Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0026

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/26 tal-24 ta’ Settembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kunċett ta’ kontijiet segregati biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-flus tal-klijenti fil-każ ta’ falliment ta’ ditta tal-investiment (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/6807

    ĠU L 6, 11.1.2022, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/26/oj

    11.1.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 6/7


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/26

    tal-24 ta’ Settembru 2021

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kunċett ta’ kontijiet segregati biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-flus tal-klijenti fil-każ ta’ falliment ta’ ditta tal-investiment

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2019 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 575/2013, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 806/2014 (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(5), flimkien mal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(5) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Kontijiet segregati huma definiti fil-punt (49) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2019/2033 għall-finijiet tat-Tabella 1 fl-Artikolu 15(2) ta’ dak ir-Regolament. Sabiex id-ditti tal-investiment ikunu jistgħu japplikaw koeffiċjenti aktar baxxi għall-kalkolu tar-rekwiżit ta’ kapital “flus tal-klijenti miżmuma”, meta l-flus tal-klijenti jinżammu f’kontijiet segregati, jenħtieġ li l-kunċett ta’ kontijiet segregati jiġi speċifikat bħala li jħaddan il-kundizzjonijiet, li jiżguraw il-protezzjoni tal-flus tal-klijenti f’każ ta’ falliment ta’ ditta tal-investiment. Billi dawk il-kundizzjonijiet huma stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/593 (2), huwa xieraq li ssir referenza għall-istess kundizzjonijiet għall-finijiet tal-ispeċifikazzjoni tal-kunċett ta’ kontijiet segregati skont dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi sett ta’ rekwiżiti simili bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva Delegata (UE) 2017/593.

    (2)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea.

    (3)

    L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Kunċett ta’ kontijiet segregati

    Fir-rigward tal-kundizzjonijiet li jiżguraw il-protezzjoni tal-flus tal-klijenti fil-każ ta’ falliment ta’ ditta tal-investiment, il-kunċett ta’ kontijiet segregati msemmi fl-Artikolu 15(5)(b) tar-Regolament (UE) 2019/2033 għandu jfisser li:

    (a)

    ir-rekords u l-kontijiet jinżammu b’mod li jippermetti lid-ditti tal-investiment fi kwalunkwe ħin u mingħajr dewmien jiddistingwu bejn il-fondi miżmuma għal klijent wieħed u l-fondi miżmuma għal kwalunkwe klijent ieħor u l-fondi proprji tagħhom;

    (b)

    ir-rekords u l-kontijiet jinżammu b’mod li jiżgura l-preċiżjoni tagħhom, u b’mod partikolari l-korrispondenza tagħhom mal-fondi miżmuma għall-klijenti, u li dawn jistgħu jintużaw bħala rekord tal-awditjar;

    (c)

    ir-rikonċiljazzjonijiet jitwettqu fuq bażi regolari bejn il-kontijiet interni u r-rekords tad-ditti tal-investiment u dawk ta’ kwalunkwe parti terza li dawk il-fondi jinżammu minnha;

    (d)

    ikunu ttieħdu l-passi meħtieġa biex jiġi żgurat li l-fondi tal-klijenti ddepożitati jinżammu f’kont jew kontijiet identifikati separatament minn kwalunkwe kont użat biex jinżammu fondi li jappartjenu għad-ditta tal-investiment;

    (e)

    ġew introdotti arranġamenti organizzattivi adegwati biex jiġi mminimizzat ir-riskju tat-telf jew it-tnaqqis tal-fondi tal-klijenti, jew tad-drittijiet marbuta ma' dawk il-fondi, b’riżultat ta' użu ħażin tal-fondi, frodi, amministrazzjoni ħażina, żamma tar-rekords inadegwata jew negliġenza.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Settembru 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 314, 5.12.2019, p. 1.

    (2)  Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/593 tas-7 ta’ April 2016 li tissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward is-salvagwardja tal-istrumenti finanzjarji u l-fondi tal-klijenti, l-obbligi ta' governanza tal-prodotti u r-regoli applikabbli għall-provvediment jew ir-riċeviment ta' tariffi, kummissjonijiet jew kwalunkwe benefiċċju monetarju jew mhux monetarju (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 500).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


    Top