Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1075

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1075 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni

    ST/5514/2023/INIT

    ĠU L 143I, 2.6.2023, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1075/oj

    Related international agreement

    2.6.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 143/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/1075

    tal-1 ta’ Ġunju 2023

    dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 336, flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (“il-Konvenzjoni”) hija l-ewwel strument internazzjonali bl-għan li telimina l-vjolenza kontra n-nisa, inkluż il-bniet ta’ taħt it-18-il sena, bħala kawża bażi ta’ inugwaljanza persistenti bejn l-irġiel u n-nisa, billi twaqqaf qafas komprensiv ta’ miżuri legali u politiċi għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u għall-protezzjoni u l-assistenza tal-vittmi ta’ din il-vjolenza. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ April 2014. Skont l-Artikolu 75 tal-Konvenzjoni, l-Unjoni tista’ ssir Parti għall-Konvenzjoni.

    (2)

    F’konformità mad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2017/865 (2) u (UE) 2017/866 (3), il- Konvenzjoni ġiet iffirmata fit-13 ta’ Ġunju 2017 f’isem l-Unjoni fir-rigward tal-materji koperti mill-Konvenzjoni li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea, soġġett għall-konklużjoni tagħha f’data aktar tard.

    (3)

    Il-Konvenzjoni toħloq qafas legali komprensiv u pluridimensjonali għall-protezzjoni tan-nisa minn kull forma ta’ vjolenza. Hija għandha l-għan li tipprevjeni, ittella’ għall-prosekuzzjoni u telimina l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-vjolenza domestika. Hija tkopri firxa wiesgħa ta’ miżuri, mill-ġbir tad-data u s-sensibilizzazzjoni għal miżuri legali dwar il-kriminalizzazzjoni ta’ forom differenti ta’ vjolenza kontra n-nisa. Hija tinkludi miżuri għall-protezzjoni ta’ vittmi u l-forniment ta’ servizzi ta’ appoġġ, u tindirizza d-dimensjoni tal-vjolenza minħabba l-ġeneru f’materji ta’ ażil u migrazzjoni. Il-Konvenzjoni tistabbilixxi mekkaniżmu speċifiku ta’ monitoraġġ sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet tagħha mill-Partijiet.

    (4)

    Il-konklużjoni tal-Konvenzjoni f’isem l-Unjoni ser tikkontribwixxi għat-twettiq tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-oqsma kollha, li hu objettiv u valur ċentrali tal-Unjoni li għandu jitwettaq fl-attivitajiet kollha tagħha f’konformità mal-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-vjolenza kontra n-nisa mhijiex biss reat kriminali iżda hija wkoll ksur tad-drittijiet tal-bniedem u forma estrema ta’ diskriminazzjoni, bl-għeruq f’inugwaljanzi bejn il-ġeneri u li tikkontribwixxi biex jibqgħu jseħħu u jissaħħu. Billi tikkommetti ruħha għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni, l-Unjoni tikkonferma l-impenn tagħha għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa fit-territorju tagħha u globalment, u ssaħħaħ il-qafas legali sostanzjali eżistenti u l-azzjoni politika attwali tagħha fil-qasam tal-liġi proċedurali kriminali, li hu ta’ rilevanza partikolari għan-nisa u l-bniet.

    (5)

    Il-Konvenzjoni tkopri materji li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u materji oħra li jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri.

    (6)

    Jenħtieġ li l-Unjoni taderixxi mal-Konvenzjoni biss fir-rigward tal-materji li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, jiġifieri sa fejn id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni jistgħu jaffettwaw regoli komuni jew ibiddlu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. L-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sal-punt li l-Konvenzjoni ma taffettwax regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. L-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni fir-rigward ta’ materji li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tagħha hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tar-ratifika tal-Konvenzjoni, dwar materji li jaqgħu fil-kompetenzi nazzjonali tagħhom.

    (7)

    Fl-istadju tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni, l-Unjoni ser tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tagħha, filwaqt li l-Istati Membri li rratifikaw il-Konvenzjoni ser ikunu l-uniċi responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li jaqgħu fil-kompetenza nazzjonali tagħhom.

    (8)

    L-Unjoni għandha kompetenza esklużiva li taċċetta l-obbligi li jinsabu fil-Konvenzjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tagħha stess. Jenħtieġ li l-Unjoni, sa meta l-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ għall-Unjoni, tiżgura li tikkonforma mal-Konvenzjoni, inkluż fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tagħha stess.

    (9)

    Din id-Deċiżjoni tikkonċerna d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni biss sa fejn dawn huma applikabbli għall-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni. Hija ma tikkonċernax id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil jew in-non-refoulement, li huma indirizzati minn Deċiżjoni tal-Kunsill separata li għandha tiġi adottata b’mod parallel ma’ din id-Deċiżjoni.

    (10)

    Il-Kunsill, l-Istati Membri li huma parti għall-Konvenzjoni, u l-Kummissjoni fasslu Kodiċi ta’ Kondotta li jistabbilixxi l-arranġamenti interni rigward l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-obbligi tal-Unjoni u tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni (“Kodiċi ta’ Kondotta”). Dawn l-arranġamenti jkopru, fost l-oħrajn, ir-rwol tal-Kummissjoni bħala entità ta’ koordinazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni għal materji li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u l-awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’materji relatati mal-operazzjonijiet rispettivi tagħhom; il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ, inkluż ir-rappurtar lill-Grupp ta’ Esperti dwar l-Azzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (GREVIO); il-parteċipazzjoni tal-Unjoni f’laqgħat mal-entitajiet maħluqa mill-Konvenzjoni, b’mod partikolari l-Kumitat tal-Partijiet imsemmi fl-Artikolu 67 tal-Konvenzjoni; l-istabbiliment ta’ pożizzjonijiet tal-Unjoni, dawk komuni jew koordinati għal tali laqgħat; u l-kooperazzjoni mill-qrib f’dawn il-laqgħat, b’mod partikolari fir-rigward ta’ arranġamenti ta’ komunikazzjoni u votazzjoni. Il-Kodiċi ta’ Kondotta huwa għalhekk maħsub bħala għodda interna prattika biex l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jiksbu rappreżentanza esterna koerenti, komprensiva u unifikata fir-rigward tal-Konvenzjoni.

    (11)

    Jenħtieġ li l-Konvenzjoni tiġi approvata,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (“il-Konvenzjoni”) hija b’dan approvata f’isem l-Unjoni (4) sa fejn tapplika għall-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tagħha.

    2.   L-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tar-ratifika tal-Konvenzjoni, dwar materji li jaqgħu fil-kompetenzi nazzjonali tagħhom.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuni jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiddepożitaw, f’isem l-Unjoni, l-istrument approvazzjoni previst fl-Artikolu 75(2) u (4) tal-Konvenzjoni.

    Artikolu 3

    Il-Kummissjoni għandha taġixxi bħala l-entità ta’ koordinazzjoni tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni u tissodisfa l-obbligi ta’ rappurtar skont il-Kapitolu IX għal materji tal-Konvenzjoni li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri u l-awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’materji relatati mal-operazzjonijiet rispettivi tagħhom.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fil-Lussemburgu, l-1 ta’ Ġunju 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. CARLSON


    (1)  Approvazzjoni tal-10 ta’ Mejju 2023 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/865 tal-11 ta’ Mejju 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta’ materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (ĠU L 131, 20.5.2017, p. 11).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/866 tal-11 ta’ Mejju 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-ażil u n-non-refoulement (ĠU L 131, 20.5.2017, p. 13).

    (4)  Ara l-paġna 7 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


    Top