EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1976

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1976 tat-12 ta’ Novembru 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ monoetilenglikol li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika u mir-Renju tal-Arabja Sawdija

C/2021/8008

ĠU L 402, 15.11.2021, p. 17–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 26/07/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1976/oj

15.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 402/17


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1976

tat-12 ta’ Novembru 2021

li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ monoetilenglikol li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika u mir-Renju tal-Arabja Sawdija

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Bidu

(1)

Fl-14 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) nediet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-monoetilenglikol (“MEG”) li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika (“l-Istati Uniti”) u mir-Renju tal-Arabja Sawdija (“RAS”) (“il-pajjiżi kkonċernati”) abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

(2)

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment li ġie ppreżentat fil-31 ta’ Awwissu 2020 (l-“ilment’) mill-Kumitat ta’ Difiża tal-Produtturi Ewropej tal-MEG (l-“ilmentatur”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ MEG. L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u ta’ dannu materjali li jirriżulta minnu.

1.2.   Miżuri provviżorji

(3)

F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, fl-14 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni pprovdiet lill-partijiet b’sommarju tad-dazji proposti u dettalji dwar il-kalkolu tal-marġni tad-dumping u l-marġni adegwati biex jitneħħa d-dannu għall-industrija tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkummentaw dwar l-akkuratezza tal-kalkoli fi żmien tlett ijiem tax-xogħol. Waslu kummenti mingħand MEGlobal Americas Inc (“MEGlobal Americas”), Saudi Basic Industries Corporation (“SABIC”), Arteco NV (“Arteco”), u l-Kumitat tal-Manifatturi tal-PET fl-Ewropa (“CPME”).

(4)

Fil-11 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni imponiet dazji anti-dumping provviżorji fuq l-importazzjonijiet ta’ MEG li joriġina mill-Istati Uniti u r-Renju tal-Arabja Sawdija permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/939 (2) ("ir-Regolament provviżorju").

1.3.   Proċedura sussegwenti

(5)

Wara d-divulgazzjoni tal-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom ġie impost dazju anti-dumping provviżorju (id-“divulgazzjoni provviżorja”), l-ilmentatur, MEGlobal Americas, Lotte Chemical Louisiana LCC (“LCLA”), il-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija (“GRAS”), SABIC, ExxonMobil Petroleum & Chemical BV (“EMPC”), Helm AG (“Helm”), Oxyde Belgium BV (“Oxyde”), Tricon International Ltd u l-kumpaniji affiljati tagħha (“Tricon”), Arteco, CPME u RETAL Industries Limited (“RETAL”) ippreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub li permezz tagħhom esprimew il-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji sal-iskadenza pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament provviżorju.

(6)

Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw din l-opportunità. Saru seduti ma’ LCLA, ma’ MEGlobal Americas, ma’ SABIC, u ma’ CPME. Barra minn hekk, wara t-talba ta’ MEGlobal Americas u ta’ SABIC, saru żewġ seduti mal-Uffiċjal tas-Smigħ għal proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Smigħ sab li d-drittijiet ta’ difiża tal-partijiet interessati ġew irrispettati f’dawn il-proċedimenti.

(7)

Meta waslet għall-konklużjonijiet definittivi tagħha, il-Kummissjoni qieset il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati u rrevediet il-konklużjonijiet provviżorji tagħha meta xieraq.

(8)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tikkontroverifika l-informazzjoni kollha li ħasset li kienet meħtieġa għas-sejbiet definittivi tagħha. Saru żewġ kontroverifiki mill-bogħod addizzjonali (“RCCs”) ma’ Arteco u ma’ Indorama Ventures Europe BV (“Indorama”). Il-Kummissjoni kellha wkoll l-intenzjoni li torganizza RCCs ma’ Helm u Oxyde iżda l-ebda kumpanija ma kienet disponibbli.

1.4.   Kummenti ġenerali

(9)

SABIC u MEGlobal Americas argumentaw li l-Kummissjoni ddivulgat tard ir-rapporti tal-RCC u għalhekk inkisru d-drittijiet tagħhom ta’ difiża.

(10)

Fl-14 ta’ Mejju 2021,il-Kummissjoni ddivulgat ir-rapporti tal-RCC flimkien mas-sommarju tad-dazji proposti, dettalji dwar il-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping u l-marġnijiet adegwati biex jitneħħa d-dannu lill-industrija tal-Unjoni kif iddikjarat fil-premessa (3). L-għan tar-rapporti tal-RCC huwa li jipprovdu lill-partijiet b’rapport fattwali tal-RCC. Ir-rapporti ma jisiltu l-ebda konklużjoni dwar kif il-Kummissjoni fl-aħħar mill-aħħar se tittratta l-fatti miksuba matul l-RCC. Ma hemm l-ebda skadenza statutorja għad-divulgazzjoni tar-rapporti tal-RCC. Ma wasal l-ebda kumment mill-partijiet dwar l-informazzjoni pprovduta fir-rapporti tal-RCC. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tqisx li d-drittijiet ta’ difiża tal-partijiet inkisru u l-Uffiċjal tas-Smigħ għal proċedimenti kummerċjali kien tal-istess fehma bħall-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

(11)

Tricon qal li għalkemm kien ikkoopera matul l-investigazzjoni, ismu ma kienx ikkwotat fir-Regolament provviżorju, b’mod partikolari fil-premessi (8) u (66), u, għalhekk, il-Kummissjoni kisret id-dritt ta’ Tricon għal amministrazzjoni tajba.

(12)

Fil-mument tal-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, il-Kummissjoni ma kellhiex biżżejjed informazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ importazzjoni ta’ Tricon fl-Unjoni peress li t-tweġiba għall-kwestjonarju kienet ġiet sottomessa f’isem tliet entitajiet iddikjarati li jinsabu fl-Istati Uniti u mhux fl-Unjoni. Il-Kummissjoni rċeviet dik l-informazzjoni mingħand Tricon biss wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji.

(13)

Fid-dawl ta’ dik l-informazzjoni addizzjonali, il-premessi (8) u (66) tar-Regolament provviżorju li jelenkaw il-partijiet li magħhom il-Kummissjoni organizzat seduti qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji u l-partijiet li ssottomettew tweġiba għall-kwestjonarju rispettivament jenħtieġ li jinqraw bħala li jinkludu wkoll lil Tricon. Barra minn hekk, il-kummenti sottomessi minn Tricon qabel l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji qajmu l-istess kwistjonijiet bħall-kummenti sottomessi minn partijiet interessati oħra, bħal Arteco, Helm u Oxyde, u konsegwentement is-sustanza tagħhom ġiet ikkunsidrata mill-Kummissjoni fir-Regolament provviżorju.

(14)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, MEGlobal Americas tenna d-dikjarazzjoni tiegħu fil-premessa (9) dwar id-divulgazzjoni tar-rapporti tal-RCC. Intqal li ma kienx minnu li ma wasal l-ebda kumment mill-partijiet dwar l-informazzjoni pprovduta fir-rapporti tal-RCC. Ġie argumentat li MEGlobal Americas iddiskuta l-kontenut sostantiv tar-rapporti tal-RCC fil-kummenti għar-Regolament provviżorju u li d-divulgazzjoni tardiva pprovdiet żmien limitat għall-partijiet biex jirrieżaminawha. Ġie argumentat ukoll li l-Kummissjoni kienet soġġetta għal rekwiżiti ta’ proċess korrett tal-liġi ogħla abbażi tal-adattament tal-proċeduri tagħha għall-pandemija tal-COVID-19, li ma ġewx indirizzati mill-Kummissjoni fis-sejbiet finali tagħha. F’dan ir-rigward, MEGlobal Americas irrefera għall-aħħar sentenza fl-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19, li tgħid li l-Kummissjoni se toqgħod attenta b’mod partikolari li jkunu osservati r-rekwiżiti ta’ proċess korrett tal-liġi u trasparenza.

(15)

Kif spjegat fil-premessa (10), l-għan tar-rapporti tal-RCC huwa li jipprovdu lill-partijiet b’rapport fattwali tal-RCC u b’mod partikolari liema informazzjoni setgħet tiġi vverifikata u liema le. Ir-rapporti ma jisiltu l-ebda konklużjoni dwar kif il-Kummissjoni fl-aħħar mill-aħħar se tittratta l-fatti miksuba matul l-RCC. MEGlobal Americas qatt ma identifika żbalji fattwali fir-rapporti tal-RCC u qatt ma talab aktar żmien biex jipprovdi kummenti dwar dawn ir-rapporti. Sempliċiment irrefera għas-sejbiet speċifikati fir-rapport tal-RCC fil-kummenti tiegħu għar-Regolament provviżorju. Il-Kummissjoni tinnota li MEGlobal Americas ma speċifikax eżattament x’ma indirizzatx il-Kummissjoni fis-sejbiet finali tagħha rigward ir-rekwiżiti ta’ proċess korrett tal-liġi Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

1.5.   Kummenti dwar il-bidu

(16)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, il-GRAS tenna l-kummenti tiegħu li għamel qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri rigward il-bidu tal-investigazzjoni. Huwa sostna li l-ilment ma ssodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5.2 tal-Ftehim dwar l-Anti-dumping (“ADA”) peress li (1) ma kellux biżżejjed evidenza ta’ dumping matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, (2) ivvaluta l-effetti tal-importazzjonijiet mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija b’mod kumulattiv mingħajr ġustifikazzjoni xierqa, (3) naqas milli jivvaluta l-eżistenza ta’ dannu materjali b’mod oġġettiv peress li l-perjodu ta’ investigazzjoni kkoinċida mas-sena kalendarja preċedenti, u (4) l-ilmentatur ma pprovdiex evidenza ta’ rabta ta’ kawżalità. Barra minn hekk, il-GRAS qies li l-Kummissjoni naqset milli tindirizza dawn il-kummenti fir-Regolament provviżorju peress li għamlet biss osservazzjonijiet ġenerali. Il-GRAS rrefera għar-Rapport tal-Bord fi Guatemala – Cement II (3) f’dan ir-rigward billi argumenta li l-affermazzjonijiet tal-konklużjonijiet mhux sostanzjati mill-fatti ma kinux jikkostitwixxu l-evidenza meħtieġa mill-Artikolu 5.2 tal-ADA u l-informazzjoni mhux preċiża lanqas ma tikkwalifika bħala evidenza u għalhekk l-investigazzjoni ma kellhiex tinbeda. Barra minn hekk, il-GRAS sostna li billi tat bidu għal din l-investigazzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ evidenza fl-ilment, il-Kummissjoni aġixxiet b’mod inkonsistenti mal-Artikolu 5.3 tal-ADA, u rrefera f’dan ir-rigward għar-Rapport tal-Bord fi L-Istati Uniti – Softwood Lumber V (4). Huwa argumenta li l-Kummissjoni missha ddubitat l-akkuratezza u l-adegwatezza tal-affermazzjonijiet tal-ilmentatur, b’mod partikolari meta ma kinux appoġġati minn informazzjoni, u l-informazzjoni sottomessa b’appoġġ għall-affermazzjonijiet tal-ilmentatur, meta kienet manifestament skorretta. Il-GRAS żied li peress li l-investigazzjoni ma nbdietx f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tal-ADA, l-ewwel kundizzjoni għall-impożizzjoni ta’ dazju anti-dumping skont l-Artikolu 7.1(i) tal-ADA ma ġietx issodisfata u għalhekk ma kellu jiġi impost l-ebda dazju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-MEG li joriġina mir-Renju tal-Arabja Sawdija.

(17)

Il-Kummissjoni tqis li l-bidu tal-investigazzjoni kien iġġustifikat u konformi bis-sħiħ mal-ADA. B’mod partikolari, għall-kalkolu tad-dumping, l-evidenza pprovduta mill-ilmentatur dwar il-kostijiet kienet meqjusa adegwata u preċiża biżżejjed biex jiġi stabbilit il-valur normali, fid-dawl tal-istandard legali applikabbli fil-bidu. Tabilħaqq, kif fakkar il-GRAS, ir-Rapport tal-Bord fi US – Softwood Lumber V ċċara li: “l-applikazzjoni għandu jkun fiha tali informazzjoni li tkun raġonevolment disponibbli għall-applikant biex jissostanzja l-affermazzjoni tiegħu ta’, inter alia, id-dumping allegat, jiġifieri li l-applikazzjoni ma għandhiex għalfejn tinkludi l-informazzjoni kollha raġonevolment disponibbli għall-applikant, iżda biss l-informazzjoni li tappoġġa każ prima facie”. F’dan il-każ, l-ilmentatur ippreżenta l-informazzjoni li kienet raġonevolment disponibbli għalih dwar il-proċess tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat. Dik l-informazzjoni kienet suffiċjenti b’mod kwantitattiv u kwalitattiv biex tappoġġa l-kalkolu tal-valur normali u tal-marġni tad-dumping. Il-fatt li l-ilmentatur ma pprovdiex informazzjoni preċiża dwar il-katina sħiħa tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat fir-Renju tal-Arabja Sawdija ma jfissirx li l-evidenza kellha titqies bħala insuffiċjenti, kif issuġġerixxa l-GRAS. Ir-rekwiżit li l-ilmentatur jipprovdi informazzjoni addizzjonali u aktar preċiża li ma hijiex raġonevolment disponibbli għall-ilmentatur ipoġġi l-oneru tat-twettiq tal-investigazzjoni proprja fuq l-ilmentatur minflok fuq l-awtorità ta’ investigazzjoni. Tabilħaqq, il-Bord fi L-Istati Uniti – Softwood Lumber V enfasizza li l-evidenza meħtieġa teħtieġ biss li tiġi sottomessa “sal-punt raġonevolment disponibbli għall-applikant” u li dan il-lingwaġġ “kien maħsub biex jevita li jitpoġġa piż żejjed fuq l-applikant li jissottometti informazzjoni li ma hijiex raġonevolment disponibbli għalih”. (5) Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li filwaqt li l-GRAS jissuġġerixxi li l-informazzjoni sottomessa mill-ilmentatur kienet tammonta għal affermazzjonijiet ta’ konklużjonijiet mhux sostanzjati mill-fatti, huwa ma jindikax b’mod preċiż liema affermazzjonijiet fl-ilment qed jirreferi għalihom iżda jagħmel biss kumment ġenerali. Għalhekk, il-Kummissjoni ttenni li l-ilmentatur ippreżenta biżżejjed evidenza tal-eżistenza ta’ dumping biex ikun iġġustifikat il-bidu tal-investigazzjoni.

(18)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, il-GRAS reġa’ tenna l-kummenti tiegħu li għamel qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji rigward il-bidu tal-investigazzjoni. Huwa reġa' argumenta li l-ilment ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 5.2 tal-ADA minħabba l-erba’ punti msemmija fil-premessa (16). Barra minn hekk, ġie argumentat li l-ilment ma kienx fih informazzjoni li kienet raġonevolment disponibbli għall-ilmentatur u ma pprovdiex biżżejjed evidenza ta’ dumping. B’mod aktar preċiż, il-GRAS sostna li l-ilment ma kienx fih informazzjoni dwar il-prezzijiet domestiċi tal-MEG li kienu jkunu raġonevolment disponibbli għall-ilmentatur. Barra minn hekk, il-GRAS argumenta li l-ilmentatur ikkalkula l-valur normali abbażi tad-data miġbura minn żewġ produtturi tal-Unjoni, li artifiċjalment għollew il-valur normali.

(19)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ dawn l-affermazzjonijiet. L-ilmentatur spjega li s-suq domestiku fir-Renju tal-Arabja Sawdija għall-MEG kien żgħir ħafna meta mqabbel mal-volum tal-esportazzjonijiet u l-informazzjoni disponibbli pubblikament kienet limitata. F’dan is-sens, l-informazzjoni dwar il-prezzijiet ma kinitx tkun rappreżentattiva. Għalhekk, l-ilmentatur bena l-valur normali għar-Renju tal-Arabja Sawdija fuq il-bażi tal-kost tal-produzzjoni flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-kostijiet tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi u għall-profitti. L-ilment spjega wkoll li l-proċess ta’ produzzjoni tal-MEG huwa simili fil-pajjiżi kollha u li ma kienx hemm differenzi sinifikanti bejn il-proċessi ta’ produzzjoni fl-Unjoni u fir-Renju tal-Arabja Sawdija. Barra minn hekk, l-ilmentatur kiseb data mingħand il-produtturi tal-Unjoni dwar il-volum tal-konsum ta’ inputs meħtieġa biex jiġi prodott MEG bħall-materja prima, l-enerġija, ix-xogħol eċċ. Barra minn hekk, l-ilmentatur kiseb data fir-Renju tal-Arabja Sawdija għal kull input li għalih id-data kienet disponibbli għall-pubbliku u għal ċerti fatturi ta’ produzzjoni li għalihom ma kienet disponibbli l-ebda data pubblika, id-data ġiet stmata fuq bażi raġonevoli. It-Taqsima B.2.1.2 tal-ilment tispjega s-sors tad-data għal kull input. Il-valur normali kien, għalhekk, mibni fuq il-prezzijiet tal-inputs fir-Renju tal-Arabja Sawdija, abbażi tal-informazzjoni raġonevolment disponibbli għall-ilmentatur u li tindika b’mod suffiċjenti l-eżistenza ta’ dumping. Għalhekk, dawn l-affermazzjonijiet ma ntlaqgħux.

1.6.   Kampjunar

(20)

MEGlobal Americas sostniet li l-inklużjoni tagħha fil-kampjun tal-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti ma kinitx iġġustifikata peress li kellha biss għadd limitat ta’ kunsinni lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u li dawn il-kunsinni saru minħabba l-inkapaċità ta’ wieħed mill-ilmentaturi li jforni MEG lil MEGlobal Europe GmbH (“MEGlobal Europe”).

(21)

Il-Kummissjoni tinnota li MEGlobal Americas ma kkummentatx, u wisq inqas oġġezzjonat, għad-deċiżjoni tal-kampjunar matul il-perjodu maħsub għall-kummenti wara n-notifika tagħha, kif stipulat fit-Taqsima 5.3.1.1(a) tan-Notifika ta’ bidu. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-eżerċizzju tal-kampjunar twettaq f’konformità sħiħa mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku u l-investigazzjoni kienet limitata għal għadd raġonevoli ta’ partijiet abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, li seta’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli, il-volum tal-bejgħ domestiku ta’ kull produttur esportatur, u l-kapaċità tal-produtturi esportaturi li jikkooperaw billi jipprovdu d-data għall-perjodu ta’ investigazzjoni. LCLA u MEGlobal Americas kienu l-akbar żewġ esportaturi lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li esprimew li huma lesti li jiġu inklużi fil-kampjun. Barra minn hekk, ir-raġuni għaliex issir l-esportazzjoni mill-partijiet ma hijiex rilevanti għad-deċiżjoni dwar il-kampjunar. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(22)

L-ilmentatur enfasizza li fil-formola tal-kampjunar, Sasol Chemicals North America LLC (“Sasol”) ma rrapporta l-ebda esportazzjoni lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, filwaqt li Helm kien magħruf li huwa d-distributur fit-tul ta’ MEG prodott minn Sasol madwar id-dinja, inkluż fl-Unjoni. Barra minn hekk, ġie nnotat li Helm ippreżenta tweġiba għall-kwestjonarju li fiha rrapporta l-bejgħ fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-Istati Uniti. Għalhekk, l-ilmentatur ikkunsidra li seta’ kien hemm bejgħ esportat minn Sasol maħsub għall-konsum fl-Unjoni u għalhekk, talab lill-Kummissjoni tivverifika jekk il-MEG prodott minn Sasol fl-Istati Uniti kienx esportat lejn l-Unjoni permezz ta’ negozjanti bħal Helm, u konsegwentement tivvaluta jekk il-marġni tad-dumping medju ponderat tal-kampjun applikat għal Sasol kienx iġġustifikat.

(23)

Fil-formola tal-kampjunar, Sasol iddikjara li esporta lejn l-Unjoni biss permezz ta’ Helm. Helm ikkonferma din l-affermazzjoni u pprovda l-volum ta’ dan il-bejgħ. Il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tiħux kampjun ta’ Sasol minħabba li dawn il-volumi kienu aktar baxxi mill-volumi tal-esportazzjonijiet ta’ LCLA u ta’ MEGlobal Americas. Għalhekk, bħala produttur esportatur li kkoopera li ma kienx inkluż fil-kampjun, id-dazju anti-dumping applikat għal Sasol huwa l-medja ponderata tal-kampjun.

(24)

Fil-kummenti tiegħu wara d-divulgazzjoni finali, MEGlobal Americas tenna d-dikjarazzjoni tagħhom imsemmija fil-premessa (20). Huwa argumenta wkoll li l-volum stmat tal-esportazzjonijiet tal-MEG prodott minn Sasol fl-Istati Uniti u esportat lejn l-Unjoni fil-PI kien ogħla minn dak ta’ MEGlobal Americas. Ġie argumentat li l-MEG prodott minn Sasol kien kważi esklużivament importat minn Helm AG. Għalhekk, MEGlobal Americas argumenta li d-deċiżjoni li jittieħed kampjun ta’ MEGlobal Americas ma kinitx ibbażata fuq data akkurata.

(25)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. Minbarra r-raġunijiet spjegati fil-premessi (21) u (23) f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li d-data pprovduta minn MEGlobal Americas ma kinitx tindika s-sors tal-provvista għal Helm AG filwaqt li Helm AG importa MEG mill-Istati Uniti minn diversi produtturi, mhux biss Sasol. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(26)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar il-kampjunar tal-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti, is-sejbiet provviżorji fil-premessi (61) u (62) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

(27)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward il-kampjunar tal-produtturi esportaturi fir-Renju tal-Arabja Sawdija, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (63) sa (64) tar-Regolament provviżorju.

1.7.   Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu taħt kunsiderazzjoni

(28)

Fil-kummenti tagħha għar-Regolament provviżorju, CPME tenna l-affermazzjoni tiegħu li l-perjodu ta’ investigazzjoni (“PI”) magħżul mill-Kummissjoni ma kienx jinkludi l-perjodu immedjatament qabel il-bidu tal-investigazzjoni, jiġifieri l-perjodu Lulju – Settembru 2020 u, għalhekk, kien jikser ir-Regolament bażiku. Din l-affermazzjoni ġiet miċħuda għar-raġunijiet deskritti fil-premessa (70) tar-Regolament provviżorju.

(29)

CPME sostna wkoll li kieku kellu jiġi inkluż dak il-perjodu, dan juri n-nuqqas ta’ dannu materjali, iżda ma pprovda l-ebda evidenza f’dan ir-rigward. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(30)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-perjodu ta’ investigazzjoni u l-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessa (68) tar-Regolament provviżorju.

1.8.   Divulgazzjoni

(31)

Fit-13 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien biħsiebha timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti MEG li joriġinaw mir-Renju tal-Arabja Sawdija u mill-Istati Uniti tal-Amerka (“divulgazzjoni finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li matulu setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand l-ilmentatur, GRAS, SABIC, MEGlobal Americas, LCLA, EMPC, Helm, Oxyde, Tricon, Arteco u CPME. Fuq il-bażi ta’ dawn il-kummenti, il-Kummissjoni mmodifikat xi wħud mill-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien beħsiebha timponi dazju anti-dumping definittiv u infurmat lill-partijiet interessati kollha b’dan (“divulgazzjoni finali addizzjonali”) fl-4 ta’ Ottubru 2021.

(32)

Wara d-divulgazzjoni finali u d-divulgazzjoni finali addizzjonali, il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jinstemgħu skont id-dispożizzjonijiet stipulati fil-punt 5.7 tan-Notifika ta’ bidu. Saru seduti ma’ SABIC, MEGlobal Americas, u LCLA.

2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Dikjarazzjonijiet dwar l-ambitu tal-prodott

(33)

SABIC tenna l-affermazzjoni tiegħu li l-MEG off-spec kien prodott tat-tieni għażla li kellu prezz aktar baxx meta mqabbel mal-MEG prim u s-suq għall-MEG off-spec kien ferm iżgħar minn dak għall-MEG prim. Għar-raġunijiet spjegati fil-premessa (79) tar-Regolament provviżorju, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(34)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, SABIC tenna d-dikjarazzjoni tiegħu li l-Kummissjoni għandha teskludi l-MEG off-spec mill-ambitu tal-investigazzjoni għar-raġunijiet imsemmija fil-premessa (33). SABIC iddikjara li dawn il-pretensjonijiet ma ġewx indirizzati mill-Kummissjoni.

(35)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. Fil-premessa (79) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni spjegat b’mod ċar ir-raġunijiet għaliex it-talba ġiet miċħuda.

(36)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar l-ambitu tal-prodott, is-sejbiet provviżorji fil-premessi (71) sa (79) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

3.   DUMPING

3.1.   Renju tal-Arabja Sawdija

3.1.1.   Ġenerali

(37)

EMPC sostna li fil-premessa (80) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni rreferiet għal SABIC bħala l-uniku grupp ta’ kumpaniji b’sitt entitajiet ta’ produzzjoni fir-Renju tal-Arabja Sawdija. EMPC enfasizzat li Yanpet kienet impriża konġunta 50/50 bejn kumpanija affiljata ta’ ExxonMobil (Mobil Yanbu Petrochemical Company Inc) u SABIC u la l-EMPC u lanqas xi kumpanija affiljata oħra ta’ ExxonMobil (“ExxonMobil”) ma kienu parti mill-grupp ta’ kumpaniji ta’ SABIC. Barra minn hekk, ġie ddikjarat li filwaqt li Yanpet kienet tmexxi l-produzzjoni, id-deċiżjonijiet kollha kummerċjali u dwar l-ipprezzar għall-volumi tal-produzzjoni tal-MEG ta’ ExxonMobil kienu jsiru esklużivament minn ExxonMobil u d-deċiżjonijiet kummerċjali u tal-ipprezzar kollha għall-volumi tal-produzzjoni ta’ MEG ta’ SABIC kienu jsiru esklużivament minn SABIC. Ġie miżjud ukoll li EMPC u SABIC kienu kompetituri u li skont il-premessi (80) sa (86) tar-Regolament provviżorju, il-marġni tad-dumping uniku għall-pajjiż kollu għar-Renju tal-Arabja Sawdija ġie kkalkolat abbażi ta’ valur normali tal-bejgħ domestiku bi profitt ta’ SABIC. Għalhekk, ir-Regolament provviżorju impona dazju anti-dumping fuq il-volumi mibjugħa minn ExxonMobil abbażi ta’ valur normali ddeterminat billi tqiesu l-bejgħ domestiku ta’ SABIC u prezz tal-esportazzjoni parzjalment ibbażat fuq il-bejgħ esportat ta’ SABIC. Għalhekk, EMPC huwa soġġett għal dazju anti-dumping ikkalkolat abbażi ta’ data minn kompetitur mhux relatat anki jekk ma hemm l-ebda riskju ta’ ċirkomvenzjoni bejn SABIC u EMPC.

(38)

Il-Kummissjoni tqis li EMPC huwa relatata ma’ SABIC bis-saħħa tal-Artikolu 127(1) (g) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (6) billi flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament. Ma huwiex ikkontestat li Yanpet hija kumpanija ta’ impriża konġunta li l-ishma tagħha huma maqsuma b’mod indaqs bejn SABIC u ExxonMobil. EMPC u SABIC huma rrappreżentati b’mod ugwali fil-bord tad-diretturi ta’ Yanpet, peress li kull wieħed minnhom innomina diretturi ta’ Yanpet. Din hija indikazzjoni qawwija li SABIC u ExxonMobil jikkontrollawha b’mod konġunt u dirett. Fir-rigward tal-affermazzjoni li SABIC u ExxonMobil jaġixxu b’mod indipendenti u li ma hemm l-ebda riskju ta’ ċirkomvenzjoni, il-Kummissjoni tosserva li EMPC ma ssostanzjax din l-affermazzjoni ħlief b’sempliċi asserzjonijiet. Għalhekk, l-affermazzjoni hija miċħuda u l-Kummissjoni tqis lil SABIC u lil ExxonMobil bħala partijiet relatati għall-finijiet ta’ din l-investigazzjoni.

(39)

Barra minn hekk, EMPC qies li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet ta’ difiża tiegħu peress li EMPC ma kellhiex għarfien dwar il-kalkolu tal-valur normali u tal-prezz tal-esportazzjoni ta’ SABIC.

(40)

Peress li Yanpet hija impriża konġunta 50/50 ma’ SABIC, hija rċeviet l-istess dazju anti-dumping individwali bħall-grupp SABIC. Kif ġie spjegat fid-divulgazzjoni speċifika, il-Kummissjoni ma tistax tiddivulga lil EMPC informazzjoni kunfidenzjali tan-negozju li tappartjeni għal SABIC (bħall-bejgħ ta’ SABIC fis-suq domestiku), f’konformità mal-prattika ġenerali dwar il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali.

(41)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, EMPC tennew l-affermazzjonijiet tagħhom imsemmija fil-premessa (37). Barra minn hekk, EMPC afferma b’mod żbaljat li fil-premessa (38) il-Kummissjoni ddikjarat li d-deskrizzjoni tal-impriża konġunta Yanpet minn EMPC kienet ibbażata fuq sempliċi asserzjonijiet. Fil-fatt, il-Kummissjoni ddikjarat li l-affermazzjoni ta’ EMPC dwar in-nuqqas ta’ riskju ta’ ċirkomvenzjoni kienet ibbażata fuq sempliċi asserzjonijiet. Barra minn hekk, EMPC sostna li skont il-Ftehim dwar il-Kummerċjalizzazzjoni bejn EMPC u Yanpet, EMPC u SABIC jikkummerċjalizzaw u jbigħu l-MEG manifatturat minn Yanpet b’mod kompletament indipendenti.

(42)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din id-dikjarazzjoni. Kif spjegat fil-premessa (38) Yanpet hija impriża konġunta kkontrollata b’mod konġunt u dirett minn SABIC u ExxonMobil. Barra minn hekk, xi dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Kummerċjalizzazzjoni bejn EMPC u Yanpet jissuġġerixxu li hemm riskju għoli ta’ ċirkomvenzjoni f’każ li SABIC u EMPC jirċievu dazji individwali differenti. Ingħataw spjegazzjonijiet dettaljati lil EMPC fid-divulgazzjoni speċifika, peress li inkludiet informazzjoni kunfidenzjali.

(43)

Barra minn hekk, EMPC tennew il-kummenti tagħhom fil-premessa (39) mingħajr ma ressqu elementi ġodda.

(44)

Għar-raġunijiet elenkati fil-premessa (40), din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

3.1.2.   Valur normali

(45)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand SABIC, il-GRAS u EMPC.

(46)

SABIC, il-GRAS u EMPC kkontestaw l-aġġustament li sar għall-valur tal-propan kif deskritt fil-premessi (87) sa (94) tar-Regolament provviżorju. SABIC irrefera għas-sejbiet tal-Kummissjoni fl-approvazzjoni tal-fużjoni ta’ SABIC u Saudi Aramco (il-Kawża M.9410 — SAUDI ARAMCO/SABIC) (7).

(47)

Il-Kummissjoni vvalutat mill-ġdid is-sejbiet provviżorji tagħha. Il-Kummissjoni nnotat li d-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-fużjoni tal-konċentrazzjoni bejn Saudi Aramco u SABIC irrikonoxxiet in-nuqqas ta’ relazzjoni bejn iż-żewġ kumpaniji qabel id-data tal-akkwiżizzjoni ta’ 70 % tal-ishma f’SABIC skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (8). Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra li l-bejgħ ta’ materja prima kieku ma jkunx f’kundizzjoni ta’ distakkament, il-Kummissjoni għalhekk irrevediet id-determinazzjoni tal-marġni tad-dumping għal SABIC f’dan ir-rigward billi użat il-kost irrapportat tal-propan. Minn dan isegwi li l-valur normali kien ibbażat fuq il-medja ponderata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu matul il-PI bħala l-volum tal-bejgħ, mibjugħ bi prezz tal-bejgħ nett daqs jew ogħla mill-kost ikkalkulat tal-produzzjoni, irrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum totali tal-bejgħ.

(48)

Barra minn hekk, SABIC sostna li, peress li l-Kummissjoni eżaminat kemm il-bejgħ domestiku kif ukoll l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni fil-livell tal-grupp ta’ kumpaniji kif deskritt fil-premessa (80) tar-Regolament provviżorju, hija kellha tqis il-kost tal-produtturi relatati kollha fid-determinazzjoni ta’ jekk il-bejgħ domestiku kienx bi profitt. Huwa argumenta li l-Kummissjoni ma setgħetx tqabbel il-bejgħ domestiku u esportat tal-produtturi kollha daqslikieku jikkostitwixxu entità waħda, filwaqt li fl-istess ħin tivvaluta l-profittabbiltà fuq bażi speċifika għall-produttur.

(49)

Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ din l-affermazzjoni. Ma jkunx xieraq li tiġi vvalutata l-profittabbiltà tal-bejgħ domestiku kontra l-kost tal-produzzjoni tal-kumpaniji li ma jbigħux domestikament u l-investigazzjoni stabbiliet li mhux l-entitajiet produtturi kollha jbigħu l-MEG fis-suq domestiku.

(50)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, l-EMPC talab lill-Kummissjoni biex tikkonferma li (i) użat il-kostijiet reali kollha tal-produzzjoni, inklużi l-kostijiet reali tal-materja prima użata għall-produzzjoni tal-etilen kif irrapportat mill-produtturi esportaturi fil-KSA u (ii) ma għamlitx aġġustamenti tal-kost għall-kost ta’ kwalunkwe feedstock.

(51)

Il-Kummissjoni kkonfermat li fil-kalkolu tal-valur normali ntużaw il-kostijiet tal-produzzjoni rrapportati inklużi l-kostijiet irrapportati tal-materja prima użata għall-produzzjoni tal-etilen. Tabilħaqq, il-Kummissjoni ma aġġustat il-kost tal-ebda feedstock.

(52)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, SABIC tenna l-affermazzjoni tiegħu msemmija fil-premessa (48) mingħajr ma ppreżenta elementi ġodda.

(53)

Għar-raġunijiet elenkati fil-premessa (49), din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(54)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, l-ilmentatur ma qabilx mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tuża l-prezz tal-propan irrapportat minn SABIC kif iddikjarat fil-premessa (47). L-ilmentatur l-ewwel sostna li l-liġi applikabbli fl-investigazzjonijiet anti-dumping kienet ir-Regolament bażiku u mhux ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet, li kellu kriterji differenti u funzjonijiet differenti. Għalhekk, peress li japplikaw kriterji legali differenti, it-trasferiment tas-sejbiet minn qafas legali għal ieħor kien illoġiku u illegali. It-tieni, ġie ddikjarat li peress li l-prezz ġie ffissat mill-GRAS, il-kunsiderazzjonijiet normali relatati mal-kunċett ta’ prezz “ta’ distakkament” ma kinux japplikaw. It-tielet, intqal li l-aċċettazzjoni tal-prezz fiss tal-propan ta’ SABIC, li ma kienx “normali” u li ma kienx jirrifletti b’mod raġonevoli l-kostijiet reali, kien bi ksur tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. Ir-raba’, ġie argumentat ukoll li fl-investigazzjonijiet kontra r-Russja, il-Kummissjoni aġġustat il-prezz tal-gass, li kien stabbilit ukoll mill-gvern u għalhekk l-applikazzjoni ta' kriterji differenti għar-Renju tal-Arabja Sawdija minn dawk applikati għar-Russja fl-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ kienet diskriminatorja. Il-ħames, ġie sostnut li l-Kawża M.9410 ma sabet xejn fir-rigward tal-propan. Is-sitt, ġie ddikjarat li d-Deċiżjoni dwar l-Għaqdiet irrikonoxxiet l-eżistenza ta’ integrazzjoni vertikali li tikkonċerna l-provvista upstream u downstream fil-katina tal-valur tal-glikoli tal-etilen iżda li d-Deċiżjoni dwar l-amalgamazzjoni ma indirizzatx in-natura tar-rabta vertikali, jiġifieri jekk il-provvista ta’ prodotti upstream bejn Saudi Aramco u SABIC kinitx f’kondizzjonijiet ta’ distakkament. Ġie ddikjarat li l-Kummissjoni investigat biss jekk din ir-rabta vertikali kinitx probabbli li twassal għal esklużjoni potenzjali mis-suq. Fl-aħħar nett, l-ilmentatur argumenta li Saudi Aramco u SABIC kienu kumpaniji relatati u t-tranżazzjonijiet tagħhom ma kinux fl-andament normali tal-kummerċ.

(55)

Il-Kummissjoni ma qablitx u kkonfermat is-sejbiet tagħha li l-użu tal-prezz tal-propan irrappurtat minn SABIC kien xieraq f’dan il-każ. B’mod partikolari, id-Deċiżjoni dwar il-fużjoni indirizzat in-natura tar-rabta vertikali bejn iż-żewġ kumpaniji u d-deċiżjonijiet tal-ipprezzar relatati mal-operazzjonijiet taż-żewġ kumpaniji matul il-PI. Pereżempju, id-Deċiżjoni tgħid li “kwalunkwe koordinazzjoni materjali tal-attivitajiet ta’ SABIC ma’ dawk ta’ Saudi Aramco se tkun ta’ sfida u ssir mingħajr għarfien dettaljat tal-ipprezzar, il-klijenti u l-istrateġija kumplessiva ta’ SABIC” (il-premessa (12)) u li “l-interazzjonijiet kummerċjali tal-Partijiet huma limitati u b’kundizzjonijiet ta’ distakkament”, il-partijiet “issottomettew evidenza biex juru dan, mill-inqas fis-swieq affettwati vertikalment fejn Saudi Aramco jew Sabic jaġixxu bħala fornituri ta’ xulxin” (il-premessa (14)). Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-valutazzjoni tagħha kif indikata fil-premessa (47) ta’ dan ir-Regolament.

(56)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar id-determinazzjoni tal-valur normali, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (81) sa (93) tar-Regolament provviżorju, ikkoreġuti kif indikat fil-premessa (47) ta’ dan ir-Regolament.

3.1.3.   Prezz tal-esportazzjoni

(57)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand SABIC u EMPC dwar id-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni.

(58)

SABIC innota li l-analiżi tal-Kummissjoni kellha nuqqasijiet peress li qieset li l-prezz tal-esportazzjoni ma kienx affidabbli biss abbażi tal-eżistenza ta’ relazzjoni bejn il-kumpaniji. SABIC irreferiet għar-Rapport tal-Bord ta’ US-OCTG (Korea) (9). Skont SABIC, il-Bord sab li filwaqt li l-Artikolu 2.3 tal-ADA, li jirrifletti l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, ma imponiex rekwiżit li ssir determinazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-prezz tal-esportazzjoni, l-Artikolu 2.3 tal-ADA ma ppermettiex lill-awtoritajiet investigattivi jaħdmu l-prezz tal-esportazzjoni kull meta kien hemm assoċjazzjoni. SABIC ipprovda informazzjoni addizzjonali, inklużi spjegazzjonijiet dwar l-iffissar tal-prezzijiet interni tiegħu bejn entitajiet relatati, fis-sottomissjoni kunfidenzjali tiegħu.

(59)

Il-Kummissjoni sabet li l-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn SABIC rigward l-iffissar tal-prezzijiet interni bejn entitajiet relatati ma kinux jiġġustifikaw devjazzjoni mill-applikazzjoni tal-Artikolu 2(9). Din il-valutazzjoni ġiet divulgata lil SABIC fid-divulgazzjoni speċifika tiegħu peress li tinkludi informazzjoni kunfidenzjali tan-negozju. Abbażi tal-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li f’dan il-każ il-prezz tal-esportazzjoni ma kienx affidabbli minħabba l-assoċjazzjoni bejn l-esportatur, in-negozjant u l-importatur. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(60)

Barra minn hekk, SABIC sostna li l-prezz tal-esportazzjoni ma għandux jinħadem skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku u ma jenħtieġ li jsir l-ebda aġġustament għat-tranżazzjonijiet bejn partijiet relatati, b’mod partikolari għall-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (“SG&A”, selling, general and administrative) u l-profitt, minħabba li l-Kummissjoni vvalutat id-dumping fil-“livell tal-grupp ta’ kumpaniji” u li l-produtturi esportaturi mill-Arabja Sawdija ġew integrati. Għalhekk, SABIC sostna li l-prezz tal-esportazzjoni jrid ikun ibbażat fuq il-prezzijiet reali tal-esportazzjoni, wara t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-bejgħ ivverifikati kollha.

(61)

Il-Kummissjoni nnotat li l-marġni tad-dumping kien tabilħaqq ikkalkolat fil-livell tal-grupp ta’ kumpaniji, fis-sens li l-entitajiet relatati kollha rċevew l-istess marġni tad-dumping individwali u t-tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni u l-bejgħ domestiku rilevanti kollha ġew ikkunsidrati għall-kalkolu tal-marġni tad-dumping. Dan huwa indipendenti mill-fatt li l-prezzijiet tal-esportazzjoni kellhom jiġu aġġustati skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku f’dan il-każ, peress li l-prezz tal-esportazzjoni ma kienx affidabbli minħabba assoċjazzjoni bejn l-esportatur u l-importatur. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(62)

SABIC u EMPC ikkontestaw l-użu mill-Kummissjoni tal-marġni ta’ profitt ta’ 6,89 % stabbilit fl-investigazzjoni anti-dumping dwar il-PVA li joriġina miċ-Ċina (10) minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità rigward id-data tal-importaturi li kkooperaw. SABIC talbet lill-Kummissjoni tuża l-informazzjoni relatata mal-profittabbiltà ta’ SABIC Petrochemicals B.V (“SPC”) u ta’ SABIC Italia (“SI”), li kienet ġiet ivverifikata. SABIC u EMPC iddikjaraw li l-proporzjon ta’ profitt użat mill-Kummissjoni ma kienx raġonevoli skont it-tifsira tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku peress li kien relatat ma’ prodott differenti, importazzjonijiet minn pajjiż differenti u perjodu ta’ żmien differenti. SABIC iddikjara wkoll li l-marġni ta’ profitt użat mill-Kummissjoni ma kienx jirrifletti l-funzjonijiet u r-riskji reali ta’ SPC u SI.

(63)

Il-Kummissjoni ma tqisx il-marġni ta’ profitt tal-importatur relatat u/jew tan-negozjant relatat bħala raġonevoli peress li huwa affettwat mill-assoċjazzjoni mal-kumpaniji li jixtru l-MEG mingħandhom. Skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, huwa meqjus xieraq li jintuża marġni ta’ profitt raġonevoli indipendentement mill-profitt reali li jirriżulta mill-prezz ta’ trasferiment sabiex jiġi evitat kwalunkwe effett distorsiv li jista’ jirriżulta mill-prezz ta’ trasferiment. Barra minn hekk, wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, il-Kummissjoni kellha l-ħsieb li torganizza RCCs ma’ żewġ importaturi li kkooperaw iżda ma kinux disponibbli, kif iddikjarat fil-premessa (8). Għalhekk, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe data alternattiva fil-fajl li tista’ tintuża, il-Kummissjoni ddeċidiet li tuża l-marġni ta’ profitt użat fl-istadju provviżorju kif deskritt fil-premessa (97) tar-Regolament provviżorju.

(64)

SABIC sostna wkoll li t-tnaqqis ta’ marġni ta’ profitt ta’ importatur mhux relatat mill-bejgħ li sar permezz tal-importatur relatat (SPC) kif ukoll mill-bejgħ fatturat min-negozjant fl-Unjoni (SI) irriżulta f’duplikazzjoni.

(65)

Il-Kummissjoni nnotat li ż-żewġ marġnijiet ta’ profitt tqiesu għal skopijiet differenti u tnaqqsu separatament. Għall-bejgħ esportat li sar permezz ta’ importatur relatat fl-Unjoni, il-prezz tal-esportazzjoni inħadem skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti importati ġew mibjugħa mill-ġdid l-ewwel lil xerrej indipendenti jew lil SI. F’dawn il-każijiet sar aġġustament għall-akkumulazzjoni tal-profitt sabiex jiġi stabbilit prezz tal-esportazzjoni affidabbli. B’kuntrast għal dan, il-kummissjoni għan-negozjant relatat fl-Unjoni li wettaq il-funzjoni ta’ negozjant li jaġixxi fuq bażi ta’ kummissjoni tnaqqset skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, kif diskuss ulterjorment fil-premessa (79). Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(66)

Fit-tweġiba għall-kwestjonarju, SPC alloka l-ispejjeż kollha ta’ SGA abbażi tal-fatturat. Wara d-divulgazzjoni provviżorja, SABIC iddikjara li minħabba li SPC kien kemm produttur kif ukoll distributur u l-maġġoranza tal-forza tax-xogħol u l-attivitajiet tiegħu jikkonċernaw il-produzzjoni ta’ sustanzi kimiċi u polimeri, l-ispejjeż tal-SG&A jenħtieġ li jiġu allokati mill-ġdid għal prodotti manifatturati minn SPC, minn naħa waħda, u prodotti kkummerċjati tal-MEG, min-naħa l-oħra. Ġie ddikjarat ukoll li din il-metodoloġija ta’ allokazzjoni kienet tirrifletti b’mod aktar akkurat id-distribuzzjoni tal-ispejjeż.

(67)

Matul l-RCC, SABIC ma affermax li l-allokazzjoni tiegħu tal-ispejjeż tal-SG&A ma kinitx akkurata. Minħabba li l-RCC kienet seħħet fuq il-bażi tal-metodu ta’ allokazzjoni ppreżentat inizjalment, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li twettaq kontroverifika tat-tabella sottomessa mill-ġdid u tad-diversi metodi ta’ allokazzjoni ġodda użati f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(68)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, SABIC tennew l-affermazzjoni tagħhom imsemmija fil-premessa (58) billi argumentaw li l-prezz tal-esportazzjoni mħallas lill-produtturi ma kienx affettwat mir-relazzjoni bejn il-kumpaniji relatati u l-produtturi tħallsu l-prezzijiet reali mħallsa mill-klijenti mhux relatati fl-Unjoni wara t-tnaqqis tal-ispejjeż kollha tal-bejgħ imġarrba. Din l-affermazzjoni ġiet imtennija wkoll minn GRAS. F’dan ir-rigward, fil-verżjoni kunfidenzjali tas-sottomissjoni tiegħu, SABIC ippreżenta il-ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni bejn SABIC u wieħed mill-produtturi relatati.

(69)

Il-Kummissjoni nnotat li dan il-ftehim ma kienx ikopri l-bejgħ lejn l-Unjoni. Madankollu, anki jekk il-kundizzjonijiet ta’ dan il-ftehim kienu applikabbli għall-bejgħ ta’ SABIC fis-suq tal-Unjoni, dan ma biddilx il-valutazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa (59). Aktar dettalji rigward il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ingħataw lil SABIC fid-divulgazzjoni speċifika tiegħu peress li jinkludu informazzjoni kunfidenzjali dwar in-negozju.

(70)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, SABIC, EMPC u l-GRAS tennew l-affermazzjoni tagħhom imsemmija fil-premessa (62) rigward l-użu mill-Kummissjoni tal-marġni tal-profitt ta’ 6,89 %. SABIC iddikjara li ma kienx korrett li ma kien hemm l-ebda data alternattiva fil-fajl peress li SABIC issottometta żewġ settijiet indipendenti ta’ data li l-Kummissjoni setgħet użat biex tiddetermina l-marġni ta’ profitt ta’ importaturi mhux relatati.

(71)

Ta’ min jinnota li l-ewwel sett ta’ data kien rapport magħmul minn Deloitte li kien sottomess minn SABIC biss fil-verżjoni kunfidenzjali tas-sottomissjoni tagħhom. Barra minn hekk, ir-rapport ikkalkula l-marġni ta’ profittabbiltà medju ta’ 17-il kumpanija li ġew identifikati bħala komparabbli ma’ kumpaniji SABIC matul il-perjodu mill-2016 sal-2018. Ħamsa biss minn dawn il-kumpaniji kienu jinsabu fl-Unjoni. Minn dawn il-ħames kumpaniji fl-Unjoni, waħda minnhom biss kienet importatur, l-oħrajn kienu involuti fid-distribuzzjoni u l-bejgħ ta’ sustanzi kimiċi. Barra minn hekk, skont dan ir-rapport, il-marġni ta’ profittabbiltà medju tal-importatur li jinsab fl-Unjoni matul il-perjodu mill-2016 sal-2018 kien ogħla mill-marġni ta’ profittabbiltà ta’ 6,89 % użat mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, it-tieni sett ta’ data kien fil-fatt l-informazzjoni finanzjarja ta’ erba’ kumpaniji li SABIC iddikjara li kienu distributuri. Ma ngħatat l-ebda informazzjoni dwar il-kriterji użati minn SABIC fl-għażla ta’ dawn il-kumpaniji. Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-marġni ta’ profitt użat fl-istadju provviżorju kif deskritt fil-premessa (97) tar-Regolament provviżorju huwa l-aktar sors raġonevoli ta’ data disponibbli fil-fajl.

(72)

Fil-kummenti tiegħu wara d-divulgazzjoni finali, SABIC tenna l-affermazzjoni tiegħu msemmija fil-premessa (66) li l-Kummissjoni għandha tuża l-perċentwal tal-SG&A rivedut tal-SPC. Din l-affermazzjoni ġiet imtennija wkoll minn GRAS. SABIC sostniet li minħabba li l-SPC kien kemm produttur kif ukoll distributur u l-maġġoranza tal-forza tax-xogħol u l-attivitajiet tiegħu kienu jikkonċernaw il-produzzjoni ta’ sustanzi kimiċi u polimeri, kien aktar xieraq li l-ispejjeż SG&A jiġu allokati għal prodotti manifatturati mill-SPC u l-MEG u prodotti kummerċjali oħra bbażati fuq l-għadd ta’ persunal impjegat fl-attivitajiet differenti. Barra minn hekk, SABIC sostna li l-Kummissjoni ma kellhiex bżonn tivverifika l-metodoloġija l-ġdida tal-allokazzjoni peress li ntuża biss koeffiċjent wieħed ta’ allokazzjoni u li l-Kummissjoni vverifikat id-data tal-SG&A u d-data dwar l-impjiegi matul l-RCC.

(73)

Meta l-allokazzjoni tal-ispejjeż SG&A kollha ssir abbażi tal-fatturat, il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn tagħmel kontroverifika fid-dettall tal-ispejjeż irrapportati għall-bejgħ tal-prodott ikkonċernat fis-suq tal-Unjoni peress li l-istess perċentwal tal-ispejjeż SG&A huwa allokat għall-bejgħ tal-prodotti kollha fis-swieq kollha. Madankollu, meta tintuża metodoloġija differenti, hemm riskju li l-ispejjeż SG&A tal-prodott ikkonċernat mibjugħ fis-suq tal-Unjoni jiġu allokati ħażin. F’dan il-każ, il-Kummissjoni qed twettaq kontroverifika tal-ispejjeż tal-SG&A rrappurtati fid-dettall. Dan huwa l-każ tal-ispejjeż riveduti tal-SG&A sottomessi minn SABIC. Wara l-metodoloġija l-ġdida, SABIC irrevediet diversi spejjeż SG&A bħall-ispejjeż tar-reklamar, il-kostijiet tal-promozzjoni tal-kummerċ, kostijiet oħra (bħal pretensjonijiet, djun dovuti eċċ), spejjeż finanzjarji u tal-introjtu. Madankollu, dawn it-tipi ta’ spejjeż huma aktar relatati mal-valur tal-bejgħ tal-prodotti milli mal-għadd ta’ impjegati involuti fl-attività tal-bejgħ tal-MEG. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(74)

Fil-kummenti tagħha wara d-divulgazzjoni finali, SABIC sostna li t-tnaqqis ta’ kummissjoni teoretika għall-bejgħ li sar permezz ta’ SI jammonta għal għadd doppju. L-ewwel nett, huwa argumenta li l-Kummissjoni marret kontra l-Artikolu 2(9) minħabba li ħadmet il-prezz tal-esportazzjoni fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti importati nbiegħu mill-ġdid għall-ewwel darba lil SI, in-negozjant relatat. It-tieni nett, huma jargumentaw li SI mhijiex kummerċjant iżda distributur u għalhekk l-aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) mhuwiex ġustifikat. Fl-aħħar nett, huwa argumenta li l-prattika tal-Kummissjoni hija li taġġusta darba biss anki meta jkun hemm ħafna partijiet relatati.

(75)

Il-Kummissjoni ma qablitx. Mhuwiex ikkontestat li, għall-kanal tal-bejgħ inkwistjoni, SABIC ibigħ il-prodott ikkonċernat lil klijenti indipendenti fl-Unjoni permezz ta’ kumpaniji relatati li jaġixxu bħala importaturi u jirċievu kummissjoni għall-attivitajiet tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha, l-ewwel nett, tistabbilixxi prezz tal-esportazzjoni affidabbli fuq il-bażi tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku u, it-tieni, taġġusta l-prezz tal-esportazzjoni għall-kummissjoni mħallsa minn SABIC fuq il-bażi tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku. Fir-rigward tal-kostruzzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni abbażi tal-Artikolu 2(9), il-Kummissjoni naqqset mill-prezz tal-bejgħ mill-ġdid lill-ewwel klijent indipendenti l-SG&A tal-SPC u ammont raġonevoli għall-profitt normalment miksub minn importatur indipendenti. Biex tittratta l-kummissjoni mħallsa minn SABIC għal dak il-bejgħ lill-Unjoni, il-Kummissjoni naqqset l-SG&A ta’ SI u ammont raġonevoli għall-profitt. Jekk SI hux immarkat bħala distributur jew negozjant ma jnaqqasx mill-fatt li SI irċieva kummissjoni mingħand SABIC għall-bejgħ inkwistjoni u, għalhekk, aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) huwa ġustifikat. Mingħajr preġudizzju għal dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tinnota li, abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn SABIC, SPC jirċievi wkoll kummissjoni mingħand SABIC għall-bejgħ li jaffettwa fl-Unjoni. Il-Kummissjoni qieset li aġġustament addizzjonali għal dik il-kummissjoni ma jkunx raġonevoli, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-SG&A u profitt raġonevoli kienu diġà tnaqqsu fir-rigward ta' SPC fil-kostruzzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(9). Aġġustament addizzjonali skont l-Artikolu 2(10)(i) biex jaħseb għall-kummissjoni mħallsa minn SABIC jista’, għalhekk, iwassal għal għadd doppju u għalhekk ma twettaqx. Il-Kummissjoni tqis li l-kostruzzjoni u l-aġġustament imwettqa skont l-Artikolu 2(9) u 2 (10) (i) rispettivament iwasslu għal prezz li kien jinkiseb kieku l-bejgħ sar bejn kumpaniji indipendenti. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(76)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (95) sa (97) tar-Regolament provviżorju.

3.1.4.   Tqabbil

(77)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti dwar it-tqabbil tal-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali mingħand SABIC.

(78)

Ġie ddikjarat li t-tnaqqis kemm tal-kummissjonijiet imħallsa biex ikopru l-ispejjeż tal-SG&A kif ukoll tal-profitt ta’ SPC u SI, u l-allowances għall-ispejjeż tal-SG&A u l-profitt ta’ dawn il-kumpaniji rriżultaw f’duplikazzjoni.

(79)

Fl-istadju provviżorju, il-Kummissjoni naqqset, skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, l-ispejjeż tal-SG&A u profitt raġonevoli mill-prezz tal-bejgħ ta’ SI. Instab li SI kienet qed twettaq il-funzjonijiet ta’ aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni. SI kien qed jixtri u jbigħ mill-ġdid il-prodott ikkonċernat lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni, u SI rċieva kummissjoni fuq dan il-bejgħ mill-produttur esportatur. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqqset, skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, l-SG&A u profitt raġonevoli mill-prezzijiet tal-bejgħ ta’ SPC. Madankollu, kemm SI kif ukoll SPC kienu inkludew fost l-allowances fl-elenkar tal-bejgħ tagħhom il-kummissjonijiet imħallsa mill-produttur esportatur lil dawn iż-żewġ kumpaniji. Għalhekk, tabilħaqq kien hemm duplikazzjoni. Għalkemm il-Kummissjoni qieset li l-kummissjonijiet verament mħallsa ma kinux raġonevoli, u kienu affettwati mir-relazzjoni bejn SI u SPC u l-produttur esportatur, il-Kummissjoni qablet li dawk il-kummissjonijiet ma għandhomx jitnaqqsu flimkien mal-aġġustamenti li diġà saru. Għalhekk, l-ammont ta’ dawn il-kummissjonijiet, irrapportat bħala introjtu mill-kumpaniji tal-bejgħ relatati, ma tnaqqasx bħala allowances mill-prezzijiet tal-bejgħ ta’ SI u SPC.

(80)

SABIC sostna wkoll li l-inklużjoni tal-MEG off-spec taħt l-istess PCN bħall-MEG prim bilfors li kienet se twassal għal distorsjoni tal-kalkolu tad-dumping.

(81)

Fil-bidu tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni talbet lil SABIC jirrapporta l-MEG off-spec li ma jissodisfax il-kriterji għal MEG tal-grad tal-fibra (tip A) bħala MEG mhux tal-grad tal-fibra (tip B) fit-tweġiba għall-kwestjonarju. Madankollu, SABIC irrapportat il-bejgħ kollu fl-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni bħala MEG tal-grad tal-fibra. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(82)

Fil-kummenti tagħha wara d-divulgazzjoni finali, SABIC tenna d-dikjarazzjoni tiegħu li kien hemm għadd doppju bejn it-tariffa tal-kummerċjalizzazzjoni, l-ispejjeż SG&A u l-profitti ta' SPC u SI. Din l-affermazzjoni ġiet imtennija wkoll minn GRAS.

(83)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. Kif spjegat fil-premessa (79) , il-Kummissjoni kkoreġiet l-għadd doppju rispettiv. Ingħataw spjegazzjonijiet dettaljati lil SABIC fid-divulgazzjoni speċifika, peress li inkludew informazzjoni kunfidenzjali.

(84)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, SABIC tennew l-affermazzjoni tagħhom fil-premessa (80) mingħajr ma pprovdew ebda informazzjoni ġdida f’dan ir-rigward.

(85)

Għar-raġunijiet elenkati fil-premessa (81), din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(86)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tat-tqabbil, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (102) u (103) tar-Regolament provviżorju, aġġustati kif spjegat fil-premessa (79) ta’ dan ir-Regolament.

3.1.5.   Marġni tad-dumping

(87)

Il-Kummissjoni identifikat żball klerikali fil-fajl tal-kalkolu li bħala konsegwenza tiegħu diversi tranżazzjonijiet ta’ bejgħ ta’ SI bi żball ma ġewx inklużi fil-kalkolu. Dan ġie kkorreġut kif xieraq.

(88)

Kif deskritt fil-premessi (47), (79) u (87) wara affermazzjonijiet li ġew aċċettati mill-Kummissjoni, ċerti elementi tal-valur normali u tal-prezz tal-esportazzjoni ġew riveduti.

(89)

Għaldaqstant, il-marġini tad-dumping definittivi, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġini ta’ dumping definittiv (%)

Saudi Kayan Petrochemical Company (Saudi Kayan)

7,7

Yanbu National Petrochemical Company (Yansab)

7,7

Eastern Petrochemical Company (Sharq)

7,7

Saudi Yanbu Petrochemical Company (Yanpet)

7,7

Arabian Petrochemical Company (Petrokemya)

7,7

Jubail United Petrochemical Company (United)

7,7

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

7,7

3.2.   Stati Uniti tal-Amerka

3.2.1.   Valur normali

(90)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand MEGlobal Americas u mingħand LCLA.

(91)

MEGlobal Americas sostna li l-valur normali jrid ikun ibbażat fuq il-bejgħ domestiku kollu tal-MEG (tip tal-prodott A u B), minkejja li MEGlobal Americas biegħet tip ta’ prodott ta’ MEG wieħed biss lill-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(92)

Il-Kummissjoni nnotat li l-kalkolu biex jiġi stabbilit il-valur normali jrid iqis in-numru ta’ kontroll tal-prodott sabiex jitqabblu tipi identiċi ta’ MEG. Billi l-kumpanija ma esportatx it-tip ta’ prodott B, il-bejgħ domestiku tat-tip ta’ prodott B ma ġiex ikkunsidrat fil-kalkolu tal-valur normali tat-tip ta’ prodott A. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(93)

MEGlobal Americas sostna wkoll li l-Kummissjoni ma qisitx l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-prezzijiet domestiċi. MEGlobal Americas argumenta li l-Kummissjoni esaġerat il-valur tas-suq tal-MEG billi injorat il-bejgħ li sar fi żmien ta’ volatilità kbira fil-prezzijiet tas-suq ikkawżata mill-pandemija tal-COVID-19. Ġie argumentat li parti mill-bejgħ domestiku li nstab li ma kienx fl-andament normali tal-kummerċ sar matul Mejju u Ġunju 2020 meta l-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-MEG naqsu minħabba l-lockdowns obbligatorji infurzati f’reġjuni differenti fid-dinja, inklużi l-Istati Uniti. Skont MEGlobal Americas, is-sejba ta’ dan il-bejgħ bħala mhux fl-andament normali tal-kummerċ kisret l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 2.2.1 tal-ADA li jistipulaw li l-bejgħ jista’ jiġi injorat bħala barra mill-andament normali tal-kummerċ biss jekk il-bejgħ isir “f’perjodu estiż”. MEGlobal Americas argumenta li din il-kundizzjoni ma ġietx issodisfata peress li l-bejgħ mingħajr profitt seħħ biss għal xahrejn, perjodu ta’ żmien iqsar mis-sitt xhur stipulati fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku, u talbet lill-Kummissjoni tinkludi dan il-bejgħ fid-determinazzjoni tal-valur normali.

(94)

Il-Kummissjoni osservat li l-kumment ta’ MEGlobal Americas huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Tabilħaqq, dan l-Artikolu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati sabiex jiġi injorat il-bejgħ mingħajr profitt fid-determinazzjoni tal-valur normali u jippermetti lill-Kummissjoni tinjora l-bejgħ mingħajr profitt meta jsir “f’perjodu estiż fi kwantitajiet sostanzjali”. L-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku jkompli jiċċara li l-perjodu ta’ żmien estiż normalment għandu jkun ta’ sena u fl-ebda każ ma għandu jkun ta’ inqas minn sitt xhur. It-terminu “f’perjodu” jindika li l-Kummissjoni trid tinvestiga l-bejgħ mingħajr profitt fil-kuntest ta’ perjodu ta’ investigazzjoni normalment ta’ sena u fl-ebda każ ta’ inqas minn sitt xhur. Għall-kuntrarju tal-affermazzjoni tal-kumpanija, l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku ma jaqrax “matul perjodu estiż” jew “għal perjodu estiż” u għalhekk ma jirrikjedix lill-Kummissjoni tinjora biss dak il-bejgħ mingħajr profitt li jkun sar normalment għal sena jew mill-inqas għal sitt xhur. F’dan il-każ, il-Kummissjoni investigat il-bejgħ fil-qafas ta’ perjodu estiż ta’ sena (jiġifieri, il-perjodu ta’ investigazzjoni) u b’hekk ikkonformat mal-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(95)

Il-Kummissjoni rċeviet ukoll kummenti mingħand LCLA li sostnew li l-Kummissjoni trid tnaqqas l-introjtu mill-bejgħ tal-prodotti sekondarji mill-kost tal-produzzjoni ta’ LCLA tal-MEG. Skont LCLA, hija l-prattika tal-Kummissjoni li tnaqqas l-introjtu mill-prodotti sekondarji mill-kost tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat u semma, f’dan ir-rigward, il-proċediment anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu ossaliku li joriġinaw miċ-Ċina (11). Għalhekk, LCLA talab lill-Kummissjoni tnaqqas id-dħul mill-bejgħ tal-prodotti sekondarji mill-kost tal-produzzjoni tal-MEG.

(96)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, il-Kummissjoni investigat ukoll jekk LCLA ssottomettietx informazzjoni kompluta biex turi li d-dħul kollu mill-bejgħ ta’ prodotti sekondarji seta’ u jenħtieġx jitnaqqas mill-kost tal-manifattura tal-MEG. Filwaqt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-kumpanija rreġistrat id-dħul mill-bejgħ tal-prodotti sekondarji fil-kontijiet finanzjarji awditjati tagħha taħt dħul minn servizzi oħra, il-Kummissjoni ma tistax tinjora l-fatt li l-kumpanija naqset milli tiddivulga l-volumi tal-prodotti sekondarji li ġew prodotti u mibjugħa matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. LCLA bdiet il-produzzjoni tal-MEG xahrejn qabel il-perjodu ta’ investigazzjoni u għalhekk iġġenerat prodotti sekondarji matul dak il-perjodu wkoll. Il-volum tal-prodotti sekondarji ġġenerati matul il-perjodu ta’ investigazzjoni biss jenħtieġ li jitnaqqas mill-kost tal-produzzjoni tal-MEG matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, u l-informazzjoni rilevanti hija nieqsa fil-fajl. Barra minn hekk, il-kumpanija ma pprovdiet l-ebda dettall dwar ir-regoli kontabilistiċi tal-inventarji tal-prodotti sekondarji. Filwaqt li LCLA sostna li ma setax jiżola b’mod esklużiv il-kost tal-manifattura tal-prodotti sekondarji, il-Kummissjoni tinnota li dawn il-prodotti sekondarji huma ġġenerati f’ċertu mument fil-proċess tal-manifattura tal-MEG u għalhekk allokazzjoni skont il-volum tal-prodott iġġenerat tkun possibbli, kif kien possibbli għal produtturi oħra tal-MEG. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta affermazzjonijiet li sempliċiment jgħidu li tali allokazzjoni ma hijiex possibbli, mingħajr ma l-kumpanija tagħmel kwalunkwe sforz biex tipprovdi metodoloġija raġonevoli ta’ allokazzjoni, kif għamlu kumpaniji oħra. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li kien hemm kwistjoni dwar il-kost u l-prezz korrispondenti tal-prodotti sekondarji. Minħabba l-kunfidenzjalità ta’ din l-affermazzjoni, ġew divulgati aktar dettalji tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni lil LCLA fid-divulgazzjoni speċifika tiegħu peress li dawn jinkludu informazzjoni kunfidenzjali dwar in-negozju. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(97)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, MEGlobal Americas tennew l-affermazzjoni tagħhom fil-premessa (91). MEGlobal Americans affermaw li d-distinzjoni bejn in-numri tal-kontroll tal-prodotti A u B ma kinitx pertinenti għall-MEG manifatturat u mibjugħ minn MEGlobal Americas peress li t-tip B ma kienx manifatturat bi skop.

(98)

MEGlobal Americas irrapportaw bejgħ ta’ prodotti tat-tip A u B fis-suq domestiku u tat-tip ta’ prodott A fis-suq tal-esportazzjoni. Il-fatt li MEGlobal Americas ma pproduċewx it-tip B bi skop huwa irrilevanti. Kif spjegat fil-premessa (92), il-kalkolu biex jiġi stabbilit il-valur normali jqis in-numru ta’ kontroll tal-prodott sabiex jitqabblu t-tipi ta’ MEG li huma kemm jista’ jkun simili. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(99)

MEGlobal Americas tennew ukoll l-affermazzjoni tagħhom imsemmija fil-premessa (93) mingħajr ma pprovdew l-ebda informazzjoni rilevanti ġdida f’dan ir-rigward.

(100)

Għar-raġunijiet elenkati fil-premessa (94), din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(101)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, LCLA ssottomettew l-informazzjoni nieqsa deskritta fil-premessa (96). L-informazzjoni ppreżentata rigward il-volum ta’ prodotti sekondarji ġġenerati matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kienet konformi mal-informazzjoni sottomessa minn partijiet oħra u tqieset affidabbli. Għalhekk, il-Kummissjoni aġġustat 'l isfel il-kost tal-produzzjoni tal-MEG mal-volum tal-prodotti sekondarji ġġenerati matul il-perjodu ta’ investigazzjoni mmultiplikat bil-prezz tal-bejgħ tal-unità tal-prodotti sekondarji mibjugħa matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li ġie kontroverifikat matul il-kontroverifika mill-bogħod. Barra minn hekk, il-valur totali tal-bejgħ tal-prodotti sekondarji kien konsistenti mal-kontijiet awditjati. It-tnaqqis fil-kost tal-produzzjoni żied il-volum tal-bejgħ bi profitt fis-suq domestiku matul l-andament ordinarju tal-kost tal-kummerċ iżda xorta kien għadu inqas minn 80 % tal-bejgħ domestiku kollu. Għaldaqstant, il-valur normali kien ikkalkulat bħala medja ponderata tal-bejgħ profittabbli biss.

(102)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar id-determinazzjoni tal-valur normali għall-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (108) sa (115) tar-Regolament provviżorju.

3.2.2.   Prezz tal-esportazzjoni

(103)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand MEGlobal Americas u mingħand LCLA.

(104)

MEGlobal Americas argumenta li l-prezzijiet tal-MEG imposti bejn il-kumpaniji relatati kienu affidabbli peress li kienu bbażati fuq data minn parti terza u kienu bbażati fuq is-suq u għalhekk iridu jintużaw fid-determinazzjoni tal-marġni tad-dumping.

(105)

Il-prezzijiet mitluba minn MEGlobal Americas lill-kumpanija relatata MEGlobal International FZE (“MEGlobal International”) u minn din tal-aħħar lill-kumpanija relatata MEGlobal Europe ma humiex affidabbli peress li huma affettwati mill-assoċjazzjoni ta’ dawn il-kumpaniji f’konformità mal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Aktar dettalji tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni ġew żvelati lil MEGlobal Americas fid-divulgazzjoni speċifika tiegħu peress li jinkludu informazzjoni kunfidenzjali dwar in-negozju. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(106)

MEGlobal Americas iddikjara wkoll li l-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa taħdem il-prezz tal-esportazzjoni għall-bejgħ ta’ MEGlobal Europe lill-proċessur relatat Equipolymers GmbH (“Equipolymers”) u kellha teżamina l-affidabbiltà ta’ dan il-bejgħ. F’dan ir-rigward, rrefera għall-metodoloġija użata fil-proċediment anti-dumping dwar l-importazzjonijiet tal-polietilentereftalat mill-Indja (12) fejn il-Kummissjoni sabet li l-prezzijiet imposti fuq kumpanija relatata kienu konformi mal-prezzijiet imposti fuq klijenti mhux relatati għall-istess tipi ta’ prodotti matul il-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ rieżami u kkonkludiet li l-prezzijiet imposti lill-kumpanija relatata kienu affidabbli u setgħu jintużaw għall-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni. MEGlobal Americas afferma wkoll li kieku l-Kummissjoni talbet informazzjoni dwar il-bejgħ bejn MEGlobal Europe u Equipolymers, kienet issib li dawn il-prezzijiet kienu simili għal dawk imposti fuq klijenti mhux relatati. Barra minn hekk, ġie affermat li l-Kummissjoni ma bbażatx is-sejbiet tagħha fuq l-informazzjoni reali dwar it-tranżazzjonijiet bejn MEGlobal Europe u Equipolymers. Iżjed minn hekk, ġie affermat li l-prezz tal-esportazzjoni li nħadem abbażi tal-kost tal-produzzjoni tal-PET ma kienx raġonevoli peress li l-produzzjoni tal-PET hija kumplessa u l-prezz ta’ input, bħall-MEG, ma jistax jitnaqqas mill-kost ta’ inputs oħrajn. Sostna wkoll li l-metodoloġija użata mill-Kummissjoni ma kinitx konsistenti mar-regoli u l-prinċipji tal-kontabbiltà applikabbli, minħabba li l-kost tal-produzzjoni jiddependi mill-grad tal-PET prodott. Fl-aħħar nett, MEGlobal Americas qajjem ukoll punt addizzjonali rigward Equipolymers fil-verżjoni kunfidenzjali tas-sottomissjoni tagħha. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ta’ din il-parti tal-affermazzjoni ġiet divulgata lil MEGlobal Americas fid-divulgazzjoni speċifika tiegħu peress li tinkludi informazzjoni kunfidenzjali dwar il-kummerċ.

(107)

Il-Kummissjoni nnotat li dan il-każ huwa differenti mill-preċedent ikkwotat minn MEGlobal Americas. Fil-fatt, matul l-investigazzjoni kurrenti, il-Kummissjoni sabet li l-prezz ta’ MEGlobal Europe għal klijenti mhux relatati ma kienx konformi mal-prezz ta’ MEGlobal Europe għal klijenti relatati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet informazzjoni mingħand Equipolymers li hija qieset rilevanti għall-investigazzjoni. Tabilħaqq, Equipolymers issottometta tweġiba għall-Anness I għall-kumpaniji relatati ma’ produttur esportatur, u xejn ma waqqaf lil Equipolymers milli jissottometti informazzjoni addizzjonali matul l-investigazzjoni li qies meħtieġa biex tissostanzja l-affermazzjonijiet li prova jagħmel. Barra minn hekk, matul l-investigazzjoni, MEGlobal Americas talab lill-Kummissjoni ma tużax il-prezzijiet bejn MEGlobal Europe u Equipolymers bħala bażi għad-determinazzjoni tal-prezzijiet tal-esportazzjoni peress li kienu prezzijiet relatati, li jmur kontra l-affermazzjoni ta’ MEGlobal Europe li l-bejgħ bejn MEGlobal Europe u Equipolymers isir bi prezzijiet simili għal dawk imposti fuq klijenti mhux relatati. Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni stabbiliet il-prezz tal-esportazzjoni billi bdiet mill-kost totali tal-produzzjoni tal-PET matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kif deskritt fil-premessa (121) tar-Regolament provviżorju u iżolat il-kost totali tal-MEG fil-kost totali tal-produzzjoni tal-PET, l-elenkar tat-tranżazzjonijiet tal-bejgħ tax-xiri tal-MEG minn Equipolymers mingħand MEGlobal Europe ma kienx rilevanti għal dan il-kalkolu. Fir-rigward tal-affermazzjoni li l-produzzjoni tal-PET kienet kumplessa u l-prezz ta’ input, bħall-MEG, ma setax jiġi iżolat mill-kost ta’ inputs oħrajn, il-Kummissjoni qieset li hija fattwalment żbaljata peress li fil-fatt Equipolymers issottometta l-kost tal-MEG kif ukoll ta’ inputs oħrajn użati fil-manifattura tal-PET. Fir-rigward tal-affermazzjoni li l-metodoloġija użata mill-Kummissjoni ma kinitx konsistenti mar-regoli u l-prinċipji tal-kontabbiltà applikabbli, minħabba li l-kost tal-produzzjoni jiddependi mill-grad ta’ PET prodott, ma huwiex ċar x’inhi r-rabta bejn ir-regoli u l-prinċipji tal-kontabbiltà applikabbli u l-grad ta’ PET prodott. Għalhekk, skont l-Artikolu 2(9), il-Kummissjoni kellha taħdem il-prezz tal-esportazzjoni fuq kwalunkwe bażi raġonevoli.

(108)

B’mod simili għal SABIC, MEGlobal Americas sostna wkoll li l-marġni ta’ profitt użat għall-kostruzzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni ma kienx raġonevoli u l-Kummissjoni kellha tibbaża fuq il-proporzjon ta’ profitt ipprovdut minn MEGlobal Europe. Iddikjara wkoll li l-Kummissjoni ma stabbilietx rabta adegwata bejn l-allegata kunfidenzjalità tad-data relatata ma’ importazzjonijiet mhux relatati, peress li rrapportat li l-livell ta’ kooperazzjoni ta’ importaturi/negozjanti mhux relatati kien għoli, u l-użu ta’ marġni ta’ profitt relatat ma’ prodott kimiku differenti, importat minn pajjiż differenti u għal perjodu differenti. Ġie ddikjarat ukoll li l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku ma jippermettix lill-Kummissjoni taħdem il-prezz tal-esportazzjoni abbażi ta’ data relatata ma’ proċediment differenti.

(109)

Għar-raġunijiet spjegati fil-premessa (63), il-Kummissjoni ma tqisx il-marġni ta’ profitt ta’ importatur relatat bħala raġonevoli peress li huwa affettwat mill-assoċjazzjoni mal-kumpaniji li mingħandhom xtrat il-MEG. Għalhekk, skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, huwa meqjus xieraq li jintuża marġni ta’ profitt raġonevoli indipendentement mill-profitt reali li jirriżulta mill-prezz ta’ trasferiment sabiex jiġi evitat kwalunkwe effett distortiv li jista’ jirriżulta mill-prezz ta’ trasferiment. Il-livell ta’ kooperazzjoni deskritt fil-premessa (283) tar-Regolament provviżorju jirreferi għad-daqs tal-volum tal-importazzjonijiet taż-żewġ importaturi mhux relatati li kkooperaw meta mqabbel mal-importazzjonijiet totali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u ma għandu xejn x’jaqsam mar-raġunijiet ta’ kunfidenzjalità rigward id-data ta’ dawn iż-żewġ kumpaniji, li hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni rrikorriet għall-marġni ta’ profitt użat fi proċediment preċedenti, kif spjegat fil-premessa (97) tar-Regolament provviżorju. Dan il-fatt għadu ma nbidilx f’dan l-istadju, wara t-tentattiv bla suċċess tal-Kummissjoni li torganizza RCCs maż-żewġ kumpaniji kif spjegat fil-premessa (8). Fl-aħħar nett, l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku jippermetti lill-Kummissjoni taħdem il-prezz tal-esportazzjoni fuq kwalunkwe bażi raġonevoli, u għalhekk ma jipprojbixxix l-użu ta’ data minn proċediment preċedenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li MEGlobal Americas iddikjara li l-prezz tal-bejgħ bejn MEGlobal Americas u MEGlobal International kien ibbażat fuq ċerta formula li kienet tinkludi profitt allegatament f’kundizzjoni ta’ distakkament li kien ferm ogħla mill-profitt ta’ importaturi mhux relatati użat mill-Kummissjoni kif iddikjarat fil-premessi (62) u (108). Għalhekk, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe data alternattiva fil-fajl, il-Kummissjoni ddeċidiet li tuża l-marġni ta’ profitt użat fl-istadju provviżorju kif deskritt fil-premessa (97) tar-Regolament provviżorju.

(110)

Fl-aħħar nett, MEGlobal Americas argumenta li MEGlobal Europe jrid jitqies bħala d-dipartiment tal-esportazzjoni ta’ MEGlobal Americas, peress li jiffunzjona kompletament bħala parti mill-operazzjonijiet globali ta’ MEGlobal, inklużi dawk ta’ MEGlobal Americas, u għalhekk, il-Kummissjoni aġixxiet bi ksur tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku meta qieset kostijiet oħra għajr l-ispejjeż reali tal-bejgħ meta ħadmet il-prezz tal-esportazzjoni.

(111)

Il-Kummissjoni tinnota li din l-affermazzjoni ma tqajmitx qabel l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji. Madankollu, il-Kummissjoni eżaminat din l-affermazzjoni u nnotat li MEGlobal Europe jinsab fl-Iżvizzera u li proporzjon kbir tax-xiri tiegħu tal-MEG ġie pprovdut minn kumpanija differenti li tinsab fl-Unjoni u mhux minn MEGlobal Americas. Barra minn hekk, din l-affermazzjoni tmur biċ-ċar kontra dak li ddikjara MEGlobal Americas fis-sottomissjonijiet tiegħu fejn mhux biss iddikjara li MEGlobal Americas għamel biss bosta kunsinni lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, iżda kkaratterizza wkoll il-kunsinni minn MEGlobal Americas lejn MEGlobal Europe bħala “eċċezzjonali”. L-investigazzjoni u l-affermazzjonijiet tal-kumpanija juru b’mod ċar li MEGlobal Europe jaġixxi bħala ċentru ta’ distribuzzjoni u provvista li l-għan ewlieni tiegħu huwa li jakkwista l-MEG għall-attivitajiet downstream tiegħu u mhux li jikkummerċjalizza u jesporta l-MEG prodott minn MEGlobal Americas. Għalhekk, MEGlobal Europe ma jistax jitqies bħala d-dipartiment tal-esportazzjoni ta’ MEGlobal Americas. Għaldaqstant, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(112)

LCLA talab lill-Kummissjoni tittratta lil LCLA u lil Mitsubishi Corp bħala partijiet mhux relatati. LCLA rrikonoxxa li l-Kummissjoni se twettaq investigazzjoni ulterjuri dwar din l-assoċjazzjoni u l-arranġamenti ta’ kumpens bejniethom, kif iddikjarat fil-premessa (101) (13) tar-Regolament provviżorju, iżda tenna li l-allegazzjoni mill-ilmentatur dwar relazzjoni bejn LCLA u Mitsubishi Corp ma hijiex sostanzjata peress li ma hemm l-ebda assoċjazzjoni jew arranġament ta’ kumpens bejniethom.

(113)

Il-Kummissjoni kompliet tinvestiga l-eżistenza tal-allegati arranġamenti ta’ kumpens bejn LCLA u Mitsubishi Corp. Filwaqt li l-investigazzjoni indikat li kien hemm ftehim li permezz tiegħu LCLA applika politika ta’ pprezzar speċifika għal ċerti tranżazzjonijiet ta’ bejgħ ma’ Mitsubishi Corp fis-suq domestiku, f’dan l-istadju, l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda prattika bħal din fis-suq tal-Unjoni. Aktar dettalji tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni ġew żvelati lil LCLA fid-divulgazzjoni speċifika tiegħu peress li jinkludu informazzjoni kunfidenzjali dwar in-negozju.

(114)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, MEGlobal Americas tennew l-affermazzjonijiet tagħhom fil-premessi (104), (106), (108) u (110). Prinċipalment ma qablux mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni deskritti fil-premessi (105), (107), (109) u (111) rispettivament.

(115)

Fil-kummenti tiegħu wara d-divulgazzjoni finali, l-ilmentatur tenna l-affermazzjoni tiegħu li l-Kummissjoni għandha tinvestiga aktar l-arranġamenti ta’ kumpens possibbli bejn LCLA u Mitsubishi Corp mingħajr ma pprovda l-ebda evidenza ġdida rilevanti f’dan ir-rigward, u b’mod partikolari evidenza li turi kif dawk l-allegati ftehimiet ta’ kumpens jaffettwaw il-prezzijiet.

(116)

Għar-raġunijiet elenkati fil-premessa (113), din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(117)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar id-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni għall-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha fil-premessi (116) sa (122) tar-Regolament provviżorju.

3.2.3.   Tqabbil

(118)

Il-Kummissjoni sabet li fl-istadju provviżorju, hija ma qisitx ċerti kostijiet relatati mal-proċess li bih inħadem il-prezz tal-esportazzjoni għal MEGlobal Americas għall-bejgħ permezz ta’ negozjant relatat f’Dubai. Għalhekk, sar aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) għall-bejgħ permezz ta’ din il-kumpanija kummerċjali relatata. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta fit-tweġiba għall-kwestjonarju u matul l-RCC, instab li l-funzjonijiet tan-negozjant f’Dubai kienu simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni. Aktar dettalji tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni ġew żvelati lil MEGlobal Americas fid-divulgazzjoni speċifika tiegħu peress li jinkludu informazzjoni kunfidenzjali dwar in-negozju. Il-kumpanija refgħet ir-responsabbiltà tal-proċess tal-bejgħ u rċeviet mark-up għas-servizzi tagħha. L-aġġustament huwa bbażat fuq l-SG&A tal-kumpanija kummerċjali u marġni ta’ profitt ta’ 6,89 % kif deskritt fil-premessa (97) tar-Regolament provviżorju. Dan il-marġni ta’ profitt tqies raġonevoli fin-nuqqas ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra kif spjegat fil-premessa (109).

3.2.4.   Marġnijiet tad-dumping

(119)

Kif deskritt fil-premessa (101) wara s-sottomissjoni tal-informazzjoni nieqsa, il-valur normali għal produttur esportatur wieħed ġie rivedut.

(120)

Għaldaqstant, il-marġini tad-dumping definittivi, espressi bħala perċentwal tas-CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġini ta’ dumping definittiv (%)

Lotte Chemical Louisiana LLC

3,0

MEGlobal Americas Inc

46,7

4.   DANNU

4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(121)

Wara d-divulgazzjoni tas-sejbiet provviżorji, SABIC tenna l-kumment tiegħu fil-premessi (135) u (139) tar-Regolament provviżorju li l-entitajiet relatati mal-produtturi tal-Unjoni kienu qed jimportaw l-MEG mir-Renju tal-Arabja Sawdija u argumenta li l-fatt li kumpaniji relatati komplew jimportaw l-MEG mir-Renju tal-Arabja Sawdija wara l-bidu tal-investigazzjoni kien sinjal li l-produtturi tal-Unjoni ma kellhomx l-intenzjoni li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-utenti.

(122)

L-affermazzjoni ta’ SABIC hija purament spekulattiva u ma hija sostnuta minn l-ebda evidenza ta’ sostenn. Kif deskritt fil-premessa (136) tar-Regolament provviżorju, dawn il-kumpaniji relatati importaw volumi marġinali ħafna ta’ MEG mir-Renju tal-Arabja Sawdija matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u għalhekk ma setgħet tinsilet l-ebda konklużjoni sinifikanti f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, kif iddikjarat fil-premessa (139) tar-Regolament provviżorju, dan il-produttur speċifiku tal-Unjoni ma kkooperax u xorta waħda kien produttur żgħir ħafna. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(123)

SABIC sostna wkoll li fir-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni ddikjarat li d-data għall-produtturi tal-Unjoni li ma kkooperawx ġiet ikkalkolata abbażi tal-informazzjoni dwar is-suq u din id-data jenħtieġ li tinqasam mal-partijiet interessati.

(124)

Kif deskritt fil-premessa (133) tar-Regolament provviżorju, id-data għall-produtturi tal-Unjoni li ma kkooperawx ġiet stmata mill-ilmentatur abbażi tal-informazzjoni dwar is-suq. Il-Kummissjoni tixtieq tiċċara li parti mid-data tal-informazzjoni dwar is-suq tiġi minn data stmata minn Wood Mackenzie Chemicals Global Supply Demand Analytic Service (“Wood Mackenzie”) li hija protetta bid-drittijiet tal-awtur iżda fi kwalunkwe każ kienet disponibbli għall-partijiet interessati bħala parti mill-fajl miftuħ, wara li nkiseb il-permess meħtieġ. Tabilħaqq, fid-29 ta’ April, l-ilmentatur irċieva l-ftehim mingħand Wood Mackenzie biex jiddivulga l-produzzjoni totali tal-MEG u l-konsum totali tal-MEG fuq il-bażi tal-EU-28 (14) matul il-perjodu mill-2017 sal-2020, li ddaħħlu fil-fajl mhux kunfidenzjali tal-investigazzjoni (15). Id-differenza żgħira bejn il-volum tal-produzzjoni rrapportat fit-Tabella 4 tar-Regolament provviżorju u l-volum tal-produzzjoni stmat minn Wood Mackenzie ġiet mill-fatt li l-volum tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kien ibbażat fuq data reali u mhux fuq stima. Madankollu, iż-żewġ settijiet ta’ data juru l-istess xejra ta’ tnaqqis. Id-data għall-konsum stmata minn Wood Mackenzie hija kemxejn ogħla mid-data rispettiva rrapportata fit-Tabella 1 tar-Regolament provviżorju, peress li d-data ta’ Wood Mackenzie hija bbażata fuq l-EU28 filwaqt li t-Tabella 1 hija bbażata fuq id-data għall-EU27.

(125)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, SABIC tenna l-affermazzjoni tiegħu fil-premessa (121) mingħajr ma pprovda ebda elementi ġodda f’dan ir-rigward.

(126)

Għar-raġunijiet elenkati fil-premessa (122), din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(127)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tad-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (132) sa (140) tar-Regolament provviżorju.

4.2.   Determinazzjoni tas-suq rilevanti tal-Unjoni

(128)

SABIC irrefera għall-ftehim ta’ swap deskritt fil-premessa (145) tar-Regolament provviżorju u talab lill-Kummissjoni tipprovdi aktar informazzjoni dwar din il-kwistjoni filwaqt li allega li jekk il-ftehim ma ġiex konkluż abbażi tal-kundizzjonijiet tas-suq, bilfors li kellu impatt fuq il-prestazzjoni tal-produttur tal-Unjoni kkonċernat.

(129)

Id-dettalji tal-ftehim ta’ swap jinkludu informazzjoni kunfidenzjali dwar in-negozju li l-Kummissjoni ma tistax tiddivulga. Fi kwalunkwe każ, SABIC ma speċifikax liema informazzjoni addizzjonali l-Kummissjoni jenħtieġ li tiddivulga f’dan ir-rigward. Kif ġie spjegat fil-premessa (145) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni vvalutat jekk ix-xejra tal-profittabbiltà jew is-sejba li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali kinux ikunu differenti kieku l-bejgħ skont il-ftehim ta’ swap ġie inkluż fil-valutazzjoni tal-indikaturi mikroekonomiċi u kkonkludiet li tali inklużjoni ma kien ikollha l-ebda impatt fuq is-sejbiet. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(130)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (141) sa (147) tar-Regolament provviżorju.

4.3.   Konsum tal-Unjoni

(131)

SABIC sostna li l-analiżi tal-konsum tal-Unjoni kellha nuqqasijiet peress li l-Kummissjoni ma spjegatx għaliex il-konsum naqas matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(132)

Kif ġie deskritt fil-premessa (150) tar-Regolament provviżorju, il-konsum tas-suq ħieles fl-Unjoni kien pjuttost stabbli, u naqas b’ammont li bilkemm laħaq 1 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Is-suq kaptiv huwa magħmul mill-bejgħ kaptiv deskritt fil-premessa (180) tar-Regolament provviżorju li kien prinċipalment bejgħ lin-negozju tal-berrieda. Kif ġie spjegat fil-premessa (238) tar-Regolament provviżorju, il-bejgħ tal-MEG lin-negozju tal-berrieda naqas fil-perjodu ta’ investigazzjoni minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(133)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, SABIC tennew l-affermazzjoni msemmija fil-premessa (131). Argumentaw ukoll li l-ispjegazzjonijiet mogħtija fil-premessa (132) ma kinux appoġġati mid-data rrapportata fir-Regolament provviżorju peress li l-volum tal-bejgħ tas-suq kaptiv beda jonqos fl-2018 u l-aktar tnaqqis sinifikanti f’termini assoluti seħħ fl-2019, qabel il-bidu tal-pandemija tal-COVID-19. Argumentaw ukoll li għalkemm is-suq kaptiv kien iżgħar minn dak tas-suq ħieles, dan ma kienx insinifikanti u għalhekk it-tnaqqis fil-bejgħ fis-suq ristrett kellu impatt fuq il-prestazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni. Barra minn hekk, SABIC argumentaw li x-xejriet simili fit-tnaqqis tal-bejgħ tas-suq kaptiv u ħieles matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni qajmu mistoqsijiet peress li l-Kummissjoni kkonfermat li t-tnaqqis fil-bejgħ tas-suq kaptiv ma kienx ikkawżat minn importazzjonijiet mir-Renju tal-Arabja Sawdija u mill-Istati Uniti.

(134)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ dawn l-affermazzjonijiet. Kif iddikjarat fil-premessa (226) tar-Regolament provviżorju, il-bejgħ ristrett irrappreżenta biss 12,6 % tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, kif iddikjarat fil-premessa (227) tar-Regolament provviżorju, minħabba d-daqs limitat tas-suq kaptiv, l-iżvilupp tiegħu ma kkontribwixxa bl-ebda mod sinifikanti għal, u lanqas ma jista’ jispjega, id-deterjorament tal-industrija tal-Unjoni. Ma kien hemm l-ebda indikazzjoni kif segment tas-suq li jirrappreżenta biss 12,6 % fil-volum tal-produzzjoni jista’ jkollu impatt ogħla mis-segment tas-suq li jirrappreżenta 87,4 % tal-volum tal-produzzjoni. Għalhekk, f’dan il-każ kien il-bejgħ fis-suq ħieles u mhux is-suq kaptiv li kellu impatt kbir fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

(135)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (148) sa (150) tar-Regolament provviżorju.

4.4.   Importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

4.4.1.   Valutazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

(136)

SABIC u l-GRAS tennew l-affermazzjoni tagħhom li l-effetti tal-importazzjonijiet mir-Renju tal-Arabja Sawdija ma jenħtiġux li jiġu akkumulati mal-importazzjonijiet mill-Istati Uniti peress li (1) l-importazzjonijiet mir-Renju tal-Arabja Sawdija ma kinux soġġetti għal dumping fis-suq tal-Unjoni u (2) ix-xejriet tal-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Renju tal-Arabja Sawdija u mill-Istati Uniti kienu differenti, u dan juri li l-importazzjonijiet mir-Renju tal-Arabja Sawdija ma kinux jikkompetu mal-importazzjonijiet mill-Istati Uniti, anki fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni sabet li l-MEG kien komodità u li l-kompetizzjoni kienet fil-biċċa l-kbira bbażata fuq il-prezz. Il-GRAS rrefera f’dan ir-rigward għar-Rapport tal-Bord f’KE – Fittings tat-Tubi jew tal-Pajpijiet (16) li fih, skont il-GRAS, il-bord iddikjara li evoluzzjoni parallela b’mod wiesa’ u xejra ta’ volumi u prezzijiet simili b’mod wiesa’ jistgħu jindikaw li l-importazzjonijiet jistgħu jiġu akkumulati b’mod xieraq.

(137)

Kif ġie spjegat fil-premessa (152) tar-Regolament provviżorju, l-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku jistipula żewġ kundizzjonijiet għall-valutazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet minn aktar minn pajjiż wieħed. L-ewwel kundizzjoni hija li l-marġni tad-dumping tal-importazzjonijiet minn kull pajjiż huwa aktar minn de minimis u li l-volum tal-importazzjonijiet minn kull pajjiż ma huwiex negliġibbli. L-investigazzjoni stabbiliet li kemm l-importazzjonijiet mir-Renju tal-Arabja Sawdija kif ukoll dawk mill-Istati Uniti kienu soġġetti għal dumping fis-suq tal-Unjoni kif iddikjarat fil-premessi (89) u (120) u li l-volum tal-importazzjonijiet b’mod ċar ma kienx negliġibbli kif deskritt fit-Tabella 2 tar-Regolament provviżorju u kif ġie kkonfermat fl-istadju definittiv. Fir-rigward tar-referenza tal-Bord għax-xejriet tal-volumi u tal-prezzijiet f’KE – Fittings tat-Tubi jew tal-Pajpijiet, il-Bord fil-fatt sab li xejra bħal din kienet indikazzjoni għall-kumulazzjoni u mhux kundizzjoni għal kumulazzjoni. It-tieni kundizzjoni hija li valutazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet hija xierqa fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn prodotti importati u l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-prodotti importati u l-prodott tal-Unjoni simili. Kif ġie deskritt fid-dettall fil-premessa (154) tar-Regolament provviżorju, il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija u bejn l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati u l-prodott simili kienu simili u, għalhekk, din il-kundizzjoni ġiet issodisfata wkoll. B’mod partikolari, il-prodotti importati jikkompetu b’mod aħrax ma’ xulxin u mal-MEG prodott fl-Unjoni minħabba li l-MEG huwa komodità omoġenja sensittiva ħafna għall-prezzijiet, li jinbiegħ lil kategoriji simili ta’ klijenti u jintuża f’applikazzjonijiet simili. Il-prodotti huma wkoll perfettament interkambjabbli. SABIC jew il-GRAS ma spjegawx kif il-MEG li joriġina mir-Renju tal-Arabja Sawdija ma jkunx simili għall-MEG minn sorsi oħra jew mill-Unjoni. Il-fatt li x-xejra tal-volum tal-importazzjonijiet miż-żewġ pajjiżi ma kinitx identika ma jimplikax li ma jinbigħux f’kundizzjonijiet simili ta’ kompetizzjoni. Fil-fatt, id-differenza fix-xejriet tal-volumi tindika proprju l-oppost f’dan il-każ; is-sehem mis-suq tar-Renju tal-Arabja Sawdija jibda jonqos eżattament meta jibda jiżdied dak tal-importazzjonijiet mill-Istati Uniti, u dan iseħħ meta l-prezzijiet tal-importazzjoni mill-Istati Uniti jonqsu għal inqas mill-prezzijiet tal-importazzjoni mir-Renju tal-Arabja Sawdija. Dan huwa l-effett normali tal-kompetizzjoni għal komodità omoġenja sensittiva ħafna għall-prezzijiet bħall-MEG. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(138)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, il-GRAS u SABIC tennew mill-ġdid il-kummenti tagħhom dwar il-kumulazzjoni ppreżentati fil-premessa (136) mingħajr ma pprovdew l-ebda evidenza ġdida.

(139)

Għar-raġunijiet elenkati fil-premessa (137), din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(140)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-konklużjonijiet stipulati fil-premessi (151) sa (158) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

4.4.2.   Volum u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

(141)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, il-GRAS tenna li l-analiżi tal-volum tal-importazzjoni ma kinitx ibbażata fuq eżami oġġettiv ta’ evidenza pożittiva kif meħtieġ skont l-Artikolu 3.1 tal-ADA u lanqas ma kien hemm spjegazzjoni motivata u adegwata b’appoġġ għas-sejba li kien hemm żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet tal-MEG mir-Renju tal-Arabja Sawdija jew mir-Renju tal-Arabja Sawdija u l-Istati Uniti fuq bażi kumulattiva skont it-tifsira tal-Artikolu 3.2 tal-ADA. B’mod partikolari, ġie ddikjarat li l-volum tal-importazzjonijiet tal-MEG mir-Renju tal-Arabja Sawdija naqas b’mod sinifikanti bejn l-2018 u l-PI u l-volum kumulat tal-importazzjonijiet tal-MEG mir-Renju tal-Arabja Sawdija u l-Istati Uniti naqas ukoll fil-PI meta mqabbel mal-2019.

(142)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ dawn l-affermazzjonijiet. L-ewwel nett, kif spjegat fil-premessa (156) tar-Regolament provviżorju, l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija kienu eżaminati b’mod kumulattiv biex ikun determinat id-dannu minħabba li l-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku kienu sodisfatti. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa (161) tar-Regolament provviżorju, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żdiedet bi 38 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Barra minn hekk, it-Tabella 2 tar-Regolament provviżorju turi li l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu sena b’sena bejn l-2017 u l-2019. Il-fatt li l-importazzjonijiet fil-PI naqsu meta mqabbla mal-2019 ma jbiddilx il-fatt li matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu b’mod ġenerali bi 38 %.

(143)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (159) sa (161) tar-Regolament provviżorju.

4.4.3.   Prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati u twaqqigħ tal-prezz

(144)

SABIC u MEGlobal Americas affermaw li l-Kummissjoni ma kellhiex tuża “valur CIF maħdum” għall-kalkoli tal-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz u tad-dannu, iżda l-valur CIF reali rrappurtat minnhom.

(145)

Il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni. Peress li l-prezz tal-esportazzjoni għal SABIC u għal MEGlobal Americas ġie aġġustat skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni stabbiliet il-“valur CIF maħdum” bħala l-valur tal-fattura lill-ewwel klijent indipendenti, wara li jitnaqqsu l-allowances għall-punt tas-CIF, l-SG&A u l-marġni tal-profitt imnaqqsa mill-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku għan-negozjanti/l-importaturi li jinsabu fl-Unjoni. Peress li l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku jirreferi għall-prezz tal-esportazzjoni, il-Kummissjoni tapplika b’analoġija d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għall-kalkolu tal-prezz CIF maħdum biex tqabblu mal-prezz tal-Unjoni.

(146)

Barra minn hekk, fl-istadju provviżorju, il-Kummissjoni naqqset b’mod żbaljat l-SG&A u l-marġni tal-profitt għan-negozjanti/l-importaturi li jinsabu barra mill-Unjoni meta stabbiliet is-CIF maħdum għal MEGlobal Americas. Dan ġie kkorreġut kif xieraq. Is-sejbiet ta’ ebda twaqqigħ tal-prezz mill-importazzjonijiet mill-Istati Uniti fl-istadju provviżorju ma nbidlux b’din ir-reviżjoni.

(147)

SABIC sostna wkoll li ma fehemx għaliex il-Kummissjoni ma setgħetx tipprovdilhom l-prezzijiet reali tagħhom stess fil-kalkoli tal-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz u tad-dannu iżda biss f’firxiet.

(148)

Il-volumi u l-prezzijiet tal-esportazzjoni użati fil-kalkolu tal-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz u tad-dannu ta’ SABIC kienu jinkludu wkoll il-bejgħ li sar permezz tal-impriżi konġunti relatati ExxonMobil u SPDC/Mitsubishi. Għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità u f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni kellha tiddivulga l-volum u l-prezzijiet totali f’firxiet peress li kien ikun possibbli għal SABIC li tasal mill-ġdid għal data kunfidenzjali dwar il-bejgħ tal-impriżi konġunti.

(149)

SABIC u MEGlobal Americas iddikjaraw ukoll li ma jaqblux mal-konklużjoni tal-Kummissjoni fil-premessa (168) tar-Regolament provviżorju peress li, skonthom, il-prezzijiet tal-MEG kienu stabbiliti mill-produtturi tal-Unjoni u mill-utenti u mhux mill-esportaturi u li l-Prezz tal-Kuntratt Ewropew (“ECP”) ġie ddeterminat wara negozjati bejn il-produtturi tal-Unjoni u l-klijenti tagħhom. SABIC u MEGlobal Americas iddikjaraw ukoll li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fil-premessa (243) tar-Regolament provviżorju li l-esportaturi tal-Istati Uniti u tal-Arabja Sawdija, anki jekk rabtu l-prezz tal-bejgħ tagħhom fis-suq tal-Unjoni mal-ECP, naqqsu l-prezz tal-bejgħ tal-MEG billi żiedu l-iskont offrut lix-xerrejja, ma kinux japplikaw għall-bejgħ tagħhom tal-MEG u li l-bidliet fil-prezzijiet kienu biss il-konsegwenza tal-fluttwazzjoni tal-ECP.

(150)

SABIC u MEGlobal Americas donnhom jimplikaw li s-suq tal-MEG fl-Unjoni huwa b’xi mod maqsum bejn il-produtturi u l-esportaturi tal-Unjoni u li ma hemm l-ebda kompetizzjoni bejniethom. SABIC u MEGlobal Americas jonqsu milli jirrikonoxxu li anke kieku l-produtturi tal-Unjoni biss jipparteċipaw fl-istħarriġ mid-ditti ta’ konsulenza u jipprovdulhom l-informazzjoni meħtieġa dwar il-kuntratti tal-bejgħ tagħhom għall-istabbiliment tal-ECP, meta l-produtturi tal-Unjoni jinnegozjaw il-prezz fis-suq tal-Unjoni mal-klijenti tagħhom, il-kompetizzjoni mal-esportaturi għandha effett fuq in-negozjati dwar il-prezzijiet. Il-produtturi tal-Unjoni jikkompetu mal-esportaturi, mal-importaturi u man-negozjanti peress li l-utenti jistgħu jixtru l-MEG mingħand kwalunkwe wieħed minnhom. Il-pressjoni eżerċitata mill-esportaturi mill-pajjiżi kkonċernati fis-suq tal-Unjoni wasslet biex il-produtturi tal-Unjoni jnaqqsu l-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom sabiex iżommu tal-anqas parti mis-sehem mis-suq tagħhom kif iddikjarat fil-premessi (188) sa (190) u (213) tar-Regolament provviżorju. Peress li t-tipi kollha ta’ bejjiegħa jorbtu l-prezz tal-bejgħ tagħhom mal-ECP, il-pressjoni fuq il-prezzijiet issir permezz tal-iskont kif spjegat fid-dettall fil-premessa (213). Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(151)

Fil-kummenti tiegħu wara d-divulgazzjoni finali, il-GRAS ddikjara li l-Kummissjoni ma pprovdietx spjegazzjoni adegwata għall-użu tal- “valur CIF maħdum” għall-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-marġni tad-dannu għajr dak li applikat b’analoġija l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Il-GRAS, SABIC u MEGlobal Americas iddikjaraw li l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku kien jikkonċerna d-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni għad-determinazzjoni tal-marġni tad-dumping u mhux għall-marġni tad-dannu u talab lill-Kummissjoni biex tibbaża l-valutazzjoni tagħha tal-effetti fuq il-prezzijiet tal-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Renju tal-Arabja Sawdija fuq il-prezzijiet reali ta’ dawn l-importazzjonijiet.

(152)

Fir-rigward tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz, il-Kummissjoni qieset il-punt li fih l-importazzjonijiet daħlu f’kompetizzjoni mal-prodotti tal-produtturi tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni, u għalhekk ħarset lejn il-prezz tax-xiri tal-ewwel parti mhux relatata minħabba li dik il-parti kellha l-għażla li tixtri jew mill-industrija tal-Unjoni jew minn fornituri barranin. Fil-każ tal-prezzijiet tal-esportazzjoni lill-importaturi relatati, intużat il-metodoloġija kif stabbilita fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. L-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku tippermetti l-istabbiliment tal-prezz li jkun kompletament komparabbli mal-prezz li jintuża meta jiġi eżaminat il-bejgħ magħmul lil klijenti mhux relatati u wkoll komparabbli mal-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, kien iġġustifikat tnaqqis tal-SG&A u profitt mill-prezz tal-bejgħ mill-ġdid lil klijenti mhux relatati li sar mill-importatur relatat.

(153)

Tali tnaqqis kien meħtieġ ukoll biex jippermetti kalkolu akkurat tal-bejgħ taħt il-prezz. Il-prezz fil-mira tal-industrija tal-Unjoni kien ibbażat fuq il-kost tal-produzzjoni tagħha flimkien mal-profitt fil-mira, mingħajr ma tqies jekk il-prodotti mbagħad inbigħux fl-Unjoni lil klijenti relatati jew mhux relatati u, għaldaqstant, lanqas ma kien jinkludi xi SG&A u profitt ta’ entitajiet tal-bejgħ relatati fl-Unjoni.

(154)

Għalhekk, l-affermazzjonijiet ma ntlaqgħux.

(155)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, SABIC tennew l-affermazzjoni tagħhom li huwa isegwi l-ECP mhux jistabbilih, li SABIC kien segwaċi tal-prezzijiet u mhux jifforma l-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni peress li l-prezzijiet ġew stabbiliti mill-produtturi u l-utenti tal-Unjoni.

(156)

Kif spjegat fil-premessa (150), il-produtturi tal-Unjoni jikkompetu mal-esportaturi, mal-importaturi u man-negozjanti peress li l-utenti jistgħu jixtru l-MEG mingħand kwalunkwe wieħed minnhom. Għalhekk, meta l-produtturi tal-Unjoni jinnegozjaw il-prezz fis-suq tal-Unjoni mal-klijenti tagħhom, il-kompetizzjoni mal-esportaturi għandha effett fuq in-negozjati tal-prezzijiet. Barra minn hekk, ta’ min ifakkar li l-ECP huwa biss element wieħed tal-prezz finali u li l-kompetizzjoni bejn il-partijiet hija bbażata fuq l-iskontijiet applikati għall-ECP. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(157)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (162) sa (168) tar-Regolament provviżorju.

4.5.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.5.1.   Kummenti ġenerali

(158)

SABIC, MEGlobal Americas u l-GRAS sostnew li l-valutazzjoni tad-dannu u r-rabta ta’ kawżalità bbażata fuq tqabbil tad-data għal perjodi differenti 2017, 2018, 2019 u Lulju 2019 – Ġunju 2020 (il-perjodu ta’ investigazzjoni) ma pprovdietx stampa akkurata u imparzjali tas-sitwazzjoni peress li s-sena 2019 u l-perjodu ta’ investigazzjoni fil-biċċa l-kbira tagħhom jikkoinċidu. F'dan ir-rigward, il-GRAS rrefera għar-Rapport tal-Korp tal-Appell f’Il-Messiku – Miżuri Anti-dumping fuq ir-Ross (17), li sab li tqabbil ta’ żewġ settijiet ta’ data simili ħafna ma jistax jipprovdi “stampa akkurata u imparzjali” peress li ma jippermettix l-istabbiliment ta’ xejriet iddeterminati b’mod oġġettiv. Barra minn hekk, ġie argumentat li t-tqabbil kien imfixkel min-natura staġjonali u ċiklika tal-bejgħ tal-MEG. Fl-aħħar nett, ġie ddikjarat li l-Kummissjoni kellha twettaq analiżi annwali minflok ma tibbaża primarjament il-valutazzjoni tagħha tad-dannu fuq tqabbil tal-perjodu ta’ investigazzjoni u l-2017 peress li x-xejriet ma kinux lineari matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(159)

Il-fatt li parti mill-perjodu ta’ investigazzjoni parzjalment ikkoinċidiet mas-sitt xhur tal-aħħar sena kalendarja/finanzjarja sħiħa ma fixkilx il-valutazzjoni tad-dannu u tar-rabta ta’ kawżalità peress li din il-valutazzjoni twettqet matul il-perjodu kollu taħt kunsiderazzjoni kif stabbilit fil-premessa (68) tar-Regolament provviżorju. Barra minn hekk, in-natura staġunali u ċiklika allegata tal-bejgħ tal-MEG hija mminimizzata mill-fatt li l-valutazzjoni titwettaq fuq snin kalendarji sħaħ u dan l-IP jinkludi wkoll 12-il xahar. Fl-aħħar nett, il-valutazzjoni tad-dannu ma kinitx ibbażata prinċipalment fuq tqabbil tal-perjodu ta’ investigazzjoni u l-2017. Il-Kummissjoni qieset l-evoluzzjoni tal-indikaturi makroekonomiċi u mikroekonomiċi kollha matul il-perjodu kollu taħt kunsiderazzjoni. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(160)

SABIC u MEGlobal Americas argumentaw ukoll li l-fatt li l-Kummissjoni ma speċifikatx fir-Regolament provviżorju li kienet ivverifikat id-data sottomessa mill-ilmentatur għall-indikaturi makroekonomiċi qajjem mistoqsijiet dwar l-akkuratezza ta’ din l-informazzjoni.

(161)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. Fir-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni bi żball naqset milli tispeċifika li t-tweġiba għall-makrokwestjonarju sottomessa mill-ilmentatur ġiet kontroverifikata permezz ta’ proċess tal-RCC. Madankollu, fil-fajl mhux kunfidenzjali tal-investigazzjoni, SABIC u MEGlobal Americas kellhom aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-RCC li speċifika li l-Kummissjoni kkontroverifikat il-makrokwestjonarju u għat-tweġibiet relatati għall-ittra tan-nuqqasijiet sottomessi mill-ilmentatur. Barra minn hekk, fir-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni identifikat it-tweġiba vverifikata għall-kwestjonarju tal-ilmentatur bħala sors ta’ kull tabella li kienet tinkludi indikaturi makroekonomiċi.

(162)

SABIC u MEGlobal Americas iddikjaraw ukoll li l-Kummissjoni użat żewġ subsettijiet differenti ta’ data biex tivvaluta l-indikaturi makroekonomiċi u mikroekonomiċi u dan il-fatt seta’ wassal għal sejbiet u konklużjonijiet suġġettivi u naqas milli jilħaq l-istandards għoljin imposti mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku. MEGlobal Americas talab lill-Kummissjoni tibbaża s-sejbiet tagħha fuq data relatata mal-produtturi inklużi fil-kampjun jew mal-produtturi kollha tal-Unjoni.

(163)

Meta l-industrija tal-Unjoni tkun magħmula minn għadd kbir ta’ produtturi, il-Kummissjoni trid tieħu kampjun tal-produtturi tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Madankollu, minkejja l-użu tal-kampjunar, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tivvaluta l-industrija tal-Unjoni sħiħa u għalhekk l-indikaturi makroekonomiċi jiġu vvalutati fil-livell tal-industrija kollha tal-Unjoni. Biex tiġbor id-data għall-indikaturi makroekonomiċi, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-ilmentatur li pprovda l-informazzjoni meħtieġa. Kif ġie spjegat fil-premessa (161), il-Kummissjoni kkontroverifikat din l-informazzjoni bl-istess mod kif ikkontroverifikat l-informazzjoni sottomessa mill-produtturi. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(164)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, il-GRAS u SABIC tennew l-affermazzjoni tagħhom fil-premessa (158) mingħajr ma pprovdew l-ebda elementi ġodda f’dan ir-rigward.

(165)

Għalhekk, il-Kummissjoni ssostni l-konklużjonijiet dikjarati fil-premessa (159).

(166)

Barra minn hekk, il-GRAS argumenta li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni motivata u adegwata għaliex il-fatturi li kienu qed juru xejriet pożittivi ma affettwawx il-konklużjoni ġenerali rigward l-istat tal-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, intqal li diversi sejbiet speċifiċi rigward is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni jitfgħu dubji dwar l-akkuratezza u l-oġġettività tal-analiżi.

(167)

Il-Kummissjoni nnotat li l-GRAS ma speċifikax għal liema fatturi li wrew xejriet pożittivi jew sejbiet speċifiċi rigward is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kien qed jirreferi. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda bħala mhux sostanzjata.

(168)

Barra minn hekk, il-GRAS sostna li l-Kummissjoni ma pprovdietx spjegazzjoni adegwata għaliex l-użu ta’ żewġ sottogruppi ta’ data għall-valutazzjoni tal-indikaturi makroekonomiċi u mikroekonomiċi ma jikkompromettix l-oġġettività tal-valutazzjoni u s-sejbiet.

(169)

Il-Kummissjoni nnotat li l-GRAS ma speċifikax għaliex l-ispjegazzjonijiet ipprovduti f’dan ir-rigward fil-premessa (163) ma kinux adegwati. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(170)

Barra minn hekk, il-GRAS u SABIC argumentaw li l-Kummissjoni ma pprovdietx spjegazzjoni sodisfaċenti rigward l-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar il-produtturi tal-Unjoni kollha kemm huma ħlief sempliċement innutat li hija wettqet kontroverifika tal-informazzjoni.

(171)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. Kif ġie spjegat fil-premessa (163), il-Kummissjoni kkontroverifikat din l-informazzjoni bl-istess mod kif ikkontroverifikat l-informazzjoni sottomessa minn partijiet oħra. Dan ifisser li l-Kummissjoni organizzat kontroverifika mill-bogħod mal-ilmentatur kif għamlet ma’ partijiet oħra u kkontroverifikat, fost affarijiet oħra, is-sors tal-informazzjoni pprovduta u l-metodoloġija tal-kalkolu użata. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(172)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (169) sa (173) tar-Regolament provviżorju.

4.5.2.   Indikaturi makroekonomiċi

(173)

SABIC iddikjara li l-Kummissjoni żbaljat meta qabblet il-volum tal-importazzjonijiet max-xejriet fil-produzzjoni tal-Unjoni fil-premessa (175) tar-Regolament provviżorju, peress li ma kien hemm l-ebda korrelazzjoni stretta bejn ix-xejriet fil-volum tal-importazzjonijiet u l-produzzjoni.

(174)

Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ din l-affermazzjoni. Il-premessa (175) tar-Regolament provviżorju tiddikjara fatti. SABIC mhux qed jikkontesta dawn is-sejbiet. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(175)

SABIC afferma li fl-analiżi tagħha dwar it-tkabbir tal-industrija tal-Unjoni, l-Kummissjoni ma qisitx iż-żieda fil-bejgħ ta’ prodotti oħra downstream tal-etilen.

(176)

L-ambitu ta’ din l-investigazzjoni huwa l-MEG u mhux prodotti oħrajn downstream tal-etilen. L-allegat tkabbir ta’ prodotti oħra downstream tal-etilen ma għandux effett fuq il-valutazzjoni tad-dannu tal-produtturi tal-Unjoni tal-MEG. Il-Kummissjoni vvalutat l-impatt tal-allegat tkabbir ta’ prodotti oħrajn downstream tal-etilen bħala kawża ta’ dannu materjali lill-produtturi tal-Unjoni tal-MEG fil-valutazzjoni tal-kawżalità tagħha fil-premessi (228) sa (231) tar-Regolament provviżorju. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(177)

SABIC saħaq li l-Kummissjoni ma spjegatx il-prezz ogħla fuq il-bejgħ kaptiv.

(178)

Il-prezz tal-bejgħ kaptiv kien ogħla mill-prezz tal-bejgħ fis-suq ħieles fl-2019 u l-perjodu ta’ investigazzjoni. Dan kien minħabba li l-industrija tal-Unjoni applikat skontijiet aktar baxxi għall-ECP tal-MEG għall-kumpaniji relatati tagħha milli għal klijenti mhux relatati.

(179)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-indikaturi makroekonomiċi, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (174) sa (186) tar-Regolament provviżorju.

4.5.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

(180)

SABIC iddikjara li l-Kummissjoni naqset milli tqis li l-investimenti kienu limitati fl-2018, meta l-produtturi tal-Unjoni kienu l-aktar profittabbli, meta mqabbla mal-perjodu ta’ investigazzjoni.

(181)

Kif ġie spjegat fil-premessa (199), l-għan tal-investimenti li saru mill-industrija tal-Unjoni kien li jiġu sostitwiti l-assi fissi obsoleti. Il-fatt li l-investimenti fl-2018 kienu baxxi meta l-industrija tal-Unjoni kienet l-aktar profittabbli jindika biss li l-industrija tal-Unjoni ma kellhiex bżonn tissostitwixxi aktar assi fissi obsoleti.

(182)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-indikaturi mikroekonomiċi, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (187) sa (201) tar-Regolament provviżorju.

4.5.4.   Konklużjoni dwar id-dannu

(183)

SABIC, MEGlobal Americas u CPME argumentaw li l-Kummissjoni jenħtieġ li tqis id-data ta’ wara l-PI peress li l-ECP tal-MEG żdied wara l-PI li allegatament wassal għal titjib sinifikanti fil-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni u l-perjodu ta’ investigazzjoni ġie affettwat mill-pandemija tal-COVID-19 u minn prezzijiet baxxi madwar id-dinja.

(184)

Fir-rigward tal-analiżi tad-dannu, il-Kummissjoni fakkret li, kif previst fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku, l-informazzjoni fir-rigward ta’ perjodu sussegwenti għall-perjodu ta’ investigazzjoni, normalment, ma għandhiex titqies. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda informazzjoni fil-fajl li tikkonferma li kwalunkwe żieda allegata fil-prezz twassal għal titjib fis-sitwazzjoni ekonomika tal-produtturi tal-Unjoni jew li kwalunkwe żvilupp ta’ wara l-PI jkun sostenibbli maż-żmien, u mhux biss żvilupp temporanju fid-dawl tal-evoluzzjoni tas-suq fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(185)

SABIC iddikjara li għadd ta’ produtturi tal-Unjoni tal-MEG għandhom faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-etilen integrati u għalhekk jenħtieġ li l-marġni ta’ profitt ma jitqiesx biss għall-MEG, peress li l-produtturi tal-Unjoni jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu l-profitti kollha tagħhom jew il-biċċa l-kbira tagħhom fl-istadju tal-etilen u, għalhekk, il-profittabbiltà tul il-katina tal-valur integrata trid titqies li tivvaluta b’mod oġġettiv il-profittabbiltà tal-produtturi integrati tal-Unjoni.

(186)

Din l-investigazzjoni tkopri l-MEG u mhux l-etilen. Għalhekk, il-Kummissjoni trid tivvaluta l-profittabbiltà tal-MEG u mhux tal-etilen. Madankollu, meta vvalutat il-kost tal-produzzjoni tal-MEG, għall-produtturi tal-Unjoni li pprovdew il-MEG fi grupp, il-Kummissjoni vvalutat jekk il-kost tal-etilen fil-kost tal-produzzjoni tal-MEG kienx irreġistrat fir-rekords kontabilistiċi bi prezzijiet raġonevoli sabiex ma titnaqqasx il-profittabbiltà tal-MEG billi jiżdied b’mod artifiċjali l-kost tal-etilen. L-investigazzjoni żvelat li l-produtturi tal-Unjoni kienu niżżlu l-kost tal-etilen fil-kost tal-produzzjoni tal-MEG bħala l-kost tal-produzzjoni tal-etilen flimkien ma’ marġni żgħir. Għalhekk, ma kien hemm l-ebda trasferiment ta’ profitti mill-MEG għall-etilen. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(187)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, SABIC tennew l-affermazzjoni tagħhom li l-prezzijiet żdiedu wara l-PI. Argumentaw ukoll li ż-żieda fil-prezzijiet ma kinitx żvilupp temporanju u li ppreżentaw evidenza f’dan ir-rigward. L-evidenza msemmija minn SABIC ġiet sottomessa biss fuq bażi kunfidenzjali. Hija wriet l-ECP previst tal-MEG sa Diċembru 2022. Is-sors ta’ din l-informazzjoni huwa Wood Mackenzie. CPME tennew ukoll l-affermazzjoni tagħhom li, wara l-PI, l-ECP għall-MEG żdied. Ippreżenta ċart li turi l-ECP għall-MEG bejn Jannar 2014 u Ottubru 2021. Ippreżenta wkoll ċart li turi l-firxa bejn l-ECP għall-MEG u l-ECP għall-etilen. Argumenta li minħabba x-xejra tal-ECP għall-MEG u l-etilen l-industrija tal-Unjoni rkuprat mid-dannu materjali mġarrab matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(188)

Kif spjegat fil-premessa (184), kif previst fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku, l-informazzjoni relatata ma’ perjodu sussegwenti għall-perjodu ta’ investigazzjoni, normalment, ma għandhiex titqies. L-informazzjoni ta’ wara l-PI sottomessa mill-partijiet ma għandha l-ebda impatt fuq il-konklużjoni li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(189)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, MEGlobal Americas sostnew li abbażi tas-sejbiet tal-Kummissjoni, il-prezz tal-bejgħ tal-MEG prodott minn ċertu produttur tal-Unjoni kien ferm aktar baxx mill-prezz tal-bejgħ ta’ importatur, li min-naħa tiegħu kien aktar baxx mill-prezz tal-bejgħ ta’ MEGlobal International. Dan ikkonferma li l-produttur tal-Unjoni kien qed ibigħ l-MEG tiegħu bi prezzijiet ferm aktar baxxi minn dawk tal-importazzjonijiet tal-MEG prodott minn MEGlobal Americas u għalhekk dan il-produttur tal-Unjoni kien responsabbli għad-dannu li kien qed jiddikjara li qed isofri. Barra minn hekk, MEGlobal Americas talab lill-Kummissjoni tikkonferma li hija segwiet l-istess approċċ bħal dak segwit għall-kostruzzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni għall-bejgħ lil Equipolymers għall-bejgħ tal-MEG prodott minn produttur partikolari tal-Unjoni meta vvalutat il-marġni tad-dannu u l-valutazzjoni tad-dannu materjali.

(190)

Il-Kummissjoni nnotat li MEGlobal Americas fehem ħażin l-analiżi pprovduta fid-divulgazzjoni speċifika msemmija fil-premessa (106). Il-prezz li MEGlobal Americas irrefera għalih fil-premessa (189) ma kienx il-prezz tal-bejgħ tal-produttur rispettiv tal-Unjoni, iżda l-prezz tax-xiri ta’ MEGlobal Europe mill-kumpanija relatata tiegħu li rċeviet MEG mingħand il-produttur tal-Unjoni abbażi ta’ ftehim ta’ swap kif spjegat fil-premessa (145) tar-Regolament provviżorju. Għalhekk, dawn l-affermazzjonijiet ġew miċħuda għax kienu bla bażi.

(191)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-konklużjoni dwar id-dannu, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (202) sa (208) tar-Regolament provviżorju.

5.   KAWŻALITÀ

5.1.   Effetti tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping

(192)

MEGlobal Americas sostna li ma hemm l-ebda korrelazzjoni bejn il-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija peress li l-volum tal-importazzjonijiet tal-MEG mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija żdied b’19,4 % bejn l-2017 u l-2018, filwaqt li l-volum tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni naqas biss b’0,12 % fl-istess perjodu. Barra minn hekk, ġie argumentat li filwaqt li l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija żdiedu b’mod lineari bejn l-2017 u l-2019, il-prestazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni ma kinitx lineari. B’mod partikolari, il-livell tal-prezz tal-produtturi tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni żdied b’ħames punti perċentwali bejn l-2017 u l-2018 qabel ma esperjenza tnaqqis matul l-2019, filwaqt li l-kost tal-produzzjoni ta’ unità baqa’ stabbli bejn l-2017 u l-2019 irrispettivament miż-żieda fl-importazzjonijiet mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija.

(193)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. Iż-żieda ta’ 19,4 % fis-sehem mis-suq tal-pajjiżi kkonċernati bejn l-2017 u l-2018 kienet dovuta għal żieda fil-volumi bi prezzijiet li ma kinux qed jikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. L-importazzjonijiet mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija ma żdidux b’mod lineari bejn l-2017 u l-2019. Żieda lineari tfisser tkabbir b’ammont kostanti kull sena. Bejn l-2017 u l-2018, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu b’93 499 tunnellata filwaqt li bejn l-2018 u l-2019 żdiedu b’128 383 tunnellata (37 % aktar minn bejn l-2017 u l-2018). Barra minn hekk, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żdied b’4,6 punti perċentwali bejn l-2017 u l-2018 u b’7,7 punti perċentwali bejn l-2018 u l-2019. Barra minn hekk, bejn l-2018 u l-2019, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Istati Uniti żdied minn 4,6 % għal 12,9 %. Kif ġie spjegat fil-premessa (212) tar-regolament provviżorju, il-MEG huwa komodità omoġenja mibjugħa f’suq trasparenti ħafna. Barra minn hekk, il-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti huma orjentati lejn l-esportazzjoni b’kapaċità tal-produzzjoni li qed tiżdied kif spjegat fil-premessa (247) tar-Regolament provviżorju. F’dawn il-kundizzjonijiet, sabiex jiżdied is-sehem mis-suq tagħhom fis-suq tal-Unjoni, il-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti kellhom ibigħu l-MEG fis-suq tal-Unjoni bi prezz aktar baxx mill-industrija tal-Unjoni u mill-produtturi esportaturi tal-Arabja Sawdija. Dawn tal-aħħar kellhom isegwu l-imġiba tal-prezzijiet tal-kumpaniji tal-Istati Uniti sabiex jipproteġu s-sehem mis-suq tagħhom fis-suq tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni kellhom ukoll inaqqsu l-prezzijiet tagħhom sabiex jipproteġu s-sehem mis-suq tagħhom. Madankollu, il-pressjoni fuq il-prezzijiet kienet tant għolja li l-industrija tal-Unjoni tilfet 7,3 punti perċentwali fis-sehem mis-suq fis-suq ħieles. Dan it-tnaqqis fil-prezz tal-bejgħ, għalkemm il-kost ta’ unità tal-produzzjoni kien qed jonqos ukoll bejn l-2018 u l-2019, wassal għal telf ta’ bejn 8,3 % u 10,2 % fl-2019 għall-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-kost tal-produzzjoni ta’ unità tal-industrija tal-Unjoni ma kienx stabbli bejn l-2017 u l-2019 kif tiddikjara MEGlobal Americas, iżda tela’ u niżel. L-ewwel żdied bi 3 % bejn l-2017 u l-2018, u mbagħad naqas bi 2 % bejn l-2018 u l-2019. Għalhekk, kien fl-2019 li l-industrija tal-Unjoni kienet imġiegħla tistabbilixxi l-prezzijiet tagħha ferm taħt il-kostijiet sabiex iżżomm is-sehem mis-suq tagħha minħabba l-pressjoni fuq il-prezzijiet eżerċitata mill-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati bi prezzijiet aktar baxxi. Għalhekk hemm korrelazzjoni ċara bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(194)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-effett tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (210) sa (213) tar-Regolament provviżorju.

5.2.   Effetti ta’ fatturi oħrajn

(195)

MEGlobal Americas argumenta li l-Kummissjoni naqset milli tindirizza l-effetti ta’ fatturi oħrajn għajr l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija li setgħu kkontribwew għad-deterjorament tal-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

(196)

Il-Kummissjoni tirreferi għall-premessi (210) sa (253) tar-Regolament provviżorju, li janalizzaw fid-dettall l-effetti ta’ 13-il fattur bħal dawn. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(197)

SABIC iddikjara li l-Kummissjoni ma qisitx it-tnaqqis fid-domanda bħala kawża oħra ta’ dannu minkejja li kienet elenkata b’mod espliċitu fl-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku.

(198)

Fir-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni vvalutat 13-il fattur ieħor għajr l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping li setgħu kellhom impatt fuq id-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. L-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku jsemmi t-tnaqqis fid-domanda. Il-Kummissjoni ma ssemmietx b’mod speċifiku l-konsum fost dawn il-fatturi minħabba li l-konsum fis-suq ħieles kien pjuttost stabbli matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(199)

SABIC, Arteco, Oxyde, Helm u Tricon affermaw li l-Kummissjoni ma qisitx l-aċċident ta’ wieħed mill-produtturi tal-Unjoni deskritt fil-premessa (176) tar-Regolament provviżorju bħala kawża ta’ dannu.

(200)

Kif muri fit-Tabella 4 tar-Regolament provviżorju, il-kapaċità totali tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqset biss bi 3 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni meta mqabbla mal-2019. Dan l-aċċident seħħ f’Jannar 2020, u għalhekk fit-tieni nofs tal-perjodu ta’ investigazzjoni. Kif spjegat fir-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni żvelat li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienet diġà bdiet tiddeterjora b’mod sinifikanti fl-2019, jiġifieri qabel l-aċċident. Din il-kumpanija hija wkoll produttur żgħir u għalhekk, il-volum tal-produzzjoni mnaqqas tagħha fl-2020 wara l-aċċident kellu impatt żgħir fuq ix-xejra ta’ tnaqqis tal-volum tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

(201)

MEGlobal Americas iddikjara li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda analiżi kompluta ta’ nuqqas ta’ attribuzzjoni peress li ma vvalutatx bħala fatturi oħra ta’ dannu: (1) il-fatt li l-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kien għoli u (2) il-kartell fost ix-xerrejja tal-etilen (18).

(202)

Il-Kummissjoni tinnota li ż-żewġ fatturi enfasizzati minn MEGlobal Americas jikkontradixxu lil xulxin. Minn naħa waħda, MEGlobal Americas sostna li l-kostijiet tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienu għoljin u, min-naħa l-oħra, li kienu baxxi minħabba l-kartell fost ix-xerrejja tal-etilen, u mbagħad li t-tnejn jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. Madankollu, il-Kummissjoni tixtieq tipprovdi l-kjarifiki li ġejjin. L-ewwel nett, il-premessa (235) tar-Regolament provviżorju tivvaluta jekk il-kost ogħla tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienx fattur ta’ dannu minbarra l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. It-tieni nett, il-kartell fost ix-xerrejja tal-etilen kellu effett sa Marzu 2017. L-għan tal-kartell kien li jżomm il-prezz tal-etilen aktar baxx mill-prezz tas-suq. Il-kumpanija ma spjegatx kif, u ma pprovdiet l-ebda evidenza dwar l-impatt tal-kartell fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-produtturi tal-MEG. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(203)

Arteco, Oxyde, Helm u Tricon affermaw li t-tnaqqis fil-bejgħ kaptiv, li ma kienx ikkawżat mill-importazzjonijiet, anke jekk kien baxx, kellu impatt fuq is-sitwazzjoni tad-dannu tal-industrija tal-Unjoni.

(204)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. Il-bejgħ kaptiv kien prinċipalment bejgħ lis-settur tal-berrieda. Id-domanda għall-MEG mis-settur tal-berrieda naqset minħabba l-pandemija tal-COVID-19 kif spjegat fil-premessa (238) tar-Regolament provviżorju. Barra minn hekk, fil-premessa (227) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tnaqqis fil-bejgħ kaptiv ma kkontribwixxa bl-ebda mod sinifikanti u lanqas ma spjega d-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(205)

Arteco, Oxyde, Helm u Tricon affermaw ukoll li l-importazzjonijiet mir-Russja u mill-Kuwajt taħt il-prezz tal-importazzjoni mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija jenħtieġ li ma jiġux injorati bħala marġinali biss, kif iddikjarat il-Kummissjoni fil-premessa (219) tar-Regolament provviżorju.

(206)

Huwa nnotat li matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Istati Uniti varja bejn 3,8 % u 18 % filwaqt li l-importazzjonijiet mir-Renju tal-Arabja Sawdija varjaw minn 26,1 % sa 31,3 %, u fuq bażi kumulattiva varjaw bejn 31,6 % u 44,1 %. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-Russja varja bejn 0,6 % u 1,3 %, filwaqt li s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Kuwajt varja bejn 0 % u 1,0 %. Għalhekk, anki jekk f’ċerti snin matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni l-prezzijiet tal-importazzjoni mir-Russja u mill-Kuwajt kienu taħt il-prezz tal-importazzjoni mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija, fid-dawl tas-sehem mis-suq ferm aktar baxx tagħhom meta mqabbla mal-importazzjonijiet mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija, l-importazzjonijiet mir-Russja u mill-Kuwajt seta’ kellhom biss impatt marġinali, jekk kien hemm, fuq id-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(207)

MEGlobal Americas, Arteco, Oxyde, Helm, Tricon u CPME affermaw ukoll li għalkemm il-Kummissjoni sabet li għadd ta’ fatturi, bħall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, il-pandemija tal-COVID-19, it-tnaqqis fil-bejgħ kaptiv, u l-aċċident ta’ wieħed mill-produtturi tal-Unjoni, kienu kkawżaw dannu lill-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni naqset milli tiżgura li l-effetti ta’ dawn il-kawżi ma jiġux attribwiti għall-importazzjonijiet mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku. Ġie argumentat ukoll li dan kien jimplika li d-determinazzjoni tal-marġni tad-dannu jenħtieġ li ma tqisx l-effetti dannużi kkawżati minn fatturi oħra għajr dawk l-importazzjonijiet.

(208)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. L-ewwel nett, fir-Regolament provviżorju fil-premessi (219), (240) u (227) kif ukoll fil-premessa (200) tar-Regolament attwali, il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn il-fatturi ma naqqsux ir-rabta ta’ kawżalità bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati u d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Il-fattur ewlieni fil-fatt kien l-importazzjoni mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija. It-tieni, id-determinazzjoni tal-marġni tad-dannu trid issir skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(2c) u (2d) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, il-Kummissjoni stabbiliet il-prezz fil-mira u l-livell ta’ profittabbiltà billi qieset il-fatturi elenkati.

(209)

Arteco, Oxyde, Helm u Tricon affermaw li l-Kummissjoni kellha tqis, b’mod globali, il-komodità u n-natura integrata tal-MEG minħabba diversi fatturi li huma interkonnessi u li jiġġustifikaw is-sitwazzjoni allegata ta’ dannu tal-industrija tal-Unjoni.

(210)

L-ewwel nett, ġie ddikjarat li l-prezzijiet tal-MEG kienu bbażati fuq il-prezzijiet tal-formula li jsegwu l-prezzijiet fl-Asja, li kkollassaw matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni u, għalhekk, l-importazzjonijiet minn kwalunkwe pajjiż individwali ma setgħux jinfluwenzaw is-suq tal-Unjoni u jikkawżaw dannu, peress li l-prezzijiet kienu ddeterminati f’konformità mal-kundizzjonijiet fl-Asja, mhux fl-Ewropa. Din l-affermazzjoni saret ukoll minn CPME. Arteco, Oxyde, Helm u Tricon affermaw ulterjorment li l-iskontijiet offruti mill-produtturi tal-Istati Uniti u tar-Renju tal-Arabja Sawdija ma għandhom l-ebda impatt fuq il-prezzijiet tal-MEG fl-Unjoni. Huma argumentaw ukoll li peress li l-importazzjonijiet tal-Istati Uniti ma kinux qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-Unjoni, dan ifisser li l-iskontijiet offruti mill-produtturi tal-Istati Uniti ma kinux ogħla mill-iskontijiet offruti mill-produtturi tal-Unjoni.

(211)

It-tieni, ġie ddikjarat li l-kostijiet ogħla tal-produtturi tal-Unjoni mill-produtturi tal-Istati Uniti u tar-Renju tal-Arabja Sawdija naqqsu l-kapaċità tal-produtturi tal-Unjoni li jagħmlu profitti meta l-prezzijiet tal-MEG naqsu globalment.

(212)

It-tielet, ġie ddikjarat li minħabba t-tnaqqis fil-marġni bejn il-prezzijiet tal-MEG u tal-etilen, il-produtturi tal-Unjoni għażlu li jiddevjaw il-produzzjoni tagħhom lejn derivattivi aktar profittabbli tal-ossidu tal-etilen (“EO”). Din l-affermazzjoni ġiet imtennija wkoll minn CPME. Barra minn hekk, LCLA afferma b’mod żbaljat li l-Kummissjoni rrikonoxxiet fil-premessa (229) tar-Regolament provviżorju li l-industrija tal-Unjoni naqqset il-produzzjoni tagħha tal-MEG biex tipproduċi derivattivi tal-EO peress li dawn kienu jinbiegħu bi prezzijiet ogħla mill-MEG. LCLA afferma wkoll li l-Kummissjoni kellha tiddetermina kemm il-produzzjoni tal-MEG naqset bħala riżultat tad-deċiżjoni tal-industrija tal-Unjoni li tiffoka fuq id-derivattivi tal-EO u vvalutat jekk din iċ-ċifra kinitx korrelatata maż-żieda fil-volum tal-produzzjoni tal-EO. Arteco, Oxyde, Helm, Tricon u CPME affermaw ukoll li ma kien hemm l-ebda evidenza fil-fajl li l-produtturi tal-Unjoni għandhom aċċess għal biżżejjed EO biex jimmanifatturaw kemm il-MEG kif ukoll derivattivi oħrajn tal-EO. Ġie argumentat ukoll li l-produtturi għandhom fornituri limitati għall-etilen li jeħtieġ jallokaw għall-manifattura ta’ prodotti differenti u li l-ostakoli komplew jiġu aggravati mill-volumi tal-etilen u tal-EO mibjugħa fis-suq ħieles, li għalhekk ma kinux għadhom disponibbli għall-ipproċessar ta’ prodotti downstream bħall-MEG. Ġie ddikjarat ukoll li fl-2019 u fl-2020, il-produtturi tal-MEG tal-Unjoni użaw il-kapaċità tal-produzzjoni tagħhom tal-EO prinċipalment u dejjem aktar għall-produzzjoni ta’ derivattivi tal-EO għajr il-MEG. Arteco, Oxyde, Helm u Tricon affermaw li ż-żidiet fil-kapaċità ppjanati għall-produzzjoni tal-EO ma wrewx li l-produtturi tal-Unjoni kienu impenjati li jimmanifatturaw il-MEG. Fil-fatt dan wera li l-katina tal-provvista globali tal-etilen u tal-EO ma kinitx affettwata minn dannu, iżda minn għażla intenzjonata li jsir fokus fuq il-produzzjoni u l-bejgħ tal-EO u d-derivattivi tiegħu għajr il-MEG.

(213)

Mill-bidu, il-Kummissjoni nnotat li l-partijiet interessati jikkontradixxu lilhom infushom fl-argument tagħhom dwar il-prezzijiet tal-MEG fis-suq tal-Unjoni. Fuq naħa waħda, SABIC u MEGlobal Americas iddikjaraw li l-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni ġew stabbiliti mill-produtturi tal-Unjoni kif deskritt fil-premessa (149). Min-naħa l-oħra, Arteco, Oxyde, Helm u Tricon affermaw li l-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni ġew iddeterminati f’konformità mal-kundizzjonijiet fl-Asja u mhux fl-Ewropa. Bħala regola ġenerali, il-prezzijiet tas-suq huma stabbiliti abbażi tal-provvista u d-domanda f’dak is-suq. Minħabba l-arbitraġġ, il-prezzijiet fi swieq differenti bħas-swieq Ewropej jew Asjatiċi jallinjaw ruħhom sa ċertu punt. Il-prezz tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni għall-MEG huwa stabbilit abbażi tal-ECP nieqes skont. Peress li l-iskontijiet jistgħu jvarjaw minn 13 % sa 20 %, li huma sinifikanti għal komodità omoġenja bħall-MEG, dawn għandhom rwol sinifikanti fil-prezz finali tal-MEG fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk, il-livell tal-ECP jgħid biss parti mill-istorja tal-livelli tal-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-iskontijiet applikati mill-bejjiegħa għall-ECP tal-MEG huma l-element ewlieni fil-pressjoni fuq il-prezzijiet eżerċitata mill-esportaturi fis-suq tal-Unjoni. L-iskontijiet huma influwenzati mill-kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni u ma humiex marbuta mal-livell tal-ECP jew mal-prezzijiet fl-Asja. Filwaqt li l-livell tal-ECP huwa pubbliku, l-iskontijiet użati mill-bejjiegħa huma kunfidenzjali. L-investigazzjoni żvelat li l-iskontijiet ivarjaw minn bejjiegħ għal ieħor u li l-bejjiegħa japplikaw skontijiet differenti għal klijenti differenti. Barra minn hekk, għal ċerti esportaturi, il-livelli tal-iskontijiet żdiedu fl-2020 meta mqabbla mal-2019. Barra minn hekk, il-fatt li l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti ma humiex qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni ma jfissirx li l-iskontijiet offruti mill-produtturi tal-Istati Uniti ma kinux ogħla mill-iskontijiet offruti mill-produtturi tal-Unjoni, kif jiddikjaraw il-partijiet. Il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni huma prezzijiet li qed jagħmlu telf peress li dawn kellhom jonqsu minħabba l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, li min-naħa tagħhom kienu kkawżati minn skontijiet ogħla.

(214)

Fir-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni ddikjarat li l-prezzijiet tal-etilen fl-Unjoni huma ogħla minn dawk fir-Renju tal-Arabja Sawdija jew fl-Istati Uniti minħabba l-materja prima differenti użata għall-manifattura tal-etilen. Madankollu, id-differenza fil-prezzijiet għall-etilen ma hijiex l-element ewlieni fid-deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni. Filwaqt li t-tnaqqis fl-ECP tal-MEG naqqas parti mill-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni, il-pressjoni fuq il-prezzijiet eżerċitata mill-produtturi esportaturi bi prezzijiet oġġett ta’ dumping, u li żiedu l-iskontijiet tagħhom fis-suq tal-Unjoni, ġiegħlu lill-industrija tal-Unjoni żżid l-iskontijiet tagħha wkoll, u dan wassal għal soppressjoni tal-prezzijiet kif instab fil-premessa (203) tar-Regolament provviżorju. Filwaqt li tabilħaqq l-ECP għall-MEG naqas aktar mill-prezz tal-etilen u kien hemm tnaqqis fil-marġni bejn l-ECP għall-MEG u l-etilen, li jispjega parti mit-telf fil-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni, f’suq trasparenti bħas-suq tal-MEG, li fih l-atturi kollha jorbtu l-prezz tal-bejgħ mal-EPC, il-kompetizzjoni sseħħ fil-livell tal-iskontijiet applikati għall-ECP. Filwaqt li l-livell tal-ECP jaffettwa lill-partijiet kollha, anki jekk l-ECP tal-MEG jiżdied, sakemm l-esportaturi mill-pajjiżi kkonċernati jkomplu jbigħu fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet oġġett ta’ dumping bi skontijiet ogħla mill-industrija tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni se jkomplu jitilfu s-sehem mis-suq sakemm ma jistabbilixxux il-prezzijiet tagħhom, permezz tal-iskont, fl-istess livell bħall-prezzijiet dannużi li jikkompetu magħhom, li huma taħt il-kost tal-produzzjoni tagħhom.

(215)

Il-partijiet ma ppreżentaw l-ebda evidenza, minbarra allegazzjonijiet u spekulazzjonijiet, li sabiex l-industrija tal-Unjoni żżid il-produzzjoni tad-derivattivi tal-EO, kellha bżonn tnaqqas il-produzzjoni tal-MEG. Tabilħaqq, ma huwiex eskluż li wħud mill-produtturi tal-Unjoni tal-MEG żiedu l-produzzjoni tagħhom tad-derivattivi tal-EO u, għalhekk, il-konsum tal-EO għall-manifattura tad-derivattivi tal-EO żdied, iżda dan ma jfissirx li din iż-żieda kienet possibbli biss billi tnaqqset il-produzzjoni tal-MEG b’mod parallel. L-affermazzjoni li l-produtturi tal-Unjoni tal-MEG kellhom provvista limitata ta’ etilen ma kinitx issostanzjata. Uħud mill-produtturi tal-Unjoni qed jimmanifatturaw l-etilen, ibigħu wkoll l-etilen lil partijiet mhux relatati oħra u l-produtturi tal-Unjoni tal-MEG inklużi fil-kampjun huma wkoll konnessi ma’ sistema ta’ gassdott (19) għat-trasport tal-etilen bejn Antwerp u Rotterdam, l-akbar żewġ kumplessi portwarji u industrijali fl-Ewropa. Barra minn hekk, il-produtturi tal-MEG qed ibigħu l-EO biss f’volumi żgħar ħafna peress li l-EO huwa gass li jaqbad u, għalhekk, it-trasport tiegħu huwa perikoluż. Kif ġie spjegat fir-Regolament provviżorju, l-industrija tal-Unjoni tibqa’ impenjata li tipproduċi l-MEG fl-Unjoni. Minkejja telf sinifikanti ta’ bejn 8,3 % u 10,2 % fl-2019 u ta’ bejn 10,8 % u 13,2 % fl-IP, l-industrija tal-Unjoni xorta użat 65,6 % u 63,8 % tal-kapaċità tal-produzzjoni tagħha tal-MEG fl-2019 u fl-IP rispettivament meta setgħet waqqfet il-produzzjoni u ffokat fuq derivattivi oħra tal-EO kif iddikjaraw il-partijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qatt ma rrikonoxxiet li l-industrija tal-Unjoni naqqset il-produzzjoni tagħha tal-MEG biex tipproduċi derivattivi tal-EO peress li dawn kienu jinbiegħu bi prezzijiet ogħla mill-MEG fil-premessa (229) jew fi kwalunkwe premessa oħra fir-Regolament provviżorju, kif iddikjarat minn LCLA. Fil-fatt, il-Kummissjoni ddikjarat fil-premessa (229) tar-Regolament provviżorju li l-industrija tal-Unjoni kienet sfurzata tnaqqas il-produzzjoni tal-MEG peress li l-prezz tal-bejgħ tagħha kien ferm taħt il-kost tal-produzzjoni minħabba l-pressjoni fuq il-prezzijiet eżerċitata mill-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati. L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda nuqqas għall-materja prima ewlenija, l-etilen, min-naħa tal-industrija tal-Unjoni u LCLA ma ppreżentat l-ebda evidenza li, sabiex l-industrija tal-Unjoni żżid il-produzzjoni tad-derivattivi tal-ossidu tal-etilen, kellha tnaqqas il-produzzjoni tal-MEG. Għalhekk, jekk l-industrija tal-Unjoni żiditx il-produzzjoni tad-derivattivi tal-ossidu tal-etilen ma għandu l-ebda effett fuq din l-investigazzjoni peress li ma hemm l-ebda evidenza li turi li l-uniku mod biex l-industrija tal-Unjoni tikseb tali żieda kien li jitnaqqas il-volum tal-MEG. Barra minn hekk, il-fatt li l-produtturi tal-Unjoni qed iżidu l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni għal prodotti oħra, ma jfissirx li ma għandhomx l-intenzjoni li jibqgħu jimmanifatturaw il-MEG. L-investigazzjoni attwali ma tkoprix il-katina kollha tal-provvista tal-ossidu tal-etilen u tal-etilen, iżda biss il-MEG. Għalhekk, il-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tikkummenta dwar l-affermazzjoni ta’ Arteco dwar jekk il-katina tal-provvista globali tal-etilen u tal-ossidu tal-etilen mid-dannu hijiex affettwata. Fi kwalunkwe każ, l-investigazzjoni stabbiliet b’mod ċar li l-industrija tal-Unjoni naqqset il-produzzjoni tal-MEG mill-2019 minħabba l-kundizzjonijiet li qed jiddeterjoraw fis-suq tal-MEG minħabba ż-żieda fl-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati bi prezzijiet baxxi.

(216)

Arteco, Oxyde, u Helm argumentaw ukoll li l-importazzjonijiet ta’ wara l-IP minn pajjiżi oħra bħall-Kuwajt, iċ-Ċina, il-Ġappun, Singapore u t-Tajwan bi prezzijiet baxxi żdiedu u għalhekk l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping irriskjat li l-importazzjonijiet jimxu mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija mingħajr ebda benefiċċju għall-produtturi tal-Unjoni.

(217)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. L-informazzjoni sottomessa minn Arteco turi li l-prezzijiet tal-importazzjoni miċ-Ċina, minn Singapore u mit-Tajwan huma ogħla mill-prezzijiet tal-importazzjoni mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija wara l-IP. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda evidenza fil-fajl li tindika li dawn l-importazzjonijiet isiru bi prezzijiet oġġett ta’ dumping u qed jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni.

(218)

Arteco, Oxyde, Helm u Tricon affermaw li abbażi ta’ konsulenti tas-suq, iċ-Ċina baqgħet l-akbar riċevitur tal-MEG tal-Istati Uniti u għalhekk il-Kummissjoni kienet qed tispekula biss meta ddikjarat fil-premessa (247) tar-Regolament provviżorju li l-industrija Ċiniża tal-MEG ukoll kienet qed iżżid il-kapaċità tal-produzzjoni bil-għan li ssir awtosuffiċjenti u għalhekk il-produtturi tal-Istati Uniti x’aktarx li kienu se jkomplu bl-interess tagħhom fis-suq tal-Unjoni. Arteco afferma ulterjorment li t-Turkija tabilħaqq kienet saret destinazzjoni importanti għall-esportaturi tal-Istati Uniti.

(219)

Il-Kummissjoni l-ewwel tinnota li hija l-affermazzjoni indirizzata fil-premessa (247) tar-Regolament provviżorju li kienet purament spekulattiva, għalkemm fis-sottomissjonijiet ġiet ippreżentata bħala ċertezza. Madankollu, it-tweġiba tal-Kummissjoni kienet tabilħaqq aktar kawta peress li qalet “x’aktarx” (jiġifieri li ma hemm l-ebda ċertezza) u offriet xi evidenza biex tappoġġa din il-probabbiltà. Id-dokument ippreżentat minn Arteco fir-rigward tat-Turkija jiddikjara wkoll li fl-2020 il-kapaċità Ċiniża tal-MEG żdiedet bi kważi 30 % filwaqt li fl-2021 kienet mistennija li tiżdied b’aktar minn 40 %. Barra minn hekk, sal-2023, il-kapaċità Ċiniża tal-MEG kienet mistennija li tkun aktar mid-doppju tal-livell tal-2020. Dan juri b’mod ċar li kif iddikjarat fil-premessa (247) tar-Regolament provviżorju, il-produtturi Ċiniżi tal-MEG qed iżidu l-kapaċità tal-produzzjoni tagħhom, li jfisser li se jsiru inqas dipendenti mill-importazzjonijiet. Il-fatt li l-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti żiedu l-esportazzjonijiet tagħhom lejn it-Turkija juri li l-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti kontinwament qed ifittxu swieq oħra biex jissostitwixxu d-domanda tal-importazzjonijiet miċ-Ċina. Huwa mfakkar li kif iddikjarat fil-premessa (247) tar-Regolament provviżorju, il-kumpaniji tal-Istati Uniti huma orjentati lejn l-esportazzjoni b’kapaċitajiet li qed jiżdiedu. Il-kumpaniji l-ġodda tal-Istati Uniti li bdew il-produzzjoni f’dawn l-aħħar snin huma kumpaniji kbar b’kapaċitajiet ta’ produzzjoni sinifikanti ħafna bejn 700 elf u miljun tunnellata fis-sena (20), filwaqt li l-kapaċità totali tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni hija ta’ 1,4 miljun tunnellata. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(220)

Arteco, Oxyde u Helm affermaw li ż-żieda fl-importazzjonijiet tal-PET trid titqies bħala fattur li naqqas ir-rabta ta’ kawżalità bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(221)

Kif deskritt fit-Tabella 13 tar-Regolament provviżorju, l-importazzjonijiet tal-PET fl-Unjoni żdiedu bejn l-2017 u l-2019 u mbagħad naqsu fl-IP. Il-konsum tal-MEG fis-suq ħieles segwa l-istess xejra. Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-importazzjonijiet tal-PET żdiedu bi 13 %, iżda l-konsum tas-suq ħieles tal-MEG bilkemm naqas b’1 %. Is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma ddeterjoratx minħabba li d-domanda tal-MEG naqset, iżda minħabba ż-żieda fl-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping bi prezzijiet baxxi. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(222)

Arteco, Oxyde u Helm affermaw li peress li l-produzzjoni tal-MEG tiġġenera prodotti sekondarji bħal dietilen glikol (“DEG”) u trietilen glikol (“TEG”), dawn il-prodotti sekondarji jridu jitqiesu biex tiġi ddeterminata l-profittabbiltà ġenerali tal-produzzjoni tal-MEG. Barra minn hekk, Arteco sostna li l-fatt li l-prezzijiet għal dawn il-prodotti sekondarji naqsu b’mod parallel mal-MEG kien evidenza ulterjuri li l-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti segwew ix-xejriet globali u ma kinux ir-riżultat ta’ dumping dannuż.

(223)

Il-prodott ikkonċernat huwa l-MEG u, għalhekk, il-Kummissjoni vvalutat il-profittabbiltà fir-rigward tal-MEG biss. Peress li din l-investigazzjoni tkopri l-MEG biss, il-Kummissjoni ma vvalutatx ix-xejra tal-prezz tal-prodotti sekondarji. Barra minn hekk, kif ġie spjegat fil-premessa (213), fil-valutazzjoni tal-prezz tal-MEG, ma huwiex biżżejjed li wieħed iħares biss lejn ix-xejra tal-ECP. L-iskont applikat għall-ECP għandu rwol sinifikanti fil-pressjoni fuq il-prezzijiet eżerċitata mill-esportaturi fis-suq tal-Unjoni u l-livell ta’ skont ma huwiex marbut ma’ kwalunkwe xejra globali. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(224)

CPME afferma wkoll li l-Kummissjoni ma eżaminatx kif xieraq l-effetti tad-dannu kkawżat mill-industrija tal-Unjoni stess li l-importazzjonijiet mir-Renju tal-Arabja Sawdija minn kumpaniji relatati mal-produtturi tal-Unjoni kif ukoll li produttur wieħed tal-Unjoni kkuntattja lil SABIC biex jimporta l-MEG ikkawżaw lill-industrija tal-Unjoni.

(225)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. Kif deskritt fil-premessa (136) tar-Regolament provviżorju, il-kumpaniji relatati mal-produtturi tal-Unjoni importaw volumi marġinali ħafna ta’ MEG mir-Renju tal-Arabja Sawdija matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk, kif deskritt fil-premessa (251) tar-Regolament provviżorju, ma ntlaħaq l-ebda ftehim bejn SABIC u l-produttur tal-Unjoni. Peress li l-produttur rispettiv tal-Unjoni tal-MEG ma xtara l-ebda MEG mingħand SABIC matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, ma jista’ jkun hemm l-ebda dannu kkawżat minnu stess. Sempliċi diskussjoni ma tistax tikkawża dannu.

(226)

CPME afferma li l-Kummissjoni ssottovalutat l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni billi ddikjarat li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ddeterjorat qabel il-pandemija tal-COVID-19. CPME afferma li l-prestazzjoni batuta tal-industrija tal-Unjoni fl-2019 tista’ tiġi spjegata mit-tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet fil-livell globali. Barra minn hekk, CPME afferma wkoll li l-marġnijiet ta’ profitt tal-produtturi tal-Unjoni tal-MEG naqsu minħabba tnaqqis fid-domanda tal-produtturi tal-PET tal-Unjoni tal-MEG. LCLA afferma wkoll li l-Kummissjoni ċaħdet b’mod żbaljat l-effett tal-pandemija tal-COVID-19 għal tliet raġunijiet. L-ewwel nett, minħabba li l-Kummissjoni ma vvalutatx l-effett dannuż tal-COVID-19 fuq l-industrija tal-Unjoni qabel ma kkunsidrat li ma kienx maġġuri. F’dan ir-rigward, LCLA rrefera għar-Rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO fi L-Istati Uniti – Azzar Illaminat bis-Sħana (21) li ddikjara li l-valutazzjoni tal-effett dannuż ta’ fatturi oħra kienet teħtieġ spjegazzjoni sodisfaċenti tan-natura u tal-firxa tal-effett dannuż tal-fatturi l-oħra. It-tieni, LCLA afferma li l-perjodu xieraq biex jiġi vvalutat l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 kien it-tqabbil bejn l-2019 u l-perjodu ta’ investigazzjoni u mhux l-2017 u l-perjodu ta’ investigazzjoni billi tali tqabbil minn punt ta’ tmiem għal punt ta’ tmiem ma jkunx informattiv dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni immedjatament qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, jew l-effetti li segwew. F’liema każ kien hemm rabta pożittiva bejn it-tnaqqis fil-konsum xprunat mill-COVID-19 u t-tnaqqis fis-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. It-tielet, LCLA afferma li kieku ma kienx hemm il-pandemija tal-COVID-19, l-industrija tal-Unjoni setgħet kienet tkun kapaċi ttejjeb is-sitwazzjoni ekonomika tagħha. Għalhekk, LCLA argumenta li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-pandemija tal-COVID-19 ma kinitx kawża ewlenija tad-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(227)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ dawn l-affermazzjonijiet. Kif deskritt fil-premessa (238) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni żvelat li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni bdiet tiddeterjora b’mod sinifikanti diġà fl-2019, ferm qabel ma bdiet il-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni fil-bidu tal-2020. Fl-2019, l-industrija tal-Unjoni kienet diġà qed tagħmel telf. Dan ġara f’ambjent meta l-konsum kien qed jiżdied — bejn l-2017 u l-2019 — u b’mod parallel ma’ żieda fis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati minn 31,6 % sa 43,6 % flimkien ma’ tnaqqis ta’ 25 % fil-prezzijiet tal-importazzjoni tagħhom matul l-istess perjodu. Tabilħaqq, iż-żieda fis-sehem mis-suq hija bbażata fuq prezzijiet baxxi. Peress li l-MEG huwa komodità omoġenja, l-aktar mod faċli biex il-produtturi esportaturi jiksbu sehem mis-suq fis-suq tal-Unjoni kien li jbigħu bi prezzijiet aktar baxxi mill-industrija tal-Unjoni. L-industrija tal-Unjoni naqqset il-volum tal-produzzjoni tagħha mhux minħabba nuqqas ta’ domanda iżda minħabba li ma setgħetx tbigħ bi prezzijiet aktar baxxi bħal dawn wara l-pressjoni fuq il-prezzijiet mill-importazzjonijiet mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija. Barra minn hekk, kif ġie spjegat b’mod estensiv, l-iskont applikat għall-ECP tal-MEG mill-bejjiegħ huma l-element li ħoloq il-pressjoni fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni. LCLA sempliċiment jispekula mingħajr l-ebda bażi meta jiddikjara li fin-nuqqas tal-pandemija tal-COVID-19, l-industrija tal-Unjoni forsi kienet ittejjeb is-sitwazzjoni ekonomika tagħha. Fl-aħħar nett, huwa mfakkar li l-perjodu ta’ investigazzjoni kopra l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020. Għalhekk, l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19, li laqtet lill-Unjoni fit-tieni trimestru tal-2020, affettwaw madwar tliet xhur mill-perjodu ta’ investigazzjoni. Abbażi ta’ dan t’hawn fuq, ma huwiex eskluż li l-pandemija tal-COVID-19 kellha ċertu impatt fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fi tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni, iżda huwa ċar li din ma kinitx il-kawża ewlenija tad-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni jew ma setgħetx tnaqqas ir-rabta ta’ kawżalità.

(228)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, SABIC u Tricon iddikjaraw li ma qablux mal-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-kawżalità fil-premessi (192) sa (227) u l-premessi (214) sa (256) tar-Regolament provviżorju. SABIC tennew l-affermazzjoni tagħhom li ma kien hemm l-ebda korrelazzjoni bejn il-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet mir-Renju tal-Arabja Sawdija u l-Istati Uniti kif ukoll l-ebda korrelazzjoni bejn il-volum tal-importazzjonijiet u l-effetti negattivi fuq il-prezzijiet domestiċi mingħajr ma pprovdiet argumenti ġodda f’dan ir-rigward. Tricon tenna wkoll xi wħud mill-argumenti diġà vvalutati mill-Kummissjoni hawn fuq. Madankollu, ma tressaq l-ebda argument pertinenti ġdid f’dan ir-rigward.

(229)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-konklużjonijiet f’din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (214) sa (256) tar-Regolament provviżorju.

6.   LIVELL TAL-MIŻURI

6.1.   Eżami tal-marġni adegwat biex jitneħħa d-dannu lill-industrija tal-Unjoni

(230)

MEGlobal Americas, SABIC u LCLA affermaw li l-marġni ta’ profitt użat mill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-prezz mhux dannuż kien għoli wisq għal prodott ta’ komodità u għalhekk il-Kummissjoni jenħtieġ li tuża l-proporzjon ta’ profitt minimu ta’ 6 % stabbilit fl-Artikolu 7(2c) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, ġie affermat li l-Kummissjoni naqset milli teżamina l-impatt tal-kartell tax-xerrejja tal-etilen fuq il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni. LCLA afferma li l-profitti fl-2017-2018 ma kinux jirrappreżentaw il-livell ta’ profittabbiltà li għandu jkun mistenni f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni peress li l-prezzijiet tal-MEG kienu għoljin b’mod anormali matul dawk is-snin minħabba nuqqas globali ta’ MEG, b’mod partikolari fiċ-Ċina, filwaqt li l-kost tal-produzzjoni kien f’livelli normali u b’hekk irriżulta fi profitti għoljin.

(231)

Il-marġni tal-profitt użat għall-kalkolu tal-prezz mhux dannuż kien il-medja tal-marġni tal-profitt tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun irreġistrati fl-2017 u fl-2018 qabel iż-żieda fl-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping f’konformità mal-Artikolu 7(2c) tar-Regolament bażiku. L-ebda wieħed mill-produtturi tal-Unjoni tal-MEG inklużi fil-kampjun ma kien parti mill-kartell tax-xerrejja tal-etilen (22). Barra minn hekk, il-ksur seħħ bejn is-26 ta’ Diċembru 2011 u d-29 ta’ Marzu 2017 u għalhekk kopra biss 3 xhur mis-sentejn użati għall-marġni tal-profitt. Barra minn hekk, kif ġie speċifikat fid-Deċiżjoni dwar il-kartell, il-prodott ikkonċernat mid-Deċiżjoni kien l-etilen mixtri fis-suq merkantili u ma kienx ikopri l-etilen prodott għal skopijiet kaptivi, jiġifieri, prodott u użat mill-produtturi għall-konsum minnhom stess. Il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun jixtru l-etilen prinċipalment mill-kumpaniji relatati tagħhom. Filwaqt li LCLA afferma li l-marġnijiet tal-profitt fl-2017 u fl-2018 ma kinux fil-livell ta’ profittabbiltà li kienet mistennija f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, hija lanqas ma speċifikat x’kienet il-profittabbiltà normali għal dan il-prodott f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 7(2c) huwa ċar li l-Kummissjoni trid tuża profitt fil-mira ta’ 6 % biss meta l-profitt fil-mira ddeterminat wara li jitqiesu l-fatturi msemmija f’dak l-Artikolu jkun anqas minn 6 %, li ma huwiex il-każ f’din l-investigazzjoni. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(232)

EMPC afferma li l-approċċ użat mill-Kummissjoni għall-aġġustament tal-prezz mhux dannuż għall-kostijiet ta’ konformità futuri mal-Iskema tal-UE ta’ Skambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (“ETS”) u d-Direttiva tal-UE dwar l-Emissjonijiet Industrijali (“IED”) kien inkonsistenti mal-objettivi tal-ETS u l-IED kurrenti. Ġie ddikjarat li l-approċċ wara l-miżuri kurrenti ta’ protezzjoni kontra r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju skont l-ETS kien li għal kull settur espost għar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, il-kumpaniji jitqabblu mal-parametru referenzjarju stabbilit bl-10 % tal-kumpaniji bl-aħjar prestazzjoni. Il-kumpaniji jħallsu aktar kostijiet tal-ETS sal-punt li jmorru agħar meta mqabbla mal-parametru referenzjarju. Inkella, dawn jistgħu jnaqqsu l-intensità tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom, li fl-aħħar mill-aħħar tista’ ddaħħalhom fil-grupp tal-10 % tal-kumpaniji bl-aħjar prestazzjoni. Fir-rigward tal-kost assoċjat mal-IED, EMPC afferma li ma kienx ċar kif dawn ġew ikkalkolati jew assenjati. Għalhekk, skont EMPC, b’kunsiderazzjoni mhux biss tal-kostijiet kurrenti iżda wkoll dawk futuri tal-ETS u tal-IED għall-ilmentaturi, il-Kummissjoni kienet de facto qed tintroduċi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera għall-ilmentatur li ma kienx disponibbli għal industriji oħra.

(233)

Skont l-Artikolu 7(2d) tar-Regolament bażiku, il-kostijiet futuri li jirriżultaw minn, fost l-oħrajn, ftehimiet ambjentali multilaterali, u l-protokolli taħthom, li għalihom l-Unjoni hija parti u li l-industrija tal-Unjoni se ġġarrab matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżura skont l-Artikolu 11(2) għandhom jiġu meqjusa. Jekk dawn il-kostijiet humiex inkonsistenti mal-objettivi allegati tal-ETS u tal-IED jew jammontawx għal mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera għall-ilmentaturi li ma kienx disponibbli għal industriji oħra huwa irrilevanti. Għalhekk, il-Kummissjoni hija legalment obbligata li tqis dawn il-kostijiet kollha irrispettivament mit-tikketta tagħhom abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tar-Regolament bażiku, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tiegħu. Fil-premessa (265) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni spjegat kif ġew ikkalkolati l-kostijiet tal-konformità mal-ETC tal-UE.

(234)

Madankollu, il-Kummissjoni kkonfermat li l-aġġustament ġie kkalkolat biss abbażi tal-kostijiet addizzjonali tal-ETS u tal-IED li se japplikaw bħala medja matul il-ħajja tal-miżuri kif meħtieġ mill-Artikolu 7(2d) tar-Regolament bażiku. L-evidenza pprovduta u vverifikata mis-servizzi tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(2d) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(235)

LCLA talab lill-Kummissjoni tuża s-CIF iddikjarat u mhux is-CIF maħdum bħala denominatur fil-kalkolu tal-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz.

(236)

Din it-talba hija bbażata fuq nuqqas ta’ fehim minn LCLA peress li l-Kummissjoni tabilħaqq użat is-CIF iddikjarat bħala denominatur fil-kalkolu tal-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz.

(237)

Kif previst fl-Artikolu 9(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament bażiku, minħabba li l-Kummissjoni ma rreġistratx l-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni, il-Kummissjoni analizzat l-iżvilupp tal-volumi tal-importazzjoni biex tistabbilixxi jekk kienx hemm żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet soġġetti għall-investigazzjoni matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni, kif deskritt fil-premessa (3), biex tiddetermina jekk għandhiex tirrifletti d-dannu addizzjonali li jirriżulta minn din iż-żieda fid-determinazzjoni tal-marġni ta’ dannu.

(238)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, EMPC, mingħajr ma pprovdew elementi ġodda, tennew l-affermazzjoni tagħhom fil-premessa (232) li l-aġġustament tal-prezz mhux dannuż għall-kostijiet ta’ konformità futuri mal-ETS u l-IED introduċa indebitament mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera de facto li kien disponibbli biss għall-produtturi tal-MEG tal-Unjoni.

(239)

Fin-nuqqas ta’ elementi ġodda li jsostnu l-affermazzjoni ta’ EMPC, il-Kummissjoni sostniet il-konklużjonijiet tagħha fil-premessa (232).

(240)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, SABIC, mingħajr ma pprovdew elementi ġodda, tennew l-affermazzjoni tagħhom li l-profitt użat biex jiġi ddeterminat il-prezz fil-mira kien għoli wisq għal komodità u kien ibbażat fuq perjodu li matulu kien qed ikun operat kartell tax-xiri tal-etilen. Żiedu wkoll li l-profitt fil-mira kien ogħla mill-proporzjonijiet tal-profitt irrapportati fl-ilment.

(241)

Fin-nuqqas ta’ elementi ġodda li jsostnu l-affermazzjoni ta’ SABIC, il-Kummissjoni sostniet il-konklużjonijiet tagħha fil-premessa (232). Fir-rigward tal-marġnijiet tal-profitt fl-ilment, dawn ma ġewx ivverifikati, filwaqt li l-marġnijiet tal-profitt użati fid-determinazzjoni tal-profitt fil-mira ġew ivverifikati matul il-kontroverifika mill-bogħod.

Stati Uniti tal-Amerka

(242)

Abbażi tad-data mill-bażi tad-data ta’ Sorveljanza 2, il-volumi tal-importazzjoni mill-Istati Uniti matul il-perjodu ta’ erba’ ġimgħat tad-divulgazzjoni preliminari kienu 39 % ogħla mill-volumi medji tal-importazzjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni fuq bażi ta’ erba’ ġimgħat. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet soġġetti għall-investigazzjoni matul il-perjodu tad-divulgazzjoni preliminari.

(243)

Biex jiġi rifless id-dannu addizzjonali kkawżat miż-żieda fl-importazzjonijiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li taġġusta l-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu abbażi taż-żieda fil-volum tal-importazzjonijiet, li hija meqjusa bħala l-fattur ta’ ponderazzjoni rilevanti abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(4). Għalhekk ikkalkulat fattur multiplikanti stabbilit bid-diviżjoni tas-somma tal-volum tal-importazzjonijiet matul l-erba’ ġimgħat tal-perjodu tad-divulgazzjoni preliminari ta’ 28 852 tunnellata u t-52 ġimgħa tal-PI bil-volum tal-importazzjonijiet waqt l-IP estrapolat għal 56 ġimgħa. Iċ-ċifra li tirriżulta, 1,0278, tirrifletti d-dannu addizzjonali kkawżat miż-żieda ulterjuri fl-importazzjonijiet. Għalhekk, il-marġnijiet provviżorji tad-dannu ġew immultiplikati b’dan il-fattur. Għaldaqstant, il-livell finali ta’ eliminazzjoni tad-dannu għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u għall-kumpaniji l-oħrajn kollha huwa kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Marġni ta’ ħsara definittiv (%)

US

Lotte Chemical Louisiana LLC

39,6

US

MEGlobal Americas Inc

78,9

US

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

46,7

US

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

109,4

Renju tal-Arabja Sawdija

(244)

Abbażi tad-data mill-bażi tad-data ta’ Sorveljanza 2, il-volumi tal-importazzjoni mir-Renju tal-Arabja Sawdija matul il-perjodu ta’ erba’ ġimgħat tad-divulgazzjoni preliminari kienu 15,3 % aktar baxxi mill-volumi medji tal-importazzjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni fuq bażi ta’ erba’ ġimgħat. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet soġġetti għall-investigazzjoni matul il-perjodu tad-divulgazzjoni preliminari.

(245)

Għalhekk, il-Kummissjoni ma aġġustatx il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu f’dan ir-rigward.

(246)

Madankollu, il-Kummissjoni identifikat żball klerikali żgħir fid-data sottostanti għall-kalkolu tal-marġni tad-dannu. Minn dan isegwi li l-marġni ta’ dannu rivedut għal SABIC huwa ta’ 61,5 %.

7.   INTERESS TAL-UNJONI

7.1.   Interess tal-industrija tal-Unjoni

(247)

Oxyde u Helm affermaw li ma kien hemm l-ebda riskju realistiku li l-produtturi tal-MEG kienu se jwaqqfu l-attivitajiet ta’ produzzjoni tal-MEG tagħhom fl-Unjoni peress li jistgħu jaqilbu faċilment bejn il-manifattura tal-MEG jew ta’ prodotti oħra skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Barra minn hekk, Arteco afferma li ma kien hemm l-ebda evidenza li l-industrija tal-Unjoni kienet se twaqqaf il-produzzjoni tal-MEG jekk il-miżuri anti-dumping ma jiġux imposti minbarra l-allegazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Addizzjonalment, Arteco afferma li s-suq tal-Unjoni kien diġà kkaratterizzat mill-inkapaċità jew in-nuqqas ta’ rieda tal-produtturi tal-Unjoni tal-MEG li jkopru d-domanda u ppreżenta evidenza minn produttur tal-Unjoni tal-MEG li rrifjuta li jforni l-MEG lil Arteco minħabba n-nuqqas tal-volum ta’ produzzjoni.

(248)

Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ dawn l-affermazzjonijiet. Il-produtturi tal-Unjoni diġà tilfu 10,7 punti perċentwali fis-sehem mis-suq fis-suq ħieles bejn l-2017 u l-perjodu ta’ investigazzjoni prinċipalment favur l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, li żiedu s-sehem mis-suq bi 12,5 punti perċentwali matul l-istess perjodu. Anki jekk il-livell tal-ECP jiżdied wara l-PI, l-industrija tal-Unjoni se tkompli titlef is-sehem mis-suq favur l-esportaturi mill-pajjiżi kkonċernati jekk dawn ikomplu jbigħu fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet dannużi. Il-volum tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqas bi 19 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. L-evidenza sottomessa minn Arteco tindika li jekk ma jerġgħux jinkisbu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni, dan x’aktarx se jkollu impatt fuq il-volumi tal-produzzjoni tal-MEG fl-Unjoni u l-utenti se jkunu dipendenti mill-importazzjonijiet. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(249)

Oxyde, Helm u Tricon affermaw li t-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kienu parti minn gruppi kbar ta’ kumpaniji u s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dawn il-gruppi kbar ma ġietx kompromessa b’mod partikolari minħabba l-MEG.

(250)

Anki jekk il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun ikunu parti minn gruppi kbar, in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ miżuri jkollu impatt fuqhom u fuq produtturi oħrajn tal-Unjoni u dan l-impatt imur lil hinn mill-profittabbiltà, kif spjegat fil-premessa (247) tar-Regolament provviżorju. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(251)

CPME u LCLA affermaw ukoll li r-Regolament bażiku ma jżommx lill-Kummissjoni milli tiddependi minn data minn wara l-IP fil-valutazzjoni tal-eżistenza tal-interess tal-Unjoni.

(252)

CPME u LCLA ma pprovdew evidenza tal-ebda data minn wara l-PI li l-Kummissjoni setgħet tqis fl-analiżi tal-interess tal-Unjoni. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(253)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (272) sa (277) tar-Regolament provviżorju.

7.2.   Interess ta’ importaturi/negozjanti, utenti u fornituri mhux relatati

7.2.1.   Ġenerali

(254)

CPME u LCLA affermaw li l-Kummissjoni ma qisitx il-fatt li l-industrija tal-Unjoni ma għandhiex biżżejjed kapaċità biex tissodisfa d-domanda tal-Unjoni. CPME afferma li ż-żieda fil-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni għall-EO ma tfissirx li l-kapaċità tal-produzzjoni għall-MEG se tiżdied. Barra minn hekk, CPME afferma li l-kapaċità tal-produzzjoni eċċessiva fi swieq ġeografiċi oħrajn kienet irrilevanti f’każ ta’ anti-dumping, iżda dak li huwa rilevanti huwa li l-industrija tal-MEG tal-Unjoni ma kellhiex biżżejjed kapaċità biex tkopri d-domanda kollha u li, b’riżultat ta’ dan, l-importazzjonijiet kienu essenzjali. CPME u LCLA affermaw ukoll li pajjiżi oħra għajr l-Istati Uniti u r-Renju tal-Arabja Sawdija ma kinux sors xieraq ta’ provvista minħabba raġunijiet ġeografiċi, loġistiċi u ekonomiċi. CPME talab ukoll lill-Kummissjoni tagħmel l-analiżi mwettqa mill-konsulenti speċjalizzati deskritti fil-premessa (281) tar-Regolament provviżorju disponibbli għall-partijiet interessati. CPME ddikjara wkoll li d-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-MEG mill-Istati Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija jikkawżaw nuqqas serju ta’ provvista tal-MEG fis-suq tal-Unjoni peress li de facto jimblukkaw l-importazzjonijiet kollha.

(255)

Mid-data fit-tabelli 1 u 4 jidher ċar li l-kapaċità tal-produzzjoni hija aktar baxxa mill-konsum. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet b’mod ċar dan il-fatt fil-premessa (225) tar-Regolament provviżorju. Tabilħaqq, iż-żidiet ippjanati fil-kapaċità tal-produzzjoni tal-EO ma jfissrux li l-kapaċità tal-produzzjoni tal-MEG se tiżdied, iżda dan juri li l-produtturi tal-MEG se jkollhom aċċess għal aktar EO f’każ li jkollhom bżonnu għall-produzzjoni tal-MEG ladarba jerġgħu jinkisbu l-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq. Barra minn hekk, l-ilmentatur issottometta evidenza li l-produttur tal-Unjoni PKN ħabbar pjanijiet biex tiżdied il-produzzjoni tal-glikoli fl-Unjoni (23). Minbarra dan, huwa korrett li s-suq tal-Unjoni jeħtieġ l-importazzjonijiet, u tabilħaqq il-miżuri ma humiex maħsuba biex jipprevjenu l-importazzjonijiet iżda biex jiżguraw li ma jsirux bi prezzijiet dannużi li huma l-oġġett ta’ dumping. Din l-informazzjoni nġabret fil-qosor f’Nota għall-fajl (24) li żdiedet mal-fajl tal-investigazzjoni. Din l-informazzjoni nġabret mill-Kummissjoni matul l-RCC mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Hija bbażata fuq abbonament bi ħlas għal Wood Mackenzie. Kif ġie ddikjarat fil-premessa (216), Arteco, Oxyde, u Helm enfasizzaw li l-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra żdiedu wara l-IP, li turi d-disponibbiltà ta’ sorsi alternattivi ta’ provvista. Għalhekk, dawn l-affermazzjonijiet ġew miċħuda.

(256)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, CPME tennew id-dikjarazzjoni tagħhom li pajjiżi għajr il-pajjiżi kkonċernati ma kinux sorsi xierqa ta’ provvista minħabba raġunijiet ġeografiċi, loġistiċi u ekonomiċi. CPME afferma wkoll li l-Kummissjoni injorat l-evidenza pprovduta minn CPME f’dan ir-rigward.

(257)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. CPME pprovda biss dikjarazzjonijiet sempliċi mhux appoġġati minn xi evidenza ta’ sostenn fir-rigward tal-kapaċità żejda ta’ Singapor, il-Korea t’Isfel u t-Tajwan u għaliex l-esportazzjonijiet tal-MEG minn dawn il-pajjiżi ma jkunux xierqa. Sempliċiment minħabba li fl-imgħoddi l-Unjoni ma importatx MEG minn dawn il-pajjiżi, dan ma jfissirx li ma tistax tagħmel dan fil-futur. Barra minn hekk, partijiet oħra bħal Arteco, Oxyde, Helm issottomettew evidenza li l-importazzjonijiet ta’ wara l-PI minn pajjiżi oħra bħall-Kuwajt, iċ-Ċina, il-Ġappun, Singapore u t-Tajwan żdiedu kif iddikjarat fil-premessa (216). Dan juri biċ-ċar li hemm sorsi oħra ta’ provvista disponibbli. Minbarra dan, kif spjegat fil-premessa (255) il-miżuri ma humiex maħsuba biex jipprevjenu l-importazzjonijiet iżda biex jiżguraw li ma jsirux bi prezzijiet dannużi li huma l-oġġett ta’ dumping. Barra minn hekk, il-livell tal-miżuri tal-importazzjonijiet mir-Renju tal-Arabja Sawdija u l-biċċa l-kbira tal-importazzjonijiet mill-Istati Uniti huwa bejn 3,0 % u 10,3 %, li mhuwiex projbittiv. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

7.2.2.   Interess tal-importaturi/negozjanti mhux relatati

(258)

Kif spjegat fil-premessi (11) sa (13), Tricon ikkoopera wkoll fl-investigazzjoni bħala importatur/negozjant. Din il-kumpanija tinsab fl-Istati Uniti.

(259)

Bħal fil-każ ta’ importatur ieħor deskritt fil-premessa (284) tar-Regolament provviżorju, l-attività tal-Unjoni tal-MEG ma tirrappreżentax parti sinifikanti mill-fatturat tagħha. Tricon qed ibigħ il-MEG ukoll lil pajjiżi terzi oħrajn u għalhekk l-impożizzjoni tad-dazji se jkollha impatt marġinali fuq in-negozju tagħha.

(260)

Tricon afferma li d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fir-Regolament provviżorju li hemm sorsi oħra ta’ provvista disponibbli ma tirriflettix ir-realtà tas-suq.

(261)

Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ din l-affermazzjoni. Kif enfasizzat minn Arteco, Oxyde, u Helm fil-premessa (216), l-importazzjonijiet fl-Unjoni minn diversi pajjiżi bħall-Kuwajt, iċ-Ċina, il-Ġappun, Singapore u t-Tajwan żdiedu wara l-IP. Dan juri li tabilħaqq hemm sorsi oħra ta’ provvista disponibbli.

(262)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor u b’kunsiderazzjoni wkoll tal-premessi (258) sa (261), il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (283) sa (286) tar-Regolament provviżorju.

7.2.3.   Interess tal-utenti

(263)

Arteco ddikjara li sabiex jiġi vvalutat l-impatt tal-miżuri anti-dumping fuq l-utenti, b’mod partikolari l-manifatturi tal-berrieda, il-Kummissjoni kellha tivvaluta l-fatturi li ġejjin: (1) in-natura kompetittiva ħafna tas-suq tal-berrieda, (2) ir-rieda u l-kapaċità tal-konsumaturi li jibdlu l-fornituri tal-berrieda għal differenza minima fil-prezz, (3) kostijiet sinifikanti ta’ riċerka u żvilupp (R&Ż) għall-manifatturi tal-berrieda li jfornu lill-OEMs (manifatturi tat-tagħmir oriġinali) u (4) l-għadd ta’ manifatturi tal-berrieda mhux tal-UE li kieku jibbenefikaw mill-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping fuq il-MEG. Arteco argumenta wkoll li l-impjiegi maħluqa mill-manifatturi tal-berrieda qabżu dawk tal-produtturi tal-Unjoni tal-MEG. Għalhekk, skont Arteco, l-impożizzjoni ta’ miżuri ma setgħetx titqies li hija fl-interess tal-Unjoni peress li tikkawża aktar ħsara lill-ekonomija ġenerali mis-solliev li ġabet lill-industrija domestika tal-MEG.

(264)

Arteco qed jikkontradixxi lilu nnifsu. Minn naħa waħda, isostni li s-suq tal-berrieda huwa kompetittiv ħafna u, min-naħa l-oħra, fil-verżjoni kunfidenzjali tal-affermazzjoni tiegħu jirreferi għal kumpanija waħda biss bħala l-akbar kompetitur tagħha u tgħid li s-suq tal-berrieda għall-OEM huwa oligopolistiku. Barra minn hekk, jekk fis-suq tal-OEM tal-berrieda huma prinċipalment żewġ manifatturi tal-berrieda li jikkompetu ma’ xulxin, huwa improbabbli ħafna li l-manifatturi tal-karozzi, li huma ta’ numru ferm akbar mill-manifatturi tal-berrieda, se jkunu jistgħu jibdlu l-fornituri tal-berrieda għal differenza minima fil-prezz anki fid-dawl tal-kostijiet sinifikanti tar-R&Ż min-naħa tal-manifatturi tal-berrieda. Barra minn hekk, filwaqt li ma huwiex eskluż li l-importazzjonijiet tal-berrieda se jiżdiedu fil-futur, fid-dawl tal-fatt li kull manifattur tal-karozzi għandu l-formula tal-berried tiegħu stess u l-ħsara sinifikanti lill-magna tal-karozzi f’każ ta’ berried mhux xieraq, huwa improbabbli ħafna li l-manifatturi tal-karozzi se jibdlu faċilment il-fornitur tal-berrieda tagħhom wara l-impożizzjoni tal-miżuri.

(265)

Arteco afferma wkoll li l-impożizzjoni ta’ miżuri se tkun ta’ benefiċċju biss għal manifattur wieħed ta’ berrieda li kien integrat vertikalment u, għalhekk, kellu aċċess għal MEG orħos.

(266)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din id-dikjarazzjoni. Kif ġie spjegat fil-premessa (132), il-bejgħ kaptiv tal-MEG mill-industrija tal-Unjoni huwa tabilħaqq prinċipalment lis-settur tal-berrieda. Il-produttur rispettiv huwa integrat fil-livell tal-grupp u l-MEG u l-berrieda huma mmanifatturati f’entitajiet indipendenti differenti. Kif deskritt fit-Tabella 7 tar-Regolament provviżorju, il-prezz medju tal-bejgħ tal-MEG fis-suq kaptiv kien bħala medja fl-istess livell bħall-prezz medju tal-bejgħ tal-MEG fis-suq ħieles matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(267)

Arteco, Oxyde, Helm u Tricon affermaw li ma kien hemm l-ebda garanzija li l-produtturi tal-MEG kienu se jkomplu jimmanifatturaw il-MEG anki jekk il-kundizzjonijiet tas-suq jitjiebu, peress li l-industrija tal-Unjoni se tiffoka fuq il-produzzjoni ta’ prodotti li jiksbu l-aħjar marġni, kif iddeterminat mill-kundizzjonijiet globali u ma kien hemm l-ebda garanzija li dan se jkun il-MEG, li tfisser li l-utenti se jitħallew jiddependu minn ftit kumpaniji li joperaw globalment.

(268)

Il-Kummissjoni nnotat li din l-affermazzjoni tikkontradixxi l-affermazzjoni fil-premessa (247). Barra minn hekk, ma huwiex ċar għaliex dawn il-partijiet interessati jqisu li l-produtturi tal-MEG tal-Unjoni biss jiffokaw fuq derivattivi tal-EO aktar profittabbli iżda l-esportaturi tal-Istati Uniti u tar-Renju tas-Sawdi Arabja ma kinux se jagħmlu dan. Mingħajr l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping, il-produzzjoni tal-MEG fl-Unjoni se titnaqqas b’mod sinifikanti peress li l-industrija tal-Unjoni tal-MEG se tkompli titlef is-sehem mis-suq anki jekk il-kundizzjonijiet tas-suq jitjiebu. F’dak il-każ, l-utenti se jkollhom aċċess għal saħansitra inqas sorsi ta’ provvista, kif irrikonoxxew Arteco, Oxyde, Helm u Tricon stess, u se jkunu dipendenti mill-importazzjonijiet. L-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi se tiżgura li xorta se jkun hemm produzzjoni tal-MEG fl-Unjoni.

(269)

RETAL, manifattur multinazzjonali ta’ prodotti tal-plastik, iddikjara li l-kumpanija relatata tiegħu UAB NEO GROUP (“NEO GROUP”), manifattur ta’ reżini PET fl-Unjoni, kienet ġiet affettwata b’mod negattiv mill-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji. RETAL iddikjara li jaqbel mal-pożizzjoni u mal-argumenti kontra l-impożizzjoni tal-miżuri espressi minn CPME.

(270)

RETAL ma ppreżenta l-ebda evidenza ta’ sostenn għall-affermazzjoni li l-attività tal-kumpanija relatata tiegħu kienet ġiet affettwata b’mod negattiv mill-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda bħala mhux sostanzjata. Barra minn hekk, l-investigazzjoni żvelat li NEO GROUP għandu diversi sorsi ta’ provvista, jiġifieri l-industrija tal-Unjoni, l-importazzjonijiet minn wieħed mill-pajjiżi kkonċernati kif ukoll minn pajjiżi terzi oħra. Barra minn hekk, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, NEO GROUP kien profittabbli.

(271)

CPME afferma li l-impożizzjoni ta’ miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-MEG mill-pajjiżi kkonċernati jkollha impatt sinifikanti fuq il-produtturi tal-PET peress li l-profittabbiltà tal-produtturi tal-PET kienet tvarja bejn 1 % u 3 %. Barra minn hekk, ġie affermat li l-produtturi tal-PET diġà ffaċċaw kompetizzjoni ħarxa minn pajjiżi oħra bħar-Renju Unit, l-Eġittu u t-Turkija li l-importazzjonijiet tal-MEG ma kinux soġġetti għal dazji anti-dumping jew tal-importazzjoni u għalhekk setgħu joffru l-PET fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet kompetittivi. Barra minn hekk, CPME afferma li n-nuqqas ta’ riżorsi għall-innovazzjoni jista’ jkollu wkoll konsegwenzi negattivi f’termini tal-implimentazzjoni tal-politiki ekoloġiċi mmirati biex iżidu l-PET riċiklat fl-Unjoni. CPME afferma ulterjorment li d-dazji anti-dumping fuq il-MEG inaqqsu l-produzzjoni tal-PET fl-Unjoni, b’effetti detrimentali serji f’termini ta’ impjiegi u investimenti f’diversi Stati Membri. CPME ddikjara wkoll li fid-dawl tal-fatt li l-impjiegi fl-industrija tal-PET (aktar minn 2 000 ħaddiem) kienu ogħla milli fl-industrija tal-MEG (inqas minn 100), il-Kummissjoni ma kinitx tidher li bbilanċjat l-interessi.

(272)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ dawn l-affermazzjonijiet. L-industrija tal-PET ilha protetta minn miżuri anti-dumping u kontra s-sussidji għal ħafna snin. Bħalissa, hemm miżuri kontra s-sussidji fuq l-importazzjonijiet tal-PET mill-Indja. Fl-aħħar rieżami ta’ skadenza mwettaq mill-Kummissjoni fl-2018/2019 (25), l-industrija tal-Unjoni tal-PET irċeviet sehem sinifikanti mis-suq ta’ 71,1 % matul il-perjodu mill-1 ta’ April 2017 sal-31 ta’ Marzu 2018. Kif deskritt fil-premessa (292), filwaqt li l-impożizzjoni ta’ miżuri fuq il-MEG tista’ tagħmel is-sitwazzjoni aktar diffiċli għall-produtturi tal-PET li diġà qed jagħmlu t-telf, ma hemm l-ebda garanzija li s-sitwazzjoni ta’ dawn il-kumpaniji mhux se tiġi affettwata anki jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma timponix miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-MEG mill-pajjiżi kkonċernati. Dan huwa dovut għall-fatt li mingħajr l-impożizzjoni ta’ miżuri, l-industrija tal-Unjoni x’aktarx li se twaqqaf il-produzzjoni tal-MEG għas-suq ħieles u, għalhekk, il-produtturi tal-PET se jkunu dipendenti mill-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati. Barra minn hekk, l-industrija tal-PET hija tabilħaqq industrija akbar mill-industrija tal-MEG, madankollu, mhux il-produtturi kollha tal-PET se jiġu affettwati mill-impożizzjoni ta’ miżuri u għalhekk dawk il-produtturi jistgħu jkomplu jimplimentaw il-politiki ekoloġiċi mmirati lejn iż-żieda fil-PET riċiklat fl-Unjoni. Barra minn hekk, il-livell ta’ miżuri jvarja bejn 7,7 % u 14,9 %, livell li ma huwiex projbittiv.

(273)

LCLA afferma li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda indikazzjoni tal-effett tal-miżuri anti-dumping fuq l-industrija tal-PET f’termini ta’ kostijiet tal-produzzjoni jew tal-profittabbiltà u jenħtieġ li tispjega għaliex l-impatt tal-miżuri anti-dumping fuq l-industrija tal-PET mhux se jkun sproporzjonat.

(274)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. Fil-premessa (291) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni spjegat l-impatt tal-miżuri anti-dumping fuq il-kost tal-produzzjoni tal-PET kif ukoll il-profittabbiltà. Barra minn hekk, fil-premessi (292) sa (294) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni spjegat is-sitwazzjoni ekonomika tal-produtturi tal-PET li kkooperaw u l-effett fuq is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom jekk jiġu imposti miżuri, li varjaw skont il-produttur. Il-Kummissjoni enfasizzat li s-sitwazzjoni ta’ dawk li marru l-agħar ġiet iddeterminata minn fatturi oħra, mhux biss il-prezz tal-MEG, u għalhekk l-attività tagħhom u l-mijiet ta’ impjiegi li tappoġġa ma kinux fl-aħħar mill-aħħar iddeterminati mill-miżuri. Barra minn hekk, kif ġie ddikjarat fil-premessa (272), ma hemm l-ebda garanzija li s-sitwazzjoni ta’ dawn il-kumpaniji mhux se tiddeterjora anki jekk il-miżuri ma jiġux imposti.

(275)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-interess tal-utenti, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (287) sa (298) tar-Regolament provviżorju.

7.2.4.   Interess tal-fornituri

(276)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward tal-interess tal-fornituri, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (299) u (300) tar-Regolament provviżorju.

7.3.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(277)

Arteco, Oxyde u Helm affermaw li f’kuntest ta’ diffikultajiet ekonomiċi diffiċli marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping ma hijiex fl-interess tal-Unjoni.

(278)

Il-partijiet ma pprovdewx evidenza jew kwalunkwe data biex jappoġġaw din l-affermazzjoni. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(279)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, SABIC iddikjaraw li ma qablux mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fil-premessi (247) sa (278) u l-premessa (311) tar-Regolament provviżorju mingħajr ma pprovdew ebda informazzjoni ġdida f’dan ir-rigward.

(280)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, Arteco, Helm, u Oxyde affermaw li l-Kummissjoni, bl-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi, ma aġixxietx fl-interess tal-Unjoni. Tricon ukoll ma qabilx mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-interess tal-Unjoni. Madankollu, l-ebda argument ġdid issostanzjat minn evidenza ma tressaq f’dan ir-rigward.

(281)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, CPME sostnew li l-bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq ta’ wara l-PI jenħtieġ li jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni għall-fini tal-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni. CPME qiesu li ż-żieda fl-ECP għall-MEG wara l-PI hija ta’ natura strutturali u dejjiema. Argumentaw ukoll li kien il-PI li kien ikkaratterizzat minn kundizzjonijiet eċċezzjonali marbuta mal-evoluzzjoni tas-suq globali fl-2019 kif ukoll mat-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, li jindika li l-adozzjoni tad-dazji anti-dumping definittivi ma kinitx ġustifikata. Barra minn hekk, CPME stqarrew li f’każ li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-iżviluppi tas-suq ta’ wara l-PI kienu ta’ natura temporanja, quod non, iċ-ċirkostanzi kurrenti bħaż-żieda eċċezzjonali fil-prezzijiet tas-suq fl-Unjoni, assoċjati mal-kapaċità ta’ produzzjoni insuffiċjenti tal-industrija tal-Unjoni u d-diffikultajiet biex jinkiseb MEG minn pajjiżi għajr il-pajjiżi kkonċernati, jitolbu għas-sospensjoni tal-miżuri definittivi skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku.

(282)

Il-Kummissjoni qieset l-affermazzjonijiet kollha dwar l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, il-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni u d-disponibbiltà ta’ sorsi oħra ta’ provvista fil-premessi rilevanti ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament provviżorju, peress li dawn ma sarux kollha fil-kuntest tal-interess tal-Unjoni.

(283)

Rigward id-data ta’ wara l-PI u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni, id-dikjarazzjoni tas-CPME hija spjegata fil-premessa (188) ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni analizzat din l-informazzjoni anki fil-kuntest tal-interess tal-Unjoni. Skont l-informazzjoni sottomessa, l-ECP tal-MEG, kif ukoll il-firxa bejn l-ECP tal-MEG u l-ECP tal-etilen (il-firxa MEG — etilen ECP), żdiedu b’mod konsiderevoli wara l-PI.

(284)

Il-prezz tal-MEG huwa ddeterminat mill-ECP u l-iskont. CPME ma pprovda l-ebda evidenza dwar l-evoluzzjoni tal-iskont, jew il-prezzijiet finali tal-MEG. CPME ma pprovda l-ebda evidenza li tali żieda fl-ECP tal-MEG u fil-firxa tal-ECP tal-MEG u tal-etilen wasslet għal titjib fis-sitwazzjoni ekonomika tal-produtturi tal-Unjoni. Konsegwentement, ma hemm l-ebda evidenza li tali żviluppi wasslu għal “żieda impressjonanti f’termini kemm ta’ prezzijiet tas-suq kif ukoll ta’ profitti għall-industrija tal-Unjoni”, kif isostni CPME. CPME ma pprovda l-ebda evidenza li kwalunkwe żvilupp wara l-PI ikun sostenibbli maż-żmien kif indikat fil-premessa (187). L-affermazzjoni ġiet miċħuda bħala li ma kinitx sostanzjata.

(285)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li t-talba għas-sospensjoni skont l-Artikolu 14(4) kienet ġenerika u mhux sostanzjata. Il-Kummissjoni tista’ teżamina jekk sospensjoni tkunx ġustifikata jekk il-kundizzjonijiet tas-suq ikunu nbidlu temporanjament sal-punt li ma jkunx probabbli li jerġa’ jibda d-dannu.

(286)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni tagħha stabbilita fil-premessa (311) tar-Regolament provviżorju.

8.   MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI

(287)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fir-rigward tad-dumping, tad-dannu, tal-kawżalità u tal-interess tal-Unjoni, u f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri anti-dumping definittivi sabiex ma jiġix ikkawżat dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat.

(288)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, ir-rati tad-dazju anti-dumping definittivi, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Marġni tad-dumping (%)

Marġni tad-dannu (%)

Dazju anti-dumping definittiv (%)

Renju tal-Arabja Sawdija

Saudi Kayan petrochemical company (Saudi Kayan)

7,7

61,5

7,7

 

Yanbu National Petrochemical Company (Yansab)

7,7

61,5

7,7

 

Eastern Petrochemical Company (Sharq)

7,7

61,5

7,7

 

Saudi Yanbu Petrochemical Company (Yanpet)

7,7

61,5

7,7

 

Arabian Petrochemical Company (Petrokemya)

7,7

61,5

7,7

 

Jubail United Petrochemical Company (United)

7,7

61,5

7,7

 

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

7,7

61,5

7,7

Stati Uniti tal-Amerka

Lotte Chemical Lousiana LLC

3,0

39,6

3,0

 

MEGlobal Americas Inc

46,7

78,9

46,7

 

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

10,3

46,9

10,3

 

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

60,1

109,4

60,1

(289)

Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta’ dazju huma esklużivament applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat u mmanifatturat mill-entitajiet legali msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat manifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b’mod speċifiku fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi entitajiet relatati ma’ dawk imsemmijin b’mod speċifiku, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(290)

Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali jekk sussegwentement tibdel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni (26). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, jiġi ppubblikat regolament dwar il-bidla tal-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(291)

Sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, hemm bżonn ta’ miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tad-dazji anti-dumping individwali. Il-kumpaniji b’dazji anti-dumping individwali jridu jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. Importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn dik il-fattura jenħtieġ li jkunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(292)

Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa sabiex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, ma hijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anke jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jenħtieġ li jwettqu l-verifiki tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħra kollha, jirrikjedu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-trasport, eċċ.) sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jkun hemm fl-affermazzjoni u biex jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata tad-dazju tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali.

(293)

Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati ta’ dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum, b’mod partikolari wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies bħala waħda li fiha nnifisha tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’dawn iċ-ċirkostanzi, tista’ tinbeda investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet biex din issir. Din l-investigazzjoni tista’, inter alia, teżamina l-ħtieġa għat-tneħħija ta’ rata(i) ta’ dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju għall-pajjiż kollu.

(294)

Biex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazji anti-dumping, id-dazju anti-dumping għall-kumpaniji l-oħrajn kollha jenħtieġ li japplika mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f’din l-investigazzjoni, iżda wkoll għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

8.1.   Impriżi

(295)

Wara d-divulgazzjoni finali, sal-iskadenza speċifikata fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament bażiku, produttur esportatur, LCLA, ippreżenta offerta għal impenn fuq il-prezz.

(296)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku, l-offerta ta’ impenn fuq il-prezz trid tkunu adegwata biex telimina l-effett dannuż tad-dumping u l-aċċettazzjoni tagħha ma għandhiex titqies li mhux prattika. Il-Kummissjoni vvalutat l-offerta fid-dawl ta’ dawn il-kriterji u qieset li l-aċċettazzjoni tagħha ma tkunx prattika għar-raġunijiet li ġejjin.

(297)

Il-Kummissjoni identifikat għadd ta’ riskji. L-ewwel nett, il-metodu tal-ipprezzar imressaq minn LCLA kien jikkonsisti fi prezz minimu fiss tal-importazzjoni (“PMI”) ikkalkulat abbażi tal-valur normali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Minħabba l-livell għoli ta’ fluttwazzjoni tal-prezzijiet tal-MEG, dan l-approċċ ma jkunx adegwat biex jiżgura li l-miżuri jkunu riflessi kif xieraq f’PMI bħal dan maż-żmien u biex jelimina l-effett dannuż tad-dumping. Din is-sitwazzjoni tikkomprometti l-infurzar tal-impenn. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-impenn ma jistax jiġi aċċettat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li ma jidhirx li hemm modi prattikabbli għall-indiċjar ta’ dawn il-prezzijiet, fid-dawl tal-mod kif jiġu stabbiliti l-prezzijiet tal-MEG, tan-natura tal-materja prima involuta, u tan-nuqqas ta’ sorsi affidabbli u faċilment disponibbli ta’ informazzjoni rilevanti disponibbli.

(298)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni identifikat riskji ta’ kumpens trasversali tanġibbli u ostakli għall-monitoraġġ prattikabbli relatati mal-attività tal-bejgħ tal-LCLA. Barra minn hekk, il-monitoraġġ tqies bħala mhux prattiku anke minħabba l-attivitajiet ta’ xiri ta’ LCLA. Fl-aħħar nett, l-LCLA ma impenjax ruħu li jbigħ il-prodott ikkonċernat lill-Unjoni permezz ta’ bejgħ dirett biss filwaqt li kellu diversi kumpaniji relatati fl-Unjoni. Il-kanali tal-bejgħ indirett iżidu r-riskju ta’ kumpens trasversali u jżidu l-kumplessità tal-monitoraġġ. Barra minn hekk, ma ġiet ipprovduta l-ebda klawżola biex jiġi aġġustat il-PMI fil-każ ta’ bejgħ relatat, li jimmina l-kapaċità tal-PMI li jelimina l-effett dannuż tad-dumping.

(299)

Abbażi ta’ dak li jissemma hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-offerta ta’ impenn ma tistax tkun aċċettata.

(300)

Il-Kummissjoni bagħtet ittri lill-ilmentaturi, fejn esponiet ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta ta’ impenn. Ma wasal l-ebda kumment.

8.2.   Ġbir definittiv tad-dazji provviżorji

(301)

Fid-dawl tal-marġni tad-dumping li nstabu u minħabba l-livell tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, l-ammonti ggarantiti permezz tad-dazji anti-dumping provviżorji, imposti bir-Regolament provviżorju, jenħtieġ li jinġabru b’mod definittiv sal-livelli stabbiliti skont dan ir-Regolament.

9.   DISPOŻIZZJONI FINALI

(302)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament 2018/1046 (27), meta ammont ikollu jiġi rimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li jenħtieġ li jitħallas jenħtieġ li jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(303)

Il-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 ma tax opinjoni dwar il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju anti-dumping definittiv huwa impost fuq l-importazzjonijiet tal-monoetilenglikol (numru tal-KE kurrenti 203-473-3), li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 2905 31 00 (kodiċi TARIC 2905310010) u li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika u mir-Renju tal-Arabja Sawdija.

2.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, frank fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u mmanifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandha tkunu kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Dazju anti-dumping definittiv

Kodiċi addizzjonali TARIC

Renju tal-Arabja Sawdija

Saudi Kayan petrochemical company (Saudi Kayan)

7,7  %

C674

Renju tal-Arabja Sawdija

Yanbu National Petrochemical Company (Yansab)

7,7  %

C675

Renju tal-Arabja Sawdija

Eastern Petrochemical Company (Sharq)

7,7  %

C676

Renju tal-Arabja Sawdija

Saudi Yanbu Petrochemical Company (Yanpet)

7,7  %

C677

Renju tal-Arabja Sawdija

Arabian Petrochemical Company (Petrokemya)

7,7  %

C678

Renju tal-Arabja Sawdija

Jubail United Petrochemical Company (United)

7,7  %

C679

Renju tal-Arabja Sawdija

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

7,7  %

C999

Stati Uniti tal-Amerka

Lotte Chemical Louisiana LLC

3,0  %

C684

Stati Uniti tal-Amerka

MEGlobal Americas Inc

46,7  %

C680

Stati Uniti tal-Amerka

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw elenkati fl-Anness I

10,3  %

 

Stati Uniti tal-Amerka

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

60,1  %

C999

3.   L-applikazzjoni tar-rati ta’ dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji elenkati fil-paragrafu 2 għandha tkun kundizzjonali fuq il-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha tidher affermazzjoni ddatata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ din il-fattura, identifikat b’ismu u l-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) tal-(prodott ikkonċernat) mibjugħ sabiex jiġi esportat lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem il-kumpanija u l-indirizz) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi [pajjiż ikkonċernat]. Jien niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija sħiħa u korretta.” Jekk ma tiġix ippreżentata fattura bħal din, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

L-ammonti garantiti permezz tad-dazju anti-dumping provviżorju skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/939 tal-10 ta’ Ġunju 2021 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ monoetilenglikol li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika u mir-Renju tal-Arabja Sawdija għandhom jinġabru b’mod definittiv. L-ammonti garantiti li jaqbżu r-rati definittivi tad-dazju anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.

Artikolu 3

L-Artikolu 1(2) jista’ jiġi emendat biex iżid produtturi esportaturi ġodda mill-Istati Uniti tal-Amerka u jagħmilhom soġġetti għar-rata ta’ dazju anti-dumping medja ponderata xierqa għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Produttur esportatur ġdid għandu jipprovdi evidenza li:

(a)

ma esportax l-oġġetti deskritti fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020);

(b)

ma huwiex relatat ma’ esportatur jew ma’ produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament; u

(c)

li effettivament esporta l-prodott ikkonċernat jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, kif immodifikat sussegwentement.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/939 tal-10 ta’ Ġunju 2021 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ monoetilenglikol li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika u mir-Renju tal-Arabja Sawdija (ĠU L 205, 11.6.2021, p. 4).

(3)  Ir-Rapport tal-Bord, il-Guatemala — Miżuri Anti-dumping Definittivi fuq is-Siment Griż ta’ Portland mill-Messiku, WT/DS156/R, il-paragrafu 8.53.

(4)  Ir-Rapport tal-Bord, L-Istati Uniti — Determinazzjoni Finali tad-Dumping fuq Softwood Lumber mill-Kanada, (US — Softwood Lumber V), WT/DS264/R, il-paragrafu 7.87.

(5)  Ara r-Rapport tal-Bord tad-WTO, L-Istati Uniti — Softwood Lumber V, WT/DS264/R, il-paragrafi 7.54-7.55 (enfasi oriġinali), u r-Rapport tal-Bord tad-WTO, Il-Guatemala — Miżuri Anti-dumping Definittivi fuq is-Siment Griż ta’ Portland mill-Messiku (“Il-Guatemala — Cement II”), WT/DS156/R, l-24 ta’ Ottubru 2001, il-paragrafu 8.35, u s-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2001, Euroalliages, T-188/99, ECLI:EU:T:2001:166, il-paragrafu 52.

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).

(7)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:32020M9410&qid=1624532083284&from=EN

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

(9)  Ir-Rapport tal-Bord tad-WTO, L-Istati Uniti — Miżuri anti-dumping fuq Ċerti Prodotti Tubulari tal-Pajjiżi taż-Żejt mill-Korea (US — OCTG (Korea)), WT/DS488/R, il-paragrafu 7.147.

(10)  Il-Premessa (352) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1336, tal-25 ta’ Settembru 2020 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols tal-polivinil li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 315, 29.9.2020, p. 1).

(11)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/931 tat-28 ta’ Ġunju 2018 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu ossaliku li joriġinaw mill-Indja u mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 165, 2.7.2018, p. 13).

(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1292/2007 tat-30 ta’ Ottubru 2007 li jimponi dazju definittiv ta’ anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġinaw fl-Indja, wara reviżjoni ta’ l-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, u li jtemm ir-reviżjoni parzjali interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, premessa (22) (ĠU L 288, 6.11.2007, p. 1).

(13)  Il-premessi (98) sa (101) tar-Regolament provviżorju dwar id-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni għal LCLA bi żball tpoġġew fit-Taqsima 3.1.3 (il-prezz tal-esportazzjoni tar-Renju tal-Arabja Sawdija) meta dawn huma relatati mad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni għall-Istati Uniti tal-Amerka (it-Taqsima 3.2.3).

(14)  Ma hemm l-ebda produzzjoni tal-MEG fir-Renju Unit.

(15)  t21.003640.

(16)  Ir-Rapport tal-Bord, il-Komunitajiet Ewropej — Dazji Anti-dumping fuq Fittings tat-Tubi jew tal-Pajpijiet tal-Ħadid Fondut li Jista’ Jiġi Ffurmat mill-Brażil, WT/DS219/R, il-paragrafu 7.242.

(17)  Ir-Rapport tal-Korp tal-Appell, Il-Messiku — Miżuri Anti-dumping Definittivi fuq iċ-Ċanga u r-Ross, Ilment fir-Rigward tar-Ross, WT/DS295/AB/R, il-paragrafu 183.

(18)  Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, Il-Każ AT.40410 — Etilen, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52021AT40410(02)&from=EN

(19)  https://argkg.com/pipeline-network/

(20)  https://www.icis.com/explore/resources/news/2021/07/26/10666951/exxonmobil-sabic-jv-mechanically-completes-pe-eg-units-at-us-site https://www.spglobal.com/platts/en/market-insights/latest-news/petrochemicals/030421-factbox-meglobal-restarts-texas-meg-unit-tpc-expects-longer-restart-timeline http://www.mrcplast.com/news-news_open-358207.html

(21)  Rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO, L-Istati Uniti — Azzar Illaminat bis-Sħana, il-paragrafi 223 u 226.

(22)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52021AT40410(02)&from=EN

(23)  Orlen, “PKN ORLEN takes next step in its Petrochemical Development Programme”, https://www.orlen.pl/EN/PressOffice/Pages/PKN-ORLEN-takes-next-step-in-its-Petrochemical-Development-Programme.aspx

(24)  t21.006272.

(25)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1286 tat-30 ta’ Lulju 2019 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat (PET) li joriġina mill-Indja wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 202, 31.7.2019, p. 81).

(26)  Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, Direttorat G, Rue de la Loi 170, 1040 Brussell, Il-Belġju.

(27)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


ANNESS

Produtturi esportaturi mill-Istati Uniti li kkooperaw imma mhux inklużi fil-kampjun

Pajjiż

Isem

Kodiċi addizzjonali TARIC

Stati Uniti tal-Amerka

Indorama Ventures Oxides LLC

C681

Stati Uniti tal-Amerka

Equistar Chemicals, LP

C682

Stati Uniti tal-Amerka

Sasol Chemicals North America LLC

C683


Top