Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0616

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/616 tas-17 ta’ Marzu 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2005/37/KE fir-rigward tal-kompiti mwettqa miċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC)

    C/2023/1707

    ĠU L 80, 20.3.2023, p. 96–98 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/616/oj

    20.3.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 80/96


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/616

    tas-17 ta’ Marzu 2023

    li temenda d-Deċiżjoni 2005/37/KE fir-rigward tal-kompiti mwettqa miċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/861/KE tat-8 ta’ Diċembru 2003 li tikkonċerna l-analiżi u l-kooperazzjoni fir-rigward ta’ muniti foloz tal-euro (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1 tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/862/KE tat-8 ta’ Diċembru 2003 li testendi l-effetti tad-Deċiżjoni 2003/861/KE dwar l-analiżi u l-koperazzjoni fir-rigward ta’ muniti foloz tal-ewro f’dawk l-Istati Membri li ma adottawx l-euro bħala l-munita unika tagħhom (2), b’mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Iċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (“l-ETSC”) huwa stabbilit fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-Kummissjoni (DĠ ECFIN), skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/37/KE (3).

    (2)

    Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 (4), l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jikkooperaw biex jipproteġu l-euro kontra l-iffalsifikar, permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni u l-iżgurar ta’ assistenza reċiproka.

    (3)

    L-ETSC iwettaq il-kompiti tiegħu fi Brussell. Xi wħud mill-kompiti tiegħu jitwettqu fiċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Analiżi tal-Muniti Franċiż, stabbilit fiz-Zekka Franċiża f’Pessac.

    (4)

    Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2005/37/KE, l-ETSC għandu jikkoordina l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ awtentikazzjoni kif meħtieġ mir-Regolament (UE) Nru 1210/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

    (5)

    L-ETSC juża t-tagħmir tekniku disponibbli sabiex iwettaq analiżi preliminari u mhux distruttiva ta’ muniti tal-euro foloz. Dan jinkludi inter alia analiżi mikroskopika, viżwali u teknika ta’ muniti tal-euro foloz sekwestrati mill-Istati Membri, tħejjija tad-dokumenti tekniċi rilevanti u riċerka bl-użu ta’ bażijiet tad-data tal-IT iddedikati biex jiġu identifikati karatteristiċi komuni ma’ kategoriji diġà eżistenti u kklassifikati ta’ muniti tal-euro foloz.

    (6)

    Huwa meħtieġ li l-ETSC iwettaq ukoll analiżi avvanzata u mhux distruttiva bil-ħsieb li jidentifika fil-ħin muniti foloz tal-euro ta’ kwalità għolja, jiddefinixxi l-karatteristiċi tekniċi tagħhom u jivvaluta fil-pront il-livell ta’ theddid li jippreżentaw. Dik it-tip ta’ analiżi mhux distruttiva avvanzata tippermetti lill-ETSC jieħu d-deċiżjonijiet ta’ politika xierqa, f’waqthom u effettivi biex jindirizza t-theddid emerġenti u jinforma lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi dwar theddid emerġenti bħala parti mill-istrateġija kontra l-iffalsifikar. Għal dak l-għan, l-ETSC għandu jkun jista’ jakkwista t-tagħmir tekniku xieraq għat-twettiq ta’ tali analiżi avvanzata mhux distruttiva. Skont ir-regolamenti finanzjarji applikabbli, l-ispejjeż relatati mat-tagħmir tekniku disponibbli u mal-persunal tal-ETSC għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

    (7)

    L-ETSC iwettaq analiżi komplementari u mhux distruttiva fiz-Zekka Franċiża għall-finalizzazzjoni tal-klassifikazzjoni ta’ tipi ġodda ta’ muniti tal-euro foloz. Fuq bażi ad hoc, l-ETSC iwettaq ukoll analiżi distruttiva komplementari bl-użu tat-tagħmir tekniku speċjalizzat fiz-Zekka Franċiża.

    (8)

    Għalhekk, id-Deċiżjoni 2005/37/KE għandha tiġi emendata kif jixraq,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Emendi

    Id-Deċiżjoni 2005/37/KE hija emendata kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 2, jiżdied il-punt e) li ġej:

    “(e)

    twettaq analiżi avvanzata u mhux distruttiva ta’ muniti tal-euro foloz ta’ kwalità għolja biex tinforma lill-Europol u lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi dwar theddid emerġenti.”;

    (2)

    L-Artikolu 3 jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 3

    1.   Fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, l-ETSC għandu jwettaq analiżi teknika preliminari fi Brussell, u analiżi komplementari tista’ titwettaq fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Analiżi tal-Muniti Franċiż stabbilit fiz-Zekka Franċiża.

    2.   Id-DĠ ECFIN għandu jagħmel disponibbli għall-ETSC it-tagħmir tekniku xieraq sabiex iwettaq analiżi mhux distruttiva fi Brussell bil-ħsieb li jidentifika u jirrispondi fil-ħin għat-theddid li ġej relatat ma’ muniti foloz tal-euro ta’ kwalità għolja.

    3.   L-ETSC għandu juża l-persunal u t-tagħmir taz-Zekka Franċiża għall-analiżi komplementari meħtieġa mwettqa fil-bini tiegħu. L-awtoritajiet Franċiżi għandhom jagħmlu disponibbli għall-ETSC b’mod ta’ priorità, il-personal u l-materjal xieraq. L-awtoritajiet Franċiżi għandhom ikunu responsabbli għall-manutenzjoni tat-tagħmir tekniku fiz-Zekka Franċiża.

    4.   L-ispejjeż għall-persunal tal-ETSC u t-tagħmir tekniku meħtieġ biex iwettaq il-kompiti tiegħu fi Brussell għandhom jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni. L-ispejjeż relatati mal-kostijiet tal-missjonijiet tal-persunal tal-ETSC f’Pessac u spejjeż minuri ġustifikati li jistgħu jseħħu waqt l-użu tat-tagħmir tekniku fil-laboratorju taz-Zekka Franċiża għandhom ikunu koperti mill-baġit tal-Unjoni.

    5.   DĠ ECFIN jista’ jiddefinixxi, f’kooperazzjoni maz-Zekka Franċiża, il-modalitajiet amministrattivi applikabbli għall-ETSC, meta jintuża t-tagħmir tekniku taz-Zekka Franċiża.”;

    (3)

    Fl-Artikolu 4, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-azzjonijiet meħtieġa biex tipproteġi l-muniti tal-euro kontra l-iffalsifikar u tiżgura implimentazzjoni effettiva u uniformi tal-proċeduri ta’ awtentikazzjoni fiż-żona tal-euro inter alia permezz ta’ laqgħat perjodiċi mal-Europol u esperti tal-muniti foloz.”.

    Artikolu 2

    Id-dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Marzu 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 325,12.12.2003, p. 44.

    (2)  ĠU L 325,12.12.2003, p. 45.

    (3)  Id-DeċiżjonI tal-Kummissjoni 2005/37/KE tad-29 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi ċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC))u tistipula l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tekniċi bil-għan li tħares il-muniti tal-euro mill-iffalsifikar (ĠU L 19, 21.1.2005, p. 73).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat-28 ta’ Ġunju 2001 li jistabbilixxi miżuri neċessarji għall-protezzjoni mill-iffalsifikar tal-euro (ĠU L 181, 4.7.2001, p. 6).

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1210/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2010 li jikkonċerna l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u t-trattament ta’ muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 339, 22.12.2010, p. 1).


    Top