Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1945

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1945 tal-21 ta’ Frar 2020 dwar id-dokumenti li jridu jinħarġu mill-Istati Membri skont l-Artikolu 18(1) u (4) tal-Artikolu 26 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (notifikata bid-dokument C(2020) 1114)

    C/2020/1114

    ĠU L 268, 14.10.2022, p. 26–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/1945/oj

    14.10.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 268/26


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1945

    tal-21 ta’ Frar 2020

    dwar id-dokumenti li jridu jinħarġu mill-Istati Membri skont l-Artikolu 18(1) u (4) tal-Artikolu 26 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

    (notifikata bid-dokument C(2020) 1114)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (1), b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 18(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2) (il-“Ftehim”) jipprevedi li l-Istat ospitanti jista’ jesiġi li ċ-ċittadini tal-Unjoni jew iċ-ċittadini tar-Renju Unit, il-membri tal-familji rispettivi tagħhom u persuni oħra, li jirrisjedu fit-territorju tiegħu b’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Titolu II tal-Ftehim, japplikaw għal status ta’ residenza ġdid li jagħti d-drittijiet taħt dan it-Titolu u dokument li jattesta tali status.

    (2)

    Kif hu previst fl-Artikolu 18(4) tal-Ftehim, fejn Stat ospitanti jkun għażel li ma jesiġix li ċ-ċittadini tar-Renju Unit, il-membri tal-familja tagħhom, u persuni oħra, residenti fit-territorju tiegħu f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan it-Titolu II ta’ dan il-Ftehim, japplikaw għall-istatus ta’ residenza l-ġdid bħala kundizzjoni għar-residenza legali, dawk eliġibbli għad-drittijiet ta’ residenza għandu jkollhom id-dritt li jirċievu, b’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), dokument ta’ residenza li jinkludi dikjarazzjoni li dan ikun inħareġ b’konformità ma’ dan il-Ftehim.

    (3)

    L-Artikolu 26 tal-Ftehim jipprevedi li l-Istat fejn jaħdmu ċ-ċittadini tar-Renju Unit jista’ jesiġi li jkollhom drittijiet bħala ħaddiema transkonfinali taħt it-Titolu II tal-Ftehim japplikaw għal dokument li jiċċertifika li għandhom tali drittijiet skont dan it-Titolu u li dawk iċ-ċittadini għandu jkollhom id-dritt li jinħarġilhom tali dokument.

    (4)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 (4) jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz. Dan il-format jinkludi l-informazzjoni kollha neċessarja u jissodisfa standards tekniċi għolja, partikolarment fir-rigward ta’ salvagwardji kontra l-falsifikazzjoni.

    (5)

    Għaldaqstant, wara l-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea, dan il-format jenħtieġ li jintuża wkoll għad-dokumenti ta’ residenza li jridu jinħarġu liċ-ċittadini tar-Renju Unit, lill-membri tal-familji rispettivi tagħhom u lil persuni oħra li jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru b’konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fit-Titolu II tal-Ftehim.

    (6)

    Dan il-format huwa idoneu wkoll għad-dokumenti li jridu jinħarġu liċ-ċittadini tar-Renju Unit li jkollhom drittijiet bħala ħaddiema li jaħdmu bejn il-fruntieri fl-Istat Membru fejn jaħdmu.

    (7)

    Billi dawk id-dokumenti se jintużaw bħala prova tad-drittijiet previsti taħt it-Titolu II tal-Ftehim, l-entrata taħt in-numru 10 “Tip ta’ permess” jenħtieġ li tinkludi dikjarazzjoni li tindika li dawk id-dokumenti jkunu nħarġu b’konformità mal-Ftehim.

    (8)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jindikaw taħt l-entrata Nru 12 “Kummenti” jekk id-dokument ta’ residenza jkunx inħareġ taħt l-Artikolu 18(1) jew 18(4) tal-Ftehim.

    (9)

    Biex jiġi żgurat li l-identità tad-detentur tkun tista’ tiġi vverifikata bla ebda dubju jenħtieġ li d-dokumenti jkollhom perjodu ta’ validità minimu ta’ ħames snin u validità massima ta’ għaxar snin biex ir-ritratt tad-detentur ikun jista’ jiġi aġġornat.

    (10)

    B’konformità mal-Artikolu 19(2) tal-Ftehim, jenħtieġ li d-dokumenti li jinħarġu mill-Istati Membri skont l-Artikolu 18(1) tal-Ftehim jidħlu fis-seħħ biss wara li jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fl-Artikolu 126 tal-Ftehim.

    (11)

    Madankollu, l-Istati Membri diġà jistgħu joħorġu permessi ta’ residenza liċ-ċittadini tar-Renju Unit skont l-Artikolu 18(1) jew 18(4) tal-Ftehim matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, jekk jagħżlu li jagħmlu dan għal raġunijiet amministrattivi jew raġunijiet oħra. Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/1954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) għadu mhux applikabbli bis-sħiħ. Għaldaqstant, l-Istati Membri jenħtieġ li jużaw il-format attwali għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li huwa stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 380/2008 (6) sakemm jibda japplika r-Regolament (UE) 2017/1954.

    (12)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilita bl-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 (7),

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Kull meta joħorġu dokument ta’ residenza b’konformità mal-Artikolu 18(1) jew (4) tal-Ftehim, l-Istati Membri għandhom jużaw il-format stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/1954.

    L-entrata fil-kaxxa Nru 10 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002 “Tip ta’ Permess” għandha tkun “Artikolu 50 TUE”. Fil-kaxxa Nru 12 “Kummenti” tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002 l-Istati Membri għandhom jindikaw jekk id-dokument ta’ residenza jkunx inħareġ skont l-Artikolu 18(1) jew 18(4) tal-Ftehim.

    Il-validità tad-dokument ta’ residenza għandha tkun mill-anqas ta’ ħames snin u mhux aktar minn għaxar snin.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom joħorġu d-dokumenti skont l-Artikolu 26 tal-Ftehim fis-sura tal-format uniformi għal permessi tat-traffiku lokali tal-fruntiera għal ċittadini terzi, kif hu stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 u kif emendat mir-Regolament (UE) 2017/1954.

    L-entrata fil-kaxxa Nru 10 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002 “Tip ta’ Permess” għandha tkun “Art. 50 TUE - Ħaddiem fruntalier”.

    Il-validità tad-dokument għandha tkun mill-anqas ta’ ħames snin u mhux aktar minn għaxar snin.

    Artikolu 3

    Sakemm l-Istati Membri jimplimentaw ir-Regolament (UE) 2017/1954 huma għandhom jużaw il-format stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 380/2008, billi jużaw l-istess entrati stabbiliti fl-Artikoli 1 u 2 ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 4

    L-Istati Membri għandhom japplikaw din id-Deċiżjoni mhux aktar tard mill-jum ta’ wara dak meta jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Frar 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Ylva JOHANSSON

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 1.

    (2)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

    (3)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta’ Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz (ĠU L 157, 15.6.2002, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2017/1954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (ĠU L 286, 1.11.2017, p. 9).

    (6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 380/2008 tat-18 ta’ April 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1030/2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terz (ĠU L 115, 29.4.2008, p. 1).

    (7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta’ Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża (ĠU L 164, 14.7.1995, p. 1).


    Top