Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0847

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/847 tat-30 ta’ Mejju 2022 b’appoġġ għall-isforzi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni u t-traffikar illeċiti ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW) u l-munizzjon u l-impatt tagħhom fil-Kontinent Amerikan

    ST/8651/2022/INIT

    ĠU L 148, 31.5.2022, p. 40–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/847/oj

    31.5.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 148/40


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/847

    tat-30 ta’ Mejju 2022

    b’appoġġ għall-isforzi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni u t-traffikar illeċiti ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW) u l-munizzjon u l-impatt tagħhom fil-Kontinent Amerikan

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fid-19 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Armi tan-Nar, Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir Illeċiti (“SALW”) u l-Munizzjon tagħhom, intitolata “Aktar Sigurtà fuq l-Armi Biex Nipproteġu liċ-Ċittadini” (l-“Istrateġija tal-UE dwar is-SALW”), li tistabbilixxi l-linji gwida għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW).

    (2)

    Fuq livell reġjonali, l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW torbot lill-Unjoni u l-Istati Membri li jipprovdu assistenza lil pajjiżi oħra sabiex itejbu l-ġestjoni u s-sigurtà tal-ħażniet miżmuma mill-istat billi jsaħħu l-oqfsa leġiżlattivi u amministrattivi nazzjonali u billi jsaħħu l-istituzzjonijiet li jirregolaw il-provvista leġittima u l-ġestjoni tal-ħażniet tas-SALW u l-munizzjon għall-forzi tad-difiża u tas-sigurtà.

    (3)

    L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tinnota li l-Unjoni ser tfittex li jkun hemm sinerġija mal-istati Amerikani u l-organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti sabiex jitnaqqsu l-proliferazzjoni u t-traffikar illeċiti tas-SALW, bil-għan li jitnaqqsu l-vjolenza bl-armi u l-attività kriminali.

    (4)

    L-Amerka Latina u l-Karibew ġew milquta serjament mill-proliferazzjoni u l-akkumulazzjoni eċċessiva ta’ SALW. L-emisferu Amerikan għadu kklassifikat bħala wieħed mill-aktar reġjuni vjolenti fid-dinja. Skont l-aħħar studju globali dwar l-omiċidji mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC) fl-2017, ir-reġjun irreġistra rata ta’ 17,2-il omiċidju għal kull 100 000 abitant, kważi tliet darbiet il-medja globali. Il-maġġoranza l-kbira tal-omiċidji jitwettqu bl-użu ta’ armi tan-nar, u dan iqiegħed il-ġlieda u l-prevenzjoni tal-proliferazzjoni u t-traffikar illeċitu ta’ armi u munizzjon bħala waħda mill-prijoritajiet fuq l-aġenda inter-Amerikana.

    (5)

    F’konformità mal-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW, l-Unjoni ser issaħħaħ id-djalogu u l-kooperazzjoni tagħha mal-organizzazzjonijiet reġjonali li jaħdmu fuq il-kontroll tas-SALW, billi tallinja l-attivitajiet tagħha mal-istrateġiji reġjonali u l-pjanijiet ta’ azzjoni.

    (6)

    L-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OSA) hija s-Segretarjat għall-Konvenzjoni Inter-Amerikana kontra l-Iffabbrikar Illeċitu u t-Traffikar tal-Armi tan-Nar, il-Munizzjon, l-Isplussivi u Materjal Relatat Ieħor (CIFTA), u qed tikkoordina u timplimenta inizjattivi reġjonali fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tas-SALW fil-Kontinent Amerikan.

    (7)

    L-Unjoni preċedentement appoġġat l-attivitajiet tal-OSA permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/2010 (1) b’appoġġ ta’ attivitajiet għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni u t-traffikar illeċiti ta’ SALW u l-munizzjon u l-impatt tagħhom fl-Amerka Latina u l-Karibew. F’dak ir-rigward, l-Unjoni ddeċidiet li tiffinanzja dik l-inizjattiva preċiżament biex jitnaqqsu l-vjolenza bl-armi u l-attività kriminali.

    (8)

    Fit-30 ta’ Ġunju 2018, it-tielet Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rieżami tal-Progress li sar fl-Implimentazzjoni tal-Programm ta’ Azzjoni tan-NU kontra Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir illeċiti adottat dokument ta’ eżitu li fih l-Istati ġeddu l-impenn tagħhom għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-devjazzjoni ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir. L-Istati tennew ir-rieda tagħhom li jaħdmu għal kooperazzjoni internazzjonali u li jsaħħu l-kooperazzjoni reġjonali permezz ta’ koordinazzjoni, konsultazzjoni, skambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni operazzjonali mtejba, bl-involviment ta’ organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali rilevanti, kif ukoll awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, tal-kontroll tal-fruntieri u tal-ħruġ ta’ liċenzji ta’ esportazzjoni u importazzjoni.

    (9)

    L-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli tafferma li huwa neċessarju li jiġi miġġieled il-kummerċ illeċitu tal-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir għall-kisba ta’ ħafna għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, inklużi dawk relatati mal-paċi, il-ġustizzja u l-istituzzjonijiet b’saħħithom, it-tnaqqis tal-faqar, it-tkabbir ekonomiku, is-saħħa, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-bliet sikuri. Għalhekk, fl-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 16.4, l-Istati kollha impenjaw ruħhom li jnaqqsu b’mod sinifikanti l-flussi illeċiti finanzjarji u tal-armi.

    (10)

    Fl-Aġenda tiegħu għad-Diżarm “Securing our Common Future” (“Niżguraw il-Ġejjieni Komuni Tagħna”), li ġiet ippreżentata fl-24 ta’ Mejju 2018, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti appella biex tiġi indirizzata l-akkumulazzjoni eċċessiva u l-kummerċ illeċitu ta’ armi konvenzjonali u biex jingħata appoġġ lill-approċċi għall-armi żgħar fil-livell ta’ pajjiżi.

    (11)

    It-tieni fażi (Fażi II), bħala kontinwazzjoni tal-isforzi preċedenti tal-Unjoni, iżżomm il-paradigma tal-multilateraliżmu u s-sinerġiji bejn l-Unjoni u l-OSA, u tikkomplementa l-ħidma globali tal-Unjoni f’dan il-qasam billi timmira reġjun milqut serjament mill-proliferazzjoni, l-akkumulazzjoni eċċessiva, u t-traffikar tas-SALW,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW, l-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tiġi indirizzata l-vjolenza bl-armi fil-Kontinent Amerikan. Għal dan il-għan, l-Unjoni għandha tiffinanzja l-proġett deskritt fl-Anness, li l-għan tiegħu huwa li jiġġieled kontra l-proliferazzjoni u t-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar u l-munizzjon, u li jipprevjeni l-involviment tal-armi tan-nar f’komunitajiet milquta ħafna.

    2.   Skont il-paragrafu 1, l-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni huma dawn li ġejjin:

    (a)

    it-tisħiħ tal-Qafas Regolatorju Nazzjonali dwar l-Armi tan-Nar, filwaqt li jitqiesu prattiki internazzjonali normattivi u tajbin;

    (b)

    it-titjib tal-kapaċità operazzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali biex jimmarkaw, jittraċċaw, jaħżnu u jeqirdu l-armi tan-nar;

    (c)

    l-ottimizzazzjoni tal-kontroll tal-armi ta’ kalibru żgħir permezz tal-użu tal-Mekkaniżmu ta’ Komunikazzjoni Reġjonali dwar it-Trasferimenti Leċiti ta’ Armi tan-Nar u Munizzjon (MCTA);

    (d)

    it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-komunità għall-vjolenza bl-armi tan-nar u t-tnaqqis tal-aċċess għal armi tan-nar illeċiti u/jew mhux mixtieqa;

    (e)

    l-iżvilupp ta’ Pjan Direzzjonali tal-Amerka Ċentrali għall-Armi tan-Nar biex il-pajjiżi jiġu mgħammra b’għodda prattika u ta’ ġestjoni permezz ta’ approċċ reġjonali, ikkoordinat u bbażat fuq l-evidenza.

    3.   Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett tinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“RGħ”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandha titwettaq mill-OSA.

    3.   L-OSA għandha twettaq il-kompitu tagħha taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dak il-għan, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-OSA.

    Artikolu 3

    1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni għandu jkun ta’ EUR 4 240 906.

    2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta’ referenza stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni xierqa tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi l-ftehim ta’ għotja neċessarju mal-OSA. Il-ftehim ta’ għotja għandu jistipula li l-OSA trid tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatta għad-daqs tagħha.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ għotja msemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ għotja.

    Artikolu 4

    1.   Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti narrattivi regolari mħejjija mill-OSA. Dawk ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni li għandha ssir mill-Kunsill.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1.

    Artikolu 5

    1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ għotja msemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk ma jiġi konkluż l-ebda ftehim matul dak il-perjodu ta’ sitt xhur.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Mejju 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. COLONNA


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/2010 tas-17 ta’ Diċembru 2018 b’appoġġ għall-Ġlieda Kontra l-Proliferazzjoni u t-Traffikar Illeċiti ta’ Armi Ħfief, ta’ Kalibru Żgħir (SALW) u l-Munizzjon u l-Impatt tagħhom fl-Amerka Latina u l-Karibew fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra Armi tan-Nar, Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir Illeċiti u l-Munizzjon tagħhom “Aktar Sigurtà fuq l-Armi Biex Nipproteġu liċ-Ċittadini” (ĠU L 322, 18.12.2018, p. 27).


    ANNESS

    DOKUMENT TA’ PROĠETT

    IL-ĠLIEDA KONTRA L-PROLIFERAZZJONI U T-TRAFFIKAR ILLEĊITI TA’ ARMI ĦFIEF, TA’ KALIBRU ŻGĦIR U L-MUNIZZJON U L-IMPATT TAGĦHOM FIL-KONTINENT AMERIKAN

    1.   Informazzjoni ġenerali

    Il-Kontinent Amerikan huwa wieħed mir-reġjuni fid-dinja l-aktar milquta mill-vjolenza bl-armi: fl-2017, irreġistra l-ogħla rata reġjonali ta’ omiċidji bi 17,2-il omiċidju għal kull 100 000 abitant, meta mqabbla mal-medja globali ta’ 6,1 għal kull 100 000 abitant (1). L-aċċess faċli għall-armi tan-nar u d-disponibbiltà tagħhom f’ħafna mill-pajjiżi huma fatturi ewlenin biex jiġu spjegati dawk ir-rati. Kważi 75 % tal-omiċidji fir-reġjun jitwettqu bl-użu ta’ arma tan-nar (2). Ir-reġjun huwa wkoll wieħed mid-destinazzjonijiet ewlenin tal-armi tan-nar għat-traffikar illeċitu (3).

    Fil-biċċa l-kbira minħabba dawk ix-xejriet negattivi, il-proliferazzjoni tal-armi tan-nar u t-traffikar illeċitu saru prijorità fl-aġenda għas-sigurtà taċ-ċittadini tar-reġjun. Il-pajjiżi fil-Kontinent Amerikan enfasizzaw l-importanza tal-koordinazzjoni u l-istrateġiji transkonfinali meta jitqiesu l-kumplessità u l-internazzjonalizzazzjoni dejjem akbar tal-organizzazzjonijiet kriminali. Dak l-impenn ġie tradott fl-iffirmar tal-Konvenzjoni Inter-Amerikana kontra l-Iffabbrikar Illeċitu u t-Traffikar tal-Armi tan-Nar, il-Munizzjon, l-Isplussivi u Materjal Ieħor Relatat (CIFTA) fl-1997, l-ewwel ftehim reġjonali vinkolanti tat-tip tiegħu. Is-CIFTA, li ġiet irratifikata minn 31 mill-34 Stat Membru tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OSA), hija għodda fundamentali biex jiġi indirizzat il-kummerċ illeċitu tal-armi ta’ kalibru żgħir fir-reġjun.

    Madankollu, minkejja l-isforzi siewja tal-awtoritajiet nazzjonali, il-pajjiżi għadhom ma jistgħux jimplimentaw is-CIFTA bis-sħiħ. Il-kumplessità tal-kriminalità organizzata li tikkontrolla t-traffikar tal-armi fir-reġjun, inkluż l-ispeċjalizzazzjoni tal-ħidma, l-istrutturi ta’ koordinazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni tal-operazzjonijiet, toħloq sfidi serji għall-kapaċità tal-pajjiżi li jinvestigaw u jħarrku dawn id-delitti. Huma jsibuha diffiċli wkoll biex jikkonformaw ma’ protokolli oħra u biex jimplimentaw strateġiji li jistgħu jnaqqsu l-proliferazzjoni u d-disponibbiltà tal-armi tan-nar. Il-forzi militari u tas-sigurtà ma jimplimentawx b’mod sistematiku protokolli dwar il-ġestjoni tal-ħażniet, u b’hekk iżidu l-probabbiltà ta’ devjazzjoni tal-armi tan-nar u l-munizzjon lejn is-suq illeċitu, kif ukoll ir-riskju ta’ splużjonijiet mhux ippjanati fil-faċilitajiet ta’ ħżin. L-immarkar, iż-żamma ta’ rekords, u t-traċċar tal-armi tan-nar huma inkonsistenti fir-reġjun, li jwassal biex jitwaqqfu investigazzjonijiet kriminali li jistgħu jittraċċaw l-oriġini tal-armi tan-nar, isibu konnessjoni ma’ diversi postijiet tad-delitt, u jikxfu networks ta’ traffikar illeċitu. In-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni domestika li tirrifletti l-obbligi tas-CIFTA u li tagħti mandat lil dawn l-attivitajiet jikkomprometti l-kontinwazzjoni u s-sostenibbiltà ta’ dawn il-prattiki.

    Fuq livell ieħor, il-biċċa l-kbira tar-reġjun għadu qed jiffaċċa sfidi biex jippromwovi l-benesseri tal-komunitajiet tiegħu, milquta minn livelli għoljin ta’ faqar, qgħad, u nuqqas ta’ aċċess għas-servizzi pubbliċi, fost kundizzjonijiet oħra li jpoġġuhom f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà. Il-membri ta’ dawn il-komunitajiet huma aktar probabbli li jkunu vittmi jew awturi ta’ vjolenza bl-armi. Għalhekk, biex jiġu evitati ċikli perpetwi ta’ vjolenza, mhuwiex biżżejjed li tingħata attenzjoni biss fuq politiki ta’ kontroll tal-armi. Jeħtieġ li jiġu indirizzati dawn il-fatturi ta’ riskju u li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-membri tal-komunità. Il-kombinament ta’ politiki repressivi u preventivi huwa fundamentali biex jitnaqqsu l-livelli ta’ vjolenza bl-armi fir-reġjun. Biex iwieġbu għal dawn l-isfidi, fl-2019, l-Istati Membri tal-OSA approvaw l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni Emisferiku għall-Gwida tat-Tfassil ta’ Politiki Pubbliċi għall-Prevenzjoni u t-Tnaqqis tal-Omoċidji Intenzjonali, b’kunsiderazzjoni tal-qafas tal-Programm Inter-Amerikan għall-Prevenzjoni tal-Vjolenza u l-Kriminalità. Il-Pjan ta’ Azzjoni jagħti sensiela ta’ 28 rakkomandazzjoni dwar (1) il-produzzjoni, it-tixrid, u l-użu ta’ informazzjoni u evidenza xjentifika; (2) it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki ta’ prevenzjoni, u (3) il-ġustizzja kriminali.

    Huwa f’dan il-kuntest li, mill-2007, id-Dipartiment tas-Sigurtà Pubblika tal-OSA (DSP tal-OSA) ipprovda appoġġ lill-pajjiżi tal-Kontinent Amerikan biex itejbu l-kapaċità tagħhom li jikkonformaw mal-obbligi (4) u l-mandati tas-CIFTA stabbiliti għall-prevenzjoni tal-vjolenza u l-kriminalità, speċjalment fost il-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli. Wara waqfien ta’ ħames snin, id-DSP tal-OSA reġa’ attiva l-programmi operazzjonali tiegħu fl-2019, b’finanzjament mill-Unjoni Ewropea. Il-proġett “Il-Ġlieda kontra l-Proliferazzjoni u t-Traffikar Illeċiti ta’ Armi Ħfief, ta’ Kalibru Żgħir (SALW) u l-Munizzjon u l-Impatt tagħhom fl-Amerka Latina u l-Karibew”, beda fl-2019 u ntemm fl-2021. Huwa inizjattiva komprensiva għall-kontroll tal-armi implimentata fil-qafas tal-Programm ta’ Assistenza għall-Kontroll ta’ Armi u Munizzjon (PACAM) tad-DSP; u jieħu kont tat-tagħlimiet meħuda minn attivitajiet preċedenti u tibni fuq dawk ir-riżultati ta’ suċċess biex titmexxa ’l quddiem l-implimentazzjoni tas-CIFTA u l-mandati reġjonali għall-prevenzjoni tal-kriminalità. Madankollu, il-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri restrittivi adottati mill-pajjiżi biex jindirizzawha kellhom impatt dirett fuq l-implimentazzjoni tal-proġett, b’mod partikolari dawk l-attivitajiet li jridu jitwettqu fuq il-post, b’taħriġ u superviżjoni diretti tal-uffiċjali (bħall-qerda u l-immarkar tas-SALW). Barra minn hekk, tnaqqset id-disponibbiltà tal-gvernijiet biex jikkollaboraw u jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-proġett, hekk kif l-isforzi ġew iddevjati biex tiġi indirizzata l-kriżi bla preċedent tas-saħħa. B’riżultat ta’ dan, l-ambitu tal-proġett kellu jiġi aġġustat, b’xi impatt fuq ir-riżultati mistennija.

    Meta jitqiesu dawk l-isfidi, flimkien mal-ħtiġijiet dejjem jikbru tal-pajjiżi (li ma kinux mistennija li jiġu indirizzati bis-sħiħ f’inizjattiva ta’ tliet snin), il-Fażi II tal-proġett ser tkompli tipprovdi appoġġ komprensiv lill-pajjiżi, bil-għan li jkun hemm sjieda nazzjonali ta’ dawn il-proċessi. L-esperjenza tad-DSP tal-OSA wriet li huwa meħtieġ appoġġ kontinwu biex jiġu sostnuti l-progress u l-avvanzi f’termini ta’ kontroll tal-armi tan-nar u l-prevenzjoni tal-vjolenza u l-kriminalità bl-armi tan-nar, u, għaldaqstant, din il-fażi l-ġdida ser tieħu kont tal-importanza ta’ strateġiji fit-tul biex tiġi pprovduta bidla sinifikanti u sostenibbli fil-politiki u l-kundizzjonijiet tas-sigurtà.

    2.   Approċċ Tekniku

    Matul il-Fażi II, id-DSP tal-OSA ser ikompli jinvesti f’approċċ olistiku li jgħaqqad lentijiet repressivi u preventivi, ma’ attivitajiet normattivi u operazzjonali, biex jindirizza l-kwistjoni kumplessa tal-vjolenza bl-armi u t-traffikar illeċitu fir-reġjun. Kif intwera f’reġjuni oħra, qafas leġiżlattiv modern, koeżiv u armonizzat, f’konformità mal-qafas normattiv internazzjonali, huwa l-pedament għal politiki effettivi ta’ kontroll tal-armi tan-nar. Il-bidliet leġiżlattivi jridu jkunu akkumpanjati minn titjib fil-kapaċitajiet tal-pajjiżi biex joperazzjonalizzaw u jimplimentaw il-liġi. Għalhekk, billi jaħdem f’dawn iż-żewġ sferi, il-proġett ser ikun jista’ jiġi mmirat lejn il-ħtiġijiet tal-pajjiżi u b’mod simultanju jippromwovi bidliet fit-tul u sostenibbli. Dawn l-attivitajiet biex jissaħħaħ il-kontroll tal-armi tan-nar u biex titnaqqas id-disponibbiltà tal-armi tan-nar ser jiġu kkomplementati minn approċċ preventiv biex titnaqqas id-domanda f’komunitajiet li huma milquta ħafna mill-vjolenza bl-armi, b’enfasi partikolari fuq il-prevenzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru relatata mal-użu ħażin tal-armi tan-nar. L-azzjonijiet għall-promozzjoni ta’ prattiki sikuri fost iċ-ċittadini tal-komunitajiet, kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-konflitti, l-assistenza għall-vittmi u s-superstiti ta’ vjolenza, u l-għoti lura volontarju ta’ SALW u munizzjon ifittxu li jtejbu r-reżiljenza tal-komunità għall-vjolenza bl-armi.

    Skont il-kunċett propost għal dan il-proġett, id-DSP tal-OSA, permezz tal-PACAM, ser jassumi r-rwol ta’ aġenzija ta’ koordinazzjoni u implimentazzjoni permezz ta’ approċċ kollaborattiv ma’ aġenziji oħra f’dan il-qasam u mal-awtoritajiet nazzjonali. Bl-użu tal-fora politiċi u l-mezzi ta’ komunikazzjoni tal-OSA, id-DSP tal-OSA ser jidentifika l-pajjiżi tar-reġjun li jeħtieġu appoġġ u jaħdem magħhom fil-ftehimiet speċifiċi meħtieġa għall-konsolidazzjoni tal-assistenza. Il-proġett ser jadotta appoġġ speċifiku u mfassal apposta għal kull pajjiż, meta jitqies li jista’ ma jkollhomx l-istess ħtiġijiet u lakuni. Mhux kollha ser jiġu appoġġati fil-komponenti kollha tal-proġett. Minflok, id-DSP tal-OSA ser ikompli juża l-approċċ preċedenti ta’ suċċess tal-PACAM: l-immappjar u l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ kull pajjiż, l-involviment tal-awtoritajiet u l-ħolqien ta’ pjan ta’ assistenza, u l-użu tal-missjonijiet. Barra minn hekk, meta jitqiesu t-tagħlimiet meħuda mill-adattament tal-attivitajiet tal-proġett matul il-pandemija, id-DSP tal-OSA ser ifittex li jottimizza r-riżorsi billi juża l-ambjent virtwali u l-għodod teknoloġiċi, meta jkun possibbli.

    Barra minn hekk, meta jitqiesu l-impatti differenti li l-vjolenza bl-armi għandha fuq in-nisa, l-irġiel, il-bniet u s-subien, kif ukoll fuq il-popolazzjonijiet vulnerabbli, il-Fażi II ser tkompli jkollha perspettiva abbażi tal-ġeneru u tad-drittijiet tal-bniedem. Din tinkludi l-inkorporazzjoni tan-nisa fil-livelli kollha tal-implimentazzjoni tal-proġett, u l-inkoraġġiment biex ikun hemm sehem aktar ugwali tal-parteċipazzjoni tan-nisa fl-attivitajiet tal-proġett, bħala benefiċjarji tal-interventi. Barra minn hekk, l-attivitajiet ta’ prevenzjoni tal-vjolenza ser jiffokaw attenzjoni partikolari fuq il-ħtieġa tan-nisa u l-bniet għas-sigurtà u s-sikurezza fil-komunitajiet tagħhom u għall-parteċipazzjoni tagħhom fit-tiftix ta’ soluzzjonijiet għal dawn l-isfidi, kif ukoll l-inkorporazzjoni ta’ komponenti li jiffokaw esklużivament fuq l-indirizzar tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru.

    3.   Għan Ġenerali

    It-tisħiħ tal-kapaċità tal-Istati Membri tal-OSA biex tiġi indirizzata l-vjolenza bl-armi fir-reġjun billi jiġu appoġġati miżuri għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni u t-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar u l-munizzjon, u l-prevenzjoni tal-involviment tal-armi tan-nar f’komunitajiet milquta ħafna.

    4.   Deskrizzjoni tal-Istrateġiji ta’ Intervent tal-Proġetti

    Objettiv 1: It-Tisħiħ tal-Qafas Regolatorju Nazzjonali dwar l-Armi tan-Nar, filwaqt li jitqiesu prattiki internazzjonali normattivi u tajbin

    Attivitajiet

    L-identifikazzjoni ta’ pajjiżi li għandhom jiġu assistiti bħala kwistjoni ta’ prijorità fir-rieżami leġiżlattiv, abbażi ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet u b’kont meħud tal-pajjiżi fil-mira tal-komponenti operazzjonali tal-proġett;

    Assistenza teknika lill-pajjiżi biex jirrieżaminaw il-leġiżlazzjoni u l-qafas normattiv filwaqt li jitqiesu l-istandards internazzjonali u l-armonizzazzjoni interna tal-mandati, kif ukoll l-integrazzjoni ta’ perspettiva abbażi tal-ġeneru;

    L-iżvilupp ta’ standards reġjonali dwar is-Sigurtà Fiżika u l-Ġestjoni tal-Ħażniet, u dwar il-Qerda tas-SALW u l-Munizzjon;

    L-iżvilupp ta’ rakkomandazzjonijiet reġjonali għall-prevenzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru relatata mal-użu ħażin tal-armi tan-nar;

    L-iżvilupp ta’ bażi ta’ data elettronika biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-istandards tal-armi tan-nar u linji gwida rilevanti oħra (eż. CIFTA, leġiżlazzjoni mudell, MOSAIC, u IATG) biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal u l-użu tal-istandards għall-oqsma differenti rigward il-kontroll tal-armi tan-nar billi jkun hemm magna tat-tiftix u billi l-istandards jiġu kkategorizzati b’tikketti li jippermettu lill-utenti jsibu malajr ir-regoli relatati kollha għal qasam ta’ interess.

    Outputs

    Assistenza leġiżlattiva pprovduta biex jitjieb il-qafas normattiv nazzjonali dwar l-armi tan-nar, filwaqt li jitqiesu l-istandards internazzjonali u l-perspettiva abbażi tal-ġeneru, lil mill-inqas sitt pajjiżi tar-reġjun;

    Standards Reġjonali għas-Sigurtà Fiżika u l-Ġestjoni tal-Ħażniet (PSSM) żviluppati u mxerrda lill-Istati Membri kollha tal-OSA;

    Standards Reġjonali għall-Qerda tas-SALW u l-Munizzjon żviluppati u mxerrda lill-Istati Membri kollha tal-OSA;

    Rakkomandazzjonijiet reġjonali għall-prevenzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru relatata mal-użu ħażin tal-armi tan-nar żviluppati u mxerrda lill-Istati Membri kollha tal-OSA;

    Bażi ta’ data elettronika tal-istandards u l-linji gwida tas-SALW maħluqa u magħmula disponibbli biex tintuża mill-pajjiżi.

    Objettiv 2: It-titjib tal-kapaċità operazzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali biex jimmarkaw, jittraċċaw, jaħżnu u jeqirdu l-armi tan-nar

    Attivitajiet

    L-iżvilupp u l-għoti ta’ taħriġ speċjalizzat għall-persunal nazzjonali fil-PSSM, l-immarkar u ż-żamma ta’ rekords, u l-qerda tas-SALW u l-munizzjon. Ser ikun hemm workshops reġjonali ta’ taħriġ, fejn il-persunal ser ikun jista’ jikkondividi wkoll prattiki tajbin u jtejjeb il-kollaborazzjoni, u korsijiet nazzjonali mmirati lejn il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull pajjiż;

    Taħriġ avvanzat fit-tneħħija ta’ mezzi esplożivi għal tekniċi minn pajjiżi fi sħubija mal-Ministeru għad-Difiża ta’ Spanja;

    Assistenza teknika u riżorsi biex jiġu implimentati pjanijiet nazzjonali biex jinqerdu l-armi, u l-munizzjon obsolet, maqbud jew żejjed;

    Assistenza teknika u appoġġ biex jiġu mmarkati l-armi tan-nar, u jinżammu rekords, inkluż il-forniment ta’ tagħmir meħtieġ;

    It-tfassil ta’ pjanijiet ta’ sostenibbiltà ma’ pajjiżi li jirċievu appoġġ permezz tal-proġett.

    Outputs

    Proċessi ta’ qerda tal-armi tan-nar u l-munizzjon imwettqa f’mill-inqas 10 pajjiżi, bil-qerda ta’ mill-inqas 150 tunnellata ta’ munizzjon, u 35 000 SALW maqbuda, obsoleti, mhux sikuri u/jew żejda;

    Mill-inqas 200 persunal nazzjonali mħarrġa fil-qerda tas-SALW u l-munizzjon;

    Assistenza teknika dwar l-immarkar u ż-żamma ta’ rekords tal-armi tan-nar ipprovduta lil mill-inqas 12-il pajjiż;

    Mill-inqas 150 persunal nazzjonali mħarrġa fl-immarkar u ż-żamma ta’ rekords;

    Sistemi Nazzjonali ta’ Reġistrazzjoni tal-Armi tan-Nar aġġornati ta’ mill-inqas tliet pajjiżi;

    Is-sigurtà tal-ħażniet istituzzjonali mtejba f’mill-inqas 10 pajjiżi;

    Żewġ Seminars Reġjonali dwar Prattiki Tajbin ta’ Sigurtà Fiżika u Ġestjoni tal-Ħażniet implimentati, biċ-ċertifikazzjoni ta’ mill-inqas 80 uffiċjal minn mill-inqas 15-il pajjiż;

    Mill-inqas 45 persunal minn 10 pajjiżi ċċertifikati bħala tekniċi tat-tneħħija ta’ mezzi esplożivi għal-livell 3 tal-EOD;

    Għodod u linji gwida għall-elaborazzjoni ta’ Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali maħluqa u disponibbli għall-pajjiżi assistiti mill-proġett;

    Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali abbozzati u vvalidati mill-awtoritajiet nazzjonali għal mill-inqas 20 % tal-pajjiżi li jirċievu assistenza.

    Objettiv 3: L-ottimizzazzjoni tal-kontroll tal-armi ta’ kalibru żgħir permezz tal-użu ta’ għodod tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni

    Attivitajiet

    Il-programmazzjoni tas-Sistema Elettronika għall-Mekkaniżmu ta’ Komunikazzjoni Reġjonali dwar it-Trasferimenti Leċiti ta’ Armi tan-Nar u Munizzjon (MCTA), mekkaniżmu reġjonali għan-notifika u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar it-trasferiment leċitu ta’ armi tan-nar, li l-qafas u r-rekwiżiti tekniċi tiegħu ġew żviluppati matul il-Fażi I. Dan jirrifletti l-esperjenza pożittiva tal-Unjoni Ewropea u ser jippermetti lill-pajjiżi jidentifikaw u jikkomunikaw malajr dwar il-vulnerabbiltajiet u r-riskji ta’ devjazzjoni fil-kummerċ legali internazzjonali tal-armi tan-nar. Meta jitqies li kważi 50 % tal-pajjiżi fir-reġjun m’għandhomx sistema elettronika ta’ liċenzjar nazzjonali, ser tiġi esplorata l-possibbiltà li s-sistema tiġi pprogrammata b’mod li jippermetti lill-pajjiżi jużawha bħala s-sistemi domestiċi tagħhom;

    Il-varar tas-Sistema Elettronika tal-MCTA bħala fażi pilota, bit-taħriġ tal-awtoritajiet nazzjonali u l-inkorporazzjoni tal-korrezzjonijiet meħtieġa;

    Aġġornament tal-komunità virtwali għall-iskambju ta’ informazzjoni, żviluppata matul il-Fażi I, biex issir Pjattaforma Emisferika ta’ Għarfien dwar l-Armi tan-Nar, b’funzjonalitajiet bħal (i) sottomissjoni awtomatika u traċċar ta’ data dwar is-sistema ta’ kontroll tal-armi tan-nar u l-istatus tal-implimentazzjoni tas-CIFTA; (ii) repożitorju tal-awtoritajiet nazzjonali; (iii) dashboard biex jiġu viżwalizzati l-istatus u l-komprensività tas-sistema ta’ kontroll tal-armi tan-nar;

    Aġġornament u espansjoni tas-Software ta’ Kontroll ta’ Inventarji ta’ SALW u Munizzjon għall-pajjiżi fir-reġjun li jistgħu jibbenefikaw minn din is-soluzzjoni tal-IT żviluppata matul il-Fażi I.

    Outputs

    Sistema Elettronika għall-Mekkaniżmu ta’ Komunikazzjoni Reġjonali dwar it-Trasferimenti Leċiti ta’ Armi tan-Nar u Munizzjon (MCTA) ipprogrammata u implimentata, bħala pilota, f’ħames pajjiżi;

    Software ta’ Kontroll ta’ Inventarji ta’ SALW u Munizzjon imtejjeb, abbażi tal-feedback tal-utenti, u implimentat f’mill-inqas erba’ pajjiżi oħra;

    Pjattaforma Emisferika ta’ Għarfien dwar l-Armi tan-Nar żviluppata, bir-reġistrazzjoni ta’ punti ta’ kuntatt ta’ mill-inqas 15-il pajjiż;

    Il-laqgħat tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali jsiru darbtejn fis-sena biex jiġu stabbiliti d-djalogu u l-kooperazzjoni.

    Objettiv 4: It-tisħiħ tar-reżiljenza tal-komunità għall-vjolenza bl-armi tan-nar u t-tnaqqis tal-aċċess għal armi tan-nar illeċiti u/jew mhux mixtieqa

    Attivitajiet

    L-espansjoni tal-metodoloġija tal-programm OASIS għal mill-inqas komunità oħra milquta ħafna mill-vjolenza bl-armi tan-nar. L-OASIS ifittex li jippromwovi mġiba soċjalment responsabbli f’komunitajiet milquta b’mod sever mill-vjolenza bl-armi tan-nar; dan jinkludi valutazzjoni inizjali tal-komunità, u l-mekkaniżmi disponibbli għall-prevenzjoni tal-vjolenza u għall-assistenza lill-vittmi. Il-programm joffri attivitajiet ekstrakurrikulari ta’ kuljum liż-żgħażagħ f’riskju, u taħriġ lil diversi partijiet ikkonċernati lokali fil-komunitajiet dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza u l-assistenza lill-vittmi;

    Il-ħolqien ta’ ċentru ta’ referenza bbażat fil-komunità għall-assistenza lill-vittmi, il-familji u x-xhieda ta’ vjolenza u kriminalità mwettqa bl-użu ta’ armi tan-nar biex jiġu interrotti ċ-ċikli ta’ vjolenza;

    L-iżvilupp ta’ programm reġjonali ta’ taħriġ edukattiv għall-prevenzjoni u l-indirizzar tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru;

    L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ mill-inqas żewġ kampanji komunitarji ta’ ġbir ta’ armi, inkluż strateġiji edukattivi għas-sensibilizzazzjoni tal-popolazzjoni u l-inkoraġġiment tal-għoti lura volontarju tal-armi. Il-kampanji ser jenfasizzaw ir-rabta bejn il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-użu ħażin tal-armi tan-nar, peress li l-biċċa l-kbira tal-vittmi ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru ġew intimidati jew maqtula bihom (5);

    Appoġġ lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali fil-ġbir, il-ħżin, it-trasport, u l-qerda tas-SALW u l-munizzjon miġbura. Dan ser isir f’koordinazzjoni mal-attivitajiet imwettqa taħt l-Objettiv 2 tal-proġett biex jiġu ottimizzati r-riżorsi.

    Outputs

    Kapaċitajiet imtejba ta’ mill-inqas żewġ komunitajiet hotspot biex jappoġġaw liż-żgħażagħ f’riskju, jassistu lill-vittmi u lis-superstiti, u jipprevjenu l-vjolenza bl-armi tan-nar;

    Il-ħiliet għall-ħajja ta’ mill-inqas 160 student minn żewġ komunitajiet hotspot imtejba permezz ta’ taħriġ u t-twettiq ta’ kuljum ta’ attivitajiet wara l-ħin tal-iskola;

    Mill-inqas 150 persuna li jfasslu l-politika, uffiċjali tal-gvern, fornituri tas-servizzi, mexxejja tal-komunità, għalliema, ġenituri, u membri tas-soċjetà ċivili mħarrġa fil-prevenzjoni u l-interruzzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-assistenza lill-vittmi;

    Ċentru ta’ referenza wieħed għas-superstiti tal-vjolenza, il-familji u x-xhieda maħluq u operazzjonali;

    Mill-inqas żewġ kampanji komunitarji ta’ ġbir ta’ armi żviluppati u implimentati.

    Objettiv 5: L-iżvilupp ta’ Pjan Direzzjonali tal-Amerka Ċentrali għall-Armi tan-Nar biex il-pajjiżi jiġu mgħammra b’għodda prattika u ta’ ġestjoni permezz ta’ approċċ reġjonali, ikkoordinat u bbażat fuq l-evidenza

    Attivitajiet

    L-elaborazzjoni ta’ metodoloġija għall-iżvilupp tal-Pjan Direzzjonali tal-Amerka Ċentrali, f’konsultazzjoni ma’ esperti fil-qasam u mal-validazzjoni tal-pajjiżi;

    L-iżvilupp ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet, f’konsultazzjoni mal-gvernijiet tal-Amerka Ċentrali;

    L-iżvilupp ta’ abbozz ta’ Pjan Direzzjonali tal-Amerka Ċentrali għall-Armi tan-Nar, b’kont meħud tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet, l-oqfsa legali internazzjonali u l-prattiki tajbin;

    Validazzjoni tal-abbozz tal-Pjan Direzzjonali permezz ta’ ċiklu ta’ konsultazzjonijiet mal-pajjiżi u l-partijiet ikkonċernati; u

    Komunikazzjoni esterna u sensibilizzazzjoni biex jiġu mobilizzati s-sħab biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali tal-Amerka Ċentrali għall-Armi tan-Nar.

    Outputs

    Metodoloġija għall-iżvilupp ta’ pjan direzzjonali elaborat u vvalidat mal-partijiet ikkonċernati;

    Valutazzjoni tal-ħtiġijiet żviluppata biex jiġu ddeterminati t-theddid, il-lakuni, il-vulnerabbiltajiet u l-prijoritajiet prinċipali tal-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali;

    Żewġ workshops implimentati biex jiġbru kontributi u feedback għall-abbozz tal-Pjan Direzzjonali tal-Amerka Ċentrali għall-Armi tan-Nar, bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali u l-organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam;

    Pjan Direzzjonali tal-Amerka Ċentrali żviluppat u ppreżentat lill-pajjiżi tar-reġjun;

    Kampanja ta’ komunikazzjoni żviluppata biex jinxtered il-Pjan Direzzjonali tal-Amerka Ċentrali għall-Armi tan-Nar, tinkiseb l-approvazzjoni politika tiegħu, u jinġabar l-appoġġ tas-sħab għall-implimentazzjoni tiegħu.

    5.   Tul ta’ żmien

    It-tul ta’ żmien totali tal-Fażi II reġjonali komprensiva hu stmat li jkun ta’ 36 xahar.

    6.   Entità tal-implimentazzjoni teknika

    L-implimentazzjoni teknika ta’ dan il-programm hija fdata lid-Dipartiment tas-Sigurtà Pubblika tas-Segretarjat Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (DSP tal-OSA). Id-DSP tal-OSA għandu pożizzjoni vantaġġuża biex jappoġġa lill-pajjiżi tal-Kontinent Amerikan meta jitqies ir-rwol doppju tiegħu bħala Kosegretarjat Tekniku tas-CIFTA, u bħala l-korp tekniku u operazzjonali tal-OSA f’dan il-qasam. F’dan ir-rwol, id-DSP tal-OSA implimenta proġetti u programmi biex jappoġġa lill-Istati Membri tal-OSA fl-issodisfar tal-obbligi tagħhom li jiżguraw is-sigurtà ta’ ħażniet nazzjonali tal-armi tan-nar, li jimplimentaw miżuri leġiżlattivi li jistabbilixxu l-iffabbrikar illeċitu u t-traffikar tal-armi tan-nar bħala reati kriminali skont il-liġi domestika, li jeħtieġu l-immarkar tal-armi tan-nar, u li jiskambjaw informazzjoni ma’ firmatarji oħra tas-CIFTA fir-rigward tal-informazzjoni dwar it-traċċar u x-xejriet ta’ traffikar illeċitu. L-ebda organizzazzjoni reġjonali jew subreġjonali oħra li tkopri l-Kontinent Amerikan kollu ma għandha l-influwenza politika, l-għarfien espert tekniku jew il-firxa ġeografika biex tkun tista’ tappoġġa u tassisti lill-istati Amerikani kollha.

    Matul il-Fażi II, id-DSP tal-OSA ser ikompli wkoll jikkoordina u jikkollabora ma’ istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet oħra matul l-eżekuzzjoni tal-proġett. Id-DSP tal-OSA involva għadd minnhom fil-Fażi I u jistenna li jkompli jikkollabora dwar kwistjonijiet speċifiċi biex jippromwovi l-inizjattiva fir-reġjun, inkluż iċ-Ċentru Reġjonali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Paċi, id-Diżarm u l-Iżvilupp fl-Amerka Latina u l-Karibew (UNLIREC), l-Aġenzija ta’ Implimentazzjoni tal-Komunità tal-Karibew għall-Kriminalità u s-Sigurtà (CARICOM IMPACS), il-Bord ta’ Difiża Inter-Amerikan, it-Tim Konsultattiv għall-Ġestjoni tal-Munizzjon taċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Ġinevra għat-Tneħħija ta’ Mini għal Skopijiet Umanitarji (AMAT-GICHD), il-Fondazzjoni Umanitarja Golden West, l-INTERPOL, id-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti u ċ-Ċentru għat-Taħriġ fit-Tneħħija ta’ Mini għal Skopijiet Umanitarji tad-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti. Id-DSP jiffoka fuq l-istabbiliment ta’ relazzjoni mill-qrib ma’ dawn l-entitajiet l-oħra kollha li jaħdmu wkoll fil-qasam biex jiġu massimizzati l-benefiċċji tal-azzjoni bl-użu tal-għarfien espert komplementari tal-organizzazzjonijiet. B’mod partikolari, matul il-Fażi II, id-DSP tal-OSA ser jimmira li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet subreġjonali, bħal CARICOM-IMPACS u SICA (Sistema ta’ Integrazzjoni tal-Amerka Ċentrali), biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali tal-Karibew għall-Armi tan-Nar, u jiġi kkoordinat l-iżvilupp tal-Pjan Direzzjonali tal-Amerka Ċentrali għall-Armi tan-Nar.

    7.   Rilevanza

    A.   “Aktar Sigurtà fuq l-Armi Biex Nipproteġu liċ-Ċittadini”: Strateġija tal-UE kontra l-Armi tan-Nar, Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir Illeċiti u l-Munizzjon Tagħhom, adottata mill-Kunsill fid-19 ta’ Novembru 2018

    L-objettivi, l-attivitajiet, u l-eżiti mistennija ta’ dan il-proġett huma allinjati mal-għanijiet u l-approċċ tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea "Aktar Sigurtà fuq l-Armi Biex Nipproteġu liċ-Ċittadini". F’dan ir-rigward, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda li jiffinanzja l-Fażi I ta’ din l-inizjattiva sabiex irawwem il-multilateraliżmu u s-sinerġiji bejn l-Unjoni Ewropea u l-OSA biex jitnaqqsu l-vjolenza bl-armi u l-attività kriminali, u qies bir-reqqa l-prijoritajiet stabbiliti fl-istrateġija. Il-Fażi II, bħala kontinwazzjoni ta’ dawk l-isforzi, iżżomm din il-paradigma u dan l-approċċ, u tikkomplementa l-ħidma globali tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam billi żżomm fil-mira tagħha reġjun milqut serjament mill-proliferazzjoni, l-akkumulazzjoni eċċessiva u t-traffikar tas-SALW.

    B’mod speċifiku, il-Fażi II tirrifletti l-prijoritajiet li ġejjin tal-Istrateġija:

    2.1.

    It-Tisħiħ tal-Qafas Normattiv: L-attivitajiet tal-Objettiv 1 tal-Azzjoni jfittxu li jiżguraw li l-pajjiżi jarmonizzaw il-leġiżlazzjoni tagħhom mal-istandards internazzjonali, u jkollhom għodod disponibbli biex itejbu l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet;

    2.2.2

    Kontrolli fuq l-esportazzjoni ta’ armi tan-nar u l-munizzjon tagħhom: L-iżvilupp tal-għodda elettronika tal-MCTA, fl-Objettiv 3, jindirizza l-importanza tal-kontroll tal-kummerċ legali biex jiġu evitati devjazzjonijiet lejn is-suq illeċitu;

    2.2.3

    Ġestjoni sigura tal-ħażna tas-SALW u l-munizzjon: L-Objettiv 2 għandu sensiela ta’ attivitajiet li jiffokaw fuq il-PSSM, inkluż it-taħriġ ta’ uffiċjali u l-assistenza teknika u materjali għat-titjib ta’ prattiki u faċilitajiet, skont l-istandards internazzjonali tal-MOSAICS u l-IATGs;

    2.2.4

    Rimi responsabbli ta’ SALW u l-munizzjon tagħhom: L-Objettiv 2 jinkludi taħriġ, assistenza materjali, superviżjoni u ċertifikazzjoni tal-proċessi ta’ qerda tal-armi tan-nar u l-munizzjon lill-pajjiżi li jeħtieġu dan;

    2.2.5

    Kwistjonijiet trasversali: L-Objettiv 3 jinkludi sensiela ta’ soluzzjonijiet u għodod tal-IT biex jitrawmu l-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni madwar il-pajjiżi tar-reġjun.

    Sabiex jiġi massimizzat l-impatt ta’ dawk l-attivitajiet, id-DSP tal-OSA ser jappoġġa attivitajiet komplementari inkluż it-tnaqqis tad-domanda għall-armi tan-nar billi jimplimenta azzjonijiet ta’ prevenzjoni u programmi ta’ ġbir, u l-iżvilupp ta’ Pjan Direzzjonali tal-Amerka Ċentrali, bħala għodda konkreta għall-koordinazzjoni u t-titjib tal-isforzi f’dan ir-reġjun.

    B.   Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE 2011/428/PESK tat-18 ta’ Lulju 2011 b’appoġġ għall-attivitajiet tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta’ Diżarm biex jiġi implimentat il-Programm ta’ Azzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu f’Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (6)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tippromwovi tliet objettivi prinċipali: (1) l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu f’Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu fil-livell globali kif ukoll reġjonali, (2) appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Istrument Internazzjonali dwar it-Traċċar (ITI), u (3) appoġġ għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ linji gwida tekniċi tan-NU għall-ġestjoni ta’ ħażniet ta’ munizzjon.

    Kull wieħed minn dawn l-objettivi huwa konsistenti mal-għanijiet ġenerali tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Konvenzjoni Inter-Amerikana kontra l-Iffabbrikar Illeċitu u t-Traffikar tal-Armi tan-Nar, il-Munizzjon, l-Isplussivi u Materjal Ieħor Relatat (CIFTA) u l-Korsijiet ta’ Azzjoni tagħha. Is-CIFTA tagħti diversi rakkomandazzjonijiet obbligatorji lill-Istati Partijiet, inkluż l-istabbiliment tal-ġuriżdizzjoni fuq reati kriminali; l-immarkar obbligatorju tal-armi tan-nar; iż-żamma ta’ rekords għat-traċċar; it-titjib tal-kontrolli ta’ trasferiment; u l-kooperazzjoni tranżnazzjonali. Il-Kors ta’ Azzjoni 2018-2022 tas-CIFTA jsaħħaħ l-għanijiet tal-Istati Partijiet għas-CIFTA f’dawn l-oqsma f’konformità mal-Programm ta’ Azzjoni tan-NU u l-Protokoll kontra l-Iffabbrikar Illeċitu u t-Traffikar tal-Armi tan-Nar, il-Partijiet u l-Komponenti u l-Munizzjon tagħhom, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali.

    Id-DSP tal-OSA jkompli jimplimenta programmi operazzjonali biex jappoġġa lill-pajjiżi fil-bini tal-kapaċitajiet tagħhom biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont is-CIFTA. Il-Fażi II tfasslet biex tkompli din l-assistenza b’kunsiderazzjoni tal-prijoritajiet stabbiliti mill-Istati Partijiet għas-CIFTA fil-Kors ta’ Azzjoni 2018-2022, b’mod partikolari dawn li ġejjin: 1. L-Immarkar u t-Traċċar tal-Armi tan-Nar; 2. L-Importazzjoni u l-Esportazzjoni; 3. Il-Miżuri Leġiżlattivi; u 4. Il-Ġestjoni u l-Qerda tal-Ħażniet.

    8.   Rappurtar

    Id-DSP tal-OSA ser iħejji rapporti regolari, f’konformità mal-Ftehim ta’ Delega nnegozjat.

    9.   Spiża totali

    L-istima totali tal-finanzjament mitlub mill-UE għall-implimentazzjoni tal-Fażi II huwa ta’ EUR madwar EUR 4,2 miljun. Is-Segretarjat Ġenerali tal-OSA ser jipprovdi kontribuzzjonijiet in natura għall-eżekuzzjoni tal-programm u ser ifittex appoġġ in natura ieħor (bħal dak ipprovdut mill-Gvern Spanjol fil-Fażi I).


    (1)  UNODC, Global Study on Homicide (Studju Globali dwar l-Omoċidji). 2019. https://www.unodc.org/unodc/en/data-and-analysis/global-study-on-homicide.html

    (2)  Ibid.

    (3)  Skont il-Global Study of Firearms Trafficking (Studju Globali dwar it-Traffikar tal-Armi tan-Nar), l-Amerka Ċentrali u l-Amerka t’Isfel, flimkien mal-Asja tal-Punent, jammontaw għal 80 % tad-destinazzjonijiet tat-traffikar tal-armi tan-nar (UNODC, 2020).

    (4)  Mill-2007 sal-2015, id-DSP tal-OSA implimenta inizjattivi tal-Programm ta’ Assistenza għall-Kontroll ta’ Armi u Munizzjon fir-reġjun (PACAM). Ibbenefikaw il-25 Stat Membru tal-OSA, u dan irriżulta fl-immarkar ta’ aktar minn 290 000 arma tan-nar u l-qerda ta’ 60 000 arma oħra u ta’ aktar minn 1 700 tunnellata ta’ munizzjon fir-reġjun kollu.

    (5)  https://unoda-web.s3.amazonaws.com/wp-content/uploads/2019/07/MOSAIC-06.10-2017EV1.0.pdf

    (6)  ĠU L 188, 19.7.2011, p. 37.


    Top