Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0136

    Deċiżjoni (UE) 2023/136 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tan-notifika ta’ kumpens fir-rigward ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru bbażati fl-Unjoni (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    PE/61/2022/REV/1

    ĠU L 19, 20.1.2023, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/136/oj

    20.1.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 19/1


    DEĊIŻJONI (UE) 2023/136 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-18 ta’ Jannar 2023

    li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tan-notifika ta’ kumpens fir-rigward ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru bbażati fl-Unjoni

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 192(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    L-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) ilha topera mill-2019 fir-rigward tal-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet, u hija maħsuba biex tkun miżura bbażata fuq is-suq applikata globalment li timmira li tikkumpensa għall-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju tal-avjazzjoni internazzjonali mill-1 ta’ Jannar 2021 ’il fuq minn livell fiss ta’ emissjonijiet b’ċerti krediti ta’ kumpens.

    (2)

    Il-Ftehim ta’ Pariġi, adottat f’Diċembru 2015 taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) (4), daħal fis-seħħ f’Novembru 2016. Il-Partijiet fih qablu li jżommu ż-żieda fit-temperatura medja globali sew taħt 2 C ’il fuq mil-livelli preindustrijali, u li jagħmlu sforzi biex jillimitaw iż-żieda fit-temperatura sa 1,5 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali. Dak l-impenn ġie msaħħaħ bl-adozzjoni tal-Patt Klimatiku ta’ Glasgow f’Novembru 2021, fejn il-Konferenza tal-Partijiet irrikonoxxiet li l-impatti tat-tibdil fil-klima jkunu ħafna aktar baxxi b’żieda fit-temperatura ta’ 1,5 °C, meta mqabbla ma’ 2 °C, u ddeċidiet li tkompli bl-isforzi biex tillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1,5 °C.

    (3)

    Soġġett għad-differenzi bejn il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u d-dispożizzjonijiet fl-Ewwel Edizzjoni tal-Anness 16, Volum IV, għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali — L-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali, li tistabbilixxi l-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Protezzjoni Ambjentali għall-CORSIA (CORSIA SARPs), u li ġew innotifikati lill-ICAO wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 (5), u soġġett għall-mod li bih il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jemendaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-Unjoni beħsiebha timplimenta l-CORSIA permezz tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

    (4)

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1603 (7) ġie adottat sabiex jiġu implimentati kif xieraq ir-regoli tal-CORSIA għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet tal-avjazzjoni. Il-kumpens skont it-tifsira tal-CORSIA SARPs huwa kkalkulat abbażi tal-emissjonijiet ta’ CO2 ivverifikati f’konformità ma’ dak ir-Regolament Delegat.

    (5)

    Minħabba tnaqqis kbir fl-emissjonijiet tal-avjazzjoni fl-2020 bħala konsegwenza tal-pandemija tal-COVID-19, il-Kunsill tal-ICAO ddeċieda fl-220 sessjoni tiegħu f’Ġunju 2020 li l-emissjonijiet tal-2019 jenħtieġ li jintużaw bħala bażi għall-kalkolu tal-kumpens li għandu jitwettaq mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru għas-snin 2021 sa 2023. Dik id-deċiżjoni ġiet approvata mill-41 Assemblea tal-ICAO f’Ottubru 2022.

    (6)

    Fl-2021 l-emissjonijiet tal-avjazzjoni ma qabżux il-livelli kollettivi tagħhom tal-2019. Fil-31 ta’ Ottubru 2022, l-ICAO ddeterminat li l-Fattur ta’ Tkabbir tas-Settur (SGF) għall-emissjonijiet tal-2021 huwa żero. L-SGF huwa parametru tal-metodoloġija tal-CORSIA li jintuża għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kumpens annwali tal-operaturi. Għalhekk, il-kumpens addizzjonali tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru irid ikun żero għas-sena 2021.

    (7)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jimplimentaw l-iskema CORSIA billi, sat-30 ta’ Novembru 2022, jinnotifikaw lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru li għandhom ċertifikat ta’ operatur tal-ajru maħruġ minn Stat Membru u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li huma rreġistrati fi Stat Membru bil-kumpens ta’ dawk l-operaturi tal-inġenji tal-ajru fir-rigward tas-sena 2021.

    (8)

    Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda minflok jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tagħha, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

    (9)

    Huwa importanti li jiġi żgurat li hemm ċertezza legali għall-awtoritajiet nazzjonali u għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru fir-rigward tal-kumpens tal-CORSIA għas-sena 2021, mill-aktar fis possibbli fl-2022. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ mingħajr dewmien.

    (10)

    Mingħajr preġudizzju għall-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-kontribut tal-avjazzjoni għall-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-ekonomija kollha tal-Unjoni, u li timplimenta b’mod xieraq miżura globali bbażata fuq is-suq, din id-Deċiżjoni hija maħsuba biex tkun miżura purament temporanja li għandha tapplika biss sakemm jiskadi l-perjodu tat-traspożizzjoni ta’ dik id-Direttiva. F’każ li l-perjodu tat-traspożizzjoni ma jkunx skada sat-30 ta’ Novembru 2023 u l-ICAO tiddetermina li l-SGF għall-emissjonijiet tal-2022 ikun żero, jenħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru li r-rekwiżiti ta’ kumpens tagħhom fir-rigward tas-sena 2022 jammontaw għal żero. Jekk l-SGF għall-emissjonijiet tal-2022 ikun differenti minn żero, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’, fejn ikun xieraq, li tippreżenta proposta ġdida għall-kalkolu u n-notifika ta’ dawk ir-rekwiżiti ta’ kumpens.

    (11)

    Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2003/87/KE tiġi emendata skont dan,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/87/KE, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

    “6.   Sat-30 ta’ Novembru 2022, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru li, fir-rigward tas-sena 2021, ir-rekwiżiti ta’ kumpens tagħhom skont it-tifsira tal-paragrafu 3.2.1 tal-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati Internazzjonali tal-ICAO dwar il-Ħarsien Ambjentali għall-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA SARPs) jammontaw għal żero. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jkollhom ċertifikat tal-operatur tal-ajru maħruġ minn Stat Membru jew ikunu reġistrati fi Stat Membru, inkluż ir-reġjuni ultraperiferiċi, id-dipendenzi u t-territorji ta’ dak l-Istat Membru; u

    (b)

    jipproduċu emissjonijiet annwali ta’ CO2 akbar minn 10 000 tunnellata mill-użu ta’ ajruplani b’massa massima ċċertifikata waqt il-qtugħ mill-art akbar minn 5 700 kg li jwettqu titjiriet koperti mill-Anness I għal din id-Direttiva u mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1603 (*1), minbarra dawk li jitilqu u jaslu fl-istess Stat Membru, inkluż ir-reġjuni ultraperiferiċi ta’ dak l-Istat Membru, mill-1 ta’ Jannar 2021.

    Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-emissjonijiet ta’ CO2 mit-tipi ta’ titjiriet li ġejjin ma għandhomx jitqiesu:

    (i)

    titjiriet statali;

    (ii)

    titjiriet umanitarji;

    (iii)

    titjiriet mediċi;

    (iv)

    titjiriet militari;

    (v)

    titjiriet tat-tifi tan-nar;

    (vi)

    titjiriet li jsiru qabel jew wara titjira umanitarja, medika jew tat-tifi tan-nar, dment li dawn it-titjiriet ikunu twettqu bl-istess inġenju tal-ajru u kienu meħtieġa biex jitwettqu l-attivitajiet umanitarji, mediċi jew tat-tifi tan-nar relatati jew biex l-inġenju tal-ajru jiġi ppożizzjonat mill-ġdid wara dawk l-attivitajiet għall-attività li jmiss tiegħu.

    7.   Fl-istennija ta’ att leġiżlattiv li jemenda din id-Direttiva fir-rigward tal-kontribut tal-avjazzjoni għall-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-ekonomija kollha tal-Unjoni u li jimplimenta b’mod xieraq miżura globali bbażata fuq is-suq, u fil-każ li l-perjodu għat-traspożizzjoni ta’ tali att leġiżlattiv ma jkunx skada sat-30 ta’ Novembru 2023, u l-Fattur ta’ Tkabbir tas-Settur (SGF) għall-emissjonijiet tal-2022, li għandu jiġi ppubblikat mill-ICAO, ikun żero, l-Istati Membri għandhom, sat-30 ta’ Novembru 2023, jinnotifikaw lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru li, fir-rigward tas-sena 2022, ir-rekwiżiti ta’ kumpens tagħhom skont it-tifsira tal-paragrafu 3.2.1 tal-CORSIA SARPs tal-ICAO jammontaw għal żero.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Strasburgu, it-18 ta’ Jannar 2023.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    R. METSOLA

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. ROSWALL


    (1)  ĠU C 105, 4.3.2022, p. 140.

    (2)  ĠU C 301, 5.8.2022, p. 116.

    (3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Diċembru 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2022.

    (4)  ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 tad-29 ta’ Novembru 2018 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tal-Ewwel Edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali — Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) (ĠU L 325, 20.12.2018, p. 25).

    (6)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

    (7)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1603 tat-18 ta’ Lulju 2019 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-miżuri adottati mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet tal-avjazzjoni għall-iskop li tiġi implimentata miżura globali bbażata fuq is-suq (ĠU L 250, 30.9.2019, p. 10).


    Top