Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1190

    Regolament (UE) 2022/1190 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1862 fir-rigward tad-dħul ta’ allerti ta’ informazzjoni fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-interess tal-Unjoni

    PE/16/2022/REV/1

    ĠU L 185, 12.7.2022, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/1190/oj

    12.7.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 185/1


    REGOLAMENT (UE) 2022/1190 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-6 ta’ Lulju 2022

    li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1862 fir-rigward tad-dħul ta’ allerti ta’ informazzjoni fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-interess tal-Unjoni

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 88(2), il-punt (a), tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) tikkostitwixxi għodda essenzjali sabiex jinżamm livell għoli ta’ sigurtà fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja tal-Unjoni billi tappoġġa l-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, b’mod partikolari l-gwardji tal-fruntiera, il-pulizija, l-awtoritajiet doganali, l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni, u l-awtoritajiet responsabbli għall-prevenzjoni, għall-kxif, għall-investigazzjoni jew għall-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali. Ir-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jikkostitwixxi l-bażi legali għas-SIS fir-rigward ta’ materji li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitoli 4 u 5 tat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    (2)

    L-allerti tas-SIS fihom informazzjoni dwar persuna jew oġġett partikolari kif ukoll struzzjonijiet għall-awtoritajiet dwar x’għandhom jagħmlu meta tkun ġiet lokalizzata dik il-persuna jew dak l-oġġett. L-allerti dwar persuni u oġġetti mdaħħla fis-SIS isiru disponibbli, f’ħin reali, direttament lill-utenti finali kollha tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri li huma awtorizzati jfittxu fis-SIS skont ir-Regolament (UE) 2018/1862. L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) stabbilita bir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-membri nazzjonali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u t-timijiet tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta stabbilita bir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) huma wkoll awtorizzati jaċċessaw u jfittxu data fis-SIS skont il-mandati rispettivi tagħhom u f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1862.

    (3)

    L-Europol għandha rwol importanti fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu billi tipprovdi analiżijiet u valutazzjonijiet tat-theddid biex tappoġġa l-investigazzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. L-Europol taqdi dak ir-rwol ukoll permezz tal-użu tas-SIS u fl-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari mal-Istati Membri dwar allerti tas-SIS. Jenħtieġ li l-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu tkun soġġetta għal koordinazzjoni kontinwa fost l-Istati Membri fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data u tad-dħul ta’ allerti fis-SIS.

    (4)

    Minħabba n-natura globali tal-kriminalità serja u tat-terroriżmu, l-informazzjoni li pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jiksbu dwar awturi ta’ atti ta’ kriminalità serja u terroriżmu u persuni suspettati b’atti ta’ kriminalità serja u terroriżmu u kriminalità serja qed issir dejjem aktar rilevanti għas-sigurtà interna tal-Unjoni. Parti minn dik l-informazzjoni, b’mod partikolari meta l-persuna kkonċernata tkun ċittadin ta’ pajjiż terz, tiġi kondiviża biss mal-Europol, li tipproċessa l-informazzjoni u tikkondividi r-riżultat tal-analiżijiet tagħha mal-Istati Membri.

    (5)

    Il-ħtieġa operazzjonali li l-informazzjoni verifikata pprovduta minn pajjiż terz titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-uffiċjali tal-ewwel linja, b’mod partikolari l-gwardji tal-fruntiera u l-uffiċjali tal-pulizija, hija rikonoxxuta b’mod ġenerali. Madankollu, l-utenti finali rilevanti fl-Istati Membri mhux dejjem ikollhom aċċess għal dik l-informazzjoni siewja għaliex, fost raġunijiet oħra, il-liġi nazzjonali mhux dejjem tippermetti lill-Istati Membri jdaħħlu allerti fis-SIS abbażi ta’ tali informazzjoni.

    (6)

    Sabiex titnaqqas id-diskrepanza fil-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar il-kriminalità serja u t-terroriżmu, b’mod partikolari dwar ġellieda terroristi barranin, meta l-monitoraġġ tal-moviment tagħhom ikun kruċjali, jenħtieġ li jiġi żgurat li fuq proposta mill-Europol, l-Istati Membri jkunu jistgħu jdaħħlu allerti ta’ informazzjoni fis-SIS dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi, fl-interess tal-Unjoni, sabiex jagħmlu dik l-informazzjoni pprovduta minn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali disponibbli, direttament u f’ħin reali, għall-uffiċjali tal-ewwel linja fl-Istati Membri.

    (7)

    Għal dak il-għan, jenħtieġ li fis-SIS tinħoloq kategorija speċifika ta’ allerti ta’ informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-interess tal-Unjoni (“allerti ta’ informazzjoni”). Jenħtieġ li tali allerti ta’ informazzjoni jiddaħħlu fis-SIS mill-Istati Membri fid-diskrezzjoni tagħhom, u soġġetti għall-verifika u l-analiżi tagħhom tal-proposta mill-Europol fl-interess tal-Unjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi, sabiex l-utenti finali li jwettqu tiftix fis-SIS jiġu informati li l-persuna kkonċernata tkun issuspettata li hija involuta f’reat kriminali li fir-rigward tiegħu tkun kompetenti l-Europol, u sabiex l-Istati Membri u l-Europol jiksbu konferma li l-persuna li tkun is-suġġett ta’ allert ta’ informazzjoni tkun ġiet lokalizzata u biex tinkiseb aktar informazzjoni f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1862, kif emendat b’dan ir-Regolament.

    (8)

    Sabiex l-Istat Membru li lilu l-Europol ippropona d-dħul ta’ allert ta’ informazzjoni li jivvaluta jekk każ partikolari huwiex adegwat, rilevanti u importanti biżżejjed biex jiġġustifika d-dħul ta’ dak l-allert ta’ informazzjoni fis-SIS, u sabiex tiġi kkonfermata l-affidabbiltà tas-sors ta’ informazzjoni u l-akkuratezza tal-informazzjoni dwar il-persuna kkonċernata, jenħtieġ li l-Europol tikkondividi l-informazzjoni kollha li jkollha dwar il-każ, ħlief għal informazzjoni li tkun inkisbet bi ksur ċar tad-drittijiet tal-bniedem. Jenħtieġ li l-Europol tikkondividi, b’mod partikolari, l-eżitu tal-kontroverifika tad-data mal-bażijiet ta’ data tagħha, l-informazzjoni relatata mal-akkuratezza u l-affidabbiltà tad-data u l-analiżi tagħha ta’ jekk hemmx raġunijiet suffiċjenti biex jitqies li l-persuna kkonċernata wettqet reat kriminali, ħadet sehem f’reat kriminali, jew biħsiebha twettaq reat kriminali li fir-rigward tiegħu tkun kompetenti l-Europol.

    (9)

    Jenħtieġ li l-Europol tinforma lill-Istati Membri mingħajr dewmien meta jkollha data addizzjonali jew modifikata rilevanti b’rabta mal-proposta tagħha li jiddaħħal allert ta’ informazzjoni fis-SIS jew evidenza li tissuġġerixxi li d-data inkluża fil-proposta tagħha tkun fattwalment skorretta jew tkun inħażnet illegalment, sabiex jiġu żgurati l-legalità, il-kompletezza u l-akkuratezza tad-data tas-SIS. Jenħtieġ li l-Europol tibgħat ukoll lill-Istat Membru emittenti mingħajr dewmien data addizzjonali jew modifikata fir-rigward ta’ allert ta’ informazzjoni li jkun iddaħħal fis-SIS fuq proposta tagħha, sabiex l-Istat Membru emittenti jkun jista’ jikkompleta jew jimmodifika l-allert ta’ informazzjoni. Jenħtieġ li l-Europol taġixxi, b’mod partikolari, jekk issir taf li l-informazzjoni rċevuta mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali kienet skorretta jew ġiet ikkomunikata lill-Europol għal finijiet illegali, pereżempju jekk il-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar il-persuna kienet motivata minn raġunijiet politiċi.

    (10)

    Ir-Regolamenti (UE) 2016/794 u (UE) 2018/1725 (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jenħtieġ li japplikaw għall-ipproċessar ta’ data personali mill-Europol meta twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha skont dan ir-Regolament.

    (11)

    It-tħejjijiet għall-implimentazzjoni ta’ allerti ta’ informazzjoni jenħtieġ li ma jkollhomx impatt fuq l-użu tas-SIS.

    (12)

    Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment u r-regolamentazzjoni ta’ kategorija speċifika ta’ allerti mdaħħla fis-SIS mill-Istati Membri fuq proposta mill-Europol fl-interess tal-Unjoni sabiex tiġi skambjata informazzjoni dwar persuni involuti fi kriminalità serja jew f’terroriżmu, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, minħabba n-natura tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

    (13)

    Dan ir-Regolament jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji mnaqqxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) u fit-TUE. B’mod partikolari, dan ir-Regolament jirrispetta bis-sħiħ il-protezzjoni tad-data personali f’konformità mal-Artikolu 16 TFUE, l-Artikolu 8 tal-Karta u r-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data. Dan ir-Regolament ifittex ukoll li jiżgura ambjent sigur għall-persuni kollha li jirrisjedu fit-territorju tal-Unjoni.

    (14)

    F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk hijiex ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

    (15)

    L-Irlanda qed tieħu sehem f’dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (7) u mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1745 (8).

    (16)

    Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mir-Repubblika tal-Iżlanda u mir-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, mal-applikazzjoni u mal-iżvilupp tal-acquis (9) ta’ Schengen li jaqgħu fi ħdan il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt (G), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (10).

    (17)

    Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (11), li jaqgħu fi ħdan il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt (G), tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri b’mod konġunt mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI (12).

    (18)

    Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (13), li jaqgħu fi ħdan il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt (G), tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE (14).

    (19)

    Fir-rigward tal-Bulgarija u tar-Rumanija, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li huwa b’xi mod ieħor relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005, u jenħtieġ li jinqara flimkien mad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/365/UE (15) u (UE) 2018/934 (16).

    (20)

    Fir-rigward tal-Kroazja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li huwa b’xi mod ieħor relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2011, u jenħtieġ li jinqara flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/733 (17).

    (21)

    Fir-rigward ta’ Ċipru dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li b’xi mod ieħor huwa relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

    (22)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 41(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    (23)

    Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2018/1862 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) 2018/1862 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(8)

    “marka” tfisser sospensjoni tal-validità ta’ allert fil-livell nazzjonali li tista’ tiżdied ma’ allerti għal arrest, allerti dwar persuni nieqsa u persuni vulnerabbli, allerti għal verifiki diskreti, ta’ investigazzjoni u speċifiċi u ma’ allerti ta’ informazzjoni;";

    (b)

    jinżdied il-punt li ġej:

    “(22)

    “ċittadin ta’ pajjiż terz” tfisser kwalunkwe persuna li mhijiex ċittadin tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 20(1) TFUE bl-eċċezzjoni ta’ persuni li jkunu benefiċjarji tad-dritt tal-moviment liberu fi ħdan l-Unjoni f’konformità mad-Direttiva 2004/38/KE jew f’konformità ma’ ftehim bejn l-Unjoni jew l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda, u pajjiż terz min-naħa l-oħra;";

    (2)

    l-Artikolu 20 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(1) jew għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li jipprevedu l-ħżin ta’ data addizzjonali, is-SIS għandu jkun fiha biss dawk il-kategoriji ta’ data li jingħataw minn kull Stat Membru, kif meħtieġ għall-finijiet stabbiliti fl-Artikoli 26, 32, 34, 36, 37a, 38 u 40.”;

    (b)

    fil-paragrafu 2, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(b)

    informazzjoni dwar oġġetti msemmija fl-Artikoli 26, 32, 34, 36, 37a u 38.”;

    (3)

    fl-Artikolu 24, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Meta Stat Membru jqis li l-għoti ta’ effett lil allert imdaħħal f’konformità mal-Artikolu 26, 32, 36 jew 37a ma jkunx kompatibbli mal-liġi nazzjonali tiegħu, l-obbligi internazzjonali tiegħu jew l-interessi nazzjonali essenzjali tiegħu, dan jista’ jkun jeħtieġ li tiżdied marka mal-allert bl-għan li l-azzjoni li tkun ser tittieħed fuq il-bażi tal-allert ma titteħidx fit-territorju tiegħu. Il-marka għandha tinżdied mill-Uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru emittenti.”;

    (4)

    jiddaħħal il-Kapitolu li ġej:

    KAPITOLU IXa

    Allerti ta’ informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-interess tal-Unjoni

    Artikolu 37a

    Objettivi u kondizzjonijiet għad-dħul ta’ allerti

    1.   L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu allerti ta’ informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-interess tal-Unjoni (“allerti ta’ informazzjoni”) fis-SIS, kif imsemmi fl-Artikolu 4(1), il-punt (t), tar-Regolament (UE) 2016/794, fuq proposta mill-Europol biex jiddaħħal allert ta’ informazzjoni abbażi ta’ informazzjoni rċevuta mill-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali. L-Europol għandha tinnotifika lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tagħha meta tagħmel tali proposta.

    2.   Allerti ta’ informazzjoni għandhom jiddaħħlu fis-SIS bil-għan li l-utenti finali li jkunu qed iwettqu tiftix fis-SIS jiġu informati dwar l-involviment suspettat ta’ dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’reati terroristiċi jew fi kriminalità serja oħra elenkati fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2016/794, bil-ħsieb li tinkiseb l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 37b ta’ dan ir-Regolament.

    3.   Il-Europol għandha tipproponi li l-allerti ta’ informazzjoni jiddaħħlu fis-SIS fil-każijiet li ġejjin biss u dment li tkun ivverifikat li l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4 huma ssodisfati:

    (a)

    meta jkun hemm indikazzjoni fattwali li persuna għandha l-intenzjoni li twettaq jew qed twettaq kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija fil-paragrafu 2;

    (b)

    meta valutazzjoni ġenerali ta’ persuna, b’mod partikolari abbażi ta’ reati kriminali fil-passat, tagħti raġuni biex wieħed jemmen li dik il-persuna tista’ twettaq reat imsemmi fil-paragrafu 2.

    4.   Il-Europol għandha tipproponi li l-allerti ta’ informazzjoni jiddaħħlu fis-SIS biss wara li tkun stabbiliet li l-allert ta’ informazzjoni huwa neċessarju u ġustifikat, billi tiżgura li jiġu ssodisfati ż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    li analiżi tal-informazzjoni pprovduta f’konformità mal-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament (UE) 2016/794 tkun ikkonfermat l-affidabbiltà tas-sors tal-informazzjoni kif ukoll l-akkuratezza tal-informazzjoni dwar il-persuna kkonċernata, li tippermetti lill-Europol tiddetermina, fejn neċessarju, wara li tkun wettqet aktar skambji ta’ informazzjoni mal-fornitur tad-data f’konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2016/794, li japplika mill-inqas wieħed mill-każijiet stabbiliti fil-paragrafu 3;

    (b)

    li tiftix fis-SIS, imwettaq f’konformità mal-Artikolu 48 ta’ dan ir-Regolament, ma żvelax l-eżistenza ta’ allert dwar il-persuna kkonċernata.

    5.   Il-Europol għandha tagħmel disponibbli l-informazzjoni li jkollha dwar il-każ partikolari u r-riżultati tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafi 3 u 4 lill-Istati Membri u tipproponi li Stat Membru wieħed jew aktar idaħħlu l-allert ta’ informazzjoni fis-SIS.

    Meta l-Europol ikollha data addizzjonali jew modifikata rilevanti b’rabta mal-proposta tagħha li jiddaħħal allert ta’ informazzjoni, jew meta l-Europol ikollha evidenza li tissuġġerixxi li d-data inkluża fil-proposta tagħha biex jiddaħħal allert ta’ informazzjoni tkun fattwalment skorretta jew tkun inħażnet illegalment, hija għandha tinforma lill-Istati Membri mingħajr dewmien.

    6.   Il-proposta mill-Europol li jiddaħħlu allerti ta’ informazzjoni għandha tkun soġġetta għall-verifika u l-analiżi mill-Istat Membru li lilu l-Europol ipproponiet id-dħul ta’ tali allerti. Tali allerti ta’ informazzjoni għandhom jiddaħħlu fis-SIS skont id-diskrezzjoni ta’ dak l-Istat Membru.

    7.   Meta l-allerti ta’ informazzjoni jiddaħħlu fis-SIS f’konformità ma’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru emittenti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Europol dwar dak id-dħul permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari.

    8.   Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li ma jdaħħlux l-allert ta’ informazzjoni fuq il-proposta mill-Europol jew fejn jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet rispettivi, huma jistgħu jiddeċiedu li jdaħħlu tip ieħor ta’ allert dwar l-istess persuna.

    9.   L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Europol dwar l-eżitu tal-verifika u l-analiżi tad-data fil-proposta tal-Europol, kif imsemmi fil-paragrafu 6, u dwar jekk id-data tkunx iddaħħlet fis-SIS, fi żmien 12-il xahar wara li l-Europol tkun ipproponiet id-dħul ta’ allert ta’ informazzjoni.

    Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ rapportar perjodiku.

    10.   Meta l-Europol ikollha data addizzjonali jew modifikata rilevanti fir-rigward ta’ allert ta’ informazzjoni, hija għandha tittrażmetti dik id-data mingħajr dewmien, permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari, lill-Istat Membru emittenti sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jikkompleta, jimmodifika jew iħassar l-allert ta’ informazzjoni.

    11.   Meta l-Europol ikollha evidenza li tissuġġerixxi li d-data mdaħħla fis-SIS skont il-paragrafu 1 tkun fattwalment skorretta jew tkun inħażnet illegalment, din għandha, permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari, tinforma lill-Istat Membru emittenti kemm jista’ jkun malajr u mhux aktar tard minn jumejn ta’ xogħol minn meta tinġibdilha l-attenzjoni dwar din l-evidenza. L-Istat Membru emittenti għandu jivverifika l-informazzjoni u, jekk neċessarju, jikkoreġi jew iħassar id-data inkwistjoni mingħajr dewmien.

    12.   Meta jkun hemm indikazzjoni ċara li l-oġġetti msemmija fl-Artikolu 38(2), il-punti (a), (b), (c), (e), (g), (h), (j) u (k), jew mezzi ta’ ħlas mhux bi flus kontanti jkunu konnessi ma’ persuna li tkun is-suġġett ta’ allert ta’ informazzjoni skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jistgħu jiddaħħlu allerti dwar dawk l-oġġetti sabiex il-persuna tiġi lokalizzata. F’każijiet bħal dawn, l-allert ta’ informazzjoni u l-allert dwar l-oġġett għandhom ikunu konnessi f’konformità mal-Artikolu 63.

    13.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-proċeduri meħtieġa għad-dħul, l-aġġornament u t-tħassir ta’ allerti ta’ informazzjoni fis-SIS f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

    14.   Il-Europol għandha żżomm reġistri relatati mal-proposti tagħha għad-dħul ta’ allerti ta’ informazzjoni fis-SIS skont dan l-Artikolu u tipprovdi rapporti lill-Istati Membri kull sitt xhur dwar l-allerti ta’ informazzjoni mdaħħla fis-SIS u dwar il-każijiet fejn l-Istati Membri ma jkunux daħħlu l-allerti ta’ informazzjoni.

    15.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi u tiżviluppa r-regoli neċessarji għad-dħul, l-aġġornament, it-tħassir u t-tiftix tad-data msemmija fil-paragrafu 11 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 76(2).

    Artikolu 37b

    Eżekuzzjoni tal-azzjoni bbażata fuq allert ta’ informazzjoni

    1.   Fil-każ ta’ hit dwar allert ta’ informazzjoni, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu jiġbor u jikkomunika lill-Istat Membru emittenti l-informazzjoni li ġejja kollha jew parti minnha:

    (a)

    il-fatt li l-persuna li tkun is-suġġett ta’ allert ta’ informazzjoni tkun ġiet lokalizzata;

    (b)

    il-post, il-ħin u r-raġuni għall-verifika;

    (c)

    ir-rotta tal-vjaġġ u d-destinazzjoni;

    (d)

    il-persuni li jakkumpanjaw lis-suġġett tal-allert ta’ informazzjoni li jistgħu jkunu raġonevolment mistennija li jkunu assoċjati mas-suġġett tal-allert ta’ informazzjoni;

    (e)

    l-oġġetti li jinġarru, inkluż id-dokumenti tal-ivvjaġġar;

    (f)

    iċ-ċirkostanzi li fihom kienet lokalizzata l-persuna.

    2.   L-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu jikkomunika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-Istat Membru emittenti permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari.

    3.   Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu japplika wkoll meta l-persuna li tkun is-suġġett ta’ allert ta’ informazzjoni tkun lokalizzata fit-territorju tal-Istat Membru li jkun daħħal fis-SIS l-allert ta’ informazzjoni għall-fini li l-Europol tiġi infurmata f’konformità mal-Artikolu 48(8), il-punt (b).

    4.   L-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu jiżgura l-ġbir diskret ta’ kemm jista’ jkun mill-informazzjoni deskritta fil-paragrafu 1 matul l-attivitajiet ta’ rutina mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tiegħu. Il-ġbir ta’ tali informazzjoni ma għandux jippreġudika n-natura diskreta tal-verifiki u s-suġġett tal-allert ta’ informazzjoni ma għandu bl-ebda mod jiġi informat bl-eżistenza ta’ tali allert.”;

    (5)

    fl-Artikolu 43, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Jista’ wkoll isir tiftix fid-data dattiloskopika fis-SIS fir-rigward ta’ allerti mdaħħla f’konformità mal-Artikoli 26, 32, 36, 37a u 40 bl-użu ta’ settijiet kompleti jew mhux kompleti ta’ marki tas-swaba’ jew ta’ marki tal-pala tal-id misjuba fuq ix-xeni ta’ reati kriminali serji jew reati terroristiċi li jkunu qed jiġu investigati, fejn ikun jista’ jiġi stabbilit bi grad għoli ta’ probabbiltà li dawk is-settijiet ta’ marki jappartjenu lill-awtur ta’ reat u dment li t-tiftix jitwettaq b’mod simultanju fil-bażijiet ta’ data tal-marki tas-swaba’ rilevanti tal-Istati Membri.”;

    (6)

    l-Artikolu 48 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “8.   L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Europol permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari dwar:

    (a)

    kwalunkwe hit dwar allerti ta’ informazzjoni mdaħħla fis-SIS skont l-Artikolu 37a;

    (b)

    meta l-persuna li tkun is-suġġett tal-allert ta’ informazzjoni tkun lokalizzata fit-territorju tal-Istat Membru emittenti f’konformità mal-Artikolu 37b(3); u

    (c)

    kwalunkwe hit dwar allerti relatati ma’ reati terroristiċi li ma jiddaħħlux fis-SIS skont l-Artikolu 37a.

    B’mod eċċezzjonali, l-Istati Membri jistgħu ma jinformawx lill-Europol dwar hits dwar allerti taħt il-punt (c) ta’ dan il-paragrafu jekk dan jikkomprometti investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin, is-sikurezza ta’ individwu jew imorru kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istat Membru emittenti.";

    (b)

    il-paragrafu 9 jitħassar;

    (7)

    l-Artikolu 53 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   Stat Membru jista’ jdaħħal allert dwar persuna għall-finijiet tal-Artikolu 32(1), il-punt (c), (d) u (e), tal-Artikolu 36, u tal-Artikolu 37a, għal perjodu ta’ sena. L-Istat Membru emittenti għandu jirrieżamina l-ħtieġa li l-allert jinżamm matul dak il-perjodu ta’ sena.”;

    (b)

    il-paragrafi 6 u 7 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “6.   Fi ħdan il-perjodu ta’ rieżami msemmi fil-paragrafi 2, 3, 4 u 5, l-Istat Membru emittenti jista’, b’segwitu għal valutazzjoni individwali komprensiva, li għandha tiġi rreġistrata, jiddeċiedi li jżomm l-allert dwar persuna għal aktar żmien mill-perjodu ta’ rieżami, jekk jirriżulta li dan ikun neċessarju u proporzjonat għall-finijiet li għalihom ikun iddaħħal l-allert. F’dawn il-każijiet, il-paragrafi 2, 3, 4 u 5 għandhom japplikaw ukoll għall-estensjoni. Kwalunkwe tali estensjoni għandha tiġi kkomunikata lis-CS-SIS.

    7.   L-allerti dwar persuni għandhom jitħassru awtomatikament wara li l-perjodu ta’ rieżami msemmi fil-paragrafi 2, 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu jkun skada, ħlief meta l-Istat Membru emittenti jkun informa lis-CS-SIS dwar estensjoni f’konformità mal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu. Is-CS-SIS għandha awtomatikament tinforma lill-Istat Membru emittenti u, għal allerti ta’ informazzjoni imdaħħla fis-SIS f’konformità mal-Artikolu 37a, anke lill-Europol, dwar it-tħassir skedat ta’ data erba’ xhur minn qabel. Għal allerti ta’ informazzjoni mdaħħla fis-SIS f’konformità mal-Artikolu 37a, il-Europol għandha tassisti lill-Istat Membru emittenti mingħajr dewmien fil-valutazzjoni individwali komprensiva tiegħu msemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.”;

    (8)

    fl-Artikolu 54, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Allerti dwar oġġetti imdaħħlin f’konformità mal-Artikoli 26, 32, 34, 36 u 37a għandhom jiġu rieżaminati skont l-Artikolu 53 fejn dawn ikunu konnessi ma’ allert dwar persuna. Tali allerti għandhom jinżammu biss sakemm jinżamm l-allert dwar il-persuna.”;

    (9)

    l-Artikolu 55 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “4a.   L-allerti ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 37a għandhom jitħassru meta:

    (a)

    l-allert jiskadi f’konformità mal-Artikolu 53; jew

    (b)

    tittieħed deċiżjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru emittenti li l-allerti għandhom jitħassru, inkluż fejn xieraq fuq proposta mill-Europol;”;

    (b)

    il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “7.   Fejn ikun konness ma’ allert dwar persuna, allert dwar oġġett imdaħħal f’konformità mal-Artikoli 26, 32, 34, 36 u 37a għandu jitħassar meta l-allert dwar il-persuna jitħassar f’konformità ma’ dan l-Artikolu.”;

    (10)

    l-Artikolu 56 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jipproċessaw biss id-data msemmija fl-Artikolu 20 għall-finijiet stabbiliti għal kull kategorija ta’ allert imsemmija fl-Artikoli 26, 32, 34, 36, 37a, 38 u 40.”;

    (b)

    il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “5.   Fir-rigward tal-allerti stabbiliti fl-Artikoli 26, 32, 34, 36, 37a, 38 u 40, kwalunkwe pproċessar ta’ informazzjoni fis-SIS għal finijiet li mhumiex dawk li għalihom dik l-informazzjoni tkun iddaħħlet fis-SIS għandu jkun konness ma’ każ speċifiku u ġġustifikat mill-ħtieġa li tiġi impedita theddida serja u imminenti għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika, fuq il-bażi ta’ raġunijiet serji ta’ sigurtà nazzjonali jew għall-finijiet ta’ prevenzjoni ta’ reat kriminali serju. Għal dan il-fini, għandha tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel mill-Istat Membru emittenti.”;

    (11)

    fl-Artikolu 74, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “5a.   L-Istati Membri, l-Europol u l-eu-LISA għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni neċessarja biex tikkontribwixxi għall-evalwazzjoni u r-rapporti msemmija fl-Artikolu 68 tar-Regolament (UE) 2016/794.”;

    (12)

    fl-Artikolu 79, jinżdied il-paragrafu li ġej:

    “7.   Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tistabbilixxi d-data li minnha l-Istati Membri jistgħu jibdew idaħħlu, jaġġornaw u jħassru allerti ta’ informazzjoni fis-SIS f’konformità mal-Artikolu 37a ta’ dan ir-Regolament, wara verifika li jkunu ġew issodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont dan ir-Regolament ikunu ġew emendati sal-punt neċessarju għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (UE) 2022/1190 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

    (b)

    l-Istati Membri u l-Europol ikunu nnotifikaw lill-Kummissjoni li għamlu l-arranġamenti tekniċi u proċedurali neċessarji biex jipproċessaw id-data tas-SIS u biex jiskambjaw informazzjoni supplimentari skont dan ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (UE) 2022/1190;

    (c)

    l-eu-LISA tkun innotifikat lill-Kummissjoni li tlestew b’suċċess l-attivitajiet kollha ta’ ttestjar fir-rigward tas-CS-SIS u tal-interazzjoni bejn is-CS-SIS u l-N.SIS.

    Dik id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (*1)  Ir-Regolament (UE) 2022/1190 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1862 fir-rigward tad-dħul ta’ allerti ta’ informazzjoni fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-interess tal-Unjoni (ĠU L 185, 12.7.2022, p. 1).”."

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mid-data determinata f’konformità mal-Artikolu 79(7) tar-Regolament (UE) 2018/1862 bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 1, il-punt 12, ta’ dan ir-Regolament li għandu japplika mill-1 ta’ Awwissu 2022.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi Strasburgu, is-6 ta’ Lulju 2022.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    R. METSOLA

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. BEK


    (1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ġunju 2022 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2022.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 56).

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 138).

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

    (7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

    (8)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1745 tat-18 ta’ Novembru 2020 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen dwar il-protezzjoni tad-data u dwar l-implimentazzjoni proviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fl-Irlanda (ĠU L 393, 23.11.2020, p. 3).

    (9)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

    (10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

    (11)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

    (12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 50).

    (13)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

    (14)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat b’mod partikolari mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 1).

    (15)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/365/UE tad-29 ta’ Ġunju 2010 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU L 166, 1.7.2010, p. 17).

    (16)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/934 tal-25 ta’ Ġunju 2018 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li fadal tal-acquis ta’ Schengen marbuta mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u fir-Rumanija (ĠU L 165, 2.7.2018, p. 37).

    (17)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/733 tal-25 ta’ April 2017 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Kroazja (ĠU L 108, 26.4.2017, p. 31).


    Top