Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0578

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/578 tat-8 ta’ April 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

ST/7900/2022/INIT

ĠU L 111, 8.4.2022, pp. 70–80 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/578/oj

8.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 111/70


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/578

tat-8 ta’ April 2022

li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-31 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/512/PESK (1).

(2)

L-Unjoni tibqa’ soda fl-appoġġ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

(3)

Fl-24 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukrajna u l-forzi armati Russi bdew attakk kontra l-Ukrajna. Dak l-attakk huwa ksur sfaċċat tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna. Bl-azzjonijiet militari illegali tagħha, ir-Russja qed tikser b’mod serju d-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-NU u qed iddgħajjef is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea u globali. Il-Kunsill Ewropew appella għat-tħejjija u l-adozzjoni urġenti ta’ pakkett ta’ sanzjonijiet individwali u ekonomiċi ulterjuri.

(5)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna tikser bil-kbir id-dritt internazzjonali u qed tikkawża telf enormi ta' ħajjiet u għadd enormi ta' midruba fost iċ-ċivili, u li l-Unjoni tibqa’ lesta li tagħlaq il-lakuni u tolqot l-evitar attwali u possibbli tal-miżuri restrittivi diġà adottati, kif ukoll li taġixxi malajr b’aktar sanzjonijiet robusti kkoordinati fuq ir-Russja u l-Belarussja, biex ixxekkel b’mod effettiv il-kapaċitajiet Russi għat-tkomplija tal-aggressjoni.

(6)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, u b’risposta għall-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, huwa xieraq li jiġu introdotti aktar miżuri restrittivi. B'mod partikolari, huwa xieraq li l-projbizzjoni fuq id-depożiti tiġi estiża għal kartieri kripto, kif ukoll li l-projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ karti tal-flus denominati f’euro u fuq il-bejgħ ta’ titoli trasferibbli denominati f’euro jiġu estiżi għall-muniti uffiċjali kollha tal-Istati Membri. Huwa xieraq ukoll li jiġu pprojbiti l-għoti u t-tkomplija tat-twettiq ta' kuntratti pubbliċi u konċessjonijiet ma’ ċittadini Russi u ma’ entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja. Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġi pprojbit il-forniment ta’ sostenn, inkluż il-finanzjament u l-assistenza finanzjarja jew kwalunkwe benefiċċju ieħor minn programm tal-Unjoni, tal-Euratom jew ta’ Stat Membru lil entitajiet Russi li huma proprjetà tal-Istat jew ikkontrollati mill-Istat. Huwa xieraq ukoll li tiġi introdotta projbizzjoni li wieħed ikun benefiċjarju, jaġixxi ta’ fiduċjarju jew f’kapaċitajiet simili għal persuni u entitajiet Russi, kif ukoll projbizzjoni li wieħed iforni ċerti servizzi lil entitajiet fiduċjarji. Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġi pprojbit l-aċċess għall-portijiet fit-territorju tal-Unjoni għal bastimenti rreġistrati taħt il-bandiera tar-Russja. Huwa wkoll xieraq li jiġu ristretti l-esportazzjonijiet ta’ fjuwil tal-ġettijiet u oġġetti oħra lejn ir-Russja, kif ukoll li jiġu introdotti restrizzjonijiet addizzjonali fuq l-importazzjoni ta’ ċerti oġġetti esportati mir-Russja jew li joriġinaw minnha, inkluż il-faħam u fjuwils fossili solidi oħra. Finalment, jenħtieġ li kull impriża tat-trasport bit-triq stabbilita fir-Russja tiġi pprojbita milli tittrasporta oġġetti bit-triq fit-territorju tal-Unjoni, inkluż fi tranżitu.

(7)

Huwa wkoll xieraq li tiġi estiża l-eżenzjoni mill-projbizzjoni li jsiru tranżazzjonijiet ma’ ċerti entitajiet li huma proprjetà tal-Istat Russu lejn l-Iżvizzera, iż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Balkani tal-Punent. L-Unjoni tistenna l-allinjament rapidu u sħiħ tal-pajjiżi kollha fir-reġjun mal-miżuri restrittivi tal-UE, inkluż dawk li jikkonċernaw l-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna. Barra minn hekk, huwa xieraq ukoll li jiġu emendati jew introdotti ċerti derogi fir-rigward tar-restrizzjonijiet fuq oġġetti u teknoloġiji b’użu doppju, oġġetti u teknoloġiji li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib militari u teknoloġiku tar-Russja jew għall-iżvilupp tas-settur tad-difiża u s-sigurtà tagħha, l-oġġetti u t-teknoloġija adatti għall-użu fl-avjazzjoni jew fl-industrija tal-ispazju, il-fjuwil tal-ġettijiet u l-addittivi tal-fjuwil, u l-oġġetti ta’ lussu.

(8)

Tenħtieġ aktar azzjoni mill-Unjoni biex ċerti miżuri jiġu implimentati.

(9)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/512/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2014/512/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1aa(3), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

tranżazzjonijiet li huma strettament neċessarji għax-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport dirett jew indirett ta’ gass naturali u żejt, inkluż prodotti tal-petroleum raffinat, kif ukoll it-titanju, l-aluminju, ir-ram, in-nikil, il-palladju u l-mineral tal-ħadid mir-Russja jew li jgħaddu mir-Russja lejn l-Unjoni, xi pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, l-Iżvizzera jew il-Balkani tal-Punent;”;

(2)

fl-Artikolu 1aa(3), jinżdied il-punt li ġej:

“(c)

tranżazzjonijiet għax-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport fl-Unjoni ta’ faħam jew fjuwils fossili solidi oħra sal-10 ta’ Awwissu 2022.”;

(3)

fl-Artikolu 1aa, jinżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan l-Artikolu.”;

(4)

l-Artikolu 1b huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1b

1.   Għandu jkun ipprojbit li jiġi aċċettat kwalunkwe depożitu minn ċittadini Russi jew persuni fiżiċi li jirrisjedu fir-Russja, jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja, jekk il-valur totali tad-depożiti tal-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għal kull istituzzjoni ta’ kreditu jaqbeż il-EUR 100 000.

2.   Għandu jkun ipprojbit li jingħataw servizzi ta’ kartieri tal-kriptoassi, kontijiet jew kustodja lil ċittadini Russi jew persuni fiżiċi li jirrisjedu fir-Russja, jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja, jekk il-valur totali tal-kriptoassi tal-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għal kull fornitur tal-kartiera, kont jew kustodja jaqbeż il-EUR 10 000.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal ċittadini ta’ Stat Membru, ta’ pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Iżvizzera, jew għal persuni fiżiċi li għandhom permess ta’ residenza temporanju jew permanenti fi Stat Membru, f’pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea jew fl-Iżvizzera.

4.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal depożiti li huma neċessarji għal kummerċ transfruntier mhux ipprojbit fi oġġetti u servizzi bejn l-Unjoni u r-Russja.

5.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw li jiġi aċċettat tali depożitu jew il-forniment ta’ kartiera, kont jew kustodja, b’dawk il-kondizzjonijiet li huma jidhrilhom xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-aċċettazzjoni ta’ tali depożitu jew forniment ta’ kartiera, kont jew kustodja hija:

(a)

neċessarja biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fil-paragrafu 1 u l-membri tal-familja dipendenti tagħhom, inkluż pagamenti għal ikel, kera jew ipoteka, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u ħlasijiet ta’ servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-forniment ta’ servizzi legali;

(c)

neċessarja għal spejjeż straordinarji, sakemm l-awtorità kompetenti rilevanti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, għall-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

(d)

neċessarja għal skopijiet uffiċjali ta’ missjoni diplomatika jew uffiċċju konsulari jew organizzazzjoni internazzjonali.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li jagħti skont dan il-paragrafu fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

6.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw li jiġi aċċettat tali depożitu jew il-forniment ta’ kartiera, kont jew kustodja, b’dawk il-kondizzjonijiet li huma jidhrilhom xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-aċċettazzjoni ta’ tali depożitu jew forniment ta’ kartiera, kont jew kustodja hija:

(a)

neċessarja għal skopijiet umanitarji, bħat-twassil jew l-iffaċilitar tat-twassil ta’ assistenza, inkluż provvisti mediċi, ikel, jew it-trasferiment ta’ ħaddiema umanitarji u assistenza relatata jew għal evakwazzjonijiet; jew

(b)

neċessarja għal attivitajiet tas-soċjetà ċivili li jippromwovu direttament id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem jew l-istat tad-dritt fir-Russja.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li jagħti skont dan il-paragrafu fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.”;

(5)

fl-Artikolu 1d, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ ta’ titoli trasferibbli denominati fi kwalunkwe munita uffiċjali ta’ Stat Membru maħruġa wara t-12 ta’ April 2022 jew unitajiet f’impriżi ta’ investiment kollettiv li jipprovdu skopertura għal tali titoli, lil kwalunkwe ċittadin Russu jew persuna fiżika li tirrisjedi fir-Russja jew kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit fir-Russja.”;

(6)

l-Artikolu 1f huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 1f

1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ karti tal-flus denominati fi kwalunkwe munita uffiċjali ta’ Stat Membru lir-Russja jew lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja, inkluż il-gvern u l-Bank Ċentrali tar-Russja, jew għall-użu fir-Russja.

2.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika fil-każ ta’ bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ karti tal-flus denominati fi kwalunkwe munita uffiċjali ta’ Stat Membru dment li tali bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jkunu neċessarji għal:

(a)

l-użu personali ta’ persuni fiżiċi li jkunu qed jivvjaġġaw lejn ir-Russja jew il-membri tal-familji immedjati tagħhom li jkunu qed jivvjaġġaw magħhom; jew

(b)

l-iskopijiet uffiċjali ta’ missjonijiet diplomatiċi, uffiċċji konsulari jew organizzazzjonijiet internazzjonali fir-Russja li jgawdu minn immunitajiet f’konformità mad-dritt internazzjonali.”;

(7)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 1h

1.   Għandu jkun ipprojbit l-għoti jew it-tkomplija tat-twettiq ta' kwalunkwe kuntratt pubbliku jew ta' konċessjoni li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttivi 2014/23/UE (*1), 2014/24/UE (*2), 2014/25/UE (*3), 2009/81/KE (*4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll l-Artikolu 10, il-paragrafi 1, 3, minn 6(a) sa 6(e), 8, 9 u 10, l-Artikoli 11, 12, 13 u 14 tad-Direttiva 2014/23/UE, l-Artikoli 7 u 8, l-Artikolu 10 (b) sa (f) u (h) sa (j) tad-Direttiva 2014/24/UE, l-Artikolu 18, l-Artikolu 21 (b) sa(e) u (g) sa(i), l-Artikoli 29 u 30 tad-Direttiva 2014/25/UE u l-Artikolu 13 (a)sa (d), (f) sa(h) u (j) tad-Direttiva 2009/81/KE, lil jew ma':

(a)

ċittadin Russu, jew persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp stabbilit fir-Russja;

(b)

persuna ġuridika, entità jew korp li aktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tiegħu huma direttament jew indirettament proprjetà ta' entità msemmija fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu; jew

(c)

persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f'isem entità msemmija fil-punt (a) jew (b) ta' dan il-paragrafu jew skont id-direzzjoni tagħha,

inkluż, fejn dawn jammontaw għal aktar minn 10 % tal-valur tal-kuntratt, tas-sottokuntratturi, tal-fornituri jew tal-entitajiet li l-kapaċitajiet tagħhom huma invokati fis-sens tad-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE, 2014/25/UE, 2009/81/KE.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw l-għoti u t-tkomplija tat-twettiq ta' kuntratti maħsuba għal:

(a)

l-operat, il-manutenzjoni, id-dekummissjonar u l-ġestjoni tal-iskart radjuattiv, il-forniment tal-fjuwil u t-trattament mill-ġdid u s-sikurezza tal-kapaċitajiet nukleari ċivili, u l-kontinwazzjoni tad-disinn, tal-kostruzzjoni u l-kummissjonar meħtieġa għat-tlestija ta’ faċilitajiet nukleari ċivili, kif ukoll il-forniment ta' materjal prekursur għall-produzzjoni ta' isotopi radjuattivi mediċi u applikazzjonijiet mediċi simili, it-teknoloġija kritika għall-monitoraġġ tar-radjazzjoni ambjentali, kif ukoll il-kooperazzjoni nukleari ċivili, b'mod partikolari fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp;

(b)

il-kooperazzjoni intergovernattiva fi programmi spazjali;

(c)

il-forniment ta' oġġetti jew servizzi strettament neċessarji li jistgħu jipprovduhom biss, jew li jistgħu jipprovduhom biss fi kwantitajiet suffiċjenti, il-persuni msemmija fil-paragrafu 1;

(d)

il-funzjonament tar-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari tal-Unjoni u l-Istati Membri fir-Russja, inkluż delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet, jew organizzazzjonijiet internazzjonali fir-Russja li jgawdu minn immunitajiet f'konformità mad-dritt internazzjonali;

(e)

ix-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport ta’ gass naturali u żejt, inkluż prodotti tal-petroleum raffinat, kif ukoll it-titanju, l-aluminju, ir-ram, in-nikil, il-palladju u l-mineral tal-ħadid mir-Russja jew li jgħaddu mir-Russja lejn l-Unjoni; jew

(f)

ix-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport fl-Unjoni ta’ faħam u fjuwils fossili solidi oħra sal l-10 ta’ Awwissu 2022.

3.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni li tingħata skont dan l-Artikolu fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

4.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għat-twettiq sal-10 ta’ Ottubru 2022 ta' kuntratti konklużi qabel id-9 ta’ April 2022;

5.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan l-Artikolu.”;

Artikolu 1i

1.   Għandu jkun ipprojbit l-għoti ta’ appoġġ, dirett jew indirett, inkluż il-finanzjament u l-assistenza finanzjarja jew kwalunkwe benefiċċju ieħor fl-ambitu ta' programm u kuntratti nazzjonali tal-Unjoni, tal-Euratom jew ta' Stat Membru fis-sens tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (*5), lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit fir-Russja fejn l-Istat għandu sjieda jew kontroll ta' aktar minn 50 % tagħhom.

2.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal:

(a)

skopijiet umanitarji, emerġenzi tas-saħħa pubblika, il-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta' avveniment li x'aktarx ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew tal-ambjent, jew bħala rispons għal diżastri naturali;

(b)

programmi fitosanitarji u veterinarji;

(c)

kooperazzjoni intergovernattiva fil-programmi spazjali u fl-ambitu tal-Ftehim dwar ir-Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali;

(d)

l-operat, il-manutenzjoni, id-dekummissjonar u l-ġestjoni tal-iskart radjuattiv, il-forniment tal-fjuwil u t-trattament mill-ġdid u s-sikurezza tal-kapaċitajiet nukleari ċivili, kif ukoll il-forniment ta' materjal prekursur għall-produzzjoni ta' isotopi radjuattivi mediċi u applikazzjonijiet mediċi simili, it-teknoloġija kritika għall-monitoraġġ tar-radjazzjoni ambjentali, kif ukoll il-kooperazzjoni nukleari ċivili, b'mod partikolari fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp;

(e)

l-iskambji ta' mobbiltà għall-individwi u għall-kuntatti bejn il-persuni;

(f)

programmi klimatiċi u ambjentali, bl-eċċezzjoni tal-appoġġ fil-kuntest tar-riċerka u l-innovazzjoni;

(g)

il-funzjonament tar-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari tal-Unjoni u l-Istati Membri fir-Russja, inkluż delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet, jew organizzazzjonijiet internazzjonali fir-Russja li jgawdu minn immunitajiet f'konformità mad-dritt internazzjonali.

Artikolu 1j

1.   Għandu jkun ipprojbit li wieħed jirreġistra, jipprovdi uffiċċju reġistrat, indirizz tan-negozju jew amministrattiv kif ukoll servizzi ta' ġestjoni lil entità fiduċjarja jew xi arranġament legali simili li jkollu bħala trustors jew benefiċjarji:

(a)

ċittadini Russi jew persuni fiżiċi li jirrisjedu fir-Russja;

(b)

persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja;

(c)

persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li aktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tagħhom huma direttament jew indirettament proprjetà ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmija fil-punti (a) jew (b);

(d)

persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi kkontrollati minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmija fil-punti (a), (b) jew (c);

(e)

persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f'isem jew skont id-direzzjoni ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmija fil-punti (a), (b), (c) jew (d).

2.   Għandu jkun ipprojbit mill-10 ta’ Mejju 2022 li wieħed jaġixxi, jew jirranġa biex persuna oħra taġixxi, bħala fiduċjarju, azzjonist nominat, direttur, segretarju jew pożizzjoni simili, għal entità fiduċjarja jew arranġament legali simili kif imsemmi fil-paragrafu 1.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-operazzjonijiet li huma strettament neċessarji għat-terminazzjoni sal-10 ta’ Mejju 2022 ta' kuntratti li ma humiex f’konformità ma' dan l-Artikolu konklużi qabel id-9 ta’ April 2022 jew kuntratti anċillari neċessarji għat-twettiq ta' tali kuntratti.

4.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw jekk it-trustor jew il-benefiċjarju jkun nazzjonal ta' Stat Membru jew persuna fiżika li jkollha permess ta' residenza temporanju jew permanenti fi Stat Membru.

5.   B'deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw is-servizzi msemmijin fihom, b'tali kondizzjonijiet li jidhrilhom xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li dawn huma neċessarji:

(a)

għal skopijiet umanitarji, bħat-twassil jew l-iffaċilitar tat-twassil ta' assistenza, inkluż provvisti mediċi, ikel, jew it-trasferiment ta' ħaddiema umanitarji u assistenza relatata jew għal evakwazzjonijiet; jew

(b)

attivitajiet tas-soċjetà ċivili li jippromwovu direttament id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem jew l-istat tad-dritt fir-Russja.

(*1)  Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1)."

(*2)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65)."

(*3)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243)."

(*4)  Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' ċerti kuntratti ta' xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76)."

(*5)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).”;"

(8)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 4, it-test “il-paragrafi 1, 2 u 3” huwa sostitwit bit-test “il-paragrafu 3”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4a.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-forniment ta’ partijiet ta’ rikambju u servizzi neċessarji għall-manutenzjoni, it-tiswija u s-sikurezza tal-kapaċitajiet eżistenti fl-Unjoni.”;

(9)

fl-Artikolu 3(4), il-punt (e) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(e)

maħsuba għal networks elettroniċi tal-komunikazzjonijiet ċivili mhux disponibbli għall-pubbliku, li mhumiex il-proprjetà ta' entità fejn l-Istat għandu l-kontroll totali jew is-sjieda ta' aktar minn 50 % tagħha;”;

(10)

fl-Artikolu 3(7), il-punti (i) u (ii) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“(i)

l-utent finali jista' jkun utent finali militari, persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Anness IV jew li l-oġġetti jista' jkollhom użu finali militari, sakemm il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata ma jkunux permessi skont il-paragrafu 1(a) tal-Artikolu 3b;

(ii)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata maħsuba għas-settur tal-avjazzjoni jew tal-industrija spazjali, sakemm tali bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata ma jkunux permessi skont il-paragrafu 4(b); jew”;

(11)

fl-Artikolu 3a(4), il-punt (e) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(e)

maħsuba għal networks elettroniċi tal-komunikazzjonijiet ċivili mhux disponibbli għall-pubbliku, li mhumiex proprjetà ta' entità fejn l-Istat għandu l-kontroll totali jew sjieda ta' aktar minn 50 % tagħha;”;

(12)

fl-Artikolu 3a(7), il-punti (i) u (ii) huma sostitwiti b'dan li ġej:

““(i)

l-utent finali jista' jkun utent finali militari, persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Anness IV jew li l-oġġetti jista' jkollhom użu finali militari, sakemm il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata ma jkunux permessi skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 3b”;

“(ii)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata maħsuba għas-settur tal-avjazzjoni jew tal-industrija spazjali, sakemm tali bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata ma jkunux permessi skont il-paragrafu 4(b); jew””;

(13)

fl-Artikolu 4(3), il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

it-trasport ta' gass naturali u żejt, inkluż prodotti tal-petroleum raffinat, mir-Russja jew li jgħaddu mir-Russja lejn l-Unjoni; jew”;

(14)

fl-Artikolu 4a(2), il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

huwa neċessarju biex ikun iggarantit il-forniment kritiku tal-enerġija fl-Unjoni, kif ukoll it-trasport ta' gass naturali u żejt, inkluż prodotti tal-petroleum raffinat, mir-Russja jew li jgħaddu mir-Russja lejn l-Unjoni; jew”;

(15)

fl-Artikolu 4c, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, diretta jew indiretta, tal-oġġetti u t-teknoloġija adattati għall-użu fir-raffinar taż-żejt u l-likwifikazzjoni tal-gass naturali, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp Russu jew għall-użu fir-Russja.”;

(16)

fl-Artikolu 4d, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, diretta jew indiretta, tal-oġġetti u t-teknoloġija adattati għall-użu fl-avjazzjoni jew fl-industrija spazjali, kif ukoll fjuwil tal-ġettijiet u addittivi tal-fjuwil, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp Russu jew għall-użu fir-Russja.”;

(17)

fl-Artikolu 4d, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej u jinżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“6.   B'deroga mill-paragrafi minn 1 sa 4, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jistgħu jawtorizzaw, b'tali kondizzjonijiet li jidhrilhom xierqa, it-twettiq ta' lokazzjoni finanzjarja ta' inġenju tal-ajru konkluża qabel is-26 ta' Frar 2022 wara li jiddeterminaw li:

(a)

huwa strettament neċessarju li jiġu ggarantiti r-ripagamenti tal-lokazzjoni lil persuna ġuridika, entità jew korp inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru li mhuwa fl-ebda waħda mill-miżuri restrittivi previsti f'din id-Deċiżjoni; u

(b)

l-ebda riżorsa ekonomika ma jkollha aċċess għaliha l-kontroparti Russa, bl-eċċezzjoni tat-trasferiment tas-sjieda tal-inġenju tal-ajru wara r-rimborż totali tal-lokazzjoni finanzjarja.

7.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni li tingħata skont dan l-Artikolu fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

8.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 3(4)(b) u 3a(4)(b).

9.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan l-Artikolu.”;

(18)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 4ha

1.   Għandu jkun ipprojbit wara s-16 ta’ April 2022 l-għoti ta’ aċċess għall-portijiet fit-territorju tal-Unjoni lil kwalunkwe bastiment irreġistrat taħt il-bandiera Russa.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika għall-bastimenti li jkunu biddlu l-bandiera jew ir-reġistrazzjoni Russa tagħhom, għall-bandiera jew ir-reġistru ta' kwalunkwe Stat ieħor wara l-24 ta’ Frar 2022.

3.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, bastiment tfisser:

(a)

vapur li jikkwalifika fl-ambitu tal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti;

(b)

jott, ta’ 15-il metru jew aktar, li ma jġorrx merkanzija u li jġorr mhux aktar minn 12-il passiġġier; jew

(c)

dgħajsa li tintuża għar-rikreazzjoni jew inġenju tal-ilma personali kif definiti fid-Direttiva 2013/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*6).

4.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fil-każ ta' bastiment fi bżonn ta' assistenza li jkun qed ifittex post ta' rifuġju, ta' sejħa ta' emerġenza lill-port għal raġunijiet ta' sikurezza marittima, jew ta' salvataġġ ta' ħajja fil-baħar.

5.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw li bastiment ikollu aċċess għal port, b'tali kondizzjonijiet li jidhrilhom xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-aċċess huwa neċessarju:

(a)

għax-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport fl-Unjoni ta' gass naturali u żejt, inkluż prodotti tal-petroleum raffinat, u t-titanju, l-aluminju, ir-ram, in-nikil, il-palladju, l-mineral tal-ħadid, kif ukoll ċerti prodotti kimiċi u tal-ħadid;

(b)

għax-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport ta' prodotti farmaċewtiċi, mediċi, agrikoli u alimentari, inkluż il-qamħ u dawk il-fertilizzanti li l-importazzjoni, ix-xiri u t-trasport tagħhom huma permessi taħt din id-Deċiżjoni;

(c)

għal skopijiet umanitarji;

(d)

it-trasport ta’ fjuwil nukleari u oġġetti oħra strettament neċessarji għall-funzjonament tal-kapaċitajiet nukleari; jew

(e)

ix-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport fl-Unjoni ta’ faħam u fjuwils fossili solidi oħra, sal-10 ta’ Awwissu 2022.

6.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni li tingħata skont il-paragrafu 5 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

7.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan l-Artikolu.

(*6)  Id-Direttiva 2013/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar id-dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali u li tħassar id-Direttiva 94/25/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p 90).”;"

(19)

fl-Artikolu 4j, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej u jinżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“4.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw it-trasferiment jew l-esportazzjoni lejn ir-Russja ta' beni kulturali li huma mislufin fil-kuntest ta' kooperazzjoni kulturali formali mar-Russja.

5.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni li tingħata skont il-paragrafu 4 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

6.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan l-Artikolu.”;

(20)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 4k

1.   Għandu jkun ipprojbit ix-xiri, l-importazzjoni, jew it-trasferiment fl-Unjoni, direttament jew indirettament, ta’ oġġetti li jiġġeneraw dħul sinifikanti għar-Russja u li b’hekk jgħinu l-azzjonijiet tagħha biex tiddestabbilizza s-sitwazzjoni fl-Ukrajna, jekk dawn joriġinaw mir-Russja jew ikunu ġew esportati mir-Russja.

2.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

l-għoti ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmijin fil-paragrafu 1 kif ukoll il-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawn l-oġġetti u teknoloġija, direttament jew indirettament fir-rigward tal-projbizzjoni fil-paragrafu 1.

(b)

l-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mal-oġġetti u t- teknoloġija msemmijin fil-paragrafu 1 għal kwalunkwe xiri, importazzjoni jew trasferiment ta’ dawk l-oġġetti u teknoloġija, jew għall-għoti ta’ assistenza teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra, direttament jew indirettament fir-rigward tal-projbizzjoni fil-paragrafu 1.

3.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għat-twettiq sal-10 ta’ Lulju 2022 ta’ kuntratti konklużi qabel id-9 ta’ April 2022, jew kuntratti anċillari neċessarji għat-twettiq ta’ tali kuntratti.

4.   Mill-10 ta’ Lulju 2022, il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasport, jew l-assistenza teknika jew finanzjarja relatati, neċessarji għall-importazzjoni fl-Unjoni, ta’:

(a)

837 570 tunnellata metrika ta’ klorur tal-potassju ta’ NM 3104 20 bejn l-10 ta’ Lulju ta’ sena partikolari u d-9 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara;

(b)

1 577 807 tunnellata metrika kkombinata tal-prodotti l-oħra taħt in-NM 3105 20, 3105 60 u 3105 90 bejn l-10 ta’ Lulju ta’ sena partikolari u d-9 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara.

5.   Il-kwoti ta’ volum tal-importazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 4 għandhom jiġu ġestiti mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri f'konformità mas-sistema ta' ġestjoni għar-rati tal-kwoti tariffarji previsti fl-Artikoli minn 49 sa 54 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (*7).

6.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan l-Artikolu.

Artikolu 4l

1.   Għandu jkun ipprojbit ix-xiri, l-importazzjoni, jew it-trasferiment fl-Unjoni, direttament jew indirettament, ta’ faħam u fjuwils fossili solidi oħra jekk dawn joriġinaw mir-Russja jew jiġu esportati mir-Russja.

2.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

l-għoti ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmijin fil-paragrafu 1 kif ukoll il-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawn l-oġġetti u teknoloġija, direttament jew indirettament fir-rigward tal-projbizzjoni fil-paragrafu 1;

(b)

l-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmijin fil-paragrafu 1 għal kwalunkwe xiri, importazzjoni jew trasferiment ta’ dawk l-oġġetti u teknoloġija, jew għall-għoti ta’ assistenza teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra, direttament jew indirettament fir-rigward tal-projbizzjoni fil-paragrafu 1.

3.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għat-twettiq sal-10 ta’ Awwissu 2022 ta’ kuntratti konklużi qabel id-9 ta’ April 2022, jew kuntratti anċillari neċessarji għat-twettiq ta’ tali kuntratti.

4.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan l-Artikolu.

Artikolu 4m

1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ oġġetti li jistgħu jikkontribwixxu b’mod partikolari għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet industrijali tar-Russja lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja.

2.   Għandhom ikunu pprojbiti:

(a)

l-għoti ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti jew it-teknoloġija msemmijin fil-paragrafu 1 u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawn l-oġġetti u teknoloġija, direttament jew indirettament, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja;

(b)

l-għoti ta’ finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafi 1 għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, jew għall-għoti ta’ għajnuna teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja, jew għall-użu fir-Russja.

3.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għat-twettiq sal-10 ta’ Lulju 2022 ta’ kuntratti konklużi qabel id-9 ta’ April 2022 jew kuntratti anċillari neċessarji għat-twettiq ta’ tali kuntratti.

4.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal oġġetti li jkunu neċessarji għall-iskopijiet uffiċjali tal-missjonijiet diplomatiċi jew konsulari tal-Istati Membri jew tal-pajjiżi sħab fir-Russja jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali li jgawdu minn immunitajiet f’konformità mad-dritt internazzjonali, jew l-effetti personali tal-persunal tagħhom.

5.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, bil-kundizzjonijiet li jidhrilhom xierqa, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija koperti b'dan l-Artikolu, jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, wara li jkunu ddeterminaw li tali oġġetti jew teknoloġija jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata huma neċessarji għal skopijiet umanitarji, bħat-twassil jew l-iffaċilitar tat-twassil ta’ assistenza, inkluż provvisti mediċi, ikel, jew it-trasferiment ta’ ħaddiema umanitarji u assistenza relatata jew għall-evakwazzjonijiet.

6.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan l-Artikolu.

Artikolu 4n

1.   Għandu jkun ipprojbit għal kwalunkwe impriża tat-trasport bit-triq stabbilita fir-Russja li tittrasporta oġġetti bit-triq fit-territorju tal-Unjoni, inkluż fi tranżitu.

2.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal impriżi tat-trasport bit-triq li jittrasportaw:

(a)

il-posta bħala servizz universali;

(b)

oġġetti fi tranżitu mill-Unjoni bejn Kaliningrad Oblast u r-Russja, dment li t-trasport ta’ tali oġġetti ma jkunx b’mod ieħor ipprojbit skont din id-Deċiżjoni.

3.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika sas-16 ta’ April 2022 għat-trasport tal-oġġetti li jkun beda qabel id-9 ta’ April 2022, dment li l-vettura tal-impriża tat-trasport bit-triq:

(a)

kienet diġà fit-territorju tal-Unjoni fid-9 ta’ April 2022, jew

(b)

jeħtieġ li tgħaddi mill-Unjoni sabiex tirritorna lejn ir-Russja.

4.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jawtorizzaw it-trasport ta’ oġġetti minn impriża tat-trasport bit-triq stabbilita fir-Russja jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddeterminaw li tali trasport huwa neċessarju:

(a)

għax-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport fl-Unjoni ta’ gass naturali u żejt, inklużi prodotti miż-żejt raffinat, kif ukoll it-titanju, l-aluminju, ir-ram, in-nikil, il-palladju u l-mineral tal-ħadid;

(b)

għax-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport ta’ prodotti farmaċewtiċi, mediċi, agrikoli u alimentari, inkluż il-qamħ u dawk il-fertilizzanti li l-importazzjoni, ix-xiri u t-trasport tagħhom huma permessi taħt din id-Deċiżjoni;

(c)

għal skopijiet umanitarji;

(d)

il-funzjonament tar-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari tal-Unjoni u l-Istati Membri fir-Russja, inkluż delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet, jew organizzazzjonijiet internazzjonali fir-Russja li jgawdu minn immunitajiet f'konformità mad-dritt internazzjonali; jew

(e)

it-trasferiment jew l-esportazzjoni lejn ir-Russja ta’ beni kulturali li huma mislufin fil-kuntest ta' kooperazzjoni kulturali formali mar-Russja.

5.   L-Istat Membru konċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li tingħata skont il-paragrafu 4 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

(*7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).”;"

(21)

fl-Artikolu 7(1), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Annessi ta’ din id-Deċiżjoni jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti barra mill-Unjoni li, direttament jew indirettament, huma sidien ta’ aktar minn 50 % tad-drittijiet ta' proprjetà tagħhom;”;

(22)

l-Anness VII huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ April 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J.-Y. LE DRIAN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13).


ANNESS

Fl-Anness VII għad-Deċiżjoni 2014/512/PESK, jinżdied il-pajjiż sieħeb li ġej:

 

“ĠAPPUN”


Top