EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1523

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1523 tat-8 ta’ Settembru 2022 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

C/2022/6568

ĠU L 237, 14.9.2022, p. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1523/oj

14.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 237/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1523

tat-8 ta’ Settembru 2022

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stipula r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati skont il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa fir-rigward tal-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, għal ċertu perjodu tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Jenħtieġ li dak il-perjodu jkun ta’ tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda skont il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li mhijiex konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Settembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Gerassimos THOMAS

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Oġġett tessili manifatturat ta’ forma rettangolari magħmul 100 % minn fibri magħmulin mill-bniedem, magħruf ukoll bħala “kutra ta’ taħt tal-elettriku”, bil-kantunieri ttundjati u b’daqs ta’ madwar 150x80 cm, li jikkonsisti minn żewġ saffi ta’ drapp mhux minsuġ tal-intestatura 5603 . Mat-tarf tal-oġġett kollu hemm strixxa meħjuta ta’ drapp innittjat. Jista’ jkollu strixxi elastiċi biex jitwaħħal mas-saqqu.

L-oġġett la huwa mimli u lanqas iffittjat minn ġewwa.

Huwa mgħammar b’unità tat-tisħin elettrika integrata bi provvista tal-enerġija li tista’ tinqala’ ta’ 220-240 V u bi swiċċ li jirregola l-konfigurazzjonijiet differenti tas-sħana.

L-oġġett huwa ddisinjat biex jitqiegħed bejn is-saqqu u l-liżar biex tissaħħan is-sodda. Ma jkoprix il-parti tas-saqqu fejn suppost tmidd rasha persuna. Skont il-manwal tal-istruzzjonijiet, jista’ jinħasel wara li tinqala’ l-provvista tal-enerġija.

(Ara l-istampa) (*1)

6307 90 98

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-nota 7(f) tat-Taqsima XI, in-nota 1 tal-Kapitolu 63 u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 6307 , 6307 90 u 6307 90 98 .

L-oġġett tessili manifatturat ma jistax jiġi kklassifikat fil-Kapitolu 85 bħala makkinarju u tagħmir elettriku peress li dak il-Kapitolu ma jkoprix kutri, pads tas-sodda, muffs għas-saqajn jew bħalhom imsaħħnin bl-elettriku (in-nota 1(a) tal-Kapitolu 85).

Il-klassifikazzjoni taħt il-kodiċi NM 6301 10 00 bħala kutra tal-elettriku hija eskluża peress li l-oġġett ma għandux il-karatteristiċi oġġettivi tipiċi ta’ kutra tal-intestatura 6301 , bħal li jkun jista’ jitgeżwer jew jgħatti l-ġisem ta’ persuna biex jipprovdi sħana.

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 6302 bħala bjankerija tas-sodda hija eskluża peress li l-oġġett ma għandux il-karatteristiċi ta’ bjankerija tas-sodda (pereżempju, liżar jew għata tas-saqqu), li jikkonsistu milli jipproteġi s-saqqu, il-kutri mimlijin bir-rix tal-edredun jew l-imħaded minn persuna mimduda fuq is-sodda. Għalkemm l-oġġett huwa ddisinjat biex jitqiegħed fuq is-saqqu, ma jipproteġix il-parti fejn suppost tmidd rasha persuna. L-unika funzjoni tiegħu hija li jsaħħan is-sodda u b’hekk tkun aktar komda għall-persuna li tużaha.

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 6304 bħala oġġett għat-tagħmir tad-dar hija eskluża peress li l-oġġett ma għandux il-karatteristiċi ta’ oġġett għat-tagħmir tad-dar tal-intestatura 6304 , bħal li jkun viżibbli għal kull osservatur ta’ kamra. L-oġġett meta jintuża kif maħsub mhuwiex viżibbli fl-ambjent spazjali peress li jkun mgħotti b’liżar.

Minħabba d-dehra ġenerali tal-oġġett u l-materjal taż-żewġ saffi ta’ barra tiegħu (drapp mhux minsuġ ta’ fibri magħmulin mill-bniedem tal-intestatura 5603 ), u l-fatt li l-oġġett ma jistax jiġi kklassifikat taħt intestatura aktar speċifika mill-intestatura 6307 , għalhekk għandu jiġu kklassifikat taħt il-kodiċi NM 6307 90 98 bħala oġġett ieħor manifatturat ta’ drapp tessili.

Image 1


(*1)  L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta’ informazzjoni.


Top