EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1158

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1158 tas-27 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq

ST/10407/2022/INIT

ĠU L 179, 6.7.2022, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1158/oj

Related international agreement

6.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1158

tas-27 ta’ Ġunju 2022

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-2 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill awtorizza l-bidu ta’ negozjati mal-Ukrajna dwar Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (minn hawn ’il quddiem, il-“Ftehim”).

(2)

In-negozjati ġew konklużi b’suċċess fl-14 ta’ Ġunju 2022.

(3)

Fid-dawl tat-tfixkil importanti fis-settur tat-trasport fl-Ukrajna kkawżat mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa, huwa neċessarju li jinstabu rotot alternattivi bit-triq għall-Ukrajna biex tesporta l-ħażniet tagħha tal-qmuħ, tal-fjuwil, tal-oġġetti tal-ikel u ta’ prodotti rilevanti oħra.

(4)

Peress li l-permessi mogħtija fil-qafas tas-sistema multilaterali tal-kwoti tal-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport fil-Forum Internazzjonali tat-Trasport u l-ftehimiet bilaterali eżistenti mal-Ukrajna ma jippermettux il-flessibbiltà neċessarja għall-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq Ukreni biex iżidu u jippjanaw bil-quddiem l-operazzjonijiet tagħhom mill-Unjoni Ewropea u mal-Unjoni Ewropea, hu kruċjali li t-trasport tal-merkanzija bit-triq jiġi lliberalizzat għall-operazzjonijiet bilaterali u għat-tranżitu.

(5)

Minħabba l-gwerra ta’ aggressjoni Russa fl-Ukrajna, ħafna sewwieqa Ukreni ma għadhomx jistgħu jimxu mal-proċeduri amministrattivi relatati mad-dokumenti tas-sewwieqa bħall-applikazzjonijiet għall-permessi internazzjonali tas-sewqan jew il-ħruġ ta’ dokumenti ġodda f’każ ta’ dokumenti mitlufa jew misruqa. Għalhekk hu importanti li jiġu indirizzati dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali billi jiġu previsti miżuri speċifiċi li jeżentaw lis-sewwieqa mir-rekwiżit li jippreżentaw permess internazzjonali tas-sewqan, jirrikonoxxu d-deċiżjonijiet tal-Ukrajna li jestendu l-validità amministrattiva tad-dokumenti tas-sewwieqa, u jiffaċilitaw l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti taż-żewġ Partijiet biex jiġu miġġielda l-frodi u l-falsifikazzjoni tad-dokumenti tas-sewwieqa.

(6)

Fid-dawl taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali u uniċi li jeħtieġu l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim u f’konformità mat-Trattati, huwa xieraq li l-Unjoni teżerċita b’mod temporanju l-kompetenza kondiviża rilevanti mogħtija lilha mit-Trattati. Kwalunkwe effett ta’ din id-Deċiżjoni dwar id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jkun strettament limitat fiż-żmien. Il-kompetenza eżerċitata mill-Unjoni abbażi ta’ din id-Deċiżjoni u tal-Ftehim għalhekk jenħtieġ li tiġi eżerċitata biss matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-Ftehim. Għaldaqstant, il-kompetenza kondiviża hekk eżerċitata ser tieqaf tkun eżerċitata mill-Unjoni hekk kif jieqaf japplika l-Ftehim. Mingħajr preġudizzju għal miżuri oħra tal-Unjoni, u soġġett għall-konformità ma’ dawk il-miżuri tal-Unjoni, dik il-kompetenza, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ser terġa’ tiġi eżerċitata mill-Istati Membri wara dan. Barra minn hekk, huwa mfakkar li, kif stabbilit fil-Protokoll Nru 25 dwar l-eżerċizzju ta’ kompetenzi kondiviżi, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-TFUE, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni f’din id-Deċiżjoni jkopri biss dawk l-elementi regolati minn din id-Deċiżjoni u l-Ftehim u ma jkoprix il-qasam kollu. L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni b’din id-Deċiżjoni huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri fir-rigward ta’ kwalunkwe negozjati li għaddejjin jew futuri għal, jew l-iffirmar jew il-konklużjoni ta’, ftehimiet internazzjonali ma’ kwalunkwe pajjiż terz ieħor f’dak il-qasam.

(7)

Għalhekk, il-Ftehim, li huwa limitat fiż-żmien, b’possibbiltà ta’ tiġdid, soġġett għal deċiżjoni mill-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim li għandu jsegwi l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill li tiddefinixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni f’dak ir-rigward, jenħtieġ li jiġi ffirmat b’mod urġenti f’isem l-Unjoni Ewropea, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(8)

Biex jibdew jintużaw l-effetti ta’ benefiċċju tal-Ftehim dwar it-trasport tal-merkanzija u titħalla l-esportazzjoni tal-prodotti Ukreni b’mod partikolari tal-qmuħ, mill-aktar fis possibbli, il-Ftehim jenħtieġ li jiġi applikat b’mod proviżorju f’konformità mal-Artikolu 13 tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq, huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (1).

Artikolu 2

1.   L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni skont din id-Deċiżjoni u l-Ftehim għandu jkun limitat għall-perjodu ta’ applikazzjoni tal-Ftehim. Mingħajr preġudizzju għal miżuri oħra tal-Unjoni, u soġġett għall-konformità ma’ dawk il-miżuri tal-Unjoni, wara tmiem dak il-perjodu ta’ applikazzjoni, l-Unjoni għandha tieqaf minnufih milli teżerċita dik il-kompetenza, u l-Istati Membri għandhom jerġgħu jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom f’konformità mal-Artikolu 2(2) TFUE.

2.   L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni skont din id-Deċiżjoni u l-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward ta’ kwalunkwe negozjati li għaddejjin jew futuri għal, jew l-iffirmar jew il-konklużjoni ta’, ftehimiet internazzjonali relatati mat-trasport tal-merkanzija bit-triq ma’ kwalunkwe pajjiż terz ieħor, u mal-Ukrajna, fir-rigward tal-perjodu wara li dan il-Ftehim ma jibqax japplika.

3.   L-eżerċizzju tal-kompetenza mill-Unjoni msemmi fil-paragrafu 1 ikopri biss l-elementi rregolati minn din id-Deċiżjoni u l-Ftehim.

4.   Din id-Deċiżjoni u l-Ftehim huma mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u l-Istati Membri fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fir-rigward ta’ elementi għajr dawk irregolati minn din id-Deċiżjoni u l-Ftehim.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li ser ikollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.

Artikolu 4

Skont l-Artikolu 13 tiegħu, il-Ftehim għandu japplika b’mod proviżorju sa mid-data tal-iffirmar tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-27 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

A. PANNIER-RUNACHER


(1)  Ara l-paġna 4 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


Top