Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022H0901(21)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 tal-Polonja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2022 tal-Polonja

    ST/9769/2022/REV/1

    ĠU C 334, 1.9.2022, p. 171–180 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 334/171


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-12 ta’ Lulju 2022

    dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 tal-Polonja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2022 tal-Polonja

    (2022/C 334/21)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi sostenn finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment, li jinvolvi impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. Hija tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, b’mod partikolari għall-promozzjoni tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, filwaqt li ssaħħaħ ir-reżiljenza u t-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Dan jgħin ukoll biex jissaħħu l-finanzi pubbliċi sostenibbli u tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq perjodu medju u twil ta’ żmien. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ser tiġi aġġornata f’Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.

    (2)

    Fl-24 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2022 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Dan ikkunsidra kif dovut l-Impenn Soċjali ta’ Porto iffirmat fis-7 ta’ Mejju 2021 biex ikompli jiġi implimentat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022 fil-25 ta’ Marzu 2022. Fl-24 ta’ Novembru 2021, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih ma identifikatx lill-Polonja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kienet meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2022, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fl-14 ta’ Marzu 2022.

    (3)

    L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, wara l-pandemija globali, biddlet b’mod sinifikanti l-kuntest ġeopolitiku u ekonomiku. L-impatt tal-invażjoni fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri nħass, fost l-oħrajn, permezz ta’ prezzijiet ogħla tal-enerġija, l-ikel u l-materja prima, u prospetti ta’ tkabbir aktar dgħajfa. Il-prezzijiet ogħla tal-enerġija huma partikolarment ta’ piż kbir fuq l-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli li jgħixu fil-faqar enerġetiku jew li jinsabu f’riskju ta’ faqar enerġetiku kif ukoll fuq l-aktar kumpanniji vulnerabbli għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. L-Unjoni qed tara wkoll influss bla preċedent ta’ nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. L-effetti ekonomiċi li rriżultaw mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kellhom impatt asimmetriku fuq l-Istati Membri. F’dan il-kuntest, fl-4 ta’ Marzu 2022, id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE (4) ġiet attivata għall-ewwel darba permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 (5), li tat lill-persuni spostati mill-Ukrajna d-dritt li jibqgħu legalment fl-Unjoni, kif ukoll aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, is-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-assistenza soċjali. Appoġġ eċċezzjonali huwa disponibbli għall-Polonja taħt l-inizjattiva Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE) u permezz ta’ prefinanzjament addizzjonali taħt l-Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (REACT-EU) biex jiġu indirizzati b’mod urġenti l-ħtiġijiet ta’ akkoljenza u integrazzjoni għal dawk li qed jaħarbu mill-Ukrajna.

    (4)

    B’kont meħud tas-sitwazzjoni ekonomika u ġeopolitika li qed tinbidel malajr, is-Semestru Ewropew jerġa’ jibda l-koordinazzjoni wiesgħa tiegħu tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-2022, filwaqt li jevolvi f’konformità mar-rekwiżiti ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kif deskritt fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet adottati għall-irkupru u r-reżiljenza hija essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet tal-politika taħt is-Semestru Ewropew, peress li l-pjanijiet jindirizzaw mill-inqas subsett sinifikanti tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti maħruġa fiċ-ċikli tas-Semestru tal-2019 u l-2020. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 u tal-2020 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241, flimkien ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż oħra maħruġa sad-data tal-preżentazzjoni ta’ tali pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati.

    (5)

    Il-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir ilha attiva minn Marzu 2020. Fil-komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Marzu 2021 intitolata “Sena mit-tifqigħa tal-COVID-19: rispons tal-politika fiskali”, il-Kummissjoni spjegat il-fehma tagħha li d-deċiżjoni dwar id-diżattivazzjoni jew il-kontinwazzjoni tal-applikazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tittieħed fuq il-bażi ta’ valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija, bil-livell ta’ attività ekonomika fl-Unjoni jew fiż-Żona tal-Euro meta mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-kriżi (tmiem l-2019) bħala l-kriterju kwantitattiv ewlieni. Iż-żieda fl-inċertezza u riskji qawwija ta’ evoluzzjoni negattiva fil-prospettiva ekonomika ta’ gwerra fl-Ewropa, żidiet bla preċedent fil-prezzijiet tal-enerġija u aktar tħarbit fil-katina tal-provvista huma argumenti favur l-estensjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali għal matul l-2023.

    (6)

    Skont l-approċċ fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 (6) li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2021 tal-Polonja, il-pożizzjoni fiskali ġenerali attwalment titkejjel l-aħjar bħala l-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji u bl-esklużjoni tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19) iżda inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni, meta mqabbla mat-tkabbir potenzjali fuq terminu medju (7). Lil hinn mill-pożizzjoni fiskali ġenerali, sabiex jiġi vvalutat jekk il-politika fiskali nazzjonali hijiex prudenti u jekk il-kompożizzjoni tagħha twassalx għal irkupru sostenibbli konsistenti mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, tingħata wkoll attenzjoni lill-evoluzzjoni tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (8) (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji u bl-esklużjoni tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u l-investiment.

    (7)

    Fit-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tipprovdi gwida wiesgħa għall-politika fiskali fl-2023 (“il-gwida fiskali”) li għandha l-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni ta’ politika. Il-Kummissjoni nnotat li, abbażi tal-prospettiva makroekonomika tat-tbassir tax-xitwa 2022, it-tranżizzjoni minn pożizzjoni fiskali aggregata ta’ appoġġ fl-2020–2022 għal pożizzjoni fiskali aggregata ġeneralment newtrali, filwaqt li tinsab lesta li tirreaġixxi għas-sitwazzjoni ekonomika li qed tevolvi, tidher xierqa fl-2023. Il-Kummissjoni ħabbret li r-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 jenħtieġ li jkomplu jiddifferenzjaw bejn l-Istati Membri u jqisu l-effetti konsegwenzjali possibbli bejn il-pajjiżi. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jirriflettu l-gwida fil-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tagħhom. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u taġġusta l-gwida politika tagħha kif meħtieġ u mhux aktar tard mill-pakkett tagħha tar-rebbiegħa tas-Semestru Ewropew tal-aħħar ta’ Mejju 2022.

    (8)

    Fir-rigward tal-gwida fiskali, ir-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 iqisu l-perspettiva ekonomika li marret għall-agħar, l-inċertezza akbar u aktar riskji negattivi, u l-inflazzjoni ogħla meta mqabbla mat-tbassir tax-xitwa 2022 tal-Kummissjoni. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rispons fiskali għandu jespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, u jsostni l-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli sabiex jittaffa l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u jgħin biex jiġu limitati l-pressjonijiet inflazzjonarji mill-effetti indiretti permezz ta’ miżuri mmirati u temporanji. Il-politika fiskali għandha tibqa’ aġli sabiex taġġusta għaċ-ċirkostanzi li qed jevolvu b’mod rapidu, inkluż l-isfidi li jirriżultaw mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fir-rigward tad-difiża u s-sigurtà, u għandha tiddistingwi bejn l-Istati Membri skont is-sitwazzjoni fiskali u ekonomika tagħhom, inkluż fir-rigward tal-esponiment tagħhom għall-kriżi u l-influss ta’ persuni spostati mill-Ukrajna.

    (9)

    Fit-3 ta’ Mejju 2021, il-Polonja ppreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stabbiliti fl-Anness V għal dak ir-Regolament. Fis-17 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Polonja (9). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li tiddikjara li l-Polonja laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

    (10)

    Fid-29 ta’ April 2022, il-Polonja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 tagħha u, fit-28 ta’ April 2022, il-Programm ta’ Konverġenza tal-2022 tagħha f’konformità mal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien.

    (11)

    Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2022 għall-Polonja fit-23 ta’ Mejju 2022. Ir-rapport ivvaluta l-progress tal-Polonja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill fl-2019, l-2020 u l-2021. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Polonja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

    (12)

    Fit-23 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat. Dak ir-rapport jiddiskuti l-qagħda baġitarja tal-Polonja, billi fl-2022 id-defiċit tal-gvern estiż tagħha qabeż il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-prodott domestiku gross (PDG). Mir-rapport ħareġ li l-kriterju tad-defiċit ma kienx issodisfat. F’konformità mal-komunikazzjoni tat-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni ma pproponietx li tiftaħ proċeduri ġodda ta’ defiċit eċċessiv fir-rebbiegħa tal-2022 u ser tivvaluta mill-ġdid jekk ikunx meħtieġ li jiġi propost li jinfetħu tali proċeduri fil-ħarifa tal-2022.

    (13)

    Fir-Rakkomandazzjoni tiegħu tal-20 ta’ Lulju 2020 (10), il-Kunsill irrakkomanda lill-Polonja biex fl-2020 u fl-2021 tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija tal-COVID-19, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru li jirriżulta. Huwa rrakkomanda wkoll li l-Polonja, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, timxi fuq politiki fiskali mmirati biex jinkisbu ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti f’terminu medju u biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li jissaħħaħ l-investiment. Fl-2021, skont data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Polonja naqas minn 6,9 % tal-PDG fl-2020 għal 1,9 %. Ir-rispons tal-politika fiskali mill-Polonja appoġġa l-irkupru ekonomiku fl-2021, filwaqt li l-miżuri temporanji ta’ emerġenza naqsu minn 4,5 % tal-PDG fl-2020 għal 2,7 % fl-2021. Il-miżuri li ħadet il-Polonja fl-2021 kienu konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020. Il-miżuri baġitarji diskrezzjonarji adottati mill-gvern fl-2020 u l-2021 kienu temporanji jew imqabbla b’miżuri ta’ tpaċija. Skont data vvalidata mill-Eurostat, id-dejn tal-gvern estiż naqas minn 57,1 % tal-PDG fl-2020 għal 53,8 % tal-PDG fl-2021.

    (14)

    Ix-xenarju makroekonomiku li jappoġġa l-proġettazzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2022 huwa realistiku. Il-gvern jipproġetta li l-PDG reali se jikber bi 3,8 % fl-2022 u bi 3,2 % fl-2023. B’paragun ma’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta tkabbir tal-PDG reali aktar baxx ta’ 3,7 % fl-2022 u 3,0 % fl-2023, prinċipalment minħabba inflazzjoni pproġettata ogħla, li hija mistennija li tkun ta’ piż fuq il-konsum privat u l-investiment, u kontribuzzjoni aktar baxxa tal-esportazzjonijiet netti. Fil-Programm ta’ Konverġenza tiegħu tal-2022, il-gvern jistenna li d-defiċit nominali jiżdied għal 4,3 % tal-PDG fl-2022 u jonqos għal 3,7 % fl-2023. Iż-żieda fl-2022 tirrifletti prinċipalment l-ispiża għolja tal-għajnuna għal persuni spostati mill-Ukrajna, miżuri relatati ma’ prezzijiet għoljin tal-enerġija u riforma kbira tat-taxxa (il-Patt Pollakk). Skont il-Programm ta’ Konverġenza tal-2022, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jonqos għal 52,1 % fl-2022 u għal 51,5 % fl-2023. Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern għall-2022 u l-2023 ta’ 4,0 % tal-PDG u 4,4 % rispettivament. Għall-2022, dan huwa inqas mid-defiċit ipproġettat fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2022, prinċipalment minħabba l-PDG nominali ogħla pproġettat. Għall-2023, id-defiċit stmat huwa ogħla milli fil-Programm ta’ Konverġenza prinċipalment minħabba dħul aktar baxx u ż-żieda preżunta fl-ispiża tal-għajnuna għall-persuni spostati mill-Ukrajna. It-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG aktar baxx, ta’ 50,8 % fl-2022 u ta’ 49,8 % fl-2023. Id-differenza hija dovuta għall-inflazzjoni ogħla pproġettata u għal suppożizzjonijiet differenti dwar l-aġġustamenti bejn il-fondi u l-flussi fl-2023. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2022 tal-Kummissjoni, it-tkabbir potenzjali fuq perjodu medju (medja ta’ 10 snin) fil-prodott hija stmata fil-livell ta’ 3,4 %. Madankollu, dik l-istima ma tinkludix l-impatt tar-riformi li huma parti mill-pjan ta’ rkupru u reżiljenza u li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali tal-Polonja.

    (15)

    Fl-2022, il-gvern neħħa gradwalment il-miżuri meħuda b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19, b’tali mod li l-miżuri temporanji ta’ emerġenza huma proġettati li jonqsu minn 2,7 % tal-PDG fl-2021 għal 0,0 % fl-2022. Id-defiċit tal-gvern huwa affettwat mill-miżuri adottati biex jikkumbattu l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, li fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni huma stmati għal 1,0 % tal-PDG fl-2022 u huma mistennija jiġu eliminati b’mod gradwali fl-2023. (11) Dawk il-miżuri jikkonsistu prinċipalment fi tnaqqis fit-taxxi indiretti fuq il-konsum tal-enerġija u trasferimenti soċjali lil unitajiet domestiċi ifqar. Dawk il-miżuri tħabbru bħala temporanji. Madankollu, f’każ li l-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu għoljin fl-2023, xi wħud minn dawk il-miżuri jistgħu jitkomplew. Xi wħud minn dawk il-miżuri mhumiex immirati, b’mod partikolari t-tnaqqis ġenerali fit-taxxa fuq il-valur miżjud u d-dazji tas-sisa. Id-defiċit tal-gvern huwa affettwat ukoll mill-ispiża biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna, li fit-tbassir tar-rebbiegħa tal-2022 tal-Kummissjoni hija pproġettata li tkun fil-livell ta’ 0,6 % tal-PDG fl-2022 u 0,8 % fl-2023 (12).

    (16)

    Fir-Rakkomandazzjoni tiegħu tat-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 il-Polonja ssegwi pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ, inkluż mill-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll lill-Polonja biex, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politika fiskali mmirata biex tikseb pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju u tiżgura s-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju, u fl-istess ħin, li ssaħħaħ l-investiment biex tingħata spinta lill-potenzjal tat-tkabbir.

    (17)

    Fl-2022, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni u inkluża l-informazzjoni inkorporata fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2022 tal-Polonja, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata li tkun ta’ appoġġ fil-livell ta’ – 3,4 % tal-PDG kif irrakkomandat mill-Kunsill (13). Il-Polonja qed tippjana li tipprovdi appoġġ kontinwu għall-irkupru billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tiffinanzja investiment addizzjonali kif irrakkomandat mill-Kunsill. Il-kontribuzzjoni pożittiva lejn l-attività ekonomika tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni hija pproġettata li tiżdied b’0,1 punti perċentwali tal-PDG, imqabbel mal-2021 (14). L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,3 punt perċentwali fl-2022 (15). Għalhekk, il-Polonja qed tippjana li tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Fl-istess waqt, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2022 huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 2,7 punti perċentwali għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Din il-kontribuzzjoni espansjonarja sinifikanti tinkludi l-impatt addizzjonali tal-miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (1,0 % tal-PDG) kif ukoll l-ispejjeż biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (0,6 % tal-PDG), filwaqt li allowance ġdida għall-kura tat-tfal żgħar (il-Kapital tal-Kura tal-Familja) hija wkoll ipproġettata li tikkontribwixxi (0,1 % tal-PDG) għat-tkabbir fin-nefqa kurrenti netta.

    Fuq in-naħa tad-dħul, it-tnaqqis fir-rata tat-taxxa fuq l-introjtu personali skont il-Patt Pollakk (0,7 % tal-PDG) u t-tnaqqis tar-rati tat-taxxa korporattiva (0,1 % tal-PDG) huma wkoll pproġettati li jikkontribwixxu għall-pożizzjoni fiskali espansjonarja. Iż-żieda ogħla fil-prezzijiet tal-konsumatur meta mqabbla mad-deflatur tal-PDG hija pproġettata li taffettwa l-kontribut espansjonarju tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2022, billi żżid l-infiq fuq il-konsum pubbliku ta’ oġġetti u servizzi.

    (18)

    Fl-2023, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni li tkun fil-livell ta’ +1,7 % tal-PDG fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika (16). Il-Polonja hija pproġettata li tkompli tuża l-għotjiet mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2023 biex tiffinanzja investiment addizzjonali b’appoġġ għall-irkupru. Il-kontribuzzjoni pożittiva lejn l-attività ekonomika tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni hija pproġettata li tiżdied b’0,1 punti perċentwali imqabbla mal-2022. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,3 punt perċentwali fl-2023 (17). Fl-istess waqt, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali (nett minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2023 huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 1,4 punt perċentwali għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Dan jinkludi l-impatt mit-tneħħija gradwali tal-miżuri li jindirizzaw iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (0,9 % tal-PDG) u l-ispejjeż addizzjonali biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (0,2 % tal-PDG).

    (19)

    Fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2022, id-defiċit tal-gvern estiż hu mistenni li jonqos gradwalment għal 3,1 % tal-PDG fl-2024 u għal 2,5 % sal-2025. Għalhekk, id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li jinżel għal taħt it-3 % tal-PDG sal-2025. Madankollu, ma tingħata l-ebda informazzjoni dwar il-miżuri ta’ konsolidazzjoni sottostanti previsti. Skont il-Programm ta’ Konverġenza tal-2022, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jonqos sal-2025, b’mod speċifiku bi tnaqqis għal 51,0 % fl-2024 u li jkompli jonqos għal 49,7 % fl-2025. Skont l-analiżi tal-Kummissjoni, jidher li hemm riskju medju fuq perjodu medju ta’ żmien fejn tidħol is-sostenibbiltà tad-dejn.

    (20)

    Ir-riforma li għaddejja tas-sistema tal-baġit, meta tiġi implimentata bis-sħiħ, hija mistennija li żżid l-effiċjenza tal-infiq billi tindirizza d-dgħufijiet li ilhom jeżistu fil-proċess tal-baġit. Dawn jinkludu klassifikazzjonijiet baġitarji kumplessi u skaduti; reġistrazzjoni tal-informazzjoni subottimali; nuqqas ta’ ppjanar ġenwin fuq terminu medju, u nuqqas ta’ ingranaġġ dirett ta’ rieżamijiet tal-infiq fuq il-proċess tal-baġit. Il-finanzi pubbliċi tal-Polonja huma mistennija li jiffaċċaw pressjonijiet għal infiq ogħla fit-tul, b’mod partikolari minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni. Dawk il-fatturi jintensifikaw il-ħtieġa għal għodod ġodda biex tissaħħaħ il-ġestjoni tan-nefqa, inkluż valutazzjoni regolari tal-effikaċja u l-effiċjenza. Madankollu, matul il-pandemija, il-biċċa l-kbira tan-nefqa fuq il-miżuri tal-COVID-19 ġiet indirizzata permezz ta’ fond iddedikat ġestit minn bank tal-iżvilupp u permezz ta’ veikolu finanzjarju barra mill-baġit. Filwaqt li dan ta lill-awtoritajiet aktar flessibbiltà fil-ġestjoni tan-nefqa relatata mal-kriżi u ppermettielhom jevitaw ir-riskju li jiksru l-livelli tad-dejn pubbliku kostituzzjonali, dan illimita wkoll l-iskrutinju parlamentari tan-nefqa u l-aċċess pubbliku għal informazzjoni f’waqtha dwar l-infiq pubbliku.

    (21)

    Il-Polonja hija waħda mill-aktar pajjiżi li qed jixjieħu malajr fl-Unjoni u fuq medda twila ta’ żmien ix-xejriet demografiċi se jkollhom impatt fuq is-sistema tal-pensjonijiet. Is-sistema tal-pensjonijiet b’kontribuzzjoni definita attwali tagħmel is-sistema finanzjarjament ibbilanċjata iżda ma tqisx l-adegwatezza tal-benefiċċji futuri. Madankollu, minħabba l-età effettiva baxxa tal-irtirar, iż-żieda fl-istennija tal-għomor u xi karatteristiċi oħra tas-sistema, il-benefiċċji tal-pensjoni futuri huma mistennija li jonqsu b’mod qawwi fir-rigward tas-salarju finali. Dan ikun ifisser li parti kbira tal-pensjonanti jkunu f’riskju ta’ faqar. L-analiżi tal-Kummissjoni turi li biex jinżamm il-livell tal-benefiċċji fil-livell attwali biss, il-Polonja jkollha bżonn tonfoq 6,7 % addizzjonali tal-PDG tagħha sal-2070. L-isfidi ewlenin fis-sistema tal-pensjonijiet Pollakka jikkonċernaw l-età effettiva baxxa tal-irtirar u r-reġimi speċjali tal-pensjonijiet (eż. il-bdiewa, is-servizzi bl-uniformi), li jiswew ħafna flus u jiffavorixxu lill-membri tagħhom meta mqabbla mas-sistema ġenerali.

    (22)

    Fil-15 ta’ Diċembru 2021, il-Polonja ppreżentat id-dokumenti ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tagħha previsti fir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18). F’konformità mar-Regolament (UE) 2021/1060, il-Polonja għandha tqis ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti fl-ipprogrammar tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027. Dan huwa prerekwiżit għat-titjib tal-effettività u l-massimizzazzjoni tal-valur miżjud tal-appoġġ finanzjarju li għandu jiġi riċevut mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li jiġu promossi l-koordinazzjoni, il-komplementarjetà u l-koerenza bejn dawk il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u strumenti u fondi oħra tal-Unjoni. L-implimentazzjoni b’suċċess tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tiddependi wkoll mit-tneħħija tal-ostakli għall-investiment biex jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u l-iżvilupp territorjali bbilanċjat.

    (23)

    Ir-rata tal-qgħad tal-Polonja qed tilħaq l-aktar livelli baxxi li qatt kien hemm, iżda l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ xi gruppi għadha limitata. Ir-rata ta’ reġistrazzjoni għal tfal taħt l-età ta’ tliet snin fl-indukrar formali tat-tfal tibqa’ waħda mill-aktar baxxi fost l-Istati Membri, u l-aċċess limitat għall-indukrar tat-tfal itellef lin-nisa milli jidħlu fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, l-appoġġ insuffiċjenti għall-kura fit-tul u l-età tal-irtirar aktar baxxa jwasslu għal flus ta’ ħruġ ta’ parti mill-forza tax-xogħol ’il barra mis-suq. Id-disparitajiet fis-suq tax-xogħol jaffettwaw ukoll lill-persuni b’diżabilità, l-anzjani u dawk b’livell baxx ta’ ħiliet, li jixhdu rati ta’ impjieg taħt il-medji rispettivi tal-Unjoni. Filwaqt li f’dawn l-aħħar snin jista’ jiġi osservat tnaqqis kostanti fil-kuntratti tax-xogħol mhux standard, is-sehem ta’ impjieg b’kuntratti temporanji u ta’ persuni li jaħdmu għal rashom b’kontribuzzjonijiet soċjali baxxi għadu għoli, speċjalment fost il-ħaddiema żgħażagħ u dawk b’livell baxx ta’ ħiliet, u dan iżid ir-riskju ta’ pensjonijiet futuri inadegwati.

    (24)

    Is-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Polonja għadha qed tiffaċċa sfidi f’termini ta’ kwalità u inklużività. Dawk l-isfidi ġew aggravati mill-pandemija, b’perjodi twal ta’ tagħlim mill-bogħod. Hemm nuqqas ta’ ħiliet diġitali fost l-għalliema, l-istudenti u l-popolazzjoni ġenerali. Fl-istess ħin, it-tagħmir tal-ICT u l-konnettività għadhom mhux disponibbli biżżejjed għall-iskejjel u għall-unitajiet domestiċi bit-tfal. Il-kwalità tal-edukazzjoni inizjali li jirċievu l-għalliema mhijiex biżżejjed. Barra minn hekk, is-salarji tal-għalliema huma relattivament baxxi meta mqabbla mal-istandards tal-OECD. Dan jaffettwa l-attraenza finanzjarja tal-professjoni u, flimkien man-nuqqas ta’ żvilupp professjonali, jikkontribwixxi għal nuqqas sinifikanti ta’ persunal. L-influss kbir ta’ persuni spostati mill-Ukrajna jeħtieġ sforzi sostanzjali, inkluż finanzjament, biex jingħata rispons adegwat fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Diskrepanzi sinifikanti bejn il-ħiliet u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol iwasslu għal nuqqas ta’ ħaddiema, kif muri mid-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom l-impjegaturi biex jimlew pożizzjonijiet miftuħa.

    (25)

    L-infiq globali fuq il-kura tas-saħħa meta mqabbel mal-PDG għadu baxx, b’6,5 % biss meta mqabbel mal-medja ta’ 9,9 % għall-Unjoni fl-2019. Is-sistema tal-kura tas-saħħa Pollakka tiddependi b’mod eċċessiv fuq l-isptarijiet, li jbatu minn sitwazzjoni finanzjarja li qed tiddeterjora, nuqqas ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u nuqqasijiet fil-ġestjoni. Il-kura primarja u ambulatorja ma tintużax biżżejjed. L-attraenza limitata tal-professjonijiet mediċi tikkontribwixxi għan-nuqqas ta’ persunal. L-għadd ta’ tobba u infermiera għal kull 1 000 abitant (2,4 u 5,1 rispettivament) huwa fost l-aktar baxx fost l-Istati Membri. Is-sistema tal-kura primarja ma għandhiex biżżejjed persunal, u s-servizzi tagħha huma mġebbda żżejjed. Il-potenzjal tagħha għadu mhux sfruttat u b’hekk qed titfa’ piż żejjed fuq livelli ogħla ta’ kura. Filwaqt li s-servizzi estiżi tas-saħħa elettronika jgħinu biex jiġu indirizzati wħud mill-isfidi ffaċċjati mis-sistema tas-saħħa, l-użu tagħhom s’issa kien limitat.

    (26)

    Parti sinifikanti tan-nefqa soċjali ma tqisx il-livelli differenti ta’ dħul, u b’hekk tħalli lok għal immirar aħjar. Xi nefqiet soċjali la huma mmirati u lanqas ma huma soġġetti għal test tal-mezzi. Fl-istess ħin, il-kopertura tal-benefiċċji soċjali għal xi persuni li jaħdmu b’kuntratti tal-liġi ċivili hija limitata, u dan jagħmel lil dak il-grupp aktar vulnerabbli. Għalkemm is-sehem tal-popolazzjoni f’riskju ta’ faqar kompla jonqos minn 21 % fl-2016 għal 17 % fl-2020, għad fadal sfidi. B’mod partikolari, xi anzjani huma mistennija jkunu esposti għal riskju dejjem akbar ta’ faqar. Dan se jaffettwa b’mod partikolari lin-nisa, minħabba l-karrieri iqsar tagħhom li jirriżultaw f’benefiċċji tal-pensjoni futuri aktar baxxi. Immirar aħjar tal-benefiċċji, pereżempju permezz ta’ applikazzjoni aktar komuni ta’ approċċ skont eżami tal-mezzi, iwassal għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi fil-ġlieda kontra l-faqar u fl-appoġġ ta’ dawk li huma l-aktar fil-bżonn.

    (27)

    Il-Polonja kulma jmur se tkun qed tiddependi fuq ix-xjenza u l-innovazzjoni biex tiżgura tkabbir ekonomiku u kompetittività sostenibbli fit-tul. Madankollu, minkejja xi progress, il-Polonja għadha lura f’termini ta’ outputs innovattivi. L-infiq totali fuq ir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) huwa baxx fil-livell ta’ 1,39 % tal-PDG. In-nefqa fir-R&Ż fost in-negozji għadha ferm taħt il-medja tal-Unjoni fil-livell ta’ 0,87 % fl-2020, u s-sehem ta’ kumpanniji innovattivi għadu dgħajjef, skont l-Istħarriġ Komunitarju dwar l-Innovazzjoni. Il-Polonja tinsab fir-raba’ post mill-aħħar fit-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea tal-2021 u hija kkwalifikata fl-aħħar kategorija ta’ “Innovaturi Emerġenti”. Iż-żieda fil-frammentazzjoni tal-istrumenti attwali ta’ appoġġ għar-riċerka tfixkel il-kooperazzjoni bejn ix-xjenza u n-negozju, u tirrappreżenta ostaklu ewlieni għat-tisħiħ tal-innovazzjoni. Barra minn hekk, ħiliet ta’ ġestjoni baxxi u l-adozzjoni limitata ta’ teknoloġiji fid-ditti jikkontribwixxu għal diskrepanzi sinifikanti fil-produttività bejn l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-kumpanniji l-kbar, u b’hekk jillimitaw l-innovazzjoni u t-tkabbir tal-produttività.

    (28)

    Id-diġitalizzazzjoni għadha lura fil-Polonja. B’mod partikolari, livelli baxxi ta’ ħiliet diġitali jfixklu l-kapaċità tad-ditti li jinvestu f’soluzzjonijiet diġitalizzati avvanzati u javvanzaw fil-katina tal-valur, filwaqt li jikkontribwixxu wkoll għan-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet. Fir-rigward tal-infrastruttura diġitali, filwaqt li l-użu tal-broadband fiss qed jiżdied, l-isfidi fl-iżvilupp tal-broadband mobbli u l-5G għadhom għoljin. B’mod partikolari, 34 % biss tal-unitajiet domestiċi kienu koperti mit-teknoloġija 5G fl-2021, li hija taħt il-medja tal-Unjoni ta’ 65 %, u t-tħejjija għall-5G mhijiex miexja billi l-ispettru tar-radju armonizzat għall-użu tal-5G għad irid jiġi assenjat. Fl-aħħar nett, użu akbar tat-teknoloġiji diġitali fl-amministrazzjoni pubblika jista’ jtejjeb il-forniment ta’ servizzi governattivi u jgħin biex jitnaqqas il-piż regolatorju u amministrattiv bla bżonn.

    (29)

    Ambjent tan-negozju stabbli u prevedibbli u klima ta’ investiment favorevoli għandhom rwol importanti kemm fl-irkupru ekonomiku ta’ wara l-pandemija kif ukoll fit-tkabbir ekonomiku sostenibbli fuq terminu medju sa twil. L-indipendenza, l-effiċjenza u l-kwalità tas-sistema ġudizzjarja huma komponenti essenzjali f’dan ir-rigward. Fil-Polonja, l-istat tad-dritt iddeterjora, u l-indipendenza ġudizzjarja tibqa’ ta’ tħassib serju, kif jirriżulta minn diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Barra minn hekk, fl-2021 il-Kummissjoni nediet proċedura ta’ ksur kontra l-Polonja wara ċerti deċiżjonijiet mit-Tribunal Kostituzzjonali Pollakk, li kkontestaw b’mod partikolari s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li jpoġġu f’riskju l-funzjonament tal-ordni ġuridiku tal-Polonja u tal-Unjoni.

    (30)

    Ambjent regolatorju sod u stabbli huwa l-bażi biex jiġu sostnuti t-tkabbir ekonomiku u l-investiment tas-settur privat. Madankollu, il-klima tal-investiment għadha mxekkla minn ambjent regolatorju imprevedibbli u ta’ piż. Bidliet frekwenti fil-liġijiet ewlenin iżidu l-inċertezza u l-ispejjeż ta’ konformità għan-negozji, prinċipalment minħabba konsultazzjoni fqira mal-partijiet ikkonċernati matul il-proċess tat-tfassil tal-liġijiet. L-investiment privat bħala perċentwal tal-PDG ilu jonqos mill-2016 u huwa baxx fil-livell ta’ 18,5 % fl-2020, ferm taħt il-medja tal-Unjoni u l-pari reġjonali. Dan jista’ jillimita aktar gwadanji fil-produttività u jfixkel il-kapaċità tal-Polonja li ssostni t-tkabbir ekonomiku fuq medda twila ta’ żmien, b’mod partikolari minħabba li ż-żieda fil-kostijiet ta’ unità lavorattiva qed tkun ta’ piż fuq il-kompetittività tal-ispejjeż.

    (31)

    Bi tweġiba għall-mandat mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Unjoni, stabbilit fid-Dikjarazzjoni ta’ Versailles, il-proposta tal-Kummissjoni għal pjan REPowerEU għandha l-għan li telimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili mir-Russja malajr kemm jista’ jkun. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni biħsiebha tidentifika l-aktar proġetti, investimenti u riformi xierqa fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-Unjoni fi djalogu mal-Istati Membri. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jnaqqsu d-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili u jmexxu l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili ’l bogħod mir-Russja.

    (32)

    It-taħlita tal-enerġija tal-Polonja għadha tiddependi ħafna fuq il-fjuwils fossili, li pprovdiet 86 % tal-provvista tal-enerġija tagħha fl-2020, bil-faħam waħdu jammonta għal 40 % minnu. Il-gass naturali jirrappreżenta 17 % tat-taħlita tal-enerġija, filwaqt li ż-żejt jammonta għal 28,9 %, bis-sehem tiegħu jiżdied f’dawn l-aħħar snin. Ir-rata ta’ dekarbonizzazzjoni tal-Polonja kienet batja. Sal-2020, l-ekonomija Pollakka rreġistrat tnaqqis ta’ 8 % biss fl-emissjonijiet totali meta mqabbla mal-2005 (19). L-intensità tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-ekonomija hija 54 % ogħla mill-medja tal-Unjoni. Politika tal-enerġija riveduta u aktar ambizzjuża u azzjoni mmirata fuq setturi li ma jaqgħux fl-ETS huma meħtieġa biex isir progress fit-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-ekonomija kollha. Filwaqt li l-Polonja tipproduċi madwar 80 % tal-faħam li tikkonsma, id-dipendenza tagħha fuq ir-Russja — ikkalkulata bħala s-sehem tal-importazzjoni mir-Russja fuq l-importazzjonijiet totali tal-faħam — żdiedet u laħqet 74 % fl-2020, meta mqabbla mal-medja tal-Unjoni ta’ 54 %. Fir-rigward taż-żejt, il-Polonja tiddependi fuq fornituri barranin għal kważi t-totalità tad-domanda tagħha u l-importazzjonijiet mir-Russja jammontaw għal 72 % tal-provvista barranija totali, kontra medja tal-Unjoni ta’ 26 %. Fl-2020, id-dipendenza tal-Polonja fuq ir-Russja għall-gass naturali kienet ta’ 55 %, meta mqabbla ma’ 44 % għall-medja tal-Unjoni (20). Proġetti ta’ infrastruttura li għaddejjin u li huma ppjanati fil-Polonja u ma’ pajjiżi ġirien (inkluż l-interkonnettur GIPL mal-Litwanja li huwa operattiv mill-1 ta’ Mejju 2022), meta akkumpanjati minn kuntratti ta’ provvista korrispondenti, huma mistennija li jissostitwixxu għalkollox id-dipendenza tal-Polonja fuq il-gass Russu. Huwa rrakkomandat li investimenti ġodda fl-infrastruttura u fin-netwerks relatati mal-gass jibqgħu validi fil-futur, sabiex jiġi evitat intrappolament tal-karbonju u assi mhux rekuperabbli kif ukoll biex tiġi ffaċilitata s-sostenibbiltà fit-tul tagħhom permezz ta’ adattament futur għal fjuwils sostenibbli. Il-kuntratt fit-tul tal-Polonja għall-provvista tal-gass ma’ Gazprom tar-Russja jiskadi fi tmiem l-2022 u l-Polonja ma għandha l-ebda pjan li ġġeddidha.

    L-impatt dirett tas-sospensjoni tal-provvisti tal-gass minn Gazprom minn April 2022 fuq is-sigurtà tal-enerġija tal-Polonja huwa mmitigat b’mod sinifikanti mill-aċċess tal-Polonja għal provvisti alternattivi, fl-Unjoni u barra minnha. Madankollu, is-sospensjoni teħtieġ aċċellerazzjoni ta’ proġetti ta’ diversifikazzjoni tal-provvista li għaddejjin u ppjanati, kif ukoll żieda fil-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet ulterjuri fl-Unjoni.

    (33)

    L-iskjerament aċċellerat ta’ kapaċità ġdida ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli huwa kruċjali biex titnaqqas id-dipendenza tal-Polonja fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili u jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Il-miri attwali tal-enerġija rinnovabbli skont il-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima ma għandhomx ambizzjonijiet suffiċjenti. Madankollu, hemm ostakli regolatorji, proċedurali u amministrattivi importanti li jillimitaw l-użu tal-kapaċità rinnovabbli u jnaqqsu r-ritmu tal-integrazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli mal-grilja. Dawn jinkludu regoli restrittivi dwar il-kooperattivi tal-enerġija, regoli restrittivi u proċeduri twal għall-għoti ta’ permessi għall-iżvilupp tar-riħ fuq l-art, il-kumplessità u l-instabbiltà tar-regolamenti tat-taxxa u proċeduri twal għall-konnessjoni mal-grilja. Ostakli infrastrutturali bħal kapaċità insuffiċjenti tal-grilja tad-distribuzzjoni jnaqqsu wkoll ir-ritmu tal-integrazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u għandhom jiġu indirizzati b’inċentivi adegwati. Barra minn hekk, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Mejju 2022 (“il-komunikazzjoni REPowerEU”) indikat li ż-żieda fil-produzzjoni tal-bijometan se tikkontribwixxi għat-tneħħija gradwali tad-dipendenza tal-Unjoni fuq il-fjuwils fossili Russi. F’dan il-kuntest, il-Polonja għandha lok biex tisfrutta l-potenzjal mhux sfruttat tal-bijometan li jikkonforma mal-kriterji ta’ sostenibbiltà rilevanti permezz ta’ strateġija xierqa għall-istabbiliment ta’ suq tal-bijometan u proposti konkreti dwar l-istruttura tiegħu. Il-bijometan sostenibbli jista’ jintuża fil-koġenerazzjoni tas-sħana u l-elettriku u tal-idroġenu rinnovabbli, li jista’ jgħin għad-dekarbonizzazzjoni tas-setturi fejn diffiċli jitnaqqsu. L-iskema nazzjonali ta’ rinnovazzjoni tal-Polonja, hija inizjattiva ewlenija biex tissostitwixxi l-bojlers li jniġġsu l-arja u ttejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-bini. Madankollu, tista’ tiġi ssimplifikata aktar u mmirata aħjar lejn unitajiet domestiċi bi dħul baxx u binjiet bl-agħar prestazzjoni.

    Barra minn hekk, hemm lok għal tfassil aħjar tas-sussidji għas-sostituzzjonijiet tas-sorsi tas-sħana biex jiġi evitat l-intrappolament tal-gass u jiġu pprovduti inċentivi aktar b’saħħithom għal rinnovazzjonijiet profondi u l-użu tal-pompi tas-sħana, b’mod koerenti mal-objettivi tal-istrateġija tal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni u l-komunikazzjoni REPowerEU. Il-potenzjal sinifikanti ta’ ffrankar tal-ispejjeż tat-titjib fl-effiċjenza enerġetika jippermetti l-użu ta’ strumenti finanzjarji ripagabbli, li jistgħu jintużaw biex tiżdied ir-rata ta’ rinnovazzjonijiet fost binjiet residenzjali, pubbliċi u kummerċjali. Dan ikompli jtejjeb il-kwalità tal-arja, jaċċellera l-iffrankar tal-enerġija u jnaqqas id-domanda għall-fjuwils fossili fit-tisħin. Biex il-Polonja tkun konformi mal-objettivi “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, se tkun meħtieġa żieda ulterjuri fl-ambizzjoni fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra kif ukoll żieda fl-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika.

    (34)

    It-trasport huwa t-tieni l-aktar settur li jniġġes wara l-produzzjoni tal-enerġija u jammonta għal madwar 70 % tal-konsum totali taż-żejt. It-trasport bit-triq huwa responsabbli għall-biċċa l-kbira tal-emissjonijiet settorjali. Għalhekk, azzjonijiet aċċellerati għad-dekarbonizzazzjoni tal-mobbiltà huma kruċjali. Inċentivi għal mezzi ta’ trasport kollettivi, b’livell baxx ta’ karbonju u attivi jgħinu f’dan ir-rigward. Iż-żieda fl-attraenza u l-aċċessibbiltà tat-trasport pubbliku, inkluż f’żoni rurali u l-konnessjoni aħjar tas-subborgi maċ-ċentri ta’ agglomerazzjonijiet, jgħinu biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja, tiġi indirizzata l-esklużjoni u tittejjeb il-kwalità tal-ħajja. Is-sehem ta’ karozzi b’emissjonijiet żero f’reġistrazzjoni ġdida kien ta’ 0,8 % fl-2020, ferm inqas mill-medja tal-Unjoni ta’ 5,3 %. Jenħtieġ li jiġu kkunsidrati aktar appoġġ fl-iffaċilitar tax-xiri ta’ karozzi elettriċi u investimenti sinifikanti fl-infrastruttura tal-iċċarġjar.

    (35)

    Il-miri tal-istrateġija nazzjonali tal-enerġija tal-Polonja jeħtieġ li jiġu riveduti ’l fuq f’konformità mal-mira klimatika aktar ambizzjuża tal-Unjoni għall-2030. Qafas strateġiku robust, stabbli u aġġornat huwa kritiku biex jiggwida u jistimula l-investiment pubbliku u privat fit-tranżizzjoni ekoloġika. Il-Polonja għandha tikkunsidra din iż-żieda fil-livell ta’ ambizzjoni biex tipprovdi ċertezza lill-investituri u żżid il-prevedibbiltà tal-ambjent tan-negozju, filwaqt li taċċellera wkoll it-tranżizzjoni tal-enerġija tagħha f’konformità mal-komunikazzjoni REPowerEU.

    (36)

    Filwaqt li l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u lil hinn mill-fjuwils fossili ser toħloq spejjeż sinifikanti ta’ ristrutturar f’diversi setturi, il-Polonja tista’ tagħmel użu mill-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni biex ittaffi l-impatt soċjoekonomiku tat-tranżizzjoni fir-reġjuni l-aktar milquta. Barra minn hekk, il-Polonja tista’ tagħmel użu mill-Fond Soċjali Ewropew Plus, stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), biex ittejjeb l-opportunitajiet ta’ impjieg u ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali.

    (37)

    Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza tal-2022 u l-opinjoni tiegħu (22) hija riflessa fir-rakkomandazzjoni (1),

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Polonja tieħu azzjoni fl-2022 u l-2023 biex:

    1.   

    Fl-2023, tiżgura li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata nazzjonalment ikun konformi ma’ pożizzjoni politika ġeneralment newtrali, filwaqt li jitqies l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u l-aktar ditti vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li jaħarbu mill-Ukrajna. Tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija billi tqis l-inizjattiva RePowerEU, inkluż billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Għall-perjodu ta’ wara l-2023, issegwi politika fiskali mmirata lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju. Ittejjeb l-effiċjenza tal-infiq pubbliku, inkluż billi tkompli r-riforma tas-sistema tal-baġit. Tiżgura l-adegwatezza tal-benefiċċji tal-pensjoni futuri u s-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet billi jittieħdu miżuri biex tiżdied l-età effettiva ta’ rtirar u billi jiġu riformati l-iskemi preferenzjali tal-pensjonijiet.

    2.   

    Tiffinalizza malajr in-negozjati mal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ programmar tal-politika ta’ koeżjoni 2021–2027 bil-ħsieb li tibda l-implimentazzjoni tagħhom.

    3.   

    Iżżid il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, inkluż billi ttejjeb l-aċċess għall-indukrar tat-tfal u kura fit-tul, u tneħħi l-ostakli għal aktar tipi ta’ impjiegi permanenti. Trawwem edukazzjoni ta’ kwalità u ħiliet rilevanti għas-suq tax-xogħol, speċjalment permezz ta’ tagħlim għall-adulti u ttejjeb il-ħiliet diġitali. Tqiegħed aħjar il-benefiċċji soċjali fil-mira tagħha u tiżgura l-aċċess tagħhom minn dawk li għandhom bżonnhom.

    4.   

    Ittejjeb ir-reżiljenza, l-aċċessibbiltà u l-effikaċja tas-sistema tas-saħħa, inkluż billi tipprovdi riżorsi suffiċjenti biex twettaq inverżjoni tal-piramida tal-kura u taċċellera l-varar ta’ servizzi tas-saħħa elettronika. Issaħħaħ il-kapaċità innovattiva tal-ekonomija, inkluż billi tappoġġa l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-kollaborazzjoni aktar mill-qrib tagħhom man-negozju. Issaħħaħ aktar id-diġitalizzazzjoni tan-negozji u l-amministrazzjoni pubblika, inkluż permezz tal-iżvilupp tal-infrastruttura.

    5.   

    Ittejjeb il-klima tal-investiment, b’mod partikolari billi tissalvagwardja l-indipendenza ġudizzjarja. Tiżgura konsultazzjonijiet pubbliċi effettivi u l-involviment tas-sħab soċjali fil-proċess tat-tfassil tal-politika.

    6.   

    Tnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili billi jitneħħew l-ostakli regolatorji, amministrattivi u infrastrutturali biex jitħaffu l-proċeduri tal-permessi u l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Tirriforma l-politiki dwar ir-rinnovazzjoni tal-bini u l-iskemi ta’ appoġġ biex tinċentiva effiċjenza enerġetika aktar profonda, tippromwovi l-iffrankar tal-enerġija u l-eliminazzjoni gradwali aktar rapida tal-fjuwils fossili fit-tisħin u l-użu aċċellerat tal-pompi tas-sħana. Taċċellera l-bidla modali lejn it-trasport pubbliku u l-mobbiltà attiva u l-promozzjoni ta’ adozzjoni aktar rapida ta’ vetturi elettriċi b’inċentivi u investiment fl-infrastruttura tal-iċċarġjar. Ittejjeb l-ippjanar strateġiku fit-tul u fuq terminu medju tat-tranżizzjoni ekoloġika billi taġġorna l-politiki nazzjonali tal-enerġija f’konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-komunikazzjoni REPowerEU biex tipprovdi ċertezza lill-komunità tan-negozju u tuża l-finanzjament b’mod effettiv bil-ħsieb li taċċellera l-investimenti fl-enerġija nadifa.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    Z. STANJURA


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

    (4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).

    (5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1).

    (6)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2021 tal-Polonja (ĠU C 304, 29.7.2021, p. 98).

    (7)  L-istimi dwar il-pożizzjoni fiskali u l-komponenti tagħha f’din ir-Rakkomandazzjoni huma l-istimi tal-Kummissjoni abbażi tas-suppożizzjonijiet sottostanti għat-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni. L-istimi tal-Kummissjoni ta’ tkabbir potenzjali fuq terminu medju ma jinkludux l-impatt pożittiv tar-riformi li huma parti mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali.

    (8)  Mhux iffinanzjati minn għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jew fondi oħra tal-Unjoni.

    (9)  ST 9728/2022; ST 9728/2022 ADD1.

    (10)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tal-Polonja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2020 tal-Polonja (ĠU C 282, 26.8.2020, p. 135).

    (11)  Iċ-ċifri jirrappreżentaw il-livell tal-ispejjeż baġitarji annwali ta’ dawk il-miżuri meħuda mill-ħarifa tal-2021, inkluż id-dħul u n-nefqa kurrenti kif ukoll — fejn rilevanti — il-miżuri tan-nefqa kapitali.

    (12)  Huwa maħsub li l-għadd totali ta’ persuni spostati mill-Ukrajna lejn l-Unjoni ser jilħaq gradwalment is-6 miljun sa tmiem l-2022, u d-distribuzzjoni ġeografika tagħhom hija stmata fuq il-bażi tad-daqs tad-dijaspora eżistenti, il-popolazzjoni relattiva tal-Istat Membru riċeventi, u d-distribuzzjoni reali ta’ persuni spostati mill-Ukrajna madwar l-Unjoni f’Marzu 2022. Għall-ispejjeż baġitarji għal kull persuna, l-istimi huma bbażati fuq il-mudell ta’ mikrosimulazzjoni tal-Euromod taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, filwaqt li jitqiesu kemm it-trasferimenti ta’ flus kontanti li n-nies jistgħu jkunu eliġibbli għalihom kif ukoll il-benefiċċji in natura bħall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa.

    (13)  Sinjal negattiv tal-indikatur jikkorrispondi għal eċċess tat-tkabbir fin-nefqa primarja meta mqabbel mat-tkabbir ekonomiku fuq perjodu medju, li jindika politika fiskali espansjonarja.

    (14)  Dawn huma proġettazzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għadha ma vvalutatx il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Polonja.

    (15)  Nefqa kapitali oħra ffinanzjata nazzjonalment hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,4 punt perċentwali tal-PDG, inkluż trasferimenti lill-bank tal-iżvilupp Pollakk (BGK).

    (16)  Sinjal pożittiv tal-indikatur jikkorrispondi għal nuqqas tat-tkabbir fin-nefqa primarja meta mqabbel mat-tkabbir ekonomiku fuq perjodu medju, li jindika politika fiskali restrittiva.

    (17)  Nefqa kapitali oħra ffinanzjata nazzjonalment hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,1 punti perċentwali tal-PDG.

    (18)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).

    (19)  Ir-Rapport ta’ Progress dwar l-Azzjoni Klimatika (2021)

    (20)  Eurostat (2020), is-sehem tal-importazzjonijiet Russi fuq l-importazzjonijiet totali ta’ gass naturali, żejt mhux raffinat u faħam iebes. Għall-medja tal-EU27, l-importazzjonijiet totali huma bbażati fuq importazzjonijiet barra l-EU27. Għall-Polonja, l-importazzjonijiet totali jinkludu l-kummerċ intra-UE. Iż-żejt mhux raffinat ma jinkludix prodotti taż-żejt raffinat. Mis-27 ta’ April 2022, il-Polonja ma baqgħetx tirċievi gass mir-Russja.

    (21)  Ir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21).

    (22)  Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


    Top