This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022D2469
Council Decision (EU) 2022/2469 of 12 December 2022 on the position to be adopted on behalf of the European Union within the Committee on Customs established under the Free Trade Agreement between the European Union and the Republic of Singapore, as regards the amendment of Protocol 1 concerning the definition of ‘originating products’ and methods of administrative cooperation
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2469 tat-12 ta’ Diċembru 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Doganali stabbilit skont il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore, fir-rigward tal-emenda tal-Protokoll 1 dwar id-definizzjoni ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2469 tat-12 ta’ Diċembru 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Doganali stabbilit skont il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore, fir-rigward tal-emenda tal-Protokoll 1 dwar id-definizzjoni ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva
ST/14636/2022/INIT
ĠU L 322, 16.12.2022, p. 91–106
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
16.12.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 322/91 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2469
tat-12 ta’ Diċembru 2022
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Doganali stabbilit skont il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore, fir-rigward tal-emenda tal-Protokoll 1 dwar id-definizzjoni ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1875 (1), u daħal fis-seħħ fil-21 ta’ Novembru 2019. |
(2) |
Skont l-Artikolu 34 tal-Protokoll 1 tal-Ftehim, il-Kumitat Doganali jista’ jadotta Deċiżjonijiet biex jemenda d-dispożizzjonijiet ta' dak il-Protokoll. |
(3) |
Il-Kumitat Doganali, matul l-ewwel laqgħa tiegħu, se jadotta Deċiżjoni li temenda l-Protokoll 1 u l-Annessi tiegħu (“id-Deċiżjoni”). |
(4) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Doganali, billi d-Deċiżjoni se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni. |
(5) |
Fl-1 ta’ Jannar 2012, fl-1 ta’ Jannar 2017 u fl-1 ta’ Jannar 2022 saru ċerti emendi għall-Protokoll fir-rigward tan-nomenklatura li hija rregolata mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni tal-Oġġetti (“SA”). Id-Deċiżjoni hija meħtieġa biex jiġi aġġornat il-Protokoll 1 u l-Annessi tiegħu biex jirriflettu l-aħħar verżjoni tas-SA. |
(6) |
Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kwoti annwali stabbiliti fl-Anness B(a) tal-Protokoll 1 għal-luncheon meat fil-landa, għall-blalen tal-ħut bil-kàri, u għall-blalen tas-siċċa jenħtieġ li titwessa’ sabiex l-esportaturi minn Singapore jkunu jistgħu jużawhom. |
(7) |
Sabiex jingħata trattament ugwali lill-operaturi ekonomiċi fiż-żewġ Partijiet fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tal-oriġini, il-Protokoll 1 jenħtieġ li jiġi emendat sabiex kull Parti tkun tista’ tiddeċiedi, skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha, liema esportatur jista’ jiċċertifika huwa stess l-oriġini tal-prodotti oriġinarji tiegħu. Fl-Unjoni, dan se jippermetti li l-oriġini tal-oġġetti tiġi ċċertifikata minn esportaturi rreġistrati minflok minn esportaturi approvati, b’mod simili għas-sistema applikata minn Singapore fil-kuntest tal-Ftehim, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat Doganali għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Dagonali mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Doganali jistgħu jiftehmu dwar korrezzjonijiet tekniċi żgħar fl-abbozz ta' Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
Z. NEKULA
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1875 tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore (ĠU L 294, 14.11.2019, p. 1).
ABBOZZ
DEĊIŻJONI NRU 01/2022 TAL-KUMITAT DOGANALI TAL-FTEHIM TA’ KUMMERĊ ĦIELES BEJN L-UNJONI EWROPEA U R-REPUBBLIKA TA’ SINGAPORE
ta’ …
li timmodifika ċerti elementi fil-Protokoll 1 dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva u fl-Annessi tiegħu
IL-KUMITAT DOGANALI,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore (minn hawn’ il quddiem, “il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 34 tal-Protokoll 1 u l-Artikolu 16.2 tal-Ftehim,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 34 (emendi għal dan il-Protokoll) tal-Protokoll 1 tal-Ftehim jipprevedi li l-Partijiet jistgħu, permezz ta’ deċiżjoni fil-Kumitat Doganali stabbilit skont l-Artikolu 16.2 (Kumitati Speċjalizzati) tal-Ftehim, jemendaw id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 1 tal-Ftehim. |
(2) |
Fl-1 ta’ Jannar 2012, fl-1 ta’ Jannar 2017, u fl-1 ta’ Jannar 2022 ġew introdotti emendi fir-rigward tan-nomenklatura rregolata mill-Konvenzjoni dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u għall-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija (“SA”). Il-Partijiet qablu li jaġġornaw il-Protokoll 1 biex jirrifletti l-verżjoni l-aktar reċenti tas-SA. |
(3) |
Il-Partijiet ftehmu li jimmodifikaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kwoti annwali stabbiliti fl-Anness B(a) tal-Protokoll 1 għal-luncheon meat fil-landa, pulpetti tal-ħut bil-kàri, u pulpetti tas-siċċa. |
(4) |
L-Artikolu 17 (Kundizzjonijiet biex issir Dikjarazzjoni tal-Oriġini) tal-Protokoll 1 jistabbilixxi li dikjarazzjoni tal-oriġini tista’ ssir, fl-Unjoni Ewropea, minn, inter alia, esportatur li jkun esportatur approvat, u f’Singapore minn, inter alia, esportatur irreġistrat. Sabiex jingħata trattament ugwali lill-operaturi ekonomiċi taż-żewġ Partijiet, il-Protokoll 1 jenħtieġ li jiġi emendat biex kull Parti tkun tista’ tiddeċiedi, skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha, liema esportatur jista’ jagħmel dikjarazzjoni tal-oriġini. Għalhekk, għal dan l-għan, tkun meħtieġa definizzjoni ta’ “esportatur”. |
(5) |
Meta titqies id-definizzjoni l-ġdida ta’ “esportatur”, it-terminu “esportatur” fid-definizzjoni ta’ “kunsinna” fil-punt (d) tal-Artikolu 1(1), fl-Artikolu 13 (Nonalterazzjoni) u fl-Artikolu 14 (Wirjiet) tal-Protokoll 1 jeħtieġ li jiġi sostitwit bit-terminu “speditur”. |
(6) |
Il-paragrafu 5 tal-Artikolu 17 (Kundizzjonijiet biex issir Dikjarazzjoni tal-Oriġini) jipprevedi li dikjarazzjoni tal-oriġini għandu jkollha l-firma oriġinali tal-esportatur bil-miktub. Il-partijiet qablu li ma japplikawx dan ir-rekwiżit biex jiffaċilitaw il-kummerċ u biex inaqqsu l-piż amministrattiv involuti fit-tgawdija tal-preferenzi tariffarji tal-Ftehim. |
(7) |
Fid-definizzjoni ta’ “prezz mill-fabbrika” fil-punt (f) tal-Artikolu 1(1), huwa meħtieġ li jiġi ċċarat kif it-terminu “manifattur” għandu jinftiehem meta l-aħħar xogħol jew ipproċessar jiġi sottokuntrattat. |
(8) |
Meta wieħed iqis li ż-żewġ Partijiet għandhom japplikaw sistema ta’ esportaturi rreġistrati, id-dokument dwar l-oriġini magħmul fil-Partijiet jenħtieġ li jingħata isem ġdid minn “dikjarazzjoni tal-oriġini” għal “stqarrija dwar l-oriġini”. |
(9) |
Bħala miżura tranżizzjonali, jenħtieġ li jiġi previst li għal perjodu ta’ 3 xhur li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, Singapore ser jaċċetta d-dikjarazzjonijiet tal-oriġini magħmula f’konformità mal-Artikolu 17 (Kundizzjonijiet biex issir Dikjarazzjoni tal-Oriġini) u mal-Artikolu 18 (Esportatur Approvat) tal-Protokoll 1 tal-Ftehim fis-seħħ qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. |
(10) |
Għalhekk jenħtieġ li jiġu mmodifikati l-Protokoll 1 tal-Ftehim u għadd mill-Annessi tiegħu, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Protokoll Nru 1 tal-Ftehim huwa emendat kif ġej:
(1) |
il-werrej tal-Protokol 1 huwa sostitwit b’dan li ġej: ‘WERREJ TAQSIMA 1 DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
TAQSIMA 2 DEFINIZZJONI TAL-KUNĊETT TA’ “PRODOTTI ORIĠINARJI”
TAQSIMA 3 REKWIŻITI TERRITORJALI
TAQSIMA 4 RESTITUZZJONI JEW EŻENZJONI
TAQSIMA 5 DIKJARAZZJONI DWAR L-ORIĠINI
TAQSIMA 6 ARRANĠAMENTI GĦALL-KOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA
TAQSIMA 7 CEUTA U MELILLA
TAQSIMA 8 DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Lista ta’ Appendiċi
Dikjarazzjonijiet Konġunti DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR IL-PRINCIPAT TA’ ANDORRA DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR IR-REPUBBLIKA TA’ SAN MARINO DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR IR-REVIŻJONI TAR-REGOLI TAL-ORIĠINI LI JINSABU FIL-PROTOKOLL 1”; |
(2) |
L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej: “ARTIKOLU 1 Definizzjonijiet 1. Għall-finijiet ta’ dan il-Protokoll:
|
(3) |
Artikolu 13(3) huwa sostitwit b’dan li ġej: “3. Mingħajr preġudizzju għat-Taqsima 5, il-qsim tal-kunsinni jista’ jseħħ meta jitwettaq mill-ispeditur jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu dment li jibqgħu taħt superviżjoni doganali fil-pajjiż(i) ta’ tranżitu.”; |
(4) |
punti (a) u (b) tal-Artikolu 14(1) huma ssostitwiti b’dan li ġej:
|
(5) |
L-Artikolu 17 huwa sostitwit b’dan li ġej: “ARTIKOLU 17 Kundizzjonijiet biex issir Stqarrija dwar l-Oriġini 1. Stqarrija dwar l-oriġini kif imsemmija fl-Artikolu 16 (Rekwiżiti Ġenerali) tista’ ssir mill-esportatur. 2. Stqarrija dwar l-oriġini tista’ timtela jekk il-prodotti kkonċernati jkunu jistgħu jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw fl-Unjoni jew f'Singapore u jissodisfaw ir-rekwiżiti l-oħra ta’ dan il-Protokoll. 3. L-esportatur li jimla l-istqarrija dwar l-oriġini għandu jkun ippreparat li fi kwalunkwe ħin u fuq talba tal-awtoritajiet doganali tal-Parti esportatriċi, jissottometti d-dokumenti x-xierqa kollha msemmijin fl-Artikolu 23 (Dokumenti ta’ Sostenn) li juru l-istatus tal-oriġini tal-prodotti kkonċernati kif ukoll li huma ssodisfati r-rekwiżiti l-oħrajn ta’ dan il-Protokoll. 4. Stqarrija dwar l-oriġini għandha timtela mill-esportatur billi jittajpja, jittimbra jew jistampa fuq il-fattura, in-nota tal-kunsinna jew dokument kummerċjali ieħor, id-dikjarazzjoni, li t-test tagħha jidher fl-Anness E ta’ dan il-Protokoll, skont il-liġi domestika tal-Parti esportatriċi. Jekk l-istqarrija tinkiteb bl-idejn, din għandha tinkiteb bil-linka u b’ittri kapitali. Fil-każ ta’ esportazzjonijiet minn Singapore, l-istqarrija dwar l-oriġini għandha timtela billi tintuża l-verżjoni Ingliża, u fil-każ ta’ esportazzjonijiet mill-Unjoni, l-istqarrija dwar l-oriġini tista’ timtela b’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi elenkati fl-Anness E ta’ dan il-Protokoll. 5. Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, stqarrija dwar l-oriġini tista’ timtela wara l-esportazzjoni (“dikjarazzjoni retrospettiva”) bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fil-Parti importatriċi mhux iktar minn sentejn wara, fil-każ tal-Unjoni, u sena, fil-każ ta’ Singapore, wara li l-merkanzija tidħol fit-territorju.”; |
(6) |
fil-Werrej, u fl-Artikolu 3(6), fl-Artikolu 3(13), fl-Artikolu 11(5), fl-Artikolu 14(2), fl-Artikolu 15(1), fl-Artikolu 15(3), fit-titolu tat-Taqsima 5, fl-Artikolu 16(1), fl-Artikolu 16(2), fit-titolu tal-Artikolu 19, fl-Artikolu 19(1), fl-Artikolu 19(2), fl-Artikolu 19(3), fit-titolu tal-Artikolu 20, fl-Artikolu 20, fl-Artikolu 21, fit-titolu tal-Artikolu 22, fl-Artikolu 22(1), fl-Artikolu 23, fit-titolu tal-Artikolu 24, fl-Artikolu 24(1), fl-Artikolu 24(2), fl-Artikolu 25(1), fl-Artikolu 25(2), fl-Artikolu 27(1), fl-Artikolu 27(2), fit-titolu tal-Artikolu 28, fl-Artikolu 28(1), fl-Artikolu 28(2), fl-Artikolu 30(1), fl-Artikolu 33(3), u fl-Artikolu 35, it-terminu “dikjarazzjoni tal-oriġini” huwa sostitwit bit-terminu “stqarrija dwar l-oriġini”; |
(7) |
L-Artikolu 18 jitħassar; |
(8) |
L-Artikolu 26 huwa sostitwit b’dan li ġej: “ARTIKOLU 26 Ammonti f’Euro 1. Għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 22 (Eżenzjonijiet mill-Istqarrija tal-Oriġini) f’każijiet fejn toħroġ fattura għall-prodotti f’xi munita li mhix Euro, l-ammonti fil-munita nazzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni li huma ekwivalenti għall-ammonti espressi bl-euro għandhom ikunu ffissati, darba fis-sena, minn kull wieħed mill-pajjiżi kkonċernati. 2. Kunsinna għandha tgawdi mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 22 (Eżenzjonijiet mill-Istqarrija dwar l-Oriġini) b’referenza għall-munita li fiha tkun inħarġet il-fattura, skont l-ammont iffissat mill-Parti kkonċernata. 3. L-ammonti li jridu jintużaw fi kwalunkwe munita nazzjonali għandhom ikunu l-ekwivalenti f’dik il-munita għall-ammonti espressi bl-euro fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ Ottubru. L-ammonti għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni Ewropea sal-15 ta’ Ottubru u għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tinnotifika lill-pajjiżi kollha kkonċernati bl-ammonti rilevanti. 4. Stat Membru tal-Unjoni jista’ jżid jew inaqqas l-ammont li jirriżulta mill-kambju għall-munita nazzjonali tiegħu ta’ ammont f’euro. L-ammont mogħti għad-dritt ma jistax ivarja b’aktar minn ħamsa fil-mija mill-ammont li jirriżulta mill-kambju. Stat Membru tal-Unjoni jista’ jżomm l-ekwivalenti ta’ ammont f’euro fil-munita nazzjonali tiegħu jekk, fiż-żmien tal-aġġustament annwali previst fil-paragrafu 3, il-konverżjoni ta’ dak l-ammont, qabel ma jinqata’ għad-dritt, tirriżulta f’żieda ta’ inqas minn ħmistax fil-mija fl-ekwivalenti tal-munita nazzjonali. L-ekwivalenti tal-munita nazzjonali jista’ jinżamm l-istess jekk il-konverżjoni tirriżulta fi tnaqqis f’dak il-valur ekwivalenti. 5. L-ammonti f'euro għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid mill-Partijiet fil-Kumitat Doganali stabbilit skont l-Artikolu 16.2 (Kumitati Speċjalizzati) fuq it-talba tal-Unjoni jew ta’ Singapore. Meta jwettaq dan l-eżami mill-ġdid, il-Partijiet għandhom jikkunsidraw ix-xewqa li jinżammu f'termini reali l-effetti tal-limiti kkonċernati. Għal dawn il-finijiet, il-Partijiet jistgħu, permezz ta’ deċiżjoni fil-Kumitati Doganali, jimmodifikaw l-ammonti espressi f’euro.”; |
(9) |
L-Anness B huwa emendat kif stabbilit fl-Anness 1 ta’ din id-Deċiżjoni; |
(10) |
L-Anness B(a) huwa emendat kif stabbilit fl-Anness 2 ta’ din id-Deċiżjoni; |
(11) |
L-Anness D huwa emendat kif stabbilit fl-Anness 3 ta’ din id-Deċiżjoni; |
(12) |
L-Anness E huwa emendat kif stabbilit fl-Anness 4 ta’ din id-Deċiżjoni. |
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ [fl-1 ta’ Jannar 2023].
Magħmul fi …,
Għall-Kumitat Doganali UE-Singapore
F’isem l-Unjoni Ewropea
F’isem ir-Repubblika ta’ Singapore
ANNESS 1
L-Anness B tal-Protokol 1 huwa emendat kif ġej:
(1) |
fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “0305”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej: “Ħut, imnixxef, immellaħ jew fis-salmura; ħut affumikat, kemm jekk imsajjar qabel jew matul il-proċess tal-affumikar u kemm jekk le”; |
(2) |
fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex 0306”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej: “Krustaċji, kemm fil-qoxra u kemm jekk le, imnixxfin, immellħin jew fis-salmura; krustaċji affumikati, kemm fil-qoxra u kemm jekk le, kemm imsajrin qabel jew waqt il-proċess tal-affumikar u kemm jekk le; krustaċji, fil-qoxra, imsajrin bil-fwar jew bit-togħlija fl-ilma, kemm jekk imkessħin, iffriżati, imnixxfin, immellħin, jew fis-salmura”; |
(3) |
fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex 0307”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej: “Molluski, kemm jekk fil-qoxra u kemm jekk le, imnixxfin, immellħin jew fis-salmura; molluski affumikati, kemm jekk fil-qoxra u kemm jekk le, kemm jekk imsajrin qabel jew matul il-proċess tal-affumikar u kemm jekk le”; |
(4) |
bejn ir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex 0307” u r-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “Il-Kapitolu 4”, jiddaħħlu ż-żewġ ringieli kif ġej:
|
(5) |
fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “L-ex Kapitolu 15”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej: “Xaħmijiet u żjut tal-annimali, veġetali jew mikrobiċi u prodotti mill-qsim tagħhom; xaħmijiet ippreparati tajbin għall-ikel; xemgħat tal-annimali jew veġetali; għajr għal:”; |
(6) |
fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “1509 u 1510”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej: “Żejt taż-żebbuġa u l-frazzjonijiet tiegħu, żjut oħrajn u l-frazzjonijiet tagħhom miksuba biss miż-żebbuġ”; |
(7) |
fir-ringiela relatata mal-Intestatura “1516 u 1517”, it-test fil-kolonna “Deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej: “Ix-xaħmijiet u ż-żjut tal-annimali, veġetali jew mikrobiċi u l-frazzjonijiet tagħhom, parzjalment jew kompletament idroġenati, esterifikati bejniethom, riesterifikati jew elajdinizzati, kemm jekk raffinati u kemm jekk le, iżda mhux ippreparati mod ieħor; Marġerina; taħlitiet jew preparati tajbin għall-ikel tax-xaħmijiet jew taż-żjut tal-annimali, veġetali jew mikrobiċi jew tal-frazzjonijiet ta’ xaħmijiet u żjut differenti ta’ dan il-Kapitolu, għajr xaħmijiet jew-żjut tajbin għall-ikel jew il-frazzjonijiet tagħhom tal-intestatura 15.16.”; |
(8) |
fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “Il-Kapitolu 16”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej: “Preparati ta’ laħam, ta’ ħut jew ta’ krustaċej, molluski jew invertebrati akkwatiċi oħrajn, jew ta’ insetti”; |
(9) |
fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “L-ex Kapitolu 24”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej: “Tabakk u sostituti manifatturati tat-tabakk; prodotti, kemm jekk ikun fihom in-nikotina u kemm jekk le, maħsuba għall-inalazzjoni mingħajr kombustjoni; prodotti oħra li fihom in-nikotina maħsuba għall-konsum tan-nikotina fil-ġisem tal-bniedem; għajr għal;”; |
(10) |
bejn ir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex 2402” u r-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex Kapitolu 25”, ir-ringieli li ġejjin jiddaħħlu:
|
(11) |
bejn ir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex Kapitolu 38” u r-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “3823”, iż-żewġ ringieli li ġejjin jiddaħħlu:
|
(12) |
fl-ewwel ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “6306”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej: “Tarpolini, tined u lqugħ mix-xemx; tined (inklużi l-koperturi temporanji u oġġetti simili); qlugħ għad-dgħajjes, għas-sailboards jew għall-inġenji tal-art; oġġetti tal-ikkampjar”; |
(13) |
fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “8522, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott ” huwa sostitwit b’dan li ġej: “Bċejjeċ u aċċessorji tajbin għal użu biss jew prinċipalment mal-apparat tal-intestaturi 8519 jew 8521 ”; |
(14) |
fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “8529, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott ” huwa sostitwit b’dan li ġej: “Partijiet tajbin biss jew prinċipalment għall-użu mal-apparat tal-intestaturi 8524 sa 8528 ”; |
(15) |
fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “8548”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej: “Partijiet tal-elettriku ta’ magni jew apparat, mhux speċifikati jew inklużi banda oħra f’dan il-Kapitolu”; |
(16) |
bejn ir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “8548” u r-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “L-ex Kapitolu 86”, tiddaħħal r-ringiela li ġejja:
|
(17) |
fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex Kapitolu 86”, it-test fil-kolonna “Intestatura tas-SA” u t-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huma sostitwiti rispettivament b’dan li ġej: “Il-Kapitolu 86” u “Lokomottivi tal-linji ferrovjarji jew tat-tramm, rolling stock u parts tagħhom; fixtures u fittings għall-binarji jew għal-linji tat-tramm u parts tagħhom; tagħmir ta’ sinjalar mekkaniku tat-traffiku (inkluż elettro-mekkaniku) ta’ kull tip”; |
(18) |
bejn ir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex 8804” u r-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “Il-Kapitolu 89”, tiddaħħal r-ringiela li ġejja:
|
(19) |
fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “9013”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej: “Lasers, għajr id-dijodi tal-laser; apparat u strumenti ottiċi oħrajn, mhux speċifikati jew inklużi band’ oħra f’dan il-Kapitolu”; |
(20) |
bejn ir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “9016” u r-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “9025”, tiddaħħal r-ringiela li ġejja:
|
(21) |
fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “Il-Kapitolu 94”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej: “Gћamara; friex, saqqijiet, irfid għas-saqqijiet, cushions u arredament simili mimli; fittings tat-tidwil mhux speċifikati jew inklużi banda oħra; sinjali mdawlin, pjanċi tal-ismijiet imdawlin u bħalhom; bini prefabbrikat”. |
ANNESS 2
L-Anness B(a) tal-Protokol 1 huwa emendat kif ġej:
(1) |
il-paragrafu 3 tad-dispożizzjonijiet komuni jitħassar; |
(2) |
il-paragrafu 4 tad-dispożizzjonijiet komuni huwa nnumerat mill-ġdid bħala paragrafu 3; |
(3) |
il-paragrafu 5 tad-dispożizzjonijiet komuni huwa nnumerat mill-ġdid bħala paragrafu 4; |
(4) |
fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ ex 1602 32 ex 1602 41 ex 1602 49 ex 1602 50 ”, it-test “Luncheon meat tal-ħanżir, tat-tiġieġ u taċ-ċanga fil-landa (午餐肉)” fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej: “Luncheon meat tal-landa jew pulpettun tal-majjal (li fih aktar minn 40 % skont il-piż ta’ laħam jew ġewwieni tal-majjal), luncheon meat tal-landa jew pulpettun tat-tiġieġ (li fih aktar minn 20 % skont il-piż ta’ laħam jew ġewwieni tat-tiġieġ), luncheon meat tal-landa jew pulpettun taċ-ċanga (li fih aktar minn 20 % skont il-piż ta’ laħam jew ġewwieni taċ-ċanga)”; |
(5) |
fir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ex 1604 20” it-test “Pulpetti tal-ħut bil-kàri magħmula minn laħam tal-ħut, kàri, lamtu tal-qamħ, melħ, zokkor u kondimenti komposti” fil-kolonna “deskrizzjoni tal-prodott” huwa sostitwit b’dan li ġej: “pulpetti tal-ħut u pulpetti tal-ħut magħmula minn laħam tal-ħut għajr tonn u kavalli, bil-lamtu, bil-melħ, biz-zokkor, u b’kondimenti komposti”; |
(6) |
ir-ringiela relatata mal-Intestatura tas-SA “ ex 1605 10 ex 1605 90 ex 1605 20 ex 1605 20 ex 1605 20 ex 1605 30 ” huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
ANNESS 3
L-Anness D tal-Protokol 1 huwa emendat kif ġej:
(1) |
fir-ringiela relatata mal-Kodiċi tas-SA “2909”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni” huwa sostitwit b’dan li ġej: “Eteri, eter-alkoħols, eter-fenoli, eter-alkoħol-fenoli, perossidi tal-alkoħol, perossidi tal-etere, perossidi aċetali u emiaċetali, perossidi tal-keton (kemm jekk definiti kimikament u kemm jekk le), u d-derivattivi aloġenati, sulfonati, nitrati jew nitrożati tagħhom”; |
(2) |
fir-ringiela relatata mal-Kodiċi tas-SA “9013”, it-test fil-kolonna “deskrizzjoni” huwa sostitwit b’dan li ġej: “Lasers, għajr id-dijodi tal-laser; apparati u strumenti ottiċi oħrajn, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra f’dan il-Kapitolu”. |
ANNESS 4
L-Anness E tal-Protokol 1 huwa emendat kif ġej:
(1) |
fit-titolu tal-Anness E, it-terminu “dikjarazzjoni tal-oriġini” huwa sostitwit bit-terminu “stqarrija dwar l-oriġini”; |
(2) |
l-ewwel paragrafu tal-Anness E huwa sostitwit b’dan li ġej: “L-istqarrija dwar l-oriġini, li t-test tagħha jinsab hawn taħt, trid issir f’konformità man-noti ta’ qiegħ il-paġna. Madankollu, in-noti ta’ qiegħ il-paġna ma għandhomx għalfejn jiġu riprodotti.”; |
(3) |
in-nota ta’ qiegħ il-paġna (1) hija sostitwita b’dan li ġej: “Indika n-numru ta’ referenza li bih l-esportatur huwa identifikat. Għall-esportatur tal-Unjoni, dan ikun in-numru assenjat f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tal-Unjoni. Għal Singapore, dan se jkun in-numru assenjat skont il-liġijiet u r-regolamenti ta’ Singapore. Meta l-esportatur ma jkunx ġie assenjat numru, din il-kaxxa tista’ titħalla vojta”; |
(4) |
l-aħħar sentenza qabel in-noti ta’ qiegħ il-paġna hija sostitwita b’dan li ġej: “(Isem l-esportatur)”; |
(5) |
in-nota f'qiegħ il-paġna (4) titħassar. |
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR MIŻURI TRANŻIZZJONALI WARA D-DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ TAD-DEĊIŻJONI
B’deroga mill-Artikolu 17 (Kundizzjonijiet biex Issir Stqarrija dwar l-Oriġini) tal-Protokoll 1 tal-Ftehim, kif emendat b’din id-Deċiżjoni, Singapore għandu jkompli jagħti t-trattament tariffarju preferenzjali skont dan il-Ftehim lil oġġetti li joriġinaw mill-Unjoni u li jiġu esportati mill-Unjoni mal-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tal-oriġini magħmula f’konformità mal-Artikolu 17 (Kundizzjonijiet biex Issir Dikjarazzjoni tal-Oriġini) u mal-Artikolu 18 (Esportatur Approvat) tal-Protokoll 1 tal-Ftehim fis-seħħ qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Din il-miżura tranżizzjonali għandha tapplika għal perjodu ta’ 3 xhur li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.