Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1849

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1849 tal-21 ta’ Ottubru 2021 li jikkoreġi ċerti verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/464 li jistabbilixxi ċerti regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dokumenti meħtieġa għar-rikonoxximent retroattiv tal-perjodi għall-konverżjoni, il-produzzjoni ta’ prodotti organiċi u l-informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/7475

    ĠU L 374, 22.10.2021, p. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1849/oj

    22.10.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 374/10


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1849

    tal-21 ta’ Ottubru 2021

    li jikkoreġi ċerti verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/464 li jistabbilixxi ċerti regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dokumenti meħtieġa għar-rikonoxximent retroattiv tal-perjodi għall-konverżjoni, il-produzzjoni ta’ prodotti organiċi u l-informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6), l-Artikolu 14(3), l-Artikolu 15(3), l-Artikolu 16(3), l-Artikolu 17(3) u l-Artikolu 26(7), il-punt (d) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-verżjonijiet lingwistiċi bil-Ġermaniż, bl-Ispanjol u bil-Malti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/464 (2) fihom żbalji fl-Artikolu 26(1) sa (7), billi dawk il-verżjonijiet lingwistiċi jirreferu għad-data tad-dħul fis-seħħ minflok għad-data tal-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

    (2)

    Jenħtieġ għalhekk li l-verżjonijiet lingwistiċi bil-Ġermaniż, bl-Ispanjol u bil-Malti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/464 jiġu kkorreġuti kif xieraq. Il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra mhumiex affettwati.

    (3)

    Il-miżuri li hemm provvediment għalihom f’dan ir-Regolament huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Produzzjoni Organika,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 26 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/464 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 26

    Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

    1.   B’deroga mit-Taqsima 3 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament, l-azjendi jew l-unitajiet tal-produzzjoni bil-ħnieżer f’faċilitajiet mibnija, irranġati mill-ġdid jew li jibdew jintużaw qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament b’konformità mar-Regolamenti (KE) Nru 834/2007 u (KE) Nru 889/2008 u li għalihom hija meħtieġa rikostruzzjoni maġġuri tal-faċilitajiet esterni sabiex ikun hemm konformità mar-rekwiżit li mill-inqas nofs is-superfiċje tal-ispazju fuq barra jikkonsisti minn kostruzzjoni solida kif stabbilit fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament, għandhom jikkonformaw ma’ dak l-Artikolu sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2030.

    2.   B’deroga mit-Taqsima 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament, l-azjendi jew l-unitajiet tal-produzzjoni bil-gallinari mibnija, irranġati mill-ġdid jew li jibdew jintużaw qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament b’konformità mar-Regolamenti (KE) Nru 834/2007 u (KE) Nru 889/2008, u li għalihom hija meħtieġa rinnovazzjoni tal-postijiet fejn joqogħdu l-annimali sabiex ikun hemm konformità mar-rekwiżit dwar it-tul ikkombinat għat-toqob minn fejn jgħaddu t-tjur mill-gallinar ta’ ġewwa għall-veranda kif stabbilit fil-punt (b) tal-Artikolu 15(2) ta’ dan ir-Regolament, għandhom jikkonformaw ma’ dak il-punt sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2025.

    3.   B’deroga mit-Taqsima 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament, l-azjendi jew l-unitajiet tal-produzzjoni bil-gallinari b’parti fuq barra li ġew mibnija, irranġati mill-ġdid jew li jibdew jintużaw qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament b’konformità mar-Regolamenti (KE) Nru 834/2007 u (KE) Nru 889/2008, u li għalihom huwa meħtieġ tnaqqis maġġuri tad-densità tal-ħżin fuq ġewwa jew rinnovazzjoni tal-bini biex jikkonformaw mar-rekwiżiti dwar il-kalkolu tad-densità tal-ħżin u s-superfiċji minimi fuq ġewwa kif stabbilit fil-Parti IV tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament filwaqt li jikkonformaw mal-punt (c) tal-Artikolu 15(2), għandhom jikkonformaw ma’ dawk id-dispożizzjonijiet sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2025.

    4.   B’deroga mit-Taqsima 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament, l-azjendi jew l-unitajiet tal-produzzjoni b’gallinari mibnija, irranġati mill-ġdid jew li jibdew jintużaw qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament b’konformità mar-Regolamenti (KE) Nru 834/2007 u (KE) Nru 889/2008, u li għalihom hija meħtieġa rinnovazzjoni tal-postijiet fejn joqogħdu l-annimali jew sostituzzjoni tat-tagħmir sabiex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti dwar il-partizzjoni solida stabbiliti fil-punt (c) tal-Artikolu 15(3) jew mar-rekwiżit dwar il-perċi jew il-livelli elevati fejn joqogħdu bilqiegħda kif stabbilit fl-Artikolu 15(5) ta’ dan ir-Regolament, għandhom jikkonformaw ma’ dawk id-dispożizzjonijiet sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2025.

    5.   B’deroga mit-Taqsima 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament, l-azjendi jew l-unitajiet tal-produzzjoni bil-gallinari b’ħafna livelli mibnija, irranġati mill-ġdid jew li jibdew jintużaw qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament b’konformità mar-Regolamenti (KE) Nru 834/2007 u (KE) Nru 889/2008, u li għalihom huwa meħtieġ arranġament mill-ġdid maġġuri tal-postijiet fejn joqogħdu l-annimali jew sostituzzjoni tat-tagħmir sabiex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti dwar l-għadd massimu ta’ livelli u dwar is-sistema għat-tneħħija tad-demel kif stabbilit fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 15(4) ta’ dan ir-Regolament, għandhom jikkonformaw ma’ dawk il-punti sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2030.

    6.   B’deroga mit-Taqsima 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament, l-azjendi jew l-unitajiet tal-produzzjoni bil-gallinari li għandhom spazji fil-miftuħ li jestendu iktar minn radju ta’ 150 m mill-eqreb toqba tal-ħruġ/dħul tal-gallinar mibnija, irranġati mill-ġdid jew li jibdew jintużaw qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament b’konformità mar-Regolamenti (KE) Nru 834/2007 u (KE) Nru 889/2008, u li għalihom huma meħtieġa adattamenti maġġuri tal-istruttura tal-faċilitajiet jew akkwist ta’ art addizzjonali sabiex jikkonformaw mar-rekwiżit dwar ir-radju massimu stabbilit fl-Artikolu 16(6) ta’ dan ir-Regolament, għandhom jikkonformaw ma’ dik id-dispożizzjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2030.

    7.   B’deroga mit-Taqsima 2 tal-Parti IV tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament, għall-azjendi jew l-unitajiet tal-produzzjoni li jipproduċu għattuq f’faċilitajiet tat-tjur mibnija, irranġati mill-ġdid jew li jibdew jintużaw qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament b’konformità mar-Regolamenti (KE) Nru 834/2007 u (KE) Nru 889/2008, u li għalihom huma meħtieġa adattamenti maġġuri tal-istruttura tal-gallinari jew akkwist addizzjonali tal-art sabiex ikun hemm konformità mar-regoli tat-Taqsima 2 tal-Parti IV tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament, għandhom jikkonformaw mad-densità tal-ħżin u s-superfiċje minima tal-ispazji fuq ġewwa u fuq barra għall-għattuq u s-sriedaq kif stabbilit fit-Taqsima 2 tal-Parti IV tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2030.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/464 tas-26 ta’ Marzu 2020 li jistabbilixxi ċerti regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dokumenti meħtieġa għar-rikonoxximent retroattiv tal-perjodi għall-konverżjoni, il-produzzjoni ta’ prodotti organiċi u l-informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri (ĠU L 98, 31.3.2020, p. 2).


    Top