Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0764

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/764 tat-13 ta’ April 2022 dwar il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq mill-Kroazja skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju (notifikata bid-dokument C(2022) 2284) (It-test bil-Kroat biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/2284

    ĠU L 139, 18.5.2022, p. 72–80 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/764/oj

    18.5.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 139/72


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/764

    tat-13 ta’ April 2022

    dwar il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq mill-Kroazja skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju

    (notifikata bid-dokument C(2022) 2284)

    (It-test bil-Kroat biss huwa awtentiku)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (1), u b’mod partikolari il-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew (2), u b’mod partikolari l-Artikolu (14)(2) tiegħu,

    Billi:

    KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

    (1)

    Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 għandha titwaqqaf skema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u għall-funzjonijiet tan-network. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-Istati Membri għandhom ifasslu, fil-livell nazzjonali jew fil-livell ta’ blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali (“FABs”), miri vinkolanti ta’ prestazzjoni għal kull perjodu referenzjarju tal-iskema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-network. Dawk il-miri tal-prestazzjoni jridu jkunu konsistenti mal-miri għall-Unjoni kollha adottati mill-Kummissjoni għall-perjodu referenzjarju kkonċernat. Il-Kummissjoni hija responsabbli biex tivvaluta jekk il-miri tal-prestazzjoni proposti li jinsabu fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni mfassla mill-Istati Membri humiex konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha, billi tuża l-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

    (2)

    Mill-ewwel trimestru tas-sena kalendarja 2020, it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 ħalliet impatt sinifikanti fuq is-settur tat-trasport bl-ajru u meta mqabbla mal-livelli ta’ qabel il-pandemija, naqqset b’mod konsiderevoli l-volumi tat-traffiku tal-ajru minħabba l-miżuri meħuda mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi biex tiġi kkontrollata l-pandemija.

    (3)

    Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju (“RP3”) ġew oriġinarjament stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/903 (3). Minħabba li dawk il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha u l-abbozz tal-pjanijiet tal-prestazzjoni fl-RP3 sussegwentement imressqin mill-Istati Membri tfasslu qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, dawn ma setgħux iqisu ċ-ċirkostanzi li rriżultaw u nbidlu b’mod sinifikanti għat-trasport bl-ajru.

    (4)

    Bi tweġiba għall-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-provvista tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, ġew stabbiliti miżuri eċċezzjonali għall-RP3, li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1627 (4). Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1627, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891 (5) li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għall-RP3 fit-2 ta’ Ġunju 2021.

    (5)

    Il-Kummissjoni tinnota li t-tbassir tat-traffiku bażi tas-Servizz tal-Istatistika u tat-Tbassir tal-Eurocontrol (“STATFOR”) ta’ Ottubru 2021 jipprevedi li t-traffiku tal-ajru fil-livell tal-Unjoni kollha se jilħaq il-livelli ta’ qabel il-pandemija tiegħu matul l-2023 u se jaqbeż dawk il-livelli fl-2024. Madankollu, il-livell ta’ inċertezza rigward l-iżvilupp tat-traffiku għadu partikolarment għoli minħabba r-riskji relatati mal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika tal-COVID-19. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-irkupru tat-traffiku mhuwiex mistenni li jkun uniformi fl-Istati Membri kollha.

    (6)

    L-Istati Membri kollha żviluppaw u adottaw abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni li fihom miri tal-prestazzjoni lokali riveduti għall-RP3, li tressqu mill-Kummissjoni għall-valutazzjoni sal-1 ta’ Ottubru 2021. Wara l-verifika tal-kompletezza ta’ dawk l-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri jressqu l-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni aġġornati sas-17 ta’ Novembru 2021. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ppreżentata f’din id-Deċiżjoni hija msejsa fuq l-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni aġġornat imressaq mill-Kroazja.

    (7)

    Il-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, li jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-iskema tal-prestazzjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, ressaq rapport lill-Kummissjoni li jinkludi l-parir tiegħu dwar il-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni tal-RP3.

    (8)

    F’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni lokali proposti mill-Kroazja abbażi tal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, u qieset iċ-ċirkostanzi lokali. Fir-rigward ta’ kull qasam ewlieni tal-prestazzjoni u tal-miri tal-prestazzjoni relatati, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni billi rrieżaminat l-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni fir-rigward tal-elementi stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

    (9)

    Peress li l-Kroazja ma għandha l-ebda ajruport li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 fir-rigward tal-RP3, ma hemm l-ebda mira tal-prestazzjoni lokali għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal bħala parti mill-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-RP3 tagħha. Għalhekk, is-sejbiet li jinsabu f’din id-Deċiżjoni huma relatati biss mas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route.

    VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza

    (10)

    Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza, il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri mressqin mill-Kroazja rigward l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru abbażi tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.1 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Dik il-valutazzjoni saret filwaqt li tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali u ġiet ikkomplementata mir-rieżami tal-miżuri ppjanati biex jintlaħqu l-miri tas-sikurezza fir-rigward tal-elementi stabbiliti fil-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

    (11)

    L-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza proposti mill-Kroazja fir-rigward tal-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, imqassma skont l-objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza u espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, huma kif ġej:

    Il-Kroazja

    Miri dwar l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, li jvarjaw mil-livell A sa D tal-EASA

    Fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernat

    Objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza

    2021

    2022

    2023

    2024

    Croatia Control

    Politika u objettivi tas-sikurezza

    B

    B

    B

    C

    Ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza

    C

    C

    C

    D

    Assigurazzjoni tas-sikurezza

    C

    C

    C

    C

    Promozzjoni tas-sikurezza

    C

    C

    C

    C

    Kultura tas-sikurezza

    C

    C

    C

    C

    (12)

    Fir-rigward tal-abbozzi tal-miri tas-sikurezza proposti mill-Kroazja għall-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (BULATSA), il-Kummissjoni sabet li l-livell tal-mira tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha huwa ppjanat li jintlaħaq fl-2024 fir-rigward tal-“politika u l-objettivi tas-sikurezza” kif ukoll għall-“ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza”, filwaqt li għall-“objettivi tal-ġestjoni għas-sikurezza” l-oħrajn, il-miri tal-prestazzjoni lokali jilħqu l-livell tal-mira tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għal kull sena kalendarja mill-2021 sal-2024.

    (13)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq mill-Kroazja jistabbilixxi miżuri għall-Croatia Control biex jintlaħqu l-miri tas-sikurezza lokali, bħall-implimentazzjoni ta’ sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza effiċjenti li kapaċi tidentifika u timmitiga riskju tas-sikurezza sa minn stadju bikri, l-applikazzjoni tal-klassifikazzjoni tas-severità tal-għodda għall-analiżi tar-riskji (RAT), ir-rapportar ta’ “kultura ġusta” u għodod ta’ sikurezza speċifiċi oħrajn. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li jiġu deskritti miżuri speċifiċi sabiex juru kif il-Croatia Control se tilħaq il-miri tas-sikurezza fil-qasam tal-“politika u l-objettivi tas-sikurezza”.

    (14)

    Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi (12) u (13), u meta jitqies li l-miri tal-prestazzjoni tas-sikurezza mal-Unjoni kollha stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891 iridu jintlaħqu sal-aħħar sena tal-RP3, jiġifieri l-2024, jenħtieġ li l-abbozzi tal-miri inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Kroazja jiġu vvalutati bħala konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza.

    Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent

    (15)

    Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent, ġiet ivvalutata l-konsistenza tal-miri mressqin mill-Kroazja rigward l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali abbażi tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.2 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Għaldaqstant, il-miri proposti li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Kroazja tqabblu mal-valuri referenzjarji rilevanti tal-effiċjenza tat-titjir orizzontali en route stabbiliti fil-Pjan ta’ Titjib tan-Network Ewropew tar-Rotot (“ERNIP”) disponibbli fiż-żmien tal-adozzjoni tal-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għall-RP3, jiġifieri fit-2 ta’ Ġunju 2021. Dik il-valutazzjoni saret filwaqt li tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali u ġiet ikkomplementata mir-rieżami tal-miżuri ppjanati biex jintlaħqu l-miri tal-ambjent skont il-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

    (16)

    Fir-rigward tas-sena kalendarja 2020, il-mira tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-RP3 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent, li inizjalment ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903, ma ġietx riveduta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891, meta wieħed iqis li l-perjodu għall-applikazzjoni ta’ dik il-mira kien skada u li għalhekk l-implimentazzjoni tagħha kienet saret definittiva u ma ħalliet l-ebda possibbiltà għal aġġustamenti retroattivi. Għaldaqstant, fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni mressqin sal-1 ta’ Ottubru 2021, l-Istati Membri ma ntalbux jirrevedu l-miri tal-prestazzjoni lokali tagħhom għas-sena kalendarja 2020 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent. Għalhekk, jenħtieġ li l-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni ambjentali lokali mal-miri tal-prestazzjoni korrispondenti mal-Unjoni kollha tiġi vvalutata fir-rigward tas-snin kalendarji 2021, 2022, 2023 u 2024.

    (17)

    L-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent proposti mill-Kroazja u l-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti għall-RP3 mill-ERNIP, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali, huma kif ġej:

     

    2021

    2022

    2023

    2024

    Abbozzi tal-miri tal-ambjent en route tal-Kroazja, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

    1,46  %

    1,46  %

    1,46  %

    1,46  %

    Valuri referenzjarji għall-Kroazja

    1,46  %

    1,46  %

    1,46  %

    1,46  %

    (18)

    Il-Kummissjoni tosserva li l-abbozzi tal-miri tal-ambjent proposti mill-Kroazja huma ugwali għall-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti għal kull sena kalendarja mill-2021 sal-2024.

    (19)

    Fir-rigward tal-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tinnota li fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, il-Kroazja ppreżentat miżuri biex jintlaħqu l-miri tal-ambjent lokali li jinkludu aktar kollaborazzjoni transfruntiera mal-Bożnija-Ħerzegovina fi ħdan l-Ispazju tal-Ajru b’Rotot Liberi tal-Inizjattiva Ajru Komuni tax-Xlokk (South East Common Sky Initiave Free Route Airspace, SECSI FRA), l-introduzzjoni tan-navigazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni kif ukoll miżuri biex jittejjeb aktar l-użu flessibbli tal-ispazju tal-ajru. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li sa mill-2018, il-Kroazja diġà implimentat l-ispazju tal-ajru b’rotot liberi mil-livell 205 ta’ titjir fir-Reġjun ta’ Informazzjoni dwar it-Titjir ta’ Zagreb.

    (20)

    Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi (18) u (19), jenħtieġ li l-abbozzi tal-miri inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Kroazja jiġu vvalutati bħala konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent.

    Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità

    (21)

    Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità, ġiet ivvalutata l-konsistenza tal-miri mressqin mill-Kroazja rigward id-dewmien medju tal-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (“ATFM”) en route għal kull titjira abbażi tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.3 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Għaldaqstant, il-miri proposti li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Kroazja tqabblu mal-valuri referenzjarji rilevanti stabbiliti fil-Pjan Operazzjonali tan-Network disponibbli fiż-żmien tal-adozzjoni tal-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għall-RP3, jiġifieri fit-2 ta’ Ġunju 2021. Dik il-valutazzjoni saret filwaqt li tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali u ġiet ikkomplementata mir-rieżami tal-miżuri ppjanati biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità skont il-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

    (22)

    Fir-rigward tas-sena kalendarja 2020, il-mira tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-RP3 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità, li inizjalment ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903, ma ġietx riveduta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891, meta wieħed iqis li l-perjodu ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ dik il-mira kien skada u li għalhekk l-implimentazzjoni tagħha kienet saret definittiva u ma ħalliet l-ebda possibbiltà għal aġġustamenti retroattivi. Għaldaqstant, fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni mressqin sal-1 ta’ Ottubru 2021, l-Istati Membri ma ntalbux jirrevedu l-miri tal-prestazzjoni lokali tagħhom għas-sena kalendarja 2020 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità. Għalhekk, jenħtieġ li l-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni tal-kapaċità lokali mal-miri tal-prestazzjoni korrispondenti mal-Unjoni kollha tiġi vvalutata fir-rigward tas-snin kalendarji 2021, 2022, 2023 u 2024.

    (23)

    L-abbozzi tal-miri tal-kapaċità en route proposti mill-Kroazja għall-RP3, espressi f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira, kif ukoll il-valuri referenzjarji korrispondenti mill-Pjan Operazzjonali tan-Network huma kif ġej:

     

    2021

    2022

    2023

    2024

    Abbozzi tal-miri tal-kapaċità en route tal-Kroazja, f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira

    0,09

    0,16

    0,17

    0,17

    Valuri referenzjarji għall-Kroazja

    0,09

    0,16

    0,17

    0,17

    (24)

    Il-Kummissjoni tosserva li l-abbozzi tal-miri tal-kapaċità proposti mill-Kroazja huma ugwali għall-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti għal kull sena kalendarja mill-2021 sal-2024.

    (25)

    Fir-rigward tal-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tinnota li fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tagħha, il-Kroazja ppreżentat firxa ta’ miżuri biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità lokali en route. Dawk il-miżuri jinkludu diversi aġġornamenti fis-sistema tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM), settur ġdid tal-ispazju tal-ajru kif ukoll żidiet notevoli fl-għadd ippjanat ta’ FTEs tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru matul is-snin kalendarji 2022 sal-2024.

    (26)

    Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi (24) u (25), jenħtieġ li l-abbozzi tal-miri inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Kroazja jiġu vvalutati bħala konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità.

    Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza

    (27)

    Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza, ġiet ivvalutata l-konsistenza tal-miri mressqin mill-Awstrija rigward il-kostijiet unitarji ddeterminati (“DUC”) għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-punti 1.4(a), (b) u (c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Dawk il-kriterji jikkonsistu mix-xejra tad-DUC matul l-RP3, mix-xejra fit-tul tad-DUC matul it-tieni perjodu referenzjarju (“RP2”) u l-RP3 (2015-2024), u mill-valur bażi għad-DUC fil-livell taż-żona tal-imposti meta mqabbel mal-valur medju taż-żoni tal-imposti fejn il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru għandhom ambjent operazzjonali u ekonomiku simili.

    (28)

    Il-valutazzjoni tal-miri tal-kosteffiċjenza en route saret filwaqt li tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali. Dan ġie kkomplementat mir-rieżami tal-fatturi u l-parametri ewlenin li jirfdu dawk il-miri kif speċifikat fil-punt 2.1(d) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

    (29)

    L-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route proposti mill-Kroazja għall-RP3 huma kif ġej:

    Żona tal-imposti en route tal-Kroazja

    Valur bażi tal-2014

    Valur bażi tal-2019

    2020 - 2021

    2022

    2023

    2024

    Abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route, espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017)

    377,6 HRK

    300,8 HRK

    518,3 HRK

    398,1 HRK

    345,4 HRK

    305,0 HRK

    50,61 EUR

    40,31 EUR

    69,46 EUR

    53,35 EUR

    46,29 EUR

    40,87 EUR

    (30)

    Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra tad-DUC en route tal-Kroazja fil-livell taż-żona tal-imposti ta’ +0,3 % matul l-RP3 tisboq ix-xejra mal-Unjoni kollha ta’ +1,0 % matul l-istess perjodu.

    (31)

    Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra fit-tul tad-DUC en route tal-Kroazja fil-livell taż-żona tal-imposti matul l-RP2 u l-RP3 ta’ -2,3 % tisboq ix-xejra fit-tul mal-Unjoni kollha ta’ -1,3 % matul l-istess perjodu.

    (32)

    Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li l-valur bażi tal-Kroazja għad-DUC ta’ EUR 40,31 fl-EUR 2017 huwa 3,2 % ogħla mill-valur bażi medju ta’ EUR 39,05 f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017 (“EUR 2017”) tal-grupp komparatur rilevanti. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li fl-2024 il-kost unitarju ddeterminat en route tal-Kroazja se jkun taħt il-medja tal-grupp komparatur b’-1,8 %.

    (33)

    Kif deskritt fil-premessi (30) u (31), huwa ċar li l-Kroazja tisboq kemm ix-xejra tad-DUC għall-RP3 mal-Unjoni kollha kif ukoll ix-xejra fit-tul tad-DUC mal-Unjoni kollha, b’din tal-aħħar issuperata b’marġni sinifikanti. Barra minn hekk, id-DUC tal-Kroazja fl-2024 huwa aktar baxx mill-valur bażi tal-2014 u huwa stabbli meta mqabbel mal-valur bażi tal-2019. Dan juri li l-Kroazja laħqet kisbiet fil-kosteffiċjenza fuq terminu twil, li huwa appoġġat ukoll mis-sejba li d-DUC tal-Kroazja għall-2024 huwa taħt il-medja tal-grupp komparatur. Wara li kkunsidrat il-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kroazja wriet evoluzzjoni tal-kosteffiċjenza li tisboq ix-xejriet mal-Unjoni kollha, li tipprovdi bażi suffiċjenti biex tiġi stabbilita konsistenza mal-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza mal-Unjoni kollha għall-RP3.

    (34)

    Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi (30) sa (33), jenħtieġ li l-abbozzi tal-miri inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Kroazja jiġu vvalutati bħala konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza.

    KONKLUŻJONIJIET

    (35)

    Abbażi tal-valutazzjoni stabbilita fil-premessi (10) sa (34), il-Kummissjoni sabet li l-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq mill-Kroazja huma konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha.

    (36)

    Il-Kummissjoni tinnota li xi Stati Membri indikaw li biħsiebhom jinkludu l-entrati tal-kostijiet relatati mad-detezzjoni tad-droni tal-ajruport fil-bażijiet tal-kostijiet tal-RP3 tagħhom. Ma kienx possibbli li jiġi stabbilit b’mod preċiż, abbażi tal-elementi li jinsabu fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni, sa liema punt l-Istati Membri inkludew tali kostijiet iddeterminati fil-bażijiet tal-kostijiet tal-RP3 tagħhom u, fejn ġew inklużi dawn il-kostijiet, sa liema punt jiġġarrbu fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u b’hekk jistgħux jitqiesu eliġibbli skont l-iskema ta’ prestazzjoni u ta’ imposti. Is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu talba għal informazzjoni ad hoc lill-Istati Membri kollha sabiex jiġbru informazzjoni rilevanti, u se jkomplu jeżaminaw il-kostijiet tad-detezzjoni tad-droni fl-ajruporti rrapportati fil-kuntest tal-verifika tal-konformità tar-rata unitarja. Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għas-sejbiet u għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-suġġett tal-kostijiet tad-detezzjoni tad-droni.

    (37)

    B’reazzjoni għall-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, li bdiet fl-24 ta’ Frar 2022, l-Unjoni adottat miżuri restrittivi li jipprojbixxu lit-trasportaturi tal-ajru Russi, lil kwalunkwe inġenju tal-ajru rreġistrat fir-Russja u lil kwalunkwe inġenju tal-ajru mhux irreġistrat fir-Russja li huwa l-proprjetà jew mikri, jew ikkontrollat minn persuna fiżika jew ġuridika Russa, minn entità jew minn korp Russu milli jinżlu fit-territorju tal-Unjoni, jew jitilqu minnu, jew jittajru fuqu. Dawk il-miżuri qed iwasslu għal tnaqqis fit-traffiku tal-ajru fl-ispazju tal-ajru fuq it-territorju tal-Unjoni. Madankollu, jenħtieġ li l-impatt fil-livell tal-Unjoni kollha ma jkunx komparabbli mat-tnaqqis tat-traffiku tal-ajru li rriżulta mit-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 f’Marzu 2020. Għalhekk, jixraq li jinżammu l-miżuri u l-proċessi eżistenti għall-implimentazzjoni tal-iskema tal-prestazzjoni u tal-imposti fl-RP3.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq mill-Kroazja, skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 u elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, huma konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Kroazja.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ April 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Adina VĂLEAN

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 (ĠU L 56, 25.2.2019, p. 1).

    (3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/903 tad-29 ta’ Mejju 2019 li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-tielet perjodu ta’ referenza li jibda fl-1 ta’ Jannar 2020 u li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2024 (ĠU L 144, 3.6.2019, p. 49).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1627 tat-3 ta’ Novembru 2020 dwar miżuri eċċezzjonali għat-tielet perjodu ta’ referenza (2020-2024) tal-iskema ta’ prestazzjoni u imposti tal-ajru uniku Ewropew minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 366, 4.11.2020, p. 7).

    (5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/891 tat-2 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-tielet perjodu referenzjarju (2020-2024) u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903 (ĠU L 195, 3.6.2021, p. 3).


    ANNESS

    Miri tal-prestazzjoni inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, imressaq mill-Kroazja skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004, li nstabu konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju.

    QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAS-SIKUREZZA

    Effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza

    Il-Kroazja

    Miri dwar l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, li jvarjaw mil-livell A sa D tal-EASA

    Fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernat

    Objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza

    2021

    2022

    2023

    2024

    Croatia Control

    Politika u objettivi tas-sikurezza

    B

    B

    B

    C

    Ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza

    C

    C

    C

    D

    Assigurazzjoni tas-sikurezza

    C

    C

    C

    C

    Promozzjoni tas-sikurezza

    C

    C

    C

    C

    Kultura tas-sikurezza

    C

    C

    C

    C

    QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-AMBJENT

    Effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

     

    2021

    2022

    2023

    2024

    Abbozzi tal-miri tal-ambjent en route tal-Kroazja, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

    1,46  %

    1,46  %

    1,46  %

    1,46  %

    Valuri referenzjarji għall-Kroazja

    1,46  %

    1,46  %

    1,46  %

    1,46  %

    QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KAPAĊITÀ

    Dewmien medju tal-ATFM en route f’minuti għal kull titjira

     

    2021

    2022

    2023

    2024

    Abbozzi tal-miri tal-kapaċità en route tal-Kroazja, f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira

    0,09

    0,16

    0,17

    0,17

    Valuri referenzjarji għall-Kroazja

    0,09

    0,16

    0,17

    0,17

    QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KOSTEFFIĊJENZA

    Kost unitarju ddeterminat għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route

    Żona tal-imposti en route tal-Kroazja

    Valur bażi tal-2014

    Valur bażi tal-2019

    2020 - 2021

    2022

    2023

    2024

    Abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route, espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017)

    377,6 HRK

    300,8 HRK

    518,3 HRK

    398,1 HRK

    345,4 HRK

    305,0 HRK

    50,61 EUR

    40,31 EUR

    69,46 EUR

    53,35 EUR

    46,29 EUR

    40,87 EUR


    Top