Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0245

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/245 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/40 fir-rigward tal-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament u l-għażla u l-approvazzjoni tal-applikanti għall-għajnuna

    C/2021/8927

    ĠU L 41, 22.2.2022, p. 5–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/245/oj

    22.2.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 41/5


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/245

    tat-13 ta’ Diċembru 2021

    li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/40 fir-rigward tal-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament u l-għażla u l-approvazzjoni tal-applikanti għall-għajnuna

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 24(1)(b) u (c) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/40 (2) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għat-tfassil u għall-applikazzjoni tal-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament li l-Istati Membri għandhom jipprevedu skont l-Artikolu 23(10) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Fl-interess taċ-ċertezza ġuridika, huwa xieraq li tiġi stabbilita lista mhux eżawrjenti ta’ attivitajiet li jistgħu jitwettqu bħala parti mill-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament taħt l-iskema tal-iskejjel, inkluż fejn ma tintalab l-ebda għajnuna mill-Unjoni. Sabiex l-iskema għall-iskejjel tkun effettiva, jixraq ukoll li jiġi ċċarat li l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament previsti jappoġġjaw id-distribuzzjoni tal-frott u l-ħaxix għall-iskejjel u tal-ħalib għall-iskejjel li jaslu għand it-tfal kollha li jipparteċipaw fl-iskema tal-iskejjel. Tali rekwiżit huwa mingħajr preġudizzju għall-awtonomija mogħtija lill-istabbilimenti edukattivi fl-Istati Membri, skont it-tqassim tal-kompetenzi u l-istrateġija għall-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskejjel fl-Istati Membri kkonċernati.

    (2)

    L-Artikolu 5(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ġenerali għall-għażla tal-applikanti għall-għajnuna. Meta jagħżlu l-applikanti għall-għajnuna, l-Istati Membri, li jaġixxu fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, jistgħu jkunu soġġetti għar-regoli tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni jew dawk nazzjonali. Fl-interess taċ-ċertezza ġuridika, jixraq li jiġi ċċarat li l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw konformità mar-regoli applikabbli dwar l-akkwist pubbliku.

    (3)

    L-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40 jispeċifika l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-applikanti għall-għajnuna, u jistabbilixxi l-impenji bil-miktub li l-applikanti għandhom jagħmlu. Il-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu jistipula impenn addizzjonali bil-miktub li għandu jsir fil-każ ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-provvista u/jew mad-distribuzzjoni tal-prodotti biss. Madankollu, impenn bħal dan huwa pertinenti wkoll jekk l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jgħaqqdu l-provvista u/jew id-distribuzzjoni tal-prodotti u l-forniment ta’ miżuri edukattivi. Il-paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu jirreferi għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament biss. Dan jindika li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jispeċifikaw kwalunkwe impenn addizzjonali bil-miktub li għandu jittieħed mill-applikanti għall-għajnuna. Madankollu, dan jenħtieġ li jkun possibbli għall-applikanti kollha għall-għajnuna. Għaldaqstant, l-Artikolu 6 ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ li jiġi emendat skont dan. Sabiex l-Istati Membri jkollhom biżżejjed żmien biex jadattaw il-proċeduri għall-approvazzjoni tal-applikanti għall-għajnuna, jixraq li jiġi previst li l-emenda għall-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-applikanti għall-għajnuna tapplika biss mis-sena skolastika 2022/2023.

    (4)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2017/40 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/40 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 3, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “1.   Il-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament imsemmijin fl-Artikolu 23(10) tar-Regolament (UE) Nru 1308/213 għandu jkollhom rabta diretta mal-objettivi tal-iskema tal-iskejjel li jżidu l-konsum ta’ prodotti agrikoli magħżula u li jiffurmaw dieti li huma aħjar għas-saħħa.

    Dawn għandhom ikunu mmirati biex ikun hemm konnessjoni mill-ġdid tat-tfal mal-agrikoltura u l-varjetà ta’ prodotti agrikoli tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk prodotti fir-reġjun tagħhom, u l-edukazzjoni tat-tfal dwar kwistjonijiet relatati, bħal drawwiet tal-ikel li hu tajjeb għas-saħħa u l-implikazzjonijiet tagħhom għas-saħħa pubblika, ir-rakkomandazzjonijiet nazzjonali djetetiċi, il-ktajjen alimentari lokali, il-biedja organika, il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli tal-ikel u l-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel, u jistgħu jinkludu attivitajiet bħal:

    (a)

    żjarat fl-irziezet, f’network ta’ msaġar, f’organizzazzjonijiet tal-produtturi, f’unitajiet tal-ipproċessar tal-ħalib, fis-swieq tal-bdiewa, tqassim fil-maħżen u ppakkjar tal-frott u l-ħaxix, żjarat f’mużewijiet agrikoli u attivitajiet simili oħra;

    (b)

    l-istabbiliment u l-manutenzjoni tal-ġonna u l-imsaġar tal-frott fl-iskejjel;

    (c)

    klassijiet, laqgħat ta’ ħidma, laboratorji u attivitajiet simili oħra dwar it-tħejjija tal-ikel, it-tisjir u d-dewqan;

    (d)

    lezzjonijiet, seminars, konferenzi, laqgħat ta’ ħidma u attivitajiet simili oħra;

    (e)

    materjali tat-tagħlim, kompetizzjonijiet, logħob, kwiżżijiet edukattivi, ġranet jew ġimgħat tematiċi u attivitajiet simili oħra.

    Fil-każ li l-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament jinkludu prodotti agrikoli oħrajn apparti dawk imsemmijin fl-Artikolu 23(3), (4) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-miżuri għandhom jipprevedu d-dewqan ta’ dawk il-prodotti l-oħrajn.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal kollha li jipparteċipaw fl-iskema tal-iskejjel ikunu jistgħu jieħdu sehem f’miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament.

    Fejn miżuri edukattivi marbuta direttament mal-objettivi tal-iskema tal-iskejjel huma previsti fi stabbilimenti edukattivi bħala parti mill-kurrikulu regolari tal-iskola jew politiki jew programmi oħra, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jikkunsidrawhom għall-fini tas-subparagrafu 1.

    Il-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament jistgħu jitfasslu u jiġu implimentati fil-livell nazzjonali, reġjonali, lokali jew ta’ stabbiliment edukattiv, skont it-tqassim tal-kompetenzi u l-istrateġija tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskejjel. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istabbilimenti edukattivi li jipparteċipaw fl-iskema jkunu infurmati kif xieraq dwar is-sistema fis-seħħ għall-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament u l-materjali u l-għodod disponibbli.”

    (2)

    fl-Artikolu 5(2), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “Meta jagħżlu l-applikanti għall-għajnuna, l-Istati Membri għandhom jiżguraw konformità mal-liġi applikabbli, inklużi r-regoli dwar l-akkwist pubbliku.”;

    (3)

    L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 6

    Kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-applikanti għall-għajnuna

    1.   L-applikanti għall-għajnuna għandhom jiġu approvati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun jinsab l-istabbiliment edukattiv li lilu jiġu fornuti u/jew li lilu jitqassmu l-prodotti. L-approvazzjoni għandha tkun soġġetta għal dawn l-impenji bil-miktub li jkunu ħadu l-applikanti:

    (a)

    li jiżguraw li l-prodotti ffinanzjati mill-Unjoni taħt l-iskema tal-iskejjel jkunu disponibbli għall-konsum mit-tfal fl-istabbiliment jew fl-istabbilimenti edukattiv(i) li għalihom ikunu applikaw għall-għajnuna;

    (b)

    li jużaw l-għajnuna allokata għall-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament, għall-monitoraġġ, għall-evalwazzjoni u għall-miżuri ta’ reklamar, f’konformità mal-objettivi tal-iskema tal-iskejjel u, fejn il-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament jikkonċernaw suġġetti dwar is-saħħa u n-nutrizzjoni, f’konformità mal-pariri nazzjonali dwar is-saħħa u r-rakkomandazzjonijiet djetetiċi għall-grupp ta’ età kkonċernat;

    (c)

    li jroddu lura kull ammont ta’ għajnuna li ma kellux jitħallas għall-kwantitajiet ikkonċernati, jekk jinstab li l-prodotti ma jkunux tqassmu lit-tfal jew ma jkunux eliġibbli għall-għajnuna tal-Unjoni;

    (d)

    li jroddu lura kull ammont ta’ għajnuna li ma kellux jitħallas għall-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament, għall-monitoraġġ, għall-evalwazzjoni u għall-miżuri ta’ reklamar, jekk jinstab li dawn il-miżuri jew dawn l-attivitajiet ma jkunux twettqu sew;

    (e)

    li jqiegħdu d-dokumenti ta’ sostenn għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti meta din titlobhomlhom;

    (f)

    li jippermettu kull verifika neċessarja li l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħmel, b’mod partikolari l-iskrutinju tar-rekords u l-ispezzjoni fiżika;

    (g)

    li jżommu rekord tal-ismijiet u tal-indirizzi tal-istabbilimenti edukattivi jew tal-awtoritajiet edukattivi meta jirċievu l-prodotti tagħhom u li jżommu rekord tal-kwantitajiet tal-prodotti speċifiċi mibjugħin jew fornuti, meta l-applikant ma jkunx stabbiliment edukattiv.

    L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jispeċifikaw kwalunkwe impenn addizzjonali bil-miktub li għandu jitwettaq mill-applikanti.

    Meta l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jkunu jikkonċernaw attivitajiet soġġetti għal proċeduri tal-akkwist pubbliku, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw l-approvazzjoni kif mogħtija meta l-impenji stabbiliti fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi jkunu inklużi fil-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku.

    2.   Fil-każ ta’ applikanti għall-għajnuna relatati mal-provvista u/jew mad-distribuzzjoni tal-prodotti biss, ma għandhomx japplikaw il-punti (b) u (d) tal-paragrafu 1.

    3.   Fil-każ ta’ applikanti għall-għajnuna relatati mal-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament biss, ma għandhomx japplikaw il-punti (a), (c) u (g) tal-paragrafu 1.

    4.   Fil-każ ta’ applikanti għall-għajnuna relatati mal-miżuri ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ reklamar biss, ma għandhomx japplikaw il-punti (a), (c) u (g) tal-paragrafu 1.

    5.   L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw l-approvazzjonijiet mogħtijin taħt l-iskema tal-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel skont ir-Regolament Delegat (UE) 2016/247 u/jew taħt l-iskema tal-ħalib fl-iskejjel skont ir-Regolament (KE) Nru 657/2008 bħala validi jekk ma jinbidlux il-kriterji u l-kundizzjonijiet.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    L-Artikolu 1(3) għandu jkun applikabbli għall-għajnuna mis-sena skolastika 2022/2023.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/40 tat-3 ta’ Novembru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta’ frott u ħxejjex, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi u li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 (ĠU L 5, 10.1.2017, p. 11).


    Top