Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2070

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2070 tas-26 ta’ Ottubru 2022 biex ma jiġux sospiżi d-dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja, minn Trinidad u Tobago u mill-Istati Uniti tal-Amerka imposti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1688

C/2022/7826

ĠU L 277, 27.10.2022, p. 208–214 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 10/10/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/2070/oj

27.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 277/208


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2070

tas-26 ta’ Ottubru 2022

biex ma jiġux sospiżi d-dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja, minn Trinidad u Tobago u mill-Istati Uniti tal-Amerka imposti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1688

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 14(4) tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(2) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fit-8 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1688 (2) (“ir-Regolament oriġinali”), imponiet dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju (urea and ammonium nitrate, “UAN” jew “il-prodott ikkonċernat”) li joriġinaw mir-Russja, minn Trinidad u Tobago u mill-Istati Uniti tal-Amerka (“il-pajjiżi kkonċernati”).

(2)

F’Mejju 2021, Copa-Cogeca (“l-applikant”), assoċjazzjoni ta’ utenti tal-prodott ikkonċernat, ippreżentat informazzjoni relatata ma’ bidla temporanja allegata fil-kundizzjonijiet tas-suq li seħħet wara l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi. Il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali (“il-PI oriġinali”) kien mill-1 ta’ Lulju 2017 sat-30 ta’ Ġunju 2018. L-applikant allega li tali bidla temporanja tiġġustifika s-sospensjoni tad-dazji anti-dumping li bħalissa jinsabu fis-seħħ, f’konformità mal-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036. Assoċjazzjonijiet oħra, jiġifieri AGBP (Association Générale des Producteurs de Blé) u Interore (International Ore & ampFertilizer Belgium SA) ukoll ipprovdew evidenza b’appoġġ għas-sospensjoni tad-dazji anti-dumping. Dawn is-sottomissjonijiet ma kienx fihom l-elementi u l-evidenza kollha meħtieġa rilevanti għall-Kummissjoni biex tkompli bl-analiżi. Il-Kummissjoni involviet ruħha mal-applikant biex tiġbor evidenza addizzjonali li tappoġġja l-pretensjoni tagħha ta’ bidla temporanja fil-kundizzjonijiet tas-suq.

(3)

Fis-16 ta’ Novembru 2021, u quddiem l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni ddeċidiet li titlob lil AGBP, lil Copa-Cogeca u lil Fertilizers Europe jipprovdu informazzjoni addizzjonali li tappartjeni għal perjodu wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali u, b’mod aktar speċifiku, informazzjoni dwar prezzijiet, id-domanda fl-Unjoni u l-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni matul it-tielet trimestru tal-2021 sabiex teżamina u tivvaluta l-impatt, jekk hemm, tal-allegati ċirkostanzi mibdula fis-suq tal-Unjoni u jkunx improbabbli li d-dannu jerġa’ jokkorri b’riżultat tas-sospensjoni.

(4)

Wara dawn is-sottomissjonijiet, Copa-Cogeca (li tinkorpora xi wħud mill-argumenti mqajma minn AGPB) u l-industrija tal-Unjoni ngħataw il-possibbiltà li jipprovdu kummenti.

(5)

Abbażi tal-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni eżaminat jekk tali sospensjoni kinitx ġustifikata. L-elementi kkunsidrati huma miġbura fil-qosor hawn taħt.

(6)

Fl-20 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni żvelat is-sejbiet tagħha lil AGBP, Interore, Copa-Cogeca u Fertilizers Europe. Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jagħmlu kummenti sussegwenti għal dan l-iżvelar. Waslu kummenti mingħand Interore, Copa-Cogeca u Fertilizers Europe.

2.   EŻAMI TA’ ĊIRKOSTANZI MIBDULA TAS-SUQ

(7)

L-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku jipprevedi li, fl-interess tal-Unjoni, il-miżuri anti-dumping jistgħu jiġu sospiżi meta l-kundizzjonijiet tas-suq jinbidlu temporanjament sal-punt li d-dannu x’aktarx ma jerġax jissokta b’riżultat ta’ tali sospensjoni. Il-Kummissjoni se teżamina dawk l-elementi hawn taħt.

2.1.   Analiżi ta’ bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq

(8)

Il-bidliet temporanji allegati fil-kundizzjonijiet tas-suq kienu magħmula minn skarsezza tal-provvista fis-suq tal-Unjoni peress li naqas il-volum ta’ importazzjonijiet u l-industrija tal-Unjoni naqqset il-produzzjoni tagħha. L-iżbilanċ temporanju bejn il-provvista u d-domanda wassal għal żieda drastika fil-prezzijiet. L-analiżi kopriet żewġ partijiet, jiġifieri, l-ewwel, paragun bejn il-kundizzjonijiet fis-suq fil-PI oriġinali u fl-2021, u, it-tieni, aġġornament dwar l-aktar żviluppi reċenti fl-2022 li għalihom kienet disponibbli d-data.

(9)

Mill-impożizzjoni tal-miżuri, l-istatistika tal-Eurostat li tkopri sal-aħħar tal-2021 indikat li l-importazzjonijiet tal-UAN naqsu drastikament. L-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati naqsu b’69 % meta mqabbla mal-PI oriġinali u ġew sostitwiti biss parzjalment b’importazzjonijiet minn pajjiżi oħra. Dan wassal għal tnaqqis fl-importazzjonijiet mill-oriġini kollha bi kważi 60 % meta mqabbel mal-volum importat fil-PI oriġinali. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet naqas ukoll minn 43 % għal 19 %, abbażi tas-suppożizzjoni li d-domanda fl-Unjoni baqgħet stabbli, kif ipprovdut minn Copa-Cogeca. Dan ħoloq lakuna fil-provvista ta’ 1,14 miljun tunnellata, meta jitqabblu l-PI oriġinali u l-2021.

(10)

Fil-kummenti tagħhom dwar l-iżvelar, Copa-Cogeca indikat li l-importazzjonijiet żdiedu fl-ewwel nofs tal-2022 b’aktar minn 250 % meta mqabbel mal-ewwel nofs tal-2021. Il-parti nnotat li din iż-żieda tikkoinċidi ma’ tnaqqis drammatiku fil-produzzjoni tal-Unjoni minħabba l-fatturi diskussi hawn taħt. Sa fejn huma kkonċernati l-importazzjonijiet, id-data disponibbli għall-Kummissjoni tikkonferma din iż-żieda.

Tabella 1

Volumi ta’ importazzjonijiet

(f’eluf ta’ tunnellati)

 

PI (mill-1 ta’ Lulju 2017 sat-30 ta’ Ġunju 2018)

2018

2019

2020

2021 H1

2021 H2

2022 H1

L-importazzjonijiet kollha

1 927

1 998

1 322

1 027

294

499

753

L-importazzjonijiet minn Trinidad u Tobago

368

361

401

418

172

217

332

L-importazzjonijiet mir-Russja

613

688

314

90

15

130

320

L-importazzjonijiet mill-Istati Uniti

742

890

222

-

-

-

37

Importazzjonijiet oħra

204

59

385

519

107

152

64

Sors: ir-Regolament oriġinali, Eurostat

(11)

Fir-rigward tal-iżviluppi futuri possibbli fl-importazzjonijiet, il-Kummissjoni osservat li l-Istati Uniti tal-Amerka (“l-Istati Uniti”) jidher li kkonċentraw il-bejgħ tal-UAN tagħhom fuq is-suq domestiku mill-2020. L-importazzjonijiet minn Trinidad u Tobago ma jidhrux li huma affettwati mill-impożizzjoni, f’Ottubru 2019, tal-miżuri anti-dumping definittivi. Komplew jidħlu fl-Unjoni fi kwantitajiet sinifikanti. Fl-2021, dawn l-importazzjonijiet irrappreżentaw 50 % (389 000 tunnellata) tal-importazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni. Fl-ewwel erba’ xhur tal-2022, Trinidad u Tobago esportaw lejn l-Unjoni aktar minn 234 000 tunnellata, li huwa 54 % aktar mill-istess perjodu tas-sena l-oħra (madwar 152 000 tunnellata). B’hekk, jidher li l-UAN minn Trinidad u Tobago tabilħaqq għadu jidħol fl-Unjoni fi kwantitajiet sinifikanti.

(12)

Fir-rigward tal-importazzjonijiet mir-Russja, it-tħabbiriet u s-sanzjonijiet tawna raġunijiet biex nemmnu li kwalunkwe żieda fl-importazzjonijiet tal-UAN mir-Russja kienet ferm improbabbli. Tabilħaqq, fl-4 ta’ Marzu 2022, il-Ministeru għall-Kummerċ u l-Industrija tar-Russja ħabbar li “irrakkomanda [lill-]produtturi Russi biex temporanjament jissospendu l-vjeġġi tal-esportazzjoni ta’ fertilizzanti Russi sakemm it-trasportaturi jerġgħu jibdew jaħdmu (b’mod regolari) u jipprovdu garanziji li l-esportazzjonijiet tal-fertilizzanti Russi se jitlestew bis-sħiħ.” (3)

(13)

Barra minn hekk, l-azzjonisti ewlenin tal-produtturi Russi ewlenin tal-UAN bħas-Sur Melnichenko ta’ EuroChem, u s-CEO tagħha, Vladimir Rashevsky; Is-Sur Mazepin ta’ Uralchem; u s-Sur Moshe Kantor ta’ ACRON, jinsabu fuq il-lista ta’ sanzjonijiet tal-UE. Filwaqt li s-sanzjonijiet individwali ma affettwawx b’mod dirett lil dawn il-kumpaniji Russi, jista’ jkollhom impatt potenzjali fuq l-importazzjonijiet li ġejjin mir-Russja. Ta’ min jinnota, madankollu, li l-importazzjonijiet mir-Russja baqgħu għaddejjin f’livelli sinifikanti ħafna (prattikament mingħajr tnaqqis) fl-2022. Tabilħaqq, l-ewwel nofs tal-2022 ra l-importazzjonijiet jiżdiedu sal-livelli ta’ importazzjoni tal-2019. F’Ġunju 2022 biss, il-volum ta’ importazzjonijiet mir-Russja kien akbar minn dak matul l-ewwel nofs tal-2021.

(14)

Il-Belarussja kienet sors ieħor ta’ importazzjonijiet tal-Unjoni, iżda dan twaqqaf ukoll minħabba l-fatt li, mit-2 ta’ Diċembru 2021, il-produttur Belarussu ewlieni, Grodno Azot, jidher fuq il-lista ta’ sanzjonijiet tal-UE.

(15)

Fit-12 ta’ Marzu 2022, il-Ministru għall-Politika Agrarja tal-Ukrajna Roman Leschenko ħabbar ukoll projbizzjoni fuq l-esportazzjonijiet ta’ fertilizzanti – inkluż il-UAN.

(16)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li jista’ jkun raġonevolment mistenni li Trinidad u Tobago se jibqgħu s-sors ewlieni tal-importazzjonijiet ta’ UAN fl-Unjoni.

(17)

Meta titqies id-data għall-2021, minħabba t-tnaqqis tal-importazzjonijiet u d-domanda stabbli stmata fil-premessa (9), l-industrija tal-Unjoni kellu jkollha żieda fil-bejgħ tagħha ta’ madwar 31 % meta mqabbel mal-bejgħ tagħha fil-PI oriġinali, li jikkorrispondi għal 821 000 tunnellata addizzjonali. Madankollu, skont l-informazzjoni miġbura fuq il-provvista tal-industrija tal-Ewropa, filwaqt li l-produzzjoni żdiedet b’mod sostanzjali wara l-impożizzjoni tal-miżuri, tali żieda ma kinitx biżżejjed biex tikkumpensa bis-sħiħ għat-tnaqqis fl-importazzjonijiet. Il-bejgħ fis-suq tal-Unjoni tal-industrija tal-Unjoni żdied b’medja ta’ madwar 17 %, li jikkorrispondi għal madwar 450 000 tunnellata. Peress li, kif imsemmi fil-premessa (9), id-domanda tal-UAN fl-Unjoni baqgħet relattivament stabbli mill-PI oriġinali, il-lakuna fil-provvista maħluqa mill-volum aktar baxx ta’ importazzjonijiet mhux qed jimtela kompletament miż-żieda fil-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, li jwassal għal żbilanċ stmat bejn il-provvista u d-domanda ta’ madwar 371 000 tunnellata fl-2021.

(18)

Fir-rigward tad-data għall-2022, kif ipprovdut minn Copa-Cogeca fil-kummenti tagħha dwar l-iżvelar, l-industrija tal-Unjoni jidher li naqqset drammatikament il-produzzjoni tagħha. Il-lakuna fil-provvista li dan ħoloq kienet kbira wisq biex iż-żieda fl-importazzjonijiet fl-ewwel nofs tal-2022, diskussa fil-premessa (10) hawn fuq, tikkumpensa għaliha.

(19)

Għalhekk, jista’ jiġi konkluż li, wara l-investigazzjoni oriġinali, kien hemm żbilanċ temporanju bejn il-provvista u d-domanda fis-suq tal-Unjoni.

(20)

Il-prezz tas-suq tal-UAN tal-Unjoni (“il-prezz tal-UAN”) ġie stabbilit bl-użu tal-prezz medju tal-UAN 30 ex-tank Rouen, li huwa l-prezz tas-suq rappreżentattiv l-aktar rikonoxxut fl-Ewropa, u Franza hija l-akbar pajjiż li jikkonsma l-UAN fl-Unjoni Ewropea. Il-prezz tal-UAN fl-Unjoni żdied drastikament fit-tieni nofs tal-2021. Il-prezzijiet żdiedu b’aktar mid-doppju f’dawn is-sitt xhur u f’Diċembru 2021 kienu kważi erba’ darbiet ogħla milli kienu matul il-PI oriġinali. Il-prezz medju tal-UAN li kien EUR 154 għal kull tunnellata matul il-PI oriġinali, laħaq EUR 598 għal kull tunnellata f’Diċembru 2021.

(21)

Ir-raġuni ewlenija għal din iż-żieda fil-prezz tidher li hija ż-żieda fil-prezzijiet tal-gass naturali li rrappreżentat, skont l-informazzjoni miġbura bejn il-produtturi tal-Unjoni, proporzjon sostanzjali tal-kostijiet tal-produzzjoni tal-UAN. Mill-PI oriġinali, il-prezzijiet medji tal-gass naturali fl-Unjoni żdiedu bi kważi 400 % minn USD 6,53/MMBtu (4) għal USD 32,23/MMBtu fl-aħħar trimestru tal-2021.

(22)

Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet tal-UAN urew żieda wkoll, iżda fuq skala iżgħar mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Matul l-2021, il-prezzijiet minn Trinidad u Tobago u mir-Russja kienu konsistentement aktar baxxi mill-prezzijiet tas-suq ippubblikati tal-UAN. Fl-ewwel żewġ trimestri tal-2022, dan għadu l-każ ħlief għal Trinidad u Tobago li kien kemxejn ogħla mill-prezzijiet tas-suq ippubblikati tal-UAN fit-tieni trimestru tal-2022.

Tablella 2

Prezzijiet ippubblikati ta’ Importazzjoni u ta’ Rouen UAN 30 ex-tank

(f’EUR)

 

PI (mill-1 ta’ Lulju 2017 sat-30 ta’ Ġunju 2018)

2021 Q1

2021 Q2

2021 Q3

2021 Q4

2022 Q1

2022 Q2

L-importazzjonijiet minn Trinidad u Tobago

140

166

229

222

323

569

700

L-importazzjonijiet mir-Russja

126

147

N/A

269

302

483

451

L-importazzjonijiet mill-Istati Uniti

124

N/A

N/A

N/A

N/A

N/A

653

Importazzjonijiet oħra

129

164

220

253

303

577

547

Rouen (Franza) UAN 30 ex-tank

154

255

237

318

591

695

689

Sors: ir-Regolament oriġinali, Eurostat, u Fertecon

(23)

Kif innotat fil-premessi (17) u (18), il-provvista fis-suq tal-UE ma setgħetx tlaħħaq mad-domanda li hija stmata li tkun relattivament stabbli. Dan, flimkien ma’ żieda kbira fil-kostijiet tal-materja prima, x’aktarx ikkawża żieda fil-prezzijiet.

(24)

Din iż-żieda fil-prezz tal-UAN qed tpoġġi piż finanzjarju fuq l-utenti peress li l-UAN ma jistax jiġi sostitwit faċilment b’fertilizzanti tan-nitroġenu oħra. Il-UAN huwa likwidu u l-bdiewa li jixtru l-UAN huma soġġetti għal effett ta’ intrappolament tal-klijentela minħabba t-tagħmir meħtieġ użat għad-distribuzzjoni ta’ dan il-likwidu. Il-bdiewa li jużaw fertilizzanti tan-nitroġenu jeħtieġu tagħmir differenti. Barra minn hekk, il-kwantità tal-UAN meħtieġa mill-bdiewa hija wkoll inelastika. Matul iċ-ċiklu ta’ tħawwil, il-bdiewa għandhom ċertu flessibbiltà fir-rigward taż-żmien li jużaw il-UAN, iżda ma jistgħux inaqqsu l-kwantità ġenerali tal-UAN wisq mingħajr ma jirriskjaw il-ħsad u t-tnaqqis fil-kwalità.

(25)

Abbażi tar-raġunijiet li jinsabu hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm bidla temporanja fil-kundizzjonijiet tas-suq mill-PI oriġinali fis-sens ta’ provvista li ma tissodisfax id-domanda u prezzijiet ogħla.

(26)

Wara l-iżvelar, Interore u Copa-Cogeca tennew il-pretensjoni tagħhom li minħabba l-prezzijiet għolja tal-gass fl-Unjoni, l-industrija tal-Unjoni ma żiditx il-produzzjoni tagħha biex tissostitwixxi l-importazzjonijiet u għalhekk l-utenti tal-UAN kienu jeħtieġu l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti u minn Trinidad u Tobago. Barra minn hekk, Copa-Cogeca sostniet li hemm nuqqas ta’ kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni.

(27)

Kif stabbilit fil-premessa (25), il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-provvista ma setgħetx tissodisfa d-domanda u l-prezzijiet tal-UAN kienu żdiedu. Peress li Copa-Cogeca ma ressqet l-ebda evidenza li tappoġġja n-nuqqas ta’ kompetizzjoni, din il-pretensjoni ġiet miċħuda.

3.   PROBABBILTÀ LI D-DANNU JERĠA’ JOKKORRI

(28)

L-analiżi tal-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Kummissjoni lil Fertilizers Europe, li kienet l-ilmentatur fl-investigazzjoni oriġinali, biex teżamina jekk ikunx improbabbli li d-dannu jerġa’ jokkorri b’riżultat tas-sospensjoni, skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku, uriet li l-industrija tal-Unjoni bħalissa għadha f’sitwazzjoni dannuża.

(29)

Minkejja ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-UAN, iż-żieda parallela fil-prezzijiet tal-gass naturali kellha impatt negattiv kbir fuq il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni. Fertilizers Europe pprovdiet data għall-ewwel tliet trimestri tal-2021 dwar il-kostijiet tal-UAN mibjugħ, il-prezzijiet mill-fabbrika kif ukoll iċ-ċifri ta’ profittabbiltà għall-produtturi tal-Unjoni li jirrappreżentaw 65 % tal-industrija tal-Unjoni. Din id-data wriet xejra ċara ’l isfel fil-profittabbiltà, li rriżultat f’sitwazzjoni ta’ telf ta’ medja ta’ - 9 % fit-tielet trimestru tal-2021.

(30)

Sabiex taġġorna s-sejbiet tagħha, il-Kummissjoni għamlet ukoll simulazzjonijiet dwar l-iżvilupp tal-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni, li kieku kellhom jiġu sospiżi l-miżuri attwali. Dan l-aġġornament sar bl-użu ta’ xejriet fil-prezzijiet tal-gass naturali (bil-bosta l-fattur ewlieni tal-kostijiet) u l-prezz tal-UAN bejn l-ewwel trimestru tal-2021 u t-tieni trimestru tal-2022. Dawn ix-xejriet intużaw biex jiġu aġġornati l-kostijiet reali tal-produzzjoni u l-fatturat korrispondenti tal-industrija tal-Unjoni biex jirriflettu s-sitwazzjoni tagħhom sat-tieni trimestru tal-2022. Dan l-aġġornament wera li s-sitwazzjoni ta’ telf tal-industrija tal-Unjoni fit-tielet trimestru tal-2021 kompliet fl-ewwel nofs tal-2022.

(31)

Barra minn hekk, abbażi tal-kummenti dwar l-iżvelar, huwa ċar li s-sitwazzjoni reali tal-industrija tal-Unjoni hija agħar milli kien previst abbażi tas-simulazzjoni. Filwaqt li s-simulazzjoni tippresupponi produzzjoni u bejgħ stabbli tal-industrija tal-Unjoni, il-kollass tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fl-2022, kif ippreżentat minn Copa-Cogeca, jaggrava biss is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Ir-raġuni għal dan hija l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-gass naturali u l-prezzijiet tal-UAN. Il-prezz tal-UAN żviluppa b’mod pożittiv għal xi żmien u laħaq il-quċċata tiegħu f’Marzu 2022 (EUR 875 għal kull tunnellata). Il-prezz tal-UAN imbagħad beda jonqos biex laħaq EUR 595 għal kull tunnellata f’Ġunju 2022. Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda indikazzjoni li l-prezzijiet tal-UAN se jiżdiedu fix-xhur li ġejjin. B’kuntrast ma’ dan, il-prezzijiet tal-gass naturali baqgħu f’livell għoli fl-aħħar trimestru tal-2021 u fl-ewwel żewġ trimestri tal-2022 (medja ta’ 32,34 USD/MMBtu). Filwaqt li kien hemm tnaqqis fil-prezzijiet tal-gass naturali f’Mejju (USD 29,8/MMBtu), dawn kienu qed jiżdiedu minn dak iż-żmien ’l hawn. F’Ġunju, reġgħu kienu USD 34,4/MMBtu u l-prospettiva hija żieda ulterjuri saħansitra aktar sostanzjali bi prezzijiet ogħla minn USD 50/MMBtu (5).

(32)

Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, il-produtturi tal-Unjoni mhux biss ma setgħux jgħollu l-produzzjoni biex jikkumpensaw bis-sħiħ għall-importazzjonijiet mitlufa fl-2021, iżda kellhom ikomplu jillimitaw il-produzzjoni, kif muri b’għadd ta’ għeluq parzjali ta’ linji tal-produzzjoni. Fil-kummenti tagħha dwar l-iżvelar, Copa-Cogeca stess innotat li l-prezzijiet tal-UAN f’Settembru 2022 ma setgħux ikopru l-kost tal-gass li huwa meħtieġ biex jiġi prodott il-UAN. B’parti biss tal-kostijiet varjabbli diġà ogħla mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-UAN fis-suq tal-Unjoni u l-kostijiet fissi għal kull unità ta’ produzzjoni li żdiedet b’mod sinifikanti minħabba t-tnaqqis fil-produzzjoni, mhuwiex ikkontestat li l-industrija tal-Unjoni kienet għadha ssofri dannu materjali.

(33)

Wara l-iżvelar, Fertilizers Europe tenniet li l-prezz tal-gass fl-Unjoni kien mistenni li jibqa’ għoli fir-raba’ trimestru tal-2022 u li l-industrija tal-Unjoni kienet mistennija li ssofri dannu mill-importazzjonijiet.

(34)

Wara l-iżvelar, matul seduta, Copa-Cogeca kkummentat li, għall-valutazzjoni tagħha dwar il-probabbiltà li d-dannu jerġa’ jokkorri, jenħtieġ li l-Kummissjoni tanalizza l-bejgħ u l-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni wara s-sottomissjoni inizjali ta’ Copa-Cogenca, jiġifieri minn Lulju 2021 ’il quddiem.

(35)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li deċiżjoni biex jiġu sospiżi l-miżuri anti-dumping ma tistax tkun eżerċizzju statiku. Is-suq tal-Unjoni tal-UAN wera li huwa volatili ħafna fil-perjodu wara s-sottomissjoni inizjali ta’ Copa-Cogeca, li jaffettwa l-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq mibdula u l-probabbiltà li d-dannu jerġa’ jokkorri. L-informazzjoni pprovduta inizjalment minn Copa-Cogeca għalhekk tqieset li kienet skaduta u tqieset meħtieġa informazzjoni addizzjonali. L-informazzjoni addizzjonali miksuba mill-industrija tal-Unjoni wriet li l-produtturi tal-Unjoni kienu qed isofru telf finanzjarju. Tabilħaqq, Copa-Cogeca rrikonoxxiet li l-industrija tal-Unjoni qed issofri dannu fl-2022. Fil-kummenti tagħha dwar l-iżvelar, Copa-Cogeca stess innotat li “[s]a fejn hija kkonċernata l-industrija tal-Unjoni […] il-bejgħ tagħha kellu jonqos drammatikament fl-2022” u li “[t]aħt il-kundizzjonijiet attwali tas-suq, huwa għalhekk mhux profittabbli l-ipproċessar tal-gass naturali f’UAN. Huwa b’hekk loġiku li l-faċilitajiet kważi kollha tal-UAN tal-UE ġew diżattivati.’’

(36)

Barra minn hekk, matul seduta, Copa-Cogeca sostniet nuqqas ta’ trasparenza u rappreżentanza tad-data dwar il-profittabbiltà pprovduta mill-industrija tal-Unjoni. Kif indikat fil-premessa (29), il-Kummissjoni kisbet data li turi sitwazzjoni ta’ telf tal-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw, li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-produzzjoni tal-Unjoni. Din iċ-ċifra ta’ profittabbiltà kienet ibbażata fuq il-fatturat u l-kostijiet tal-UAN tal-produtturi tal-Unjoni. Peress li din l-informazzjoni kienet kunfidenzjali, tista’ tiġi żvelata biss ċifra aggregata għall-produtturi kollha tal-Unjoni li kkooperaw. Barra minn hekk, kif innotat fil-premessi (32) u (35) hawn fuq, Copa-Cegeca stess ma jidhirx li tikkontesta l-fatt li l-industrija tal-Unjoni qed issofri dannu materjali.

(37)

Wara l-iżvelar, Copa-Cogeca sostniet li l-kontinwazzjoni ta’ miżuri tmur kontra l-interess tal-Unjoni u jkollha effett negattiv fuq il-produzzjoni tal-ikel fl-Unjoni. Il-Kummissjoni fakkret li skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku, il-miżuri jistgħu jiġu sospiżi fl-interess tal-Unjoni biss jekk id-dannu ma jkunx probabbli li jerġa’ jokkorri b’riżultat tas-sospensjoni. Minħabba s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni f’Settembru tal-2022, kif irrikonoxxut minn Copa-Cogeca fil-kummenti tagħha dwar l-iżvelar miġbur fil-qosor fil-premessi (32) and (35) above, l-indutrija tal-Unjoni kompliet iġġarrab telf finanzjarju u b’hekk id-dannu x’aktarx jaggrava f’każ li jiġu sospiżi l-miżuri, ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet għas-sospensjoni, u l-Kummissjoni ma tkunx qieset li huwa meħtieġ li jiġi evalwat l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku.

(38)

Copa-Cogeca allegat li l-miżuri protettivi mhumiex meħtieġa minħabba li l-industrija tal-Unjoni mhijiex f’pożizzjoni li tipproduċi xi UAN bħalissa peress li l-prezz tal-gass huwa ħafna ogħla mill-prezz tal-UAN u konsegwentement l-output tal-UAN fl-Unjoni naqas b’mod konsiderevoli.

(39)

Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li Copa-Cogeca pprovdiet data li turi li għad hemm produzzjoni tal-UAN fl-Unjoni u li l-industrija tal-Unjoni qed issofri dannu materjali. Għaldaqstant, din il-pretensjoni ġiet rifjutata.

4.   KONKLUŻJONI

(40)

Il-kundizzjonijiet tas-suq inbidlu b’mod temporanju fis-sens li bħalissa hemm provvista insuffiċjenti ta’ UAN fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet affordabbli biex tiġi ssodisfata d-domanda kostanti. Dan huwa prinċipalment minħabba li l-importazzjonijiet tal-UAN naqsu b’mod sinifikanti u l-produtturi tal-Unjoni ma jistgħux jikkumpensaw bis-sħiħ għall-volumi ta’ importazzjoni mitlufa, minħabba żieda kbira fil-kost tal-produzzjoni.

(41)

Tabilħaqq, il-mutur wara l-prezzijiet rekord attwali għoljin tal-UAN huma r-rekord attwali tal-prezzijiet għoljin tal-gass naturali. Il-gass huwa l-materja prima ewlenija għall-produzzjoni tal-UAN. Dawn il-prezzijiet estremi tal-gass waqqgħu l-industrija tal-Unjoni f’telf fit-tielet trimestru tal-2021. Din iż-żieda fil-kostijiet ma setgħetx tiġi mgħoddija lill-klijenti għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, minħabba l-flessibbiltà nnotata fil-premessa (24), il-bdiewa ddeċidew li jipposponu l-xiri tagħhom ta’ UAN għall-istaġun tal-fertilizzazzjoni (ir-rebbiegħa). It-tieni, minħabba l-pressjoni fuq il-prezzijiet kontinwi mill-importazzjonijiet, kif muri fit-Tabella 2 hawn fuq. Barra minn hekk, kif irrikonoxxut mill-partijiet, skont il-kundizzjonijiet attwali tas-suq, l-industrija tal-Unjoni ma tistax tipproduċi u tbigħ il-UAN bi profitt u b’hekk parti sinifikanti tal-kapaċità tal-produzzjoni tagħha hija inattiva. Hemm ukoll indikazzjonijiet li s-sospensjoni tkompli taggrava s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Importazzjonijiet oġġett ta’ dumping bi prezzijiet baxxi mill-pajjiżi kkonċernati, b’mod partikolari minn Trinidad u Tobago, iwasslu għal aktar pressjoni fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni u r-riskju li jirriżulta ta’ erożjoni tal-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni.

(42)

Minħabba li l-eżami tal-iżvulupp ta’ wara l-PI wera li l-industrija tal-Unjoni kienet għadha qed issofri minn sitwazzjoni dannuża, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li l-kundizzjonijiet tas-suq kienu nbidlu temporanjament sal-punt li d-dannu x’aktarx ma jerġax jissokta b’riżultat ta’ sospensjoni skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku. Din id-deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li tieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku, jekk is-sitwazzjoni tinbidel fil-futur.

(43)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tissospendix id-dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja, minn Trinidad u Tobago u mill-Istati Uniti tal-Amerka imposti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1688.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-kundizzjonijiet biex jiġi sospiż id-dazju anti-dumping definittiv impost mill-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1688 fuq l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja, minn Trinidad u Tobago u mill-Istati Uniti tal-Amerka f’konformità mal-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036 mhumiex issodisfati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1688 tat-8 ta’ Ottubru 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja, minn Trinidad u Tobago u mill-Istati Uniti tal-Amerka, ĠU L 258, 9.10.2019, p. 21.

(3)  https://www.reuters.com/article/ukraine-crisis-russia-fertilizers-idINL2N2V71JG

(4)  MMBtu: Metric Million British Thermal Unit (Miljun metriku ta’ Unitajiet Termali Brittaniċi).

(5)  Abbażi tal-prezz tal-Dutch TTF Gas futures, li huwa l-prezz tal-konsenja fit-Title Transfer Facility fin-Netherlands. Dutch TTF huwa wkoll l-indiċi tas-suq użat mill-Bank Dinji biex jikkalkula l-prezzijiet storiċi tal-gass.


Top