaw għal EUR 8,7 M (f’EUR 2017).

    (38)

    Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-kost dejjem akbar tad-DISPO maż-żmien huwa kkawżat mill-għadd ogħla ta’ ATCOs li jibbenefikaw minn dik l-iskema. Fil-fatt, filwaqt li l-Belġju rrapporta għal skeyes kollha kemm hi b’total ta’ 43 FTEs skont id-DISPO fl-2022, dak in-numru huwa mistenni jilħaq 71 FTEs fl-2024. Żieda gradwali u kostanti fl-għadd ta’ FTEs skont id-DISPO hija mistennija mill-Belġju, anke wara l-RP3, mill-anqas sal-2030.

    (39)

    Il-Kummissjoni tinnota li matul it-tqegħid tagħhom taħt l-iskema DISPO, l-ATCOs ikkonċernati jibqgħu għad-dispożizzjoni ta’ skeyes u jistgħu jissejħu lura għas-servizz minn skeyes fi kwalunkwe ħin, b’remunerazzjoni sħiħa, sabiex iwettqu kompiti minbarra dawk ta’ ATCO operazzjonali. Madankollu, l-informazzjoni pprovduta mill-Belġju tindika li għadd limitat ħafna ta’ ATCOs imqiegħda taħt id-DISPO biss fil-fatt ġew imsejħa lura minn skeyes. Mill-2015, ġew imsejħa lura 17-il ATCO, xi wħud minnhom diversi drabi għal funzjonijiet differenti. Wara li kkunsidraw l-istimi provduti mill-PRB, dawk l-ATCOs imsejħa lura provdew kontribut ta’ madwar 4 FTEs fl-2022 għal attivitajiet relatati mal-forniment ta’ servizzi en route. Dawk l-4 FTEs jirrappreżentaw biss wieħed minn għaxra tal-grupp totali ta’ FTEs li setgħu kienu disponibbli taħt id-DISPO. Dan jindika li skeyes tagħmel użu limitat ħafna mill-persunal disponibbli taħt id-DISPO.

    (40)

    Il-Belġju ma propona l-ebda miżura ta’ mitigazzjoni fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni biex jillimita dan l-impatt finanzjarju dejjem jikber tal-iskema DISPO fuq il-bażi tal-kost tal-RP3.

    Osservazzjonijiet speċifiċi dwar l-MUAC

    (41)

    Il-Kummissjoni eżaminat ukoll kif l-Istati Membri li jappartjenu għall-Ftehim tal-MUAC (18), jiġifieri l-Belġju, il-Ġermanja, il-Lussemburgu u n-Netherlands (“l-Istati tal-MUAC”) jallokaw il-kostijiet determinati totali mġarrba mill-MUAC għaż-żoni tal-imposti rispettivi tagħhom.

    (42)

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-kostijiet determinati tal-MUAC jitqassmu bejn l-Istati tal-MUAC abbażi ta’ kriterju wieħed, jiġifieri l-għadd ta’ ATCOs kwalifikati fis-servizz jew pjanati li jkunu fis-servizz fit-tliet gruppi settorjali (19) tal-MUAC fil-1 ta’ Jannar ta’ kull sena. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li 92 % tal-kostijiet tal-grupp tas-settur ta’ Brussell (“is-settur ta’ Brussell”) huma allokati għaż-żona tal-imposti ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu. Iż-żewġ gruppi tas-settur l-oħrajn tal-MUAC, jiġifieri “il-grupp tas-settur tad-DECO” u l-“grupp tas-settur ta’ Hannover”, jinsabu barra mill-ambitu ġeografiku taż-żona tal-imposti ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu u għalhekk ma jiġġenerawx kostijiet allokati għal dik iż-żona tal-imposti.

    (43)

    Il-Kummissjoni tifhem li l-metodoloġija tal-allokazzjoni tal-kostijiet ġiet stabbilita fil-Ftehim tal-MUAC u hija sostnuta mis-suppożizzjoni li l-għadd ta’ ATCOs f’kull settur jirrifletti l-ammont ta’ xogħol għall-forniment tas-servizzi u, għalhekk, il-kostijiet tas-servizzi u l-kumplessità ta’ kull settur.

    (44)

    Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li matul dawn l-aħħar ftit snin il-Belġju esprima t-tħassib tiegħu dwar l-effetti ta’ din il-metodoloġija tal-allokazzjoni tal-kostijiet fuq iż-żona tal-imposti tiegħu. B’mod partikolari, il-Belġju jsostni li l-kontribuzzjoni tiegħu għall-kostijiet totali tal-MUAC, ikkalkolati abbażi tal-għadd ta’ ATCOs allokati lis-settur ta’ Brussell, huwa sproporzjonalment għoli meta jitqies il-fatt li s-settur ta’ Brussell jiġġenera għadd komparattivament aktar baxx ta’ unitajiet ta’ servizzi u dħul relatat miż-żewġ setturi tal-MUAC l-oħrajn. Il-Belġju jindika wkoll li l-kumplessità ogħla tal-ispazju tal-ajru tiegħu, li twassal għal ammont ta’ xogħol addizzjonali għall-ATCOs, tispjega l-kost ogħla għal kull unità ta’ servizz tas-settur ta’ Brussell tal-MUAC meta mqabbel maż-żewġ setturi tal-MUAC l-oħrajn.

    (45)

    Abbażi tal-evalwazzjoni tal-PRB, il-Kummissjoni tinnota li s-sehem tal-kostijiet totali tal-MUAC allokati lill-Belġju u lil-Lussemburgu fil-fatt żdied maż-żmien, peress li l-għadd ta’ ATCOs assenjati lis-settur ta’ Brussell żdied. Konsegwentement, filwaqt li l-Belġju u l-Lussemburgu kkontribwew għal 32 % tal-kostijiet tal-MUAC fl-2014, dak is-sehem żdied għal 34 % fl-RP3. L-effett ta’ dik il-bidla fuq il-bażi tal-kost taż-żona tal-imposti ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu huwa aggravat ulterjorment biż-żieda ġenerali tal-kostijiet totali tal-MUAC. Il-Kummissjoni tinnota li l-kostijiet determinati tal-MUAC għaż-żona tal-imposti ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu huma stabbiliti 39 % ogħla f’termini reali għall-2024 milli fl-2014 (20), filwaqt li l-unitajiet tas-servizzi għaż-żona tal-imposti fl-2024 huma previsti li huma biss 11 % ogħla mil-livell tagħhom tal-2014.

    (46)

    Il-Kummissjoni tieħu nota tad-dikjarazzjoni magħmula mill-Belġju matul l-eżami dettaljat li jindika li l-metodoloġija għall-finanzjament tal-kostijiet tal-MUAC stabbilita fl-1986 “hija bbażata fuq sistema ta’ rkupru tal-kostijiet” u “ma tikkonformax mar-regolament ekonomiku impost mill-iskema ta’ prestazzjoni”. Skont l-osservazzjonijiet relatati mqajma mill-PRB, il-MUAC jibbenefika, de facto, minn dik li tissejjaħ sistema ta’ rkupru tal-kostijiet sħaħ. Għalhekk, minkejja li huwa fornitur ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru li jaqa’ fl-ambitu tal-iskema ta’ prestazzjoni u ta’ imposti f’konformità mal-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-MUAC ma jġorrx ir-riskji finanzjarji jew japplika l-inċentivi finanzjarji li jirriżultaw mill-mekkaniżmu tal-kondiviżjoni tar-riskju tat-traffiku stabbilit fl-Artikolu 27 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tar-riskju tal-kostijiet stabbilit fl-Artikolu 28 ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/317 u l-inċentivi għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità stabbiliti fl-Artikolu 11(3) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

    (47)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-informazzjoni miksuba għall-ewwel darba matul l-eżami dettaljat dwar l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni u ta’ imposti fir-rigward tal-MUAC tqajjem tħassib f’termini ta’ konformità mar-rekwiżiti legali rilevanti. Din il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe proċediment ta’ ksur, li l-Kummissjoni tista’ twettaq fir-rigward ta’ dik il-kwistjoni.

    Kostijiet relatati mal-investimenti tal-RP2 posposti jew kanċellati

    (48)

    Il-Kummissjoni tinnota li, matul l-RP2, kemm skeyes kif ukoll il-MUAC ipposponew jew ikkanċellaw diversi investimenti pjanati f’assi fissi, li kienu parti mill-pjan ta’ prestazzjoni tal-RP2. L-utenti tal-ispazju tal-ajru ġew imposti parzjalment għal dawk l-investimenti bħala parti mill-bażi tal-kost għaż-żona tal-imposti ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu minkejja l-fatt li dawk l-investimenti ma kinux kompluti u għalhekk ma pprovdewx il-benefiċċji operazzjonali mistennija. Skont il-kalkoli magħmula mill-PRB, li ġġenera, f’termini nominali u għall-RP2 kollu kemm hu, qligħ ta’ EUR 7,8 M fir-rigward ta’ skeyes u qligħ ta’ EUR 2,1 M fir-rigward tal-MUAC. Il-Belġju jindika li mhux qed jippjana li jirrimborża lill-utenti tal-ispazju tal-ajru kwalunkwe ammont mitlub fl-RP2 għall-investimenti pjanati u mhux kompluti f’assi fissi peress li jqis li ma hemm l-ebda rekwiżit legali li jsir dan fir-rigward tal-RP2.

    (49)

    F’każ li xi wħud minn dawk l-investimenti tal-RP2 jiġu finalizzati fi stadju aktar tard, f’konformità mal-Artikolu 22(7) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, jenħtieġ li l-ASN tal-Belġju u tal-Lussemburgu jiżguraw li kwalunkwe ammont relatat, li diġà ġie rkuprat fl-RP2, ma jiġix impost għat-tieni darba lill-utenti tal-ispazju tal-ajru fl-RP3 jew f’perjodi ta’ referenza sussegwenti.

    Sejbiet dwar il-kumplessità tal-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fiż-żona tal-imposti, u l-evoluzzjoni tagħha maż-żmien

    (50)

    Il-Belġju u l-Lussemburgu jargumentaw li l-kumplessità tal-ispazju tal-ajru hija fattur ewlieni wara d-devjazzjoni tal-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza proposti tagħhom mix-xejriet tad-DUC għall-Unjoni kollha. Il-Belġju u l-Lussemburgu jispjegaw b’mod partikolari li l-kumplessità tal-ispazju tal-ajru ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu żżid l-ammont ta’ xogħol relattiv tal-ATCOs u b’hekk tikkostitwixxi piż negattiv fuq il-produttività tal-ATCO u fuq il-bażi tal-kost en route.

    (51)

    Wara li qieset is-sejbiet li saru mill-PRB, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-ispazju tal-ajru fiż-żona tal-imposti tal-Belġju u tal-Lussemburgu huwa kumpless ħafna minħabba l-għadd kbir ta’ titjiriet u t-taħlita ta’ trajettorji tat-titjiriet. Għalhekk, skeyes u l-MUAC qed jiffaċċjaw kundizzjonijiet operatorji kumplessi.

    (52)

    Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-Belġju u l-Lussemburgu ma provdew l-ebda evidenza li turi li l-operazzjonijiet fl-RP3 saru aktar kumplessi milli fl-RP2, jew li fix-xhur li jifdal tal-RP3, il-kumplessità tkompli tiżdied.

    (53)

    Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li ġiet analizzata ulterjorment mill-PRB, il-kumplessità baqgħet relattivament stabbli matul l-RP2 fir-rigward kemm ta’ skeyes kif ukoll tal-MUAC. Fir-rigward tal-2020 u l-2021, ma tista’ tinħareġ l-ebda konklużjoni sinifikanti dwar il-kumplessità tal-operazzjonijiet minħabba l-livelli eċċezzjonalment baxxi ta’ traffiku, li rriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19. Fir-rigward tal-bqija tal-RP3, ma hemm l-ebda evidenza biex wieħed jassumi li l-kumplessità se tvarja b’mod sinifikanti mis-sitwazzjoni osservata matul l-RP2.

    (54)

    Minħabba li l-kumplessità relattivament għolja tal-operazzjonijiet fiż-żona tal-imposti tal-Belġju u tal-Lussemburgu kienet kostanti maż-żmien taħt kundizzjonijiet normali tat-traffiku, kif spjegat fil-premessi (52) u (53), il-Kummissjoni tqis li din il-kumplessità ma tistax tiġi invokata bħala ġustifikazzjoni għaż-żidiet fil-kostijiet fl-RP3. Għalhekk, is-sejbiet fil-premessa (23) fir-rigward tal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fil-punti 1.4(a) u (b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 se jinżammu.

    (55)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li l-kumplessità tal-operazzjonijiet diġà tqieset waqt li ġew definiti l-gruppi komparaturi tal-ANSPs, li jintużaw għall-finijiet tal-kriterju ta’ valutazzjoni stabbilit fil-punt 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Il-gruppi komparaturi stabbiliti bħalissa huma magħmula minn ANSPs b’kundizzjonijiet operazzjonali u ekonomiċi simili u l-grupp komparatur tal-Belġju u tal-Lussemburgu jinkludi l-Awstrija, l-Iżvizzera u n-Netherlands, li kollha jiffaċċjaw ambjent operazzjonali relattivament kumpless. Għalhekk, tinżamm is-sejba fil-premessa (24) fir-rigward tal-kriterju ta’ valutazzjoni stabbilit fil-punt 1.4(c) tal-Anness IV.

    Sejbiet dwar l-arranġamenti ta’ forniment ta’ servizzi transfruntiera ma’ pajjiżi ġirien, u l-impatt operazzjonali u finanzjarju tagħhom

    (56)

    Fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni rivedut, il-Belġju u l-Lussemburgu jispjegaw li s-settur ta’ Brussell tal-MUAC jinkludi l-forniment ta’ servizzi transfruntiera fl-ispazju tal-ajru ta’ Franza u tal-Ġermanja. Il-Belġju u l-Lussemburgu jispeċifikaw ukoll li l-unitajiet tas-servizz en route għat-titjiriet kontrollati mill-MUAC f’dawk iż-żoni transfruntiera huma rreġistrati fiż-żoni tal-imposti ta’ dawk l-Istati Membri, filwaqt li l-kostijiet għal dawk is-servizzi provduti huma imposti fuq l-utenti li jtiru fiż-żona tal-imposti ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu. Il-Belġju u l-Lussemburgu jindikaw li din is-sitwazzjoni twassal għal żieda fil-kost unitarju determinat fiż-żona tal-imposti tagħhom.

    (57)

    Matul l-eżami dettaljat, il-Kummissjoni analizzat l-arranġamenti transfruntiera għall-forniment ta’ servizzi relatati maż-żona tal-imposti ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu. Il-Kummissjoni sabet li l-MUAC jipprovdi servizzi fi tliet żoni transfruntiera li jinsabu fi Franza u fil-Ġermanja, li huma ta’ sinifikat f’termini ta’ volum ta’ xogħol u li għalihom il-MUAC ma jirċievi l-ebda kumpens finanzjarju mill-Istati Membri li ddelegaw il-forniment tas-servizz. L-istess osservazzjoni tista’ ssir fir-rigward ta’ żewġ żoni transfruntiera li jinsabu fl-ispazju tal-ajru tan-Netherlands li fihom il-forniment ta’ servizzi huwa delegat lil skeyes.

    (58)

    Abbażi ta’ analiżi ulterjuri mwettqa mill-PRB, il-Kummissjoni tistma li s-servizzi provduti mill-MUAC u skeyes fiż-żoni transfruntiera msemmija fil-premessa (57) kienu jirrappreżentaw kost totali ta’ madwar EUR 12,2-il M (f’EUR 2017) fl-2019, li minnhom is-sehem tal-MUAC jammonta għal EUR 6,8 M (f’EUR 2017) u s-sehem ta’ skeyes għal EUR 5,4 M (f’EUR 2017).

    (59)

    Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-Belġju ma rrapporta l-ebda bidla fil-forniment ta’ servizzi minn skeyes u l-MUAC f’żoni transfruntiera matul l-RP2 jew l-RP3. Dawk l-attivitajiet ma espandewx f’termini ta’ ambitu u ma ġġenerawx ammont ta’ xogħol addizzjonali għall-ANSPs matul l-RP2 u l-RP3. Għalhekk, peress li l-kostijiet assoċjati baqgħu stabbli b’mod proporzjonali bħala sehem mill-bażi tal-kost totali taż-żona tal-imposti ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu, is-servizzi provduti minn skeyes u l-MUAC f’żoni transfruntiera ma għandhomx impatt notevoli fuq il-kalkolu tax-xejriet tal-kosteffiċjenza. Għalhekk, is-sejbiet fil-premessa (23) fir-rigward tal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fil-punti 1.4(a) u (b) tal-Anness IV jinżammu.

    (60)

    Fl-aħħar, filwaqt li l-arranġamenti għall-forniment ta’ servizzi transfruntiera eżaminati jġibu benefiċċji notevoli billi jnaqqsu l-kumplessità tal-operazzjonijiet u jtejbu l-effiċjenza tas-servizzi, il-prinċipju “l-utent iħallas” stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 550/2004 jinvolvi li “l-utenti tal-ispazju tal-ajru għandhom iħallsu għall-ispejjeż li joħolqu fil-punt tal-użu jew kemm jista’ jkun possibbli qrib tiegħu” (21). Għaldaqstant, l-Artikolu 21(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 jirrikjedi li ż-żoni tal-imposti jkunu“konsistenti mal-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru” u jistipula li “jistgħu jinkludu servizzi fornuti minn fornitur ta’ servizz tan-navigazzjoni bl-ajru stabbilit fi Stat Membru ieħor fir-rigward tal-ispazju tal-ajru transfruntier”. L-Artikolu 22(1) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jispeċifika wkoll li l-bażi tal-kost għal żona tal-imposti “għandha tikkonsisti fil-kostijiet iddeterminati relatati mal-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fiż-żona tal-imposti kkonċernata”.

    (61)

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-premessa (60), il-Kummissjoni tqis li l-arranġamenti ta’ finanzjament fis-seħħ għall-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fiż-żoni transfruntiera msemmija fil-premessa (57), ma humiex konformi mar-rekwiżiti legali li fuqhom hija bbażata l-iskema ta’ prestazzjoni u ta’ imposti. Din il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe proċediment ta’ ksur, li l-Kummissjoni tista’ twettaq fir-rigward ta’ din il-kwistjoni.

    (62)

    Minħabba li l-finanzjament tas-servizzi provduti f’żoni transfruntiera ma huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet legali msemmija fil-premessa (60), ma jistax jintuża biex jiġġustifika kwalunkwe aġġustament tal-valur ta’ referenza għall-2019 għall-fini tal-kriterju ta’ valutazzjoni stabbilit fil-punt 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Barra minn hekk, wara tqiesu s-sejbiet li saru mill-PRB, anke li kieku l-valur ta’ referenza għall-2019 taż-żona tal-imposti ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu ġie aġġustat għas-servizzi pprovduti f’żoni transfruntiera, xorta waħda kien jirriżulta f’differenza ta’ +5,9 % għaż-żona tal-imposti ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu meta mqabbel mal-valur ta’ referenza medju tal-grupp komparatur. Għalhekk, tinżamm is-sejba fil-premessa (24) fir-rigward tal-kriterju ta’ valutazzjoni stabbilit fil-punt 1.4(c) tal-Anness IV.

    Sejbiet dwar l-allokazzjoni tal-kostijiet bejn is-servizzi en route u tat-terminal

    (63)

    Fl-RP3, il-Belġju introduċa metodoloġija riveduta ta’ allokazzjoni tal-kostijiet għat-tqassim tal-kostijiet determinati bejn is-servizzi en route u tat-terminal għall-RP3. Il-bidliet proposti jikkonċernaw l-allokazzjoni tal-kostijiet tas-servizzi ta’ kontroll tal-avviċinament (“kostijiet tal-avviċinament”) imġarrba minn skeyes u l-allokazzjoni tal-kostijiet imġarrba mill-ASN Belġjana. Il-Kummissjoni tinnota li l-Belġju ddeċieda li jalloka l-kostijiet tal-approċċ tiegħu kważi kompletament għas-servizzi en route, li jwassal għat-trasferiment ta’ kostijiet determinati addizzjonali għaż-żona tal-imposti ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu fl-RP3.

    (64)

    Il-Kummissjoni tosserva li l-Belġju u l-Lussemburgu aġġustaw il-valuri ta’ referenza għall-2014 u għall-2019 fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni sabiex iqisu l-bidliet fl-allokazzjoni tal-kostijiet bejn is-servizzi en route u tat-terminal. Għalhekk, dawk il-bidliet ma jaffettwawx direttament il-valutazzjoni tal-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

    (65)

    Madankollu, wara li qieset l-evalwazzjoni li saret mill-PRB, il-Kummissjoni tinnota li l-Belġju żied il-valur ta’ referenza għall-2019 għaż-żona tal-imposti en route b’EUR 14,3-il M (f’EUR 2017) filwaqt li fl-istess ħin naqqas il-valur ta’ referenza għaż-żona tal-imposti tat-terminal tiegħu, li tinkludi l-ajruport ta’ Brussell (EBBR), b’EUR 4,4 M (f’EUR 2017). Il-Kummissjoni hija konxja li skeyes iġġarrab ukoll kostijiet fir-rigward tas-servizzi ta’ avviċinament ipprovduti f’ajruporti reġjonali, li huma barra mill-ambitu tal-pjan ta’ prestazzjoni fl-RP3. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-Belġju naqas milli jispjega u jiġġustifika b’mod adegwat id-diskrepanza kbira bejn l-aġġustamenti applikati għall-valuri ta’ referenza en route u tat-terminal, peress li l-kostijiet tal-avviċinament riallokati relatati mal-ajruporti reġjonali barra mill-ambitu tal-pjan ta’ prestazzjoni jidhru sproporzjonati.

    (66)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssib li, bl-inklużjoni tal-kostijiet tal-avviċinament tagħha kważi kompletament fil-bażi tal-kost en route, il-Belġju ma assenjax dawk il-kostijiet b’mod proporzjonali bejn is-servizzi en route u s-servizzi tat-terminal abbażi ta’ metodoloġija trasparenti. Il-Kummissjoni tqis li din l-allokazzjoni tal-kostijiet tal-avviċinament ma tikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 15(2), il-punt (e), tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 u fl-Artikolu 22(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

    (67)

    Għalhekk, fid-dawl tal-osservazzjonijiet fil-premessi (63) sa (66), din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe proċediment ta’ ksur, li l-Kummissjoni tista’ twettaq fir-rigward tal-bidliet fil-metodoloġija tal-allokazzjoni tal-kostijiet applikata fl-RP3 mill-Belġju.

    Konklużjoni dwar il-valutazzjoni abbażi tal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fil-punti 1.4(a), (b) u (c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/317

    (68)

    Fid-dawl tal-osservazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għaż-żona tal-imposti ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu ma jissodisfaw l-ebda wieħed mill-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fil-punti 1.4(a), (b) u (c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

    Valutazzjoni tal-miżuri invokati mill-Belġju u mil-Lussemburgu biex jiġġustifikaw id-devjazzjonijiet osservati mix-xejriet tal-kosteffiċjenza għall-Unjoni kollha

    (69)

    Barra minn hekk, skont il-punt 1.4(d) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni trid teżamina jekk id-devjazzjonijiet mill-kriterji stabbiliti fil-punti 1.4(a), 1.4(b) u 1.4(c) ta’ dak l-Anness humiex meħtieġa u proporzjonati sabiex jippermettu l-ilħuq tal-miri ta’ prestazzjoni fiż-żona ewlenija ta’ kapaċità ta’ prestazzjoni jew biex jimplimentaw miżuri ta’ ristrutturar skont it-tifsira tal-Artikolu 2(18) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. B’mod partikolari, il-Kummissjoni vverifikat jekk id-devjazzjonijiet osservati mix-xejra tad-DUC għall-Unjoni kollha u mix-xejra tad-DUC fit-tul għall-Unjoni kollha humiex esklużivament dovuti għal kostijiet determinati addizzjonali għal miżuri relatati mal-kapaċità.

    (70)

    Wara li kkunsidrat il-kalkoli magħmula mill-PRB, il-Kummissjoni tinnota li d-differenza stmata bejn il-kostijiet determinati en route taż-żona tal-imposti ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu tal-RP3 għas-sena 2024 u l-kostijiet determinati li jkunu meħtieġa biex tiġi ssodisfata x-xejra tad-DUC għall-Unjoni kollha tal-RP3 hija ta’ madwar EUR 8,2 M f’EUR 2017, filwaqt li hija osservata differenza korrispondenti ta’ madwar EUR 43,7 M f’EUR 2017 fir-rigward tax-xejra tad-DUC fit-tul għall-Unjoni kollha.

    (71)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni fih seba’ miżuri għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità (“miżuri relatati mal-kapaċità”), li huma meqjusa mill-Belġju u mil-Lussemburgu bħala meħtieġa għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità u li skont il-Belġju u l-Lussemburgu jiġġustifikaw id-devjazzjonijiet tal-miri tal-prestazzjoni tagħhom tal-kosteffiċjenza mill-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għall-Unjoni kollha.

    (72)

    Wara s-sejbiet stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2022/2255 fir-rigward ta’ dawk il-miżuri relatati mal-kapaċità, il-Kummissjoni analizzat ulterjorment dawk il-miżuri.

    Miżura 1

    (73)

    L-ewwel miżura relatata mal-kapaċità (“Miżura 1”) tinkludi r-reklutaġġ u t-taħriġ tal-ATCOs minn skeyes sabiex jinżammu livelli adegwati ta’ persunal tal-ATCO fl-RP3 u fir-raba’ perjodu ta’ referenza (“RP4”). Il-Belġju u l-Lussemburgu jispjegaw li l-Miżura 1 hija essenzjali sabiex jiġi indirizzat it-tixjiħ tal-forza tax-xogħol tal-ATCO u l-għadd kbir konsegwenti ta’ rtirar mistenni matul l-RP3 u l-RP4. Dak l-irtirar jirriżulta b’mod partikolari mill-applikazzjoni tal-iskema DISPO msemmija fil-premessa (36).

    (74)

    Il-Belġju enfasizza wkoll, matul l-eżami dettaljat, li l-għadd ta’ ATCOs f’operazzjonijiet fi skeyes jonqos bi 15 % sal-aħħar tal-RP3 mingħajr l-attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ reklutaġġ previsti fil-Miżura 1. Skont il-Belġju, dan iwassal għal tnaqqis sinifikanti fil-kapaċità.

    (75)

    Fid-dawl tal-informazzjoni provduta mill-Belġju, il-Kummissjoni taqbel li t-taħriġ u r-reklutaġġ tal-ATCOs minn skeyes huma meħtieġa sabiex jinżammu u jittejbu l-livelli ta’ persunal tal-ATCO u sabiex jiġi żgurat li l-għadd ta’ ATCOs ikun adegwat fid-dawl tal-evoluzzjoni prevista tat-traffiku fil-futur. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-ħtieġa għal taħriġ estensiv bħal dan ta’ ATCOs ġodda tirriżulta fil-biċċa l-kbira mill-irtirar bikri li jirriżulta mill-iskema DISPO.

    (76)

    Il-kostijiet totali tal-Miżura 1 żdiedu fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni u jammontaw għal madwar EUR 27 M (f’EUR 2017) matul l-RP3. Meta mqabbla mal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni, il-kostijiet tal-Miżura 1 huma ogħla, f’termini nominali, b’22,4 % għall-2022, b’49,0 % għall-2023 u b’36,8 % għall-2024.

    (77)

    Il-Belġju jargumenta li ż-żieda fil-kostijiet tal-Miżura 1 hija ġustifikata mill-impatt ta’ inflazzjoni ogħla u minn stima aktar akkurata tal-kostijiet attwali ta’ reklutaġġ ġdid, minħabba rkupru aktar mgħaġġel tat-traffiku u rata ogħla minn dik mistennija ta’ falliment tal-istudenti tal-ATCO fiċ-ċikli ta’ taħriġ li diġà tlestew matul l-RP3. B’mod speċifiku, il-Belġju jispjega li skeyes aġġornat il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju tagħha qabel is-sottomissjoni tal-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni u issa qed jippjana li tirrekluta ATCOs addizzjonali bil-kapaċità massima ta’ taħriġ tagħha matul is-snin mill-2022 sal-2024.

    (78)

    Il-Kummissjoni tinnota li, b’mod parallel, skont l-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni, l-għadd ta’ ATCOs pjanati li jkunu f’operazzjonijiet fl-2024 huwa 6 % anqas milli fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni. Il-Kummissjoni tassumi li din is-sitwazzjoni tirriżulta mir-rata ogħla minn dik antiċipata ta’ falliment tal-istudenti tal-ATCO fit-taħriġ fi skeyes, imsemmija fil-premessa (77).

    (79)

    Il-Kummissjoni tosserva li ż-żidiet fil-kostijiet li jikkonċernaw il-Miżura 1, imsemmija fil-premessa (76), huma ferm ogħla mill-bidliet fl-indiċi tal-inflazzjoni riflessi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni. Il-Kummissjoni tinnota li l-kostijiet inizjalment ippreżentati fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni fir-rigward tal-Miżura 1 kienu limitati għat-taħriġ tal-kontrolluri għall-finijiet tas-servizzi en route provduti minn skeyes fl-ambitu taż-żona tal-imposti ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu. Madankollu, abbażi tal-informazzjoni li waslet mill-Belġju matul l-eżami dettaljat, iż-żieda fil-kostijiet tal-Miżura 1 inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni tkopri wkoll it-taħriġ tal-kontrolluri minn skeyes għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal. Il-kostijiet relatati maż-żona tal-imposti tat-terminal jenħtieġ li ma jiġux inklużi fil-Miżura 1.

    (80)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-Belġju ma spjegax b’mod adegwat, minkejja li ntalab jagħmel dan, kif l-attivitajiet ippjanati ta’ taħriġ tal-ATCO u l-konsum ippjanat tal-istudenti tal-ATCO ta’ skeyes fir-rigward tas-servizzi en route ġew adattati bejn l-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni u l-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni. Barra minn hekk, il-Belġju ma ssostanzjax, fir-rigward tas-servizzi en route, il-kostijiet stmati mġarrba minn skeyes għal kull student tal-ATCO u ma pprovdiex spjegazzjonijiet għall-varjabbiltà għolja ta’ dawk il-kostijiet minn sena għal oħra. Fid-dawl ta’ dawk il-kunsiderazzjonijiet, ma kienx possibbli għall-Kummissjoni li tikkwantifika kif iż-żieda ppjanata fl-għadd ta’ studenti tal-ATCO fi skeyes, imsemmija fil-premessa (77), tikkontribwixxi għall-bidla fil-kostijiet tal-Miżura 1 osservata fil-premessa (76) fir-rigward tas-servizzi en route.

    (81)

    Anke jekk wieħed jassumi li skeyes tabilħaqq ikollha kostijiet ta’ taħriġ ogħla mġarrba fir-rigward tas-servizzi en route u minħabba għadd akbar ta’ studenti tal-ATCO mill-2022 sal-2024, il-Kummissjoni tqis li dawk il-kostijiet ogħla tat-taħriġ jiġu mitigati, mill-anqas sa punt sinifikanti, mill-kostijiet imnaqqsa tal-persunal li jirriżultaw mill-għadd aktar baxx ta’ ATCOs pjanati f’operazzjonijiet matul l-istess perjodu ta’ żmien, kif osservat fil-premessa (78).

    (82)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-kostijiet imġarrba għall-Miżura 1 de facto jirriżultaw b’mod sinifikanti mill-iskema DISPO li l-Belġju nnifsu għażel li jadotta u japplika fir-rigward tal-ATCOs li jaħdmu fi skeyes. Huwa ċar li l-iskema DISPO twassal, matul l-RP3, għal għadd kbir ta’ rtirar bikri ta’ ATCOs, li s-sostituzzjoni simultanja tagħhom minn ATCOs ġodda tikkostitwixxi piż operazzjonali u finanzjarju konsiderevoli għal skeyes. Madankollu, wara li kkunsidrat l-evalwazzjoni li saret mill-PRB u l-ħtieġa imperattiva għal skeyes biex tiżgura l-forniment sikur u kontinwu tal-kapaċità meħtieġa fl-RP3, il-Kummissjoni tqis, fuq bilanċ, li l-Miżura 1 hija meħtieġa biex jintlaħqu l-miri lokali tal-prestazzjoni tal-kapaċità. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-Belġju naqas milli jiġġustifika li ż-żieda sinifikanti fil-kostijiet ippreżentati fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni għall-Miżura 1, meta mqabbla mal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni, hija ġġustifikata u proporzjonata, ħlief fir-rigward tal-effett tal-inflazzjoni ogħla mbassra fuq dawk il-kostijiet. Għalhekk, fir-rigward tal-kostijiet addizzjonali meqjusa meħtieġa u proporzjonati għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kostijiet li għandhom jitqiesu fir-rigward tal-Miżura 1 huma dawk ippreżentati fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni, kif ikkonvertiti f’termini reali.

    Miżura 2

    (83)

    It-tieni miżura relatata mal-kapaċità (“Miżura 2”) tikkonsisti fis-sostituzzjoni minn skeyes tas-sistema ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (“ATM”) tagħha b’sistema ta’ ġestjoni tal-ispazju tal-ajru unika, integrata u armonizzata li għandha tiġi żviluppata mal-MUAC u mad-Difiża Belġjana bħala parti mill-proġett “Sistema tas-Servizzi tat-Traffiku tal-Ajru Kondiviżi 3” (“Proġett SAS 3”). Madankollu, dik is-sistema ġdida tal-ATM ta’ skeyes hija pjanata biss li tibda topera wara tmiem l-RP3, possibbilment mhux qabel l-2030, u għalhekk huma ppjanati biss attivitajiet preparatorji għall-RP3.

    (84)

    Il-Miżura 2 tinkludi wkoll l-aġġornament ta’ nofs il-ħajja tas-sistema kurrenti tal-ATM ta’ skeyes, li jenħtieġ li ssir operazzjonali matul fażi tranżizzjonali qabel l-introduzzjoni tas-sistema l-ġdida tal-ATM li tirriżulta mill-proġett SAS 3. Il-Belġju ċċara, matul l-eżami dettaljat, li l-aġġornament ta’ nofs il-ħajja jinkludi kemm titjib tekniku kif ukoll titjib funzjonali, li huwa mistenni li jippermetti kapaċità addizzjonali fl-RP4.

    (85)

    Il-kostijiet totali tal-Miżura 2 tnaqqsu fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni u jammontaw għal madwar EUR 7,4 M (f’EUR 2017) matul l-RP3. Meta mqabbla mal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni, il-kostijiet tal-Miżura 2 huma aktar baxxi, f’termini nominali, b’1,9 % għall-2022, b’9,5 % għall-2023 u b’11,9 % għall-2024. Il-Belġju ċċara li dawk il-bidliet jirriflettu aħjar il-valur attwali tal-kuntratt iffirmat minn skeyes f’Diċembru 2021 għall-aġġornament ta’ nofs il-ħajja tas-sistema tal-ATM kurrenti tiegħu.

    (86)

    Il-Belġju ċċara matul l-eżami dettaljat li ma huwa se jiġġarrab l-ebda kost ta’ deprezzament fl-RP3 fir-rigward tas-sistema l-ġdida tal-ATM li tirriżulta mill-proġett SAS 3. Madankollu, mill-informazzjoni provduta mill-Belġju huwa ċar li diġà huwa ppjanat li l-kost tal-kapital għal “sistema ġdida tal-ATM” jiġi impost fl-RP3, minkejja l-fatt li l-varar ta’ dik is-sistema se jsir biss diversi snin wara t-tmiem tal-RP3.

    (87)

    Il-Kummissjoni tqis li l-aġġornament pjanat u s-sostituzzjoni sussegwenti tas-sistema tal-ATM kurrenti ta’ skeyes huma bħala tali ġġustifikati mil-lat operazzjonali u jistgħu jitqiesu meħtieġa għall-finijiet tal-ilħuq tal-miri tal-kapaċità.

    (88)

    Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li hemm dubji serji dwar l-implimentazzjoni f’waqtha tal-Miżura 2. Fil-fatt, matul l-eżami dettaljat, il-Kummissjoni ġiet informata minn partijiet terzi li skeyes kienet qed tikkunsidra li tirtira mill-proġett SAS 3, li huwa l-bażi tal-iżvilupp pjanat tas-sistema l-ġdida tal-ATM. L-awtoritajiet Belġjani ma kkontestawx din l-informazzjoni, iżda enfasizzaw li d-diskussjonijiet kienu għadhom għaddejjin bejn il-partijiet involuti dwar il-futur tal-proġett. Fid-dawl ta’ dawk l-osservazzjonijiet, il-Kummissjoni tqis li l-Belġju ma pprovdiex assigurazzjoni adegwata dwar l-implimentazzjoni tal-proġett SAS 3 jew dwar kwalunkwe soluzzjoni alternattiva li għandha tiġi stabbilita f’każ li l-proġett ma jimmaterjalizzax.

    (89)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-kostijiet tal-Miżura 2 jinkludu sehem kbir ta’ kostijiet operatorji oħrajn, b’mod partikolari l-kostijiet tal-proġett relatati mat-tħejjija tal-aġġornament ta’ nofs il-ħajja tas-sistema tal-ATM eżistenti u fir-rigward tas-sistema l-ġdida. Il-Kummissjoni tqis li dawn il-kostijiet operatorji huma relatati mal-operat normali ta’ ANSP u, għall-kuntrarju tas-sistemi tal-ATM infushom u l-komponenti tagħhom, ma jistgħux jitqiesu bħala direttament imġarrba għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità.

    (90)

    Għalhekk, fir-rigward tal-kostijiet addizzjonali meqjusa meħtieġa u proporzjonati għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kostijiet li għandhom jitqiesu fir-rigward tal-Miżura 2 jenħtieġ li jkunu limitati għall-kostijiet ta’ deprezzament u l-kost tal-kapital imġarrab għat-titjib ta’ nofs il-ħajja tas-sistema tal-ATM ta’ skeyes.

    Miżura 3

    (91)

    It-tielet miżura relatata mal-kapaċità (“Miżura 3”) hija relatata mal-emenda tal-Kundizzjonijiet Ġenerali tal-Impjiegi applikabbli għall-ATCOs li jaħdmu fil-MUAC (“il-pakkett GCE”), wara ftehim kollettiv konkluż fl-2019 qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19. Il-Miżura 3 tikkonsisti f’żieda fir-remunerazzjoni tal-ATCOs li jaħdmu fil-MUAC b’10,75 %, bi skambju għal organizzazzjoni tax-xogħol aktar flessibbli.

    (92)

    Abbażi tal-informazzjoni li tinsab fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ flessibbiltà introdotti bħala parti mill-Miżura 3 jinkludu żieda fil-ħin tax-xogħol annwali għall-persunal tal-ATCO li għadu kif ġie reklutat, regoli ġodda dwar l-organizzazzjoni tax-xifts, il-possibbiltà li jiġu kuntrattati jiem tax-xogħol addizzjonali mill-ATCOs, ippjanar annwali aktar flessibbli tal-ħin tax-xogħol u tal-liv, kif ukoll il-possibbiltà li jintlaħaq qbil mal-ATCOs diġà impjegati dwar estensjoni possibbli tal-età tal-irtirar għal 60 sena.

    (93)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-għan tal-Miżura 3 huwa, essenzjalment, li tiżdied id-disponibbiltà tal-ATCOs u l-flessibbiltà tas-sistema tar-roster sabiex tiġi akkomodata d-domanda għat-traffiku. Il-Belġju enfasizza li l-Miżura 3 kienet mistennija, fil-kundizzjonijiet tat-traffiku ta’ qabel il-COVID, li tnaqqas id-dewmien fil-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru u b’hekk tevita l-kostijiet li jirriżultaw għall-utenti tal-ispazju tal-ajru. Il-Belġju kompla jiċċara li l-Miżura 3 ġiet inizjalment stmata li tippermetti lill-MUAC jistabbilixxi xifts addizzjonali għall-ATCOs, b’żieda ta’ 1 050 xift addizzjonali fl-2019 u 3 150 xift addizzjonali fl-2024.

    (94)

    Fl-analiżi tiegħu provduta lill-Kummissjoni, il-PRB ikkonkluda li l-Miżura 3 tabilħaqq tippermetti lill-MUAC joffri kapaċità addizzjonali lill-utenti tal-ispazju tal-ajru matul is-snin kalendarji 2023 u 2024, u b’hekk jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità fl-RP3 f’ċirkostanzi fejn il-volumi tat-traffiku jkunu komparabbli mal-livell tagħhom ta’ qabel il-pandemija.

    (95)

    Il-kostijiet totali tal-Miżura 3 żdiedu fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni u jammontaw għal madwar EUR 13,2-il M (f’EUR 2017) matul l-RP3. Meta mqabbla mal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni, il-kostijiet tal-Miżura 3 huma ogħla, f’termini nominali, b’7,4 % għall-2022, b’9,0 % għall-2023 u b’9,2 % għall-2024. Skont l-informazzjoni provduta mill-Belġju matul l-eżami dettaljat, dawk iż-żidiet fil-kostijiet huma dovuti għall-inflazzjoni ogħla milli mistennija, li twassal għall-indiċjar tas-salarji tal-ATCOs li jaħdmu fil-MUAC.

    (96)

    Il-Belġju jindika li, fiż-żmien tal-approvazzjoni tagħha, il-kostijiet tal-Miżura 3 ġew stmati li huma ekwivalenti għar-reklutaġġ ta’ ATCOs addizzjonali sabiex jiġu indirizzati l-iskarsezzi tal-persunal tal-ATCO esperjenzat mill-MUAC. Madankollu, dik l-affermazzjoni ma ġiet appoġġata minn ebda ċifra jew evidenza dwar l-impatt ġenerali tal-Miżura 3 fuq il-bażi tal-kost tal-RP3. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tivverifika li l-kost tal-Miżura 3 fl-RP3 ikun ekwivalenti għall-kost li l-MUAC kien iġarrab biex jimpjega ATCOs addizzjonali sabiex iwassal l-istess benefiċċji tal-kapaċità.

    (97)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-PRB sab li l-kostijiet preżentati mill-Belġju u mil-Lussemburgu skont il-Miżura 3 huma ġustifikati u proporzjonati mal-benefiċċji li jirriżultaw għall-utenti tal-ispazju tal-ajru, inkluż l-evitar tad-dewmien tal-AFTM u tal-impatti operazzjonali u finanzjarji negattivi li jirriżultaw għall-utenti tal-ispazju tal-ajru inklużi l-passiġġieri u l-ambjent.

    (98)

    B’mod partikolari, il-PRB jindika li hemm evidenza li l-pakkett tal-GCE inkluż fl-ambitu tal-Miżura 3 ippermetta lill-MUAC iwassal prestazzjoni tal-kapaċità mtejba b’mod sinifikanti fl-ewwel sena tal-implimentazzjoni tagħha, jiġifieri l-2019, li evitat madwar EUR 30 M ta’ kostijiet indiretti mid-dewmien tal-ATM għall-utenti tal-ispazju tal-ajru. Il-PRB jinnota wkoll li, fl-2020 u fl-2021, it-tnaqqis qawwi fit-traffiku minħabba l-pandemija tal-COVID-19 ħoloq ċirkostanzi eċċezzjonali li fihom id-dispożizzjonijiet ta’ flessibbiltà addizzjonali stabbiliti fl-ambitu tal-Miżura 3 ma kinux meħtieġa. Madankollu, il-PRB iqis li l-MUAC immitiga b’mod adegwat l-impatt tal-Miżura 3 fir-rigward tal-2020 u l-2021, minħabba li l-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni jispeċifika li “xi wħud mix-xifts żejda mill-2020 u mill-ewwel kwart tal-2021” ġew differiti sabiex jintużaw fil-bqija tal-RP3 mingħajr ebda kost addizzjonali. Il-PRB jikkonkludi li l-Miżura 3 hija ġustifikata b’mod ġenerali għal raġunijiet ta’ kapaċità fl-RP3, peress li twassal għal disponibbiltà mtejba ta’ riżorsi u għal massimizzazzjoni tal-kapaċità magħmula disponibbli fi żminijiet ta’ domanda għolja għat-traffiku.

    (99)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżura 3 hija meħtieġa għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità u l-kostijiet tagħha huma proporzjonati fid-dawl tal-impatt operazzjonali ta’ benefiċċju tagħhom fuq il-forniment tal-kapaċità.

    Miżura 4

    (100)

    Ir-raba’ miżura relatata mal-kapaċità (“Miżura 4”) tikkonsisti fi proċess ta’ analiżi mtejjeb ta’ wara l-operazzjonijiet li għandu jiġi stabbilit mill-MUAC bl-appoġġ ta’ għodod rilevanti u “faċilitajiet ta’ intelligence tan-negozju”. Il-Belġju u l-Lussemburgu jindikaw li l-iskop tal-Miżura 4, imsemmija fil-pjan ta’ prestazzjoni rivedut bħala l-“proġett PABI”, huwa li jippermetti l-ottimizzazzjoni ulterjuri tal-ippjanar tal-operazzjonijiet ta’ kuljum tal-MUAC.

    (101)

    Abbażi tal-informazzjoni li tinsab fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni, il-Miżura 4 jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-akkomodazzjoni tad-domanda futura għat-traffiku u għall-evitar ta’ restrizzjonijiet operazzjonali mhux meħtieġa għall-utenti tal-ispazju tal-ajru (imsejħa “regolamentazzjoni żejda”), li jwasslu għal dewmien fl-AFTM. Il-Kummissjoni tinnota li l-Miżura 4 ġiet indikata mill-Belġju biex issir operazzjonali fl-2022, għalkemm dik l-informazzjoni ma ġietx ikkonfermata b’mod espliċitu mill-Belġju matul l-eżami dettaljat.

    (102)

    Wara li kkunsidrat l-evalwazzjoni magħmula mill-PRB, il-Kummissjoni taqbel li l-kapaċitajiet analitiċi operazzjonali ppreżentati fl-ambitu tal-Miżura 4 jikkontribwixxu biex isir l-aħjar użu mir-riżorsi disponibbli bil-għan li tiġi massimizzata l-kapaċità magħmula disponibbli għall-utenti tal-ispazju tal-ajru, speċjalment fi żminijiet ta’ domanda għolja għat-traffiku.

    (103)

    Il-kostijiet totali tal-Miżura 4 jammontaw għal madwar EUR 0,9 M (f’EUR 2017) matul l-RP3 u jibqgħu l-istess mill-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni preżentat fl-2021. Il-Kummissjoni tinnota li l-PRB irrieżamina l-kostijiet tal-Miżura 4 u jqishom bħala ġustifikati.

    (104)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżura 4 hija meħtieġa għall-appoġġ tal-ilħuq kontinwu tal-miri tal-kapaċità u tqis li l-kostijiet tal-Miżura 4 huma proporzjonati fid-dawl tal-kisbiet strutturali u operazzjonali li huma stmati li jilħqu.

    Miżura 5

    (105)

    Il-ħames miżura relatata mal-kapaċità (“Miżura 5”) tikkonċerna t-taħriġ ab initio ta’ ATCOs ġodda għas-settur tal-MUAC ta’ Brussell. Skont l-abbozz rivedut ta’ prestazzjoni, l-attivitajiet ta’ taħriġ tal-ATCO inklużi fl-ambitu tal-Miżura 5 ġew esternalizzati lil organizzazzjoni esterna tat-taħriġ ibbażata fi Franza.

    (106)

    Il-Belġju jispjega li r-reklutaġġ kontinwu tal-ATCO u t-taħriġ ab initio mill-MUAC huma meħtieġa sabiex jiġu evitati restrizzjonijiet tal-kapaċità fl-RP3 u f’perjodi ta’ referenza futuri. Fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-Belġju, il-Kummissjoni taqbel li t-taħriġ ta’ ATCOs ġodda mill-MUAC huwa meħtieġ sabiex jinżammu u jittejbu l-livelli ta’ persunal tal-ATCO u sabiex jiġi żgurat li l-għadd ta’ ATCOs ikun adegwat fid-dawl tal-evoluzzjoni tat-traffiku futur imbassra.

    (107)

    Il-kostijiet totali tal-Miżura 5 jammontaw għal madwar EUR 14,2-il M (f’EUR 2017) matul l-RP3. Matul l-eżami dettaljat, il-Belġju pprovda diżaggregazzjoni tal-kostijiet tal-Miżura 5 taħt tliet kategoriji, jiġifieri l-kostijiet tal-persunal tal-istudenti tal-ATCO, il-kostijiet għall-bdoti tas-simulatur, u l-kostijiet imposti mill-organizzazzjoni tat-taħriġ. Il-Kummissjoni tinnota li l-PRB irrieżamina l-kostijiet tal-Miżura 5 u tqis li dawn huma ġustifikati.

    (108)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżura 5 hija meħtieġa għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità u li l-kostijiet tagħha huma proporzjonati fid-dawl tal-impatt operazzjonali tagħhom fuq il-forniment tal-kapaċità.

    Miżura 6

    (109)

    Is-sitt miżura relatata mal-kapaċità (“Miżura 6”) tinkludi l-impjieg ta’ ATCOs addizzjonali għas-settur tal-MUAC ta’ Brussell sabiex tiġi akkomodata d-domanda għat-traffiku fl-RP3 u fis-snin sussegwenti.

    (110)

    Skont l-informazzjoni li tinsab fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni, l-għadd ta’ dawk l-ATCOs huwa pjanat li jiżdied b’mod sostanzjali minn 106 għal 119-il ATCO matul l-RP3. Il-Belġju jindika li l-persunal tal-ATCO addizzjonali se jippermetti żieda fil-ħinijiet tal-ftuħ tas-settur u flessibbiltà operazzjonali akbar. Fid-dawl tal-informazzjoni provduta mill-Belġju, il-Kummissjoni taqbel li r-reklutaġġ ta’ ATCOs addizzjonali mill-MUAC huwa meħtieġ sabiex jappoġġa l-ilħuq tal-miri tal-kapaċità.

    (111)

    Il-kostijiet totali tal-Miżura 6 jammontaw għal madwar EUR 4,4 M (f’EUR 2017) matul l-RP3. Dawk il-kostijiet huma relatati mar-remunerazzjoni tal-ATCOs addizzjonali li jidħlu fis-servizz matul l-RP3. Il-Kummissjoni tinnota li l-PRB irrieżamina l-kostijiet tal-Miżura 6 u tqis li dawn huma ġustifikati.

    (112)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-Miżura 6 hija meħtieġa għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità u li l-kostijiet tagħha huma proporzjonati fid-dawl tal-impatt operazzjonali tagħhom fuq il-forniment tal-kapaċità.

    Miżura 7

    (113)

    Is-seba’ miżura relatata mal-kapaċità (“Miżura 7”) tkopri l-iżvilupp ta’ sistema ġdida għall-ippjanar tal-ħaddiema mill-MUAC għall-fini li tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta’ rekwiżiti operazzjonali ġodda. Il-Miżura 7 tinkludi l-iżvilupp ta’ qafas ġdid għall-ippjanar tal-ħaddiema, għodda tas-sistema tar-roster modernizzata u għodod oħrajn għall-ippjanar tal-ħaddiema meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ rekwiżiti operazzjonali ġodda.

    (114)

    Wara li kkunsidrat l-evalwazzjoni li saret mill-PRB, il-Kummissjoni taqbel li l-kisbiet fl-effiċjenza permessi mis-sistema l-ġdida għall-ippjanar tal-ħaddiema se jikkontribwixxu għal prestazzjoni operazzjonali mtejba u għal twassil aktar effiċjenti ta’ servizzi.

    (115)

    Il-kostijiet totali tal-Miżura 7 jammontaw għal madwar EUR 0,8 M (f’EUR 2017) matul l-RP3. Il-Kummissjoni tinnota li l-PRB irrieżamina l-kostijiet tal-Miżura 7 u tqis li dawn huma ġustifikati.

    (116)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-Miżura 7 hija meħtieġa għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità u l-kostijiet tagħha huma proporzjonati fid-dawl tal-impatt operazzjonali tagħhom fuq il-forniment tal-kapaċità.

    Impatt kombinat tal-miżuri relatati mal-kapaċità preżentati mill-Belġju u mil-Lussemburgu

    (117)

    Il-Kummissjoni analizzat ukoll is-seba’ miżuri relatati mal-kapaċità ppreżentati mill-Belġju u mil-Lussemburgu fir-rigward tal-impatt ġenerali tagħhom u sabiex tevalwa jekk l-implimentazzjoni simultanja ta’ dawk il-miżuri kollha hijiex meħtieġa għall-ilħuq tal-miri lokali tal-prestazzjoni tal-kapaċità.

    (118)

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tieħu nota tas-sejbiet tal-PRB li skonthom dawk is-seba’ miżuri relatati mal-kapaċità, meqjusin flimkien, huma xierqa u ġustifikati fid-dawl tal-eżitu operazzjonali mistenni ġenerali tagħhom u l-impatt kombinat li jirriżulta fuq il-forniment tal-kapaċità. Skont l-analiżi tal-PRB, l-implimentazzjoni kombinata ta’ dawk il-miżuri tippermetti li skeyes u l-MUAC jimmaniġġaw b’mod effettiv il-livelli tat-traffiku mbassra fi żminijiet ta’ domanda massima għat-traffiku, filwaqt li jsaħħu l-flessibbiltà u r-reżiljenza tal-forniment tas-servizz fil-każ ta’ ċirkostanzi mhux previsti jew volatili. Il-PRB jikkonferma wkoll li l-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri relatati mal-kapaċità meħuda flimkien ma twassalx għal kapaċità żejda fir-rigward tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru provduti fl-ispazju tal-ajru tal-Belġju u tal-Lussemburgu fix-xhur li jifdal tal-RP3 (22). Fl-aħħar, il-PRB jindika li l-miżuri ppreżentati fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni fir-rigward tat-taħriġ u tal-impjieg ta’ kontrolluri addizzjonali tat-traffiku tal-ajru huma komplementari mal-miżuri organizzazzjonali u tekniċi li jippermettu forniment aħjar tal-kapaċità.

    Konklużjonijiet dwar il-miżuri invokati mill-Belġju u mil-Lussemburgu biex jiġġustifikaw id-devjazzjonijiet osservati mix-xejriet tal-kosteffiċjenza għall-Unjoni kollha

    (119)

    Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tikkonkludi abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi (71) sa (118) li l-kostijiet ippreżentati mill-Belġju u mil-Lussemburgu għall-Miżuri 1 u 2 huma parzjalment meħtieġa u proporzjonati għall-ilħuq tal-miri ta’ prestazzjoni tal-kapaċità, filwaqt li fir-rigward tal-Miżuri 3 sa 7, il-kostijiet preżentati huma kompletament meħtieġa u proporzjonati għall-ilħuq ta’ dawk il-miri.

    (120)

    It-tabella ta’ hawn taħt turi l-kontribut li jirriżulta tal-miżuri relatati mal-kapaċità għad-diskrepanzi fix-xejriet tad-DUC għall-Unjoni kollha osservati fil-premessa (70) fir-rigward tas-sena rilevanti, jiġifieri l-2024.

    Miżuri relatati mal-kapaċità ppreżentati mill-Belġju u mil-Lussemburgu

    Kontribut għad-distakk max-xejriet tad-DUC għall-Unjoni kollha għaż-żona tal-imposti ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu, espress f’EUR 2017, filwaqt li jitqiesu l-kostijiet meqjusa mill-Kummissjoni bħala meħtieġa u proporzjonati għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità

    Miżura 1

    EUR 7,7 M (23)

    Miżura 2

    EUR 0,3 M (24)

    Miżura 3

    EUR 4,4 M

    Miżura 4

    EUR 0,3 M

    Miżura 5

    EUR 4,7 M

    Miżura 6

    EUR 1,5 M

    Miżura 7

    EUR 0,3 M

    Total

    EUR 19,2 -il M

    (121)

    Kif ippreżentat fit-tabella stabbilita fil-premessa (120), il-miżuri relatati mal-kapaċità jiġġustifikaw eċċess ta’ EUR 19,2-il M (f’EUR 2017) fl-isfond tax-xejriet tad-DUC għall-Unjoni kollha. Dak l-eċċess huwa akbar mid-devjazzjoni stmata mix-xejra tad-DUC għall-Unjoni kollha tal-RP3, li tammonta għal EUR 8,2 M (f’EUR 2017), iżda huwa iżgħar mid-devjazzjoni stmata ta’ EUR 43,7 M (f’EUR 2017) mix-xejra tad-DUC fit-tul għall-Unjoni kollha. Għalhekk, il-Belġju u l-Lussemburgu għad għandhom diskrepanza mhux ġustifikata ta’ EUR 24,5 M (f’EUR 2017) fl-isfond tax-xejra tad-DUC fit-tul għall-Unjoni kollha.

    (122)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 ma huwiex issodisfat fir-rigward tal-Belġju u tal-Lussemburgu.

    (123)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-Belġju u l-Lussemburgu ma ppreżentaw l-ebda miżura ta’ ristrutturar fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni li tiġġustifika devjazzjoni mix-xejra tad-DUC għall-Unjoni kollha jew mix-xejra tad-DUC fit-tul għall-Unjoni kollha skont il-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(ii) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

    Konklużjoni dwar il-valutazzjoni tal-miri ta’ prestazzjoni riveduti

    (124)

    Fid-dawl tal-valutazzjoni stabbilita fil-premessi (22) sa (123), il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għaż-żona tal-imposti ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu huma inkonsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha.

    IS-SEJBIET MIR-RIEŻAMI TAL-MIRI TA’ PRESTAZZJONI RIVEDUTI MWETTAQ F’KONFORMITÀ MAL-PUNT 2 TAL-ANNESS IV TAR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI (UE) 2019/317

    Miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza tat-terminal riveduti — il-punt 2.1(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317

    (125)

    Fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/728, il-Kummissjoni qajmet tħassib dwar il-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza tat-terminal proposti mill-Belġju fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni. Dawk il-miri tal-kosteffiċjenza japplikaw biss fir-rigward tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal provduti fl-ajruport ta’ Brussell. F’dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, il-Kummissjoni qieset li l-Belġju jenħtieġ li kellu jiġġustifika aktar dawk il-miri jew jirrevedihom ’l isfel.

    (126)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni fih miri ta’ prestazzjoni mtejba tal-kosteffiċjenza tat-terminal għall-Belġju fir-rigward tas-snin kalendarji mill-2022 sal-2024, inkluż tnaqqis tal-kostijiet determinati f’termini reali għal dawk is-snin kalendarji. Il-Kummissjoni tosserva li x-xejra tad-DUC tat-terminal ta’ +4,5 % matul l-RP3 għadha ogħla mix-xejra tad-DUC en route ta’ +1,9 % matul l-RP3 u ogħla mix-xejra attwali tad-DUC tat-terminal ta’ +0,5 % osservata matul l-RP2. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li d-DUC għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal fl-ajruport ta’ Brussell għadu ogħla, b’marġni sinifikanti stmat ta’ 55 %, mid-DUC tat-terminal medjan tal-grupp komparatur rilevanti ta’ ajruporti tiegħu.

    (127)

    Fid-dawl tal-valutazzjoni stabbilita fil-premessi (125) u (126), il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miri riveduti tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza tat-terminal proposti mill-Belġju għadhom jagħtu lok għal tħassib. Għalhekk, il-Kummissjoni ttenni l-fehma tagħha, kif stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/728, li l-Belġju jenħtieġ li jipprovdi ġustifikazzjonijiet adegwati għal dawk il-miri jew jirrevedihom ’l isfel.

    Skemi ta’ inċentivi għall-ilħuq tal-miri ta’ prestazzjoni tal-kapaċità — il-punt 2.1(f) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317

    (128)

    Fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/728, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Belġju u l-Lussemburgu kellhom jirrevedu l-iskemi ta’ inċentivi tagħhom biex jintlaħqu miri tal-kapaċità en route u tat-terminal b’tali mod li l-iżvantaġġ finanzjarju massimu li jirriżulta minn dawk l-iskemi ta’ inċentivi jiġi stabbilit f’livell li jkollu impatt materjali fuq id-dħul f’riskju. Il-Kummissjoni tinnota li l-Belġju u l-Lussemburgu ma għamlu l-ebda tibdil f’dawk l-iskemi ta’ inċentivi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni.

    (129)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskemi ta’ inċentivi stabbiliti mill-Belġju u mil-Lussemburgu fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni jkomplu jagħtu lok għal tħassib. Għalhekk, il-Kummissjoni ttenni l-fehma tagħha li l-Belġju u l-Lussemburgu jenħtieġ li jirrevedu l-iskemi ta’ inċentivi tagħhom għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità en route u tat-terminal sabiex l-iżvantaġġi finanzjarji massimi li jirriżultaw minn dawk l-iskemi ta’ inċentivi jiġu stabbiliti f’livell li jkollu impatt materjali fuq id-dħul f’riskju, kif meħtieġ mill-Artikolu 11(3), il-punt (a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-iskema riveduta ta’ inċentivi jenħtieġ li twassal għal żvantaġġ finanzjarju massimu daqs jew ogħla minn 1 % tal-kostijiet determinati.

    KONKLUŻJONIJIET

    (130)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Belġju u l-Lussemburgu jenħtieġ li jieħdu miżuri korrettivi skont it-tifsira tal-Artikolu 11(3), il-punt (c), it-tielet paragrafu, tar-Regolament (UE) Nru 549/2004. Dawk il-miżuri korrettivi jenħtieġ li jippermettu lill-Belġju u lil-Lussemburgu jiksbu konsistenza mal-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għall-Unjoni kollha għall-RP3 li jikkorrispondu, abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni stabbilita f’din id-Deċiżjoni, għal tnaqqis tal-kostijiet determinati għaż-żona tal-imposti en route tal-Belġju u tal-Lussemburgu b’EUR 24,5 M, espressi f’termini reali fil-prezzijiet tal-2017.

    (131)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-Belġju beħsiebu jwettaq rieżami tal-konformità tal-prestazzjoni ta’ skeyes u tal-MUAC, li fih stieden lis-servizzi tal-Kummissjoni biex jieħdu sehem bħala osservaturi. Il-Kummissjoni tifhem li r-rieżami tal-konformità se jappoġġa t-tħejjija mill-Belġju ta’ abbozz ta’ pjan ta’ prestazzjoni finali, li jenħtieġ li jqis il-miżuri korrettivi. Jekk dan ir-rieżami tal-konformità jipproduċi evidenza ġdida, il-Kummissjoni beħsiebha tqis dik l-evidenza l-ġdida.

    (132)

    Ċerti miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu mill-Belġju u mil-Lussemburgu f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni jistgħu ma jwasslux għall-effetti sħaħ tagħhom fl-RP3, minħabba n-natura tagħhom. Madankollu, il-Belġju u l-Lussemburgu xorta jenħtieġ li jibdew jimplimentawhom fl-RP3, abbażi ta’ impenji vinkolanti li għandhom jiġu stabbiliti bħala parti mill-abbozz tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni finali tagħhom, anke jekk dawk il-miżuri jiġġeneraw titjib fil-kosteffiċjenza fil-perjodu ta’ referenza li jmiss.

    (133)

    Il-miżuri korrettivi jenħtieġ li jiġu stabbiliti bħala parti mill-abbozz tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni finali li għandu jiġi preżentat lill-Kummissjoni fi żmien 3 xhur mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, f’konformità mal-Artikolu 15(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Dawk l-abbozzi ta’ pjanijiet ta’ prestazzjoni finali jenħtieġ li jiġu adottati individwalment, fil-livell nazzjonali, mill-Belġju u mil-Lussemburgu, minħabba li l-attivitajiet tal-iffissar tal-miri ta’ prestazzjoni fil-livell tal-FABEC ma tkomplewx bħala riżultat tal-irtirar ta’ Franza, tal-Ġermanja u tan-Netherlands mill-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-FABEC, kif spjegat fil-premessa (6).

    (134)

    Fid-dawl tas-sejbiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, il-Belġju u l-Lussemburgu jenħtieġ li, b’mod partikolari, jindirizzaw b’mod xieraq il-kwistjonijiet li ġejjin:

    (a)

    Applikazzjoni skorretta tad-dispożizzjonijiet legali rispettivi li jirregolaw il-kondiviżjoni tar-riskju tat-traffiku, il-kondiviżjoni tar-riskju tal-kostijiet u l-iskemi ta’ inċentivi fir-rigward tal-MUAC, imsemmija fil-premessi (46) u (47);

    (b)

    Verifika mitluba mill-ASN li l-kostijiet mitluba fl-RP2 għall-investimenti kanċellati u mdewma f’assi fissi ma humiex debitati darbtejn lill-utenti tal-ispazju tal-ajru f’każ li dawk l-investimenti jimmaterjalizzaw fi stadju aktar tard, kif imsemmi fil-premessi (48) u (49);

    (c)

    Arranġamenti ta’ finanzjament mhux korretti għall-kostijiet imġarrba għal servizzi provduti f’żoni transfruntiera, imsemmija fil-premessi (56) sa (62);

    (d)

    Allokazzjoni skorretta tal-kostijiet tal-approċċ bejn is-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route u tat-terminal fir-rigward ta’ skeyes, imsemmija fil-premessi (63) sa (67);

    (e)

    In-nuqqas ta’ ġustifikazzjonijiet adegwati għall-miri eċċessivi tal-kosteffiċjenza tat-terminal tal-Belġju, imsemmija fil-premessi (125), (126) u (127);

    (f)

    Livell skorrett tal-iżvantaġġi finanzjarji massimi fl-iskemi ta’ inċentivi tal-Belġju u tal-Lussemburgu li jappoġġaw l-ilħuq ta’ miri tal-kapaċità en route u tat-terminal, imsemmija fil-premessi (128) u (129).

    (135)

    Il-Kumitat dwar l-Ajru Uniku ma tax opinjoni. Att ta’ implimentazzjoni tqies bħala neċessarju u l-president issottometta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni lill-kumitat tal-appell għal aktar deliberazzjoni. Il-kumitat tal-appell ma tax opinjoni,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    (1)   Il-Belġju u l-Lussemburgu għandhom jiddefinixxu u jikkomunikaw lill-Kummissjoni miżuri korrettivi mfassla biex tinkiseb il-konsistenza tal-miri nazzjonali tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza mal-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għall-Unjoni kollha għat-tielet perjodu ta’ referenza fi żmien 3 xhur mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    (2)   Il-Belġju u l-Lussemburgu għandhom jibdew japplikaw dawk il-miżuri korrettivi fir-rigward ta’ skeyes u ċ-Ċentru ta’ Kontroll taż-Żona ta’ Fuq ta’ Maastricht (“MUAC”) fl-RP3. Dawk il-miżuri għandhom jirriżultaw fit-tnaqqis tal-kostijiet determinati għaż-żona tal-imposti en route ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu b’ammont li jwassal għall-konsistenza tal-miri nazzjonali ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza mal-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għall-Unjoni kollha. Dak l-ammont se jiġi determinat b’mod aktar preċiż mill-Belġju u mil-Lussemburgu abbażi tar-riżultati tar-rieżami tal-konformità msemmi fil-premessa (131) ta’ din id-Deċiżjoni u rieżaminat mill-Kummissjoni bħala parti mill-valutazzjoni tagħha skont l-Artikolu 15(7) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317, filwaqt li titqies l-evidenza li tirriżulta minn dak ir-rieżami tal-konformità. Il-miżuri korrettivi għandhom iwasslu għat-tnaqqis tal-kostijiet operatorji kemm ta’ skeyes kif ukoll tal-MUAC.

    (3)   Fid-definizzjoni tal-miżuri korrettivi, il-Belġju u l-Lussemburgu jistgħu jqisu wkoll il-miżuri addizzjonali proposti stabbiliti fl-Anness.

    (4)   Il-Belġju u l-Lussemburgu għandhom jinkludu informazzjoni fil-pjanijiet ta’ prestazzjoni rispettivi tagħhom li turi li skeyes u l-MUAC se jimplimentaw b’mod effettiv il-miżuri korrettivi.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju u lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Ġunju 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Adina-Ioana VĂLEAN

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

    (2)  ĠU L 56, 25.2.2019, p. 1.

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1627 tat-3 ta’ Novembru 2020 dwar miżuri eċċezzjonali għat-tielet perjodu ta’ referenza (2020-2024) tal-iskema ta’ prestazzjoni u imposti tal-ajru uniku Ewropew minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 366, 4.11.2020, p. 7).

    (4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/891 tat-2 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni riveduti għall-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-tielet perjodu referenzjarju (2020-2024) u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903 (ĠU L 195, 3.6.2021, p. 3).

    (5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/728 tat-13 ta’ April 2022 dwar l-inkonsistenza ta’ ċerti miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni tal-blokok ta’ spazju tal-ajru nazzjonali u funzjonali preżentati mill-Belġju, mill-Ġermanja, mill-Greċja, minn Franza, minn Ċipru, mil-Latvja, mil-Lussemburgu, minn Malta, min-Netherlands, mir-Rumanija, u mill-Iżvezja skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju u li tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet għar-reviżjoni ta’ dawk il-miri (ĠU L 135, 12.5.2022, p. 4).

    (6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/780 tat-13 ta’ April 2022 dwar l-inkonsistenza ta’ ċerti miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz ta’ pjan tal-prestazzjoni ta’ blokk ta’ spazju tal-ajru funzjonali sottomess mill-Iżvizzera skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri tal-prestazzjoni tal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju u li tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet għar-reviżjoni ta’ dawk il-miri (ĠU L 139, 18.5.2022, p. 218).

    (7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2255 tal-24 ta’ Ottubru 2022 dwar il-bidu tal-eżami dettaljat ta’ ċerti miri ta’ prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni għat-tielet perjodu ta’ referenza sottomess fil-livell tal-blokk ta’ spazju tal-ajru funzjonali mill-Belġju, mill-Ġermanja, minn Franza, mil-Lussemburgu, u min-Netherlands skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 297, 17.11.2022, p. 71).

    (8)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/176 tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar il-konsistenza tal-miri ta’ prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni preżentat minn Franza skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju (ĠU L 25, 27.1.2023, p. 70).

    (9)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/177 tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar il-konsistenza tal-miri ta’ prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni preżentat mill-Ġermanja skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju (ĠU L 25, 27.1.2023, p. 79).

    (10)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/179 tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar il-konsistenza tal-miri ta’ prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni preżentat min-Netherlands skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju (ĠU L 25, 27.1.2023, p. 95).

    (11)  Rata komposta ta’ tkabbir annwali (CAGR).

    (12)  Rata komposta ta’ tkabbir annwali (CAGR).

    (13)  Il-kostijiet imġarrba mill-Belġju u mil-Lussemburgu fir-rigward tal-Konvenzjoni Internazzjonali tal-Eurocontrol dwar il-kooperazzjoni għas-sikurezza tan-navigazzjoni bl-ajru tat-13 ta’ Diċembru 1960 (kif emendata l-aħħar) huma inklużi fil-kostijiet tal-ASN.

    (14)  “Kontroll tat-Traffiku tal-Ajru fin-Netherlands” (LVNL).

    (15)  Kif stabbilit fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/891.

    (16)  Il-kostijiet unitarji ta’ skeyes u tal-LVNL it-tnejn jeskludu l-unitajiet tas-servizzi attribwibbli għall-MUAC fiż-żoni tal-imposti rispettivi tagħhom. Il-kostijiet unitarji għal skeyes u l-LVNL ikopru s-servizzi kollha tan-navigazzjoni bl-ajru en route, inklużi s-servizzi meteoroloġiċi (MET) li fin-Netherlands huma provduti minn fornitur tal-MET separat mil-LVNL.

    (17)  Id-Digriet Irjali tat-23 ta’ April 2017.

    (18)  Ftehim relatat mal-Forniment u l-Operat ta’ Servizzi u Faċilitajiet tat-Traffiku tal-Ajru mill-EUROCONTROL fiċ-Ċentru ta’ Kontroll taż-Żona ta’ Maastricht, iffirmat fil-25 ta’ Novembru 1986.

    (19)  L-operazzjonijiet tal-MUAC huma maqsuma fi tliet gruppi settorjali, jiġifieri l-“grupp tas-settur ta’ Brussell”, il-“grupp tas-settur tad-DECO” u l-“grupp tas-settur ta’ Hannover”.

    (20)  Ikkalkolat abbażi tal-valur ta’ referenza tal-2014.

    (21)  Il-premessa 22 tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10).

    (22)  Abbażi tas-suppożizzjonijiet tat-traffiku li jinsabu fit-tbassir bażi tat-traffiku ta’ STATFOR tal-Eurocontrol ta’ Ottubru 2021.

    (23)  Ammont li jirrifletti s-sehem tal-kostijiet tal-Miżura 1 li nstab mill-Kummissjoni li kien meħtieġ u proporzjonat għall-ilħuq tal-miri lokali tal-prestazzjoni tal-kapaċità, f’konformità mas-sejbiet stabbiliti fil-premessa (82).

    (24)  Ammont li jirrifletti s-sehem tal-kostijiet tal-Miżura 2 li nstab mill-Kummissjoni li kien meħtieġ u proporzjonat għall-ilħuq tal-miri lokali tal-prestazzjoni tal-kapaċità, f’konformità mas-sejbiet stabbiliti fil-premessa (90).


    ANNESS

    MIŻURI ADDIZZJONALI PROPOSTI

    Il-Belġju u l-Lussemburgu jistgħu jieħdu l-miżuri li ġejjin sabiex jirrimedjaw l-inkonsistenza tal-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għaż-żona tal-imposti bejn il-Belġju u l-Lussemburgu mal-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza mal-Unjoni kollha:

    (1)

    jemendaw ir-reġim ta’ disponibbiltà funzjonali tad-DISPO applikat fil-Belġju, bil-ħsieb li jitnaqqas l-impatt tiegħu fuq il-bażi tal-kost taż-żona tal-imposti bejn il-Belġju u l-Lussemburgu;

    (2)

    jirrinunzjaw ir-redditu fuq l-ekwità ta’ skeyes li huwa ppjanat li jiġi impost bħala parti mill-kost tal-kapital;

    (3)

    jirrimborżaw lill-utenti tal-ispazju tal-ajru, permezz ta’ tnaqqis eċċezzjonali fil-kostijiet, kwalunkwe surplus mis-sena 2022 li jirriżulta mill-mekkaniżmu tal-kondiviżjoni tar-riskju tat-traffiku jew mid-differenza bejn il-kostijiet iddeterminati u reali.


    Top