EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1279

Regolament (UE) 2022/1279 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2022 dwar il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ temporanji li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti mir-Repubblika tal-Moldova skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra

PE/29/2022/REV/1

ĠU L 195, 22.7.2022, p. 6–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/07/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/1279/oj

22.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 195/6


REGOLAMENT (UE) 2022/1279 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Lulju 2022

dwar il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ temporanji li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti mir-Repubblika tal-Moldova skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova , min-naħa l-oħra (2) (il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), jikkostitwixxi l-bażi tar-relazzjoni bejn l-Unjoni u l-Moldova. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/492/UE (3), it-Titolu V tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jirrigwarda l-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ, ġie applikat proviżorjament mill-1 ta’ Settembru 2014, u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2016, wara r-ratifika tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mill-Istati Membri kollha.

(2)

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jesprimi x-xewqa tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (il-“Partijiet”) li jsaħħu u jwessgħu r-relazzjonijiet b’mod ambizzjuż u innovattiv, li jiffaċilitaw u jiksbu integrazzjoni ekonomika gradwali, u li jagħmlu dan f’konformità mad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija tal-Partijiet fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

(3)

L-Artikolu 143 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprovdi għall-istabbiliment progressiv ta’ żona ta’ kummerċ ħieles bejn il-Partijiet f’konformità mal-Artikolu XXIV tal-Ftehim Ġenerali tal-1994 dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (“GATT 1994”). Għal dan il-għan, l-Artikolu 147 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprevedi l-eliminazzjoni progressiva tad-dazji doganali f’konformità mal-Iskedi inklużi fl-Anness XV tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-possibbiltà li titħaffef tali eliminazzjoni u jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni.

(4)

Il-gwerra mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna mill-24 ta’ Frar 2022 kellha impatt negattiv profondament fuq il-kapaċità tar-Repubblika tal-Moldova li tinnegozja mal-bqija tad-dinja, b’mod partikolari minħabba li l-esportazzjonijiet tar-Repubblika tal-Moldova kienu jiddependu għal dak il-kummerċ fuq it-tranżitu mit-territorju Ukren u fuq l-użu tal-infrastruttura Ukrena, li issa fil-parti l-kbira mhumiex disponibbli. Taħt tali ċirkostanzi kritiċi u sabiex jittaffew l-effetti negattivi fuq l-ekonomija tar-Repubblika tal-Moldova tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, huwa neċessarju li jitħaffef l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet ekonomiċi eqreb bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova u li jingħata appoġġ rapidu lill-ekonomija tar-Repubblika tal-Moldova. Huwa għalhekk meħtieġ u xieraq li jiġu stimulati l-flussi kummerċjali tar-Repubblika tal-Moldova fil-forma ta’ miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jagħtu kwoti addizzjonali mingħajr tariffi għal seba’ prodotti agrikoli li għadhom soġġetti għal kwoti tariffarji annwali mingħajr dazju (TRQs), f’konformità mal-aċċellerazzjoni tal-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq il-kummerċ bejn l-Unjoni u tar-Repubblika tal-Moldova.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 21(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Unjoni għandha tiżgura l-konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tagħha. Skont l-Artikolu 207(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-politika kummerċjali komuni għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

(6)

Jenħtieġ li l-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ stabbiliti b’dan ir-Regolament jieħdu l-forma ta’ kwoti addizzjonali temporanji mingħajr dazji fuq xi prodotti agrikoli li għadhom soġġetti għat-TRQs. Permezz ta’ tali miżuri, l-Unjoni se tapprofondixxi l-integrazzjoni ekonomika bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova u tipprovdi temporanjament appoġġ ekonomiku xieraq għall-benefiċċju tar-Repubblika tal-Moldova u l-operaturi ekonomiċi li huma affettwati bil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Skont l-Anness XV-A tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, seba’ prodotti agrikoli mir-Repubblika tal-Moldova huma soġġetti għat-TRQs. Dawk il-prodotti huma: tadam, tewm, għeneb tal-mejda, tuffieħ, ċirasa, għajnbaqar u meraq tal-għeneb. Tnejn minn dawk il-prodotti (għajnbaqar u għeneb tal-mejda) ġew esportati mir-Repubblika tal-Moldova f’volumi kbar lejn swieq terzi, b’mod partikolari lejn ir-Russja, il-Belarus u l-Ukrajna. Għal dawn il-prodotti, huwa xieraq li jiġu introdotti kwoti addizzjonali mingħajr dazju biex jappoġġaw temporanjament ir-ridirezzjonar lejn l-Unjoni, jekk meħtieġ, tal-volumi tal-bejgħ oriġinarjament diretti lejn dawk is-swieq. Għall-prodotti li jifdal (it-tadam, it-tewm, it-tuffieħ, iċ-ċirasa u l-meraq tal-għeneb), it-TRQ li għadha kif ġiet introdotta tkun tikkonsisti f’volum addizzjonali mingħajr dazju tal-istess daqs bħal dak previst fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

(7)

Sabiex jiġi evitat frodi, jenħtieġ li l-jedd għall-miżuri kummerċjali stabbiliti permezz ta’ dan ir-Regolament ikunu kondizzjonali fuq il-fatt li hekk kif ir-Repubblika tal-Moldova tkun ikkonformat mal-kondizzjonijiet rilevanti kollha biex jinkisbu l-benefiċċji skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, inkluż ir-regoli tal-oriġini tal-prodotti kkonċernati u l-proċeduri relatati magħhom, kif ukoll l-involviment tar-Repubblika tal-Moldova f’kooperazzjoni amministrattiva mill-qrib mal-Unjoni, kif previst mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

(8)

Jenħtieġ li r-Repubblika tal-Moldova żżomm lura milli tintroduċi dazji jew imposti ġodda li jkollhom effett ekwivalenti u restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għall-importazzjonijiet li joriġinaw fl-Unjoni, milli żżid il-livelli eżistenti ta’ dazji jew imposti jew milli tintroduċi kwalunkwe restrizzjoni oħra, sakemm ma tkunx iġġustifikata b’mod ċar fil-kuntest tal-gwerra. Fil-każ li r-Repubblika tal-Moldova tonqos milli tkun konformi ma’ kwalunkwe waħda minn dawk il-kondizzjonijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tissospendi temporanjament il-miżuri ta’ kummerċ kollha jew parti minnhom stabbiliti minn dan ir-Regolament.

(9)

L-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprevedi li, fost affarijiet oħra, l-osservanza għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif ukoll il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva, materjali relatati u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom jikkostitwixxu elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Skont l-istess Artikolu, il-Partijiet jimpenjaw ruħhom b’mod partikolari għall-prinċipji ġenerali li ġejjin: ir-rispett għall-prinċipji tal-istat tad-dritt u l-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-attivitajiet kriminali, organizzati jew le, inklużi dawk ta’ karattru transnazzjonali, u t-terroriżmu, u r-rispett għall-prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli u multilateraliżmu effettiv. Huwa xieraq li tiġi introdotta l-possibbiltà li jiġu sospiżi temporanjament il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ previsti f’dan ir-Regolament jekk ir-Repubblika tal-Moldova tonqos milli tirrispetta jew dawk l-elementi essenzjali jew dawk il-prinċipji ġenerali.

(10)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tissospendi temporanjament il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ previsti f’dan ir-Regolament f’każijiet fejn il-produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li jikkompetu direttament huma jew jistgħu jiġu affettwati serjament mill-importazzjonijiet skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(11)

Soġġett għal investigazzjoni mill-Kummissjoni, huwa meħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà li jiġu sospiżi temporanjament il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ imsemmija f’dan ir-Regolament fir-rigward ta’ prodott wieħed jew aktar li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, diffikultajiet serji għall-produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew f’kompetizzjoni diretta.

(12)

Jenħtieġ li r-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv, li huwa parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jinkludi valutazzjoni fid-dettall tal-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ stabbiliti permezz ta’ dan ir-Regolament.

(13)

Minħabba l-urġenza tal-kwistjoni relatata mas-sitwazzjoni kkawżata mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, jitqies li huwa xieraq li tiġi invokata l-eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat prevista fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-TFUE u mat-Trattat li jistabbilixxi l- Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.

(14)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika fir-Repubblika tal-Moldova, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ, b’urġenza, fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ

Minbarra l-kwoti tariffarji ("TRQs") mingħajr dazju stabbiliti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fl-Anness XV-A tiegħu, il-prodotti agrikoli elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu ammessi għall-importazzjoni fl-Unjoni mir-Repubblika tal-Moldova fil-limiti tat-TRQs mingħajr dazju tal-Unjoni kif stabbilit f’dak l-Anness. Dawk it-TRQs mingħajr dazju għandhom jiġu amministrati mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (5).

Artikolu 2

Kundizzjonijiet għall-intitolament għall-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ

Il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ previsti fl-Artikolu 1 għandhom ikunu soġġetti għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-konformità mar-regoli tal-oriġini tal-prodotti u l-proċeduri relatati magħhom kif previst fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni;

(b)

l-astensjoni tar-Repubblika tal-Moldova milli tintroduċi dazji jew imposti ġodda li jkollhom effett ekwivalenti u restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għal importazzjonijiet li joriġinaw mill-Unjoni, milli żżid il-livelli eżistenti ta’ dazji jew imposti jew milli tintroduċi kull restrizzjoni oħra, inkluż miżuri diskriminatorji amministrattivi interni, sakemm dan ma jkunx iġġustifikat b’mod ċar fil-kuntest tal-gwerra; u

(c)

ir-rispett tar-Repubblika l-Moldova għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif ukoll il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva, materjali relatati u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom, ir-rispett għall-prinċipji tal-istat tad-dritt u l-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-attivitajiet kriminali, organizzati jew le, inklużi dawk ta’ karattru transnazzjonali, u t-terroriżmu, u r-rispett għall-prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli u multilateraliżmu effettiv previsti fl-Artikoli 2, 9 u 16 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

Artikolu 3

Sospensjoni temporanja tal-miżuri

1.   Fejn il-Kummissjoni ssib li hemm biżżejjed evidenza ta’ nuqqas ta’ konformità mir-Repubblika tal-Moldova mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2, hija tista’, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tissospendi kompletament jew parzjalment il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ previsti f’dan ir-Regolament. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5(2).

2.   Meta Stat Membru jitlob li l-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe waħda mill-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ previsti f’dan ir-Regolament abbażi ta’ nuqqas mir-Repubblika tal-Moldova ta’ konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2, il-punt (b), il-Kummissjoni għandha tipprovdi opinjoni motivata fi żmien erba’ xhur mit-talba dwar jekk l-allegazzjoni tal-Istat Membruhijiex sostanzjata. Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-allegazzjoni tkun sostanzjata, għandha tagħti bidu għall-proċedura msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 4

Klawżola ta’ salvagwardja

1.   Fejn prodott li joriġina fir-Repubblika tal-Moldova jiġi importat fuq termini li jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, diffikultajiet serji lill-produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li jikkompetu direttament magħhom, il-miżura ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ prevista fl-Artikolu 1 tista’ tiġi sospiża fi kwalunkwe ħin fir-rigward ta’ dak il-prodott.

2.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja mill-qrib l-impatt ta’ dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward tal-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni, filwaqt li tqis l-informazzjoni dwar l-esportazzjonijiet, l-importazzjonijiet u l-produzzjoni fl-Unjoni tal-prodotti soġġetti għall-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ stabbiliti permezz ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni biex tagħti bidu għal investigazzjoni f’perjodu ta’ żmien raġonevoli:

(a)

fuq talba ta’ Stat Membru;

(b)

fuq talba ta’ persuna ġuridika jew assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika, li taġixxi f’isem il-produtturi kollha jew proporzjon kbir ta’ produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew prodotti f’kompetizzjoni diretta; jew

(c)

fuq l-inizjattiva tagħha stess jekk ikun ċar għall-Kummissjoni li hemm biżżejjed evidenza prima facie tad-diffikultajiet serji għall-produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew prodotti f’kompetizzjoni diretta kif imsemmija fil-paragrafu 1.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, “proporzjon kbir ta’ produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew prodotti f’kompetizzjoni diretta” ifisser il-produtturi tal-Unjoni li l-produzzjoni kollettiva tagħhom tikkostitwixxi aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali fl-Unjoni ta’ prodotti simili jew prodotti f’kompetizzjoni diretta prodotti minn dak il-proporzjon tal-produtturi tal-Unjoni li jesprimi appoġġ jew oppożizzjoni għat-talba, u li jirrappreżentaw mhux inqas minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-prodotti simili jew il-prodotti f’kompetizzjoni diretta prodotti mill-industrija fl-Unjoni.

4.   Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħti bidu għal investigazzjoni, għandha tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jħabbar il-bidu tal-investigazzjoni. L-avviż għandu jipprovdi sommarju tal-informazzjoni li tasal u jiddikjara li jenħtieġ li kull informazzjoni relevanti tintbagħat lill-Kummissjoni. Għandu jispeċifika l-perjodu li matulu l-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw fil-ħsibijiet tagħhom bil-miktub. Dan il-perjodu ma għandux jeċċedi erba’ xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż.

5.   Il-Kummissjoni għandha tfittex l-informazzjoni kollha li tqis meħtieġa u tista’ tivverifika l-informazzjoni li taslilha mar-Repubblika tal-Moldova jew kwalunkwe sors rilevanti ieħor. Hija tista’ tiġi megħjuna mill-uffiċjali tal-Istati Membru li fit-territorju tiegħu tista’ tintalab verifika, jekk dak l-Istat Membru jitlob l-assistenza ta’ dawk l-uffiċjali.

6.   Meta tkun qed teżamina jekk jeżistux diffikultajiet serji għall-produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew prodotti f’kompetizzjoni diretta kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tqis, fost l-oħrajn, il-fatturi li ġejjin li jikkonċernaw produtturi tal-Unjoni, fejn informazzjoni rilevanti tkun disponibbli:

is-sehem mis-suq,

il-produzzjoni,

il-ħażniet,

il-kapaċità tal-produzzjoni,

l-użu ta’ kapaċità,

l-impjiegi,

l-importazzjonijiet,

il-prezzijiet.

7.   L-investigazzjoni għandha titlesta fi żmien sitt xhur mill-pubblikazzjoni tal-avviż imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. F’ċirkostanzi eċċezzjonali il-Kummissjoni tista’ testendi dak il-perjodu permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5(2).

8.   Fi żmien tliet xhur mit-tlestija tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk tissospendix il-miżura ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ prevista fl-Artikolu 1 fir-rigward tal-prodott soġġett għall-investigazzjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5(2). Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jidħol fis-seħħ fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni tiegħu. Is-sospensjoni għandha tinżamm sakemm ikun neċessarju biex jiġi miġġieled id-deterjorament fis-sitwazzjoni ekonomika jew finanzjarja tal-produtturi tal-Unjoni, jew sakemm tippersisti t-theddida ta’ tali deterjorament. Fejn il-fatti kif jiġu finalment stabbiliti juru li l-kondizzjonijiet indikati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma jkunux ġew sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jtemm l-investigazzjoni u l-proċedimenti. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5(2).

9.   Fejn ċirkostanzi eċċezzjonali li jeħtieġu azzjoni immedjata jagħmluha impossibbli li ssir investigazzjoni, il-Kummissjoni tista’, wara li tgħarraf lill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali msemmi fl-Artikolu 5(1), tieħu kwalunkwe miżura preventiva li tkun meħtieġa.

Artikolu 5

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali stabbilit bl-Artikolu 285 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 6

Valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ

Ir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv għandu jinkludi valutazzjoni fid-dettall tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ previsti f’dan ir-Regolament u għandu jinkludi, sa fejn ikun xieraq, valutazzjoni tal-impatt soċjali ta’ dawk il-miżuri fl-Unjoni u fir-Repubblika tal-Moldova. L-informazzjoni dwar l-importazzjonijiet ta’ prodotti skont l-Artikolu 1 għandha tkun disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

Artikolu 7

Dispożizzjoni tranżitorja

Il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ previsti f’dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal prodotti li, fit-23 ta’ Lulju 2022, ikunu taħt kontroll doganali fl-Unjoni, soġġett li ssir talba għal dak il-għan lill-awtoritajiet doganali responsabbli tal-Unjoni fi żmien sitt xhur minn dik id-data.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika sal-24 ta’ Lulju 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Lulju 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

Z. NEKULA


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2022 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2022.

(2)  ĠU L 260, 30.8.2014, p. 4.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/492/UE tas-16 ta’ Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (ĠU L 260, 30.8.2014, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


ANNESS

KWOTI TARIFFARJI ADDIZZJONALI MINGĦAJR DAZJU GĦALL-PRODOTTI AGRIKOLI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1

Minkejja r-regoli ta' interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda (NM), il-kliem użat għad-deskrizzjoni tal-prodotti jrid jitqies biss bħala kliem ta' valur indikattiv. Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema preferenzjali għandu jiġi ddeterminat mill-kodiċijiet NM kif jeżistu fid-data tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Nru tal-ordni

Kodiċi NM

Deskrizzjoni tal-prodotti

Volum tal-kwota annwali (f’tunnellati)

09.6810

0702 00 00

Tadam, frisk jew imkessaħ

2 000

09.6811

0703 20 00

Tewm, frisk jew imkessaħ

220

09.6812

0806 10 10

Għeneb tal-mejda, frisk

38 000

09.6816

0808 10 80

Tuffieħ, frisk (ħlief it-tuffieħ tas-sidru, fi kwantità, mis-16 ta’ Settembru sal-15 ta’ Diċembru)

40 000

09.6813

0809 29 00

Ċirasa (minbarra ċ-ċirasa qarsa), friska

1 500

09.6814

0809 40 05

Għanbaqar, frisk

25 000

09.6815

2009 61 10

Meraq tal-għeneb, inkluż most tal-għeneb, mhux iffermentat, bil-valur Brix ≤ 30 f’temperatura ta’ 20 °C, valur ta’ > EUR 18 kull 100 kg, irrispettivament minn jekk fihx zokkor miżjud jew xi sustanza tal-ħlewwa oħra (minbarra jekk fih spirtu)

500

2009 69 19

Meraq tal-għeneb, inkluż għeneb magħsur qabel jeħmer, mhux iffermentat, b’valur Brix > 67 f’temperatura ta’ 20 °C, b’valur ta’ > EUR 22 għal kull 100 kg, kemm jekk fih zokkor jew materjal ieħor li jagħti togħma ħelwa kif ukoll jekk le (ħlief jekk fih l-ispirtu)

2009 69 51

Meraq konċentrat tal-għeneb, inkluż most tal-għeneb, mhux iffermentat, bil-valur Brix > 30 iżda ≤ 67 f'temperatura ta' 20 °C, valur ta' > EUR 18 kull 100 kg, irrispettivament minn jekk fihx zokkor miżjud jew xi sustanza tal-ħlewwa oħra (minbarra jekk fih spirtu)

2009 69 59

Meraq tal-għeneb, inkluż most tal-għeneb, mhux iffermentat, bil-valur Brix > 30 iżda ≤ 67 f’temperatura ta’ 20 °C, valur ta’ > EUR 18 kull 100 kg, irrispettivament minn jekk fihx zokkor miżjud jew xi sustanza tal-ħlewwa oħra (minbarra konċentrat jew jekk fih spirtu)


Top